Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Ġunju 2011 - Wessang vs UASI - Greinwald (star foods)

(Kawża T-333/11)

Lingwa tar-rikors: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Nicolas Wessang (Zimmerbach, Franza) (rappreżentant: A. Grolée, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Greinwald GmbH (Kempten, il-Ġermanja)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell tal-UASI fil-15 ta' April 2011;

taqta' u tiddeċiedi li huwa l-UASI li għandu jieħu l-miżuri għall-implementazzjoni tal-imsemmija sentenza li tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq u għalhekk li jilqa' l-oppożizzjoni mressqa minn N. Wessang fis-26 ta' Settembru 2005 kontra applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark STAR FOODS bi grafika Nru 4 105 615;

taqta' u tiddeċiedi li huwa l-UASI li għandu jieħu l-miżuri għall-implementazzjoni ta' din is-sentenza li tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq u għalhekk tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark STAR FOODS bi grafika Nru 4 105 615 fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-kumpannija GREINWALD GmbH u l-UASI in solidum, għall-ispejjeż kollha sostnuti minn N. Wessang fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-proċedimenti tal-appell u din il-proċedura;

tikkundanna lill-kumpannija GREINWALD GmbH għall-ispejjeż kollha li sostniet fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-proċedimenti tal-appell u din il-proċedura;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż kollha li sostna fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-proċedimenti tal-appell u din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: Greinwald GmbH

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark figurattiva "star foods" għal prodotti fil-klassijiet 29, 30 u 32 -Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4 105 615

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrent

Trade mark jew sinjal invokat: Trade marks figurattivi u verbali Komunitarji "STAR SNACKS" għal prodotti fil-klassijiet 29, 30 u 31

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Oppożizzjoni miċħuda; deċiżjoni meħuda wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-11 ta' Mejju 2010 fil-Kawża T-492/08, Wessang vs UASI - Greinwald (star foods)

Motivi invokati: Ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f'kunflitt u li, għalhekk, il-Bord tal-Appell kellu kompetenza limitata wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrent għalhekk iqis li l-Bord tal-Appell qabeż il-kompetenzi tiegħu meta reġa' ddeċieda l-każ fl-intier tiegħu.

____________