Language of document : ECLI:EU:T:2005:456

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

14 ta' Diċembru 2005

"Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni– Regolament Nru 4064/89 – Swieq ajrunawtiċi - Akkwist ta' Honeywell minn General Electric – Integrazzjoni vertikali – Bejgħ ta' pakketti ta' prodotti – Effetti ta' l-esklużjoni – Overlaps orizzontali – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T-210/01,

General Electric Company, stabbilita f'Fairfield, Connecticut (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn N. Green, C. Booth, QC, J. Simor, K. Bacon, barristers, S. Baxter, solicitor, L. Vogel u J. Vogel, Avocat, kif ukoll, inizjalment, minn M. Van Kerckhove, Avocat, wara minn J. O’Leary, solicitor, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, P. Hellström u F. Siredey-Garnier, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Rolls-Royce plc, stabbilita f'Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Renshaw, solicitor,

u minn

Rockwell Collins, Inc., stabbilita f'Cedar Rapids, Iowa (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn T. Soames, J. Davies u A. Ryan, solicitors, u P. D. Camesasca, avocat,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/134/KE tat-3 ta' Lulju 2001, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (każ COMP/M.2220 – General Electric/Honeywell) (ĠU 2004 L 48, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, korrezzjonijiet fil-ĠU 1990, L 257, p.13), emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 180, aktar 'il quddiem, kif korrett u emendat, ir-"Regolament Nru 4064/89") fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu jipprovdi li :

"2. Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

3. Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhijiex kompatibbli mas-suq komuni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        General Electric Company (aktar ’il quddiem "GE" jew ir-"rikorrenti") hija impriża industrijali diversifikata, attiva, b'mod partikolari, fl-oqsma tal-magni ta' l-ajruplani, ta’ l-għodda għad-dar, tas-servizzi informatiċi, tas-sistemi ta' l-enerġija, tad-dawl, tas-sistemi industrijali, tas-sistemi tal-mediċina, tal-plastik, tax-xandir, tas-servizzi finanzjarji u tas-servizzi tat-trasport.

3        Honeywell International, Inc. hija impriża attiva, b'mod partikolari, fis-swieq ta' prodotti u tas-servizzi ajrunawtiċi, tal-prodotti tal-vetturi, tal-materjal elettroniku, ta' l-ispeċjalitajiet kimiċi, tal-polimer ta' kwalità għolja, tas-sistemi ta' trasport u ta' enerġija u tas-sorveljanza tad-djar jew ta’ proprjetajiet industrijali.

4        Fit-22 ta' Ottubru 2000, GE u Honeywell ikkonkludew ftehim li jipprovdi li GE takkwista l-kapital kollu ta’ Honeywell (aktar 'il quddiem il-"konċentrazzjoni"), u b'hekk kellha ssir 100% sussidjarja ta' GE.

5        Fil-5 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni formalment irċeviet notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89.

6        Fl-1 ta' Marzu 2001, wara li kkunsidrat li l-konċentrazzjoni setgħet tkun koperta mir-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 6(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament u fl-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedimenti").

7        Fil-15 ta' Marzu 2001, GE u Honeywell flimkien ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, dwar id-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedimenti.

8        Fit-8 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (aktar 'il quddiem id-"DO") lil GE, li għaliha l-istess GE rrispondiet fl-24 ta' Mejju 2001.

9        Fid-29 u t-30 ta' Mejju 2001, inżammet seduta bejn il-Kummissjoni, GE u Honeywell.

10      Fl-14 u t-28 ta' Ġunju 2001, GE u Honeywell, flimkien ipproponew żewġ sensiliet suċċessivi ta' impenji intiżi sabiex il-konċentrazzjoni ssir aċċettabbli għall-Kummissjoni.

11      Fit-3 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Nru 2004/134/KE (każ COMP/M.2220 – General Electric/Honeywell) (ĠU 2004, L 48, p.1) fejn iddikjarat il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Id-deċiżjoni kkontestata

12      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata hija miktuba skond kif ġej :

"Artikolu 1

Il-konċentazzjoni li permezz tagħha [GE] akkwistat il-kontroll ta' l-impriża Honeywell International Inc. hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni hija indirizzata lil:

[GE]

[...]"

13      Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jiġu ssinteżizzati kif ġej :

14      Skond il-Kummissjoni, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, GE weħidha diġà kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fuq is-swieq dinjija rispettivament tal-magni tal-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar u għall-ajruplani reġjonali kbar (ara rispettivament il-premessi 45 sa 83 u 84 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-premessi 107 sa 229). Is-saħħa tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, flimkien mal-qawwa kummerċjali rrappreżentata mis-saħħa finanzjarja tagħha u l-integrazzjoni vertikali tagħha fl-operazzjonijiet ta' kera ta' inġenji ta' l-ajru, huma fost l-elementi li wassluha tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti f'dawn is-swieq. L-investigazzjoni wriet ukoll li Honeywell kienet diġà l-fornitur prinċipali tal-prodotti ta’ l-ajru u ta' dawk li mhux ta’ l-ajru (premessi 241 sa 275) kif ukoll tal-magni tal-ġett għall-ajruplani tan-negozju (premessi 88 u 89) u ta' starters tal-magni tal-ġett, b'mod partikolari dawk ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, fejn dawn l-istarters huma komponent ċentrali fil-manifattura tal-magni tal-ġett (premessi 331 sa 340).

15      Il-konsolidazzjoni ta' l-attivitajiet taż-żewġ kumpanniji kienet wasslet għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti f'diversi swieq. Il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod partikolari li l-pożizzjoni dominanti ta' GE li kienet teżisti qabel fis-suq dinji tal-magni bil-ġett ta' l-ajruplani kummerċjali ta' daqs kbir issaħħet minħabba l-effetti "vertikali" tal-konċentrazzjoni li rriżultaw mill-integrazzjoni ta' l-attività ta' GE fil-produzzjoni ta' dawn il-magni ma' l-attività ta' Honeywell fil-produzzjoni ta' l-istarters għal dawn il-magni bil-jet (premessi 419 sa 427 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kienu ser jinħolqu pożizzjonijiet dominanti fis-swieq dinjija differenti tal-prodotti ta’ l-ajru u ta' dawk li mhumiex ta’ l-ajru, li fihom Honeywell kienet diġà tokkupa pożizzjonijiet ta’ saħħa qabel il-konċentrazzjoni minħabba ż-żewġ tipi ta' effetti magħrufin bħala "tal-konglomerat". Skond il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, dawn l-effetti kienu dawk li jirriżultaw minn proċess imsejjaħ "ċaqliq fl-ishma tas-suq" (share shifting) li jikkonsisti fl-estensjoni tas-setgħa finanzjarja ta' GE Capital, li hija kumpannija li tappartjeni lill-grupp tar-rikorrenti fuq dawn is-swieq, kif ukoll mill-vantaġġi kummerċjali li joħorġu mill-attività ta' bejgħ u kiri ta' inġenji ta' l-ajru, essenzjalment minn GE Capital Aviation Services (GECAS), li hija wkoll kumpannija mill-grupp tar-rikorrenti (premessi 342 sa 348 u 405 sa 411). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni pprevediet xi effetti li jirriżultaw mill-prassi fil-futur ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tal-bejgħ tal-prodotti miġbura – puri, tekniċi u mħallta – konsistenti fl-istess waqt fil-magni bil-ġett ta' dik li qabel kienet GE, minn naħa, u fil-prodotti ta’ l-ajru u dawk li mhux ta’ l-ajru ta' dik li qabel kienet Honeywell, min-naħa l-oħra (premessi 349 sa 404). Il-Kummissjoni sostniet li l-prassi fil-futur ta' dan il-bejgħ tal-prodotti miġbura jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni dominanti li diġà kienet teżisti qabel ta’ GE fis-suq tal-magni bil-ġett għal ajruplani kummerċjali kbar.

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pożizzjoni dominanti li diġà kienet teżisti ta’ GE fis-suq dinji tal-magni bil-ġett għal ajruplani reġjonali kbar kienet issaħħet, kif ukoll li nħolqot pożizzjoni dominanti ta' l-entità amalgamata fis-suq dinji tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju, partikolarment minħabba "sovrapożizzjoni orizzontali", fejn GE u Honeywell kienu t-tnejn li huma preżenti bħala produtturi fis-swieq qabel il-konċentrazzjoni (premessi 428 sa 431 u 435 sa 437 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sostniet ukoll li pożizzjoni dominanti kienet inħolqot, b’mod partikolari minħabba s-sovrapożizzjoni orizzontali bejn iż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni nnotifikata, fis-suq dinji tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass (premessi 468 sa 477).

17      B'dan il-mod, peress li kkunsidrat li l-impenji proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu meqjusin bħala insuffiċjenti biex isolvu l-problemi kollha dwar il-kompetizzjoni li rriżultaw mill-operazzjoni (premessi 500 sa 533 u 546 sa 563 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, fil-premessa 567 ta' l-istess deċiżjoni, ikkonkludiet li l-konċentrazzjoni kienet ser toħloq jew issaħħaħ diversi pożizzjonijiet dominanti li jkollhom bħala konsegwenza li jostakolaw b'mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq komuni u li l-operazzjoni kellha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89.

 Il-proċedura

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Settembru 2001,ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. Fl-istess ġurnata, Honeywell ressqet ukoll rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-209/01).

19      Permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11, fil-15 u fis-16 ta' Jannar 2002, Rolls Royce plc, Rockwell Collins Inc. (aktar 'il quddiem "Rockwell") u Thales SA talbu li jintervjenu f'din il-kawża in sostenn tal-Kummissjoni.

20      Ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-partijiet intervenjenti ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet tagħha u f’dawk tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta' digriet tas-26 ta' Ġunju 2002, il-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' l-interventi ta' Rolls-Royce u ta' Rockwell. Permezz ta' l-istess digriet, huwa laqa' t-talba għal trattament kunfidenzjali magħmula mir-rikorrenti, bla ħsara għas-sottomissjonijiet tal-partijiet intervenjenti. B’mod konformi ma' l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, it-talba ta' Thales biex tintervjeni ntlaqgħet abbażi tar-rapport tas-seduta matul il-proċedura orali.

22      Peress li l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġiet mibdula permezz ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Settembru 2004 (ĠU C 251, p. 12), l-Imħallef Relatur ġie mogħti kariga fit-Tieni Awla, u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil dik l-Awla.

23      B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, wara li kienu nstemgħu l-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' l-imsemmija Regoli, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

24      Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Frar 2004, Thales irtirat l-intervent tagħha. Permezz ta' digriet tat-23 ta' Marzu 2004, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza ħa nota ta' dan l-irtirar, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra.

25      Permezz ta' itta tas-17 ta' Marzu 2004, ir-rikorrenti talbet li din il-kawża tingħaqad mal-kawża T-209/01. Il-President tat-Tieni Awla Estiża rrefera d-deċiżjoni dwar il-possibbiltà li dawn il-kawżi jingħaqdu lil dan il-kulleġġ, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

26      Wara li semgħet ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u tagħmel mistoqsijiet lill-partijiet, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni ntalbet ukoll tippreżenta ċerti dokumenti qabel is-seduta. Il-partijiet ikkonformaw ma' dawn it-talbiet.

27      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tas-27 ta' Mejju 2004. Fit-tmiem ta' din is-seduta l-proċedura orali ġiet magħluqa.

28      Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza biex terġa' tinfetaħ il-proċedura orali kif ukoll osservazzjonijiet ulterjuri fuq ċerti aspetti tal-kawża, li magħhom kien hemm annessi diversi dokumenti ġodda. Permezz ta' digriet tat-8 ta' Lulju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li terġa' tiftaħ il-proċedura orali, skond l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura.

29      Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li kienet tikkonsisti li tinkludi fil-proċess id-dokumenti u l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fit-8 ta' Ġunju 2004. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti dwar ir-rilevanza ta' l-imsemmija elementi ġew ukoll inklużi fil-proċess.

30      Fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-partijiet ippreżentaw osservazzjonjiet u dokumenti ulterjuri, fir-rigward tal-mistoqsijiet imqajma mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet inizjali tagħha. Dawn l-elementi ġew inklużi wkoll fil-proċess.

31      Sussegwentement, il-proċedura orali ġiet magħluqa mill-ġdid fit-23 ta' Novembru 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Rolls Royce u Rockwell, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Fl-atti tagħha, ir-rikorrenti tqajjem serje ta' mistoqsijiet dwar il-portata tar-rikors tagħha, il-portata tal-poter ta' stħarriġ tal-Qorti tal-Prim'Istanza u dwar il-kriterji ġenerali applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-mistoqsijiet ser jiġu eżaminati preliminarjament.

35      Ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u li sservi bħala punt ta’ tluq għal aspetti oħra ta' l-analiżi tal-kompetizzjoni, fejn jingħad li qabel il-konċentrazzjoni, ir-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għal ajruplani kummerċjali kbar. Dan l-aspett ser jiġi analizzat fl-ewwel lok.

36      Ir-rikorrenti tiċħad ukoll l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sovrapożizzjoni vertikali, dwar l-effetti tal-konglomerat u dwar is-sovrapożizzjoni orizzontali pprovokati mill-konċentrazzjoni. Dawn il-mistoqsijiet ser jiġu analizzati suċċessivament, fit-tieni, it-tielet u r-raba' lok.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka xi vizzji tal-proċedura li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-aspetti ser jiġu eżaminati fl-aħħar lok.

A –  Kwistjonijiet preliminari

1.     Fuq it-talba sabiex jingħaqdu l-kawżi

38      Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jingħaqdu żewġ kawżi li fihom ir-rikorrenti huma differenti ma jistax ibiddel il-portata tar-rikors ippreżentat separatament minn kull wieħed minnhom, taħt piena li tiġi miksura l-indipendenza u n-natura awtonoma tar-rikorsi distinti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punti 61 sa 68, b'mod partikolari l-punt 66).

39      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li m'hemmx lok li l-kawża preżenti tiġi magħquda mal-kawża T-209/01, fid-dawl, b'mod partikolari, tad-differenza fil-portata taż-żewġ kawżi. B’hekk it-talba f'dan is-sens magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tas-17 ta' Marzu 2004 hija miċħuda.

2.     Fuq il-konnessjoni bejn id-diversi elementi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni

a)     L-argumenti tal-partijiet

40      Ir-rikorrenti tirrileva li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-elementi tar-raġunament tagħha fid-deċiżjoni kkontestata jikkorroboraw reċiprokament lil xulxin b'mod li ma jagħmilx sens li dawn jiġu analizzati kull wieħed minnhom għalih. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li fil-każ preżenti tiġi applikata, b’analoġija, is-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01, Ġabra p. II-4701), fejn jingħad li l-iżbalji li jivvizzjaw l-analiżi tal-Kummissjoni ta' ċerti swieq eżaminati mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw l-annullament ta' xi deċiżjoni meta l-istess deċiżjoni tkun ibbażata fuq analiżi ta' swieq oħra li tirriżulta fondata. Fis-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat, f'dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni proprja tagħha tal-konċentrazzjoni ma’ dik tal-Kummissjoni. B'hekk, fil-każ li jiġi deċiż li wħud mill-motivi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati b'illegalità filwaqt li xi motivi oħrajn ma jkunux, mhuwiex kompitu tal-qorti Komunitarja li tevalwa jekk l-elementi fondati tar-raġunament humiex biżżejjed biex jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-inkompatibbiltà ta' l-operazzjoni notifikata mas-suq komuni.

41      Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kombinazzjoni ta' elementi ta' fatt u ta’ dritt li jikkumplimentaw lil xulxin, u li jinvolvu effetti orizzontali, effetti vertikali u effetti tal-konglomerat. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li kull wieħed minn dawn l-elementi jiġġustifika b'mod awtonomu l-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

42      Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, safejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, fihom infushom, ta' natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b'mod sodisfaċenti fid-dritt, il-vizzji li jistgħu jkunu marbuta ma’ motivi oħra ta' l-att huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-parti operattiva tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TFI, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29).

43      Barra minn hekk, peress illi l-parti operattiva ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tibbaża fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal din il-parti operattiva, dan l-att jista', fil-prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F'dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwaw biss wieħed minn dawn l-elementi ta’ raġunament mhumiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni peress illi dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fuq il-parti operattiva stabbilita mill-istituzzjoni li tkun l-awtriċi ta' dik id-deċiżjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II-2427, punti 49 sa 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Din ir-regola tapplika b'mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 404 sa 420).

45      Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tipprojbixxi konċentrazzjoni meta din tissodisfa l-kriterji ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(a) ta’ l-imsemmi Regolament li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, b’mod partikolari li żżomm u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-istruttura tas-swieq kollha in kwistjoni. B'hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar jekk xi operazzjoni toħloqx jew issaħħaħx xi waħda, jew iktar, mill-pożizzjonijiet dominanti bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla b'mod sinjifikattiv għandha ssir b'riferiment għall-kundizzjonijiet eżistenti fuq kull suq li jkun suxxettibbli li jiġi affettwat mill-operazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Għaldaqstant, jekk hija tikkonstata li l-kriterji msemmijin huma sodisfatti fir-rigward ta' wieħed biss mis-swieq in kwistjoni, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

46      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata ppreċiżat li "għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni proposta twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-[magni għall-ajruplani kummerċjali kbar], tal-[magni għall-ajruplani reġjonali kbar], tal-[magni għall-ajruplani tan-negozju], tal-prodotti ta’ l-ajru u mhux ta’ l-ajru, kif ukoll tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass, bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla b'mod sostanzjali."

47      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ħolqitx ġerarkija bejn il-problemi ta' kompetizzjoni kkonstatati f'kull wieħed mis-swieq li l-Kummissjoni eżaminat u li wara hija elenkat sussegwentement, fil-kuntest tal-konklużjoni tagħha li tinsab fil-punt preċedenti. Anzi bil-kontra, u b’kunsiderazzjoni b'mod partikolari tat-termini ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, din il-konklużjoni ma tistax tinftiehem ħlief fis-sens li, fuq kull wieħed mis-swieq elenkati, l-operazzjoni notifikata kienet twassal għall-ħolqien jew, jekk ikun il-każ, għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti fuq dan is-suq bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni kienet qed tiġi mfixkla b'mod sostanzjali.

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi annullata ħlief jekk jiġi kkonstatat mhux biss li ċerti motivi tagħha huma vvizzjati b'illegalità, imma, ukoll, li l-motivi possibbli li b’hekk mhumiex ivvizzjati b'illegalità mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw l-inkompatibbiltà ta' l-operazzjoni nnotifikata mas-suq komuni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma teliminax il-bżonn li jiġi eżaminat jekk ċerti aspetti tal-kompetizzjoni kif identifikati fid-deċiżjoni kkontestata jikkorroborawx lil xulxin bħalma ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, b'mod li ma jkunx jagħmel sens li kull wieħed minnhom jiġi analizzat b'mod iżolat.

3.     Fuq l-impenji proposti

49      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-validità tat-tieni sensiela ta' impenji, tat-28 ta' Ġunju 2001, huwa paċifiku li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ppreżentaw, fl-14 ta' Ġunju 2001, l-ewwel sensiela ta' impenji (ara l-premessi 485 sa 533 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li dik il-ġurnata kienet l-aħħar ġurnata li fiha setgħu jiġu proposti xi impenji, skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 447/98, ta' l-1 ta' Marzu 1998, dwar in-notifikazzjonijiet, it-termini u s-seduti għas-smigħ previsti fir-Regolament Nru 4064/89 (ĠU L 61, p.1). Madankollu, il-kontraenti fil-konċentrazzjoni pproponew it-tieni sensiela ta' impenji fit-28 ta' Ġunju 2001 (ara l-premessi 534 sa 566 tad-deċiżjoni kkontestata) fejn indikaw li dawn l-impenji kienu qegħdin jissostitwixxu dawk li kienu ġew proposti fl-14 ta' Ġunju 2001.

50      Għandu jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li l-uniċi differenzi bejn iż-żewġ sensiliet ta' impenji jikkonċernaw l-impenn dwar kif kellha taġixxi GECAS u l-impenji strutturali relattivi għall-ikkontemplati trasferimenti ta' l-attivitajiet ta' Honeywell fis-swieq differenti tal-prodotti ta’ l-ajru u mhux ta’ l-ajru. L-impatt potenzjali ta' dawn id-differenzi ser jiġi eżaminat aktar 'l isfel fil-kuntest ta' l-eżami fil-mertu ta' l-effetti tal-konglomerat.

51      Peress li fir-rikors tagħha, hija kkontestat ir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-impenji rigwardanti l-aġir, ir-rikorrenti, fis-seduta, irrilevat ukoll li, permezz ta' dan ir-rifjut, il-Kummissjoni kkawżat ħsara lill-proċedura amministrattiva kollha u ċaħħdet lill-partijiet kontraenti fil-konċentrazzjoni mill-possibbiltà li jipproponu impenji li huma suxxettibbli li jsolvu, b'mod partikolari, il-problemi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mis-sovrapożizzjoni orizzontali identifikati mill-Kummissjoni. B’kunsiderazzjoni tal-portata wiesgħa ħafna ta' din l-allegazzjoni, għandha l-istess allegazzjoni tiġi eżaminata fil-kuntest tas-sezzjoni preliminari preżenti.

