Language of document : ECLI:EU:C:2024:318

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta’ April 2024 (*)

“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-media – Talba għal informazzjoni – Data personali – Urġenza – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”

Fil-Kawża C‑90/24 P(R),

li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ Frar 2024,

Vivendi SE, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn Y. Boubacir, F. de Bure, E. Dumur, P. Gassenbach, S. Schrameck, O. Thomas u P. Wilhelm, avocats,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Caro de Sousa, B. Cullen u D. Viros, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Vivendi SE titlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Jannar 2024, Vivendi vs Il‑Kummissjoni (T‑1097/23 R, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2024:15), li permezz tiegħu dan ċaħad it-talba tagħha intiża, minn naħa, sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2023) 6428 final, tad‑19 ta’ Settembru 2023, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ M.11184 – Vivendi/Lagardère), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2023) 7463 final, tas‑27 ta’ Ottubru 2023 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, b’mod kawtelatorju, li hija tiġi ordnata żżomm id-dokumenti kollha fil-pussess tagħha kkonċernati mid-Deċiżjoni kontenzjuża fuq mezz elettroniku apposta, maħruġa taħt siġill elettroniku lil terz ta’ fiduċja indipendenti.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il‑premessa 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”), hija fformulata kif ġej:

“[...] Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (‘data sensittiva’). [...]”

3        L-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[...]

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[...]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[...]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

[...]”

4        L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[...]

g)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[...]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 8 tad-digriet appellat. Dawn jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

6        Fl‑24 ta’ Ottubru 2022, Vivendi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea b’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li kienet tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ Lagardère SA. Fid‑9 ta’ Ġunju 2023, din l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-impenji meħuda minn Vivendi.

7        Fil‑25 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni informat lil Vivendi bil-ftuħ ta’ investigazzjoni formali dwar twettiq antiċipat potenzjali tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, permezz tad-Deċiżjoni C(2023) 6428 final tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet lil Vivendi talba għal informazzjoni, flimkien ma’ terminu li kien jiskadi fis‑27 ta’ Ottubru 2023. Permezz tad-Deċiżjoni C(2023) 7463 final, tas‑27 ta’ Ottubru 2023, din l-istituzzjoni estendiet dan it-terminu sal‑1 ta’ Diċembru 2023.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Novembru 2023, Vivendi ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

9        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2023, Vivendi ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, minn naħa, sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, b’mod kawtelatorju, sabiex hija tiġi ordnata żżomm d-dokumenti kollha fil-pussess tagħha kkonċernati mid-Deċiżjoni kontenzjuża fuq mezz elettroniku apposta, maħruġa, taħt siġill elettroniku, lil terz ta’ fiduċja indipendenti, pereżempju Kummissarju tal-Ġustizzja jew mandatarju, f’terminu raġonevoli u kompatibbli mar-restrizzjonijiet materjali marbuta mal-kopja tal-mezzi li jinkludu l-imsemmija dokumenti.

10      Permezz tad-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2023, Vivendi vs Il‑Kummissjoni (T‑1097/23 R), adottat abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċedura fil-Kawża T‑1097/23 R, bla ħsara għall-obbligu ta’ Vivendi li tkompli tiġbor l-informazzjoni u li żżomm fil-pussess tagħha, fuq mezz elettroniku, id-dokumenti kollha kkonċernati minn din id-deċiżjoni li jistgħu jkunu ta’ interess għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

11      Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, minħabba li Vivendi ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza kienet issodisfatta, u rtira d-digriet tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2023 (T‑1097/23 R).

12      Fl-ewwel lok, fil-punt 29 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li r-riskju li Vivendi tiġi ssanzjonata b’pagamenti ta’ penalità jew b’multi kien, fl-istadju tal-proċedura fejn dan id-digriet kellu jingħata, ta’ natura ipotetika.

13      Fit-tieni lok, fil-punt 39 tal-imsemmi digriet, huwa ċaħad l-argument ta’ Vivendi bbażat fuq dannu marbut mal-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji kunsiderevoli.

14      Fit-tielet lok, fil-punti 41 u 42 tal-istess digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tieħu konjizzjoni ta’ numru kbir ta’ dokumenti minkejja l-assenza manifesta ta’ rabta tagħhom mas-suġġett tal-investigazzjoni ma setax jikkawża dannu gravi u irreparabbli lil Vivendi.

15      Fir-raba’ lok, fil-punt 43 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad l-argument ta’ Vivendi bbażat fuq dannu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt għal ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha.

16      Fil-ħames lok, huwa qies, fil-punt 51 ta’ dan id-digriet, li d-dannu allegat li jirriżulta mir-riskju, għal Vivendi, li tikkontribwixxi għall-inkriminazzjoni tagħha stess ma kienx ta’ natura li juri li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta.

