Language of document : ECLI:EU:C:2014:2381

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑147/13

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa — Ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja — Regolament (UE) Nru 1260/2012 — Arranġamenti applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Delega ta’ poteri lil korpi esterni tal-Unjoni — Għażla tal-bażi legali — Użu ħażin ta’ poter — Prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”





1.        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (2).

2.        Ir-regolament ikkontestat ġie adottat wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (3).

3.        Dan jagħmel parti mill-“pakkett ta’ privattiva unitarja”, mar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (4), u l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, iffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (5).

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà ġew esposti hemmhekk.

A –    Id-dritt internazzjonali

5.        L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej (Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea), iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 (6), intitolat “Lingwi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi , tat-talbiet għal privattiva Ewropea u dokumenti oħra” jipprovdi:

“1.      Il-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi [(7)] huma l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.

2.      Kull applikazzjoni għal privattiva Ewropea għandha tiġi ppreżentata f’waħda mil-lingwi uffiċjali jew, jekk tiġi ppreżentata f’lingwa oħra, tiġi tradotta f’waħda mil-lingwi uffiċjali, konformement mar-regolament ta’ implementazzjoni. Matul il-proċedimenti kollha quddiem l-[EPO], din it-traduzzjoni tista’ titqiegħed f’konformità mat-test tal-applikazzjoni hekk kif hija ġiet ippreżentata. Jekk it-traduzzjoni meħtieġa ma tiġix prodotta fit-termini stabbiliti, l-applikazzjoni titqies irtirata.

3.      Il-lingwa uffiċjali tal-[EPO] li fiha l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea ġiet ippreżentata jew tradotta għandha tintuża bħala l-lingwa tal-proċedimenti, ħlief jekk ir-regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi mod ieħor, fil-proċeduri kollha quddiem l-[EPO].

4.      Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom id-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom fi Stat kontraenti li għandu lingwa oħra barra mill-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż bħala lingwa uffiċjali, u persuni bin-nazzjonalità ta’ dan l-Istat li għandhom id-domiċilju tagħhom barra mill-pajjiż jistgħu jipproduċu, f’lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, dokumenti li għandhom jiġu prodotti f’terminu determinat. Madankollu, huma obbligati li jipproduċu traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-[EPO] konformement mar-regolament ta’ implementazzjoni. Jekk dokument ieħor minbarra dawk li jikkomponu l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea ma jiġix prodott fil-lingwa mitluba jew jekk traduzzjoni meħtieġa ma tiġix prodotta fit-termini stabbiliti, id-dokument jitqies li ma ġiex prodott.

5.      L-applikazzjonijiet għal privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti.

6.      L-ispeċifikazzjonijiet [(8)] tal-privattiva Ewropea għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti u għandhom jinkludu traduzzjoni tat-talbiet [(9)] fiż-żewġ lingwi l-oħra uffiċjali tal-[EPO].

[...]

8.      L-iskrizzjonijiet fir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi għandhom jitwettqu fit-tliet lingwi uffiċjali tal-[EPO]. F’każ ta’ dubju, l-iskrizzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti hija dik awtentika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-premessi 5 u 6 tar-regolament ikkontestat jinqraw kif ġej:

“(5)      [L-]arranġamenti għat-traduzzjoni [għal privattivi Ewropej b’effett unitarju (10)] għandhom jiżguraw ċertezza legali u jistimulaw l-innovazzjoni u għandhom, b’mod partikolari, ikunu ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju [iktar ’il quddiem l-‘SMEs’]. Għandhom jagħmlu l-aċċess għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju u għas-sistema sħiħa tal-privattivi aktar faċli, inqas għali u legalment sikur.

(6)      Ladarba l-EPO huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-[PEEU] għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-EPO. Dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u l-interess pubbliku, f’termini tal-ispejjeż tal-proċedimenti u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika.”

7.        Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-lingwi [reġim lingwistiku] tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 342 [...]TFUE u għar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1, tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea [(11)]. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-reġim lingwistiku tal-EPO u m’għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal reġim limitat ta’ lingwa fi kwalunkwe strument legali futur tal-Unjoni.”

8.        L-Artikoli 3 sa 7 tar-regolament ikkontestat jipprovdu:

Artikolu 3

Arranġamenti għat-traduzzjoni għall-[PEEU]

1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea, li tibbenefika minn effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma għandhux ikun hemm ħtieġa ta’ aktar traduzzjonijiet.

2.      Talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012 għandha tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċedimenti.

Artikolu 4

Traduzzjoni fil-każ ta’ tilwima

1.      Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ allegat ksur tal-[PEEU], il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi fuq it-talba u l-għażla tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-[PEEU] f’lingwa uffiċjali jew tal-Istat Membru parteċipanti [fil-kooperazzjoni msaħħa (12)] fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew tal-Istat Membru fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.

2.      Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ [PEEU], il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi matul il-proċedimenti legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-[PEEU], traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa użata fil-proċedimenti ta’ dik il-qorti.

3.      L-ispejjeż tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-privattiva.

4.      Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma’ t-tilwima għandha tevalwa u tqis, b’mod partikolari fejn il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur tkun SME, persuna fiżika jew organizzazjoni mhux bi profitt, università jew organizzazjoni pubblika ta’ riċerka, jekk il persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur aġixxiet mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li hi qedha tikser il-[PEEU] qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Amministrazzjoni ta’ skema għal kumpens

1.      Minħabba li l-applikazzjonijiet għall-privattiva Ewropea jistgħu jiġu ppreżentati f’kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, l-Istat Membru parteċipanti għandu skont l-Artikolu 9 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012 jagħti lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta’ kumpens ta’ rimbors għall-ispejjeż kollha ta’ traduzzjoni sa limitu, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattiva fl-EPO f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-EPO.

2.      L-iskema ta’ kumpens imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun iffinanzjata mit-tariffi imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012 u għandu jkun disponibbli biss għal SMEs, persuni fiżiċi, organizzazjoni mhux bi profitt, universitajiet, u organizazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka li għandhom ir-residenza tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan Stat Membru.

Artikolu 6

Miżuri transitorji

1.      Matul perijodu transitorju li jibda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012 għandha tkun sottomessa flimkien ma’ dan li ġej:

(a)      fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea bl-Ingliż; jew

(b)      fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Ingliż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

2.      Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-aktar fis possibbli wara d-data tas-sottomissjoni tat-talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament [...] Nru 1257/2012. It-test ta’ dawn it-traduzzjonijiet m’għandu jkollu l-ebda effett legali u għandu jkun għall-finijiet ta’ informazzjoni biss.

3.      Sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kull sentejn minn dak inhar, kumitat espert indipendenti għandu jwettaq evalwazzjoni oġġettiva tad-disponibbiltà ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet tal-privattiva u speċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni kif żviluppata mill-EPO. Dan il-kumitat espert għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-EPO u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea mistiedna mill-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi bħala osservaturi skont l-Artikolu 30(3) tal-KEP.

4.      Abbażi tal-ewwel evalwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u kull sentejn minn dak inhar abbażi tal-evalwazzjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, rapport lill-Kunsill u, jekk ikun adatt, tagħmel proposti għat-terminazzjoni tal-perijodu transitorju.

5.      Jekk il-perijodu transitorju ma jintemmx abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-[QUP], liema tiġi l-aħħar.”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

9.        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

10.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2013, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn dawn l-intervenjenti kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

12.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 4, 5, 6(2) u 7(2) tal-imsemmi regolament, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

III – Fuq ir-rikors

14.      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka prinċipalment ħames motivi.

15.      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa. It-tieni motiv jikkonċerna l-ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (13), minħabba l-fatt tad-delega lill-EPO ta’ kompiti amministrattivi relatati mal-PEEU. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali. Ir-raba’ motiv jikkonċerna l-ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali. Finalment, il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

16.      Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, kif ifformulat fil-punt 12 ta’ dawn it-talbiet.

