Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2009 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti fis-7 ta' Ottubru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-122/07, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-516/09 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

fi kwalunkwe każ: tannulla d-digriet ikkontestat fl-intier tiegħu u mingħajr l-ebda eċċezzjoni;

tiddikjara li r-rikors tal-ewwel istanza, li wassal għad-digriet ikkontestat, kien perfettament ammissibbli fl-intier tiegħu u mingħajr l-ebda eċċezzjoni;

prinċipalment, tilqa' fl-intier tagħha u mingħajr l-ebda eċċezzjoni t-talba tal-appellant li tinsab fir-rikors tal-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż, id-drittijiet u l-onorarji kollha li dan tal-aħħar sofra fl-istanzi kollha tal-kawża inkwistjoni;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kompost b'mod differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid il-mertu tagħha;

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa dirett kontra d-digriet mogħti fis-7 ta' Ottubru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-122/07. Dan id-digriet ċaħad, bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt, rikors li kellu bħala suggett, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-appellata ċaħdet it-talba tal-appellant sabiex titwettaq investigazzjoni dwar ċerti fatti li seħħew lill-appellant matul is-snin 2001 u 2003, kif ukoll il-kundanna tal-appellata għall-kumpens għad-danni morali li huwa sofra.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni żnaturament u deformazzjoni tal-fatti fid-digriet ikkontestat, kif ukoll interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-atti.

____________