17      Fis-sitt lok, fil-punti 52 u 54 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li r-riskju li Vivendi tkun obbligata tħallas pagamenti ta’ penalità jew multi ma kienx irreparabbli u li dan ir-riskju kien purament ipotetiku.

 Ittalbiet talpartijiet flappell u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18      Vivendi titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża sakemm tingħata s-sentenza definittiva tal-Qorti Ġenerali u, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Vivendi kontra din id-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Vivendi għall-ispejjeż.

20      Permezz tad-digriet tagħha tas‑6 ta’ Frar 2024, Vivendi vs Il‑Kummissjoni (C‑90/24 P (R)–R, EU:C:2024:121), adottat abbażi tal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuq Vivendi, permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tiġbor u li tikkomunika lill-Kummissjoni d-dokumenti msemmija f’din id-deċiżjoni sal-adozzjoni tad-digriet li ser jingħata l-iktar kmieni bejn dak li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑90/24 P (R)‑R u dak li jiddeċiedi dwar dan l-appell, bla ħsara għall-obbligu, għal Vivendi, li tieħu l-miżuri utli kollha sabiex tiżgura l-konservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti kollha.

 Fuq lappell

21      Insostenn tal-appell tagħha, Vivendi tqajjem sitt aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ kontradittorju u, it-tieni sas-sitt aggravju, fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tad-danni allegati minn Vivendi.

 Argumenti

22      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, Vivendi ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tad-dannu li jirriżulta mill-preġudizzju, fuq skala kbira, għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

23      Fl-ewwel lok, l-argument adottat fil-punt 45 tad-digriet appellat inaqqas il-kamp tal-protezzjoni tal-ħajja privata biss għad-data personali sensittiva, kif iddefinita mill-GDPR. Issa, dan l-aħħar kunċett għandu kamp ta’ applikazzjoni ristrett ħafna, sa fejn jirriżulta kemm mill-GDPR kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li dan ikopri biss l-informazzjoni l-iktar intima u l-iktar sensittiva tal-persuni kkonċernati. Il-garanziji offruti fir-rigward ta’ data personali sensittiva ma jippermettux għalhekk li tiġi żgurata protezzjoni tad-data personali kollha marbuta mal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni u, għaldaqstant, li jiġi evitat b’mod adegwat id-dannu li Vivendi tibbaża fuqu.

24      Fit-tieni lok, Vivendi ssostni li diversi mid-dokumenti li jinsabu fl-anness tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji juru li d-Deċiżjoni kontenzjuża timponi l-ġbir u t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ dokumenti relatati mal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

25      Fit-tielet lok, id-digriet appellat jinjora totalment restrizzjonijiet li jirriżultaw, għal Vivendi, mid-dritt kriminali u mid-dritt industrijali Franċiż. Għalhekk huwa materjalment impossibbli għal Vivendi li tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tesponi ruħha għal sanzjonijiet kemm kriminali kif ukoll ċivili.

26      Fir-raba’ lok, il-garanziji offruti mill-Kummissjoni fir-rigward tad-data personali sensittiva ma jippermettux li jiġi evitat li jseħħ id-dannu li Vivendi tibbaża fuqu, peress li dawn il-garanziji jimplikaw li d-dokumenti li jinkludu din id-data jintbagħtu lill-Kummissjoni u li din tkun tista’ tieħu konjizzjoni tagħhom.

27      Fil-ħames lok, kuntrarjament għal dak li huwa affermat fid-digriet appellat, is-sigriet professjonali li għalih huma marbuta l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ma jistax jikkostitwixxi garanzija suffiċjenti sabiex jiġi evitat it-twettiq tad-dannu invokat, peress li Vivendi għandha wkoll interess li tipprekludi li dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ikollhom aċċess għal dokumenti protetti. Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt, minkejja li ġie invokat espliċitament minn Vivendi, li l-Kummissjoni aċċettat l-intervent ta’ diversi terzi fil-proċedura, u b’hekk ħolqot riskju li dawn it-terzi jaċċedu għal data kunfidenzjali u li huma jiżvelawha.

28      Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

29      Hija ssostni, b’mod partikolari, li huwa inevitabbli li, sabiex twettaq l-investigazzjoni tagħha, hija jkollha tipproċessa data personali. Is-sempliċi fatt li hija tivverifika r-rilevanza ta’ tali data ma jistax, fih innifsu, jikkawża dannu gravi u irreparabbli. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali applikabbli għad-data personali sensittiva tikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-indħil inkwistjoni fid-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Għall-bqija, l-obbligi stretti tas-sigriet professjonali li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni jkunu marbuta bihom jipprevjenu r-riskju ta’ żvelar mhux awtorizzat tad-data personali miġbura.