A –    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa

1.      L-argumenti tal-partijiet

17.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li, billi adotta ir-regolament ikkontestat, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, billi introduċa, għall-PEEU, reġim lingwistiku li jippreġudika lill-persuni li għalihom il-lingwa ma hijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO, jiġifieri l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża. Din is-sistema toħloq inugwaljanza bejn, minn naħa, iċ-ċittadini u l-impriżi tal-Unjoni li għandhom mezzi biex jifhmu, b’ċertu grad ta’ kompetenza, dokumenti redatti fil-lingwi msemmija hawn fuq u, min-naħa l-oħra, dawk li ma għandhomx u għandhom jeffettwaw it-traduzzjonijiet bl-ispejjeż tagħhom. Kull limitu għall-użu tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni għandu jiġi debitament iġġustifikat, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

18.      Fl-ewwel lok, l-aċċess għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti li jagħtu drittijiet lill-pubbliku ma huwiex iggarantit, peress li l-ispeċifikazzjoni ta’ PEEU ser tiġi ppubblikata fil-lingwa tal-proċedimenti u ser tinkludi t-traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-EPO, mingħajr possibbiltà ta’ traduzzjoni oħra, li jirriżulta diskriminatorju u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-regolament ikkontestat lanqas ma jippreċiża l-lingwa li biha kienet ser tinħareġ il-PEEU u lanqas jekk dan l-element kienx ser ikun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu fuq is-sistema tal-EPO biex jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-PEEU ma jiggarantixxix il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Kuntrarjament għas-sistema tat-trade mark Komunitarja, ir-regolament ikkontestat ma jistabbilixxix bilanċ bejn l-interessi tal-impriżi u dawk tal-pubbliku (14).

19.      Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija sproporzjonata u ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali. Qabelxejn, l-assenza ta’ traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva u fuq kollox it-talbiet tagħha jinvolvi inċertezza legali kbira u jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, din is-sitwazzjoni trendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq u, min-naħa l-oħra, hija jkollha impatt negattiv fuq l-impriżi, li jkollhom isostnu l-piż tal-ispejjeż tat-traduzzjoni. Sussegwentement, il-PEEU hija titolu ta’ proprjetà industrijali essenzjali għas-suq intern. Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tipprevedix sistema tranżitorja li tiggarantixxi konoxxenza xierqa tal‑privattiva. La l-iżvilupp tat-traduzzjonijiet awtomatiċi u lanqas l-obbligu li tiġi ppreżentata traduzzjoni kompleta f’każ ta’ tilwima ma huma miżuri suffiċjenti f’dan ir-rigward.

20.      Isegwi li l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jmissha ġiet iġġustifikata minn kriterji li ma humiex dawk, purament ekonomiċi, imsemmija fil-premessi 5 u 6 tar-regolament ikkontestat.

21.      Il-Kunsill iwieġeb, fl-ewwel lok, li mit-Trattati wieħed ma jista’ jiddeduċi l-ebda prinċipju li l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom jiġu, f’kull ċirkustanza, ittrattati b’mod ugwali, liema fatt huwa barra minn hekk ikkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, li ma jagħmilx sens jekk hemm biss reġim lingwistiku uniku possibbli li jinkludi l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

22.      Fit-tieni lok, fis-sistema attwali, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ titlob privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa, bil-kundizzjoni, madankollu, li tipproduċi, f’terminu ta’ xahrejn, traduzzjoni f’waħda mit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO li ssir il-lingwa tal-proċedimenti, u t-talbiet sussegwentement jiġu ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO. Huwa b’hekk li talba ma tiġix tradotta u ppubblikata fil-lingwa Spanjola ħlief jekk il-validazzjoni tal-privattiva tintalab għal Spanja.

23.      Fit-tielet lok, l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-lingwa Spanjola għandha biss effett limitat, billi r-regolament ikkontestat jipprovdi skema għal kumpens tal-ispejjeż; il-privattivi huma ġeneralment amministrati minn konsulenti fil-proprjetà industrijali, li għandhom konoxxenza ta’ lingwi oħra tal-Unjoni; l-impatt fuq l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika fil-lingwa Spanjola huwa limitat; parti żgħira biss mill-applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej hija attwalment tradotta fil-lingwa Spanjola; ir-regolament ikkontestat jipprovdi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, u l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi limitu għar-responsabbiltà eventwali tal-SMEs, tal-persuni fiżiċi, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka.

24.      Fir-raba’ lok, il-limitu tan-numru ta’ lingwi użati fil-kuntest tal-PEEU jsegwi skop leġittimu, relatat mal-ispiża raġonevoli ta’ din il-privattiva.

25.      L-intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Kunsill. Huma jenfasizzaw li r-riċerka ta’ bilanċ bejn il-varji operaturi ekonomiċi kienet partikolarment diffiċili, peress li d-differenzi ta’ evalwazzjoni bejn l-Istati Membri fuq ir-reġim lingwistiku tellfu l-proġetti ta’ qabel kollha ta’ privattiva unitarja.

26.      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit iżidu li l-implementazzjoni ta’ reġim lingwistiku li bis-saħħa tiegħu huwa neċessarju li tiġi prevista t-traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni, jew tal-inqas tat-talbiet tagħha, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni tkun tfisser spiża tant għolja li ma tkunx possibbli. Minn naħa, ir-reġim lingwistiku tal-PEEU kien intgħażel peress li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża huma lingwi uffiċjali tal-EPO. Min-naħa l-oħra, kważi 90 % tal-applikanti għal privattivi Ewropej jippreżentaw, fil-ħin attwali, l-applikazzjonijiet tagħhom għal privattivi f’dawn il-lingwi, qabel it-traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni u tat-talbiet.

2.      Kunsiderazzjonijiet

27.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-argument tiegħu effettivament jgħid li traduzzjoni tal-privattiva fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni hija neċessarja. Madankollu, nista’ jkolli dubji dwar dan meta jikkonkludi, fil-punt 25 tar-replika tiegħu, li l-PEEU huwa titolu tali li l-persuni suġġetti kollha, u mhux biss dawk li għandhom konoxxenza tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża, għandhom ikunu jistgħu jkollhom konoxxenza b’mod suffiċjenti tal-informazzjoni rilevanti u meta jippreċiża li s-sistema maħluqa ma toffrix soluzzjonijiet intermedjarji li jiggarantixxu, fl-istess ħin bħat-tnaqqis tal-ispejjeż finanzjarji, li l-persuni suġġetti kollha li lilhom privattiva hija opposta jkollhom debita konoxxenza, bħalma ġie adottat għat-trade marks Komunitarji.

28.      Preliminarjament, għandu jitfakkar il-kuntest tal-kawża.

a)      Il-kuntest ta’ din il-kawża

29.      Din il-kawża hija parti mill-kuntest tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

30.      Mit-Trattat ta’ Lisbona, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE jagħti bażi legali xierqa lill-Kunsill għall-istabbiliment “[ta’] arranġamenti lingwistiċi [sistemi lingwistiċi] għad-drittijiet Ewropej”.

31.      Kif il-Kunsill u ċerti intervenjenti enfasizzaw fin-nota tagħhom, din id-dispożizzjoni turi, permezz ta’ kliemha, li t-Trattat FUE jistabbilixxi li, f’ċerti każijiet, sistemi lingwistiċi differenti jistgħu jiġu introdotti u jikkonferma li huwa possibbli li jiġi limitat in-numru ta’ lingwi użati (15).