52      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fid-DO tagħha tat-8 ta' Mejju 2001, esponiet b'mod ċar l-ilmenti rigwardanti l-konsegwenzi antikompetittivi kollha ta’ l-amalgamazzjoni, u partikolarment, dawk li jikkonċernaw l-effetti orizzontali u vertikali li jirriżultaw mill-istess amalgamazzjoni, stabbiliti iktar ’il quddiem fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-punti 118 sa 122, 124 sa 126, 459 sa 468, 469 sa 471, 473, 474, 578 sa 586 u 612 sa 633 ta' l-imsemmija DO). Għandu jiġi kkonstatat li, b'risposta għall-ilmenti tal-Kummissjoni kif esposti fid-DO, ir-rikorrenti pproponiet, b'mod partikolari, xi impenji strutturali fl-14 ta' Ġunju 2001 li l-Kummissjoni eżaminat u sussegwentement ċaħdet peress li t-twettiq tagħhom ma setax iseħħ minħabba kunsiderazzjonijiet prattiċi. Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ma qajmitx la elementi u lanqas xi argumenti biex tispjega b'mod speċifiku kif iċ-ċaħda ta' dawn l-impenji kienet illegali jew inġustifikata (ara, b'mod partikolari, il-punti 487, 555 u segwenti, 564 fl-aħħar, u 610 aktar ’il quddiem). Safejn l-impenji in kwistjoni kienu jippreżentaw lakuni tekniċi jew kummerċjali, b'mod li l-Kummissjoni ma kkunsidrathomx bħala suffiċjenti biex hija tkun tista' tapprova l-konċentrazzjoni fil-każ preżenti, dawn il-lakuni ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Kummissjoni, u lanqas, b'mod aktar partikolari, in-nuqqas ta’ rieda min-naħa tagħha biex taċċetta l-effettività potenzjali ta' l-impenji l-oħra li jirrigwardaw l-aġir. Fil-fatt, kienu l-partijiet kontraenti fl-operazzjoni li kellhom jippreżentaw impenji kompleti u effettivi minn kull lat, bħala prinċipju qabel l-14 ta' Ġunju 2001.

53      Fil-kuntest ta' l-osservazzjonijiet tagħha wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, ir-rikorrenti kkoreġiet ir-risposta tagħha għal mistoqsija li saritilha fis-seduta fejn ammettiet li fit-22 ta' Ġunju 2001, il-Kummissjoni kienet fil-fatt infurmata bir-raġunijiet li għalihom l-impenji tagħha, li hija ppreżentat fl-14 ta' Ġunju 2001, kellhom jiġu miċħuda. Sussegwentement hija sostniet li l-Kummissjoni kienet tatha l-impressjoni li kien ikun biżżejjed li ssaħħaħ l-impenn tagħha fir-rigward ta’ l-aġir futur ta’ GECAS sabiex l-operazzjoni tkun iddikjarata kumpatibbli mas-suq komuni. Sabiex issostni l-argument tagħha, hija ressqet, f'dan l-istadju tardiv tal-proċedura, żewġ komunikazzjonijiet ta' l-istampa ta' l-14 u t-18 ta' Ġunju 2001 u artiklu tal-11 ta' Frar 2002, li jirrappurtaw il-kontenut ta' intervista mal-membru tal-Kummissjoni li kien responsabbli għall-kompetizzjoni dak iż-żmien. Fis-sustanza, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kienet tatha ċerta assigurazzjoni li tat lok għal ħolqien ta’ aspettattiva leġittima.

54      Hemm lok li jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ġudizzjarja ntalbet mir-rikorrenti, f'dak li jirrigwarda l-impenji, bil-għan biss li hija tkun tista' tikkoreġi l-iżbalji fattwali msemmijin fil-punt preċedenti. B’hekk, safejn hija tinvoka l-kuntatti tagħha mal-Kummissjoni, l-osservazzjonijiet tagħha huma tardivi u, għaldaqstant, inammissibbli. Barra minn hekk, l-argument dwar l-aspettattiva leġittima, li tressaq għall-ewwel darba matul is-seduta, jikkostitwixxi motiv ġdid u għandu jiġi miċħud, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

55      Fi kwalunkwe ipoteżi, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-ħarsien ta' l-aspettattiva leġittima jestendi għal kull persuna li ssib ruħha f'sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja tkun qajmet fiha xi speranzi fondati (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas-26 ta' Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 26). Fil-każ preżenti, il-kuntatti li fuqhom ir-rikorrenti kienet ibbażat ruħha u li seħħew bejnha u bejn is-servizzi tal-Kummissjoni wara l-preżentata ta' l-ewwel sensiela ta' impenji fl-14 ta' Ġunju 2001, fir-rigward tal-possibbiltà li sensiela ġdid ta' impenji differenti f'ċerti aspetti mill-ewwel sensiela tiġi ppreżentata, ma setgħux iqajmu dawn l-isperanzi u, għaldaqstant, lanqas xi aspettattiva leġittima.

56      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-argumenti dwar l-impenji mressqa mir-rikorrenti matul is-seduta u fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda.

4.     Fuq l-istandard tal-prova u l-portata ta' l-istħarriġ magħmul mill-qorti Komunitarja

a)     L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti ssostni li konċentrazzjoni ta' natura konglomerali, bħalma hija dik li ġiet innotifikata fil-każ preżenti, rarament ikollha bħala effett li twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, u dan b’differenza ta' dawk ta' natura orizzontali jew vertikali. Għaldaqstant, kull affermazzjoni li tgħid bil-kontra teħtieġ li jiġi muri b'mod partikolarment konvinċenti l-mekkaniżmu speċifiku li jwassal għal dannu għall-kompetizzjoni.

58      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta' l-intervent u kif ukoll fis-seduta, ir-rikorrenti bbażat ruħha f'dan ir-rigward fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (T-5/02, Ġabra p. II-4381), biex tenfasizza li d-dimostrazzjoni ta' l-effetti tal-konglomerat teħtieġ eżami preċiż, sostnut bi provi sustantivi, li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-aġir futur jitlob prudenza partikolari u li l-analiżi tal-Kummissjoni għandha tkun partikolarment plawżibbli fir-rigward ta' l-effetti li għandhom jirriżultaw wara li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien. Hija rrilevat ukoll li, skond din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni l-effett dissważiv li jista' jirriżulta għal impriża f’każ tal-projbizzjoni ta' l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti stabbilita fl-Artikolu 82 KE.

59      Skond il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti, la r-Regolament Nru 4064/89 u lanqas il-ġurisprudenza ma jeżiġu livell ta' prova ogħla għal konċentrazzjoni ta' natura konglomerali.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

60      Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li fil-qasam ta' l-ekonomija l-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta' diskrezzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89, b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa limitat għall-verifika ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti u sabiex jara li m'hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1998, France et vs Il-Kummissjoni, imsejħa "Kali & Salz", C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224, u tal-15 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 38).

61      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 4064/89 ma joħloq ebda preżunzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta' operazzjoni nnotifikata. Mhemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha tikkonkludi favur l-approvazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li taqa' taħt il-kompetenza tagħha, f’sitwazzjoni fejn hija kellha dubju, iżda pjuttost li hija għandha dejjem tiddeċiedi pożittivament bejn naħa jew oħra (ara f'das-sens, is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 120).

62      Fir-rigward tan-natura ta' l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, għandha tiġi enfasizzata d-distinzjoni essenzjali li teżisti bejn l-informazzjoni u l-konstatazzjonijiet fattwali, minn naħa, fejn l-ineżattezza potenzjali tista' tiġi rrilevata mill-qorti fid-dawl ta' l-argumenti u elementi ta' prova li jitressqu quddiemha, u l-analiżi ta’ natura ekonomika, min-naħa l-oħra.

63      Għalkemm wieħed irid jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89, dan ma jfissirx illi l-qorti Komunitarja għandha tastjeni ruħha milli tistħarreġ il-klassifikazzjoni legali, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi tissostanzja l-konklużjonijiet milħuqa (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, punt 39).

64      Għalkemm dawn il-prinċipji japplikaw għal kull analiżi ta' natura ekonomika, stħarriġ ġudizzjarju effettiv isir aktar meħtieġ meta l-Kummissjoni tagħmel analiżi prospettiva ta' l-iżviluppi fuq suq li jistgħu jirriżultaw mill-konċentrazzjoni maħsuba. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq (punti 42 u 43), analiżi prospettiva, bħal dik meħtieġa fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, trid issir b’attenzjoni kbira, billi din ma tinvolvix l-eżami ta’ avvenimenti fl-imgħoddi, li dwarhom spiss ikun hemm disponibbli bosta elementi ta’ prova li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, u lanqas ta’ avvenimenti kurrenti, iżda teħtieġ li jiġu previsti avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà pjuttost qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata jew li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaliha (ara, f'das-sens, is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, punt 155). B’hekk, l-analiżi prospettiva li tikkonsisti f’eżami ta’ kif operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni fuq suq partikolari sabiex jiġi investigat jekk dan irriżultax f’ostaklu sinjifikattiv tal-kompetizzjoni effettiva teħtieġ li jiġu maħsuba d-diversi konnessjonijiet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-aktar probabbli.

 It-trattament ta' l-effetti tal-konglomerat

65      Il-konċentrazzjonijiet tat-tip konglomerat huma dawk li ma jwasslux għal sovrapożizzjoni orizzontali bejn l-attivitajiet tal-partijiet kontraenti fil-konċentrazzjoni u lanqas rapporti vertikali fis-sens strett bejn dawn l-istess partijiet. Anki jekk, b'mod ġenerali, dawn il-konċentrazzjonijiet ma jipproduċux effetti antikompetittivi, huma madankollu jista' jkollhom dawn l-effetti f'ċerti każijiet (ara s-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 142). Fil-kuntest ta' analiżi prospettiva ta' l-effetti ta' konċentrazzjoni tat-tip konglomerat, jekk il-Kummissjoni tkun f'pożizzjoni li tikkonkludi li minħabba l-effetti tal-konglomerat, pożizzjoni dominanti ser tkun, skond kull probabbiltà x'aktarx ser tinħoloq jew tissaħħaħ fil-futur relattivament qarib u li jkollha bħala konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat tkun imfixkla b'mod sinjifikattiv minħabba l-operazzjoni, hija għandha tipprojbixxi dik il-konċentrazzjoni (ara s-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F'dan ir-rigward, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni tat-tip “konglomerat’ joħolqu ċerti problemi speċifiċi, partikolarment safejn, minn naħa, l-analiżi ta' l-operazzjoni tista' timplika analiżi prospettiva li tieħu in kunsiderazzjoni l-mgħoddija taż-żmien fil-futur, jew, min-naħa l-oħra, aġir partikolari min-naħa ta’ l-entità amalgamata jista' jiddetermina fil-parti l-kbira l-effetti ta' dik il-konċentrazzjoni. B'hekk, ix-xejriet ta’ kawża u effett huma inċerti u diffiċli biex jiġu stabbiliti jew identifikati. F’dan il-kuntest, il-kwalità ta’ l-elementi ta’ prova miġjuba mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni hija ta’ importanza partikolari, billi dawn l-elementi jridu jissostanzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, jekk din deċiżjoni ma tiġix adottata, ix-xenarju ta’ l-iżvilupp ekonomiku mbassar minnha huwa plawżibbli (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, punt 44; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, punt 155).

67      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal, fl-ewwel lok, għal integrazzjoni vertikali diretta bejn il-produzzjoni ta' starters u magni, fit-tieni lok, l-effetti tal-konglomerat u, fit-tielet lok, sovrapożizzjoni orizzontali fuq ċerti swieq.

68      Jirriżulta essenzjalment mid-deskrizzjoni ta' l-effetti tal-konglomerat fid-deċiżjoni kkontestata li, skond il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni tbiddel immedjatament jew, ta' l-inqas f'qasir żmien, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq ċerti swieq minħabba dawn l-effetti, u tinvolvi b'hekk il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti f'dawn is-swieq, minħabba s-setgħa u l-possibbiltajiet kummerċjali li jirriżultaw mill-pożizzjoni dominanti li tkun diġà teżisti fuq l-ewwel suq (ara l-punt 325 u segwenti, u l-punt 399 u segwenti aktar 'il quddiem). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-konsegwenzi ma kinux jirriżultaw mill-konċentrazzjoni ħlief safejn l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet adottat ċertu aġir wara l-eżekuzzjoni, ħaġa din li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li hija probabbli. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan l-aġir kien jinvolvi l-estensjoni prevedibbli għal swieq ġodda, in segwitu għall-eżekuzzjoni ta' ċerti prattiċi kummerċjali li huma ta’ ħsara għall-kompetizzjoni li l-Kummissjoni identifikat f'waħda jew aktar mill-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel l-istess konċentrazzjoni seħħet.

69      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu kien fuq il-Kummissjoni li tipprovdi provi sustantivi dwar il-konklużjoni tagħha li l-aġir previst mill-entità amalgamata kien probabbilment adottat minnha. Fin-nuqqas ta' dan l-aġir, il-kombinazzjoni tal-pożizzjonijiet taż-żewġ partijiet kontraenti fil-konċentrazzjoni fis-swieq, li huma simili iżda fl-istess ħin distinti, ma setgħetx twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti, peress li dawn il-pożizzjonijiet ma kellhomx impatt kummerċjali fuq xulxin.

 It-trattament tal-fatturi li jistgħu jiskoraġġixxu lill-entità amalgamata milli tadotta ċertu aġir previst fid-deċiżjoni kkontestata

70      Fis-sentenza tagħha Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, għalkemm huwa xieraq li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-inċentivi oġġettivi li jinħolqu mill-amalgamazzjoni sabiex jiġi adottat aġir antikompetittiv, il-Kummissjoni hija wkoll obbligata teżamina safejn l-imsemmija inċentivi għandhom jiġu ridotti, jew eliminati, minħabba l-illegalità ta' l-aġir in kwistjoni, partikolarment fir-rigward tal-projbizzjoni fuq l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti stabbiliti fl-Artikolu 82 KE, tal-probabbiltà li jiġu skoperti, ta' l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tagħhom, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll nazzjonali, u tas-sanzjonijiet finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minnhom (punt 159 tas-sentenza). Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta' l-intervent, ir-rikorrenti invokat din il-ġurisprudenza in sostenn ta' l-argument tagħha li ċerti prattiċi li huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jistgħu joħolqu jew isaħħu xi pożizzjonijiet dominanti ma jimmanifestawx ruħhom fir-realtà.

71      Fl-appell fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq (punti 74 sa 78), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f'dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkunsidrat li l-probabbiltà li jiġi adottat ċertu aġir fil-futur għandha tiġi eżaminata b’mod komplet, jiġifieri, billi jiġu kkunsidrati kemm l-inċentivi sabiex jiġi adottat dak l-aġir kif ukoll il-fatturi li jnaqqsu, jew li jeliminaw, dawn l-inċentivi, inkluża l-possibbiltà li dak l-aġir ikun illeċitu.

72      Madankollu, hija ddeċidiet ukoll li jkun kontra l-għan ta’ prevenzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 li l-Kummissjoni tkun meħtieġa li teżamina, għal kull konċentrazzjoni proposta, kemm jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati l-inċentivi biex jiġi adottat aġir antikompetittiv, minħabba l-illegalità ta’ l-aġir in kwistjoni, il-probabbiltà li jiġi skopert, l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll nazzjonali, kif ukoll is-sanzjonijiet li jistgħu jirriżultaw. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ dritt meta rrespinġiet il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, mill-entità l-ġdida, ta’ l-aġir antikompetittiv in kwistjoni f'din il-kawża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 supra, punti 76 u 77).

73      Jirriżulta minn dak kollu lil ntqal li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li dak l-aġir ikun illegali, u għaldaqstant, suxxettibbli li jiġi sanzjonat, bħala fattur li huwa tali li jnaqqas, jew li jelimina, l-inċentivi li xi impriza tadotta aġir partikolari. Min-naħa l-oħra, din l-analiżi ma tirrikjedix eżami eżawrjenti u ddettaljat tal-leġiżlazzjoni tad-diversi sistemi legali li jistgħu jkunu applikabbli u tal-politika repressiva prattikata fihom u dan peress li analiżi intiża li tistabbilixxi l-eżistenza probabbli ta' ksur u li tassigura li dan il-ksur jiġi ppenalizzat f'diversi sistemi legali hija wisq spekulattiva.

74      B'hekk, safejn il-Kummissjoni tista', mingħajr ma tgħaddi biex tagħmel investigazzjoni speċifika u dettaljata fuq dan is-suġġett, tidentifika n-natura illegali ta' l-aġir in kwistjoni, fid-dawl ta' l-Artikolu 82 KE jew ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju illi hija kompetenti li tapplika, huwa obbligu tagħha li tikkonstata u li tikkunsidra għall-finijiet ta' l-analiżi tagħha dwar il-probabbiltà li jseħħ dak l-aġir min-naħa ta' l-entità amalgamata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, punt 74).

75      F'dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni għandha d-dritt tibbaża ruħha fuq analiżi sommarja, ibbażata fuq l-elementi li hija jkollha fil-mument li hija tadotta d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tal-legalità ta' l-aġir in kwistjoni u tal-grad ta' probabbiltà li dan l-aġir ikun ser jiġi sanzjonat, madankollu huwa obbligu tagħha li fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha, tidentifika l-aġir li hija tipprevedi u, jekk ikun il-każ, tevalwa u tieħu in kunsiderazzjoni l-effett skoraġġanti li jirriżultaw mill-fatt li dak l-aġir jista' jkun kjarament, jew wisq probabbilment, illeċitu fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

76      B'hekk, fil-kumplament ta' din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni bbażatx l-analiżi prospettiva tagħha fuq il-probabbiltà ta' l-effetti ta’ amalgamazzjoni fuq provi suffiċjentement sustantivi, b’kunsiderazzjoni f'dan ir-rigward tar-regoli msemmijin iktar ’il fuq.

5.     Fuq in-nuqqas li ma ġiex muri t-tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva

a)     L-argumenti tal-partijiet

77      Ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89, għall-finijiet li tiġi pprojbita l-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, fl-ewwel lok, li dik il-konċentrazzjoni toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti u, fit-tieni lok, li dik il-pożizzjoni dominanti tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. In-natura kumulattiva ta' dawn il-kriterji hija kkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 4064/89 fejn jirriżulta li t-tieni kriterju ġie introdott fuq suġġeriment tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u fuq talba tal-Gvern Franċiż. Din in-natura kumulattiva ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment fis-sentenza tad-19 ta' Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni (T-2/93, Ġabra p. II-323, punt 79), u fis-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq.

78      Hija l-Kummissjoni li għandha turi li kull wieħed minn dawn il-kriterji huwa sodisfatt. B'mod partikolari, huwa obbligu tal-Kummissjoni li turi li hemm probabbiltà kbira li jkun hemm effetti antikompetittivi, u mhux biss li jista' jkun hemm dawn l-effetti. Jispetta lill-Kummissjoni wkoll li tikkwantifika dawn l-effetti u li tagħti prova li dawn jirriżultaw mill-konċentrazzjoni u mhux minn xi kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel fis-suq. Dan ir-rekwiżit huwa partikolarment rilevanti fil-każijiet meta, bħal fil-każ preżenti, il-konċentrazzjoni hija ta' natura konglomeratali, li fil-fatt huwa rikonoxxut li din rari jkollha effetti antikompetittivi.

79      Skond ir-rikorrenti, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-konċentrazzjoni kinitx waslet għal tfixkel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, fir-rigward ta' kull wieħed mis-swieq li fih il-Kummissjoni tikkunsidra li kien ser ikun hemm ħolqien jew tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, hija tillimita ruħha biex tikkonkludi, b'asserzjonijiet vagi li mhumiex kwantifikati, li l-kompetituri kienu ser jiġu esklużi minn dawn is-swieq u li kien ser ikun hemm effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

80      Ir-rikorrenti tafferma li l-unika referenza li saret fid-deċiżjoni kkontestata għat-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 tidher fil-konklużjoni ġenerali li tinsab fil-premessa 567. Jidher ċar li l-Kummissjoni llimitat ruħha biex tippreżupponi li l-allegat ħolqien jew l-allegat tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq in kwistjoni jwasslu awtomatikament għal effetti antikompetittivi meħtieġa mit-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Regolament.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tallega li l-fatt li ġie sodisfatt it-tieni kriterju kien ġie stabbilit impliċitament fil-kuntest ta' l-eżami tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti. Mhuwiex biżżejjed li jiġu "rriċiklati" l-fatti użati biex tiġi stabbilita pożizzjoni dominanti u li tużahom mingħajr ebda analiżi oħra biex tiġi stabbilita konklużjoni dwar it-tfixkil sinjifikattiv. Il-konsegwenza inevitabbli ta' nuqqas bħal dan fl-analiżi hija l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun biżżejjed fiha nnifisha. Għaldaqstant, għandu l-elementi ta' prova mressqa mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti wara d-deċiżjoni ma jittieħdux in kunsiderazzjoni.

82      Barra minn hekk il-fatt li ma ġietx ikkunsidrata l-applikazzjoni tat-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 jikkostitwixxi hekk ksur ċar ta' l-obbligu li tingħata motivazzjoni għad-deċiżjoni peress li ma jippermettix lir-rikorrenti li tkun taf bil-motivi li minħabba fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni tikkostitwixxi de facto tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

83      Il-Kummissjoni tammetti li jeżisti dibattitu akkademiku fuq jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 huwiex ta' natura singulari jew dupliċi, iżda ssostni li l-importanza tiegħu hija limitata. Min-naħa tagħha, hija tikkunsidra li għandu jsir enfasi fuq il-kriterju tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u li t-tfixkil tal-kompetizzjoni jiġi kkunsidrat bħala l-konsegwenza tiegħu. Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed kellu jissupponi li l-kriterju huwa dupliċi, il-Kummissjoni u Rockwell jikkunsidraw li l-effetti possibbli tal-konċentrazzjoni ġew eżaminati fil-każ preżenti b'mod approfondit u ddettaljat.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

84      Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li llum hija stabbilita sew jirriżulta li l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 jistabbilixxi żewġ kriterji kumulattivi dwar, fl-ewwel lok, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti u, t-tieni wieħed, il-fatt li l-kompetizzjoni fis-suq komuni tkun imfixkla b'mod sinjifkattiv (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 79; tas-27 ta' Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 156, u Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 146). Għaldaqstant, konċentrazzjoni ma tistax tiġi pprojbita ħlief jekk iż-żewġ kriterji previsti mill-Artikolu 2(3) jkunu sodisfatti.

85      Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-pożizzjoni dominanti kkunsidrata fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 tikkonċerna sitwazzjoni ta' setgħa ekonomika miżmuma minn impriża wahda jew aktar li tagħtihom is-saħħa li jostakolaw li tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tipprovdilhom il-possibbiltà li jaġixxu sostanzjalment b'mod indipendenti mill-kompetituri tagħhom, mill-klijenti tagħhom u finalment, mill-konsumaturi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 200).