30      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-aċċess potenzjali ta’ terzi għal data personali, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li ma ġiex suffiċjentement sostnut fl-ewwel istanza. Sussegwentement, hija ssostni li, fid-dawl tal-obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità imposti fuq l-uffiċjali u fuq il-membri tal-persunal tagħha, dawn ma jistgħux jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil terzi. Fl-aħħar nett, it-terzi kkonċernati jkollhom aċċess għall-fajl biss fil-każ ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u huma qatt ma jkollhom aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tal-atti tal-proċess.

 Evalwazzjoni

31      Fir-rigward tal-argument ta’ Vivendi bbażat fuq riskju ta’ ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha, il-President tal-Qorti Ġenerali qies, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li, sa fejn l-impriżi jaġixxu permezz tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom, il-Kummissjoni għandha d-dritt, għall-finijiet ta’ investigazzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, li titlob informazzjoni dwar l-aġir tagħhom, sa fejn dan l-aġir jikkonċerna l-isfera tal-impriża u ma jinterferixxix fil-ħajja privata tagħhom.

32      Fil-punt 45 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali enfasizza li, f’din il-perspettiva, il-Kummissjoni kienet informat lil Vivendi b’garanziji proċedurali speċifiċi applikati fil-qasam tad-data personali sensittiva u li din l-istituzzjoni kienet għalhekk ħadet il-miżuri intiżi sabiex jiġi evitat li jseħħ ir-riskju invokat minn Vivendi. Minn dan huwa ddeduċa li, fid-dawl ta’ dawn il-prekawzjonijiet, it-talbiet għal informazzjoni li jirrigwardaw it-telefons mobbli u l-messaġġi elettroniċi tal-impjegati ta’ Vivendi ma kinux ta’ natura li joħolqu d-dannu gravi u irreparabbli li hija bbażat ruħha fuqu.

33      Fil-punt 46 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva li, fi kwalunkwe każ, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni kienu marbuta b’obbligi stretti ta’ sigriet professjonali. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza, fil-punt 47 tal-istess digriet, li kien ipprojbit għal dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal, mingħajr ma jkunu awtorizzati, li jiżvelaw informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

34      F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 45 tad-digriet appellat, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess ta’ dan il-punt jirriżulta li dan huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji proċedurali li jissemmew fil-punti 26 sa 28 ta’ dan id-digriet.

35      Minn dawn il-punti 26 sa 28 jirriżulta li dawn il-garanziji jirrigwardaw esklużivament id-data li taqa’ taħt tliet kategoriji, jiġifieri d-data protetta mill-kunfidenzjalità tal-iskambji bejn avukati u klijenti, id-data dwar is-sorsi ġurnalistiċi u d-data personali sensittiva.

36      Din l-aħħar kategorija, li hija l-unika msemmija fil-punt 45 tad-digriet appellat, ma hijiex iddefinita f’dan id-digriet.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi evalwata l-portata tal-evalwazzjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali, hemm lok li tiġi identifikata l-portata mogħtija lill-imsemmija kategorija mid-Deċiżjoni kontenzjuża. Din id-deċiżjoni tispeċifika li hija tirriżerva sistema speċifika għad-“data personali sensittiva kif definita mill-[GDPR]”. Mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR, fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, jirriżulta li dan il-kunċett jirreferi għad-data personali li l-ipproċessar tagħha jiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll data ġenetika, data bijometrika li l-ipproċessar tagħha jippermetti li persuna fiżika tiġi identifikata b’mod uniku u għad-data dwar is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

38      Fid-dawl tal-portata hekk mogħtija lill-kunċett ta’ “data personali sensittiva”, jidher, kif issostni Vivendi, li l-garanziji proċedurali msemmija fil-punt 45 tad-digriet appellat ma japplikawx għad-data kollha li taqa’ taħt il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari meta dawn il-garanziji ma joffru ebda forma ta’ protezzjoni għad-data dwar, pereżempju, il-ħajja tal-familja, il-gosti jew inkella l-attivitajiet privati li ma humiex ta’ natura politika, reliġjuża, filosofika jew sindakali ta’ dawn il-persuni.

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Vivendi bbażat ruħha fuq ir-riskju ta’ aċċess għal data li tista’ tkun marbuta, b’mod ġenerali, mal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Għalkemm huwa ċertament minnu, fil-punt 95 ta’ din it-talba, li tissemma data personali sensittiva, dan ir-riferiment kien jidher f’ċitazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u ma jistax jinftiehem bħala li kellu l-għan li jillimita l-portata tal-argument imressaq minn Vivendi.

