Language of document : ECLI:EU:T:2010:511

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

10 ta’ Diċembru 2010(*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001– Dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ verifika tal‑għajnuna mill‑Istat – Rifjut impliċitu ta’ aċċess – Rifjut espliċitu ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki – Obbligu li jsir eżami konkret u individwali”

Fil‑Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08,

Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l‑Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida u I‑G. Metaxas‑Maragkidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talba għall‑annullament tad‑deċiżjonijiet impliċiti tal‑Kummissjoni li jirrifjutaw li jagħtu aċċess lir‑rikorrenti għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw proċeduri ta’ verifika ta’ allegata għajnuna mill‑Istat mogħtija lilha mill‑operaturi tal‑ajruporti ta’ Aarhus (id‑Danimarka) (Kawża T‑494/08), ta’ Alghero (l-Italja) (Kawża T‑495/08), ta’ Berlin‑Schönefeld (il-Ġermanja) (Kawża T‑496/08), ta’ Frankfurt‑Hahn (il-Ġermanja) (Kawża T‑497/08), ta’ Lübeck‑Blankensee (il‑Ġermanja) (Kawża T‑498/08), ta’ Pau‑Béarn (Franza) (Kawża T‑499/08), ta’ Tampere‑Pirkkala (il‑Finlandja) (Kawża T‑500/08) u ta’ Bratislava (is‑Slovakkja) (Kawża T‑509/08), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall‑annullament tad‑deċiżjonijiet espliċiti sussegwenti li jirrifjutaw aċċess għall‑imsemmija dokumenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tas‑7 ta’ Lulju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Bejn l‑2002 u l‑2006, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej irċeviet bosta lmenti li kienu jirrigwardaw l‑allegata għajnuna mill‑Istat mogħtija lir‑rikorrenti, Ryanair Ltd, mill‑operaturi tal‑ajruporti ta’ Aarhus (id‑Danimarka), ta’ Alghero (l‑Italja), ta’ Berlin‑Schönefeld (il-Ġermanja), ta’ Frankfurt‑Hahn (il-Ġermanja), ta’ Lübeck‑Blankensee (il-Ġermanja), ta’ Tampere‑Pirkkala (il‑Finlandja) u ta’ Bratislava (is‑Slovakkja).

2        Barra minn dan, fis‑26 ta’ Jannar 2007, il‑Kummissjoni rċeviet notifika mill‑awtoritajiet Franċiżi dwar il‑kuntratti konklużi mix-chambre de commerce et d’industrie Pau‑Béarn (Franza) (il‑Kamra tal‑Kummerċ u tal‑Industrija ta’ Pau‑Béarn) mar‑rikorrenti u ma’ waħda mis‑sussidjarji tagħha.

3        Għal kull każ, il‑Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali tal‑għajnuna allegatament mogħtija lir‑rikorrenti. Sunt ta’ dawn id‑deċiżjonijiet, li informa lill‑partijiet interessati bil‑possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, ġie ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea.

4        B’ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2008 (Kawża T‑509/08) u b’ittri tal‑25 ta’ Ġunju 2008 (Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08), ir‑rikorrenti talbet lill‑Kummissjoni tagħtiha aċċess, skont ir‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l‑aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal‑Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għall‑fajls li jirrigwardaw l‑allegata għajnuna mill‑Istat li ngħatatilha mill‑operaturi tal‑ajruporti ta’ Aarhus, ta’ Alghero, ta’ Berlin‑Schönefeld, ta’ Frankfurt‑Hahn, ta’ Lübeck‑Blankensee, ta’ Pau‑Béarn, ta’ Tampere‑Pirkkala u ta’ Bratislava.

5        Ir‑rikorrenti talbet b’mod partikolari aċċess għall‑ilmenti u għan‑notifika rċevuti mill‑Kummissjoni, għall‑kummentarji ta’ partijiet terzi, għall‑iskambji ta’ ittri u messaġġi oħra bejn il‑Kummissjoni, l‑Istati Membri kkonċernati u l‑operaturi tal‑ajruporti kkonċernati, għad‑dokumenti pprovduti lill‑Kummissjoni mill‑Istati Membri u mill‑operaturi tal‑ajruporti kkonċernati, u għal kull dokument ieħor li jinsab fil‑fajls tal‑Kummissjoni, inklużi l‑analiżi tad‑dokumenti rċevuti mwettqa mill‑Kummissjoni, l‑istudji, ir-rapporti, l-investigazzjonijiet u l‑konklużjonijiet intermedjarji li wasslu għad‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni li tiftaħ il‑proċeduri ta’ investigazzjoni formali. Ir‑rikorrenti ppreċiżat li, fil-każ li ċerti partijiet tad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjoni tagħha jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet għad‑dritt ta’ aċċess, hija kienet qiegħda titolob sabiex tikseb il‑partijiet ta’ dawn id‑dokumenti li ma kinux ikkonċernati b’dawn l‑eċċezzjonijiet.

6        B’ittri tal‑10 ta’ Lulju 2008 (Kawża T‑509/08), tal‑15 ta’ Lulju 2008 (Kawża T‑499/08), tas‑17 ta’ Lulju 2008 (Kawżi T‑496/08, T‑498/08 u T‑500/08), tat‑22 ta’ Lulju 2008 (Kawżi T‑494/08 u T‑497/08) u tal‑24 ta’ Lulju 2008 (Kawża T‑495/08), il‑Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjonijiet, bl‑eċċezzjoni tad‑deċiżjonijiet li tiftaħ il‑proċeduri ta’ investigazzjoni formali, kif ippubblikati fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea.

7        Permezz ta’ applikazzjonijiet konfermatorji rreġistrati fil‑11 ta’ Awwissu 2008 (Kawża T‑509/08) u fil‑25 ta’ Awwissu 2008 (Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08), ir‑rikorrenti talbet lill‑Kummissjoni sabiex tikkunsidra mill‑ġdid ir‑rifjut tagħha u sabiex tagħtiha aċċess għad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjonijiet inizjali tagħha.

8        B’ittri tat‑2 ta’ Settembru 2008 (Kawża T‑509/08) u tal‑15 ta’ Settembru 2008 (Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08) (iktar ’il quddiem “l‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu”), il‑Kummissjoni indikat lir‑rikorrenti li ma kienx irnexxielha tiġbor l‑elementi kollha neċessarji sabiex tipproċedi għal analiżi fil‑forma meħtieġa tal‑applikazzjonijiet għal aċċess u li ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tieħu deċiżjonijiet finali. Konsegwentement, il‑Kummissjoni estendiet it‑terminu għal risposta bi ħmistax il‑jum ta’ xogħol f’kull kawża.

