Language of document : ECLI:EU:C:2020:267

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ April 2020 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2020]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9 – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9 – Dritt mogħti mit-trade mark – Użu – Żamma ta’ prodotti sabiex jiġu offruti jew imqegħda fil-kummerċ – Ħażna sabiex jiġu mibgħuta l-prodotti bi ksur tad-dritt ta’ trade marks mibjugħa fuq suq online”

Fil-Kawża C‑567/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

Coty Germany GmbH

vs

Amazon Services Europe Sàrl,

Amazon Europe Core Sàrl,

Amazon FC Graben GmbH,

Amazon EU Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        [Kif emendat permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2020] għal Coty Germany GmbH, minn M. Fiebig, B. Weichhaus u A. Lubberger, Rechtsanwälte,

–        għal Amazon Services Europe Sàrl u Amazon FC Graben GmbH, minn V. von Bomhard, C. Elkemann u A. Lambrecht, Rechtsanwälte,

–        [Kif emendat permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2020] għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, É. Gippini Fournier u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-modifika tagħha bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), kif ukoll tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Coty Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Coty”) u Amazon Services Europe Sàrl, Amazon Europe Core Sàrl, Amazon FC Graben GmbH u Amazon EU Sàrl dwar il-bejgħ, fuq pjattaforma ta’ suq tas-sit internet www.amazon.de, minn bejjiegħa terzi, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Coty, ta’ fliexken ta’ fwieħa li għalihom id-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma humiex eżawriti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 207/2009

3        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”), fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-modifika mir-Regolament 2015/2424, kien jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)      kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

c)      is-sinjal ikun identiku, jew simili, għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] irrispettivament minn jekk jintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], fejn din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jikkostitwixxi vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] jew huwa ta’ detriment għalihom.

2.      Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

[…]

b)      l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]”

4        Ir-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament 2017/1001.

 Ir-Regolament 2017/1001

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 jaqra kif ġej:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

c)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

[…]

b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]”

 Id-Direttiva 2000/31/KE

6        L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU 2000, L 178, p. 1),

“Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew

b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.”

 Id-Direttiva 2004/48/KE

7        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32)), intitolat “Mandati”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Coty, li tiddistribwixxi l-fwejjaħ, hija detentriċi ta’ liċenzja fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea DAVIDOFF irreġistrata taħt in-numru 876 874 (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”), protetta għall-prodotti “fwieħa, żjut essenzjali, kożmetiċi”.

9        Amazon Services Europe toffri l-possibbiltà lil terzi persuni, li jippubblikaw, għall-prodotti tagħhom, offerti ta’ bejgħ fil-parti “Amazon-Marketplace” tas-sit internet www.amazon.de. F’każ ta’ bejgħ, il-kuntratti relatati ma’ dawn il-prodotti huma konklużi bejn dawn il-bejjiegħa terzi u x-xerrejja. L-imsemmija bejjiegħa terzi għandhom, barra minn hekk, il-possibbiltà li jipparteċipaw għall-programm “Mibgħut minn Amazon”, fejn il-prodotti jkunu maħżuna minn kumpanniji tal-grupp Amazon, fosthom Amazon FC Graben, li topera maħżen. Dawn il-prodotti jintbagħtu minn operaturi esterni.

10      Fit-8 ta’ Mejju 2014, xerrej-test ta’ Cody ordna, minn fuq is-sit internet www.amazon.de, flixkun fwieħa “Davidoff Hot Water EdT 60 ml”, li kien offrut għall-bejgħ minn bejjiegħa terza (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”) u mibgħut mill-grupp Amazon fil-kuntest ta’ dan il-programm. Wara li Coty bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-bejjiegħa minħabba li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark inkwistjoni ma kinux eżawriti f’dak li jikkonċerna l-prodotti fdati minn din tal-aħħar lil Amazon FC Graben fil-kuntest tal-imsemmi programm, peress li dawn ma kinux tqegħdu fis-suq fl-Unjoni taħt din it-trade mark mid-detentur tagħha jew bil-kunsens tiegħu, il-bejjiegħa intrabtet li tastjeni, suġġetta għal klawżola penali.