40      Għaldaqstant, Vivendi għandha bażi sabiex issostni li, billi ddeċieda li l-garanziji msemmija fil-punt 45 tad-digriet appellat kienu intiżi preċiżament sabiex jiġi evitat li r-riskju invokat minn Vivendi ma jseħħx u billi minn dan il-fatt iddeduċa li t-talbiet għal informazzjoni ma kinux ta’ natura li joħolqu d-dannu gravi u irreparabbli li hija bbażat fuqu, il-President tal-Qorti Ġenerali ma ħax inkunsiderazzjoni d-data personali kollha li tista’ tidher fid-dokumenti li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni li huma rilevanti għall-evalwazzjoni tar-realtà u tal-gravità ta’ dan id-dannu.

41      Għaldaqstant, billi qies li dawn il-garanziji kienu suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ Vivendi bbażat fuq riskju ta’ ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u rappreżentanti tagħha, il-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

42      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-motivi mogħtija, sussidjarjament, fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, għandu ċertament jiġi kkonstatat li l-President tal-Qorti Ġenerali seta’ jikkunsidra, ġustament, li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ma kinux awtorizzati jiżvelaw liberament lill-pubbliku l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti li Vivendi kienet ser tgħaddi lill-Kummissjoni b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

43      Madankollu, minn naħa, hekk kif issostni Vivendi, l-obbligi tas-sigriet professjonali li huma imposti fuq l-uffiċjali u fuq il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jiġi evitat il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ ċerti impjegati u rappreżentanti ta’ Vivendi li jirriżulta mill-fatt li dawn l-uffiċjali u membri tal-persunal għandhom huma stess aċċess għal data personali li hija marbuta mal-ħajja privata ta’ dawn l-impjegati u rappreżentanti.

44      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 96 tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Vivendi kienet ukoll semmiet ir-riskju li “terzi kkonċernati ammessi fil-proċedura mill-Kummissjoni” jistgħu jieħdu konjizzjoni tad-dokumenti trażmessi lilha minn Vivendi, billi tirreferi, f’dan ir-rigward, għal ittri, li jinsabu fl-anness ta’ din it-talba, li jinformawha dwar l-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċerti terzi kkonċernati.

45      Peress li din l-affermazzjoni hija suffiċjentement ċara u sostnuta sabiex ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ma jistax jitqies li l-argument relatat mar-riskju ta’ żvelar ta’ ċerti dokumenti lil terzi, imressaq insostenn tar-raba’ aggravju, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li jikkostitwixxi argument ġdid li ma ġiex invokat fl-ewwel istanza.

46      Issa, kif issostni Vivendi, l-obbligi tas-sigriet professjonali imposti fuq l-uffiċjali u fuq il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni la għandhom l-għan u lanqas l-effett li jirregolaw l-aċċess ta’ terzi ammessi għall-proċedura għal dokumenti li jinsabu fil-fajl fil-pussess tal-Kummissjoni.

47      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li regoli oħra huma ta’ natura li jeskludu tali aċċess, għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-regoli ma ssemmewx fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat.

48      Minn dan isegwi li, meta kkunsidra, fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, li l-obbligi tas-sigriet professjonali imposti fuq l-uffiċjali u fuq il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni setgħu jevitaw it-twettiq tad-dannu allegat minn Vivendi, il-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

49      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 44 tad-digriet appellat ma humiex ta’ natura, waħedhom, li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Vivendi bbażati fuq riskju ta’ ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u rappreżentanti tagħha.

50      Fil-fatt, f’dan il-punt, il-President tal-Qorti Ġenerali sempliċement irrefera għas-setgħa tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni dwar l-aġir tal-impjegati u tar-rappreżentanti ta’ Vivendi “sa fejn dan l-aġir jikkonċerna l-isfera tal-impriża u ma jinterferixxix fuq il-ħajja privata tagħhom”. B’dan il-mod, huwa ma wettaq ebda evalwazzjoni dwar l-eżistenza eventwali ta’ dannu fil-każ li l-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni tkun taqa’, kif issostni Vivendi, taħt il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fid-dawl tal-iżbalji li l-punti 45 sa 47 tad-digriet appellat huma vvizzjati bihom, dan ma jinkludix motiv li jista’ jservi ta’ bażi għaċ-ċaħda tal-argument ta’ Vivendi bbażat fuq riskju ta’ ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha.

52      Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi milqugħ.

53      Peress li t-talba għal miżuri provviżorji kienet ġiet miċħuda minħabba li Vivendi ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta, jirriżulta minn dan li d-dispożittiv tad-digriet appellat huwa infondat.

54      Minn dan isegwi li hemm lok li d-digriet appellat jiġi annullat fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra ppreżentati insostenn tal-appell.

