Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fl-20 ta’ Lulju 2023 – G.T. vs T. S.A.

(Kawża C-455/23, Garera 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: G.T.

Konvenut: T. S.A.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-Kawża C-487/19 W.Ż. għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) bħala ġudikant temporanju f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr il-kunsens tiegħu tikser il-prinċipju ta’ irremovibbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin b’mod analogu għat-trasferiment ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja bejn żewġ diviżjonijiet tal-istess qorti, fejn:

- l-imħallef ikun ġie assenjat biex jiddeċiedi f’kawżi li s-suġġett tagħhom ma jkoprix il-kompetenzi sostantivi tal-awla li fi ħdanha l-imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) nħatar bħala ġudikant;

- mid-deċiżjoni ta’ tali assenjazzjoni lill-imħallef ma jiġi żgurat ebda rimedju ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 118 tas-sentenza fil-Kawża C-487/19 W.Ż.;

- l-ordni tal-President Ewlieni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra kif ukoll l-ordni tal-President inkarigat mill-ħidma tal-Izba Cywilna Sądu Najwyższego (l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni ta’ kawżi speċifiċi ngħataw minn persuni maħtura f’pożizzjonijiet ġudizzjarji tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) taħt l-istess ċirkustanzi bħal dawk fil-Kawża C-487/19 W.Ż., u fid-dawl tal-ġurisprudenza disponibbli dwar proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu tali persuni dawn l-ordnijiet huma invalidi jew jiksru d-dritt għal smigħ xieraq tal-parti kkonċernata taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB;

- l-assenjazzjoni ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu bħala ġudikant għal żmien determinat f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minbarra dik li fiha jippresta servizz, filwaqt li jinżamm l-obbligu li jagħti deċiżjonijiet fl-awla oriġinali, ma għandhiex bażi fid-dritt nazzjonali;

- l-assenjazzjoni ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu bħala ġudikant għal terminu speċifiku f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minbarra dik li fiha jagħti servizz, tikser l-Artikolu 6b tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 ?

Indipendentement mir-risposta għall-ewwel domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex tribunal “imwaqqaf bil-liġi” qorti li l-formazzjoni ġudikanti tagħha hija kkostitwita b’riżultat ta’ ordni tal-President Ewlieni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll l-ordni tal-President inkarigat mill-ħidma tal-Izba Cywilna Sądu Najwyższego (l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema) dwar l-assenjazzjoni ta’ kawżi speċifiċi minn persuni maħtura f’pożizzjonijiet ġudizzjarji tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) taħt l-istess ċirkustanzi bħal dawk fil-Kawża C-487/19 W.Ż., meta l-ġurisprudenza disponibbli turi li l-proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu tali persuni maħtura huma invalidi jew jiksru d-dritt għal smigħ xieraq tal-parti kkonċernata taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda jew risposta għat-tieni domanda fis-sens li qorti stabbilita b’dan il-mod ma hijiex tribunal “imwaqqaf bil-liġi”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imħallfin maħtura fil-formazzjoni ġudikanti ta’ qorti stabbilita skont kif imsemmi fid-domanda 1 u 2 jistgħu jirrifjutaw li jaġixxu f’kawżi assenjati lilhom, inkluż li jirrifjutaw li jagħtu deċiżjonijiet, billi jqisu bħala ineżistenti l-ordni dwar l-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll dwar l-assenzjazzjoni ta’ kawżi konkreti, jew għandhom jagħtu deċiżjoni fejn iħallu għad-diskrezzjoni tal-partijiet id-deċiżjoni jekk għandhomx eventwalment jikkontestaw billi jinvokaw ksur tad-dritt tal-parti kkonċernata li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.