Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Diċembru 2009 - De Post vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-514/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: De Post NV van publiek recht (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Martens u B. Schutyser, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jagħti l-kuntratt imsemmi fis-sejħa għall-offerti Nru 10234 "It-trasport u d-distribuzzjoni ta' kuljum tal-Ġurnal Offiċjali, kotba, kif ukoll perjodiċi oħra u pubblikazzjonijiet" (ĠU 2009/S 176-253034) lil "Entreprises des Postes et Télécommunications Luxembourg" u mhux lir-rikorrenti, kif din tal-aħħar ġiet innotifikata fis-17 ta' Diċembru 2009;

fil-każ li fiż-żmien li tingħata is-sentenza, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ikun diġà ffirma l-kuntratt ma' Entreprises des Postes et Télécommunications Luxembourg skont is-sejħa għal offerti Nru 10234, tiddikjara l-kuntratt null u bla effett;

kumpens għad-danni għat-telf subit mir-rikorrenti b'konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata, stmat b'mod provviżorju għal EUR 2 386 444.94, biż-żieda tal-interessi moratorji u komposti, mid-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi l-ispejjeż tal-parir legali sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem l-"Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet"), tas-17 ta' Diċembru 2009, li jagħti l-kuntratt imsemmi fis-sejħa għal offerti Nru 10234 "It-trasport u d-distribuzzjoni ta' kuljum tal-Ġurnal Offiċjali, kotba, kif ukoll perjodiċi oħra u pubblikazzjonijiet" (ĠU 2009/S 176-253034) lil Entreprises des Postes et Télécommunications Luxembourg (iktar 'il quddiem "Post Luxembourg") u, konsegwentement, li ma jagħtix il-kuntratt lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, kumpens tal-ammont stimat għal EUR 2 386 444.94 għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba ċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv wieħed li hu maqsum f'erba' partijiet.

L-ewwel u l-uniku motiv imressaq mir-rikorrenti jirrigwarda l-allegat ksur mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali tal-offerenti li jinsabu fl-Artikolu 15 TFUE u fl-Artikolu 89 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Finanzjarju") 1, il-ksur tal-obbligu li l-kuntratt jingħata abbażi ta' evalwazzjoni ta' kriterji tas-selezzjoni li jinsabu fl-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju, in-nuqqas ta' motivazzjoni xierqa għad-deċiżjoni tiegħu (ksur tal-Artikolu 296 TFUE) u diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li allegatament wettaq, li għaldaqstant jinvalidaw id-deċiżjoni tiegħu li l-offerta ta' Post Luxembourg hija l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża u mhux dik tar-rikorrenti.

Fl-ewwel parti tal-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet naqas milli jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-kriterji tas-selezzjoni u l-għoti, bi ksur tal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fl-evalwazzjoni tal-offerti, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet applika diversi subkriterji li ma kinux inkużi fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti u għaldaqstant, kiser il-prinċipju ta' trasparenza kif stabbilit mill-Artikolu 15 TFUE u l-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju.

Fit-tielet parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet applika il-kriterji miftuħa għall-għoti tekniċi b'mod inkonsistenti, u għalhekk effettivament elimina t-trasparenza mill-proċess ta' evalwazzjoni.

Fir-raba' parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, bi ksur tal-Artikoli 15 u 296 TFUE, l-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll tar-rekwiżiti proċedurali ġenerali tal-obbligu ta' motivazzjoni u ta' trasparenza, ma pprovdiex dikjarazzjoni ċara, u mhux ekwivoka, tar-raġunijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti, peress li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija allegatament kontradittorja u vvizzjata minn żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li peress li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tad-dritt Ewropew, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet wettaq żball, u konsegwentement huwa responsabbli taħt l-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, ir-rikorrenti sosstni li minħabba d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-Post Luxembourg minflok lir-rikorrenti, din tal-aħħar batiet telf serju, li jinkludi l-opportunità li l-kuntratt jingħata lilha u l-ispejjeż kollha li għamlet sabiex tipprepara u tfassal l-offerta, kif ukoll sabiex tiddefendi l-pożizzjoni tagħha.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)