Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2010 - Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-119/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels, Y. de Vries u J. Langer, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)10712, tat-23 ta' Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt il-Programm ta' Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C "Inondation Rhin-Meuse", fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)3742, tat-18 ta' Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008).

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq seba' motivi:

ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 1 minħabba li t-tnaqqis finanzjarju ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' estrapolazzjoni minkejja li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda bażi sabiex isir dan;

ksur tal-Artikolu 24(2) u (3) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba li ġie impost tnaqqis finanzjarju b'rata fissa minkejja li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda bażi sabiex isir dan;

ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali minħabba li ġew imposti obbligi fuq Stat Membru billi sar riferiment għal ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet sussegwenti għall-impożizzjoni ta' dawn l-obbligi, obbligi li, fil-mument meta ġew imposti, ma kinux ċari, preċiżi u prevedibbli għall-Istati Membri;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba l-impożizzjoni ta' tnaqqis finanzjarju ta' 25 % tan-nefqa ddikjarata fir-rigward ta' kuntratti li fil-kuntest tagħhom kien hemm nuqqas ta' konformità ma' prinċipji ġenerali bħalma huma l-prinċipji ta' trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba l-impożizzjoni ta' tnaqqis finanzjarju ta' 100 % tan-nefqa ddikjarata fir-rigward ta' kuntratti li jaqbżu l-valuri limiti tad-Direttiva 93/37/KEE 2, tad-Direttiva 93/36/KEE 3 jew tad-Direttiva 92/50/KEE 4, u li ngħataw mingħajr kompetizzjoni;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni minħabba li ma ġiex spjegat kif kienet iddeterminata l-portata tat-tnaqqis b'rata fissa;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni minħabba l-impożizzjoni ta' tnaqqis għal proġetti speċifiċi mingħajr ma ngħataw raġunijiet suffiċjenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).

2 - Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).

3 - Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110).

4 - Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).