9        B’ittri tat‑23 ta’ Settembru 2008 (Kawża T‑509/08) u tas‑6 ta’ Ottubru 2008 (Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08) (iktar ’il quddiem “it‑tieni ittri għall‑estensjoni tat‑terminu”), il‑Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tieħu deċiżjonijiet finali minkejja l‑estensjoni tat‑terminu u li kienet se tagħmel dak kollu neċessarju sabiex tikkomunikalha r-risposti finali fl‑iqsar żmien possibbli.

10      B’ittri tas‑26 ta’ Settembru 2008 (Kawża T‑509/08), tat‑8 ta’ Ottubru 2008 (Kawża T‑495/08), tad‑9 ta’ Ottubru 2008 (Kawża T‑494/08), tat‑23 ta’ Ottubru 2008 (Kawża T‑499/08), tal‑31 ta’ Ottubru 2008 (Kawża T‑500/08), tal‑20 ta’ Novembru 2008 (Kawża T‑496/08), tas‑6 ta’ Jannar 2009 (Kawża T‑498/08) u tat‑18 ta’ Frar 2009 (Kawża T‑497/08) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjonijiet espliċiti”), il‑Kummissjoni indikat lir‑rikorrenti li kienet qiegħda tirrifjuta li tagħtiha aċċess għad‑dokumenti mitluba bl‑eċċezzjoni a) ta’ tliet applikazzjonijiet għall‑estensjoni tat‑terminu ppreżentati mill‑awtoritajiet Daniżi (Kawża T‑494/08); b) ta’ żewġ dokumenti ta’ posta elettronika tal‑awtoritajiet Taljani fejn talbu estensjoni tat‑terminu u ta’ żewġ ittri tal‑Kummissjoni li jagħtu estensjoni tat‑terminu (Kawża T‑495/08); c) ta’ tliet applikazzjonijiet għall‑estensjoni tat‑terminu ppreżentati mill‑awtoritajiet Ġermaniżi u ta’ erba’ risposti pożittivi tal‑Kummissjoni (Kawża T‑496/08); d) ta’ risposta pożittiva tal‑Kummissjoni għal applikazzjoni mill‑awtoritajiet Ġermaniżi sabiex testendi terminu (Kawża T‑497/08); e) ta’ żewġ applikazzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu ppreżentati mill‑awtoritajiet Ġermaniżi u ta’ tliet risposti pożittivi tal‑Kummissjoni (Kawża T‑498/08); f) ta’ applikazzjoni għall-estensjoni tat-terminu mill‑awtoritajiet Franċiżi u ta’ ittra tal‑Kummissjoni li taċċettaha (Kawża T‑499/08); g) ta’ żewġ applikazzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu ppreżentati mill‑awtoritajiet Finlandiżi u ta’ żewġ ittri tal‑Kummissjoni li tagħti l‑estensjonijiet mitluba (Kawża T‑500/08) u h) ta’ żewġ applikazzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu ppreżentati mill‑awtoritajiet Slovakki (Kawża T‑509/08).

11      Essenzjalment, il‑Kummissjoni kkunsidrat li d‑dokumenti l‑oħra previsti mill‑applikazzjonijiet tar‑rikorrenti kienu koperti, fit‑totalità tagħhom, mill‑eċċezzjonijiet previsti fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki) u fl‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑proċess tat‑teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni). Barra minn hekk, il‑Kummissjoni qieset li ċerti dokumenti kienu koperti wkoll mill‑eċċezzjonijiet previsti fl‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) (eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑interessi kummerċjali), fit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) (eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑proċess tat‑teħid ta’ deċiżjonijiet wara l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni), u, fil‑Kawżi T‑494/08, T‑496/08, T‑497/08, T‑499/08 u T‑500/08, fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) (eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑pariri legali) tar‑Regolament Nru 1049/2001. Hija qieset ukoll li ebda interess pubbliku ikbar ma seta’ jiġġustifika l‑iżvelar tad‑dokumenti u li ebda aċċess parzjali ma kien possibbli sa fejn id‑dokumenti kienu kompletament koperti minn mill‑inqas żewġ eċċezzjonijiet.

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

12      Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Novembru 2008 (Kawża T‑509/08) u fl‑14 ta’ Novembru 2008 (Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08), ir‑rikorrenti ppreżentat dawn ir‑rikorsi.

13      B’ittri tat‑22 ta’ Diċembru 2008, tad‑9 ta’ Jannar u tal‑20 ta’ Frar 2009, ir‑rikorrenti talbet permess temenda t‑talbiet u l‑motivi tagħha rispettivament fil‑Kawżi T‑496/08, T‑498/08 u T‑497/08 wara n‑notifika tad‑deċiżjonijiet espliċiti adottati mill‑Kummissjoni. Il‑Qorti Ġenerali awtorizzaha tagħmel dan fid‑29 ta’ Jannar u fis‑26 ta’ Marzu 2009.

14      B’ittra tal‑14 ta’ Awwissu 2009, ir‑rikorrenti talbet li l‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑496/08, T‑497/08, T‑498/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08 jingħaqdu flimkien kif ukoll l‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura.

15      B’digriet tal‑14 ta’ Ottubru 2009, il‑President tat‑Tmien Awla tal‑Qorti Ġenerali ordna t‑tagħqid tal‑kawżi għall‑finijiet tal‑proċedura orali.

16      B’digriet tal‑25 ta’ Novembru 2009, il‑President tat‑Tmien Awla tal‑Qorti Ġenerali ordna, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 65(b), tal‑Artikolu 66(1) u tat‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 67(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, lill‑Kummissjoni sabiex tipproduċi kopji tad‑dokumenti kollha li hija rrifjutat l‑aċċess għalihom. Hija ssodisfat din it‑talba.

17      B’ittra tat‑12 ta’ Marzu 2010, il‑Qorti Ġenerali, fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura previsti fl‑Artikolu 64 tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li dawn wieġbu fit-terminu stabbilit.

18      Billi kkunsidra li l‑kawżi inkwistjoni kienu jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni identika għal dik imqajma fil‑Kawża C‑139/07 P, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, imressqa quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑President tat‑Tmien Awla tal‑Qorti Ġenerali, b’digriet tat‑12 ta’ April 2010, issospenda, skont it‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 54 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u skont l‑Artikolu 77(a) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑proċedura fil‑kawżi preżenti sal‑għoti tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

19      Fid‑29 ta’ Ġunju 2010, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tat sentenza fil‑Kawża Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra).

20      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis‑seduta tas‑7 ta’ Lulju 2010. B’mod partikolari, il‑partijiet ippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fuq is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, u l‑konsegwenzi tagħha fuq il‑kawżi preżenti.