32.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjoni, għamel l-għażla, fir-rigward tal-PEEU, ta’ reġim lingwistiku li jibbaża ruħu fuq is-sistema tal-EPO, korp internazzjonali li għandu bħala lingwi uffiċjali l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha Kik vs UASI (16), li d-dritt tal-Unjoni ma għandux konoxxenza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-lingwi. Fil-fatt, ir-riferimenti kollha għall-użu tal-lingwi fl-Unjoni li jinsabu fit-Trattati ma jistgħux jitqiesu li huma evidenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxi lil kull ċittadin id-dritt li, “f’kull ċirkustanza”, kulma jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu jiġi abbozzat fil-lingwa tiegħu (17).

34.      Madankollu, is-setgħa sovrana tal-leġiżlatur tal-Unjoni għandha limiti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux jiġu għaldaqstant iddiskriminati minħabba l-lingwa tagħhom (18).

35.      Fuq din il-bażi, għandu jiġi rrilevat li, fir-regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-arranġamenti applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni. Uħud minn dawn l-arranġamenti japplikaw biss matul perijodu tranżitorju, sakemm sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja tal-applikazzjonijiet għal privattivi u tal-ispeċifikazzjonijiet tkun effettiva (19).

36.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jibbaża ruħu fuq is-sistema tal-EPO, madankollu, jsostni li din is-sistema hija diskriminatorja sa fejn toħloq trattament iddifferenzjat, peress li l-operaturi ekonomiċi li l-lingwa tagħhom ma hijiex il-lingwa Ġermaniża, il-lingwa Ingliża jew il-lingwa Franċiża huma inqas ittrattati tajjeb minn dawk li jafu sew dawn il-lingwi, inkwantu tal-ewwel ma għandhomx aċċess għat-traduzzjonijiet fil-lingwa tagħhom.

37.      Skont dan l-Istat Membru, ir-reġim lingwistiku tal-PEEU huwa restrittiv u ma huwiex iġġustifikat.

38.      L-Artikolu 3(1) tar-regolament ikkontestat jipprovdi li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ispeċifikazzjoni tal‑privattiva Ewropea, li tibbenefika minn effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP [(20)] ma għandhux ikun hemm ħtieġa ta’ aktar traduzzjonijiet”.

39.      Ma hemm l-ebda dubju hawnhekk li l-persuni li ma għandhomx konoxxenza tal-lingwi uffiċjali tal-EPO huma ddiskriminati u b’hekk li trattament iddifferenzjat tħaddem mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

40.      Għaldaqstant għandna bżonn li nħarsu lejn l-eżami tal-leġittimità tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta stabbilixxa leġiżlazzjoni diskriminatorja u, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat jekk dan it-trattament iddifferenzjat huwiex xieraq u proporzjonat (21).

b)      L-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni

41.      Attwalment, is-sistema ta’ protezzjoni tal-privattiva Ewropea hija kkaratterizzata minn spejjeż għolja ħafna (22). Fil-fatt, meta tali privattiva tinħareġ mill-EPO, għandha tiġi vvalidata f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn il-protezzjoni hija mfittxija. Sabiex din il-privattiva tkun valida fit-territorju ta’ Stat Membru, id-dritt nazzjonali jista’ jeħtieġ li l-proprjetarju tal-imsemmija privattiva jissottometti traduzzjoni tagħha fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru (23).

42.      Il-partijiet ikkonċernati, inklużi impriżi tas-setturi kollha, il-federazzjonijiet settorjali, il-gruppi ta’ SMEs, il-prattikanti tad-dritt tal-privattivi, l-awtoritajiet pubbliċi u riċerkaturi, qiesu li l-ispejjeż għoljin tal-privattiva Ewropea kienu jikkostitwixxu ostakolu għall-protezzjoni tal-privattiva fl-Unjoni (24).

43.      Ikkonfrontata b’din il-konstatazzjoni u minkejja li l-Unjoni għandha bħala għanijiet li tiffavorixxi l-funzjonament tas-suq intern, il-kapaċità ta’ innovazzjoni (25), ta’ tkabbir u ta’ kompetittività tal-impriżi Ewropej, huwa essenzjali u neċessarju li l-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni għal dan il-għan fil-qasam tal-privattiva. Is-sistema stabbilita għandha għaldaqstant tiżgura protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti billi tevita, permezz tar-reġim lingwistiku, spejjeż għoljin wisq.

44.      L-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-PEEU għaldaqstant huma intiżi li jkunu sempliċi u li jippreżentaw relazzjoni tajba bejn l-ispiża u l-effettività (26), li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, li jistimulaw l-innovazzjoni u li jkunu ta’ benefiċċju b’mod partikolari lil SMEs (27).

45.      Fir-rigward tal-paragun effettwat mir-Renju ta’ Spanja mat-trade mark Komunitarja, inqis li dan imiss hawnhekk il-limiti tiegħu.

46.      Ċertament, it-trade mark Komunitarja u l-privattiva Ewropea huma żewġ forom ta’ titoli ta’ proprjetà intelletwali li nħolqu għall-benefiċċju ta’ operaturi ekonomiċi, u mhux għaċ-ċittadini kollha, fejn dawn l-operaturi ekonomiċi ma humiex obbligati li jużawhom (28).

47.      Permezz tal-protezzjoni unitarja li huma jagħtu, huma jevitaw lil dawn l-operaturi multiplikazzjoni ta’ preżentazzjonijiet ta’ applikazzjoni għal validazzjoni nazzjonali bl-ispejjeż ta’ traduzzjoni li dan iġib miegħu.

48.      Min-naħa l-oħra, hija fuq il-kwistjoni ta’ dawn l-ispejjeż li t-trade mark Komunitarja u l-PEEU huma differenti minn xulxin b’mod sinjifikattiv, kif jirrilevaw ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Parlament. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, ma tiġix tradotta l-istess ħaġa. Għat-trade mark, huwa t-tfassil standardizzat li huwa tradott, filwaqt li, għall-privattiva, hija neċessarja deskrizzjoni teknika ħafna (29).

49.      Għaldaqstant, teżisti differenza ta’ teknika intrinsika bejn iż-żewġ titoli ta’ proprjetà intelletwali. Issa, tali teknika bilfors li għandha impatt fuq l-ispiża tat-traduzzjonijiet, għaliex hija timplika dokumenti itwal u iktar ikkumplikati li għandhom jiġu tradotti. It-talbiet (30) jeħtieġu ġeneralment l-użu ta’ traduttur speċjalizzat u jgħoddu ġeneralment xi għoxrin paġna (31), jew saħansitra sa 200 paġna (32).

50.      Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-regolament ikkontestat bl-għan leġittimu li jsib soluzzjoni lingwistika adegwata mal-għanijiet tal-Unjoni msemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, ir-reġim lingwistiku magħżul jimplika, ċertament, restrizzjoni għall-użu tal-lingwi, iżda jsegwi għan leġittimu ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tat-traduzzjoni.

51.      Għalkemm it-trattament iddifferenzjat tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jsegwi dan il-għan, issa għandha tiġi evalwata n-natura xierqa u proporzjonata ta’ din l-għażla (33).

c)      In-natura xierqa u proporzjonata tat-trattament iddifferenzjat

52.      Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni filwaqt li tiġi permessa protezzjoni tal-privattiva unitarja Ewropea fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, hemm biss ftit elementi li fuqhom il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jintervjeni.

53.      Issa, jidher impossibbli li jiġi limitat in-numru ta’ paġni ta’ privattiva. Hija l-ispeċifikazzjoni, b’mod partikolari t-talbiet, li ser tiddelimita l-għan tal-protezzjoni. Barra minn hekk, l-ispiża medja tat-traduzzjoni (34) diffiċilment tista’ tkun inqas għolja fid-dawl tat-tekniċità tal-privattivi.

54.      Min-naħa l-oħra, iktar ma n-numru ta’ lingwi li fihom għandha ssir traduzzjoni jiżdied, iktar l-ispiża tat-traduzzjonijiet issir għolja.

