Language of document : ECLI:EU:T:2009:492

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark Komunitarja verbali Stella – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija qabel abbażi ta’ din it‑trade mark – Ammissibbiltà – Artikolu 50(1) u Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑27/09,

Stella Kunststofftechnik GmbH, stabbilita f’Eltville (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Beckensträter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Führer u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Stella Pack S.A., stabbilita f’Lubartów (il-Polonja), irrappreżentata minn O. Bischof, avukat,

li għandha bħal suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal‑Appell tal-UASI, tat-13 ta’ Novembru 2008 (Każ R 693/2008-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Stella Kunststofftechnik GmbH u Stella Pack sp. z o.o.,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ April 2009,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill‑partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha ġew innotifikati bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal‑Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti, Stella Kunststofftechnik GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. Wara rettifika, id-data tal-preżentazzjoni ġiet stabbilita għat-22 ta’ Lulju 1996, b’mod konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 27 tar‑Regolament Nru 207/2009) u mar-Regola 9 tar‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s‑sinjal verbali Stella.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 6, 8, 16, 20 u 21, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 6: “Prodotti tal-metall (jekk inklużi fil-klassi 6), b’mod iktar partikolari reċipjenti, fliexken, oġġetti għall-ippakkjar, oġġetti għall-għeluq u fojl għall-ippakkjar, oġġetti għall-għeluq ta’ reċipjenti u ta’ fliexken, għotjien għall-issiġillar, għotjien tal‑metall, laned u reċipjenti”;

–        klassi 8: “Għodod u strumenti tal-idejn, b’mod iktar partikolari lever presses”;

–        klassi 16: “Karti, kartonċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (jekk inklużi fil-klassi 16), b’mod iktar partikolari reċipjenti u oġġetti għall-ippakkjar; materjal tal-ippjakkar tal-plastik (jekk inkluż fil-klassi 16), reċipjenti u oġġetti tal-ippakkjar tal-karta u tal-plastik kif ukoll tal-kartun u tal-plastik”;

–        klassi 20: “Prodotti inklużi fil-klassi 20 magħmula mill-plastik, fliexken, reċipjenti, oġġetti għall-ippakkjar u oġġetti għall-għeluq, oġġetti għall-għeluq ta’ reċipjenti u ta’ fliexken, għotjien għall-issiġillar”;

–        klassi 21: “Reċipjenti u fliexken tal-ħġieġ, magħmula mill-plastik u/jew mill-ħġieġ u mill-plastik”.

4        Il-trademark ġiet irreġistrata fid-19 ta’ Settembru 2001, bħala trademark Komunitarja (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”).

5        Fil-11 ta’ Mejju 2004, l-intervenjenti, Stella Pack S.A. (li qabel kienet Stella Pack sp. z o.o.), ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, skont ir‑Regolament Nru 40/94.

6        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva li tinkludi l-element “Stella pack”.

7        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 4, 6, 16, 20 u 21 skont il-Ftehim ta’ Nice, u jikkorrrispondu mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 4: “Xemgħat”;

–        klassi 6: “Folji tal-metall għall-ippakkjar”;

–        klassi 16: “Folji, basktijiet kbar u żgħar tal-plastik għall-ippakkjar (boroż jew basktijiet li jinġarru); karti; basktijiet tal-karta kbar u żgħar għall-ippakkjar; basktijiet kbar u żgħar tal-karta jew tal‑plastik għaż-żibel; filtri tal‑kafè tal-karta; dvalji tal-karta”;

–        klassi 20: “Stros tal-plastik”;

–        klassi 21: “Ingwanti għall-użu fid-dar; ingwanti għall-użu fil‑ġonna; oġġetti tal-plastik li bihom thejji l-mejda, inklużi l‑maggijiet, platti, skutelli; pożati tal-plastik; filtri tal-kafè mhux tal-elettriku; stikkadenti; sfiefed; pożati għat-tħawwid; tazzi tal-ġelati (inklużi dawk f’forom speċjali); labar tal-inxir; drapp; sponoż; moppijiet.”

8        Fis-27 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti għamlet oppożizzjoni, skont l‑Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41(1) tar‑Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva mitluba mill-intervenjenti.

9        L-oppożizzjoni, ibbażata fuq it-trade mark inkwistjoni, saret kontra r‑reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba mill-intervenjenti għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu taħt il-klassijiet 6, 16 u 21 skont il-Ftehim ta’ Nice:

–        klassi 6: “Folji tal-metall għall-ippakkjar”;

–        klassi 16: il-prodotti kollha li jaqgħu taħt din il-klassi, bl-eċċezzjoni tad‑“dvalji tal-karta”;

–        klassi 21: “Oġġetti tal-plastik li bihom thejji l-mejda, inklużi l-maggijiet, platti, skutelli; filtri tal-kafè, pożati tal-plastik, sfiefed, pożati għat-tħawwid, tazzi tal-ġelati”.