21      Il‑Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill‑partijiet f’dan ir‑rigward waqt is‑seduta, skont l‑Artikolu 50 tar‑Regoli tal‑Proċedura, tqis li hemm lok li l‑Kawżi T‑494/05 sa T‑500/08 u T‑509/08, jingħaqdu għall‑finijiet tas‑sentenza.

22      Ir‑rikorrenti titlob lill‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        minn naħa, tiddikjara li d‑deċiżjonijiet espliċiti fil-Kawżi T-494/08, T-495/08, T-496/08, T-498/08, T-499/08, T-500/08 u T-509/08 huma ineżistenti u li d-deċiżjoni espliċita fil-Kawża T-497/08 hija nieqsa minn effetti ġuridiċi;

–        sussidjarjament, tannulla d‑deċiżjonijiet espliċiti;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

23      Il‑Kummissjoni titlob lill‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikorsi bħala inammissibbli sa fejn huma intiżi sabiex jiksbu l‑annullament tal-allegati deċiżjonijiet impliċiti;

–        tiċħad ir‑rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id‑dritt

1.     Fuq l‑ewwel parti tat‑talbiet, intiża minn naħa, sabiex jiġu annullati d‑deċiżjonijiet impliċiti, u, min-naħa l-oħra, sabiex d-dċiżjonijiet espliċiti fil-Kawżi T-494/08, T-495/08, T-496/08, T-498/08, T-499/08, T-500/08 u T-509/08 jiġi ddikjarati bħala ineżistenti u d-deċiżjoni espliċita fil-Kawża T-497/08 tiġi ddikjarata nieqsa minn effetti ġuridiċi

 L‑argumenti tal‑partijiet

24      Ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu jiksru l‑Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 sa fejn, l‑ewwel nett, inħarġu fl‑aħħar ġurnata tat‑terminu previst fl‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem it‑“terminu inizjali”) u, it‑tieni nett, ma fihomx motivazzjoni dettaljata. Għaldaqstant, hija tqis li r‑rifjut impliċitu tal‑Kummissjoni li tagħti aċċess għad‑dokumenti seħħ mal‑iskadenza tat‑terminu inizjali.

25      Ir‑rikorrenti żżid li, f’kull każ, anki jekk l‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu għandhom jiġi kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex ikun hemm estensjoni tat‑terminu inizjali, ebda deċiżjoni espliċita ma ġiet adottata qabel l‑iskadenza tat‑terminu estiż. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti tikkonkludi li, fin‑nuqqas ta’ risposta espliċita tal‑Kummissjoni fit‑termini stabbiliti mill‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001, jeżistu deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut li jingħata aċċess għad‑dokumenti.

26      Ir‑rikorrenti ssostni li hija għandha interess sabiex tikseb l‑annullament tad‑deċiżjonijiet impliċiti. Fil‑fatt, id‑deċiżjonijiet espliċiti huma ineżistenti jew, l‑iktar l‑iktar, sempliċi konfermazzjonijiet tad‑deċiżjonijiet impliċiti u għaldaqstant ma jipproduċu ebda effett legali addizzjonali. Sabiex id‑deċiżjonijiet espliċiti ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet purament konfermattivi, kien neċessarju, skont ir‑rikorrenti, li l‑kontenut tagħhom ikun sostanzjalment differenti minn dak ta’ risposta negattiva. Issa, dan ma huwiex il‑każ fil‑kawża preżenti.

27      Ir‑rikorrenti tafferma li hija għandha interess ġuridiku sabiex tikkontesta d‑deċiżjonijiet impliċiti sabiex fil‑futur il‑Kummissjoni ma terġax twettaq ksur tal‑obbligu tagħha li tirrispondi fit‑termini stabbiliti u sabiex tipproteġi ċ‑ċertezza legali tal‑applikanti għal aċċess għal dokumenti.

28      Il‑Kummissjoni tqis li l‑ispjegazzjoni mogħtija fl‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu hija ferm suffiċjenti sabiex ir‑rikorrenti tkun tista’ tifhem ir‑raġuni għalfejn hija ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tirrispondi sal‑iskadenza tat‑terminu inizjali. Għaldaqstant, hija ma kisritx l‑Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 billi estendiet it‑terminu inizjali.

29      Il‑Kummissjoni tammetti li, sussegwentement, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti risposta definittiva sal‑iskadenza tat‑terminu estiż. Madankollu, hija tikkunsidra li, minħabba t‑tmien applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti ppreżentati fl‑istess ħin mir‑rikorrenti, u sabiex tirrikonċilja l‑interessi tal‑applikant u l‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, hija kellha tkun awtorizzata sabiex testendi t‑termini stretti previsti fl‑Artikoli 7 u 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001 u sabiex tipproċedi għall-eżami tal‑applikazzjonijiet f’terminu raġjonevoli.

30      Fil‑kawżi preżenti, il‑Kummissjoni tikkunsidra li ħadet debitament inkunsiderazzjoni l‑interessi tar‑rikorrenti billi adottat tmien deċiżjonijiet espliċiti bejn it‑8 ta’ Ottubru 2008 u t‑18 ta’ Frar 2009. Konsegwentement, hija tqis li, fid‑data tal‑preżentata tar‑rikorsi, ma kienet teżisti ebda deċiżjoni impliċita li setgħet tkun is‑suġġett ta’ rikors.

31      Anki jekk jitqies li jeżistu deċiżjonijiet impliċiti, il‑Kummissjoni tikkunsidra li r‑rikorsi ppreżentati kontra dawn l‑atti huma inammissibbli, u dan peress li d‑deċiżjonijiet impliċiti ġew issostitwiti bid-deċiżjonijiet espliċiti. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti tilfet kull interess ġuridiku sabiex tikkontesta d‑deċiżjonijiet impliċiti, u dan peress li l‑annullament tagħhom ma jistax ikun ta’ benefiċċju għaliha. Fil‑fatt, l‑annullament tad‑deċiżjonijiet impliċiti jista’ jkollu biss bħala effett li jobbliga lill‑Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjonijiet espliċiti dwar l‑istess dokumenti, li kien diġà seħħ fil‑kawżi preżenti.