11      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2014, Coty talbet lil Amazon Services Europe jagħtuha l-fliexken tal-fwieħa bit-trade mark inkwistjoni miżmuma f’isem il-bejjiegħa. Amazon Services Europe bagħtet lil Coty pakkett bi 30 flixkun ta’ fwieħa. Wara li kumpannija oħra li tagħmel parti mill-grupp Amazon indikat lil Coty li 11 mit-30 flixkun mibgħuta kienu joriġinaw mill-istokk ta’ bejjiegħ ieħor, Coty talbet lil Amazon Services Europe tipprovdilha l-isem u l-indirizz ta’ dan il-bejjiegħ minħabba li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark inkwistjoni ma kinux għadhom ġew eżawriti għal dak li kien jikkonċerna 29 mit-30 flixkun. Amazon Services Europe wieġbet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa din it-talba.

12      Billi qieset li l-aġir ta’ Amazon Services Europe, minn naħa, u dak ta’ Amazon FC Graben, min-naħa l-oħra, jimmina d-dritt fuq it-trade mark inkwistjoni, Coty talbet b’mod partikolari, li dawn iż-żewġ kumpanniji jiġu kkundannati, taħt piena ta’ sanzjonijiet, jastjenu milli jżommu jew jibagħtu, jew li terzi jżommu jew jibagħtu għalihom, fil-Ġermanja, fil-kummerċ, fwejjaħ tat-trade mark Davidoff Hot Water jekk dawn il-prodotti ma jkunux tqegħdu fuq is-suq tal-Unjoni bil-kunsens tagħha. Hija talbet, sussidjarjament, li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati, fl-istess termini, għal dak li jikkonċerna l-fwejjaħ tat-trade mark Davidoff Hot Water EdT 60 ml u, b’mod iktar sussidjarju, li jiġu kkundannati, fl-istess termini, għal dak li jikkonċerna l-fwejjaħ Davidoff Hot Water EdT 60 ml, maħżuna f’isem il-bejjiegħa jew li ma jistgħu jiġu marbuta ma ebda bejjiegħ.

13      Il-Landgericht (Il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Coty. Din tal-aħħar ġiet miċħuda l-appell tagħha, peress li l-qorti tal-appell ikkunsidrat b’mod partikolari li Amazon Services Europe ma kienet la żammet u lanqas bagħtet il-prodotti kkonċernati u li Amazon FC Graben kienet żammet dawn il-prodotti f’isem il-bejjiegħa u bejjiegħa terzi oħra.

14      Coty appellat f’Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma biss Amazon Services Europe u Amazon FC Graben li huma appellati quddiem din il-qorti.

15      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-riżultat tal-imsemmi appell, fejn Coty tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tal-appell li Amazon FC Graben ma hijiex responsabbli bħala awtur ta’ ksur tad-dritt ta’ trade mark, jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001.

16      B’mod partikolari, hija tenfasizza li r-riżultat tal-appell f’Reviżjoni jiddependi mill-punt dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna, li taħżen għal terzi persuni prodotti li jkunu kisru dritt ta’ trade mark mingħajr ma tkun taf b’dan il-ksur, iżżomm dawn il-prodotti għall-finijiet li jiġu offruti jew imqegħda fuq is-suq, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk it-terzi persuni biss ikollhom l-intenzjoni li joffru l-imsemmija prodotti jew li jqegħduhom fuq is-suq.