10      Fit-22 ta’ Diċembru 2006, l-intervenjenti ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni, skont l‑Artikolu 50(1)(a) u l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009].

11      Fis-27 ta’ Frar 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, wara li kkunsidrat li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx ġiet użata b’mod ġenwin għal ċerti prodotti, iddikjarat ir-revoka ta’ din it-trade mark, b’effett mit-22 ta’ Diċembru 2006, għall-prodotti li ġejjin: “Il‑prodotti tal-metall (jekk inklużi fil‑klassi 6), għodda u strumenti tal‑idejn, b’mod iktar partikolari lever presses tal-klassi 8, karta, kartonċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (jekk inklużi fil-klassi 16) tal-klassi 16 kif ukoll il-prodotti inklużi fil‑klassi 20 li huma tal-plastik.” Min-naħa l-oħra, hija żammet ir-reġistrazzjoni tat‑trade mark inkwistjoni għall-prodotti l-oħra koperti minnha.

12      Fil-28 ta’ April 2008, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar‑Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni fl-intier tagħha. Hija insistiet fuq l-użu tat-trade mark inkwistjoni u, barra minn hekk, sostniet essenzjalment li l‑applikazzjoni għal revoka mressqa mill-intervenjenti kontra din it-trade mark kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, minħabba l-fatt li r‑rikorrenti kienet diġà bdiet, abbażi ta’ din l-istess trade mark, proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI kontra t-trade mark figurattiva Stella pack u minħabba li dawn il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienu għadhom pendenti.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2008, innotifikata lir‑rikorrenti fit-18 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-imsemmi appell.

14      Rigward l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell, huwa kkunsidra li l-appell kien parzjalment inammissibbli għaliex ir-rikorrenti kienet ikkontestat id‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fl-intier tagħha, meta l-imsemmija diviżjoni kienet ċaħdet l-applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni għal ċerti prodotti u għaldaqstant id-deċiżjoni tiegħu ma kinitx, f’dak ir-rigward, sfavorevoli għar-rikorrenti.

15      Fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li d-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet parzjalment l-applikazzjoni għal revoka wara motivazzjoni dettaljata u peress li kkunsidrat li, fil‑prinċipju, it-trade mark inkwistjoni kienet ġiet użuta b’mod xieraq sabiex jiżgura ż-żamma tad-drittijiet, għal ċerti prodotti rreġistrati, ir-rikorrenti ma kellhiex tillimita ruħha li tenfasizza mill-ġdid l-użu ta’ din it-trade mark, iżda kellha turi, permezz ta’ provi, għaliex il-provi li tressqu sabiex juru li l-użu kellhom jiġu kkunsidrati xierqa sabiex jiżguraw iż-żamma tad-drittijiet inklużi dawk għall-prodotti li fir-rigward tagħhom ġiet iddikjarata r-revoka tat-trade mark inkwistjoni. Issa, skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova f’dan is-sens. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell iddikjara li l‑osservazzjonijiet tar-rikorrenti, dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li hija kienet ressqet quddiem l-UASI fis-27 ta’ Ġunju 2005, kienu irrilevanti. Skont l-istess Bord, l-imsemmija proċedimenti ta’ oppożizzjoni jistgħu l-iktar jiġu sospiżi, iżda dan ma setax ikun il‑każ fir-rigward tal-proċedimenti ta’ revoka.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonstata li l-applikazzjoni għal revoka kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, wara li tiġi annullata wkoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tas-27 ta’ Frar 2008, tissospendi d‑deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal revoka, tat-22 ta’ Diċembru 2006, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija minnha;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk tal‑proċeduri li wasslu għal din il-kawża, kif ukoll dawk tal-UASI.