32      Il‑Kummissjoni ssostni li d‑deċiżjonijiet espliċiti ma humiex deċiżjonijiet konfermattivi tad‑deċiżjonijiet impliċiti sa fejn jipproċedu għal eżami mill‑ġdid tas‑sitwazzjoni tar‑rikorrenti, jimmotivaw ir‑rifjut ta’ aċċess għal uħud mid‑dokumenti mitluba u jagħtu aċċess għal ċerti dokumenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

33      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi dan li ġej:

“1. Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal‑ewwel. Sa żmien 15‑il jum utli mir‑reġistrazzjoni ta’ din l‑applikazzjoni, l‑istituzzjoni għandha jew tagħti l‑aċċess għad‑dokument mitlub u tagħti aċċess skond l‑Artikolu 10 f’dak il‑perjodu jew, fi tweġiba bil‑miktub, tagħti r‑raġunijiet għar‑rifjut totali jew parzjali. Fil‑każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l‑istituzzjoni għandha tavża l‑applikant dwar ir‑rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil‑qrati kontra l‑istituzzjoni u/jew ilment lill‑Ombudsman, skond il‑kondizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikoli 230 [KE] u 195 [KE], rispettivament.

2. F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil‑każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it‑terminu previst fil‑paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il‑jum utli, sakemm l‑applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

3. Nuqqas mill‑istituzzjoni li twieġed fit‑terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d‑dritt lill‑applikant li jiftaħ proċedimenti fil‑qrati kontra l‑istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill‑Ombudsman, taħt id‑dispożizzjonijiet rilevanti tat‑Trattat tal‑KE.”

34      Qabel kollox, fir‑rigward tal‑validità tal‑ewwel estensjoni tat‑terminu għal risposta mill‑Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat l‑ewwel nett li tressqu quddiem il‑Kummissjoni tmien applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti kważi f’daqqa, li jirrapreżentaw total ta’ 377 dokument, ġejjin mill‑istess applikant u li jirrigwardaw kawżi li għandhom rabta bejniethom. Għaldaqstant, l‑applikazzjonijiet kienu jirrigwardaw numru kbir ta’ dokumenti.

35      It‑tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l‑Kummissjoni bagħtet lir‑rikorrenti l‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu permezz ta’ faks fl‑aħħar ġurnata tat‑terminu inizjali.

36      It‑tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, fl‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu, il‑Kummissjoni spjegat li l‑applikazzjonijiet kienu qed jiġu pproċessati, iżda li ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tiġbor flimkien id‑dokumenti neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni finali. Hija fakkret ukoll, fil‑Kawżi T‑494/08 sa T‑500/08, li r‑rikorrenti kienet ippreżentat seba’ applikazzjoni konfermattivi ta’ aċċess għal dokumenti f’daqqa. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir‑rikorrenti kienet f’pożizzjoni sabiex tifhem ir‑raġunijiet partikolari għall‑estensjoni f’kull kawża. Għaldaqstant, il‑motivazzjoni hija suffiċjentement iddettaljata.

37      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li l‑ewwel ittri għall‑estensjoni tat‑terminu huma konformi mar‑rekwiżiti stipulati fl‑Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 u estendew b’mod validu t‑terminu inizjali ta’ ħmistax‑il jum ta’ xogħol, b’tali mod li ebda deċiżjoni impliċita ma ġiet adottata fit‑tmiem tat‑terminu inizjali.

38      Fir‑rigward tat‑tieni ittri għall‑estensjoni tat‑terminu, għandu jiġi nnotat li, skont l‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001, il‑Kummissjoni ma setgħatx testendi t‑terminu inzijali iktar minn darba u li, fit‑tmiem tat‑terminu estiż, huwa meqjus li ġiet adottata deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess.

39      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi nnotat li t‑terminu previst mill‑Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura imperattiva (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 60 u 70) u ma jistax jiġi estiż ħlief fiċ‑ċirkustanzi previsti fl‑Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, inkella dan l‑artikolu jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu, peress li ma jibqax possibbli għall‑applikant li jkun jaf b’mod eżatt mil‑liema data jkun jista’ jippreżenta r‑rikors jew l-ilment previsti fl‑Artikolu 8(3) tal‑imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑21 ta’ April 2005, Housieaux, C‑186/04, Ġabra p. I‑3299, punt 26).

40      Għaldaqstant, it‑tieni ittri għall‑estensjoni tat‑terminu ma jistgħux jestendu t‑termini b’mod validu. F’kull kawża, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni fit‑tmiem tat-terminu estiż għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess.

41      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il‑persuna jkollha interess li l‑att ikkontestat jiġi annullat (ara s‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

42      Fid‑dawl tas‑suġġett tar‑rikors, l‑interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jeżisti fil‑fażi tal‑preżentata tiegħu, għaliex inkella r-rikors ikun inammissibbli (sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

43      Barra minn hekk, l‑interess ġuridiku għandu jibqa’ eżistenti sad‑deċiżjoni finali, għaliex inkella ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, sa fejn l-għoti ta’ deċiżjoni jissupponi li r‑rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ lir‑rikorrent (ara s‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

44      Jekk l‑interess ġuridiku tar-rikorrent jintemm matul il‑proċedura, deċiżjoni fuq il‑mertu mill‑Qorti Ġenerali ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih (ara s‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil‑kawżi preżenti, fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba għall-annullament tad‑deċiżjonijiet impliċiti li seħħew meta ntemm it-terminu estiż, għandu jiġi nnotat li, permezz tal‑adozzjoni tad‑deċiżjonijiet espliċiti, il‑Kummissjoni, fil‑fatt, irtirat l-imsemmija deċiżjonijiet impliċiti, (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

46      Issa, għandu jiġi rrilevat li eventwali annullament minħabba difett proċedurali tad‑deċiżjonijiet impliċiti jista’ jagħti lok biss għal deċiżjonijiet ġodda, essenzjalment identiċi għad‑deċiżjonijiet espliċiti. Barra minn hekk, l‑eżami tar‑rikorsi kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti ma jistax jiġi ġġustifikat la mill‑għan li jiġi evitat li tirripproduċi ruħha l‑illegalità allegata, fis‑sens tal‑punt 50 tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, (C-362/05 P, Ġabra p. I‑4333), u lanqas permezz tal‑għan li jiġu ffaċilitati eventwali rikorsi għad‑danni, peress li dawn l‑għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz tal‑eżami tar‑rikorsi kontra d‑deċiżjonijiet espliċiti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan isegwi li r‑rikorsi fil‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08 huma inammissibbli sa fejn huma diretti kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti kkonċernati, imsemmija fil‑punt 40 iktar ’il fuq, u dan sa fejn ir‑rikorrenti ma kellhiex interess ġuridiku sabiex tikkontesta l‑imsemmija deċiżjonijiet, minħabba l‑adozzjoni, qabel il‑preżentata tal‑imsemmija rikorsi, tad‑deċiżjonijiet espliċiti, li hija titlob l‑annullament tagħhom sussidjarjament.