17      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, peress li Coty tibbaża waħda mit-talbiet tagħha fuq ir-riskju ta’ reċediva, l-azzjoni tagħha hija fondata biss jekk l-illegalità tal-aġir tal-kumpanniji inkwistjoni tal-grupp Amazon tiġi kkonstatata kemm fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali kif ukoll f’dik tad-deċiżjoni li taqta’ l-appell f’Reviżjoni.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Persuna li għan-nom ta’ terz taħżen prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark mingħajr ma jkollha għarfien ta’ dan il-ksur iżżomm dawn il-prodotti sabiex toffrihom jew tqegħidhom fis-suq jekk ma tkunx hija stess iżda t-terz li, waħdu, jintendi joffri dawn il-prodotti jew iqegħidhom fis-suq?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Coty ssostni, minn naħa, li d-domanda preliminari, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda essenzjalment persuna li taħżen li ma tipprovdi ebda assistenza għall-offerta għall-bejgħ, għall-bejgħ u għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti maħżuna għandha. Issa, Amazon FC Graben ma għandhiex tali karatteristiċi, fir-rigward tas-servizzi proposti minn kumpanniji oħra tal-grupp Amazon fil-kuntest tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati, b’mod li ma jistax jiġi eskluż li d-domanda preliminari tirrigwarda problema ta’ natura ipotetika jew li din id-domanda ma għandha ebda relazzjoni suffiċjenti mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20      Min-naħa l-oħra, Coty tirreleva li d-deskrizzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriflettix biżżejjed ir-rwol li għandhom Amazon Services Europe u Amazon FC Graben f’dak li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati. Hija ssostni, f’dan il-kuntest, li, fil-komunikazzjoni għall-bejgħ u fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, dawn il-kumpanniji jissostitwixxu ruħhom kompletament għall-bejjiegħ. Barra minn hekk, fuq ordni ta’ Amazon Services Europe u ta’ Amazon EU, Amazon Europe Core tippromwovi b’mod kontinwu l-prodotti kkonċernati fuq is-sit internet www.amazon.de permezz ta’ reklami fuq il-mutur ta’ riċerka ta’ Google, li jwassal għal offerti proposti kemm minn Amazon EU f’isimha proprju kif ukoll minn terzi persuni, amministrati minn Amazon Services Europe. Għalhekk, ikkunsidrata fl-intier tagħha, l-attività tal-konvenuti fil-kawża prinċipali tmur lil hinn sew mir-rwol li għandha eBay fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474).

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta tagħti risposti għal domandi preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu dawn id-domandi, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 24, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2019, Spedidam, C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Peress li hija l-qorti tar-rinviju biss li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha, u għalhekk, għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li din il-qorti tikkunsidra bħala stabbilita u ma tistax tkun marbuta b’ipoteżijiet imqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger, C‑16/18, EU:C:2019:1110, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger, C‑16/18, EU:C:2019:1110, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ dan ma seħħx.

26      Minn naħa, kif jirriżulta mingħajr ambigwità mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif huwa mfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, ir-riżultat tal-appell f’Reviżjoni jiddependi, skont il-qorti tar-rinviju, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001, li hija mitluba minn din il-qorti sabiex tiġi stabbilita l-eventwali responsabbiltà ta’ Amazon FC Graben abbażi tal-ksur tad-dritt tat-trade mark ta’ Coty.

27      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li saritilha. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, li Amazon Services Europe toffri lil bejjiegħa terzi l-possibbiltà li jippubblikaw, għall-prodotti tagħhom, offerti ta’ bejgħ fil-parti “Amazon-Marketplace” tas-sit internet www.amazon.de u, min-naħa l-oħra, li Amazon FC Graben topera maħżen fejn kienu maħżuna l-prodotti kkonċernati.

28      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-assenza, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ta’ deskrizzjoni ta’ Amazon EU u ta’ Amazon Europe Core, għandu jiġi kkonstatat li l-eventwali responsabbiltà ta’ dawn il-kumpanniji ma hijiex is-suġġett tal-appell f’Reviżjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas, għaldaqstant, tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

29      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna li taħżen għal terzi persuni prodotti li jiksru d-dritt ta’ trade mark mingħajr ma tkun taf b’dan il-ksur, għandhiex tiġi kkunsidrata li qegħda żżomm dawn il-prodotti bil-għan li jiġu offruti jew imqegħda fis-suq fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk din il-persuna ma għandhiex hija stess dawn l-għanijiet.