86      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta' l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jista' jikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti l-fatt, għal impriża li jkollha pożizzjoni dominanti, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha sal-punt li l-grad ta' dominanza milħuq ifixkel il-kompetizzjoni b'mod sostanzjali, jiġifieri ma tħallix li jibgħu fis-suq ħlief impriżi li fl-aġir tagħhom ikunu dipendenti fuq l-impriża dominanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti jista' minnu nnifsu jfixkel il-kompetizzjoni b'mod sostanzjali, u dan sal-punt li waħdu jikkostitwixxi abbuż ta’ din il-pożizzjoni.

87      B'hekk, a fortiori, it-tisħiħ jew il-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, jista' jikkorrispondi, f'ċerti każijiet, għat-turija ta' tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li t-tieni kriterju stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 jitħallat legalment ma' l-ewwel wieħed, iżda biss li mill-istess analiżi fattwali ta' xi suq partikolari jista' jirriżulta li ż-żewġ kriterji huma sodisfatti.

88      Iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit il-grad tan-nuqqas ta' libertà ta' azzjoni tal-kompetituri ta' impriża sabiex jiġi konkluż li nħolqot jew issaħħet xi pożizzjoni dominanti fir-rigward ta' dik l-impriża huma ta’ spiss l-istess bħal dawk li huma rilevanti sabiex jiġi analizzat jekk dan il-ħolqien jew tisħiħ għandhomx bħala konsegwenza li jfixklu b'mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Fil-fatt, ċirkustanza li taffettwa b'mod sinjifikattiv il-libertà tal-kompetituri li jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b'mod awtonomu tista' wkoll ikollha bħala konsegwenza li tfixkel kompetizzjoni effettiva.

89      Minn dan isegwi li, peress li jirriżulta li mill-premessi ta' deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta' konċentrazzjoni nnotifikata, anki dawk illi huma dedikati formalment għal analiżi tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, jirriżulta li din l-operazzjoni ser ikollha effetti antikompetittivi sinjifikattivi, mhemmx lok li din id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata b'illegalità għar-raġuni biss li l-Kummissjoni ma tkunx espliċitament u b'mod speċifiku rabtet id-deskrizzjoni tagħha ta' dawn l-elementi mat-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, kemm jekk fir-rigward ta' l-obbligu tal-motivazzjoni, previst fl-Artikolu 253 KE, jew fuq il-mertu. Fil-fatt, il-metodu bil-kontra jikkonsisti li jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu purament formali li jimponi fuqha li tinvoka darbtejn uħud mill-istess kunsiderazzjonijiet, l-ewwel nett fl-analiżi tagħha tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fuq suq partikolari u t-tieni darba fir-rigward tat-tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

90      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni affermat b'mod espliċitu, fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata li, "għal dawn ir-raġunijiet kollha", il-konċentrazzjoni maħsuba twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti f'diversi swieq differenti, bil-konsegwenza li tfixkel b'mod sostanzjali l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni (ara ċ-ċitazzjoni in extenso fil-punt 46 aktar ’il fuq). Kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti f'dan ir-rigward u skond il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment matul is-seduta, minn din il-konklużjoni ġenerali jirriżulta li ż-żewġ kriterji ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 huma sodisfatti fir-rigward ta' kull wieħed mis-swieq espliċitament imsemmija, u mhux biss bis-saħħa ta' l-effett kumulattiv tal-konstatazzjonijiet relatati ma’ dawn is-swieq kollha (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

91      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni f'ċerti partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat espliċitament li l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti ta' l-entità amalgamata fuq ċerti swieq tfixkel il-kompetizzjoni b'mod sinjifikattiv. B'mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-effetti immedjati tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għal ajruplani reġjonali kbar huma biżżejjed biex juru li t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fuq dan is-suq ikollu bħala konsegwenza li jfixkel il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni b'mod sinjifikattiv (ara l-premessi 428 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  Fuq il-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummċerjali kbar

1.     Introduzzjoni

92      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti, qabel il-konċentrazzjoni, kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta. Il-Kummissjoni tibbaża din il-konklużjoni, fis-sustanza, fuq l-importanza tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti, kif miġbura għal ma’ dawk ta’ l-impriża komuni CFMI li fiha hija tipparteċipa ma’ Snecma (premessi 45 sa 83 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq il-vantaġġi kummerċjali li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali tal-produzzjoni tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar flimkien mas-setgħa finanzjarja ta' GE Capital u ma' l-attività ta' xiri u kiri ta' ajruplani ta' GECAS (premessi 107 sa 145), fuq analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq (premessi 163 sa 170), u fl-aħħar nett fuq in-nuqqas ta' pressjoni kompetittiva u kummerċjali eżerċitata mill-kompetituri u l-klijenti tar-rikorrenti (premessi 173 sa 228). L-eżistenza ta' din il-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel li kellha r-rikorrenti, hija element essenzjali ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni, in kwantu diversi aspetti tar-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari dawk elenkati fil-punt segwenti, jiddependu minnha.

93      Fl-ewwel lok, is-sovrapożizzjoni vertikali li tirriżulta mill-akkwist ta' l-attività ta' manifattura ta' starters ta' Honeywell mir-rikorrenti twassal, skond il-Kummissjoni, għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Fit-tieni lok, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq id-diversi swieq ta' prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi dovuta għall-influwenza li r-rikorrenti hija fil-pożizzjoni li teżerċita permezz tas-saħħa kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, tiddependi fuq l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Fit-tielet lok, il-possibbiltà li, skond il-Kummissjoni, fil-futur jibda jsir bejgħ ta' ġabra ta’ prodotti tiddependi mill-eżistenza ta' l-imsemmija pożizzjoni dominanti u jkollha bħala konsegwenza, b'mod partikolari, li ssaħħaħ l-istess pożizzjoni.

94      B’hekk hemm lok li tiġi mistħarrġa separatament f’din is-sezzjoni, is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, u aktar 'il quddiem fis-sentenza, dik tat-tliet aspetti tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     L-argumenti tal-partijiet

95      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li GE kellha, qabel il-konċentrazzjoni, pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni ta' l-ajruplani kummerċjali kbar [jiġifieri l-ajruplani li għandhom iktar minn 100 siġġu, b'kapaċità li jtiru aktar minn 2000 mil nawtiku u li jiswew aktar minn 35 miljun dollaru Amerikan (USD)]. GE tfakkar li pożizzjoni dominanti tirriżulta mis-saħħa ta' l-impriża in kwistjoni li tippermettilha li tadotta aġir indipendenti fis-suq. Madankollu, is-sitwazzjoni li kienet eżistenti fis-suq in kwistjoni, kif ġiet ikkonstatata f'deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni fil-qasam ajrunawtiku, turi li GE mhijiex fil-pożizzjoni li tadotta aġir indipendenti u li l-kompetituri prinċipali tagħha, partikolarment Rolls-Royce u Pratt & Whitney (aktar 'il quddiem "P & W"), mhumiex fir-riskju li jiġu esklużi mis-suq. Il-ġabra ta' l-analiżi tal-Kummissjoni taqa' kollha minħabba l-fatt tan-nuqqas ta’ pożizzjonijiet dominanti pre-eżistenti ta’ GE.

96      F'dak li jirrigwarda l-użu mill-Kummissjoni taċ-ċifri ta' l-ishma tas-suq indikati fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-utilità ta' l-ishma mis-suq hija limitata sabiex tiġi analizzata l-pożizzjoni dominanti fis-suq li jkun suġġett għal sejħiet għal offerti. B'hekk, kif jirriżulta mill-prassi tal-Kummissjoni fis-settur ajrunawtiku, is-suq tal-magni ta' l-ajruplani huwa suq suġġett għal sejħiet għal offerti, li fih il-fornituri jikkompetu għal kuntratti li ma jkunux frekwenti iżda ta' valur għoli. Għal kull pjattaforma ġdida ta' ajruplan, il-produtturi ta' l-ajruplani jagħżlu magna waħda jew aktar, li jkunu żviluppati speċifikatament għal dik il-pjattaforma. Konsegwentement, irrispettivament mir-rebħ tal-kuntratti tal-passat, kull kompetitur li jkollu prodott x'jipproponi jkun inċentivat bil-qawwi biex jissottometti l-offerta tiegħu għal sejħa għal offerti ta' wara. B'hekk, l-ishma tas-suq fil-passat ma jirriflettux bl-eżatt l-intensità tal-kompetizzjoni attwali fis-suq, u dan kif turi l-istorja reċenti ta' din l-industrija. Ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi li tgħid li l-pussess ta' 50% ta’ l-ishma tas-suq għal-magni bil-ġett li jħaddmu l-ajruplani kummerċjali kbar huwa biżżejjed biex jistabbilixxi pożizzjoni dominanti.

97      Fit-tieni lok, il-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata huwa artifiċjali, peress li l-Kummissjoni għażlet arbitrarjament li tuża ċertu kejl tas-sehem mis-suq u mhux kejl ieħor. B'mod partikolari, il-Kummissjoni u Rolls-Royce żbaljaw meta bbażaw ruħhom fuq ċifri relatati ma’ magni ta' l-ajruplani li attwalment qegħdin jiġu manifatturati, peress li din id-definizzjoni teskludi mhux biss il-magni ta’ P & W għall-ajruplani li m'għadhomx jiġu manifatturati iżda wkoll l-ordnijiet għal magni għall-ajruplani li għadhom ma bdewx itiru, fejn dan l-aħħar element huwa l-aktar importanti għall-finijiet ta' l-analiżi tal-kompetizzjoni fis-suq.

98      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni żbaljat meta żiedet l-ishma tas-suq tagħha, li huma numru relattivament żgħir, ma dawk ta' l-impriża komuni CFMI ("50/50joint venture", premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessi 45 u 46), li ġiet stabbilita mir-rikorrenti ma' l-impriża Franċiża Snecma. Barra minn hekk, kif ikkonstata d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan, l-allegat sehem qawwi ta' GE mis-suq jirriżulta essenzjalment mill-fatt li CFMI hija l-fornitur esklużiv ta' ajruplan wieħed, jiġifieri l-Boeing B737, ajruplan dan li ra l-akbar suċċess kummerċjali fl-istorja ajrunawtika. Il-Kummissjoni hija żbaljata wkoll meta tattribwixxi lir-rikorrenti d-dħul futur kollu minn dak is-sehem mis-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax korrettement tikkombina sehem CFMI mis-suq mat-teorija tal-bejgħ miġbur ta' prodotti peress li Snecma m'għandha ebda interess li tapprova politika ta' prezzijiet li tiffavorixxi l-prodotti ta' Honeywell. Fl-aħħar nett, dan il-metodu jikkuntradixxi dak stabbilit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Nru 2000/182/KE tagħha ta' l-14 ta' Settembru 1999, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ IV/36.213/F2 – GEAE/P & W) (ĠU 2000, L 58, p.16, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Engine Alliance"), fejn hija kkunsidrat lir-rikorrenti u lil CFMI bħala impriżi distinti.

99      Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward ta' l-ishma mis-suq, l-importanza ta' dawn l-ishma tas-suq tal-passat hija sovravalutata mill-Kummissjoni, tikkunsidra b’mod żbaljat li dawn l-ishma jippermettu lir-rikorrenti tiżviluppa ruħha fil-futur. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni fejn tgħid li jeżisti fenomenu ta’ standardizzazzjoni tal-flotta tal-linja ta' l-ajru ta’ kumpannija ta’ l-ajru b'mod li l-istess linji ta' l-ajru għandhom it-tendenza li jixtru l-magni tagħhom mingħand produttur wieħed bl-għan li jnaqqsu l-ispejjeż konnessi mal-manutenzjoni tal-magni li jintużaw fuq l-ajruplani tagħhom. GE tafferma li l-effett ta' l-istandardizzazzjoni anki fi ħdan tip wieħed ta' magna huwa limitat ħafna u li, barra minn hekk, is-suċċess tal-magna CFM56 li tintuża għall-Boeing B737 ma joħloq ebda inċentiv biex tinxtara sensiela ta’ CF6 jew GE90. Ir-risposti tal-linji ta' l-ajru lill-Kummissjoni jikkonfermaw li l-istandardizzazzjoni hija fattur sekondarju f'dak li jirrigwarda l-għażla tal-magna.

100    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni li r-rikorrenti tista' taġixxi b'mod indipendenti fis-suq in kwistjoni, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma semmiet ebda tibdil sinjifikattiv fl-industrija ajrunawtika li jista' jiġġustifika li l-konklużjonijiet tagħha fid-deċiżjoni kkontestata jikkuntradixxu direttament dawk li ġew ikkonstatati fl-1999 fid-deċiżjoni Engine Alliance. Madankollu, ir-rikorrenti ilha tagħmel parti mill-500 kumpannija l-aktar b’saħħithom għal deċennji ta' snin u GECAS ilha tixtri ajruplani għall-ispekulazzjoni u preferenzjali sa mill-1996 mingħajr ma qatt ġiet limitata l-kompetizzjoni minħabba dan il-fatt.

101    Id-deċiżjoni kkontestata fiha numru ta' eżempji li juru li r-rikorrenti ma setgħetx tadotta aġir indipendenti. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fl-ajruplani kummerċjali kbar, spiss issib għażla ta' magni li tippermetti lill-klijenti li jibbenefikaw mill-kompetizzjoni. B'hekk, ir-rikorrenti kienet obbligata tagħti skontijiet sostanzjali biex tirbaħ is-suq għall-attrezzatura tal-Boeing B777X, u dan peress li l-magna bil-ġett tiegħu kienet anqas kompetittiva minn dawk ta' P & W u Rolls-Royce fuq il-verżjoni klassika ta' din il-pjattaforma. Ir-rikorrenti kellha tagħmel l-istess ma’ linja ta' l-ajru fir-rigward ta' l-Airbus A330, sabiex tikkumpensa għar-reputazzjoni teknika anqas tajba ta' waħda mill-magni tagħha fir-rigward ta' dawk tar-rivali tagħha u hija kellha għalhekk tiżviluppa magna ġdida. Dan l-iskont, ipprattikat minn kulħadd, huwa prova ta' l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 71).

102    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li qabel il-konċentrazzjoni hija bbenefikat minn saħħa finanzjarja li kienet tippermettilha li toffri skont u li teskludi għalhekk lill-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni ma wrietx b'liema mod dan l-iskont kien jirrifletti pożizzjoni dominanti jew kien iwassal sabiex idgħajjef jew jeskludi lill-kompetituri.

103    F'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol li allegatament kellha GECAS fis-suq tal-magni bil-ġett għal ajruplani kummerċjali kbar, it-teorija tax-"share shifting" tal-Kummissjoni, li tressqet tardivament matul il-proċedura, mhijiex kredibbli fir-rigward tas-sehem żgħir mis-suq (anqas minn 10%) miżmum minn GECAS. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li hemm kumpannija oħra li tikri l-ajruplani, ILFC, li hija xerrejja ħafna aktar importanti minn GECAS għall-ajruplani kummerċjali kbar. Il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-kumpanniji l-oħra tal-kiri jikkumpensaw il-preferenza ta' GECAS li tagħżel magni GE jew CFMI, sabiex tikkunsidra l-preferenzi ta' l-utenti. Bil-fatt li Rolls-Royce ssostni li hija ma tistax "timita" lill-GECAS, l-istess Rolls-Royce ma rrispondietx għall-argument li hija u l-kompetituri l-oħra baqgħu kompetittivi minkejja l-eżistenza ta' GECAS.

104    Din it-teorija eteroġena mhijiex sostnuta bil-fatti. Il-Kummissjoni u Rolls-Royce huma żbaljati jqisu lil GECAS bħala launch customer ta’ ajurplan u l-allegati launch orders ta' GECAS kienu deċiżivi fl-għażla magħmula mill-produtturi ta' l-ajruplani għall-magni GE. Din il-konklużjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni x-xhieda tal-manifatturi ta' l-ajruplani nfushom (Bombardier, Embraer, BAe, Airbus, Fairchild Dornier u Boeing).

105    L-unika prova fattwali mressqa mill-Kummissjoni tistrieħ fuq il-konstatazzjoni li l-bejgħ tal-magni GE lill-kumpanniji tal-kiri żdied b'60% wara l-ħolqien ta' GECAS, filwaqt li l-bejgħ ta' dawn il-magni lil-linji ta' l-ajru ma naqasx ħlief b'10%. Madankollu, din il-konstatazzjoni waħidha ma tistax turi tibdil fis-sehem totali ta' GE fuq dawn is-swieq u anqas u anqas ir-rwol li kellha GECAS f'dan ir-rigward.

106    Il-Kummissjoni tikkuntradixxi wkoll il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni Engine Alliance li tgħid li P & W u Rolls-Royce kienu kompetituri kredibbli u kellhom il-kapaċità li jiżviluppaw magni ġodda. Ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni Engine Alliance kienet tinvolvi investigazzjoni approfondita tas-suq tal-magni ta' l-ajruplani kummerċjali kbar u li l-Kummissjoni qatt ma ressqet xi raġunijiet li jispjegaw għaliex hija ma kkunsidratx l-evalwazzjoni tagħha f'din id-deċiżjoni. B’hekk il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-kriterju mogħti fis-sentenza Europemballage u Continental Can vs Il-Kumissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, fejn ġie deċiż li, biex tikkonstata l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti, hija obbligata tagħti raġunijiet legali suffiċjenti li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni tagħha li l-kompetituri li baqgħu ma jistgħux jikkostitiwixxu kontrapiż biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata pożizzjoni dominanti.

107    L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq hija wkoll in kuntradizzjoni mad-deċiżjonijiet reċenti l-oħra li jirrigwardaw l-industrija ajrunawtika, jiġfieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2001/417/KE, ta' l-1 ta' Diċembru 1999, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/M.1601 – AlliedSignal/Honeywell) (ĠU 2001, L 152, p.1, aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni AlliedSignal/Honeywell") u d-Deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2000 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni (każ COMP/M.1745 – EADS) (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni EADS"), li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li kemm il-manifatturi ta' l-ajruplani kif ukoll il-linji ta' l-ajru kellhom saħħa ta' xerrejja qawwija. L-interdipendenza tal-fornituri u x-xerrejja tagħti lix-xerrejja saħħa reali li ġġib bilanċ, fattur dan li huwa importanti fil-kompetizzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha provi, partikolarment id-dikjarazzjonijiet ta' Airbus u ta' IAE, impriża komuni ta' P & W u Rolls-Royce, li jikkonfermaw l-eżistenza ta' tali saħħa ta’ xiri. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-manifatturi ta' l-ajruplani ma kkontestawx il-konċentrazzjoni huwa rilevanti.

108    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni jew prova li juru kif, għaliex u meta Rolls-Royce, P & W u IAE ma jkunux jistgħu joffru iktar kompetizzjoni effettiva, fil-preżent jew fil-futur. Il-kredibbiltà u s-saħħa ta' dawn it-tliet impriżi jikkostitwixxu l-element prinċipali ta' l-intensità tal-kompetizzjoni fis-suq tal-magni ta' l-ajruplani. Ir-rikorrenti, b'risposta għad-DO, ippreżentat rapport ta' esperti li juru li la GE, la P & W, u lanqas Rolls-Royce ma kellhom il-kapaċità li jaġixxu indipendentement waħda mill-oħra. Rolls-Royce tillimita ruħha sabiex issostni li hija ma għandhiex is-saħħa finanzjarja tar-rikorrenti, imma mhux li s-saħħa finanzjarja tagħha stess jew l-aċċess tagħha għall-kapital huma insuffiċjenti, peress li s-saħħa finanzjarja tagħha hija soda, u dan kif ikkonferma wieħed mill-esperti, il-professur Shapiro. Fir-rigward ta' l-argument ta' Rolls-Royce li jirrigwarda [...](1), dan l-element huwa sinjal ta' saħħa soda.

109    L-uniku element ekonomiku li jsostni l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-inkapaċità ta' Rolls-Royce u ta' P & W li joffru kompetizzjoni effettiva lil GE fil-futur kien il-mudell ekonomiku tal-professur Choi, li ġie mqabbad minn Rolls-Royce permezz tal-konsulenza esperta Frontier Economics (aktar 'il quddiem il-"mudell Choi"), li xorta ġie skartat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx ċaħdet l-analiżi ta' l-esperti rivali li kienu waslu għal-konklużjonijiet inversi. Barra minn hekk, la Rolls-Royce u lanqas P & W ma kienu ssuġġerew matul il-proċedura amministrattiva li huma kienu ser jirtiraw mis-suq in segwitu tal-konċentrazzjoni.

110    Il-Kummissjoni tfakkar id-definizzjoni tal-pożizzjoni dominanti li tingħata fil-ġurisprudenza u tikkunsidra li hija kienet korrettament ikkonkludiet dwar l-eżistenza ta' tali pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel fis-suq in kwistjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija sostnuta minn Rolls-Royce.

111    Il-Kummissjoni tirrileva li GE hija bil-bosta l-ewwel fornitur tal-magni u turi l-ogħla rata ta' tkabbir fis-suq. Il-vantaġġ ta' GE għandu jikber iktar fid-dawl ta' numru ta' ordnijiet b'lura.

112    Barra minn hekk, il-fatt li proporzjon sostanzjali ta’ l-ishma tas-suq ta' GE huwa dovut għall-pjattaforma waħda, jiġifieri l-B737, ma jneħħi xejn mir-rilevanza ta' dan għall-evalwazzjoni tas-saħħa ta' GE.

113    Skond il-Kummissjoni u Rolls-Royce, l-eżistenza ta' skontijiet tal-prezzijiet għax-xiri ta' ċerti magni mhijiex sinjal ta’ kompetizzjoni b’saħħitha, peress li l-prezz tax-xiri ma jirrappreżentax l-ispiża totali tal-magni, inkluż fl-ispiża tal-manutenzjoni. B'mod partikolari, l-eżempju tal-B777X ma jirriflettix eżempju ta’ kompetizzjoni b’saħħitha, iżda pjuttost juri l-mezzi kummerċjali li kellha GE, partikolarment minħabba s-saħħa ta' GE Capital u ta' GECAS, fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

3.     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)     Osservazzjonijiet preliminari

114    Preliminarjament, jeħtieġ jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-pożizzjoni dominanti tiġi murija bil-fatt li l-impriża in kwistjoni tinsab f'sitwazzjoni ta' saħħa ekonomika li tagħtiha s-setgħa li tostakola li tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni u li tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi sostanzjalment b'mod indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha, u finalment, mill-konsumaturi (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 30; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T-65/98, Ġabra p. II-4653, punt 154). Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-Kummissjoni m'għandhiex bżonn turi li l-kompetituri ta' xi impriża ser jiġu esklużi mis-suq, anki jekk għal żmien partikolari, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

115    Barra minn hekk, għalkemm l-importanza ta' l-ishma mis-suq tista' tvarja minn suq għal ieħor, ishma li jkunu estremament kbar jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T-221/95, Ġabra, p. II-1299, punt 134). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 60), iddeċidiet li dan japplika f'każ ta' sehem mis-suq li jkun ta' 50%.

