Language of document : ECLI:EU:F:2015:101

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Settembru 2015

Kawża F‑28/14

Stéphane De Loecker

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-SEAE – Membru tal-persunal temporanju – Kap ta’ delegazzjoni f’pajjiż terz – Ksur tar-rabta ta’ fiduċja – Trasferiment lejn is-sede tal-SEAE – Rexissjoni bikrija ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ – Preavviż – Motivazzjoni tad-deċiżjoni – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih S. De Loecker jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar 'il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”), tal-20 ta’ Diċembru 2013, li ttemm, b’effett mill-31 Marzu 2014, il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, l-annullament tad-deċiżjonijiet tar-Rappreżentant Għoli li rrifjutaw li jinstema’ l-ilment tiegħu dwar fastidju kontra d-Direttur Ġenerali Amministrattiv Uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li tiċħad it-talba tiegħu li jinħatar investigatur estern ta’ livell għoli ħafna sabiex jeżamina dan l-ilment u li jittratta l-imsemmi ilment bħala talba għal assistenza mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. S. De Loecker għandu jbatu l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż kollha tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rifjut li l-persuna kkonċernata tingħata intervista sabiex tkun informata bir-raġunijiet preċiżi tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha – Deċiżjoni ta’ trasferiment li diġà hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt li ma jinsabux fil-fajl personali tiegħu, iżda li qabel inġiebu għall-konoxxenza tal-persuna kkonċernata – Legalità – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 26 u 90(1); Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 11)

3.      Uffiċjali – Fajl personali – Dokumenti li għandhom jinsabu fil-fajl – Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal – Kunċett – Rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva – Esklużjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni li tindika nuqqasijiet serji ta’ uffiċjal – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(a) u Anness IX, Artikolu 2(2))

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien determinat – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni wara li l-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha – Portata – Ksur – Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 47(b)(ii))

1.      Jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju u, għaldaqstant, atti li jistgħu jiġu kkontestati dawk il-miżuri biss li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar.

F’dan ir-rigward, rifjut tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tagħti intervista lil membru tal-persunal temporanju li jitlob li jinstema’ sabiex ikun informat dwar ir-raġunijiet speċifiċi għat-trasferiment tiegħu mill-post li għaliha kien ġie rreklutat għal post ieħor ma huwiex att li jikkawża preġudizzju meta d-deċiżjoni tat-trasferiment kienet diġà s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fil-fatt, tali rifjut isegwi l-estensjoni tad-deċiżjoni li l-persuna kkonċernata tiġi assenjata mill-ġdid u jidher li huwa biss sempliċi miżura ta’ prekawzjoni ddestinata li tippreżerva l-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest tar-rikors għal annullament, dak iż-żmien pendenti, li sar kontriha.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet tat-13 ta’ Lulju 2004, Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni, T‑29/03, EU:T:2004:235, punt 29, u s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 67

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, EU:T:2010:215, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Labiri vs KESE, F‑124/10, EU:F:2013:21, punt 42

2.      L-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanji skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, għandu l-għan li jiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, billi jiġi evitat li deċiżjonijiet meħuda mill l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u li jaffettwaw l-istatus amministrattiv tagħhom u l-karriera tagħhom ma jkunux ibbażati fuq fatti li jikkonċernaw il-kompetenza, l-effiċjenza jew il-kondotta tagħhom mhux imsemmija fil-fajl personali tagħhom. Minn dan isegwi li deċiżjoni bbażata fuq fatti bħal dawn tikser il-garanziji tar‑Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi annullata għaliex adottata fuq il-bażi ta’ proċedura vvizzjata b’illegalità.

Madankollu, il-ksur tal-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal iwassal għall-annullament ta’ att biss jekk jiġi stabbilit li d-dokumenti kkonċernati setgħu ikollhom impatt deċiżiv fuq l-att inkwistjoni. Is-sempliċi fatt li tali dokumenti ma jkunux tqiegħdu fil-fajl personali tal-uffiċjal ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, jekk dawn ikunu effettivament għall‑konoxxenza tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-projbizzjoni li kontra uffiċjal jintużaw dokumenti li jikkonċernaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu tolqot biss id-dokumenti li kienu ġew ikkomunikati lilu minn qabel. Ma japplikax għad-dokumenti li, għalkemm inġiebu għall-konoxxenza tiegħu, għadhom ma tqiegħdux fil-fajl personali tiegħu. Fil-każ li l-istituzzjoni ma tkunx tqiegħdet tali dokumenti fil-fajl personali tal-uffiċjal, dan tal-aħħar dejjem ser ikun jista’ jressaq talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Personal u, fil-każ ta’ ċaħda, ilment amministrattiv. Iżda, f’ebda każ, l-istituzzjoni ma tkun ostakolata milli tieħu deċiżjoni fl-interess tas-servizz abbażi ta’ dokumenti kkomunikati minn qabel lill-persuna kkonċernata għas-sempliċi motiv li huma ma kinux tqiegħdu fil-fajl personali tiegħu.