31      Għandu jitfakkar preliminarjament, li, skont it-termini tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lid-detentur tagħha d-dritt esklużiv li jipprojbixxi li kull terza persuna li tuża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li hija rreġistrata għalihom, jew ta’ sinjal li għalih, minħabba li huwa identiku jew jixbah it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark u s-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, jew ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għal prodotti jew servizzi li ma humiex simili għal dawk li hija rreġistrata għalihom din it-trade mark, meta din tibbenefika minn reputazzjoni fl-Unjoni u li l-użu tas-sinjal mingħajr motiv ġust jieħu profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark jew jikkawżalhom dannu.

32      L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001, jelenka b’mod mhux eżawrjenti t-tipi ta’ użu li jista’ jkun ipprojbit mid-detentur ta’ trade mark abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 207/2009 u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C-236/08 sa C-238/08, EU:C:2010:159, punt 65).

33      Fost dawn jinsab, fl-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001, il-fatt li jiġu offruti l-prodotti jew li jitqegħdu fis-suq jew li jinżammu għal dawn l-għanijiet.

34      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali sempliċement ħażnu l-prodotti kkonċernati, mingħajr ma offrewhom huma stess għall-bejgħ jew mingħajr ma poġġewhom fuq is-suq u, min-naħa l-oħra, li lanqas ma kellhom l-intenzjoni li joffru dawn il-prodotti għall-bejgħ jew li jpoġġuhom fuq is-suq.

35      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk tali tranżazzjoni ta’ ħżin tistax tiġi kkunsidrata bħala “użu” tat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001 u, b’mod partikolari, bħala l-fatt li “jinżammu” dawn il-prodotti sabiex jiġu offruti jew imqegħda fis-suq, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas ir-Regolament 2017/1001 ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ dawn ir-regolamenti.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li, skont is-sens abitwali, l-espressjoni “użu” timplika aġir attiv u maestrija, diretta jew indiretta, tal-att li jikkostitwixxi l-użu. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001, li jelenka b’mod mhux eżawrjenti t-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, isemmi esklużivament l-aġir attiv minn naħa ta’ terzi persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punti 39 u 40, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 38).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipprovdu lill-proprjetarju ta’ trade mark strument legali li jippermettilu li jipprojbixxi, u b’hekk li jwaqqaf, kwalunkwe użu tat-trade mark tiegħu minn terza persuna mingħajr il-kunsens tiegħu. Madankollu, huwa biss terz li għandu l-maestrija, diretta jew indiretta, tal-att li jikkostitwixxi l-użu huwa effettivament ikun jista’ jwaqqaf dan l-użu u għalhekk li jikkonforma mal-imsemmija projbizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 41).

39      Barra minn hekk hija rrilevat ripetutament li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-proprjetarju minn terz jimplika, tal-inqas, li dan tal-aħħar juża s-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu. Persuna tista’ għalhekk tippermetti lill-klijenti tagħha li jużaw sinjali identiċi jew simili għal trade marks, mingħajr ma hija stess tuża l-imsemmija sinjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 56).

40      Huwa b’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-operat ta’ pjattaforma ta’ kummerċ online, li l-użu ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks, fl-offerta għall-bejgħ murija f’suq online, isir mill-klijenti bejjiegħa tal-operatur ta’ dak is-suq u mhux minn dak l-operatur inniffsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 103).

41      Hija rrilevat ukoll, fir-rigward tal-impriża li l-attività prinċipali tagħha hija l-mili ta’ bottijiet b’xorb prodott minnha stess jew minn terzi persuni, li operatur ta’ servizz li jillimita ruħu sabiex jimla, fuq ordni u fuq l-istruzzjonijiet ta’ terz, bottijiet li diġà jkollhom fuqhom sinjali simili għal trade marks u għalhekk sempliċement jeżegwixxi parti teknika mill-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott finali, mingħajr ma jkollu l-iċken interess fil-preżentazzjoni esterna tal-imsemmija bottijiet u, b’mod partikolari, fis-sinjali li jidhru fuqhom, ma “jużax” huwa nnifsu dawn is-sinjali, iżda joħloq biss il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji sabiex dan it-terz ikun jista’ jagħmel tali użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punt 30).