116    Barra minn hekk, kif irrilevat ir-rikorrenti, mis-sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq (punt 71), jirriżulta li l-fatt li impriża tkun sfurzata tbaxxi l-prezzijiet tagħha, minħabba l-pressjoni tat-tqaċċit fil-prezzijiet li jagħmlu l-kompetituri tagħha, huwa ġeneralment inkompatibbli ma' l-indipendenza ta' l-aġir li jikkaratterizza pożizzjoni dominanti.

117    Madankollu, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni fuq suq partikolari, anki jekk ħajja, ma teskludix li jkun hemm xi pożizzjoni dominanti fuq dan l-istess suq, fejn l-imsemmija pożizzjoni dominanti tkun essenzjalment ikkaratterizzata mill-kapaċità li l-impriża, fl-istrateġija tagħha fis-suq, taġixxi mingħajr ma tagħti każ ta’ din il-kompetizzjoni u mingħajr, għal daqshekk, ma ssofri xi effetti dannużi minħabba din l-attitudni (ara s-sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 70, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207). B'hekk, l-eżistenza possibbli ta’ kompetizzjoni fuq is-suq żgura li hija ċirkustanza rilevanti, b'mod partikolari, għall-finijiet li tiġi analizzata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, iżda dan mhuwiex minnu nnifsu determinanti f'dan ir-rigward.

118    F'dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kumpatibbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni fuq il-bażi ta' notifikazzjoni u l-inkartament relattiv għal din l-operazzjoni, ir-rikorrenti m’għandhiex id-dritt li tikkonstesta dawn il-konstatazzjonijiet tagħha minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li jkunu saru preċedentement f'kawża oħra, fuq il-bażi ta’ notifika u ta’ inkartament differenti, anki jekk is-swieq in kwistjoni fiż-żewġ kawżi jkunu l-istess, jew ikunu identiċi. B'hekk, f’każ fejn ir-rikorrenti tinvoka, f’dan il-każ, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, u partikolarment fid-deċiżjoni Engine Alliance, din il-parti ta' l-argument tagħha hija irrilevanti.

119    Anke kieku wieħed kellu jissupponi li dawn l-ilmenti jistgħu jiġu kkwalifikati mill-ġdid bħala li huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattiva leġittima, l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattiva leġittima tagħhom fuq li tinżamm il-prassi deċiżjonali preċedenti li tista' tinbidel (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 368, u tat-30 ta' Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punti 254 sa 255 u 292 sa 293). A fortiori, huma ma jistgħux jinvokaw din l-aspettattiva sabiex jikkontestaw konstatazzjonijiet jew evalwazzjonijiet magħmula fi proċedura partikolari fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet jew l-analiżi magħmula fil-kuntest ta’ kawża waħda preċedenti.

120    F'kull każ, la l-Kummissjoni u lanqas, a fortiori, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma hija marbuta fil-każ preżenti bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li saru fid-deċiżjoni Engine Alliance. anki jekk wieħed jissupponi li l-analiżi fiż-żewġ deċiżjonijiet hija differenti mingħajr ma din id-differenza tiġi ġġustifikata oġġettivament, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-proċeduri preżenti ħlief jekk din id-deċiżjoni, u mhux id-deċiżjoni Engine Alliance, hija vvizzjata bi żbalji.

121    Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni, fil-kuntest ta' l-eżami tal-legalità ta' l-analiżi tal-Kummissjoni relattiva għall-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel, bejn il-materjalità tal-fatti kkonstatati u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, li taqa' taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, u li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, filwaqt li bbażat fuq il-fatti debitament stabbiliti bi prova, hija setgħetx tikkonkludi fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta' xi impriża fuq suq partikolari (ara l-punti 60 u segwenti iktar ’il fuq).

122    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġġustifikat il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti diġà eżistenti ta' GE fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, primarjament b’referenza għas-sehem tagħha tas-suq (ara l-premessi 38 sa 83 tad-deċiżjoni kkontestata) u, mbagħad, b'referenza għal numru ta' fatturi oħra (premessi 107 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tas-suq dinji tal-magni bil-ġett għal dawn l-ajruplani stabbilita mid-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punt 95 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li, qabel il-konċentrazzjoni, hija kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni ta' l-ajruplani kummerċjali kbar.

123    B’hekk għandhom jiġu eżaminati l-elementi kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex issostni l-konklużjoni tagħha fir-rigward ta' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti in kwistjoni, fid-dawl ta' l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra dan l-argument. Ser jiġu analizzati, fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sehem mis-suq tar-rikorrenti, fit-tieni lok, dawk relatati ma’ l-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti, u fit-tielet lok, dawk relatati mas-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

b)     Fuq is-sehem mis-suq

124    Fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet għaliex "il-bażi eżistenti u l-ordnijiet b'lura ta' l-inġenji ta' l-ajru li għadhom jiġu manifatturati huma l-mezz l-aktar adattat biex wieħed ikejjel u jinterpreta l-pożizzjoni tal-kompetituri f'dan is-settur". Barra minn hekk, hija ssostni li r-rikorrenti u CFMI għandhom jiġu kkunsidrati bħala entità waħda għall-finijiet kemm kummerċjali u kif ukoll kompetittivi u li, f'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok lil jiġi attribwit is-sehem kollu tas-suq ta’ CFMI lil GE matul l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ GE. (premessi 65 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    B'hekk, fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li s-sehem mis-suq ta' GE/CFMI għall-bażi installat ta’ magni għall-ajruplani kummerċjali kbar li għadhom jiġu manifatturati hija ta' 51% għall-ajruplani ta’ qafas dejjeq, ta' 54% għall-ajruplani ta’ qafas wiesa' u ta' 52.5% fir-rigward tat-tnejn li huma, fejn P & W/IAE għandha 26.5% u Rolls-Royce/IAE għandha 21%. Minbarra dan, fil-premessi 74 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata hija tesponi li l-iżvilupp tal-bażi installata ffavorixxiet lil GE matul l-aħħar ħames snin. Fir-rigward ta' l-ordnijiet b'lura ta' l-ajruplani li għadhom jiġu manifatturati, il-Kummissjoni, fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, tippreżenta tabella li turi li r-rikorrenti kellha sehem ta' 65% mis-suq skond dan il-metodu.

126    B’hekk għandu jiġi eżaminat hawn isfel, l-ewwel nett, jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tattribwixxi s-sehem tas’suq ta’ CFMI lir-rikorrenti fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, u t-tieni nett, jekk il-konstatazzjonijiet l-oħra tagħha relatati m,as-sehem mis-suq, kif ukoll il-konklużjonijiet li hija ġibdet minnhom, kinux fondati.

 Fuq l-attribuzzjoni tas-sehem tas-suq ta’ CFMI lir-rikorrenti

–       Introduzzjoni

127    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li żiedet is-sehem mis-suq tar-rikorrenti nnifisha mas-sehem kollu ta' CFMI (ara premessi 46 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Ir-rikorrenti tirrileva, f'dan ir-rigward, li s-sehem tagħha mis-suq kien biss ta’ [...]%, u dak ta' CFMI ta' [...]% (ċifri bbażati fuq l-ordnijiet b'lura fis-sena 2000) u li kieku l-Kummissjoni attribwit lilha nofs is-sehem ta' l-impriża komuni u mhux is-sehem kollu, bħalma hija għamlet għall-impriża komuni tal-kompetituri tagħha Rolls-Royce u P & W, sehemha mis-suq kien ikun ta' [...]%, u allura ħafna taħt il-limitu ta' 40%.

129    Peress fil-premessi 65 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li GE u CFMI "għandhom jiġu kkunsidrati bħala entità waħda għall-finijiet kummerċjali u kif ukoll kompetittivi" u li kien jeħtieġ għalhekk li sehem CFMI mis-suq tiġi attribwita lil GE fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fis-swieq ikkonċernati, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-organizzazzjoni interna ta' l-impriża komuni jiġġustifikawx il-konklużjoni li dawn l-impriżi jikkostitwixxu entità waħda "għall-finijiet kummerċjali" u, min-naħa l-oħra, jekk il-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-aġir ta' GE, ta' CFMI u ta' Snecma fis-suq jiġġustifikawx il-konklużjoni li GE u CFMI jikkostitwixxu entità waħda "għall-finijiet tal-kompetizzjoni".

130    Għandu jiġi rrilevat f'dan il-kuntest li l-materjalità ta' l-affermazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw il-funzjonament ta' l-impriża komuni CFMI, ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti tagħha u l-aġir tagħha fis-suq hija kwistjoni ta' fatt, filwaqt li l-Kummissjoni kellha setgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-punt jekk kienx hekk lok li s-sehem tas-suq ta’ CFMI jiġi attribut lir-rikorrenti.

–       L-analiżi ta' l-organizzazzjoni interna ta' CFMI

131    Il-Kummissjoni tafferma li l-mod ta' organizzazzjoni ta’ l-impriża komuni f’dak li jikkonċerna s-separazzjoni teknoloġika u finanzjarja (premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-magni CFMI (premessi 57 u 58) jindikaw ir-rwol predominanti ta' GE fi ħdan l-impriża komuni.

132    Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi u ssostni, b'mod partikolari, li l-argument tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-possibbiltà li d-dħul ta' CFMI jiġi investit mill-ġdid fl-iżvilupp ta' magni ġodda mhuwiex fondat, partikolarment peress li CFMI m'għandhiex il-fondi biex tinvestihom fl-iżvilupp ta' magni fil-futur, iżda, bil-kontra, tiddistribwixxi b’mod regolari d-dħul tagħha lil GE u Snecma.

133    Il-Kummissjoni ma tikkontestax din l-affermazzjoni fattwali tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u għandu jiġi kkunsidrat li hija wettqet żball ta’ fatt f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-iżball huwa rilevanti fil-kuntest preżenti sa fejn jenfasizza l-interdipendenza reċiproka ta' GE u ta' Snecma fil-kuntest ta' l-impriża komuni tagħhom CFMI, filwaqt li l-Kummissjoni tenfasizza l-influwenza predominanti tar-rikorrenti. Peress li d-dħul ta' CFMI jiġi mqassam lill-azzjonisti tagħha, il-kapaċità li l-istess CFMI tiżviluppa lilha nfisha tiddependi neċessarjament fuq ir-rieda ta' dawn it-tnejn.

134    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni tammetti hija stess, fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-president u direttur ġenerali ta' CFMI fil-prattika dejjem ġie minn Snecma. Mid-deskrizzjoni ta' dawn l-aspetti tal-funzjonament ta' CFMI fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-parteċipazzjoni funzjonali ta’ kull wieħed mis-sħab ma tirriflettix qsim ta’ 50/50 tas-sehem b’mod preċiż fl-oqsma kollha, din l-impriża hija fil-verità impriża komuni u mhux quasi sussidjarja tar-rikorrenti.

135    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet korrettament ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kooperazzjoni kummerċjali bejn ir-rikorrenti u Snecma fil-kuntest ta’ CFMI kienet waħda mill-qrib ħafna, u li l-istess kien japplika għall-kooperazzjoni kummerċjali bejn ir-rikorrenti u CFMI, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-magni ta' CFMI (premessi 57 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Ikun diffiċili ħafna għal Snecma li żżomm preżenza fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar jekk mhux perezz tal-parteċipazzjoni eżistenti tagħha fl-impriża komuni CFMI. Barra minn hekk, mill-analiżi tal-funzjonament ta' CFMI li ġiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kwalunkwe żieda fis-sehem mis-suq ta' CFMI kienet dejjem fl-interess kummerċjali ta' GE u ta' Snecma, konstatazzjoni li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. B'hekk, l-iżball fattwali rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq u l-konstatazzjoni dwar l-identità tal-president-direttur ġenerali ta' CFMI jitqiegħdu f’perspettiva sew permezz tal-grad ta' integrazzjoni kummerċjali għoli li kien jeżisti bejn CFMI u l-azzjonisti tagħha.

136    Madankollu, peress li l-azzjonista l-oħra ta' CFMI, jiġifieri Snecma, li hija impriża indipendenti mir-rikorrenti, għandha wkoll rwol sinjifikattiv fil-ġestjoni ta' CFMI u tirċievi parti mid-dħul tagħha, din tibqa' barra mill-grupp GE u ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tappartjeni kollha kemm hi lill-impriża tar-rikorrenti. B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni esaġerat sa ċertu punt ir-rwol tar-rikorrenti fi ħdan l-impriża komuni CFMI meta kkunsidrat li l-istess CFMI kienet tikkostitwixxi, flimkien mar-rikorrenti, entità waħda għall-finijiet kummerċjali.

–       Analiżi tal-pożizzjoni kompetittiva ta' GE, ta' CFMI u ta' Snecma

137    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat, u dan mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li Snecma ma tbiegħx il-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar indipendentement minn CFMI, attwalment jew potenzjalment, u li l-magni ta' CFMI u ta' GE ma jikkompetux ma’ xulxin (premessi 50 sa 52 u 59 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

138    Barra minn hekk, fil-premessa 64, il-Kummissjoni tirrileva, u fl-istess ħin ir-rikorrenti ma tikkontestax li, fl-applikazzjoni tal-politika ta' xiri preferenzjali tagħha "GE-only", li ġiet eżaminata fid-dettall fil-punti 191 u segwenti iktar 'il quddiem, is-sussidjarja ta' GE, GECAS, fejn huwa possibbli tixtri magni GE u CFMI biss (premessi 121 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari, il-premessa 132). Iċ-ċirkustanza li GECAS tittratta l-magni CFMI bl-istess mod bħall-magni GE ssaħħaħ l-argument tal-Kummissjoni.

139    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti f'dan ir-rigward, li l-istess rikorrenti ilha mill-1995 iżżid is-sehem mis-suq tagħha ma' dak ta' CFMI fir-rapport annwali u li l-analisti finanzjarji prinċipali jagħmlu l-istess (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll in-noti fil-qiegħ tal-paġna 22 u 23 ta' l-istess).

140    Fuq il-bażi ta' dawn il-konstatazzjonijiet fattwali li mhumiex ikkontestati fil-proċeduri preżenti, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mingħajr ma tagħmel żball manifest, li r-rikorrenti u CFMI kienu jaġixxu fis-suq bħala entità waħda fir-rigward tal-kompetituri u l-klijenti tagħhom.

–       Sinteżi u konklużjoni dwar l-attribuzzjoni ta' sehem mis-suq ta’ CFMI lir-rikorrenti

141    L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-attribuzzjoni tas-sehem ta’ CFMI lir-rikorrenti serva, minn naħa, prinċipalment, sabiex tiġi analizzata l-eżistenza possibbli ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar u, mill-banda l-oħra, in susbsidium, sabiex jiġu analizzati l-aspetti l-oħra tal-konċentrazzjoni, bħalma huma l-effetti tal-konglomerat.

142    Sa fejn din l-attribuzzjoni hija użata sabiex tiġi analizzata din il-pożizzjoni dominanti, din tidħol fil-kuntest ta' l-analiżi sabiex jiġu identifikati r-relazzjonijiet kompetittivi fuq is-suq u mhux aspetti oħra tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-impriżi preżenti fis-suq.

143    Għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta' dan l-eżerċizzju speċifiku, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li CFMI u r-rikorrenti jikkostitwixxu entità waħda għall-finijiet tal-kompetizzjoni (ara l-punt 129 iktar ’il fuq) hija ta' importanza essenzjali. Min-naħa l-oħra, in-natura preċiża tar-relazzjonijiet interni bejn l-azzjonisti ta' CFMI u l-grad ta' integrazzjoni kummerċjali tagħhom huma ta' importanza sekondarja fl-istruttura ġenerali ta' din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari peress li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' grad għoli ta' integrazzjoni bejn ir-rikorrenti u CFMI tibqa' sostanzjalment preċiża.

144    Minbarra dan, il-metodu ta' kalkolu tas-sehem mis-suq propost mir-rikorrenti li jgħid li nofs is-sehem ta’ CFMI, jiġifieri [...]% tas-suq, mhuwiex ta' GE, jagħti impressjoni ħażina tal-pożizzjoni ta' GE fis-suq. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni attribwixxiet lil GE sehem mis-suq ta’ CFMI minħabba li, b’differenza tas-sħab tagħha, Snecma, hija għandha wkoll attività indipendenti ta' manifattura tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar jirrifletti r-realtajiet tal-kompetizzjoni fis-suq kif ikkonstatati b'mod preċiż fid-deċiżjoni kkontestata.

145    Fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni ttrattat is-sehem mis-suq ta’ l-impriża komuni IAE, li fiha huma azzjonisti l-kompetituri tar-rikorrenti Rolls-Royce u P & W bl-istess mod, fejn attribwixxiet nofs sehem IAE mis-suq lil kull waħda minn dawn iż-żewġ impriżi, minħabba li huma kienu l-uniċi azzjonisti ta' IAE li għandhom l-attività tagħhom fis-suq (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata), it-trattament ta' l-istess Kummissjoni fir-rigward ta' l-attribuzzjoni tas-sehem mis-suq ta' l-impriżi komuni (joint ventures) huwa koerenti u ma jidhirx li huwa manifestament żbaljat.

146    F'dawn il-kundizzjonijiet, la l-iżball ta' fatt imsemmi iktar ’il fuq rigwardanti t-trattament tad-dħul ta' CFMI (punt 133 iktar ’il fuq) u l-anqas l-eżaġerazzjoni tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ġestjoni ta' l-impriża komuni CFMI (punt 134 iktar ’il fuq), meħudin flimkien jew separatament, ma huma tali li jikkuntradixxu l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti u CFMI għandhom ikunu kkunsidrati bħala entità waħda. Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami meta ddeċidiet li tattribwixxi s-sehem mis-suq ta’ CFMI lir-rikorrenti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni aktar wiesgħa tagħha dwar l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, f'dak li jirrigwarda kemm il-bażi ta' magni installati kif ukoll l-ordnijiet b'lura.

147    Min-naħa l-oħra, safejn din l-attribuzzjoni tas-sehem mis-suq hija rilevanti fil-kuntest ta’ aspetti oħra tal-kawża, ir-rikorrenti ġustament tirrileva li Snecma ma kellhiex interess tagħmel xi sagrifiċċji finanzjarji bil-għan li tippermetti lill-entità amalgamata sabiex tippromwovi l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' Honeywell. Għandu dan l-argument jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-eżami li ser isir aktar 'il quddiem tas-sezzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jikkunsidraw partikolarment dawn l-aspetti l-oħra tal-kawża, partikolarment is-sezzjonijiet relattivi għall-effetti tal-konglomerat. Fil-fatt, sa fejn iċ-ċirkustanza li ġiet irrilevata iktar ’il fuq mir-rikorrenti hija suxxettibbli li jkollha impatt fuq l-analiżi ekonomika u kompetittiva ta' dawn l-aspetti l-oħra tal-kawża, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza (ara, b'mod partikolari, l-analiżi ta' l-effett Cournot fil-premessi 374 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq l-ishma mis-suq irrilevati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-saħħa tal-produtturi li huma preżenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–       Kunsiderazzjonijiet relatati man-natura tas-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

148    Ir-rikorrenti ssostni li l-invokazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-ishma tagħha tas-suq sabiex turi l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar mhijiex xierqa u dan minħabba n-natura stess tas-suq, li huwa suq suġġett għal sejħiet għal offerti.

149    Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li s-sehem mis-suq f'data partikolari huwa inqas importanti għall-analiżi ta' suq bħalma hu dak tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar milli, per eżempju, għal dak ta’ suq ta' prodotti li jiġu kkunsmati ta' kuljum. Mingħajr ma tammetti formalment li s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar huwa "suq suġġett għal sejħiet għal offerti", il-Kummissjoni tammetti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dan is-suq huwa kkaratterizzat mill-għoti ta' numru limitat ta' kuntratti ta' valur għoli. Fuq suq bħal dan, iċ-ċirkustanza li kumpannija partikolari rebħet l-aħħar sejħiet għal offerti ma timplikax neċessarjament li waħda mill-kompetituri tagħha ma tkunx tista' tirbaħ is-sejħa għal offerti li jmiss. Sakemm ikollu prodott kompetittiv u ma jkunx hemm fatturi oħra favur l-ewwel kumpannija b'mod predominanti, kompetitur dejjem jista' jirbaħ kuntratt sostanzjali u jżid f'salt wieħed l-ishma tiegħu tas-suq b'mod kunsiderevoli.

150    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tiġġustifikax li jiġi konkluż li l-ishma mis-suq m'għandhom kważi l-ebda valur fl-evalwazzjoni tas-saħħa tad-diversi manifatturi fuq suq ta' din in-natura, speċjalment sa fejn dawn l-ishma jibqgħu relattivament stabbli jew juru t-tendenza ta’ tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ impriża. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ddeduċiet b’mod korrett iċ-ċifri esposti fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 125 iktar ’il fuq, li , matul perijodu ta' ħames snin qabel id-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, "GE mhux biss irnexxielha tikkonserva l-pożizzjoni tagħha ta' l-ewwel fornitriċi, iżda wriet ukoll l-ogħla rata ta' tkabbir f'sehemha mis-suq" (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Anke f'suq suġġett għal sejħiet għal offerti, il-fatt li manifattur iżomm, jew isaħħaħ sehmu mis-suq matul perijodu ta' diversi snin konsekuttivi, jikkostitwixxi indikazzjoni ta' saħħa fis-suq. Fil-fatt, bilfors li jasal żmien fejn id-differenza bejn is-sehem mis-suq ta' manifattur u dak tal-kompetituri tiegħu ma tkunx tista' tiġi attribwita għan-numru limitat ta' sejħiet għal offerti li jikkostitwixxu d-domanda fis-suq. B'hekk, l-aspett dinamiku li jikkonsisti fiż-żieda reċenti tas-sehem mis-suq ta’ GE huwa element partikolarment konvinċenti fil-kuntest ta' l-analiżi effettwata mill-Kummissjoni, u li f'dan ir-rigward ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Kunsiderazzjonijiet dwar is-swieq tas-servizzi ta' wara l-bejgħ (aftermarket services)

152    Il-Kummissjoni tirrileva li l-manifatturi tal-magni qegħdin aktar kull ma jmur jirkupraw l-investiment tagħhom permezz tas-servizzi ta' wara l-bejgħ u għall-bejgħ ta' partijiet għall-bdil, aktar milli mill-marġni ta’ profitt magħmul inizjalment mill-bejgħ tal-magna bil-ġett (premessi 79 sa 82 u 90 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konstatazzjoni fattwali tal-Kummissjoni, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti u li hija bbażata wkoll fuq l-affermazzjonijiet tal-partijiet stess (premessi 39 u 95), hija biżżejjed sabiex turi li d-dħul attwali ta' manifattur tal-magni bil-ġett jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-bejgħ passat.