17      L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad b’mod żbaljat il‑kunsiderazzjonijiet tagħha intiżi sabiex jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-natura allegatament abbużiva tal-applikazzjoni għal revoka, sa fejn il-Bord tal-Appell kellu jikkunsidra din l-applikazzjoni inammissibbli, jew, għall-inqas, jissospendiha, għaliex hija tirreferi għal trade mark li diġà ġiet invokata insostenn tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija quddiem l-UASI u li għadhom pendenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ liġi fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni

19      Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir‑regoli, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, minkejja li l-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra ma għandux jikkumpensa għan‑nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument legali, li, skont id‑dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors innifsu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 2004, Applied Molecular Evolution vs UASI (APPLIED MOLECULAR EVOLUTION), T‑183/03, Ġabra p. II‑3113, punt 11, u tad-19 ta’ Ottubru 2006, Bitburger Brauerei vs UASI – Anheuser-Busch (BUD, American Bud u Anheuser Busch Bud), T‑350/04 sa T‑352/04, Ġabra p. II‑4255, punt 33].

20      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssemmi sempliċiment artikoli tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-linji gwida interni tal-UASI, u tirreferi biss għan-nota tagħha tat-2 ta’ April 2007 u għall‑annessi tagħha li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal‑proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni, sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti li fir-rigward tagħhom id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni kienet iddikjarat ir-revoka ta’ din it-trade mark. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, u fid-dawl tal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, dan il‑motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament abbużiva tal‑applikazzjoni għal revoka

21      Ir-rikorrenti ssostni li, qabel l-applikazzjoni għal revoka tat-trade mark inkwistjoni ppreżentata mill-intervenjenti, fis-27 ta’ Ġunju 2005 hija nfisha kienet bdiet proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI, billi invokat l-imsemmija trade mark kontra proċedimenti għal reġistrazzjoni ta’ trademark mibdija mill‑intervenjenti. Peress li dawn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienu pendenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal revoka, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni kellha tiċħad din l‑applikazzjoni bħala inammissibbli jew, fin‑nuqqas ta’ dan, tissospendi l‑proċedimenti qabel il‑konklużjoni definittiva tal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni preċedenti.

22      Skont l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, il‑drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati fuq applikazzjoni ppreżentata quddiem l-UASI jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil‑Komunità Ewropea fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu. Skont din l-istess dispożizzjoni, madankollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju jiġu revokati jekk, bejn l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin u l-preżentata tal‑applikazzjoni jew tal-kontrotalba, ikun beda jew issokta użu ġenwin tat-trade mark. Il-bidu jew l-issoktar tal-użu li jsir fi żmien tliet xhur qabel il-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, li jibda jiddekorri mhux iktar kmieni mill-iskadenza tal‑perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni jekk il‑preparazzjonijiet għall-bidu jew għall-issoktar tal-użu jseħħu biss wara li l‑proprjetarju jkun sar jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu ppreżentati.

23      L-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, fuq l-applikazzjoni għal revoka, jipprovdi li applikazzjoni għal revoka tista’ tiġi ppreżentata quddiem l‑UASI minn kull persuna fiżika jew ġuridika u minn kull grupp mwaqqaf bil-għan li jirrappreżenta l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi u li, skont il-liġi li hija applikabbli għalih, għandu locus standi.

24      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti tibbaża l-motiv tagħha fuqhom, għandu jiġi osservat, kif isostni ġustament l-UASI, li mill-formulazzjoni tagħhom ma jirriżultax li proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa abbażi ta’ trade mark, u li għadhom pendenti, jistgħu jeżerċitaw xi influwenza fuq l-ammissibbiltà, jew fuq l-iżvolġiment, ta’ proċedimenti ta’ revoka mressqa kontra din it‑trade mark.

25      Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss ir-raġunijiet għar-revoka u l‑kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni quddiem l‑UASI, indipendentement mit-tressiq ta’ proċedimenti oħra.

26      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka, insostenn tal-motiv tagħha, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll tal-linji gwida interni tal-UASI, fil-verżjoni tagħhom ta’ Novembru 2007, dwar il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll dwar il-prova tal‑użu fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

27      Anki jekk jingħad li dawn id-dispożizzjonijiet u linji gwida jistgħu jżidu kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi osservat li dawn ma jipprovdux li applikazzjoni għal revoka ta’ trade mark hija inammissibbli, għaliex il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa abbażi ta’ din it‑trade mark għadhom pendenti.

28      Ir-Regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar l-applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tispeċifika biss il‑kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi mressqa tali applikazzjoni, u b’mod partikolari l-elementi li għandhom jiġu inklużi f’din l‑applikazzjoni.