 Fuq ittalba għal miżuri provviżorji mressqa quddiem ilQorti Ġenerali

55      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 172 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tat-tilwima, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li prima facie jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba minnhom. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li dawn ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li dawn jiġu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar ir-rikors fuq il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 175 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija kundizzjonijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/2 P(R), EU:C:2021:631, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet diġà mwettqa mill-President tal-Qorti Ġenerali u tal-proċedura bil-miktub bejn il-partijiet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu elementi suffiċjenti sabiex jiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kundizzjoni relatata mal-urġenza.

 Argumenti

59      Bil-għan li turi li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza hija ssodisfatta, Vivendi tibbaża ruħha fuq diversi danni separati.

60      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kontenzjuża toħloq riskju ta’ ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ ċerti impjegati u rappreżentanti ta’ Vivendi, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, hija ssostni li d-Deċiżjoni kontenzjuża teżiġi li din il-kumpannija tittrażmetti lill-Kummissjoni, kollha kemm huma u fuq il-perijodu kkonċernat kollu, il-konverżazzjonijiet kollha li kienu saru bejn diversi persuni fiżiċi, mingħajr distinzjoni bbażata fuq in-natura professjonali jew privata ta’ dawn il-konverżazzjonijiet. Vivendi hija wkoll obbligata tittrażmetti l-konverżazzjonijiet kollha li jinkludu ċerti kliem prinċipali, anki jekk dawn il-konverżazzjonijiet joriġinaw minn kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u minn apparati mobbli privati jew personali tal-impjegati u tar-rappreżentanti kkonċernati, sa fejn dawn il-kaxxi tal-posta elettronika jew dawn l-apparati kienu ntużaw mill-inqas darba għal komunikazzjonijiet professjonali. Għalhekk, diversi dokumenti li għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni jistgħu jinkludu informazzjoni sensittiva għal Vivendi u li taqa’ taħt il-ħajja privata kemm tal-persuni kkonċernati kif ukoll ta’ terzi.

61      Il-ġbir u t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ tali dokumenti minn Vivendi huma inkompatibbli mar-regoli tad-dritt ċivili u kriminali Franċiż, kif ukoll mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Għalhekk, Vivendi tinsab quddiem alternattiva impossibbli, għaliex, kemm jekk tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni kontenzjuża jew le, hija tesponi ruħha għal sanzjonijiet iebsa.

62      Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tikkawża dannu gravi lil Vivendi u lill-persuni kkonċernati, billi twessa’ ċ-ċirku ta’ persuni li jsiru jafu b’din l-informazzjoni. Dan id-dannu huwa irreparabbli, peress li l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma jippermettix iktar li l-ksur tad-drittijiet inkwistjoni jiġi rrimedjat.

63      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-impossibbiltà legali li teżegwixxi d-Deċiżjoni kontenzjuża, invokata minn Vivendi, hija l-iktar l-iktar ta’ natura li twassal għal dannu pekunjarju li ma huwiex ta’ natura eċċezzjonali.

64      It-tieni nett, il-parti l-kbira tal-allegazzjonijiet ta’ Vivendi huma relatati ma’ ksur tad-drittijiet ta’ terzi. Issa, ir-rikorrenti fi proċeduri għal miżuri provviżorji tista’ tibbaża ruħha biss, sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta, fuq il-prova ta’ riskju għall-interessi tagħha stess.

65      It-tielet nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, huwa biss l-iżvelar ta’ data personali sensittiva li huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli. Fil-fatt, huwa inevitabbli li l-Kummissjoni, sabiex twettaq sew l-investigazzjoni tagħha, tipproċessa data personali. Is-sempliċi fatt li hija tivverifika r-rilevanza ta’ tali data ma jistax, fih innifsu, jikkawża dannu gravi u irreparabbli.

66      Issa, Vivendi ma wrietx li d-dokumenti li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni jinkludu data personali sensittiva. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet tat lil Vivendi garanziji proċedurali speċifiċi applikabbli għad-data personali sensittiva, garanziji li jiżdiedu mal-obbligi stretti tas-sigriet professjonali imposti fuq l-uffiċjali u fuq il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni.

 Evalwazzjoni

67      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jiġi rikjest li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li fuqhom hija bbażata l-perspettiva ta’ tali dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2022, Symrise vs ECHA, C‑282/21 P(R), mhux ippubblikata, EU:C:2021:413, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-argument ta’ Vivendi bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kontenzjuża toħloq riskju ta’ ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jibbaża essenzjalment fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ terzi, jiġifieri l-impjegati u r-rappreżentanti ta’ Vivendi li l-komunikazzjonijiet tagħhom għandhom jinġabru u jiġu trażmessi lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni kontenzjuża.