153    Żgur li, ir-rikorrenti tirrileva b’mod korrett, sa fejn parti sostanzjali mis-sehem li ġie attribwit lilha tirreferi għall-bejgħ tal-magni bil-ġett ta' CFMI, id-dħul li jirriżulta minnu għaliha huwa inqas milli kieku l-bejgħ kien attribwit direttament lilha (ara l-punt 147 iktar ’il fuq). Għal din ir-raġuni, is-saħħa ekonomika tar-rikorrenti li tirriżulta minn sehemha mis-suq imkejjel f'termini ta' bażi ta' installazzjoni ta’ magni bil-ġett hija inqas sinjifikattiva minn kif tindikaha ċ-ċifra totali tas-sehem mis-suq li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, sa fejn Snecma u r-rikorrenti t-tnejn li huma għandhom interess li jassiguraw li CFMI tirnexxi fil-futur, m'hemmx lok li l-parti mid-dħul ta' CFMI li ġie mqassam lil Snecma ma jitteħidx in kunsiderazzjoni. Ċertament, dan l-argument m'għandu ebda impatt fuq ir-rilevanza tas-sehem kbir mis-suq tar-rikorrenti f'dak li jirrigwarda l-ordnijiet b'lura, fid-dawl, b'mod partikolari, taċ-ċirkustanza rrilevata fil-punt 140 iktar ’il fuq, fejn ingħad li CFMI u r-rikorrenti jikkostitwixxu entità kompetittiva waħda fir-rigward ta' terzi, tal-kompetituri u tal-klijenti.

154    Il-Kummissjoni, fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata tirrileva, barra minn hekk, u dan mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li GE tipprovdi servizzi ta' wara l-bejgħ għall-magni bil-ġett fuq il-prodotti tal-kompetituri tagħha aktar kunsiderevoli milli jipprovdu l-istess kompetituri. Minħabba l-importanza tad-dħul provenjenti mis-servizzi ta' wara l-bejgħ, kif irrilevata iktar ’il fuq, dan il-fatt huwa sinjifikanti, peress li minnu jirriżulta li sehem GE mis-suq għall-bażi installata tal-magni tissottovaluta, sa ċertu punt, is-saħħa tagħha fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar fir-rigward tas-servizzi ta' wara l-bejgħ.

–       Kunsiderazzjonijiet dwar il-kunċett ta' "standardizzazzjoni" fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

155    Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-kunċett ta' "standardizzazzjoni" (commonality) li skond dan, fis-sustanza, li l-fatt għal persuna responsabbli ta’ linja ta' l-ajru li jarma l-ajruplani tiegħu kollha bl-istess magni bil-ġett jew almenu b'magni bil-ġett ta' l-istess serje tagħmel ċertu ekonomija (premessi 41 u 146 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirrileva f'dan ir-rigward li "l-vantaġġi li l-istandardizzazzjoni fil-magni tippreżenta lil linja ta' l-ajru jidhru f'diversi livelli ta' l-attivitajiet tagħha u jikkostitwixxu bħala tali, fattur inkontestabbli li l-operaturi jieħdu in kunsiderazzjoni meta jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għall-ajruplani" (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Għandu jiġi rrilevat li dan il-fenomenu jenfasizza l-vantaġġ li l-manifattur tal-magni jkollu meta jkun mitlub għal numbru kbir ta' pjattaformi jew fuq pjattaformi li jibbenefikaw minn numru għoli ta' bejgħ, sabiex ibiegħ numru akbar minn dawn l-istess magni fil-futur. L-importanza ta' dan il-vantaġġ għal manifattur hija neċessarjament relatata mal-bażi installata tal-magni tiegħu, speċjaliment fuq l-ajruplani li għadhom fi produzzjoni. B’hekk l-istandardizzazzjoni hija element partikolarment rilevanti ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni li jiġġustifika l-użu ta' ċifri relatati mas-sehem mis-suq tar-rikorrenti sabiex tistabbilixxi s-saħħa kummerċjali ta' l-istess rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta l-vantaġġi li jirriżultaw mill-istandardizzazzjoni (punt 99 iktar ’il fuq).

157    Fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha tar-rwol ta' GECAS, fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċitat parti mir-rapport annwali ta' GE għas-sena 1999 li jippreċiża : "Aħna [GECAS] għamilna progress kbir fid-determinazzjoni tagħna li ngħinu l-klijenti tagħna jilħqu l-għanijiet tagħhom f'termini ta' flotta u tal-bilanċ tagħhom. GECAS, per eżempju, għenet lil China Eastern, waħda mill-akbar kumpanniji ta' l-ajru Ċiniżi, sabiex tnaqqas ix-short-term capacity tagħha, sabiex tistandardizza l-flotta tagħha f'Airbus b’qafas dejjaq mgħammra b'magni bil-ġett CFM[I] u sabiex tikseb hard currency". Dan l-eżempju huwa indikazzjoni rilevanti u sinjifikattiva tar-realtà ta' l-effetti pożittivi ta' l-istandardizzazzjoni tal-magni bil-ġett. Ir-rikorrenti, f'dan ir-rapport, tidher li tittratta bħala fatt li l-istandardizzazzjoni tal-flotta ta' l-ajruplani tagħha ġġib ċerti vantaġġi ekonomiċi mil-lat ta' kumpannija ta' l-ajru.

158    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-parti l-kbira tar-risposti li rċeviet mill-kumpanniji ta' l-ajru fuq din il-kwistjoni ma jikkuntradixxux l-argument tal-Kummissjoni (punt 99 iktar ’il fuq, fl-aħħar).

159    F'dan ir-rigward, Lufthansa tindika li l-impatt ta' l-istandardizzazzjoni huwa negliġibbli fil-każ tagħha peress li l-manutenzjoni tal-magni tagħha hija ssir minn terzi, iżda hija tirrileva li l-istandardizzazzjoni ta' flotta hija importanti fuq pjan operazzjonali. United Airlines tafferma mingħajr ambigwità li l-istandardizzazzjoni hija fattur importanti fl-għażla tal-magni, u dan fost fatturi oħrajn, u l-Alitalia tammetti li l-fatt li tixtri magni bil-ġett identiċi jista’ jnaqqas l-ispiża totali medja minħabba r-riduzzjoni fl-ispejjeż tal-manutenzjoni anki jekk jistgħu jirriżultaw ċerti vantaġġi oħra mill-fatt li jkollok flotta mħallta. US Airways tafferma li hija tipprova żżomm l-istandardizzazzjoni tal-flotta tagħha, iżda, fil-passat, hija għażlet il-magni tagħha fuq fatturi oħra u li, konsegwentement, il-livell ta' standardizzazzjoni tal-flotta tagħha mhuwiex kbir fil-preżent u għalhekk m'għandux impatt sostanzjali ħafna fuq l-għażla tagħha tal-magni. Skond Iberia, mhuwiex possibbli li tafferma b'mod in ġenerali li l-istandardizzazzjoni hija fattur determinanti peress li, għalkemm l-għażla tal-magni hija ċara fuq livell ekonomiku, tekniku u finanzjarju, kif ukoll fit-termini ta' analiżi tar-riskju, l-istandardizzazzjoni mhix ser tkun fattur importanti. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li tevalwa l-vantaġġi li jirriżultaw mill-istandardizzazzjoni ta' l-inġenji jekk dawn il-fatturi l-oħra huma bbilanċjati. Fl-aħħar nett, ir-risposta ta' British Airways, li hija annessa mar-rikors, tirrigwarda esklużivament il-prodotti avjoniċi, iżda tilqa’, b'mod ġenerali, l-idea li l-istandardizzazzjoni ta' l-inġenji tista' twassal li ssir ċerta ekonomija. B'hekk, mill-qari tar-risposti kollha msemmijin mir-rikorrenti ma jirriżultax li l-istandardizzazzjoni tal-magni bil-ġett tal-flotta m'għandha l-ebda impatt fuq l-għażla tal-magni ta' linja ta' l-ajru partikolari.

160    Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessi 154 u 155, semmiet diversi eżempji speċifiċi li fihom il-kumpanniji ta' l-ajru espliċitatament ippreferew magna bil-ġett partikolari, minħabba li l-ewwel waħda kienet diġà użata fil-flotta tagħha. Ma saret ebda allegazzjoni, u l-anqas ma ġie muri, li dawn l-eżempji ma jeżistux u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li dawn jikkorroboraw l-argument tal-Kummissjoni.

161    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma affermatx li l-istandardizzazzjoni hija dejjem determinanti fir-rigward ta' l-għażla tal-magna, peress li hija indikat, fil-premessa 148, li "[g]ħalkemm l-[istandardizzazzjoni] fil-livell r-rigward tal-magni mhijiex waħda mill-fatturi fost dawk li l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru jieħdu in kunsiderazzjoni meta jixtru apparat, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni uriet li l-organizzazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-kumpannija ta' l-ajru għandha rwol importanti fid-deċiżjonijiet fil-qasam tax-xiri tal-magni bil-ġett". B'dan il-mod, il-Kummisjoni ma wettqitx żball ta' fatt meta kkunsidrat li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-istandardizzazzjoni ta' flotta jeżistu, almenu fi ħdan l-istess familja ta' magni, u jistgħu jiffavorixxu, bħala prinċipju, ix-xiri mill-kumpanniji ta' l-ajru tal-magni li jkunu diġà użati fil-flotta tagħhom bi preferenza għall-magni li huma ma jkunu qatt xtraw. Hija lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li dan il-fenomenu jikkontribwixxi wkoll għall-pożizzjoni dominanti ta' GE.

–       Fuq il-kalkolu tas-sehem mis-suq stabbilit mill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-saħħa tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

162    Il-Kummissjoni eskludiet mill-analiżi tagħha ta’ sehem ir-rikorrenti mis-suq, f'dak li jirrigwarda l-bażi installata, l-ajruplani li m'għadhomx fi produzzjoni minħabba li dawn, "għall-fornituri tal-magni bil-ġett jikkostitwixxu sors ta' dħul li huwa anqas minn dak ta' l-ajruplani li għadhom fi produzzjoni" (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirrileva, b'mod partikolari, u dan mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li l-magni bil-ġett aktar antiki huma aktar sempliċi mill-magni bil-ġett moderni, u għaldaqstant jiġbdu inqas dħul fir-rigward ta’ servizzi ta' wara l-bejgħ u bil-mod il-mod qegħdin jisparixxu mill-flotot tal-kumpanniji ta' l-ajru. Fid-dawl ta' dawn l-ispjegazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma tiħux in kunsiderazzjoni din il-parti mill-bażi installata sabiex tevalwa s-saħħa attwali tad-diversi manifatturi fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

163    F'dak li jirrigwarda ċ-ċifri ta' l-ordnijiet b’lura, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, f'dak li jikkonċerna l-ajruplani kummerċjali kbar, l-ordnijiet b'lura għall-ajruplani li għadhom ma daħlux fis-servizz, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni ta' dawn f'dak li jikkonċerna l-ajruplani reġjonali kbar (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tirreferi f'dan ir-rigward għat-tabella li tidher fl-anness 8 tar-rikors tagħha ("GE's and Honeywell's slides presentation at oral hearing", inkartament 8/14, it-tielet parti, it-tabella fil-paġna 9 intitolata "Backlog of Engine Sales for Aircraft not Yet in Service"), fejn jingħad li l-ordnijiiet b'lura għall-ajruplani li għadhom ma daħlux fis-servizz jindikaw li s-sehem ta' GE mis-suq huwa ta' 38%, ta' P & W huwa 21% u ta' Rolls-Royce huwa 40%.

164    L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li ġie rrilevat mir-rikorrenti li ċ-ċifri relatati ma’ l-ordnijiet b'lura għall-ajruplani li għadhom ma daħlux fis-servizz kienu ntużaw mill-Kummissjoni biex tevalwa s-sitwazzjoni fis-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-użu tagħhom f'dan l-aħħar kuntest, b'mod li mhuwiex meħtieġ li jiġi analizzat jekk l-użu tagħhom kienx approprjat fir-rigward ta' dan is-suq (punt 540 aktar 'il quddiem). F’kull ipoteżi, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' dawn iċ-ċifri jista' jiġi ġġustifikat f'dak li jirrigwarda s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar, bit-tkabbir ta’ malajr tas-suq imsemmi, liema tkabbir jinsab irrilevat fil-punt 552 aktar 'il quddiem, li mhuwiex il-każ fil-każ tas-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar minħabba r-raġunijiet esposti aktar 'il quddiem fil-punti 165 u segwenti. B'hekk, id-differenza bejn it-trattament ta' l-ordnijiet b'lura għall-ajruplani li għadhom ma bdewx itiru fuq dawn iż-żewġt iswieq ma jikxef ebda kuntradizzjoni fil-metodu tal-Kummissjoni, u inqas u inqas xi żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha.

165    Mill-indikazzjonijiet ipprovduti miż-żewġ partijiet prinċipali matul is-seduta jirriżulta li ċ-ċifri indikati fit-tabella msemmija iktar ’il fuq fil-punt 163 kif ukoll minn dawk indikati fit-tabella li tidher fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-ordnijiet b'lura tal-magni mgħammra fuq ajruplani kummerċjali kbar li għadhom jiġu manifatturati, jirreferu għal numru ta' magni bil-ġett. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li n-numru ta' magni bil-ġett li huma s-suġġett ta' l-ordnijiet għal ajruplani li għadhom ma daħlux fis-servizz skond it-tabella ppreżentata mir-rikorrenti (936 magna bil-ġett ordnati) huwa żgħir wisq meta mqabbel man-numru ta' magni għal ajruplani li għadhom jiġu manifatturati fuq ordni speċifika (5466 magna bil-ġett ordnati). B'hekk, il-fatt li Rolls-Royce għandha inqas ordnijiet mir-rikorrenti għall-ajruplani li għadhom ma daħlux fis-serizz għandu biss impatt marġinali fuq ir-rapport kompetittiv ta' bejniethom jekk wieħed jikkunsidra l-ordnijiet kollha.

166    Jekk wieħed jgħaqqad flimkien it-tabella msemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq ma' -dik li tidher fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha sehem mis-suq għall-ordnijiet b'lura ta' 60.9% (3542 + 360 = 3902 magni bil-ġett ordnati), P & W sehem ta' 17.0% (887 + 200 = 1087 magna bil-ġett ordnati) u Rolls-Royce sehem ta' 22.1% (1037 + 376 = 1413 magna bil-ġett ordnati).

167    Għandu jiġi kkonstatat li l-valuri li jirriżultaw mill-għadd ta' dawn iż-żewġ tabelli flimkien huma qrib biżżejjed dawk li huma invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi dedott li d-differenza marġinali bejn iċ-ċifri ma kellha ebda impatt fuq il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni li s-sehem mis-suq tar-rikorrenti f'termini ta' magni bil-ġett ordnati kien indikattiv ta' xi pożizzjoni dominanti.

168    Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni affermat, bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li ċ-ċifri rigwardanti l-ajruplani li għadhom ma daħlux fis-servizz ma jirriflettux b’mod rappreżentattiv u ta’ min joqgħod fuqu, is-sitwazzjoni tal-kompetittività fuq is-suq. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, f'dak li jikkonċerna l-pjattaforma multisource – jiġifieri ajruplan kummerċjali kbir li jkun ġie ċċertifikat mill-manifattur li jieħu żewġ magni jew aktar differenti, fejn l-għażla finali tal-magna ssir mil-linja ta' l-ajru – li għadu ma daħalx fis-servizz, li l-ishma mis-suq proviżorji tad-diversi manifatturi tal-magni attribwibbli lil din il-pjattaforma jistgħu jiżviluppaw b'mod kunsiderevoli wara, jekk l-istess pjattaforma għadha fil-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha. B’differenza ta' l-ajruplani tan-negozju u ta' l-ajruplani reġjonali kbar li huma dejjem unisource, fis-sens li l-pjattaforma ġiet iċċertifikata li tieħu magna bil-ġett waħda biss, l-ajruplani kummerċjali kbar jistgħu jkunu unisource jew multisource.

169    Il-Kummissjoni tosserva, f'dan ir-rigward, li sehem mis-suq ta’ P & W kif indikat fit-tabella, u msemmi fil-punt 163 iktar ’il fuq, u msemmi mir-rikorrenti għall-magni mgħammra fuq l-A318-100, jiġifieri 69% (200 minn 290 ordni) illum mhuwiex ħlief [...]%, filwaqt li dak tar-rikorrenti minn dakinhar qabeż għall-[...]%. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li sehem Rolls-Royce mis-suq, jiġifieri [...]% fuq l-ordnijiet għall-A380, kif indikat fit-tabella, ma jikkorrispondix ma' l-iżvilupp sussegwenti tas-suq peress li r-rikorrenti kellha sehem ta' [...]% mill-ordnijiet għal dan l-ajruplan f'Marzu 2004. Għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm dawn iċ-ċifri m'għandhom ebda impatt dirett fuq l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata peress li jirreferu għall-perijodu ta' wara l-adozzjoni ta' l-istess deċiżjoni, l-istess ċifri jikkorroboraw l-argument tal-Kummissjoni li ma kienx xieraq li hija tieħu in kunsiderazzjoni l-ordnijiet li kienu saru għall-ajruplani kummerċjali kbar li ma kinux għadhom daħlu fis-servizz.

170    Bħala risposta għal dan l-argument, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-veraċità ta' dawn l-eżempji. Hija rrilevat sempliċiment li [...] għall-A318-100 [...], li jispjega t-tnaqqis tas-sehem mis-suq ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-pjattaforma in kwistjoni, u li l-Kummissjoni kienet ippreżentat ċifri magħżulin f'dan ir-rigward peress li, b'mod partikolari, "is-sehem mis-suq ta’ Rolls-Royce kien żdied minn [...]% għal [...] f’Marzu 2004". Ir-rikorrenti ma spjegatx għal liema magni tirreferi ċ-ċifra ta' [...]% li hija ssemmi. Kieku wieħed kellu jissupponi li din tirreferi, kif jidher li huwa l-każ f'dan il-kuntest, għall-ordnijiet ta' magni għall-ajruplani li ma kinux għadhom fi produzzjoni fid-data tas-seduta, dan ma jaffettwax l-argument tal-Kummissjoni safejn jirriżulta mill-eżempji li hija tat fis-seduta jirriżulta li ċ-ċifri relatati mas-sehem mis-suq proviżorju ta' manifattur tal-magni biex jarma pjattaforma multi-source huma bħala prinċipju, relattivament inqas ta’ min joqgħod fuqhom fis-sens li jistgħu jitbiddlu b'mod radikali fi stadju ulterjuri.

171    Fir-rigward ta' [...] għall-A318-100, dan l-argument, li tressaq mir-rikorrenti, isaħħaħ, per eżempju, l-argument tal-Kummissjoni li ċ-ċifri bbażati fuq l-ordnijiet għall-ajruplani multi-source li għadhom mhumiex fis-suq jistgħu jagħtu idea żbaljata tar-rapport ta' saħħa finali bejn il-manifatturi preżenti fuq is-suq. B'hekk, fid-dawl ta' l-obbjettiv li għalih il-Kummissjoni invokat l-eżempji in kwistjoni (sabiex tispjega l-fatt li ma tteħdux in kunsiderazzjoni l-ordnijiet għall-pjattaformi futuri) għandu jiġi kkonstatat li l-kontroargumenti tar-rikorrenti ma jaffettwawx ir-raġunament magħmul fil-punt preċedenti.

172    B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, l-analiżi tal-Kummissjoni ma ġietx distorta bil-fatt li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta' l-ordnijiet għall-ajruplani li kienu għadhom ma daħlux fis-servizz u b’hekk f'dan ir-rigward, hija ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet dawn iċ-ċifri mill-kalkoli tagħha.

–       It-trattament tal-Boeing 737

173    Ir-rikorrenti tressaq ukoll argument marbut speċifikament mal-B737 tal-Boeing. Kif kien ikkonstata d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan, l-akbar sehem mis-suq ta' GE huwa kkostitwit essenzjalment mill-użu esklużiv ta' ajruplan wieħed minn CFMI, it-tieni u t-tielet verżjoni tal-B737, li kien ra l-akbar suċċess kummerċjali fl-istorja ta' l-avjazzjoni ċivili.

174    Fis-sustanza, l-argument tar-rikorrenti f'dan ir-rigward itenni l-allegazzjoni aktar ġenerali, li ġiet eżaminata iktar ’il fuq, li tgħid li l-ishma mis-suq huma irrilevanti għall-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq suq suġġett għal sejħiet għal offerti. Madankollu, għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, u fid-dawl b'mod partikolari tal-fatt li l-bażi installata tal-magni bil-ġett manifatturati minn manifattur partikolari għandha impatt fuq id-dħul attwali u fil-futur, l-effetti diretti u indiretti tas-suċċess kummerċjali fuq suq bħal dan jibqgħu jeżistu, minkejja li jgħaddi perijodu ta' żmien kunsiderevoli.

