Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Diċembru 2020 – RO, irrappreżentat għal finijiet legali, vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-720/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Cottbus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RO, irrappreżentat legalment

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Ministeru Federali għall-Intern, u dan irrappreżentat mill-President tal-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-għan tad-dritt tal-Unjoni li jiġi evitat il-moviment sekondarju, iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-unità tal-familja li huwa espress fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 , għandha ssir applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament meta wild minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru, iżda fejn il-ġenituri għandhom diġà protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-wild twieled fl-Istat Membru li fih huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni għal ażil tal-wild minuri skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 għandha ma tiġix eżaminata u għandha tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni, pereżempju, li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-wild minuri l-Istat Membru li fih il-ġenituri tiegħu għandhom protezzjoni internazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 japplika wkoll b’analoġija sa fejn, skont it-tieni sentenza tiegħu, huwa inutli li tinbeda proċedura ġdida ta’ responsabbiltà għall-wild li twieled sussegwentement, minkejja li hemm imbagħad ir-riskju li l-Istat Membru ospitanti ma jkollux għarfien tal-eventwali neċessità li tittieħed responsabbiltà għall-wild minuri jew ir-riskju li, skont il-prassi amministrattiva tiegħu, huwa jiċħad applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament u, b’hekk, ikun hemm ir-riskju li l-wild minuri jsir “refugee in orbit”?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni u t-tielet domanda, tista’ tingħata deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 2 , lil wild minuri li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru anki jekk ma jkunx dan il-wild innifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jkollhom protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor?

____________

1     ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

2     ĠU 2013, L 180, p. 60.