29      Bl-istess mod, mill-formulazzjoni tal-linji gwida interni tal-UASI relatati mal‑proċedimenti għal dikarazzjoni ta’ revoka, jiġifieri t-Taqsima 2 tal‑parti D ta’ dawn il-linji gwida, fil-verżjoni tagħhom ta’ Novembru 2007, ma jirriżultax li l‑proċedimenti għal revoka ta’ trade mark huma inammissibbli jew li għandhom jiġu sospiżi minħabba li proċedimenti ta’ oppożizzjoni bbażati fuq it-trade mark li għaliha qed tintalab ir‑revoka ġew introdotti qabel u għadhom pendenti. B’mod partikolari, fil-punt 3.1.2 ta’ dawn il-linji gwida, dwar l-użu ġenwin u li r‑rikorrenti tinvoka, huwa indikat biss li l-motivi ta’ evalwazzjoni ta’ tali użu fil‑proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni huma l‑istess bħal dawk applikabbli għall-eżami tal-prova tal-użu ta’ trade marks Komunitarji fil‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni u li għandhom jiġu segwiti d‑dispożizzjonijiet dettaljati li jinsabu fit-Taqsima 6 tal-linji gwida interni relatati mal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

30      F’din it-Taqsima 6 tal-linji gwida interni, dwar il-prova tal-użu, u b’mod iktar partikolari fil-punt 4, dwar il-perijodu tal-użu u li r‑rikorrenti tinvoka wkoll, huwa mfakkar biss li, skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009), li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l‑obbligu li tiġi prodotta l-prova tal-użu jimplika li, fid-data tal‑pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, it-trade mark preċedenti tkun ilha rreġistrata sa mill-inqas ħames snin. Ma hemm l-ebda riferiment għal eventwali effett tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fuq il‑proċedimenti ta’ revoka li jrendu dawn l-aħħar proċedimenti inammissibbli jew li jinvolvu l-obbligu li dawn l-istess proċedimenti jiġu sospiżi sakemm il-proċedimenti msemmija l-ewwel jiġu konklużi.

31      Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni għal revoka ta’ trademark ma tistax tiġi trattata qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa qabel abbażi ta’ din it-trade mark tmur kontra l‑istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94.

32      Fil-fatt, minn dan ir-regolament jidher li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ revoka huma żewġ proċedimenti speċifiċi u awtonomi, it-tnejn bl-effetti speċifiċi tagħhom, u li jistgħu jiġu trattati proċedimenti ta’ revoka, minkejja oppożizzjoni li tkun tressqet qabel u li għadha pendenti, ibbażata fuq it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal revoka.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-proċedimenti inkwistjoni huma previsti taħt żewġ titoli differenti tar-Regolament Nru 40/94. L‑oppożizzjoni hija rregolata mir-raba’ taqsima tat-Titolu IV tiegħu, (li saret it-Taqsima 4 tat-Titolu VI tar‑Regolament Nru 207/2009), filwaqt li l‑proċedimenti ta’ revoka hum rregolati mit-tieni u r-raba’ taqsimiet tat‑Titolu VI tal-istess regolament (li saru t-Taqsimiet 2 u 4 tat-Titolu VI tar-Regolament Nru 207/2009).

34      Iż-żewġ proċedimenti għandhom kull wieħed għan u effetti speċifiċi għalihom. L-oppożizzjoni hija intiża sabiex twaqqaf, taħt ċerti kundizzjonijiet, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti u ċ-ċaħda tal-imsemmija oppożizzjoni ma twassalx għal revoka tal-imsemmija trade mark. Tali revoka tista’ tinkiseb biss meta jsiru proċedimenti b’dan il-għan.

35      Din id-differenza fl-għan u fl-effetti tispjega għaliex ir-regoli huma speċifiċi għal kull tip ta’ proċedimenti. B’hekk u b’mod partikolari, filwaqt li l‑interess ġuridiku tal-opponent u terminu ta’ tliet xhur għall-preżentata tal-oppożizzjoni huma fost il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 40/94 u bir-Regola 18 tar‑Regolament Nru 2868/95 [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef), T‑232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 32], l-Artikolu 55(1)(a) tar‑Regolament Nru 40/94, applikabbli għall-proċedimenti ta’ revoka, ma jagħmel, kif jenfasizza l-UASI, l-ebda riferiment għal xi interess ġuridiku.