175    L-użu tal-B737 minn GE jista' għalhekk jiġi kkunsidrat bħala rilevanti fil-każ preżenti, peress li jkabbar sehem mis-suq tar-rikorrenti u jippermettilha li tkompli tibbenefika sallum mid-dħul addizzjonali kif ukoll mill-effetti kummerċjali pożittivi li l-manifatturi tal-magni jieħdu fir-rigward ta’ pjattaforma mill-fatt li l-kumpanniji ta' l-ajru jistandardizzaw il-flotta tagħhom.

176    Ir-rikorrenti, fis-seduta, irrilevat li l-ekonomista mqabbad mill-Kummissjoni biex jagħti l-pariri lill-uffiċjali tagħha matul il-proċedura amministrattiva, il-professur Vives, f'imejl imressqa mill-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2004 b'risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, iddeskriva l-fatt li r-rikorrenti rebħet il-kuntratti relattivi għall-apparat tal-B737 bħala li kienet "pjuttost fortuna (li kellha impatt enormi) iktar milli xiehda ta' l-inerzja ta' sehemha fis-suq" ("more a case of luck (with tremendous impact) than a case of market share inertia"]. Il-professur Vives ma kellu ebda status partikolari fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u l-fatt li huwa esprima l-fehma tiegħu li tista' tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-pożizzjoni adottata finalment mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jippreġudika l-mertu ta' l-imsemmija deċiżjoni. Bil-kontra, din iċ-ċirkustanza tindika li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fehmiet differenti.

177    Fi kwanlunkwe ipoteżi, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata ma affermatx li r-rikorrenti kienet f'pożizzjoni dominanti fil-mument meta ngħataw il-kuntratti in kwistjoni fil-bidu tas-snin tmenin u disgħin rispettivament. Dak li hu rilevanti fil-kuntest preżenti huwa l-fatt li dan is-suċċess kummerċjali passat jibqa' jkollu minnu nnifsu xi konsegwenzi fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti sal-ġurnata ta’ llum, hekk kif ġie deskritt iktar ’il fuq.

178    Għalkemm is-suċċess tar-rikorrenti matul is-sejħa għal offerti sabiex tipprovdi apparat għall-B737 "ibiddel" iċ-ċifri relatati ma’ l-ishma mis-suq tad-diversi manifatturi tal-magni, fis-sens li jżid sehem ir-rikorrenti mis-suq b'mod sostanzjali, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li s-sehem kbir mis-suq tar-rikorrenti, li parti minnu kien ġej minn dak is-suċċess, kien suxxettibbli li jbiddel is-sitwazzjoni kompetittiva fuq is-suq innifsu u dan favur ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx is-sejħa għal offerti li ntrebħet mir-rikorrenti li kienet tirrappreżenta s-suċċess kummerċjali l-aktar importanti fuq is-suq in kwistjoni, kien ċertament seta’ jikkawża distorsjoni fl-analiżi tagħha f'dan ir-rigward.

179    Iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan mid-dehra kkunsidra li kien xieraq li jiġi eskluż il-bejgħ tal-magni attribwibbli għall-bejgħ ta’ dan l-ajruplan B737 sabiex tiġi evalwata s-saħħa tar-rikorrenti f’dan is-settur hija irrilevanti għall-finijiet tal-proċeduri preżenti. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat terz wieħed jew iktar jevalwaw kwistjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri tagħhom stess mhuwiex biżżejjed, waħdu, biex iħassar l-analiżi diverġenti li ġiet sussegwentement stabbilita mill-awtoritajiet Komunitarji kompetenti. L-elementi u l-argumenti mressqin fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fuq livell Komunitarju, l-istess bħar-regoli ġuridiċi applikabbli, mhumiex neċessarjament l-istess bħal dawk li jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet ta' l-Istati terzi in kwistjoni, u l-evalwazzjonijiet ta' kull wieħed minnhom jistgħu konsegwentement ikunu diverġenti. Jekk xi parti tikkunsidra li r-raġunament li jiġġustifika l-konklużjoni ta’ l-awtoritajiet ta' xi Stat terz huwa partikolarment rilevanti u jista' jiġi applikat fil-proċedura Komunitarja, hija tista' dejjem tinvokah bħala argument fuq il-mertu, l-istess bħalma għamlet ir-rikorrenti fil-każ in eżami, iżda s-saħħa probatorja ta' dan ir-raġunament ma tistax tkun determinanti.

180    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet in kunsiderazzjoni l-bejgħ tal-magni intiżi għall-B737.

 Konklużjoni dwar l-ishma mis-swieq

181    Hemm lok li jiġi konkluż, b’kunsiderazzjoni ta' l-analiżi kollha magħmula iktar ’il fuq, li l-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti huma fis-sustanza stabbiliti. Il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoin meta kkunsidrat li s-sehem mis-suq tar-rikorrenti seta', fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, jindika l-eżistenza tal- pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar qabel il-konċentrazzjoni. Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li hija bbażat il-konklużjoni tagħha fir-rigward ta' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti li kienet teżisti qabel fuq fatturi oħra fid-deċiżjoni kkontestata, li sejrin jiġu eżaminati hawn isfel.

c)     Integrazzjoni vertikali – GE Capital u GECAS

 Introduzzjoni

182    Fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha tal-pożizzjoni ta' GE fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, il-Kummissjoni, sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ dominanza, tistrieħ ukoll fid-deċiżjoni kkontestata fuq is-saħħa ekonomika u kummerċjali eżerċitata miż-żewġ sussidjarji ta' GE, jiġifieri GE Capital u GECAS. Fil-premessi 107 sa 120, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li s-saħħa finanzjarja ta' GE Capital issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti u, fil-premessi 121 sa 139, hija tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-eżistenza u l-politika kummerċjali ta' GECAS jikkontribwixxu għaliha wkoll. Sussegwentement, fil-premessi 140 sa 145, il-Kummissjoni tirrileva li huwa impossibbli li l-kompetituri tar-rikorrenti li jaslu li jkollhom saħħa bħal dik ta' l-imsemmija rikorrenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħti wkoll numru ta' eżempji u ta' elementi oħra relatati ma’ l-influwenza ta' GE Capital u ta' GECAS fil-premessi 163 sa 172, taħt is-sezzjoni "Pożizzjoni dominanti ta' GE".

183    Ir-rikorrenti tikkritika din l-analiżi fejn tirrileva, b'mod partikolari, li l-istess analiżi mhijiex wisq normali, partikolarment in kwantu, f'dak li jirrigwarda lil GECAS, l-analiżi hija bbażata fuq l-allegat eżerċizzju ta’ saħħa fis-suq bħala xerrej minn persuna li sehemha mix-xiri huwa inqas minn 10% (punti 103 u 104 iktar ’il fuq). L-argument tal-Kummissjoni mhuwa bbażat fuq ebda analiżi ekonomika li tagħtiha sostenn. Sa fejn l-Kummissjoni tagħti numru ta' eżempji in sostenn ta’ l-argument tagħha, ir-rikorrenti tirrileva li l-interventi tas-sussidjarji tagħha bl-għan li jippromwovu l-magni taghħha jindikaw l-eżistenza ta' kompetizzjoni eżistenti sew.

184    Għandu jiġi mfakkar li l-eżistenza ta' ċertu livell ta' kompetizzjoni fis-suq mhijiex inkompatibbli ma' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti fuq dan l-istess suq (ara s-sentenzi Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 39 u 70, u United Brands vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 113). Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-fatt, li hemm rapport kompetittiv bejn id-diversi manifatturi tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar. Madankollu, hija kkonstatat ukoll li, b’differenza tal-kompetituri tagħha, ir-rikorrenti kellha l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha permezz tas-sussidjarji tagħha li kienu jippermettulha li timponi ruħha puntwalment u tirbaħ kuntratti li hija mhux bilfors setgħet tirbaħ esklużivament fuq il-bażi ta' kompetizzjoni teknika u fuq il-prezzijiet. B'hekk, l-eżistenza ta’ sejħiet għal offerti kompetittivi li ssemmi r-rikorrenti mhijiex inkompatibbli ma’ l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tal-mezzi l-oħra ta' influwenza.

185    Barra minn hekk, is-sempliċi eżistenza ta' GE Capital u l-fatt li l-grupp GE jibbenefika għalhekk mill-ogħla klassifika ta' solvibbiltà "AAA" (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata) mhumiex xi ċirkustanzi li jindikaw minnhom infushom il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-swieq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Ir-rikorrenti ġustament tirrileva, f'dan ir-rigward, li d-dritt tal-kompetizzjoni ma jippenalizzax lill-impriżi sempliċiment minħabba d-daqs tagħhom jew minħabba l-mezzi finanzjarji tagħhom.

186    Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li GECAS hija attiva fil-qasam tax-xiri, tal-finanzjament u tal-kiri ta' l-ajruplani kummerċjali kbar mhijiex minnha nnifisha dannuża għall-kompetizzjoni. Is-sempliċi fatt li impriża tkun, permezz ta' waħda mis-sussidjarji tagħha, f'dan il-każ GECAS, il-klijent prinċipali tal-klijenti tagħha stess, jiġifieri ta' Boeing u Airbus, mhuwiex biżżejjed sabiex jagħtiha saħħa fis-suq li tkun tikkostitwixxi pożizzjoni dominanti.

187    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata ma tistrieħx fuq teorija ekonomika li tgħid li xerrej ta' magni bil-ġett li jieħu 8 sa 10% tax-xiri kollu, jkollu minħabba biss dak il-fatt, saħħa ekonomika li tagħtih il-possibbiltà li jelimina xi manifattur ta' dawn il-magni mis-suq. Hija lanqas ma tafferma li l-fatt li wieħed mill-manifatturi tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar huwa iktar b'saħħtu finanzjarjament mir-rivali tiegħu jġib minnu nnifsu l-konsegwenza li huwa jkun jista' jeliminahom, u lanqas li l-effett magħdud ta' dawn iż-żewġ ċirkustanzi jwassal għal din il-konklużjoni f'sitwazzjoni fejn ix-xerrej ta' l-ajruplani u l-manifattur tal-magni bil-ġett ikunu mill-istess grupp ta' kumpanniji.

188    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti li kienet teżisti qabel, li l-istess rikorrenti sfruttat is-saħħa ekonomika tas-sussidjarji tagħha b'mod "strateġiku" biex tkabbar is-saħħa li hija għandha diġà fis-suq tal-magni bil-ġettt u dan b'riżultat tal-volum ta' bejgħ tagħha. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-konstatazzjoni fattwali hija bbażata, f'dak li jirrigwarda l-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, mhux fuq analiżi ekonomika tal-kwistjoni dwar jekk aġir bħal dan kienx fl-istess waqt effikaċi u oġġettivament fl-interess kummerċjali tar-rikorrenti, iżda abbażi ta' elementi fattwali miġburin fil-kors tal-proċedura amministrattiva li jindikaw li dan l-aġir kien jeżisti u li fil-prattika l-istess aġir jiffavorixxi l-bejgħ tal-magni tar-rikorrenti milli dawk tal-kompetituri tagħha.

189    Il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat l-eżistenza ta' dan l-aġir strateġiku, iddeduċiet minnha li l-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti mas-sussidjarji tagħha GE Capital u GECAS tikkontribwixxi għall-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel fis-suq tal-magni bil-ġett u, b'mod partikolari, fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar (rispettivament il-premessi 107 u segwenti u 121 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata).

190    Hija kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tivverifika, fil-kuntest preżenti, jekk il-Kummissjoni għamlitx xi żbalji ta’ fatt meta kkonstatat l-eżistenza ta' l-aġir strateġiku deskritt iktar ’il fuq u, barra minn hekk, jekk hija għamlitx xi żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta waslet għall-konklużjoni li dan l-aġir kien ikkontribwixxa għall-pożizzjoni dominanti li diġà kellha r-rikorrenti fis-suq ta' l-ajruplani kummerċjali kbar. Il-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma marbutin fil-qrib, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-eżempji speċifiċi li ssemmew, u sejrin jiġu eżaminati flimkien aktar 'il quddiem fil-kuntest ta' l-eżami suċċessiv, primarjament, ta' l-influwenza kummerċjali ta' GECAS, fit-tieni lok, tas-saħħa finanzjarja ta' GE Capital, fit-tielet lok, tal-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ l-eżerċizzju minn GECAS u GE Capital ta' l-influwenza tagħhom fuq il-klijenti ta' GE, u fir-raba' lok, tal-kunsiderazzjonijiet relatati maċ-ċifri li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' sehem mis-suq tar-rikorrenti wara l-ħolqien ta' GECAS fi ħdan il-grupp tagħha.

 L-influwenza kummerċjali ta' GECAS

–       Fuq il-politika "GE-only" ta' GECAS

191    Huwa paċifiku li GECAS għandha politika ta' xiri "GE-only", li jikkonsisti fil-fatt li tixtri biss ajruplani mgħammra b'magna GE. L-unika eċċezzjoni għal din il-politika hija x-xiri ta' tmien ajruplani B757 (fuq 1040 ajruplan, ara l-premessi 122 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata), ajruplan dan li m'hemm ebda magna GE għalih. Konsegwentement, il-flotta ta' GECAS hija magħmula b'iktar minn 99% minn ajruplani mgħammra b'magna minn tar-rikorrenti jew minn ta' l-impriża komuni CFMI.

192    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li din iċ-ċirkustanza tikkontribwixxi għall-pożizzjoni dominanti tagħha. F'dan ir-rigward, fir-rikors tagħha r-rikorrenti tirreferi, b'mod partikolari, għar-rapport ta' Lexecon li huwa anness mar-rikors, fejn jingħad li huwa naturali li kumpannija tal-kiri ta' l-ajruplani li hija integrata ma' manifattur tal-magni li tixtri l-istess magni, u dan peress li (i) inkella tista' tingħata l-impressjoni li hemm nuqqas ta' fiduċja, fi ħdan il-grupp, fl-istess magni bil-ġett, (ii) ċerti spejjeż marbutin max-xiri jkunu inqas, u (iii) huwa diffiċli għat-tali kumpannija li tikri l-ajruplani, li tikseb kundizzjonijiet favorevoli mingħand il-kompetituri diretti tal-kumpannija fil-grupp tagħha stess.

193    Għandu jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, biex tistabbilixxi l-mertu ta’ l-argument tagħha fir-rigward ta' l-impatt ta' l-aġir ta' GECAS fis-suq ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, m'għandhiex bżonn tikkontesta l-aġir ta' GECAS f'dan ir-rigward, u lanqas li turi li l-għan tar-rikorrenti marbut mad-dħul fis-suq tal-kiri kien li tippromwovi l-bejgħ tal-magni tagħha stess. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li l-politika tax-xiri esklużiv ta' GECAS tiffavorixxi l-bejgħ tal-magni tar-rikorrenti fis-suq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed biex il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li dan il-fattur jikkontribwixxi għall-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-argument rigward il-karatteristika allegatament naturali ta' l-aġir ta' GECAS huwa rrilevanti f’dan il-każ.

194    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti msemmijin fil-punt 192 iktar ’il fuq mhumiex wisq konvinċenti sa fejn il-fatt li GECAS tidħol biss fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-magni tar-rikorrenti bilfors jinvolvi ċertu żvantaġġ kummerċjali. Effettivament, il-fatt li kull xerrej volontarjament jillimita s-sorsi ta' forniment tiegħu, u dan jagħmlu bi prinċipju u mhux minħabba xi kriterji kummerċjali oġġettivi, jinvolvilu spiża minħabba f'hekk, ħlief fl-ipoteżi eċċezzjonali fejn il-prodotti li għalihom jillimita ruħu jkunu sistematikament aħjar u anqas għoljin mill-prodotti alternattivi. Min-naħa l-oħra l-allegati konsegwenzi negattivi derivanti mill-politika ta' xiri newtra ta' GECAS, kif imressqa mir-rikorrenti, huma vagi u spekulattivi, speċjalment sa fejn huma bbażati essenzjalment fuq il-pożizzjonijiet kummerċjali li jiġu adottati mill-operaturi terzi f'każ li GECAS tagħżel din il-politika.

195    Għaldaqstant, indipendentement minn dawn l-argumenti, kieku t-teżi tar-rikorrenti li l-preferenza ta' GECAS ma żżidx il-bejgħ globali tal-magni bil-ġett kienet preċiża, il-politika kummerċjali proprja tagħha f'dak li jirrigwarda lil GECAS ma tkunx tagħmel aktar sens. Fil-fatt, in-natura kważi assoluta ta' din il-preferenza għall-magni ta’ GE, kif murija minn GECAS, hija minnha nnifisha indikazzjoni qawwija tan-natura strateġika ta' din il-politika.

–       Fuq il-pożizzjoni kummerċjali ta' GECAS

196    Ir-rikorrenti ssostni li l-ILFC hija xerrejja ta' l-ajruplani kummerċjali kbar li hija ħafna aktar importanti minn GECAS. B'mod speċifiku, hija ssostni li, fl-1 ta' Marzu 2001, l-ILFC kellha ordnati kważi d-doppju tan-numru ta' l-ajruplani kummerċjali meta mqabbla ma' GECAS, jiġifieri 529 kontra 268 li kellha GECAS. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li GECAS hija l-akbar xerrejja ta' ajruplani fid-dinja u li hija darbtejn ikbar mill- ILFC f'dak li jikkonċerna n-numru ta' ajruplani fil-flotta tagħha, li b'kollox għandha 1040 ajruplan kontra [400 sa 500] li għandha l-ILFC. Il-Kummissjoni tiċċita wkoll ċifri globali għall-ajruplani bil-ġett kollha fejn jirriżulta li l-ordnijiet ta' GECAS kienu għolew għal 796 filwaqt li ta' l-ILFC għolew għal 535 fi tmiem is-sena 2000. Għal dak li jikkonċerna dawn l-aħħar ċifri, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkonċernaw kemm l-ajruplani reġjonali kbar kif ukoll l-ajruplani kummerċjali kbar, fatt li jispjega d-differenza fir-rigward taċ-ċifri mressqa mir-rikorrenti.

197    Fid-dawl tad-daqs tal-flotta ta' GECAS, iċ-ċirkustanza li, skond parametri oħrajn, l-ILFC hija akbar ma jfissirx li l-Kummissjoni wettqet żball ta' fatt jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta kkunsidrat li GECAS hija l-akbar kumpannija tal-kiri, u lanqas meta kkunsidrat li, matul is-snin li ppreċedew il-konċentrazzjoni, hija kienet l-akbar xerrejja ta' l-ajruplani fid-dinja.

198    Għandu jingħad ukoll li l-validità tar-raġunament tal-Kummissjoni ma tiddependix fuq il-punt dwar jekk il-parti eżatta tax-xiri ta’ l-ajruplani kummerċjali kbar, u għaldaqstant, il-magni mgħammra fuqhom, kif irrappreżentati mix-xiri ta’ GECAS kinitx ta' 10% - kif tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata – jew ta' 7 sa 8% - kif issostni r-rikorrenti. Fil-fatt id-differenza bejn dawn iċ-ċifri ma taffettwax l-analiżi tal-Kummissjoni b'mod sinjifikattiv. Dak li hu importanti fil-kuntest preżenti hija l-kwistjoni dwar jekk GECAS kinitx f'pożizzjoni, b'mod konkret, minħabba l-attività tagħha ta' xiri u kiri ta' ajruplani, li teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq l-għażliet ta' magni magħmulin mill-manifatturi ta' l-ajruplani u l-kumpanniji ta' l-ajru.

199    F'dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti kellha sehem mis-suq minn 7 sa 10% li kien riżervat għaliha, permezz tal-politika ta' xiri preferenzjali ta' GECAS, kien jirrappreżenta minnu nnifsu vantaġġ li ma setax ma jiġix ikkunsidrat. Fil-fatt, anki kieku wieħed kellu jissupponi li x-xiri preferenzjali ta' GECAS kien fil-prattika newtralizzat, ta' l-inqas sa ċertu punt, b'dak tal-kumpanniji l-oħra tal-kiri ta' l-ajruplani, ir-rikorrenti, b’differenza tal-kompetituri tagħha, setgħet tipprevedi ċertu proporzjon tal-bejgħ tagħha b'ċertu livell gholi ta’ ċertezza , filwaqt li x-xiri kumpensatorju possibbli mill-kumpanniji tal-kiri l-aktar li kien jikkostitwixxi kien il-bejgħ potenzjali fir-rigward tal-manifatturi tal-magni sakemm dan iseħħ.

200    Barra minn hekk, fil-premessi 140 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-impossibbiltà għall-kompetituri tar-rikorrenti li jirriproduċu kumpannija tal-kiri bħal ma hija GECAS u, fil-premessi 209 u 210, hija tirrileva li Pembroke, il-kumpannija tal-kiri li Rolls-Royce għandha sehem ta’ 50% minnha, ma tipparagunax ma' GECAS u m'għandhiex politika ta' xiri esklużiv favur magni minn ta' Rolls-Royce. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet fattwali, imma tirribatti li l-kompetituri jinsabu f'pożizzjoni li jlaħħqu mal-kompetizzjoni tar-rikorrenti minkejja l-eżistenza ta' GECAS. Għandu jiġi konkluż li l-premessi in kwistjoni huma eżatti u rilevanti sa fejn jikkonstataw l-esklużjoni ta' wieħed mill-mezzi possibbli li permezz tagħhom il-kompetituri tar-rikorrenti jistgħu jikkompetu ma' l-istess rikorrenti.

 Is-saħħa finanzjarja ta' GE Capital

201    Il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li s-saħħa finanzjarja ta' GE Capital jibbenefika minnha l-grupp kollu ta' kumpanniji li minnu hija tifforma parti, b’mod partikolari sa fejn dawn jibbenefikaw minn klassifikazzjoni ta' solvenza "AAA" li tippermettilhom li jkollhom aċċess aktar faċli milli ghandhom il-kompetituri tagħhom għas-swieq finanzjarji (ara l-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota fil-qiegħ tal-paġna numru 32).