69      Għalhekk, filwaqt li Vivendi tirreferi b’mod wiesa’, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, għall-indħil fil-ħajja privata ta’ dawn l-impjegati u rappreżentanti li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża timplika, hija sempliċement tallega, fir-rigward tad-drittijiet tagħha stess, li d-dokumenti li għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni jistgħu jinkludu informazzjoni sensittiva għal din il-kumpannija, mingħajr ma tesponi fhiex tikkonsisti din l-informazzjoni u lanqas x’inhi r-rabta tagħha mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

70      Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija normalment evalwata fid-dawl tad-dannu li jista’ eventwalment jiġi kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja.

71      Madankollu dan il-prinċipju ma għandux jiġi interpretat b’mod li jipprekludi t-twettiq tal-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, jiġifieri li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-perspettiva, ġie deċiż b’mod partikolari li Stat Membru jista’ jibbaża ruħu fuq dannu li huwa ma jkunx ġarrab b’mod dirett, peress li l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi meqjusa bħala li huma ġenerali fil-livell nazzjonali u li huma jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Ġunju 2022, Il‑Bulgarija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑545/20 R, EU:C:2022:445, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Xorta jibqa’ l-fatt li impriża privata bħal Vivendi ma tistax tibbaża ruħha utilment fuq riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ terzi sabiex tikseb l-għoti ta’ miżuri provviżorji fir-rigward ta’ att li ma jippreġudikax l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Mejju 1988, Unjoni tal-produtturi tat-tronġ ta’ Kreta vs Il‑Kummissjoni, 112/88 R, EU:C:1988:241, punt 20).

73      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

74      Fil-fatt, id-dannu li Vivendi tibbaża fuqu b’rabta mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jirriżulta direttament mill-aġir li, fil-fehma tagħha, hija obbligata tadotta, fir-rigward ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha, sabiex tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni kontenzjuża.

75      Minn dan jirriżulta li, permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, Vivendi ma għandhiex l-intenzjoni li taġixxi minflok terzi li jkunu, b’mod awtonomu, affettwati mill-effetti tad-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda fuq bażi personali, sabiex tippreżerva l-interessi tagħha stess billi tevita li tiġi mġiegħla tikkawża hija stess dannu gravi u irreparabbli lil terzi, li fir-rigward tiegħu hija tista’ barra minn hekk eventwalment tinżamm responsabbli, f’kuntest fejn dan id-dannu jiġi kkawżat lil dawn it-terzi minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ Vivendi, mingħajr ma l-imsemmija terzi jkunu f’pożizzjoni li jiksbu huma stess protezzjoni provviżorja li tevita li jseħħ l-imsemmi dannu.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax, mingħajr ma jikser l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji mfakkar fil-punt 71 ta’ dan id-digriet, iqis li dannu gravi u irreparabbli li Vivendi tiġi mġiegħla timponi fuq uħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha, sabiex tikkonforma ruħha mad-Deċiżjoni kontenzjuża, ma jistax jiġi invokat minn din il-kumpannija sabiex turi li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta.

77      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat, fit-tieni lok, jekk l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża tistax tikkawża, b’mod suffiċjentement probabbli, dannu gravi u irreparabbli lil uħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti ta’ Vivendi.

78      Peress li Vivendi għandha intenzjoni li tibbaża ruħha fuq ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-argument li dannu huwa mid-definizzjoni tiegħu irreparabbli peress li jmiss mal-isfera tad-drittijiet fundamentali ma jistax jiġi ammess, peress li ma huwiex suffiċjenti li jiġi allegat, b’mod astratt, ksur tad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jirriżulta minn dan neċessarjament għandu natura irreparabbli (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li ksur ta’ dritt fundamentali qatt ma jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi dannu gravi u irreparabbli.

80      Minn naħa, il-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali, bħall-projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’, minħabba n-natura stess tad-dritt miksur, jagħti lok huwa stess għal dannu gravi u irreparabbli (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 43).

81      Min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet fundamentali li, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jidħlux fil-kategorija msemmija fil-punt preċedenti għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-portata u n-natura tad-dannu li dan il-ksur jimplika tiġġustifikax li dan id-dannu jitqies bħala wieħed gravi u irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑27 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 44).

82      Konsegwentement, huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jistabbilixxi jekk l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża hijiex ta’ natura li twassal, bi probabbiltà suffiċjenti, għal indħil fil-ħajja privata ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti ta’ Vivendi kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni kollha, il-portata u n-natura tad-dannu li jirriżulta minn dan il-ksur.