36      Bl-istess mod, ebda terminu ma japplika sabiex jitressqu proċedimenti ta’ revoka, ħlief għall-fatt li huwa neċessarju, sabiex tinkiseb ir-revoka ta’ trade mark, li jiġi invokat, skont l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u kif huwa previst fl-Artikolu 43(2) tal-istess regolament applikabbli għall-oppożizzjoni, li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità għall‑prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, u li ma jeżistux raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal‑Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑possibbiltà offruta lil kulħadd sabiex iressqu applikazzjoni għal revoka għal nuqqas ta’ użu ta’ trade mark hija indipendenti għal kollox minn eventwali proċedimenti ta’ oppożizzjoni paralleli li fihom tkun implikata t-trade mark Komunitarja koperta mill-applikazzjoni għal revoka. L‑argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni għal revoka mressqa kontra trade mark hija inammissibbli minħabba t-tressiq preċedenti ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, abbażi ta’ din it-trade mark u li għadhom pendenti fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

38      Għandu wkoll jiġi osservat li l-Bord tal-Appell lanqas ma wettaq żball ta’ liġi meta qies, dejjem fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li proċedimenti ta’ revoka mressqa wara oppożizzjoni jistgħu, l-iktar, jagħtu lok għal sospensjoni tal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, fil-każ li tiġi deċiża r-revoka tat-trade mark preċedenti, il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni jisfaw bla skop.

39      Bil-kontra, it-tkomplija tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, mingħajr ma jiġi mistenni l-eżitu tal-proċedimenti ta’ revoka, ma tagħti l‑ebda vantaġġ lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti invokata fil‑kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u dik li tirreferi għaliha l-applikazzjoni għal revoka. Fil-fatt, anki jekk jingħad li l‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni jwasslu għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, xejn ma jipprekludi li terġa’ tiġi ppreżentata l-istess applikazzjoni ladarba tiġi ddikjarata r-revoka tat-trade mark preċedenti.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-argument tar‑rikorrenti, li jallega li l-preżentazzjoni, mill-intervenjenti, tal-applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, peress li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienu għadhom pendenti, ma jistax jintlaqa’.

41      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li l-fatt li proċedimenti ta’ revoka ta’ trade mark jiġu trattati qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa qabel abbażi ta’ din l-istess trade mark ma jistax jiġi kkontestat mir-rikorrenti minħabba li d-dritt tagħha għal trattament ugwali inkwantu proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja u d‑dritt tagħha għal smigħ ġew miksura, kif hija ssostni fir-rikors.

42      Minn naħa, l-ilment invokat mir-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa fformulat b’mod wisq ġenerali sabiex jinftiehem b’mod ċar u preċiż. Huwa jirreferi, mingħajr spjegazzjoni vera, għal diversi artikoli tar‑Regolament Nru 40/94, jiġifieri l‑Artikoli 15 (li sar l-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 207/2009), 43, kif ukoll 77 u 79 (li saru l-Artikoli 79 u 83 tar-Regolament Nru 207/2009), li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark Komunitarja, l-eżami tal-oppożizzjoni, in-notifika tad‑deċiżjonijiet tal-UASI u r-riferimenti għall-prinċipji ġenerali. L-istess jgħodd fir-rigward tar-referenza għar-Regola 69 tar-Regolament Nru 2868/95 li tirrigwarda n‑notifika tad-dokumenti meta diversi persuni huma partijiet fi proċedimenti.

43      Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti tallega ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li saret it‑tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009), li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu jiġu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-kummenti tagħhom, għandu jiġi mfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, Bord tal-Appell tal-UASI jista’ jibbaża d‑deċiżjoni tiegħu biss fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li fuqhom il‑partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punt 42; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2005, Sunrider vs UASI (TOP), T‑242/02, Ġabra p. II‑2793, punt 59, u tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D/OHMI – Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra p. II‑2699, punt 115].

44      L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad‑difiża [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 21, u tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI Forma ta’ kitarra), T‑317/05, Ġabra p. II‑427, punt 26]. Skont dan il‑prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad‑deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l‑opinjoni tagħhom b’mod effettiv [sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il‑Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 21, u LIVE RICHLY, iċċitata aktar ’il fuq, punt 22].

45      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal smigħ japplika għall‑elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt li jikkostitwixxu l‑bażi tal-att deċiżjonali u mhux għall-pożizzjoni finali li l‑amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [sentenzi Aire Limpio, punt 43 iktar ’il fuq, punt 116, u Forma ta’ kitarra, punt 44 iktar ’il fuq, punt 27]. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jisma’ rikorrent fuq kunsiderazzjoni fattwali li hija parti mill-pożizzjoni finali tiegħu [sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T‑458/05, Ġabra p. II‑4721, punt 45].

46      Issa, ma jidhirx li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta l‑osservazzjonijiet tagħha fuq l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, din tal-aħħar setgħet tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha kemm quddiem id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell.

48      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

49      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr il-ħtieġa li jiġi deċiż dwar l-ammissibbiltà tat‑tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti, li hija kkontestata mill-UASI.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

51      Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Stella Kunststofftechnik GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.