202    B’hekk il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tieħu konjizzjoni ta' dan l-istat ta’ fatt.

 Kunsiderazzjonijiet dwar l-eżerċizzju minn GECAS u GE Capital ta' l-influwenza tagħhom fuq il-klijenti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

203    Matul ir-raġunament tagħha, il-Kummissjoni tanalizza żewġ sitwazzjonijiet distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, dik fejn il-manifattur ta' l-ajruplan jagħżel magna waħda biex tħaddem pjattaforma ġdida u, fit-tieni lok, dik fejn l-għażla finali tal-magna ssir mill-kumpannija ta' l-ajru minn fost diversi magni ċċertifikati għall-pjattaforma multisource. Fil-fehma tagħha, fl-ewwel sitwazzjoni, hija l-influwenza eżerċitata mis-sussidjarji tar-rikorrenti fuq il-manifattur ta' l-ajruplan li għandha tiġi kkunsidrata, filwaqt li fit-tieni sitwazzjoni, hija l-influwenza tagħhom fuq il-kumpanniji ta' l-ajru li hija l-aktar rilevanti.

204    Ir-rikorrenti tirrespinġi dan ir-raġunament kollu filwaqt li ssostni, b'mod partikolari, li, bħala teorija ekonomika, mhuwiex aċċettat li xerrej li jirrappreżenta inqas minn 10% tax-xiri f'suq partikolari jista' jeżerċita influwenza kummerċjali sinjifikattiva fuq l-istess. Għaldaqstant, id-diversi eżempji u kunsiderazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward huma kompletament irrilevanti.

–       Fuq l-eżerċizzju ta' l-influwenza ta' GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha fuq il-manifatturi ta' l-ajruplani

205    F'dak li jikkonċerna l-influwenza ta' GE Capital u ta' GECAS fuq il-manifatturi ta' l-ajruplani, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-ajruplani kummerċjali kbar, fuq eżempju li jikkonċerna il-B777X (verżjoni mtawwla tal-B777) tal-Boeing. Fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti kisbet din l-esklużività permezz ta’ kombinazzjoni ta' fatturi li l-kompetituri tagħha ma setgħux jipprovdu, minkejja li kollha kemm huma kienu kapaċi teknikament li jipprovdu l-magna. Hija tinvoka f'dan ir-rigward id-dokumenti interni ta' GE li jikkonfermaw li l-offerta tal-bosta elementi li kienet rebbieħa kienet tinvolvi [...]

206    B'mod partikolari, iż-żewġ dokumenti tat-12 ta' Mejju 1999 li kienu jġibu n-numru 120 CID 000168 u 120 CID 000166 fihom, rispettivament, il-brani segwenti : "[...]" u "[...]".

207    Matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li GECAS fil-fatt "kellha rwol" fl-għażla tal-magna bil-ġett li biha hija mgħammra din il-pjattaforma ta' ajruplan, iżda hija ssostni li l-kuntratt ffirmat mir-rikorrenti u Boeing f'Ottubru 1999 ma jirriflettix il-kontenut ta' dawn id-dokumenti, partikolarment sa fejn l-ordnijiet ta' GECAS ma kinux ġew ipproċessati bħala launch orders u kellhom jiġu negozjati ulterjorment. Madankollu, il-kuntratt in kwistjoni ma tressaqx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni rrilevat, u dan mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li f'Lulju 2000, Boeing ħabbret li GECAS kellha [...], fatt li jikkorrobora l-informazzjoni li tinsab fiż-żewġ dokumenti interni msemmijin iktar ’il fuq.

208    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ġie stabbilit għas-suffiċjenza ta’ dritt li GECAS, qabel it-tpoġġija fis-suq tal-B777X tal-Boeing, intrabtet kemm jekk b'mod ġuridikament vinkolanti jew sempliċiment fuq livell kummerċjali, sabiex [...] u li dan l-impenn għen lir-rikorrenti tirbaħ il-kuntratt tal-magni bil-ġett li bihom hija mgħammra b'mod esklużiv il-pjattaforma in kwistjoni.

209    Għal dak li għandu x'jaqsam [...], ir-rikorrenti rrilevat matul is-seduta li GE Capital ma kellha ebda rwol fin-negozjati relatati ma’ dan il-proġett, [...] Din iċ-ċirkustanza mhijiex kompatibbli ma’ l-argument tal-Kummissjoni, peress li l-istess Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma allegatx li hija GE Capital li [...] L-identità tal-persuna legali fi ħdan il-grupp GE, li [...], hija irrilevanti peress li huwa paċifiku li hawn kienet involuta [...]

210    Fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat ukoll fir-rigward ta' dan l-eżempju, li GE "kienet verament iddistakkata minn [Rolls-Royce] iżda kienet ftit wara P & W f'termini ta' ordnijiet ta' magni bil-ġett għall-verżjoni klassika [tal-B777]", iżda li hija kkumpensat ir-restrizzjoni potenzjali fuq il-vantaġġ ta' l-istandardizzazzjoni billi kisbet l-esklużività fuq il-fornitura ta' magni bil-ġett għall-B777X. Għall-Kummissjoni, l-avvenimenti li wasslu lill Boeing biex tagħżel il-magna prodotta mir-rikorrenti għall-B777X juru li r-rikorrenti kienet fil-pożizzjoni, permezz tal-kontribut kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, li tirbaħ il-kuntratti b'mod esklużiv, minkejja li f'ċerti aspetti l-prodott tagħha kellu xi nuqqasijiet, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tagħhom.

211    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tafferma hija stess li hija kienet obbligata li tagħti skontijiet sostanzjali sabiex tarma l-magna tal-B777X, u dan peress li l-magna bil-ġett tagħha kienet inqas kompetittiva minn dawk ta' P & W u Rolls-Royce fuq il-verżjoni klassika ta' din il-pjattaforma. Minn dan hija tiddeduċi li l-kompetizzjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar hija intensa.

212    Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija kienet obbligata tagħti skontijiet sabiex tirbaħ il-kuntratti relatati mal-B777X, il-fatt għal fornitur ta' magni bil-ġett [...] (ara l-punt 205 iktar ’il fuq) mhuwiex l-istess bħal meta jingħataw l-iskontijiet. Fil-fatt, [...]

213    Għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti setgħet toffri kundizzjonijiet kummerċjali bħal dawk li hija pproponiet lil Boeing fil-każ in eżami jirrifletti l-indipendenza tagħha mill-kompetituri tagħha skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-impossibbiltà li hija tiżviluppa magna li tkun ugwali għal dawk tal-kompetituri tagħha ma ostakolahiex milli tirbaħ il-kuntratt. GE setgħet tiddeċiedi, fl-kuntest ta’ sejħa għal offerti li hija kienet probabbilment titlef kieku l-kwalità tal-prodott tagħha u l-prezz li jitħallas għall-konsenja kienu l-uniċi kriterji rilevanti, li kien hemm lok li ddawwar din is-sitwazzjoni permezz ta’ l-użu minn mezzi esterni għas-suq rilevanti.

214    Minn dan isegwi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspett essenzjali tal-politika kummerċjali tagħha, li r-rikorrenti setgħet taġixxi b'mod indipendenti. Kien għalhekk leġittimu għall-Kummissjoni li tikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-premessi 121 u segwenti, 162 u segwenti u 229), li l-fatt li r-rikorrenti wettqet dawn is-sagrifiċċji, u dan mhux bħal jew ta' l-inqas daqs l-istess livell bħall-kompetituri tagħha, hija turija ta' l-indipendenza kummerċjali tagħha. Fil-fatt, hija tilqa' kontra l-effetti tal-pressjoni kummerċjali eżerċitata mill-kompetizzjoni ta' P & W u ta' Rolls-Royce fil-parti l-kbira mill-possibbiltajiet kummerċjali diversi li hija għandha. Hija tista' għalhekk tippermetti li [...] mingħajr, għal daqshekk, ma ġġarrab xi effetti preġudikanti minħabba dan l-aġir.

215    Għandu jiġi mfakkar ukoll f'dan ir-rigward li s-sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, tirrigwarda s-swieq ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum, filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna prodotti li jinbiegħu f'kuntest ta' sejħiet għal offerti li joħorġu perjodikament, fejn kull wieħed jinvolvi bejgħ ta’ valur kbir u li huma kkaratterizzati b'negozjati fit-tul. F'kuntest bħal dan, bilfors ikun hemm xi konċessjonijiet finanzjarji, f'xi forma jew oħra, min-naħa tal-parteċipanti in kwantu dawn l-affarijiet jiffurmaw parti integrali minn proċess ta' negozjati bħal dan. B'hekk, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti pproponiet xi skontijiet biex tirbaħ ċerti sejħiet għal offerti mhijiex, fiha nnifisha, fil-kuntest preżenti, inkompatibbli ma' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tagħha.

216    Għandu jiġi kkunsidrat, b’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal , li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni f'dan ir-rigward, li l-fatt li r-rikorrenti rebħet sejħa għal offerti relatata ma’ l-armar tal-magna tal-B777X b'mod esklużiv, permezz tal-kontribuzzjoni tas-sussidjarji tagħha, kien indikattiv mhux tan-natura b’saħħitha tal-kompetizzjoni, imma tas-saħħa tagħha fis-suq.

217    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li GECAS aġixxiet bħala launch customer jew boost customer (premessi 133 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata), partikolarment sabiex [...], u ssostni li kieku GECAS ma aġixxietx f'din il-kwalità, l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-importanza ta' l-influwenza kummerċjali ta' GECAS ikun għalhekk żbaljat. Ir-rikorrenti ssostni li x-xhieda ta' [...] kif ukoll dik ta' [...] u ta' [...] jikkonfermaw li GECAS ma kellhiex ir-rwol tal-launch customer. Skond ir-rikorrenti, il-launch customer huwa klijent li jagħmel ordnijiet bil-quddiem li fuqhom il-manifattur ta' l-ajruplan jibbaża biex jiddeċiedi jekk jibdiex il-produzzjoni ta' l-apparat partikolari. Fil-fehma tagħha, il-kumpanniji tal-kiri ta' l-ajruplani mhumiex meqjusin, b'mod ġenerali, bħala launch customers. Il-Kummissjoni tikklassifika l-aġir ta' [...] f'dan ir-rigward bħala "kurjuż". Hija tirrileva li [...] l-ewwel indikat li kellha rwol ta' launch customer għal diversi ajruplani [...] u ta' [...] iżda li [...] tidher li sussegwentement bidlet id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett u ma rrikonoxxietx formalment din il-karatteristika li [...], minflok sempliċi parteċipanti ta’ launch customer, ħlief għal [...]

218    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat, li r-riferimenti li saru fid-deċiżjoni kkontestata għall-kunċett ta' boost customer ma jżidu xejn mar-raġunament li hemm fiha. Għalkemm il-fatt li GECAS sussegwentement ordnat xi ajruplani jista' jżid in-numru ta' ajruplani mgħammra b'magna GE fil-flotot tal-linji ta' l-ajru, dawn l-ordnijiet saru tard wisq biex jinfluwenzaw direttament l-għażla tal-manifattur ta' l-ajruplani. Huwa fil-mument meta ajruplan jibda jintuża li l-manifattur tiegħu jiddeċiedi liema magna ser tintuża għalih jew, skond il-każ, liema magni ser ikunu disponibbli fuq il-pjattaforma. Minn dan isegwi, bħala prinċipju, li GECAS ma tistax tinfluwenza l-għażla tal-magna jew tal-magni mill-manifatturi ta' l-ajruplani ħlief fil-mument li l-pjattaforma tibda tintuża.

219    Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li kemm kien opportun l-isem "launch customer", kif ukoll kemm kien utli jew inutli l-kunċett ta' "boost customer", fir-rigward tar-rwol li kellhom il-kumpanniji tal-kiri in ġenerali u li kellha GECAS b'mod partikolari fir-rigward tal-manifatturi ta' l-ajruplani huwa ta' importanza minima fil-kuntest iktar wiesa' tar-raġunament tal-Kummissjoni. Dak li huwa rilevanti f'dan ir-rigward hija l-kwistjoni dwar jekk GECAS hijiex f'pożizzjoni li tinfluwenza l-għażla tal-magna magħmula mill-manifatturi ta' l-ajruplani sabiex jarmaw b'mod konkret ċerti pjattaformi. Madankollu, mill-eżempju tal-B777X eżaminat iktar ’il fuq, jirriżulta b'mod konkret li l-intervent ta' GECAS ikkontribwixxa b'mod kunsiderevoli għall-fatt li Boeing iddeċidiet li tistabbilixxi esklużività għall-magna tar-rikorrenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li GECAS effettivament għandha dik l-influwenza kkonstata mill-Kummissjoni, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk il-manifatturi ta' l-ajruplani kkunsidrawhiex bħala “launch customer” jew “boost customer.

–       Fuq l-influwenza eżerċitata minn GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha fuq il-kumpanniji ta' l-ajru

220    Fir-rigward ta' l-influwenza eżerċitata mis-sussidjarji tar-rikorrenti fuq il-kumpanniji ta' l-ajru, il-Kummissjoni tirrileva li l-influwenza ta' GECAS tmur ħafna lil hinn mis-sempliċi fatt li hija tixtri madwar 10% ta' l-ajruplani kummerċjali kbar mibjugħin fid-dinja, peress li hija tixtri ajruplani mgħammra b'magna GE bi spekulazzjoni, jiġifieri qabel ma jkun hemm klijent finali partikolari għal dawn l-ajruplani (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata), b'mod li hija tista' "tifrex" (seed) il-bejgħ tal-magni GE għand kumpanniji ta' l-ajru żgħar, fatt dan li joħloq, iżomm u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta' GE, partikolarment minħabba l-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ l-istandardizzazzjoni eżaminata iktar ’il fuq (ara l-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata).

221    Il-Kummissjoni tinvoka f'dan ir-rigward, fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-każ ta' China Eastern, li huwa deskritt fil-punt 157 iktar ’il fuq fil-kuntest ta' l-effetti ta' l-istandardizzazzjoni. Minn parti ta’ dan ir-rapport annwali 1999 ta' GE, li huwa ċċitat fl-imsemmija premessa, jirriżulta li GECAS għenet lil din il-kumpannija f'diversi aspetti, inkluż bil-għan li tistandardizza l-flotta tagħha "f'Airbus dojoq mgħammra b'magna bil-ġett CFM[I]". Din l-istandardizzazzjoni tal-flotta li seħħet permezz ta’ l-intervent ta' GECAS tikkorrispondi mal-fenomenu tat-tifrix (seeding) deskritt mill-Kummissjoni peress li GECAS tippreferi toħloq sitwazzjoni fejn l-istandardizzazzjoni tersaq favur ix-xiri, minn kumpannija ta' l-ajru partikolari, ta’ magni minn tar-rikorrenti fil-futur. Għaldaqstant, il-parti in kwistjoni tikkorrobora l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' dan il-fenomenu.

222    Fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, u b'mod aktar partikolari fin-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 45 ta' l-istess, il-Kummissjoni semmiet eżempju dwar [...], li hija ddeskriviet fid-dettall fil-premessa 192, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-analiżi tagħha ta' P & W. Minn imejl interna tar-rikorrenti li ġiet iċċitata fl-imsemmija premessa 192, jirriżulta, b'mod partikolari, dan li ġej: "[...] L-awtur ta' l-ittra in kwistjoni awgura lilu nnifsu li dan is-suċċess kellu [...] Huwa rrileva barra minn hekk li "[...]".

223    Minn dawn l-eżempji speċifiċi jirriżulta li r-rikorrenti nnifisha tikkunsidra li, f'ċerti każijiet, is-servizzi tal-kiri li GECAS hija fil-pożizzjoni li toffri lill-kumpanniji ta' l-ajru kellhom rwol importanti konsistenti billi ppermettew lir-rikorrenti li tikseb kuntratt għall-magni ta' l-ajruplani ta' kumpannija ta' l-ajru.

224    Element ieħor, id-dokument intern ta' GECAS nru 702 CID 000080, li ssemma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li GECAS ma kellhiex għan strateġiku li tippromwovi l-magni tar-rikorrenti, huwa miktub skond kif ġej: "[...]". Dan id-dokument jikkonferma, fil-fatt, l-eżistenza ta' dan l-għan strateġiku.

225    F'dak li jikkonċerna l-kontribuzzjoni strateġika ta' GE Capital fir-rigward tal-kumpanniji ta' l-ajru, il-Kummissjoni tikkwota wkoll artiklu li hija tippreżenta bħala li huwa miktub mill-president u direttur ġenerali tar-rikorrenti fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, Jack Welch, fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata:

"U x'inhu dak li ġġib [GE] Capital lil GE? Minn naħa, klijenti prezzjużi: [GE] Capital tipprovdi finanzjament lill-klijenti tad-diviżjonijiet operattivi ta' GE, bħal ma huma Aircraft, Power Systems u Automotive, li jgħinhom jiksbu kuntratti importanti. Ir-riskju tal-falliment li għaddiet minnu Continental Airlines fl-1993 kien wieħed mill-eżempji l-aktar magħrufin ta' l-eżistenza ta' possibbli konnessjoni. Is-self mogħti minn GE Capital għen lil Continental terġa' lura fuq saqajha. Sussegwentement, Continental għamlet ordni kbira għall-ajruplani ġodda – il-maġġoranza tagħhom mgħammra b'magni bil-ġett ta' GE. Skond il-konsulent Tichy: '[GE] Capital tagħmel parti mill-mekkaniżmu li l-istrutturi industrijali ta’ GE għandhom sabiex jegħlbu l-kompetizzjoni'."

226    Ir-rikorrenti tikkonstata, f'dak li jikkonċerna ċ-ċitazzjoni ta' l-istess artiklu fir-risposta, li dan l-artiklu huwa miktub minn ġurnalista tal-magażin "Fortune". Madankollu, mingħajr ma kien hemm kontestazzjoni għal dan min-naħa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat, partikolarment fin-noti tal-qiegħ tal-paġna 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet hija stess ippubblikat l-artiklu in kwistjoni fuq is-sit ta' l-internet tagħha. Minn din il-pubblikazzjoni elettronika jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx qiegħda tikkontesta, anzi hija kienet qiegħda taċċetta l-analiżi li kienet ippreżentata hemmhekk.

227    Il-Kummissjoni tesponi sussegwentement, fil-premessi 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara l-intervent finanzjarju deskritt fiċ-ċitazzjoni in kwistjoni, Continental Airlines dejjem għażlet magni minn tar-rikorrenti kull darba li hija xtrat ajruplani kummerċjali kbar li setgħu jieħdu din il-magna. Il-Kummissjoni tiddeduċi għalhekk li s-sostenn finanzjarju mogħti minn GE Capital lil Continental Airlines jidher li kien ikkundizzjonat għall-fatt li Continental Airlines tadotta politika preferenzjali fir-rigward tal-magni bil-ġett tar-rikorrenti.

228    Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatti relatati ma' dawn l-eżempji bħala tali. Hija ma tikkummentax fuq l-eżempju ta' China Eastern, u, in kwantu jikkonċerna l-eżempju eżaminat fil-punt 222 iktar ’il fuq, hija tirrileva li fl-imejl in kwistjoni, huwa indikat ukoll li l-kampanja kummerċjali proposta kienet diffiċli ħafna. Fir-rigward ta' l-eżempju ta' Continental Airlines, ir-rikorrenti ssostni li dan kien każ iżolat u tallega li l-Kummissjoni ma tfittixx biex tistabbilixxi l-importanza jew l-impatt tal-prattika li hija tiddeskrivi. Għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-argumenti ma jħassrux l-argument tar-Kummissjoni, peress li l-istess Kummissjoni esponiet adegwatament, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rilevanza ta' dawn l-eżempji fir-rigward tar-rwol ta' GECAS u GE Capital li jippromwovu l-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar tar-rikorrenti mingħand kumpanniji ta' l-ajru.

–       Konklużjoni dwar l-influwenza eżerċitata minn GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha

229    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u fid-dawl, partikolarment, ta' l-eżempji konkreti li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni biex tagħti prova ta’ l-influwenza eżerċitata minn GE li tirriżulta mis-saħħa kummerċjali tas-sussidjarji tagħha li fil-fatt il-veraċità u r-rilevanza tagħha ma ġewx ikkontestati fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, l-ilment tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' tali influwenza għandu jiġi miċħud. B'mod partikolari, l-argumenti tagħha li huma bbażati fuq in-natura allegatament eteroġena, fir-rigward tat-teoriji ekonomiċi, ma jistgħux iwasslu għal provi sostantivi miġjubin mill-istess Kummissjoni.

 Kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċifri li jikkonċernaw l-iżvilupp tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti wara l-bidu ta' l-attività ta' GECAS ta' xiri u ta' kiri ta' l-ajruplani

230    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabblet il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq qabel il-bidu ta' l-attività ta' GECAS konsistenti fix-xiri spekulattiv (mill-1988 sa 1995) ma' dik li kellha wara din id-data (mill-1996 sa l-2000). Hija tikkonstata li, għalkemm il-bejgħ tal-magni bil-ġett ta' GE lill-kumpanniji tal-kiri, inkluża GECAS, żdied b'iktar minn 20 punt f'sehem mis-suq (jew żieda ta' aktar minn 60%), ix-xiri dirett tal-magni GE mill-kumpanniji ta' l-ajru naqas b'inqas minn 5 punti biss (jiġifieri inqas minn 10%). Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li x-xiri minn kumpanniji oħra ta' kiri u kumpanniji ta' l-ajru ma bbilanċjax ix-xiri preferenzjali ta' GECAS u li b’hekk l-attività ta' l-istess GECAS wasslet għal direzzjoni ġdida, f’termini ċari, tas-sehem mis-suq favur GE.

231    Ir-rikorrenti ġustament tirrileva li r-raġunament magħmul iktar ’il fuq ma jippermettix li jsir paragun bejn id-daqs tas-sehem mis-suq irrappreżentat mix-xiri tal-kumpanniji tal-kiri ma' dak irrappreżentat mix-xiri dirett tal-kumpanniji ta' l-ajru. Minn dan isegwi, fil-fatt, li l-Kummissjoni ma wrietx, b'referenza għal dawn l-istatistiċi, li GECAS kabbret is-sehem mis-suq globali tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

232    Ir-rikorrenti tirrileva, barra minn hekk, li ċ-ċifri li hija stess ressqet, partikolarment dawk li jinsabu fl-anness tar-rikors tagħha, jiġifieri l-analiżi tal-professur Nalebuff (anness 7.4), dwar ix-xiri kollu tal-kumpanniji tal-kiri, inkluża GECAS, juru li l-attività ta' GECAS ma kellhiex effett pożittiv fuq il-bejgħ tar-rikorrenti u li r-realtà ta’ politika preferenzjali ta' kumpens tiffavorixxi x-xiri tal-magni tal-manifatturi ta' magni, li mhumiex GE. Ir-rikorrenti tinvoka f'dan ir-rigward l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-kontroreplika tagħha, li tgħid li l-bejgħ tar-rikorrenti naqas għal [...]%, minflok [...]%, grazzi għax-xiri ta' GECAS, sabiex turi li l-Kummissjoni hija żbaljata meta tattribwixxi ż-żieda ta' sehem ir-rikorrenti mis-suq lil GECAS.