55.      Konsegwentement, sabiex tiġi limitata din l-ispiża, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma għandux għażla oħra ħlief li jirrestrinġi n-numru ta’ lingwi li fihom il-PEEU għandha tiġi tradotta.

56.      B’hekk, huwa xieraq li jiġi limitat in-numru ta’ lingwi tal-PEEU, għaliex dan jiżgura protezzjoni tal-privattiva unitarja filwaqt li jitħalla tnaqqis sinjifikattiv tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni.

57.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla li jibbaża ruħu fuq is-sistema tal-EPO, għażla koerenti għaliex din is-sistema diġà tat prova tagħha nnifisha (35), għaldaqstant, l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża fil-kuntest tal-PEEU ma huwiex insinjfikattiv, għaliex dawn huma l-lingwi uffiċjali tal-EPO. Din l-għażla tiżgura ċertu stabbilità għall-operaturi ekonomiċi u lill-professjonisti tas-settur tal-privattivi li diġà għandhom l-abitudni li jaħdmu f’dawn it-tliet lingwi.

58.      Barra minn hekk, jidher li l-għażla ta’ dawn il-lingwi ssegwi r-realtajiet lingwistiċi tas-settur tal-privattivi. Għalhekk, kif jenfasizza l-Kunsill, il-maġġoranza tax-xogħlijiet xjentifiċi huma ppubblikati fil-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża. Għaldaqstant ma jistax jiġi miċħud li r-riċerkaturi Ewropej jistgħu jifhmu privattivi ppubblikati f’dawn il-lingwi. Bl-istess mod, mill-istudju ta’ impatt tal-Kummissjoni, imsemmi iktar ’il fuq, kif ukoll minn argumenti mqajma mir-Renju tal-Isvezja jirriżulta li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża huma lingwi mitkellma fl-Istati Membri tal-oriġini tal-iktar numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal privattivi fl-Unjoni (36).

59.      Għaldaqstant, jidhirli li l-limitu għat-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO huwa xieraq fid-dawl tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

60.      Barra minn hekk, din l-għażla tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

61.      F’dan ir-rigward, mis-sentenza Kik vs UASI (37) jirriżulta li t-trattament iddifferenzjat effettwat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa possibbli sakemm jeżisti bilanċ neċessarju bejn l-interessi differenti inkwistjoni (38).

62.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola, fir-regolament ikkontestat, l-arranġamenti applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni hekk li, ġustament, titnaqqas id-differenza fit-trattament fl-għażla tal-lingwi kif ukoll l-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-operaturi ekonomiċi u l-persuni kkonċernati.

63.      Minkejja li r-Renju ta’ Spanja kulma jagħmel huwa li jenfasizza t-trattament inqas favorevoli ta’ dawk li ma jistgħux jifhmu l-informazzjoni peress li ma għandhomx aċċess għat-traduzzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej fil-lingwa tagħhom stess (Artikoli 4 u 6 tar-regolament ikkontestat), xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għandu jittieħed kunsiderazzjoni tat-trattament iddifferenzjat ta’ dawk li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal privattiva Ewropea (Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat) (39).

64.      B’hekk, fl-ewwel lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb, fl-Artikolu 3(1) tar-regolament ikkontestat, li jindika li s-sistema stabbilita hija “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-Regolament” (40).

65.      Minn naħa, dan il-leġiżlatur ifassal dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-traduzzjonijiet f’każ ta’ tilwima.

66.      L-ewwel nett, f’każ ta’ tilwima li tikkonċerna allegat ksur, huwa jipprovdi aċċess għall-informazzjoni fil-lingwa magħżula mill-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur. B’hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-regolament ikkontestat, meta persuna tkun allegatament wettqet ksur ta’ PEEU, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, bi spiża tiegħu, lil din il-persuna u fuq talba tagħha, traduzzjoni sħiħa tal-PEEU f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti li fih ikun seħħ l-allegat ksur jew tal-Istat Membru fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, fuq għażla ta’ din tal-aħħar (41).

67.      It-tieni nett, f’każ ta’ tilwima li tikkonċerna PEEU, l-Artikolu 4(2) tar-regolament ikkontestat jipprovdi li l-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, bi spiża tiegħu, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-PEEU, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċedura tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti, fuq talba ta’ dik il-qorti (42).

68.      It-tielet nett, f’każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għad-danni, il-qorti adita għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-bona fides tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur li aġixxiet qabel ma rċeviet it-traduzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-regolament ikkontestat, mingħajr ma taf jew mingħajr ma jkollha motiv raġonevoli li tkun taf li kienet qed tikser lill-PEEU, “b’mod partikolari” fir-rigward ta’ SME, ta’ persuna fiżika, ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, ta’ universitajiet u ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka (43).

69.      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi miżuri tranżitorji b’effett mill-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, u dan sa meta l-EPO jkollu għall-applikazzjonijiet għal privattivi u għall-ispeċifikazzjonijiet sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ kwalità għolja (44).

70.      B’hekk, matul il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 6(1) tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi li kull applikazzjoni għall-PEEU hija akkumpanjata minn traduzzjoni fil-lingwa Ingliża tal-ispeċifikazzjoni kollha jekk il-lingwa tal-proċedimenti hija l-lingwa Ġermaniża jew il-lingwa Franċiża, jew minn traduzzjoni tal-ispeċifikazzjoni kollha b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni jekk il-lingwa ta’ proċedura hija l-lingwa Ingliża. Għaldaqstant, hija l-garanzija li, matul dan il-perijodu, il-PEEUs kollha huma disponibbli fil-lingwa Ingliża. Barra minn hekk, it-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni ser ikunu manwali u ser ikunu jistgħu jservu biex jipperfezzjonaw is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika.

71.      Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi, fl-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, skema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni fir-rigward tal-persuni li ma ppreżentawx l-applikazzjoni tagħhom għal privattiva Ewropea f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO.

72.      Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, applikazzjoni għal privattiva Ewropea tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni, fejn dawn il-persuni ser ikunu jistgħu jiġu rrimborsati għall-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni sa ċertu limitu. Dawn il-benefiċjarji huma espressament imsemmija bħala SMEs, il-persuni fiżiċi, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, universitajiet, u organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka li għandhom ir-residenza tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi ħdan Stat Membru (45).

73.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ried jipproteġi l-persuni jew l-entitajiet l-iktar vulnerabbli meta pparagunati mal-istrutturi iktar b’saħħithom li għandhom mezzi iktar sinjifikattivi u li jgħoddu fost il-persunal tagħhom membri tal-persunal kompetenti biex jiktbu direttament l-applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO.

74.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-għażla lingwistika mħaddma mil-leġiżlatur tal-Unjoni ssegwi għan leġittimu u li hija xierqa u proporzjonata fid-dawl tal-garanziji u tal-elementi li jwasslu sabiex inaqqsu l-effett diskriminatorju li jirriżulta minn din l-għażla.

75.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel motiv tar-Renju ta’ Spanja bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja

1.      L-argumenti tal-partijiet

76.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, peress li ddelega lill-EPO, fl-Artikoli 5 u 6(2) tar-regolament ikkontestat, il-ġestjoni tal-iskema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet fil-kuntest tas-sistema tranżitorja, il-Kunsill kiser il-prinċipji stabbliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (46), ikkonfermata mill-ġurisprudenza sussegwenti.