83      F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni kontenzjuża tobbliga b’mod partikolari lil Vivendi tiġbor l-iskambji li saru kollha, permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, matul perijodu ta’ diversi snin bejn diversi persuni fiżiċi kif ukoll ċerti skambji bejn persuni fiżiċi oħra, u sussegwentement tittrażmetti l-elementi hekk miġbura lill-Kummissjoni.

84      Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar skambji, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-għażla tad-dokumenti li għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni għandha ssir permezz tal-applikazzjoni ta’ sensiela ta’ kliem prinċipali li jippreżentaw ċertu grad ta’ ġeneralità u li jinkludu b’mod partikolari l-kunjom jew l-isem ta’ diversi personalitajiet pubbliċi tad-dinja politika jew tas-settur tal-media.

85      Barra minn hekk, skambji marbuta, anki indirettament, ma’ kull dokument li għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni għandhom huma stess jiġu kkomunikati lil din l-istituzzjoni, peress li mill-punt 9 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni l-messaġġi elettroniċi kollha li jappartjenu “lill-istess sensiela” bħal tali dokument jew, meta dan jieħu l-forma ta’ messaġġ skambjat permezz ta’ SMS jew permezz ta’ messaġġi istantanji, il-konverżazzjoni kollha fuq il-perijodu kkonċernat kollu.

86      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, konformement mal-punt 2 ta’ din id-deċiżjoni, dawn l-obbligi jestendu b’mod partikolari għal skambji mwettqa permezz ta’ kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u permezz ta’ apparati mobbli privati jew personali tal-impjegati u tar-rappreżentanti kkonċernati, sa fejn dawn il-kaxxi tal-posta elettronika u l-apparati jkunu ntużaw mill-inqas darba għal komunikazzjonijiet professjonali.

87      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li d-dokumenti li Vivendi għandha tiġbor u tittrażmetti lill-Kummissjoni jirrigwardaw il-kontenut tal-komunikazzjonijiet bejn persuni fiżiċi.

88      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tan-natura wiesgħa ħafna, fil-livell kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis, ta’ dawn l-obbligi imposti fuq Vivendi permezz ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tal-fatt li l-imsemmija obbligi huma intiżi b’mod partikolari sabiex jinġabru skambji mwettqa permezz ta’ għodda ta’ komunikazzjoni użati normalment fuq bażi purament privata, jidher probabbli ħafna li numru kbir ta’ dokumenti li għandhom għalhekk jiġu trażmessi lill-Kummissjoni ma jaqgħux taħt l-isfera professjonali u jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

89      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda mekkaniżmu intiż li jipprevjeni, b’mod ġenerali, il-ġbir u t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ dokumenti marbuta mal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni jew li joffri garanziji fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali dokumenti.

90      L-argumenti mressqa minn Vivendi juru għalhekk, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li d-data personali li għandha tinġabar u tiġi trażmessa lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, li jimplika, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ksur tad-dritt għall-ħajja privata li jirriżulta minn dan għandu jitqies li huwa ta’ natura serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 39).

91      Peress li d-dannu immaterjali li jirriżulta minn tali ksur tad-dritt għall-ħajja privata ma jistax jitħassar kompletament permezz ta’ kumpens finanzjarju jew jitneħħa a posteriori f’każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, dan id-dannu għandu jitqies bħala li huwa ta’ natura irreparabbli.

92      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-soluzzjoni li wasal għaliha l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros (C‑7/04 P (R), EU:C:2004:566), li l-Kummissjoni tibbaża fuqu.

93      Ċertament, f’dan id-digriet, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja qies li l-ħsara għas-sigriet professjonali li jista’ jimplika l-fatt li l-Kummissjoni għandha aċċess għal dokumenti allegatament koperti minn dan is-sigriet ma kinitx ta’ natura li tikkawża lill-impriża kkonċernata dannu gravi u irreparabbli.

94      Madankollu, din is-soluzzjoni kienet iġġustifikata, b’mod partikolari, mill-fatt li r-riskju invokat mill-applikant għal miżuri provviżorji fil-kawża li tat lok għall-imsemmi digriet kien jirrigwarda biss għarfien iktar fil-fond, minn uffiċjali tal-Kummissjoni, ta’ dokumenti li huma kienu diġà eżaminaw, anki jekk fil-qosor biss. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, f’din il-kawża, kien biss numru limitat ta’ dokumenti li ma kienx relatat mal-ħajja privata ta’ persuni fiżiċi.

95      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll, fit-tielet lok, li l-garanziji proċedurali li l-Kummissjoni tibbaża fuqhom ma humiex suffiċjenti sabiex id-dannu invokat minn Vivendi jiġi mċaħħad min-natura gravi tiegħu.