(ara l-punti 74 u 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punt 68

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bianchi vs ETF, F‑38/06, EU:F:2007:117, punt 45

3.      L-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Personal fih innifsu ma jobbligax lill-amministrazzjoni li tqiegħed fil-fajl personali kull dokument ta’ kwalunkwe tip relatat ma’ uffiċjal. B’hekk jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa waħda, id-“dokumenti”, li għandhom jinsabu fil-fajl personali biss jekk huma jinteressaw is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal ikkonċernat, u r-“rapporti”, li għandhom ikunu ddepożitati biss jekk dawn jirrelataw għall-ħila, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu u, min-naħa l-oħra, kull dokument ieħor relatat mal-uffiċjal ikkonċernat. Fir-rigward ta’ tali rapporti, l-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Personal huwa maħsub sabiex jirreferi għal dokumenti formali ta’ natura uffiċjali li għandhom bħala għan il-ħila, l-effiċjenza jew il-kondotta tal-uffiċjal.

Madankollu, l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxix lil istituzzjoni milli tinvestiga u tibni fajl għal dan il-għan u li l-uniċi dokumenti relatati ma’ din l-investigazzjoni li għandhom jiġu mehmuża mal-fajl tal-uffiċjal huma l-eventwali deċiżjonijiet ta’ sanzjoni meħuda abbażi ta’ dan il-fajl.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax li l-amministrazzjoni hija marbuta li ddaħħal fil-fajl personali ta’ uffiċjal, wara komunikazzjoni, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar l-istess uffiċjal. B’applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-obbligu tal-amministrazzjoni fi tmiem investigazzjoni jikkonsisti f’li jinforma lill-persuna kkonċernata bil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni u huwa biss fuq talba ta’ din tal-aħħar u suġġett għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-partijiet terzi li hija tikkomunika, barra minn hekk, id-dokumenti kollha relatati direttament mal-allegazzjonijiet li saru kontriha.

Kwalunkwe dokument li jista’ jkollu impatt deċiżiv fuq id-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha, bħala regola ġenerali, tkun ġiet ikkomunikata lill-uffiċjal ikkonċernat, u wara titqiegħed fil-fajl personali tiegħu. Minkejja li ma jikkostitwixxix rapport dwar il-ħila, l-effiċjenza jew il-kondotta tal-uffiċjal ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, din il-komunikazzjoni u din l-inklużjoni fil-fajl individwali huma meħtieġa madankollu għar-rapport ta’ evalwazzjoni li turi nuqqasijiet serji tal-uffiċjal ikkonċernat, ladarba dan ir-rapport jista’ jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li jitkeċċa jew le.

(ara l-punti 75, 77, 78 u 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, EU:C:1996:434, punt 67

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 36 ; tal-20 ta’ Settembru 2001, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑344/99, EU:T:2001:237, punt 66, u tal-5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho u Il-Kummissjoni vs Il-Kummissjoni u de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, EU:T:2009:382, punt 96

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2014, De Loecker vs SEAE, F‑78/13, EU:F:2014:246, punt 50, u tal-15 ta’ April 2015, Pipiliagkas vs Il-Kummissjoni, F‑96/13, EU:F:2015:29, punt 48

4.      Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tagħti l-opinjoni tagħha qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin. Barra minn hekk, ir-rispett tad-dritt ta’ smigħ japplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix speċifikament tali formalità. Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tressaq, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha .

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni li xxolji l-kuntratt ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra hija miżura individwali li taffettwa b’mod ħażin il-membru tal-persunal ikkonċernat. Il-persuna kkonċernata għandha għaldaqstant tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdix b’mod speċifiku għal tali dritt.

Fil-fatt, ir-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tal-aħħar tiġi adottata għandha l-għan li tqiegħed lill-awtorità kkonċernata f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-imsemmi destinatarju, hija għandha b’mod partikolari l-għan li huwa jkun jista’ jikkoreġi żball jew iressaq dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma titteħidx jew li jkollha kontenut partikolari.

Madankollu, sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti.

Ladarba deċiżjoni ta’ tkeċċija ġiet adottata mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun instemgħet u miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li tali smigħ qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma setax iwassal sabiex jikkonvinċi lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li ma tkeċċix lill-persuna kkonċernata qabel tmiem il-kuntratt tagħha, ma hemmx lok li tannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-persuna kkonċernata, impjegata sabiex twettaq funzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ ġestjoni bħala kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea, wriet nuqqasijiet serji fil-ġestjoni ta’ din id-delegazzjoni, li wasslu għal telf ta’ fiduċja fl-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ fil-kapaċitajiet tagħha li tamministra delegazzjoni, u meta din il-persuna kkonċernata instemgħet, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fuq in-nuqqasijiet tagħha bħala kap ta’ delegazzjoni.

F’tali ċirkustanzi, id-dmir ta’ premura tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ fir-rigward tal-persuna kkonċernata ma jistax jiġi estiż sabiex din l-awtorità tkun obbligata li żżommha fil-kariga sat-tmiem tal-kuntratt tagħha minkejja li, anki jekk il-persuna kkonċernata tkun instemgħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, hija fi kwalunkwe każ tkun iddeċidiet li tkeċċiha qabel ma jiskadi l-kuntratt tagħha.

(ara l-punti 122 sa 124, 127, 128 u 133)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49 ; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C :2009:598, punt 83, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 39 u 79

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punti 34 u 38; tal-14 ta’ Mejju 2014, Delcroix vs SEAE, F‑11/13, EU:F:2014:91, punt 42 ; tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 46, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Wahlström vs Frontex, F‑117/13, EU:F:2014:215, punt 28