77.      Il-Kunsill, li jistaqsi fuq l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv fid-dawl tar-riferiment għal ċerti argumenti mressqa fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirrileva, preliminarjament, li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li huwa l-obbligu tal-Istati Membri parteċipanti, permezz tal-intermedjarju tal-EPO, li għandhom r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-iskema għal kumpens u l-kompitu li jippubblikaw it-traduzzjonijiet. Issa, l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tappartjeni, fl-ewwel lok, lill-Istati Membri u, għall-kompiti dwar l-iskema għal kumpens u l-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet, ma huwiex neċessarju li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja (47), ikkonfermati mill-ġurisprudenza sussegwenti, ma humiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, dawn il-prinċipji huma osservati.

78.      L-intervenjenti jaqsmu l-osservazzjonijiet tal-Kunsill, li jikkunsidra li l-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza ma humiex applikabbli, u li huma, fi kwalunkwe każ, osservati.

2.      Kunsiderazzjonijiet

79.      Fid-dawl tal-elementi ta’ tweġiba miġjuba matul l-evalwazzjoni tar-raba’ u tal-ħames motivi fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tieni motiv tar-Renju ta’ Spanja bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tal-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat

1.      L-argumenti tal-partijiet

80.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-bażi legali użata biex jiġi introdott l-Artikolu 4, li jirregola t-“traduzzjoni fil-każ ta’ tilwima”, fir-regolament ikkontestat hija żbaljata, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-“arranġament lingwistiku” [reġim lingwistiku] ta’ titolu Ewropew, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, iżda tinkorpora ċerti garanziji proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

81.      Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat ma huwiex regola tal-proċedura, iżda jistabbilixxi sewwa regola relatata mar-reġim lingwistiku u li din ir-regola tikkostitwixxi parti integrali u importanti mir-reġim lingwistiku ġenerali tal-PEEU maħluq permezz ta’ dan ir-regolament. Il-Kunsill jippreċiża li din id-dispożizzjoni tilgħab rwol importanti, minħabba li timla lakuna ġuridika, peress li r-reġim lingwistiku previst mill-KEP ma jirregolax ir-rekwiżiti lingwistiċi f’każ ta’ tilwima. Barra minn hekk, skont dan, peress li r-regoli tal-proċedura tal-Istati Membri ma ġewx armonizzati mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat li l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur ikollha dejjem id-dritt li tikseb it-traduzzjoni tal-PEEU kkonċernata fl-intier tagħha. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE li jipprovdu r-reġim lingwistiku applikabbli għall-“ħajja” kollha tal-privattiva huma għaldaqstant issodisfatti.

82.      L-intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Kunsill.

83.      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja jenfasizzaw li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma jeħtieġx li l-leġiżlatur tal-Unjoni jarmonizza kompletament l-aspetti kollha tar-reġim lingwistiku jew tas-sistema ta’ traduzzjoni tat-titolu tal-proprjetà intelletwali inkwistjoni. Għar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit, il-Parlament u l-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat seta’ jiġi għalkollox introdott f’regolament adottat fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, għaliex din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ traduzzjoni previst minn dan ir-regolament. Anki jekk jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni ma tikkostitwixxix element intrinsiku tas-sistema ta’ traduzzjoni stabbilita mill-imsemmi regolament, l-introduzzjoni tagħha fir-regolament ikkontestat ma għandhiex bżonn ir-riferiment għal bażi legali minbarra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza (48), jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan isegwi skop doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss aċċessorju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda. Issa, dan huwa l-każ inkwistjoni.

2.      Kunsiderazzjonijiet

84.      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat ma huwiex dispożizzjoni relatata mar-reġim lingwistiku msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u li, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax tintuża bħala bażi legali biex jiġu inkorporati ċerti garanziji proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

85.      Ma nistax naqbel ma’ din l-analiżi, għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin.

86.      Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, “l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att” (49).

87.      Ninnotaw, mill-bidu, li r-Renju ta’ Spanja indika, fil-punt 48 tar-rikors tiegħu — fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu –, li r-regolament ikkontestat jistabbilixxi b’mod tajjeb sistema partikolari ħafna ta’ użu u ta’ limitazzjoni tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li jippresupponi, fis-sens tiegħu, “arranġament lingwistiku” [reġim lingwistiku] kif jistabbilixxu l-bażi legali, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, u d-deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa stess.

88.      Fid-dawl tal-premessa 16 tar-regolament ikkontestat, li tistabbilixxi li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa l-ħolqien ta’ sistema ta’ traduzzjoni uniformi u sempliċi għall-PEEU, kif ukoll fl-evalwazzjoni tiegħi tal-ewwel motiv u għal dawk li huma effettwati fil-kuntest tar-raba’ motiv (50) u t-talba għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat (51), li għalihom nirreferi, jiena tal-opinjoni, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat huwa marbut b’mod intrinsiku mar-reġim lingwistiku, sa fejn għandu bħala għan li jagħmel iktar faċli l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar ir-reġim lingwistiku tal-PEEU.

89.      Jiena nżid li, għalkemm l-Artikolu 4(4) tar-regolament ikkontestat huwa differenti mill-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu, sa fejn ma jistabbilixxix regoli dwar it-traduzzjoni, bħala tali, f’każ ta’ tilwima, xorta jibqa’ l-fatt li din l-ewwel dispożizzjoni hija marbuta mal-Artikolu 4(1) tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, hija tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-persuni kkonċernati ma għandhomx possibbilment konoxxenza tal‑privattiva minħabba l-assenza ta’ traduzzjoni (52) u li jikkawża preġudizzju, b’mod partikolari lill-SMEs, lill-persuni fiżiċi jew lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, lill-universitajiet jew lill-organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka. B’hekk, l-Artikolu 4(4) tar-regolament ikkontestat itaffi din l-assenza ta’ traduzzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-bona fides ta’ dawn il-persuni jew ta’ dawn l-entitajiet b’mod partikolari.

90.      F’dan ir-rigward, il-premessa 9 tar-regolament ikkontestat tippreċiża li l-qorti li ser tkun kompetenti sabiex twettaq analiżi każ b’każ ta’ din il-bona fides ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-lingwa tal-proċedimenti użata quddiem l-EPO u, matul il-perijodu tranżitorju, tat-traduzzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni għal effett unitarju.

91.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tielet motiv tar-Renju ta’ Spanja bħala infondat.

D –    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

1.      L-argumenti tal-partijiet

92.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn, qabelxejn, jillimita l-possibbiltajiet ta’ informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi. Sussegwentement, ma jippreċiżax l-arranġamenti għal pubblikazzjoni tal-għoti tal-effett unitarju u tar-reġistrazzjoni tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva (53). Barra minn hekk, ma jindikax, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-iskema għal kumpens, il-limitu tal-ispejjeż u lanqas il-mod ta’ stabbiliment tiegħu. Barra minn hekk, ma jipprevedix il-konsegwenzi konkreti tal-ipoteżi li fiha l-persuna li tkun wettqet il-ksur aġixxiet in bona fides. Finalment, is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ma eżistietx fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

93.      Il-Kunsill jevalwa li l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja jiksru l-prinċipji tal-amministrazzjoni indiretta u ta’ sussidjarjetà, li fuqhom huwa bbażat id-dritt tal-Unjoni. Ir-regolament ikkontestat iħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jirregolamentaw konkretament aspetti bħall-iskema għal kumpens jew it-traduzzjonijiet awtomatiċi. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeħtieġx li r-regoli kollha jiġu stabbiliti sal-inqas dettalji fir-regolament ikkontestat, fejn ċerti regoli jistgħu jiġu ddeterminati mill-Istati Membri jew iddefiniti f’atti delegati jew atti ta’ implementazzjoni.

94.      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi l-elementi essenzjali u l-kriterji fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom mill-qorti nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tikkundanna l-persuna li tkun wettqet il-ksur għall-piena u tippermettilha perfettament li teżerċita s-setgħa ġudizzjarju tagħha.

95.      L-intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Kunsill.

96.      Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jargumentaw li r-regolament ikkontestat, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1257/2012, jipprovdi b’mod ċar u preċiż ir-reġim lingwistiku u l-arranġamenti għal pubblikazzjoni u għal reġistrazzjoni tal-PEEU.