48      Bl‑istess mod, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir‑rikorsi fil‑Kawżi T‑496/08, T‑497/08 u T‑498/08 sa fejn huma diretti kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti kkonċernati, u dan sa fejn ir‑rikorrenti ma għadx għandha interess ġuridiku sabiex tikkontesta l‑imsemmija deċiżjonijiet, minħabba l‑adozzjoni, wara l‑preżentata tal‑imsemmija rikorsi, tad‑deċiżjonijiet espliċiti, li hija titlob l‑annullament tagħhom sussidjarjament.

49      It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑allegata ineżistenza tad-deċiżjonijiet espliċiti, għandu jiġi mfakkar li l‑kwalifika ta’ att ineżistenti għandha tiġi rriżervata għal dawk li huma vvizzjati minn difetti partikolarment serji u manifesti (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punt 10). Is‑serjetà tal‑konsegwenzi marbuta mal‑konstatazzjoni tal‑ineżistenza ta’ att tal‑istituzzjonijiet timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir biss f’każijiet estremi (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 50, u tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 86).

50      Issa, fil‑kawżi preżenti, is-sempliċi fatt li d‑deċiżjonijiet espliċiti kkontestati kienu ġew adottati wara l‑iskadenza tat‑terminu previst fl‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001 ma għandux l-effett li jċaħħad lill‑Kummissjoni mis‑setgħa li tadotta deċiżjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 sa 59). Barra minn hekk, mill‑punti 53 sa 103 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li d‑deċiżjonijiet espliċiti ma huma vizzjati minn ebda difett.

51      Għaldaqstant, it‑talbiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata l‑ineżistenza tad‑deċiżjonijiet espliċiti għandhom jiġu miċħuda. L-istess, mill-punti 45 sa 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-talbiet intiżi sabiex jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni espliċita fil-Kawża T‑497/08 hija nieqsa minn effetti ġuridiċi għandhom jiġu miċħuda.

52      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l‑ewwel parti tat‑talbiet għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti tat‑talbiet, intiża sabiex jinkiseb l‑annullament tad‑deċiżjonijiet espliċiti

53      Sussidjarjament, ir‑rikorrenti titlob l‑annullament tad‑deċiżjonijiet espliċiti billi tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l‑ewwel wieħed, fuq ksur tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1049/2001 u, it‑tieni wieħed, fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1049/2001

54      Insostenn ta’ dan il‑motiv, ir‑rikorrenti ssostni li, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tal‑eċċezzjonijiet invokati, il‑Kummissjoni ma wettqitx eżami individwali u konkret tad‑dokumenti, li l-Kummissjoni ma wrietx li l‑iżvelar tagħhom kien effettivament jippreġudika l‑interessi protetti mill‑imsemmija eċċezzjonijiet u li l‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑interess pubbliku ikbar li kien jiġġustifika l‑iżvelar tagħhom. Barra minn hekk, hija takkuża lill‑Kummissjoni li ma tatx aċċess parzjali għall‑imsemmija dokumenti.

55      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti Ġenerali tqis opportun li tiddeċiedi l‑ewwel fuq l‑applikazzjoni, mill‑Kummissjoni, tal‑eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet.

 Fuq l‑eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet, prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001

–       L‑argumenti tal‑partijiet

56      Ir‑rikorrenti tqis li d‑dritt ta’ aċċess previst mir‑Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi l-prinċipju u li l‑eċċezzjonijiet għal dan tal‑aħħar għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Hija tikkunsidra li dan id‑dritt ta’ aċċess għandu jippermetti l‑iżvelar ta’ fajl tal‑investigazzjoni dwar għajnuna mill‑Istat, anki jekk l‑applikant ikun il‑benefiċjarju tal‑għajnuna allegata.

57      Ir‑rikorrenti ssostni li l‑ipproċessar ta’ applikazzjoni għal aċċess, u b’mod partikolari l-eventwali implementazzjoni tal‑eċċezzjonijiet previsti fl‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1049/2001, għandhom ikunu s‑suġġett ta’ eżami individwali u konkret ħlief meta, minħabba ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun manifest li l‑aċċess għad‑dokumenti għandu jiġi miċħud, jew, bil‑kontra, mogħti. Dan jista’ jkun il‑każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti kienu manifestament koperti fit‑totalità tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, bil‑kontra, kienu manifestament aċċessibbli fit‑totalità tagħhom, jew kienu diġà s‑suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill‑Kummissjoni f’ċirkustanzi simili.

58      Skont ir‑rikorrenti, il‑Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma wettqitx eżami individwali u konkret tad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjonijiet tagħha filwaqt li ma kienet teżisti ebda ċirkustanza partikolari li kienet tiġġustifika n‑nuqqas ta’ tali eżami. Fil‑fatt, la l‑applikazzjoni tar‑regoli tal-kompetizzjoni u lanqas l‑eżistenza ta’ investigazzjoni li għadha għaddejja ma jistgħu, skont ir‑rikorrenti, jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi partikolari li jippermettu eżami ġenerali.

59      Ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑Kummissjoni sempliċement wettqet eżami astratt u ġenerali tal‑fajls amministrattivi mingħajr ma għamlet referenza għal dokumenti partikolari u għall-kontenut tagħhom sabiex tiġġustifika l‑applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet għad‑dritt ta’ aċċess.

60      Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet, prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑ispjegazzjonijiet tal‑Kummissjoni sabiex tiġġustifika l‑applikazzjoni tal‑imsemmija eċċezzjoni għal kważi d‑dokumenti mitluba kollha huma vagi, repetittivi, ġenerali, u jistgħu japplikaw għal kwalunkwe fajl ta’ investigazzjoni, kemm jekk jirrigwardaw l‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat u kemm oqsma oħra.

61      Barra minn hekk, l‑argumenti tal‑Kummissjoni huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet fis‑sens tat‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001. L‑iżvelar tad‑dokumenti mitluba jissodisfa dawn l‑iskopijiet billi jippermetti lil partijiet terzi jieħdu inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni li jkollha l‑Kummissjoni sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom.

62      Barra minn hekk, ir‑rikorrenti tqis li, fid-dawl tal‑argumenti ppreżentati mill‑Kummissjoni, ir‑riskju li l‑aċċess għal dokumenti jippreġudika l‑iskop tal‑investigazzjoni huwa purament ipotetiku u ma jidhirx li huwa raġonevolment prevedibbli.

63      B’mod partikolari, ir‑rikorrenti tikkunsidra li ċerti dokumenti setgħu jiġu kkomunikati lilha mingħajr ma tiġi affettwata l‑fiduċja tal‑Istati Membri jew tal‑operaturi tal‑ajruporti fil‑kooperazzjoni tagħhom mal‑Kummissjoni.

