Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2011 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-661/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: G. Aiello, Avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 7105 tal-14 ta' ottubru 2011, sa fejn teskludi mill-finanzjament Komunitarju u timputa lill-baġit tar-Repubblika Taljana l-ħlas ta' ċertu nfiq sostnut taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata fil-preżenti kawża hija r-riżultat ta' żewġ investigazzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni, għall-kampanji tal-ħalib 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007, u qed tipproponi korrezzjoni finanzjarja globali, f'dan ir-rigward, li għandha titħallas mill-Italja, ta' EUR 85 625 455.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka:

a)     ksur u / jew applikazzjoni falza tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) tal-21 ta' Ġunju 2006 Nru 885/20062, u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-preparazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ħlas tal-kontijiet tat-taqsima ta' Garanzija FAEGG Dok. VI/5330/97, adottat fit-23 ta' Diċembru 1997 kif ukoll ksur tal-Artikolu 230 tat-Trattat KE minħabba abbuż ta' poter.

Huwa ddikjarat f'dan ir-rigward li l-applikazzjoni f'dan il-każ tar-rata fissa ta' korrezzjoni għandha titneħħa għaliex kien possibbli, wara l-verifiki mwettqa, għalkemm f'xi każijiet tardivi, li jiġu stabbiliti s-"sotto-dikjarazzjonijiet" eventwali, u b'hekk jiġu imposti penali fuq l-awturi tad-dikjarazzjonijiet foloz, u b'hekk tinġabar it-taxxa addizzjonali li eventwalment tkun dovuta u b'dan il-mod jiġi evitat li jseħħ telf għall-fondi Komunitarji għad-daqs iżgħar ta' dħul.

b)     ksur u / jew applikazzjoni falza tal-Artikoli 21 u 22(1)(b) tar-Regolament (KE) tat-30 ta' Marzu 2004 Nru 595/2004.

Huwa maħsub f'dan ir-rigward li r-regoli applikabbli, relattivi għall-kontrolli tax-xerrejja, tpoġġi korrelazzjoni mhux fuq in-numru tagħhom, imma fuq il-perċentwali tal-ħalib li għandu jkun suġġett għall-kontroll u li għandu jirrappreżenta mill-anqas 40 % tal-ħalib iddikjarat qabel il-korrezzjoni għall-perijodu inkwistjoni. Huwa fil-fatt evidenti li l-fattur ta' riskju għas-sistema ta' finanzjament tal-FAEGG huwa marbut mill-qrib mal-kwantità ta' ħalib globali prodott minn kull Stat Membru. Huwa proprju fuq dan il-volum li għandu jiġi evalwat ir-riskju ta' preġudizzju li jista' jinkiseb mill-fondi komunitarji minn nuqqas ta' ħlas tat-taxxa addizzjonali.

ċ)     ksur u / jew applikazzjoni falza tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) tal-21 ta' Ġunju 2006 Nru 885/2006, diġà ċċitat, u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ħlas tal-kontijiet tat-taqsima ta' Garanzija FAEGG Dok. VI/5330/97 adottat fit-23 ta' diċembru 1997, kif ukoll ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll ksur tal-Artikolu 230 tat-Trattat KE minħabba abbuż ta' poter.

Għall-Istat rikorrenti, il-Kummissjoni użat il-perċentwali ta' korrezzjoni finanzjarja biex tistima l-qabża possibbli tal-kwota u t-taxxa konsegwenti, waqt li żidietu mal-qabża tal-kwota ta' produzzjoni nazzjonali u waqt li sseparatu sabiex tassenjah mill-ġdid lir-reġjuni individwali suġġetti għall-kontrolli biex jingħalqu l-kontijiet. Issa, b'approċċ ta' dan it-tip, il-kunċett tar-rata fissa ta' korrezzjoni sar arbitrarju, bil-ksur konsegwenti tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

d)     Fl-aħħar nett, qed jiġi sostnut wkoll il-ksur u / jew applikazzjoni falza tal-Artikolu 253 tat-Trattat KE għan-nuqqas, jew insuffiċjenza, ta' motivazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta' korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90-110)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.