97.      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li r-regolament ikkontestat ma jipprekludix lill-persuni kkonċernati milli jkollhom aċċess għall-informazzjoni indispensabbli biex jeżerċitaw l-attività tagħhom, peress li l-PEEUs kollha jkunu ser jidhru fir-reġistru tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja, skont l-Artikolu 9(1)(b) u (h) tar-Regolament Nru 1257/2012, li ser ikun disponibbli online. Ċertament, l-ispeċifikazzjoni tal-PEEU hija ppubblikata b’lingwa waħda biss. Madankollu, din il-limitazzjoni ma hijiex sors ta’ inċertezza legali għall-persuni kkonċernati, fid-dawl tas-sistemi ta’ traduzzjoni awtomatika tal-EPO.

98.      Fit-tielet lok, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jqisu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (3) tar-regolament ikkontestat isaħħu ċ-ċertezza legali f’każ ta’ tilwima li tikkonċerna allegat ksur ta’ PEEU. Iċ-ċirkustanza li t-traduzzjoni prevista tkun mingħajr valur legali ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan tal-aħħar huwa ggarantit l-aħjar meta lingwa waħda biss hija awtentika. L-Artikolu 4(4) tar-Regolament ikkontestat jipproteġi speċifikament ċerti persuni involuti f’tilwimiet li jikkonċernaw talba għad-danni.

99.      Finalment, fir-raba’ lok, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jenfasizzaw li r-regolament ikkontestat ma jikkawża ebda inċertezza legali fir-rigward tar-regolazzjoni tal-iskema għal kumpens prevista fl-Artikolu 5 tiegħu, billi ma huwiex neċessarju li dan ir-regolament jiddetermina l-limitu li taħtu ċerti applikanti ser ikunu jistgħu jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż kollha tagħhom ta’ traduzzjoni, peress li dan l-arranġament jista’ jiġi ddefinit minn att ta’ implementazzjoni ulterjuri.

2.      Kunsiderazzjonijiet

100. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu “ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom”, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (54).

101. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja jurux il-ksur ta’ tali prinċipju.

102. Fir-rigward tal-argument ta’ dan l-Istat Membru li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn il-PEEU ma hijiex tradotta fil-lingwi kollha u li l-possibbiltajiet ta’ informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi huma għaldaqstant limitati, nirreferi għall-evalwazzjoni li għamilt fil-kuntest tal-ewwel motiv li minnu jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi eskluż.

103. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Renju ta’ Spanja li r-regolament ikkontestat ma jipprevedix la l-pubblikazzjoni tal-għoti tal-effett unitarju, lanqas l-arranġamenti li skont dawn issir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva, lanqas jekk ser issir bit-tliet lingwi, skont l-Artikolu 14 tal-KEP, naħseb li għandha tiġi miċħuda, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa minn ċerti intervenjenti, li huma favur qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, tar-Regolament Nru 1257/2012 u tal-KEP.

104. Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi li kull talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1257/2012 għandha tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċedimenti (55), kif iddefinita fl-Artikolu 2(b) tar-regolament ikkontestat (56).

105. L-Artikolu 9(1)(h) tar-Regolament Nru 1257/2012, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi li l-EPO jiżgura li l-effett unitarju jiġi indikat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja, fejn talba għal effett unitarju tkun tressqet.

106. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, “[p]rivattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrata fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja” (57).

107. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(8) tal-KEP jindika li r-reġistrazzjoni fir-reġistru Ewropew tal-privattivi ssir fit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO u li, f’każ ta’ dubju, ir-reġistrazzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti hija dik awtentika.

108. Fil-fehma tiegħi, minn din l-aħħar dispożizzjoni u mill-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1257/2012 jirriżulta li r-reġistrazzjoni fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja ssir fit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO.

109. Dwar l-argument tar-Renju ta’ Spanja, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-iskema għal kumpens prevista fl-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, li skont din la l-limitu ta’ rimbors u lanqas il-mod tal-iffissar tiegħu ma huma preċiżi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti li ġejjin biex jiġi eskluż dan l-argument.

110. L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1257/2012 jipprovdi li, fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-KEP, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament (58) u li, għal dan il-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (59), fis-sens tal-Artikolu 145 tal-KEP (60).

111. Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-Kumitat Magħżul li jadotta deċiżjoni fir-rigward tal-iskema għal kumpens imsemmija fl-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, skema li l-ġestjoni tagħha huwa l-kompitu tal-EPO.

112. F’dan ir-rigward, nenfasizza li, matul is-seba’ laqgħa tal-Kumitat Magħżul f’München fis-26 ta’ Marzu 2014, dan tal-aħħar adotta r-regoli dwar l-iskema għal kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni tal-applikazzjonijiet ippreżentati fil-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma hijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. L-aspetti finanzjarji tal-iskema għal kumpens, inkluż l-ammont tar-rimbors, madankollu, ser ikunu s-suġġett ta’ diskussjonijiet ulterjuri (61).

113. L-operaturi ekonomiċi u l-persuni kkonċernati kollha ser ikunu jistgħu għaldaqstant jieħdu konjizzjoni tal-arranġamenti tal-iskema għal kumpens, iż-żmien għall-Istati Membri kontraenti, permezz tal-Kumitat Magħżul, li jimplementaw dawn l-arranġamenti.

114. L-imsemmija arranġamenti ser ikollhom, fi kwalunkwe każ, jieħdu inkunsiderazzjoni l-premessa 10 tar-regolament ikkontestat, li permezz tagħha r-rimborsi addizzjonali tal-ispejjeż tat-traduzzjoni mil-lingwa tal-applikazzjoni għal privattiva fil-lingwa tal-proċedimenti tal-EPO, ser ikollhom imorru lil hinn minn dak li huwa fis-seħħ fl-EPO.

115. Fir-rigward tal-allegazzjoni fis-sens li t-traduzzjoni pprovduta fil-każ ta’ tilwima mill-proprjetarju tal-privattiva ma għandha ebda valur legali, ningħaqad mal-argumenti invokati minn ċerti intervenjenti, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa mingħajr dubju ggarantit aħjar meta lingwa waħda hija dik awtentika. Fil-fatt, ma narax kif dan il-prinċipju jista’ jiġi osservat f’każ ta’ diversi persuni li allegatament ikunu wettqu ksur f’diversi Stati membri. Jekk it-traduzzjonijiet kollha huma awtentiċi, dan joħloq riskju ta’ diverġenzi bejn il-varji verżjonijiet lingwistiċi u, għaldaqstant, inċertezza legali. Din l-allegazzjoni għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

116. Fir-rigward tal-argument fis-sens li, għad-differenza tas-sistema dwar it-trade mark Komunitarja, ma teżistix dispożizzjoni li teskludi li t-terzi in bona fides li jkunu wettqu ksur fir-rigward ta’ privattiva jiġu kkundannati għad-danni, l-Artikolu 4(4) tar-regolament ikkontestat ma jipprevedix il-konsegwenzi konkreti tal-ksur imwettaq fir-rigward ta’ privattiva minn terz in bona fides, jien nopponilu l-fatt li xejn ma jimponi fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi l-istess sistema legali għat-trade mark Komunitarja u għall-PEEU. Minbarra dan, infakkar li dan il-leġiżlatur żgura r-ripristinar, fl-evalwazzjoni każ b’każ li huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq, ta’ ċertu bilanċ billi jipprevedi li din il-qorti ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-bona fides tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur (62). Il-konsegwenzi konkreti għal din il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur ser jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni fattwali u ġuridika. B’hekk, l-imsemmija qorti ser tkun tista’ tipprevedi kundanna għad-danni l-istess bħalma ser tkun tista’ teskludi tali kundanna, b’mod għalkollox indipendenti. Għaldaqstant, mill-qari tal-Artikolu 4(4) tar-regolament ikkontestat jirriżulta b’mod ċar li huwa l-obbligu tal-qorti kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni l-bona fides tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.