64      B’hekk, ir‑rikorrenti tikkunsidra li d‑dokumenti li ġejjin setgħu jiġu kkomunikati lilha fit‑totalità tagħhom: fil‑Kawża T‑494/08, it‑tliet ittri tal‑Kummissjoni b’risposta għall‑ittri annessi mad‑deċiżjoni espliċita; fil‑Kawża T‑495/08, l‑applikazzjoni għall‑estensjoni tat‑termini tal‑awtoritajiet Taljani tat‑30 ta’ Lulju 2004 u d‑dokumenti skambjati bejn il‑persuna li tilmenta u l‑Kummissjoni li diġà ssemmew fis‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il‑Kummissjoni (T‑395/04, Ġabra p. II‑1343); fil‑Kawża T‑496/08, l‑applikazzjoni tal‑awtoritajiet Ġermaniżi li tikkorrispondi għall‑ittra ta’ estensjoni tat‑terminu tat‑22 ta’ April 2008; fil‑Kawża T‑497/08, l-applikazzjoni għall‑estensjoni tat‑terminu maħruġa mill‑awtoritajiet Ġermaniżi u li tikkorrispondi għall‑ittra annessa mad‑deċiżjoni espliċita tat‑18 ta’ Frar 2009; fil‑Kawża T‑498/08, l-applikazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi li tikkorrispondi għall‑ittra ta’ estensjoni tat‑terminu tal‑21 ta’ Novembru 2007; fil‑Kawża T‑499/08, il‑korrispondenza dwar iż‑żamma ta’ laqgħa bejn id‑Direttur tal‑Kamra tal‑Kummerċ u tal‑Industrija ta’ Pau‑Béarn u l‑Kummissjoni; fil‑Kawża T‑500/08, l‑ittra mibgħuta minn [A.] fl‑24 ta’ Marzu 2003 lil ċertu numru ta’ kumpanniji tal‑ajru, u, fil‑Kawża T‑509/08, il‑korrispondenza dwar it‑tħassir ta’ informazzjoni kunfidenzjali fid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir‑rikorrenti tissuspetta li jeżistu dokumenti simili oħra fil‑fajls amministrattivi li għandha tingħata aċċess għalihom.

65      Ir‑rikorrenti żżid li, f’kull kawża, l‑osservazzjonijiet tal‑operaturi tal‑ajruporti u ta’ partijiet terzi oħra jistgħu jiġu kkomunikati lilha, mill‑inqas parzjalment, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l‑investigazzjoni.

66      Waqt is‑seduta, ir‑rikorrenti indikat li, fid‑dawl tal‑provi li hija pprovdiet fir‑rigward tad‑dokumenti elenkati fil‑punt 64 iktar ’il fuq, hija kienet uriet li d‑dokumenti mitluba ma kinux koperti minn preżunzjoni ġenerali li l‑iżvelar tagħhom kien bħala prinċipju jippreġudika l‑iskop tal‑investigazzjonijiet. Hija affermat ukoll li hija kkunsidrat li tali preżunzjoni ma kinitx applikabbli għad‑dokumenti interni tal‑Kummissjoni.

67      Hija żiedet li kien diffiċli sabiex turi li dokument ma kienx kopert mill‑preżunzjoni evokata fil‑punt 63 iktar ’il fuq sa fejn, bħala definizzjoni, l‑applikant ma kellux aċċess għall‑kontenut tal‑fajls amministrattivi tal‑Kummissjoni. Konsegwentement, hija stiednet lill‑Qorti Ġenerali sabiex tivverifika jekk kienx hemm dokumenti oħra simili għal dawk imsemmija fil‑punt 64 iktar ’il fuq fil‑fajls amministrattivi li għalihom kienet talbet aċċess.

68      Fl‑aħħar, ir‑rikorrenti tikkunsidra li kien hemm żewġ raġunjiet ta’ interess pubbliku ikbar sabiex jingħatalha l‑aċċess għad‑dokumenti. Hija tinvoka, minn naħa, id‑drittijiet fundamentali tad‑difiża u, b’mod iktar ġenerali, l‑aċċess għal proċeduri amministrattivi ekwi u, min‑naħa l‑oħra, il‑prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza, stabbiliti mit‑Trattat kif ukoll l‑għan iddikjarat tar‑Regolament Nru 1049/2001 li huwa li “jagħti l‑akbar effett possibbli lid‑dritt ta’ l‑aċċess pubbliku għad‑dokumenti”. Hija żżid li l‑azzjoni tagħha sservi l‑interessi tal‑konsumaturi fir‑rigward tat‑trasport bl‑ajru, li jikkostitwixxi interess pubbliku. Ir‑rikorrenti tosserva wkoll li ma hemm xejn fil‑ġurisprudenza li jindika li l‑prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza ma humiex applikabbli barra l‑proċeduri li fihom l‑istituzzjonijiet jaġixxu bħala leġiżlatur.

69      Il‑Kummissjoni titlob iċ‑ċaħda ta’ dawn l‑ilmenti kollha.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

70      Għall‑finijiet tal‑interpretazzjoni tal‑eċċezzjoni prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanza li l‑persuni interessati minbarra l‑Istat Membru kkonċernat fil‑proċeduri ta’ verifika tal‑għajnuna mill‑Istat ma għandhomx id‑dritt li jikkonsultaw id‑dokumenti tal‑fajl amministrattiv tal‑Kummissjoni u, għalhekk, għandha tiġi rikonoxxuta l‑eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l‑iżvelar tad‑dokumenti tal‑fajl amministrattiv iwassal, fil‑prinċipju, għal ħsara lill‑protezzjoni tal‑iskop tal-investigazzjonijiet (sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

71      B’hekk, il‑Kummissjoni tista’, skont it‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, tirrifjuta l‑aċċess għad‑dokumenti kollha li jirrigwardaw il‑proċedura ta’ verifika ta’ għajnuna mill‑Istat, u dan mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ dawn id‑dokumenti minn qabel (sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

72      Il‑preżunzjoni ġenerali prevista fil‑punt 70 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il‑“preżunzjoni ġenerali”) ma teskludix id‑dritt ta’ dawn il‑persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l‑iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il‑preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l‑iżvelar tad‑dokument imsemmi skont l‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

73      Fil‑kawżi preżenti, l‑ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li ċerti dokumenti huma identifikati jew ikklassifikati f’kategoriji, l‑applikazzjonijiet ippreżenti mir‑rikorrenti jirrigwardaw fir‑realtà il‑fajls amministrattivi kollha li jirrigwardaw il‑proċeduri ta’ verifika tal‑allegata għajnuna mill‑Istat mogħtija minn diversi operaturi ta’ ajruporti. Għaldaqstant, dawn id‑dokumenti huma koperti, bħala prinċipju, mill‑preżunzjoni ġenerali.

