Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (i l-Polonja) fil-21 ta’ Lulju 2023 – E. S.A. vs W. sp. z o.o. u Bank S.A.

(Kawża C-459/23, E.)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E. S.A.

Konvenut: W. sp. z o.o., Bank S.A.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-Kawża C-487/19 W.Ż. għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) bħala ġudikant temporanju f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr il-kunsens tiegħu tikser il-prinċipju ta’ irremovibbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin b’mod analogu għat-trasferiment ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja bejn żewġ diviżjonijiet tal-istess qorti, fejn:

- l-imħallef ikun ġie assenjat biex jiddeċiedi f’kawżi li s-suġġett tagħhom ma jkoprix il-kompetenzi sostantivi tal-awla li fi ħdanha l-imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) nħatar bħala ġudikant;

- mid-deċiżjoni ta’ tali assenjazzjoni lill-imħallef ma jiġi żgurat ebda rimedju ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 118 tas-sentenza fil-Kawża C-487/19 W.Ż.;

- l-ordni tal-President Ewlieni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra kif ukoll l-ordni tal-President inkarigat mill-ħidma tal-Izba Cywilna Sądu Najwyższego (l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni ta’ kawżi speċifiċi ngħataw minn persuni maħtura f’pożizzjonijiet ġudizzjarji tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) taħt l-istess ċirkustanzi bħal dawk fil-Kawża C-487/19 W.Ż., u fid-dawl tal-ġurisprudenza disponibbli dwar proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu tali persuni dawn l-ordnijiet huma invalidi jew jiksru d-dritt għal smigħ xieraq tal-parti kkonċernata taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB;

- l-assenjazzjoni ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu bħala ġudikant għal żmien determinat f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minbarra dik li fiha jippresta servizz, filwaqt li jinżamm l-obbligu li jagħti deċiżjoniijiet fl-awla oriġinali, ma għandhiex bażi fid-dritt nazzjonali;

- l-assenjazzjoni ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu bħala ġudikant għal terminu speċifiku f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minbarra dik li fiha jagħti servizz, tikser l-Artikolu 6b tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 ?

Indipendentement mir-risposta għall-ewwel domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex tribunal “imwaqqaf bil-liġi” qorti li l-formazzjoni ġudikanti tagħha hija kkostitwita b’riżultat ta’ ordni tal-President Ewlieni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll l-ordni tal-President inkarigat mill-ħidma tal-Izba Cywilna Sądu Najwyższego (l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni ta’ kawżi speċifiċi minn persuni maħtura f’pożizzjonijiet ġudizzjarji tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) taħt l-istess ċirkustanzi bħal dawk fil-Kawża C-487/19 W.Ż., meta l-ġurisprudenza disponibbli turi li l-proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu tali persuni maħtura huma invalidi jew jiksru d-dritt għal smigħ xieraq tal-parti kkonċernata taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda jew risposta għat-tieni domanda fis-sens li qorti stabbilita b’dan il-mod ma hijiex tribunal “mwaqqaf bil-liġi”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imħallfin maħtura fil-formazzjoni ġudikanti ta’ qorti stabbilita skont kif imsemmi fid-domanda 1 u 2 jistgħu jirrifjutaw li jaġixxu f’kawżi assenjati lilhom, inkluż li jirrifjutaw li jagħtu deċiżjonijiet, billi jqisu bħala ineżistenti l-ordni dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll dwar l-assenzjazzjoni ta’ kawżi konkreti, jew għandhom jagħtu deċiżjoni fejn iħallu għad-diskrezzjoni tal-partijiet id-deċiżjoni jekk għandhomx eventwalment jikkontestaw billi jnvokaw ksur tad-dritt tal-parti kkonċernata li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-qorti li qed tagħmel id-domanda hija tribunal imwaqqaf bil-liġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 3(3)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 20 u mal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża pubblika, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, li topera fil-qasam tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ elettriku, għandha obbligu takkwista, permezz ta’ kuntratt pubbliku, ċertifikati ekoloġiċi msemmija fl-Artikolu 2(k) sa (l) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE 2 ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 14 moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li skont il-modalitajiet previsti għall-kuntratti pubbliċi għandu jiġi konkluż kuntratt qafas bejn tali impriża u produttur tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fejn (minkejja li mhux speċifikat fil-kuntratt) l-istima tal-valur totali taċ-ċertifikati ekoloġiċi akkwistati taħt dan il-kuntratt jeċċedi l-limitu stabbilit fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-valur ta’ tranżazzjoni individwali konkluża għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt ma jeċċedix dan il-limitu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ u għall-ħames domanda, il-konklużjoni ta’ kuntratt fejn jitħallew barra d-dispożizzjonijiet kollha marbuta ma’ kuntratti pubbliċi huwa każ li jaqa’ taħt l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni 1 , jew inkella dan huwa każ differenti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li jippermetti li l-kuntratt jiġi ddikjarat invalidu barra mill-proċedura prevista fid-dritt nazzjonali li timplimenta l-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’, il-ħames u s-sitt domanda, il-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi l-abbuż ta’ drittijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża kontraenti bħal dik imsemmija taħt l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17 ma tistax titlob in-nullità tal-kuntratt konkluż minnha mal-fornitur bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw direttivi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, meta r-raġuni vera għat-talba għal nullità tal-kuntratt ma hijiex l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni iżda t-tnaqqis ta’ profittabbiltà tat-twettiq tiegħu mill-impriża kontraenti?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19.

1 ĠU 2009, L 140, p. 16.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315.