96      Minn naħa, mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta ċertament li l-Kummissjoni pprevediet proċedura speċifika intiża sabiex tillimita l-aċċess tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħha għad-dokumenti li jinkludu data personali sensittiva.

97      Madankollu, mill-punti 34 sa 41 ta’ dan id-digriet jirriżulta li din il-proċedura ma tistax teskludi jew timminimizza l-ipproċessar tad-data personali li hija marbuta mal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati mingħajr madankollu ma tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali sensittiva”.

98      Issa, tali protezzjoni ma hijiex ta’ natura li tevita li l-konsultazzjoni tad-data trażmessa lill-Kummissjoni tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, peress li d-data personali sensittiva tkopri biss parti limitata mid-data personali li hija marbuta mal-ħajja privata ta’ dawn il-persuni u li d-Deċiżjoni kontenzjuża timponi ġbir fuq skala kbira ta’ dan l-aħħar tip ta’ data bl-għan li tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

99      Min-naħa l-oħra, jirriżulta effettivament mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha huma suġġetti għal obbligi stretti ta’ sigriet professjonali, b’tali mod li fil-prinċipju huwa pprojbit lilhom milli jiżvelaw informazzjoni li tirriżulta minn dokumenti trażmessi minn Vivendi u li jieħdu konjizzjoni tagħha.

100    Madankollu, dawn l-obbligi ma jillimitawx il-possibbiltajiet li dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal għandhom li jkollhom aċċess għad-data personali marbuta mal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, aċċess li jikkostitwixxi bħala tali ndħil serju fid-dritt għall-ħajja privata ta’ dawn il-persuni.

101    Fir-raba’ lok, għandu ċertament jiġi rrilevat li jidher, prima facie, neċessarju, kif issostni l-Kummissjoni, li din tista’, sa ċertu punt, tipproċessa data personali li hija marbuta mal-ħajja privata tal-impjegati u tar-rappreżentanti tal-impriżi li hija tinvestiga dwarhom, li mingħajrha jkun hemm ir-riskju li s-setgħat investigattivi tagħha jiġu kunsiderevolment imċaħħda mill-effettività tagħhom. Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, il-ġbir ta’ dokumenti li jistgħu, jekk ikun il-każ, jirriżultaw finalment mingħajr interess għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, huwa, fil-prattika, diffiċilment evitabbli.

102    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li l-Artikolu 6 tal-GDPR jipprevedi li pproċessar ta’ data personali jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun legali anki jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tat kunsens għal dan l-ipproċessar.

103    L-elementi esposti fil-punti 101 u 102 ta’ dan id-digriet jidhru, konsegwentement, li jista’ jkollhom rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, tal-eżami tal-kundizzjoni dwar fumus boni juris.

104    Min-naħa l-oħra, dawn l-elementi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza.

105    Fil-fatt, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddikjara, għall-finijiet biss tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza u mingħajr ma dan jimplika kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mressqa fuq il-mertu mill-applikant għal miżuri provviżorji, li dawn l-ilmenti jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li l-okkorrenza probabbli tiegħu għandha tiġi stabbilita huwa dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba fl-ipoteżi fejn ir-rikors fuq il-mertu jintlaqa’ sussegwentement (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑426/13 P (R), EU:C:2013:848, punt 52, u d-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 61).

106    F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza għandha għalhekk issir billi jiġi ddikjarat li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija illegali u li l-indħil fid-dritt għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati li jirriżulta minn din id-deċiżjoni huwa, konsegwentement, irregolari.

107    Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta f’din il-kawża, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux jiddetermina jekk dan l-indħil kienx neċessarju jew, b’mod iktar wiesa’, regolari, iżda għandu biss jevalwa l-portata u n-natura tad-dannu li jirriżulta mill-imsemmi ndħil fil-każ fejn dan jirriżulta finalment bħala irregolari.

108    L-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex juru li l-istess indħil huwa kemm indispensabbli għall-effettività tal-investigazzjonijiet tagħha kif ukoll konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala ineffettivi fl-istadju tal-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-kundizzjoni dwar l-urġenza għandha titqies li hija ssodisfatta f’dan il-każ.

110    Mill-bqija, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda b’mod żbaljat li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, mingħajr ma eżamina l-kundizzjoni dwar fumus boni juris, li l-eżami tagħha jippreżupponi kemm evalwazzjonijiet ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-kundizzjoni u sabiex jitwettaq, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

 Fuq lispejjeż

111    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Jannar 2024, Vivendi vs IlKummissjoni (T1097/23 R, EU:T:2024:15), huwa annullat.

2)      Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kundizzjoni dwar fumus boni juris u sabiex jitwettaq, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.