Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2010 - HIM vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-316/10)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Health Information Management (HIM) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Zeegers, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tiddikjara din it-talba ammissibbli u fondata u, konsegwentement,
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas s-somma ta' EUR 11 821.35 flimkiem mal-interess moratorji bir-rata statutorja fis-seħħ fil-Belġju mis-16 ta' Ġunju 2010;
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, liema ammont ġie stabbilit provviżorjament għas-somma ta' EUR 5 000.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrenti titlob essenzjalment lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż ġenerali tar-rikorrenti li għandhom jiġu sostnuti mill-Kummissjoni (fil-kuntest ta' kuntratti konklużi taħt il-programm speċifiku eTen), jiġifieri l-parti tal-ispejjeż ġenerali li jistgħu jiġu konnessi mas-servizzi tal-persunal li jaħdem fuq il-proġett, is-subappaltaturi ma għandhomx jiġu inklużi fost il-persunal tar-rikorrenti, sa fejn dawn is-subappaltaturi ma jidħlux fi spejjeż generali li jkollha ssostni r-rikorrenti. L-ispejjeż għas-subappaltaturi ma għandhomx, konsegwentement, jiġu inklużi fl-ammont totali tal-ispejjeż tal-persunal li bih l-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali huwa diviż sabiex jinkiseb id-denominatur li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwali tal-ispejjeż ġenerali li huma eliġibbli.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-ispejjeż għas-subappaltaturi ma jifformawx parti mill-ispejjeż tal-persunal eliġibbli, il-fatt li s-subappaltaturi jiġu inklużi fost il-persunal tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż totali tal-persunal li għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-perċentwali tal-ispejjeż ġenerali eliġibbili jwassal għal inkoerenza.
Barra minn hekk, il-fatt li s-subappaltaturi jiġu inklużi fost il-persunal tar-rikorrenti jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, peress li dan il-metodu għandu l-effett li jżied l-ammont tad-denominatur u, konsegwentement, li jnaqqas proporzjonalment il-perċentwali tal-ispejjeż ġenerali eliġibbli.
____________