42      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm operatur ekonomiku, li jimporta jew jgħaddi lil persuna li taħżen, bil-għan li titqiegħed fil-kummerċ, merkanzija li għandha t-trade mark li ma hijiex il-proprjetarja tagħha, “juża” sinjal identiku għal din it-trade mark, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tal-persuna li taħżen li tipprovdi servizz ta’ ħżin tal-merkanzija li għandha t-trade mark ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et, C‑379/14, EU:C:2015:497, punti 42 u 45).

43      Fil-fatt, il-fatt li joħloq il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarja għall-użu ta’ sinjal u li jitħallas għal dan is-servizz, ma jfissirx li min joffri dan is-servizz jagħmel huwa nnifsu użu mill-imsemmi sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C-238/08, EU:C:2010:159, punt 57, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punt 29).

44      Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sustanza tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li din id-dispożizzjoni timmira speċifikatament l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid tagħhom fis-suq, iż-żamma tagħhom “għal dawn il-għanijiet” jew inkella l-provvista ta’ servizzi taħt is-sinjal ikkonċernat.

45      Minn dan isegwi li, sabiex il-ħżin ta’ prodotti b’sinjali identiċi jew simili għal trade marks ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħal “użu” ta’ dawn is-sinjali, hemm bżonn, kif irreleva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-operatur ekonomiku li jwettaq dan il-ħżin ikollu huwa stess l-għan imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew fit-tqegħid tagħhom fuq is-suq.

46      Fin-nuqqas ta’ dan ma jistax jiġi kkunsidrat li l-att li jikkostitwixxi l-użu tat-trade mark huwa l-fatt ta’ din il-persuna, u lanqas li s-sinjal jintuża fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħha.

47      Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika mingħajr ambigwità li dawn ma offrewx huma stess il-prodotti kkonċernati għall-bejgħ u lanqas ma qegħduhom fis-suq, u din tippreċiża, fil-fatt, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, li hija t-terza persuna li, waħedha, għandha l-intenzjoni li toffri l-prodotti jew tqegħdhom fis-suq. Minn dan isegwi li huma ma jużawx, huma stess, is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħhom.

48      Din il-konklużjoni hija, għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li dawn il-partijiet jagħmlu huma stess użu mis-sinjal fir-rigward ta’ fliexken ta’ fwieħa li jżommu mhux f’isem bejjiegħa terzi, iżda f’isimhom stess jew li, fin-nuqqas tagħhom li jkunu jistgħu jidentifikaw il-bejjiegħ terz, li jiġu offruti jew imqegħda fis-suq mill-imsemmija partijiet stess.

49      Fl-aħħar nett, minkejja l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, sa fejn operatur ekonomiku ppermetta lil operatur ieħor li juża t-trade mark, ir-rwol tiegħu għandu, skont il-każ, jiġi eżaminat mill-angolu ta’ regoli oħra tad-dritt differenti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 57, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters, C‑119/10, EU:C:2011:837, punt 35), bħall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jew l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48.

50      F’dan ir-rigward, Coty titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun fin-negattiv, li din tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-attività tal-operatur ta’ suq online fil-kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 u, fin-negattiv, jekk tali operatur għandux jiġi kkunsidrat bħala “kontravventur” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48.

51      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx lok li jiġu eżaminati domandi oħra magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali apparti dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Issa, huwa paċifiku li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ma qajjmitx din id-domanda, u ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li taħżen għal terzi persuni prodotti li jiksru d-dritt ta’ trade mark mingħajr ma tkun taf b’dan il-ksur, għandha tiġi kkunsidrata li ma hijiex qegħda żżomm dawn il-prodotti bil-għan li jiġu offruti jew mqegħda għall-bejgħ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk din il-persuna ma għandhiex hija stess dawn il-għanijiet.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li taħżen għal terzi persuni prodotti li jiksru d-dritt ta’ trade mark mingħajr ma tkun taf b’dan il-ksur, għandha tiġi kkunsidrata li ma hijiex qegħda żżomm dawn il-prodotti bil-għan li jiġu offruti jew mqegħda għall-bejgħ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk din il-persuna ma għandhiex hija stess dawn il-għanijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.