117. Finalment, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja rigward is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika u d-dispożizzjonijiet tranżitorji, nirrileva li t-tul tal-perijodu ta’ transizzjoni huwa bbażat fuq iż-żmien li jista’ jkun neċessarju sabiex tiġi żviluppata s-sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi sabiex it-traduzzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal privattivi u tal-ispeċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jkunu effettivi u ta’ kwalità għolja.

118. F’dan ir-rigward, ninnota li l-implementazzjoni ta’ din is-sistema bdiet fl-2004 b’numru limitat ta’ lingwi. Sussegwentement, din is-sistema ġiet estiża b’mod li jkun possibbli, mis-sena 2014, li jsiru traduzzjonijiet awtomatiċi fil-lingwi tal-Istati kollha partijiet għall-KEP, u għaldaqstant fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, minn u lejn il-lingwa Ingliża (63).

119. Barra minn hekk, ma għandux jintesa li r-regolament ikkontestat ser japplika fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim QUP u li l-leġiżlatur tal-Unjoni jindika li, jekk il-perijodu tranżitorju ma jintemmx abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni (64), dan il-perijodu ser jiskadi tnax-il sena wara dik id-data (65). Dan iħalli marġni suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, għall-EPO biex jistabbilixxi sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ kwalità għolja, speċjalment jekk din is-sistema ser tiġi pperfezzjonata permezz tat-traduzzjonijiet manwali mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi perijodu, garanzija ta’ affidabbiltà tal-informazzjoni (66).

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad ir-raba’ motiv tar-Renju ta’ Spanja, sa fejn l-eżami tal-argumenti invokati minn dan l-Istat Membru ma weriex ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, tar-Regolament Nru 1257/2012 u tal-KEP huma suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom.

E –    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

121. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat imur kontra l-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, peress li jiddistingwi bejn, minn naħa, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ dan fl-1 ta’ Jannar 2014 billi jindika li din id-data ser tiġi posposta jekk il-ftehim QUP ma jidħolx fis-seħħ. F’dan il-każ, kienet ingħatat lill-partijiet kontraenti tal-ftehim QUP is-setgħa li jiddeterminaw id-data ta’ dħul fis-seħħ (67) ta’ regola tal-Unjoni u, konsegwentement, l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha.

122. Il-Kunsill jiddikjara li minn qari flimkien tal-premessi 9, 24 u 25 tar-Regolament Nru 1257/2012 jirriżulta li l-għażla politika mħaddma mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-PEEU, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali, kif ukoll relazzjoni tajba bejn spiża u effettività għall-proprjetarji tal-privattivi kienet li jorbot il-PEEU mal-funzjonament ta’ korp ġudizzjarju distint, li għandu jiġi stabbilit qabel ma tinħareġ l-ewwel PEEU. F’dan ir-rigward, ma jeżisti ebda ostakolu legali għall-istabbiliment ta’ rabta bejn il-PEEU u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li hija suffiċjentement immotivata mill-premessi 24 u 25 tar-Regolament Nru 1257/2012. Barra minn hekk, jeżistu fil-prattika leġiżlattiva, diversi eżempji ta’ rabta bejn l-applikabbiltà ta’ att tal-Unjoni u avveniment barrani għal dan l-att.

123. L-intervenjenti jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Kunsill.

2.      Kunsiderazzjonijiet

124. Għall-evalwazzjoni ta’ dan il-ħames motiv, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari għall-eżami tal-aħħar parti tas-sitt motiv kif ukoll tas-seba’ motiv tar-rikors, biex jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-imsemmi ħames motiv bħala infondat.

F –    Fuq it-talba għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, ifformulata sussidjarjament

1.      L-argumenti tal-partijiet

125. Il-Kunsill, mingħajr ma jopponi formalment it-talba sussidjarja tar-Renju ta’ Spanja, jistaqsi fuq ir-rilevanza tal-motivi invokati insostenn ta’ din it-talba u jżid li annullament parzjali li jirrigwarda l-Artikolu 7(2) tar-regolament ikkontestat huwa, fi kwalunkwe każ, impossibbli, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu għandu bħala suġġett l-annullament tal-Artikoli 4, 5, 6(2) u 7(2) tal-imsemmi regolament, peress li l-Artikoli 4 sa 6 tar-regolament ikkontestat jagħmlu parti integrali mir-reġim lingwistiku tal-PEEU u li l-annullament tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament ibiddel in-natura tal-PEEU u, għaldaqstant, tal-imsemmi regolament.

126. Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li fformula t-talba għal annullament parzjali biss sussidjarjament. Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprekludu kwalunkwe talba għal annullament parzjali.

2.      Kunsiderazzjonijiet

127. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li r-rekwiżit ta’ separabbiltà ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (68).

128. Mill-evalwazzjoni tiegħi tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi jirriżulta li l-Artikoli 4 u 5 tar-regolament ikkontestat għandhom bħala għan li jiffaċilitaw l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar ir-reġim lingwistiku tal-PEEU. Għalhekk, huwa inkonċepibbli li dawn id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat jiġu sseparati mingħajr ma jbiddlu s-sustanza tiegħu.

129. Fir-rigward tal-Artikoli 6(2) — li jirreferi għall-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament Nru 1257/2012 — u 7(2) tar-regolament ikkontestat, nirreferi rispettivament għall-punti 189 sa 195 u għall-punt 198 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija tar-regolament ikkontestat.

130. Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li t-talba għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat ifformulata sussidjarjament mir-Renju ta’ Spanja hija inammissibbli.

131. Peress li ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Renju ta’ Spanja insostenn tar-rikors tiegħu ma jista’ jintlaqa’, dawn għandhom jiġu miċħuda.

IV – Konklużjoni

132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–              tiċħad ir-rikors;

–              tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż tiegħu stess, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-intervenjenti li jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 361, p. 89, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”.


3 – ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa”. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament, ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Taljana, li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza Spanja u L-Italja vs Il‑Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240).


4 – ĠU L 361, p. 1.


5 – ĠU C 175, p. 1, iktar ’il quddiem il-“ftehim QUP”.


6 – Iktar ’il quddiem il-“KEP”.


7 –      Iktar ’il quddiem l-”EPO”.


8 –      Skont id-definizzjoni meħuda mill-glossarju tal-EPO, l-ispeċifikazzjoni hija d-“dokument li jiddiskrivi l-invenzjoni u li jesponi l-portata tal-protezzjoni. [Dan] [j]inkludi d-deskrizzjoni, it-talbiet u, jekk ikun il-każ, id-disinni”.


9 –      Skont id-definizzjoni meħuda mill-istess glossarju, it-talba tikkostitwixxi “parti minn applikazzjoni għal privattiva jew ta’ speċifikazzjoni ta’ privattiva. [Hija][t]iddefinixxi l-iskop tal-protezzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni f’termini ta’ karatteristiċi tekniċi”.


10 –      Iktar ’il quddiem il-“PEEU”.


11 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3.


12 –      Iktar ’il quddiem l-“Istat Membru parteċipanti”.


13 – 9/56, EU:C:1958:7.


14 – Il-kelma “pubbliku” ġiet użata fis-sentenza Kik vs UASI (C‑361/01 P, EU:C:2003:434).


15 – Ara l-premessa 15 tar-regolament ikkontestat li tipprovdi li dan tal-aħħar ma għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal sistema limitata ta’ lingwa fi kwalunkwe strument legali futur tal-Unjoni.