74      Fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti li d‑dokumenti interni tal‑Kummissjoni ma jistgħux ikunu koperti mill‑preżunzjoni ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, fis‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja applikat il‑preżunzjoni ġenerali għal fajls amministrattivi li kien fihom dokumenti interni tal‑Kummissjoni. Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti għandu jiġi miċħud.

75      It‑tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fir‑rigward tad‑dokumenti identifikati b’mod espress u individwali fl‑applikazzjonijiet konfermatorji, jiġifieri l‑ilmenti u n‑notifika tal‑awtoritajiet Franċiżi (Kawża T‑499/08), ir‑rikorrenti ma tressaq ebda argument li juri li dawn id-dokumenti ma humiex koperti mill‑preżunzjoni ġenerali.

76      Barra minn hekk, fir‑rigward tar‑riferiment ġenerali, magħmul mir‑rikorrenti fl‑applikazzjonijiet konfermatorji, għad‑dokumenti ċċitati fid‑deċiżjonijiet tal‑ftuħ tal‑proċeduri ta’ investigazzjoni formali ppubbikati fil‑Ġurnal uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li dawn id‑dokumenti huma evokati b’mod ġenerali, bħala eżempju, sabiex jiġi sostnut l‑argument tar‑rikorrenti li huwa inkonċepibbli li l‑eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet hija applikabbli għad‑dokumenti kollha fil‑fajl fit‑totalità tagħhom.

77      B’hekk, anki jekk jitqies li r‑riferiment għal dawn id‑dokumenti jista’ jiġi kkunsidrat bħala applikazzjoni għall‑iżvelar ta’ dokument partikolari fis‑sens tal‑punt 72 iktar ’il fuq, l‑affermazzjonijiet tar‑rikorrenti huma vagi u ġenerali wisq sabiex juru li ma humiex koperti mill‑preżunzjoni ġenerali.

78      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma ressqet ebda element fl‑applikazzjonijiet konfermatorji tagħha li jippermettu li tiġi mwarrba l‑preżunzjoni ġenerali.

79      Il‑fatt li r‑rikorrenti identifikat, fil‑fażi tar‑rikors jew tal‑emenda tat‑talbiet tagħha, xi dokumenti li hija tallega li kellhom jiġu żvelati minħabba l‑kontenut purament amministrattiv tagħhom, ma jistax idaħħal inkwistjoni din l‑evalwazzjoni.

80      Fil‑fatt, dawn id‑dokumenti ma ġewx identifikati b’mod espress u individwali fl‑applikazzjonijiet konfermatorji, iżda wara l‑adozzjoni tad‑deċiżjonijiet espliċiti. Fin‑nuqqas ta’ applikazzjonijiet li jirrigwardaw b’mod speċifiku dawn id‑dokumenti fl‑applikazzjonijiet konfermatorji, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni ma kinitx marbuta tipproċedi għal eżami individwali u konkret tagħhom fid‑deċiżjonijiet espliċiti u setgħet tapplika fil-konfront tagħhom il‑preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l‑iżvelar tagħhom kien jippreġudika l‑iskop tal‑investigazzjonijiet.

81      It‑tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l‑argument tar‑rikorrenti li d‑drittijiet tad-difiża jiġġustifikaw l‑iżvelar tad‑dokumenti għandu jiġi mwarrab. Fil‑fatt, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li proċedura li tirrigwarda għajnuna mill‑Istat tinfetaħ kontra Stat Membru u li l-benefiċjarju tal‑għajnuna ma jistax għaldaqstant jinvoka d‑drittijiet tad-difiża waqt il‑proċedura ta’ eżami (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punti 81 u 82, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 144).

82      Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ma wrietx kif il‑prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza kif ukoll l‑interess tal‑konsumaturi fir‑rigward tat‑trasport bl‑ajru għandhom supremazija fuq l-interess ġenerali tal‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001.

83      Għaldaqstant, huwa ġustament li l‑Kummissjoni setgħet tikkonkludi li ma kienx jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l‑iżvelar tad‑dokumenti.

84      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l‑Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta invokat l‑eċċezzjoni prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta li tagħti aċċess għad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjonijiet tar‑rikorrenti, u dan peress li din tal‑aħħar la wriet li l‑preżunzjoni ġenerali ma tkoprix ċerti dokumenti partikolari, u lanqas li kien jeżisti interess pubbliku ikbar li kien jiġġustifika l‑iżvelar tad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjonijiet tagħha. Peress li l‑eċċezzjoni invokata tkopri t‑totalità tad‑dokumenti li għalihom ġie rrifjutat l‑aċċess, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l‑argumenti tar‑rikorrenti li jirrigwardaw l‑eċċezzjonijiet l‑oħra msemmija fid‑deċiżjonijiet espliċiti.

 Fuq ir‑rifjut ta’ aċċess parzjali għad‑dokumenti previsti fl‑applikazzjoni tar‑rikorrenti

–       L‑argumenti tal‑partijiet

85      Ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑ispjegazzjoni pprovduta mill‑Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tagħtiha aċċess parzjali għad‑dokumenti, li tipprovdi li “ebda aċċess parzjali ma huwa possibbli peress li d‑dokumenti rrifjutati jaqgħu kompletament taħt mill‑inqas tnejn mill‑eċċezzjonijiet invokati”, hija tawtoloġika u ġenerali. Din l‑affermazzjoni ma tissodisfax ir‑rekwiżiti ta’ eżami konkret u individwali peress li ma tindikax, għal kull dokument, ir‑raġunijiet applikabbli għalih b’mod preċiż. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti tqis li r‑rifjut sabiex jingħata aċċess parzjali għad‑dokumenti jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

86      Il‑Kummissjoni titlob iċ‑ċaħda ta’ dan l‑ilment.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

87      Hekk kif ġie mfakkar fil‑punt 70 iktar ’il fuq, teżisti preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l‑iżvelar tad-dokumenti fil-fajl amministrattiv tal‑Kummissjoni dwar proċedura ta’ verifika ta’ għajnuna mill‑Istat jippreġudika, bħala prinċipju, il‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet.

88      Issa, fl‑applikazzjonijiet konfermatorji, ir‑rikorrenti sempliċement tafferma, għal kategoriji ta’ dokumenti, li fihom neċessarjament siltiet li jistgħu jiġu żvelati mingħajr ħsara għall‑protezzjoni tal‑iskop tal‑investigazzjonijiet.

89      Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma wrietx, għal dokumenti partikolari, li parti minn dawn id‑dokumenti ma kinitx koperta mill‑preżunzjoni ġenerali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

90      Minn dan isegwi li d‑dokumenti huma koperti fit‑totalità tagħhom mill‑preżunzjoni ġenerali u li, konsegwentement, l‑argument ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità huwa irrilevanti.

