Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ġunju 2011 - Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/11)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: Tsvetko Ivanovu u Elina Petranova)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument numru C(2011) 2517]

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument numru C(2011) 2517 1] sa fejn din tikkonċerna lir-Repubblika tal-Bulgarija jew, sussidjarjament,

tnaqqas il-korrezzjoni ta' 10 %, applikata fuq l-ispejjeż taħt l-iskema ta' pagament uniku fuq l-erja fil-kuntest tal-FAEGG għal 5 %, kif ukoll il-korrezzjoni tal-10 % fil-kuntest tal-FAEŻR, Assi 2 ("Titjib tal-ambjent u tal-kampanja") tal-programm Bulgaru ta' żvilupp rurali, għal 5 %, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 2

L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni ma urietx ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mwettqa mill-Bulgarija. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjonijiet finanzjarji ta' 10 % għall-ispejjeż taħt l-iskema ta' ħlas uniku fuq l-erja u taħt l-Assi 2 ("Titjib tal-ambjent u tal-kampanja") tal-programm Bulgaru ta' żvilupp rurali, għal raġunijiet ta' dgħufija allegata fil-funzjonament tal-LPIS-GIS, bil-konsegwenza li jkun impossibbli li jitwettaq kontroll "ewlieni", liema impossibbiltà tikkonferma funzjonament ħażin serju fis-sistema ta' kontroll, li wassal għal riskju kbir ta' telf sostanzjali għall-Fondi. Ġiet proposta wkoll korrezzjoni ta' 5 % għall-aġġustamenti għall-pagamenti diretti, minħabba tali nuqqasijiet fil-funzjonament tal-LPIS-GIS. Ir-rikorrenti tipproduċi sett ta' data u ta' elementi fattwali li jikonfermaw li kienu twettqu kontrolli amministrattivi ta' verifika u fuq il-post, liema kontrolli jikkontradixxu l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li f'dak li jikkonċerna l-ammonti esklużi mill-finanzjament, la n-natura u lanqas il-gravità tal-ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma ġew evalwati b'mod korrett mill-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li kien twettaq kontroll "ewlieni" iktar approfondit minn dak meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti u li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' tali kontroll ma jirriflettix is-sitwazzjoni reali tas-sistemi ta' kontroll fir-Repubblika tal-Bulgarija.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-riskju li jseħħ dannu għall-baġit tal-Unjoni ma ġiex evalwat b'mod korrett. Hija tressaq it-teżi li l-Kummissjoni wettqet żball dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport finali tal-Korp ta' Konċiljazzjoni fil-Każ 10/BG/442, fejn huwa espressament indikat li l-awtoritajiet Bulgari kkontrollaw il-mergħat permanenti kollha fuq il-post.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Skont ir-rikorrenti, li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll fuq il-ħtieġa tal-Qorti Ġenerali li tagħmel żgur li l-ammont tal-korrezzjoni jkun marbut b'mod ċar mad-dannu eventwali għall-Unjoni, il-perċentwali tal-korrezzjoni finanzjarja għandu jkun proporzjonat mal-irregolaritajiet ikkonstatati u mar-riskju għall-baġit tal-Unjoni. Il-korrezzjonijiet imposti f'dan il-każ imorru lil hinn mil-limiti xierqa u li huma meħtieġa għat-twettiq tal-għan tal-proċedura ta' clearance, raġuni li minħabba fiha dawn għandhom jitnaqqsu.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni fixklet il-prinċipju ta' ċertezza legali permezz tan-nuqqas ta' osservanza tal-linji gwida li hija stess stabbilixxiet fid-dokument VI/5530/97 3. Fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Bulgari wettqu kontroll ewlieni, il-Kummissjoni kellha, billi tibbaża ruħha fuq id-dokument iċċitat iktar 'il fuq, tistabbilixxi korrezzjonjiet finanzjari ta' 5 % minflok ta' 10 % għall-ispejjeż taħt l-iskema ta' pagament uniku fuq l-erja u taħt l-Assi 2 ("Titjib tal-ambjent u tal-kampanja") tal-programm Bulgaru ta' żvilupp rurali.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi tliet regoli li hija tistqarr li ma ġewx osservati mir-Repubblika tal-Bulgarija jimponu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri, obbligi li huma differenti minn dawk li jissemmew fil-komunikazzjoni uffiċjali. Mhux biss tnejn mit-tliet regoli msemmija ma humiex previsti espressament fir-regolamenti rilevanti, iżda lanqas ma jeżistu kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom. Għal dak li jirrigwarda t-tielet regola, hemm ukoll nuqqas ta' kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward tal-implementazzjoni ta' din ir-regola. Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li hija ssodisfat il-ħtiġiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 796/2004 4.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE

Id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea xi spejjeż imġarrba mir-Repubblika tal-Bulgarija, li jammontaw għal EUR 24 543 106.87. Skont ir-rikorrenti, billi d-deċiżjoni adottata tikkawżalha dannu, il-ksib min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, ta' spjegazzjonijiet debitament immotivati dwar ir-raġunijiet tal-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji huwa ta' interess kbir għall-Bulgarija. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma esponietx b'mod ċar u mingħajr ekwivoċi biżżejjed ir-raġunijiet tal-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, u li għaldaqstant, hija ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrenti.

____________

1 - ĠU L 102, p. 33.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2010, L 286M, p. 1).

3 - Dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5530/97, tat-23 ta' Diċembru 1997, "Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji matul il-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta' clearance tal-kontijiet tat-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG".

4 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta' April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 3, Vol. 44, p. 243).