16 – EU:C:2003:434. Il-kawża tirrigwarda r-reġim lingwistiku stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146 ) u kienet tikkonċerna l-użu tal-lingwi mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI).


17 – Punt 82. Ara, ukoll, it-tieni ipoteżi ta’ klassifikazzjoni effettwata mill-Avukat Ġenerali Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu Spanja vs Eurojust (C‑160/03, EU:C:2004:817, punti 42 et seq) fil-kawża li tat lok għas-sentenza Spanja vs Eurojust (C‑160/03, EU:C:2005:168), li lilha tixbah din il-kawża, iżda fil-kuntest partikulari hawnhekk tal-kooperazzjoni msaħħa u tas-sistema tal-EPO.


18 – Ara J. Vanhamme, “L’équivalence des langues dans le marché intérieur: l’apport de la Cour de justice”, Cahiers de droits européens Nri 3-4, 2007, p. 359, li jistabbilixxi li, jekk l-“eżistenza [tal-]prinċipju [ta’ ugwaljanza fil-lingwi] hija, b’kull mod, diffiċilment konċepibbli, id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament li huwa prerogattiva li jorbot mal-persuni, u mhux mal-karatteristiċi tagħhom jew mal-idjomi tagħhom[, min-] naħa l-oħra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa rikonoxxut għalkollox liċ-ċittadini tal-Unjoni [...] u lill-impriżi li huma stabbiliti hemmhekk” (p. 378 u 379). [traduzzjoni mhux uffiċjali]


19 – Ara l-Artikolu 6(3) tar-regolament ikkontestat.


20 –      Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea huma ppubblikati fil-lingwa tal-proċedimenti u jinkludu traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO.


21 – Sentenza Kik vs UASI (EU:C:2003:434, punt 94).


22 – Ara p. 2 tal-Proposta ta’ Regolament mill-Kunsill li timplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni [COM(2011) 216 finali].


23 – Ħlief għall-Istati Membri li huma partijiet għall-ftehim fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 tal-KEP, konkluż f’Londra fis-17 ta’ Ottubru 2000, li bis-saħħa tiegħu l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jirrinunzjaw, kompletament jew fil-parti l-kbira, għall-preżentata tat-traduzzjoni tal-privattivi Ewropej fil-lingwa nazzjonali tagħhom meta huma għandhom lingwa tal-EPO bħala lingwa uffiċjali.


24 – Ara p. 4 u 5 tal-Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (UE) fuq id-dispożizzjonijiet relatati mat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea [COM(2010) 350 finali]. Ara, ukoll, punt 2 tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, intitolata “Impact assessment accompanying document to the proposal for a regulation of the European Parliament and the Council implementing enhanced cooperation in the area of the creation of unitary patent protection and proposal for a Council regulation implementing enhanced cooperation in the area of the creation of unitary patent protection with regard to the applicable translation arrangements” [SEC(2011) 482 finali], disponibbli fil-lingwa Ingliża.


25 – Ara, p. 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Europe 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, [KOM(2010) 2020 finali] irregolata fuq l-inizjattiva phare:“Unjoni ta’ Innovazzjoni”.


26 – Ara l-premessa 4 tar-regolament ikkontestat.


27 – Ara l-premessa 5 ta’ dan ir-regolament.


28 – Ara s-sentenza Kik vs UASI (EU:C:2003:434, punt 88).


29 – Ara n-noti esplikattivi dwar il-formola ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, disponibbli fis-sit internet tal-UASI, u t-talba għall-għoti ta’ privattiva Ewropea, disponibbli fis-sit internet tal-EPO.


30 – Ara d-definizzjoni li tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


31 – Ara punt 4.1, p. 14 tal-analiżi ta’ impatt tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


32 – Ara punt 5.2.2.2, p. 18 u 19 tal-Proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja [COM(2010) 790 finali].


33 – Ara s-sentenza Kik vs UASI (T‑120/99, EU:T:2001:189, punt 63).


34 – L-ispiża ta’ tali traduzzjoni titla’ sa EUR 85 għal kull paġna (ara punt 4.1, p. 14 tal-analiżi ta’ impatt tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24).


35 – Ara punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


36 – Ara Anness 2, p. 43, tal-analiżi ta’ impatt tal-Kummissjoni, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


37 – EU:C:2003:434.


38 – Punt 92.


39 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kik vs UASI (EU:C:2003:434, punt 92).


40 – Korsiv miżjud minni.


41 – Ara, ukoll, il-premessa 8 tar-regolament ikkontestat.


42Idem.


43 – Ara, ukoll, il-premessa 9 tar-regolament ikkontestat.


44 – Hija l-Kummissjoni li għandha tipproponi li ttemm dan il-perijodu tranżitorju fid-dawl tal-evalwazzjonijiet oġġettivi li twettqu minn kumitat ta’ esperti indipendenti. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi perijodu ser jasal fit-tmiem tnax-il sena wara d-data ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat (ara l-Artikolu 6(3) sa (5) tar-regolament ikkontestat).


45 – Ara, ukoll, il-premessa 10 tar-regolament ikkontestat.


46 – EU:C:1958:7.


47Idem.


48 –      Ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49 – Ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50 – Ara, b’mod iktar speċifiku, punti 113 u 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 – Ara, b’mod iktar speċifiku, punti 127 u 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Perijodu li jinsab ftit qabel ir-riċeviment tat-traduzzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-regolament ikkontestat.


53 –      Ir-reġistru tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1257 bħala r-reġistru li jifforma parti mir-reġistru Ewropew tal-privattivi li fih huma rreġistrati l-effett unitarju kif ukoll kull limitazzjoni, kull liċenzja, kull trasferiment, kull revoka jew skadenza tal-PEEUs. Dan ir-reġistru huwa disponibbli online (ara s-sit internet http://www.epo.org/searching/free/register_fr.html).


54 – Ara s-sentenza LVK – 56 (C‑643/11, EU:C:2013:55, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55 – Infakkar li l-Artikolu 9(1)(g) tar-Regolament Nru 1257/2012 jipprovdi li l-EPO jiżgura li talba għal effett unitarju mill-proprjetarju tal-privattiva Ewropea tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri kif definit fl-Artikolu 14(3) tal-KEP, mhux iktar tard minn xahar wara li r-referenza tal-għotja tiġi ppubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva.


56 – Il-lingwa ta’ proċedura hija l-lingwa ta’proċedura użata fil-proċedura quddiem l-EPO, fis-sens tal-Artikolu 14(3) tal-KEP.


57 – Korsiv miżjud minni.


58 – Ara l-punti 128 sa 131 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑146/13), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


59 – Iktar ’il quddiem il-“Kumitat Magħżul”.


60 – Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jistabbilixxi kumitat magħżul bil-għan li jikkontrolla l-attività tad-dipartimenti speċjali maħluqa bis-saħħa tal-Artikolu 143(2) tal-KEP. Il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Kumitat Magħżul huma stabbiliti mill-grupp ta’ Stati kontraenti.


61 – Ara s-sit internet http://www.epo.org/news-issues/news/2014/20140328a_fr.html.


62 – Din id-dispożizzjoni, li dehret preċedentement, ittaffi l-konsegwenzi tat-traduzzjoni tal-PEEU f’numru limitat ta’ lingwi.


63 – Ara l-punt 7.3.2, p. 34, tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


64 – Bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) u (4) ta’ dan ir-regolament, sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-Kummissjoni tista’ ttemm il-perijodu tranżitorju, fid-dawl tal-ewwel evalwazzjoni ta’ kumitat ta’ esperti indipendenti, u kull sentejn minn dakinhar, fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet ulterjuri ta’ dan il-kumitat.


65 – Ara l-Artikolu 6(5) tar-regolament ikkontestat.


66 – Ara l-premessa 12 ta’ dan ir-regolament.


67 – Nifhem id-data ta’ applikazzjoni.


68 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).