91      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l‑Kummissjoni setgħet ġustament tirrifjuta li tagħti aċċess parzjali għad‑dokumenti mitluba.

 Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

 L‑argumenti tal‑partijiet

92      Ir‑rikorrenti tikkunsidra li l‑ispjegazzjonijiet ipprovduti mill‑Kummissjoni sabiex tiġġusitfika r‑rifjut ta’ aċċess għad‑dokumenti ma jikksotitwixxux motivazzjoni adegwata minħabba n‑natura kontradittorja u insuffiċjenti tagħhom. Fil‑fatt, ir‑rikorrenti tqis li l‑analiżi ġenerali u astratta mwettqa mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjonijiet espliċiti ma tippermettix li jintwera li kull dokumenti jaqa’ taħt l‑eċċezzjoni invokata u li l‑ħtieġa ta’ protezzjoni hija reali.

93      Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni ma wrietx l‑eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jippermettu li ma jsirx eżami konkret tad‑dokumenti mitluba

94      Fl‑aħħar, ir‑rikorrenti tallega li l‑motivazzjoni pprovduta mill‑Kummissjoni ma hijiex kompleta sa fejn din tidher li tirrifjuta l‑aċċess għal dokumenti li ma jippreżentaw ebda riskju plawżibbli li jippreġudikaw l‑interessi protetti mill‑eċċezzjonijiet għad‑dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti.

95      Il‑Kummissjoni ma tieħux pożizzjoni espliċita fuq dan il‑punt.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament tal‑istituzzjoni attriċi tal‑att, b’mod li l‑persuna interessata tkun tista’ tagħraf il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżuri meħuda u tiddefendi d‑drittijiet tagħha u b’mod li l‑qorti tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil‑fatt, il‑kwistjoni ta’ jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fir‑rigward tal‑formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal‑kuntest tagħha kif ukoll tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is‑suġġett ikkonċernat (ara s‑sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 99 u 100, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

97      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ibbażat fuq ksur tal‑forom proċedurali sostanzjali, distint, bħala tali, mill‑motiv ibbażat fuq l‑ineżattezza tar‑raġunijiet tad‑deċiżjoni, li l‑istħarriġ tiegħu jaqa’ taħt l‑eżami tal‑mertu ta’ din id‑deċiżjoni (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra p. II‑2029, punt 179).

98      Fil‑kawżi preżenti, fid‑deċiżjonijiet espliċiti, il‑Kummissjoni identifikat in‑numru ta’ dokumenti kkonċernati mill‑applikazzjonijiet tar‑rikorrenti u qassmithom f’kategoriji.

99      Il‑Kummissjoni tat aċċess lir‑rikorrenti għal ċerti dokumenti u, sabiex tiġġustifika r‑rifjut ta’ aċċess għad‑dokumenti l‑oħra, sostniet b’mod partikolari li, sa fejn kienu jirrigwardaw proċeduri ta’ verifika tal‑għajnuna mill‑Istat, dawn kienu koperti mill‑eċċezzjoni prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001. Il‑Kummissjoni ppreċiżat li l‑iżvelar tad‑dokumenti kien joħloq ir‑riskju li tiġi ppreġudikata l‑klima ta’ fiduċja mal‑Istati Membri u mal‑partijiet terzi, u dan kien ikun ta’ ħsara għall‑investigazzjonijiet li kienu għadhom għaddejjin.

100    Għaldaqstant, mid‑deċiżjonijiet espliċiti jirriżulta li l‑Kummissjoni, minn naħa, qegħdet lir‑rikorrenti f’pożizzjoni fejn setgħet tifhem liema kienu d‑dokumenti koperti bl‑eċċezzjoni u r‑raġuni għalfejn din l‑eċċezzjoni kienet ġiet applikata fil‑kawża preżenti u, min‑naħa l‑oħra, ippermettiet lill‑Qorti Ġenerali twettaq l‑istħarriġ tagħha.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l‑argumenti tar‑rikorrenti dwar in‑nuqqas ta’ eżami individwali u konkret tad‑dokumenti kienu jirrigwardaw il‑mertu tad‑deċiżjonijiet espliċiti u ġew għaldaqstant eżaminati fil‑kuntest tal‑ewwel motiv intiż għall‑annullament tal‑imsemmija deċiżjonijiet.

102    Il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni għandu għaldaqstant jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l‑argumenti tar‑rikorrenti li jirrigwardaw il‑motivazzjoni fir‑rigward tal‑eċċezzjonijiet l‑oħra invokati, sa fejn l‑eċċezzjoni prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 tkopri d‑dokumenti kollha li l‑iżvelar tagħhom ġie rrifjutat u hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika dan ir‑rifjut.

103     Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikorsi għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma intiżi sabiex jinkiseb l‑annullament tad‑deċiżjonijiet espliċiti.

 Fuq l‑ispejjeż

104    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 87(6) tar‑Regoli tal‑Proċedura, fil‑każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il‑kawża, il‑Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi liberament dwar l‑ispejjeż.

105    Peress li r‑rikorrenti tilfet fil‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kummmissjoni Ewropea, kif mitlub minn din tal‑aħħar.

106    Bil‑kontra, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil‑Kawżi T‑496/08, T‑497/08 u T‑498/08 sa fejn huma diretti kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti jirriżulta mill‑fatt li l‑Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita wara l‑iskadenza tat‑termini previsti fl‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001 u wara l‑preżentata tar‑rikorsi fl‑imsemmija kawżi. Għal din ir‑raġuni, u minkejja li r‑rikorrenti tilfet ir‑rikorsi tagħha kontra d‑deċiżjonijiet espliċiti kkonċernati, hemm lok li jiġi deċiż li l‑Kummissjoni għandha tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar‑rikorrenti fil‑Kawżi T‑496/08, T‑497/08 u T‑498/08.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑496/08, T‑497/08, T‑498/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08 huma magħquda għall‑finijiet ta’ din is‑sentenza.

2)      Ir‑rikorsi huma inammissibbli sa fejn huma intiżi kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess fil‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08.

3)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir‑rikorsi fil‑Kawżi T‑496/08, T‑497/08 u T‑498/08 sa fejn dawn huma diretti kontra d‑deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess.

4)      Il‑kumplament tar‑rikorsi huwa miċħud.

5)      Ryanair Ltd hija kkundannata għall‑ispejjeż fil‑Kawżi T‑494/08, T‑495/08, T‑499/08, T‑500/08 u T‑509/08.

6)      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Ryanair Ltd fil‑Kawżi T‑496/08, T‑497/08 u T‑498/08.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.