233    Għandu jiġi rrilevat li ċ-ċifri msemmijin fir-rapport tal-professur Nalebuff jirrigwardaw biss il-pjattaformi multisource li għalihom hemm għażla bejn magna CFMI/GE jew magna oħra. B’hekk dawn iċ-ċifri jeskludu l-ajruplani kollha li huma ċċertifikati li jieħdu tip wieħed ta' magna, u partikolarment il-B737, mgħammar esklużivament b'magna minn tar-rikorrenti. B'hekk, sa fejn ir-rikorrenti tirrileva li sehemha mis-suq naqas skond il-Kummissjoni nnifisha, din kienet affermazzjoni meħuda barra mill-kuntest tagħha li tirrigwarda parti biss mis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

234    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika l-għażla li l-professur Nalebuff għamel fir-rigward tat-trattament ta' l-istatistiċi, partikolarment sa fejn huwa ppreżuppona li l-għażliet li diġà saru mill-utent finali għal numru limitat ta' ajruplani jkunu riflessi fl-għażliet futuri għall-ajruplani l-oħrajn ordnati mill-kumpanniji tal-kiri li għalihom tkun għadha ma ntgħażlitx magna. Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li għas-snin l-iktar reċenti, in-numru ta' ordnijiet li għalihom għadha ma ntgħażlitx magna kien partikolarment għoli fiċ-ċifri użati mill-professur Nalebuff, ħaġa din li hija inevitabbli, iżda li tnaqqas sew il-kredibbiltà ta' dawn iċ-ċifri. Peress li kien proprju mill-paragun bejn it-tliet snin l-iktar reċenti, 1998, 1999, u 2000, għall-perijodu preċedenti, mill-1991 sa l-1997, li l-professur Nalebuff wasal għall-konklużjoni li l-kumpanniji l-oħra tal-kiri kienu rreaġixxew kontra l-preferenzi ta' GECAS, dan in-nuqqas ta' kredibbiltà jivvizzja wkoll din il-konklużjoni.

235    Għandu jiġi kkonstatat li huwa inevitabbli li jkun hemm ċerta żieda fil-proporzjon tal-magni bil-ġett immanifatturati mill-kompetituri tar-rikorrenti mixtrijin mill-kumpanniji tal-kiri, u dan sakemm ma jiġix ikkunsidrat li l-effett taċ-ċaqliq fl-ishma mis-suq li jirriżulta mix-xiri ta' GECAS huwa perfettament effikaċi fis-sens li kull magna manifatturata mir-rikorrenti u mixtrija minn GECAS tirrappreżenta bejgħ addizzjonali meta mqabbla ma’ dak li jkun inbiegħ kieku GECAS ma kinitx teżisti. Bilfors li jkun hemm domanda għall-magni bil-ġett tal-kompetituri tar-rikorrenti, fid-dawl partikolarment tal-vantaġġi derivanti mill-istandardizzazzjoni rrilevati iktar ’il fuq, peress li ċerti kumpanniji ta' l-ajru, fil-passat, kienu għażlu dawn il-magni bil-ġett. Peress li GECAS ħadet sehem sostanzjali mis-suq tal-kiri u ma tixtrix, bħala prinċipju, magni bil-ġett immanifatturati mill-kompetituri tar-rikorrenti, din id-domanda għall-magni l-oħra bilfors ser tkun assorbita mill-kumpanniji l-oħra tal-kiri.

236    Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kumpanniji tal-kiri l-oħra ser jirreaġixxu kuxjentement għall-preferenza ta' GECAS li tippromwovi l-magni bil-ġett l-oħrajn, dan huwa rilevanti biss sa fejn dawn il-kumpanniji jagħżlu huma stess il-magna għall-ajruplan. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata li, f'dak li jikkonċerna l-ordnijiet reċenti ta' ILFC, l-għażla tal-magna baqgħet, fil-parti l-kbira tal-każijiet, "għad trid ssir", u dan b'kuntrast mal-politika "GE-only" ta' GECAS, li b’hekk kienet tippermetti lill-klijenti futuri ta' ILFC, jiġifieri l-kumpanniji ta' l-ajru, li jipparteċipaw fl-għażla tal-magna bil-ġett (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata). Din iċ-ċirkustanza fattwali hija kkonfermata miċ-ċifri mressqa mir-rikorrenti nnifisha li jinsabu fir-rapport tal-professur Nalebuff.

237    B’hekk kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li s-sehem mis-suq tar-rikorrenti, imkejjel f'termini ta' bażi ta' magni bil-ġett installati, beda jmur 'il quddiem minn tmiem l-1995 (premessi 74 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness I tagħha). Madankollu, ir-rikorrenti tikkonstata li ż-żieda fil-bażijiet installati tar-rikorrenti sa mill-1995 ma tistax tiġi attribwita lil GECAS peress li, fuq din iż-żieda ta' [...] magni, [...] biss huma attribwibbli lill-ordnijiet magħmulin minn GECAS. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dawn iċ-ċifri, iżda tinvoka d-dewmien ta’ l-effett ta’ l-ordnijiet li saru wara li GECAS bdiet l-attività tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-bażi ta' magni bil-ġett installati, fejn din kienet il-kejl tas-sehem mis-suq li jiddependi fuq il-kunsinna effettiva ta' l-ajruplan, flimkien mal-magna bil-ġett li jkun ser jiġi mgħammar biha. Hija tirrileva wkoll li l-bażi ta' magni installati tar-rikorrenti żdiedet sew mill-1999, is-sena li minnha l-effett ta' GECAS seta' jibda jinħass.

238    B’hekk għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-magni mixtrijin minn GECAS jirrappreżentaw ċerta żieda fil-bażi installata tar-rikorrenti invokata fid-deċiżjoni kkontestata, u li din il-kontribuzzjoni tidher li qiegħda tikber progressivament, hija tibqa' minima. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma turix li GECAS m'għandhiex effett sinjifikattiv fuq is-saħħa tal-parteċipanti prinċipali fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Fir-realtà, u fid-dawl partikolarment tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, huwa wisq kmieni biex tiġi apprezzata l-portata ta' l-impatt ta' GECAS fuq iċ-ċifri li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-bażi ta' magni bil-ġett installati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-mument li fih GECAS bdiet tixtri kkoinċida maż-żieda ta’ sehem ir-rikorrenti fis-suq f'dak li jikkonċerna l-bażi installata, il-Kummissjoni ma tatx prova fid-deċiżjoni kkontestata li hemm konnessjoni ta' kawża u effett bejn iż-żewġ ċirkustanzi.

239    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fuq livell fattwali, li l-attività ta’ xiri li kienet qiegħda tagħmel GECAS kellha l-effett li żżid is-sehem mis-suq globali tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma rnexxielha turi li GECAS ma kellha ebda effett pożittiv fuq is-sehem mis-suq globali tar-rikorrenti, u lanqas ma wriet li l-kumpanniji tal-kiri l-oħrajn irreaġixxew għall-preferenza ta’ GECAS meta adottaw preferenza kuntrarja favur magni tal-kompetituri tagħha.

240    B’kunsiderazzjoni ta' dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li d-diskussjoni dwar l-istatistika bejn il-partijiet, eżaminata iktar ’il fuq, ma hija favur ħadd. In-nuqqas ta' korroborazzjoni ta’ statistika għar-raġunament tal-Kummissjoni għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi analizzata l-validità ta' l-istess raġunament kollu kemm hu. Madankollu, għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li l-argument kuntrarju tar-rikorrenti, li jgħid li l-attività ta' GECAS ma kellha ebda impatt fis-suq, xorta waħda ma ġiex stabbilit permezz taċ-ċifri in kwistjoni.

 Konklużjoni dwar l-integrazzjoni vertikali

241    Abbażi ta' l-elementi ta' prova invokati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet validament setgħet tikkunsidra li r-rikorrenti, minħabba l-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha, kellha għad-dispożizzjoni tagħha mezzi kummerċjali li hija kienet sfruttat, ta' l-inqas f'ċerti każijiet, biex tirbaħ il-kuntratti li hija probabbilment ma kinitx tirbaħ mingħajr l-intervent tagħhom. Fil-fatt, f'ċerti każijiet, GECAS u/jew GE Capital kellhom rwol determinanti fl-għażla tal-magna mill-manifattur ta' l-ajruplani jew mill-kumpannija ta' l-ajru. Barra minn hekk, id-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni jistabbilixxu illi r-rikorrenti għandha politika kummerċjali konsistenti fl-użu ta' dan il-poter biex iżżid is-saħħa tagħha fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

242    Il-fatt li l-Kummissjoni ma rnexxielhiex tipprova, permezz ta’ informazzjoni bbażata fuq l-istatistika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-użu ta' dan il-poter mir-rikorrenti kellu impatt pożittiv fuq sehemha globali fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar ma jippreġudikax l-argument tagħha fuq l-influwenza kummerċjali eżerċitata minn GECAS. Peress li l-Kummissjoni uriet, f'każijiet speċifiċi, li r-rikorrenti użat intenzjonalment l-opportunitajiet kummerċjali li jirriżultaw mill-attività ta' GECAS u s-saħħa finanzjarja ta' GE Capital biex tippromwovi l-magni bil-ġett tagħha, u li din il-politika tat il-frott tagħha, hija tat prova għas-suffiċjenza ta’ dritt l-analiżi tagħha fir-rigward tal-fatt li l-użu ta' din is-saħħa kummerċjali jikkontribwixxi għall-pożizzjoni dominanti tagħha.

d)     Is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

243    Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li r-rikorrenti kellha l-kapaċità li telimina kull kompetizzjoni effettiva min-naħa ta' P & W u Rolls-Royce fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 109 iktar ’il fuq). Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn turi li din l-eliminazzjoni kienet il-konsegwenza tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq dan is-suq sabiex tistabbilixxi li din il-pożizzjoni kienet pożizzjoni dominanti (ara l-punt 114 iktar ’il fuq). Fil-fatt, għalkemm tali konsegwenza tkun il-manifestazzjoni l-iktar estrema ta' l-eżistenza ta' din il-pożizzjoni, mhux bilfors li tirriżulta minn hekk. B'hekk, dan l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq l-allegat nuqqas ta' provi ta' din l-esklużjoni, huwa irrilevanti fil-kuntest preżenti.

244    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 164, li r-rikorrenti rnexxielha tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha f'għaxra mit-tnax l-aħħar pjattaformi li għalihom il-manifatturi ta' l-ajruplani kienu offrew l-esklużività. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni rrilevat f'dan ir-rigward li r-rikorrenti rebħet is-sejħiet għal offerti għall-pjattaformi li fihom hija kienet ipparteċipat. Ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi billi sostniet, bil-kontra, li l-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni hija ħaj

245    Ir-rikorrenti tirrileva, korrettament, li bosta minn dawn il-pjattaformi ma kinux pjattaformi ta' ajruplani kummerċjali kbar, iżda pjattaformi ta' ajruplani reġjonali kbar jew żgħar. Peress li l-Kummissjoni identifikat tlett iswieq distinti li jikkorrispondu għal dawn it-tliet kategoriji ta' ajruplani, sabiex tevalwa l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti, iċ-ċifra invokata f'dan ir-rigward hija minnha nnifisha irrilevanti għal kull wieħed minn dawn it-tlett iswieq, partikolarment għal dak tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

246    Bl-istess mod, l-eżempju invokat mir-rikorrenti biex turi li hija ma rebħitx is-sejħiet għall-offerti kollha li kienu jinvolvu l-esklużività li fihom hija pparteċipat jirrigwarda ajruplan reġjonali żgħir, l-ERJ-145. Dan l-eżempju huwa għalhekk irrilevanti għall-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni ma anlizzatx dan is-suq fid-deċiżjoni kkontestata.

247    Matul is-seduta, ir-rikorrenti analizzat l-erba' sejħiet għal offerti l-iktar reċenti għall-magni ta' l-ajruplani kummerċjali kbar. Hija ssostni li għall-Airbus A318, fil-bidu kien hemm magna waħda, dik ta' P & W, li ġiet iċċertifikata, u sussegwentement ġiet iċċertifikata magna oħra ta' CFMI. Wara l-falliment tan-negozjati bejn GE u Airbus għall-magni ta' l-A340 500-600, l-Airbus tat l-esklużività lil Rolls-Royce. Fir-rigward ta' l-A380, iż-żewġ magni li ġew iċċertifikati huma dawk ta' Rolls-Royce u ta' Engine Alliance, u fl-aħħar nett, ir-rikorrenti rebħet is-sejħa għal offerti relatata ma’ B777X minkejja l-kompetizzjoni b’saħħitha ta' Rolls-Royce. Minn dawn l-eżempji meħudin flimkien, ir-rikorrenti tiddeduċi li hija m’għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

248    Għal dak li jikkonċerna speċifikament l-eżempju rigwardanti l-magna ta' l-A340 500-600, il-Kummissjoni eżaminat is-sejħa għal offerti in kwistjoni fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata fejn tirrileva li [...] Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan il-fatt imma tirrileva li [...] Madankollu, [...] dan l-argument ma jippreġudikax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ssostni li dan l-eżempju jirrifletti l-pożizzjoni dominanti ta' GE.

249    B'mod aktar ġenerali, l-erba' sejħiet għal offerti diskussi mir-rikorrenti fis-seduta ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fir-rigward ta' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti. Minn dawn l-eżempji jirriżulta li fis-suq tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar kien hemm fil-fatt ċerta kompetizzjoni. Madankollu, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li tkun teżisti ċerta kompetizzjoni fis-suq mhuwiex inkompatibbli ma' l-idea li wieħed mill-kompetituri li jkun preżenti fuq dak is-suq ikollu mezzi biex jaġixxi sostanzjalment b'mod indipendenti mill-kompetituri tiegħu. Fil-fatt, l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti mhijiex l-istess bħall-monopolju; għadaqstant, il-fatt li l-kompetituri ta' l-impriża dominanti jkunu rebħu xi kuntratti mhuwiex biżżejjed minnu nnifsu biex jannulla l-konklużjoni li dik l-impriża għandha pożizzjoni dominanti.

250    Bl-istess mod, il-konstatazzjonijiet magħmulin fil-punti 244 u 245 iktar ’il fuq fir-rigward tal-fatt li ċerti affermazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata huma irrilevanti mhumiex determinanti fl-iskema ġenerali ta' l-analiżi tal-pożizzjoni dominanti li r-rikorrenti diġà kellha qabel fis-suq in kwistjoni. Għaldaqstant, dawn l-istess konstatazzjonijiet ma jħassrux il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' din il-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti minn qabel.

e)     In-nuqqas jew dgħjufija tal-pressjoni kompetittiva u kummerċjali

 Il-pressjoni eżerċitata mill-kompetituri

251    F'dak li jikkonċerna l-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sehem mis-suq ta' P & W fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar qiegħed jiċkien b’mod ineżorabbli (premessi 174 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata) u li Rolls-Royce, teknikament, hija kompetitur formidabbli iżda li [...], fid-dawl partikolarment tad-daqs żgħir tagħha fil-konfront tar-rikorrenti (premessi 196 sa 223).

252    Ir-rikorrenti tirrileva li, fid-deċiżjoni Engine Alliance, il-Kummissjoni kkunsidrat li P & W u Rolls-Royce kienu kompetituri serji u vijabbli tar-rikorrenti. Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li la l-Kummissjoni, u a fortiori, lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza m'huma marbutin f’dan il-każ mill-konstatazzjonijiet magħmulin fid-deċiżjoni Engine Alliance (ara l-punti 118 u 120 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Għandu jiġi rrilevat li l-analiżi ta’ relazzjoni ta’ saħħa bejn id-diversi impriżi li huma f’kompetizzjoni fis-suq, fi prinċipju toħroġ minn evalwazzjoni ekonomika kumplessa li fiha l-Kummissjoni għandha marġni ta' diskrezzjoni (ara, b'mod partikolari, il-punti 60 u segwenti iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

254    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tiċħadx li l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni min-naħa ta’ P & W fuq is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

–       Fuq il-pożizzjoni ta' P & W

255    Speċifikament fir-rigward ta' P & W, il-Kummissjoni tressaq elementi ta' prova dokumentali kif ukoll ċifri li minnhom jirriżulta li l-magni mmanifatturati minn dan il-manifattur tal-magni huma mgħammra prinċipalment fuq ajruplani li m'għadhomx fi produzzjoni u li sehemha mis-suq qiegħed jiċkien.

256    Dan it-tnaqqis relattiv huwa rifless, b'mod partikolari, fil-fatt li sehemha mis-suq għall-bażi installat ta' magni fuq ajruplani li m'għadhomx fi produzzjoni huwa ogħla minn sehemha mis-suq għall-bażi ta' magni installati għall-ajruplani li għadhom fi produzzjoni (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, sehemha mis-suq għall-bażi ta' magni installati għall-ajruplani li għadhom fi produzzjoni (26.5%) huwa ogħla minn sehemha mis-suq f'dak li jikkonċerna l-magni li huma ordnati, li huwa ta' 16% biss.

257    Il-Kummissjoni tinvoka, b'mod partikolari, l-affermazzjonijiet magħmulin mill-President ta' UTC, li hija l-parent company ta' P & W, fit-22 ta' Settembru 1999 u li ġew rappurtati f'nota interna minn impjegat tar-rikorrenti, fejn jingħad li fil-preżent hemm aktar magni minn ta' P & W li qegħdin jiġu rtirati mis-servizz milli magni ta' manifatturi oħra u li nofs l-450 ajruplan "stazzjonat" (parked) fl-1999 kienu mgħammra biha (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond ir-rapport annwali ta' UTC tas-sena 2000, id-dħul ta' P & W naqas b'202 miljun dollaru, jiġifieri 3% bejn 1998 u 1999, li jirrifletti t-tnaqqis fil-kunsinni ta' magni ċivili u militari u t-tnaqqis fil-volum ta' partijiet għall-bdil kummerċjali, li huwa kkumpensat parzjalment, b'mod partikolari, bit-tkabbir fl-attività tat-tiswija kummerċjali (premessa 181). Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li [...]

258    Il-Kummissjoni tkompli biex tgħid fil-premessi 185 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata li jidher li [...]. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li l-attivitajiet indipendenti ta' P & W ser ikunu fil-futur iffokati essenzjalment fuq swieq oħra tal-magni li mhumiex dawk tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

259    Ir-rikorrenti ma tikkontestax direttament l-elementi fattwali mqajmin f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni, iżda tirrileva li P & W qiegħda tkompli tinvesti biex ittejjeb il-magni tagħha u pparteċipat flimkien mar-rikorrenti fl-Engine Alliance sabiex tiżviluppa magna kompletament ġdida biex tintrama fuq l-A380 u l-B747-400. Hija tirrileva wkoll li l-bejgħ tal-magni ta' P & W mgħammra fuq l-A318 jissupera dak tal-magna alternattiva CFMI fuq din il-pjattaforma. Għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm jindikaw effettivament li P & W qiegħda tkompli tkun attiva fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, ma jippreġudikawx l-argument tal-Kummissjoni.

260    Żgur li, kif tirrileva r-rikorrenti, b'referenza għaċ-ċitazzjoni fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata [...], teżisti kompetizzjoni bejnha u bejn P & W f'ċerti swieq li okkażjonalment tista' wkoll tkun intensa. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp u l-livell tas-sehem mis-suq ta’ P & W jenfasizzaw kemm din il-kompetizzjoni hija limitata; u l-fatt, li ġie rrilevat iktar ’il fuq, li r-rikorrenti xorta rebħet il-kuntratt in kwistjoni, grazzi b'mod partikolari għall-intervent ta' GECAS, minkejja l-kunsiderazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, huwa iktar sinjifikattiv mill-fatt li kien hemm kompetizzjoni għal dak il-kuntratt. Kif irrileva l-awtur ta’ l-imejl iċċitata fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, "[...] u dan l-eżempju juri b'mod konkret il-possibbilà ta’ koeżistenza bejn ċerta kompetizzjoni u s-saħħa predominanti ta’ wieħed mill-kompetituri.

261    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni setgħet korrettement tikkonkludi fil-premessa 194, partikolarment fuq il-bażi taċ-ċifri u tal-provi dokumentali li hija tinvoka espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata, li P & W ma kinitx għadha kompetitur dirett u indipendenti li jiflaħ għal GE u dan fir-rigward tal-parti l-kbira tas-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

–       Fuq il-pożizzjoni ta' Rolls-Royce

262    Fir-rigward ta' Rolls-Royce, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tesponi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fir-rigward tar-rikorrenti hija affettwata minn [...] (premessi 196 u segwenti).

263    Il-Kummissjoni tinvoka, b'mod partikolari, ittra elettronika mibgħuta mill-president ta' GECAS, fejn ġie affermat [...] (premessi 200 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata).

264    Il-Kummissjoni tagħmel referenza wkoll għal dokument intern [...] (premessa 205).

265    Skond il-Kummissjoni, [...] Rolls-Royce kienet obbligata li tirrikorri għal finanzjament estern biex tiżviluppa magni ġodda permezz tal-programm ta' qsim tar-riskji u dħul ("RRSP"). Hija tinvoka f'dan ir-rigward il-kummenti ta' l-analisti finanzjarji ta' Schroder Salomon Smith Barney fejn jingħad li dawn il-programmi saru importanti ħafna għal Rolls-Royce. Skond l-analiżi tad- Deutsche Bank, huwa inkwetanti l-fatt li madwar 60% tat-tkabbir tal-profitt nett qabel l-interessi u t-taxxi ta' Rolls-Royce ġej minn programmi RRSP, liema programmi mhumiex wisq prevedibbli, u tirrileva li t-tibdil mistenni fiċ-ċaqliq kapitali minħabba dawn il-programmi ser jeżerċita pressjoni dejjem akbar fuq l-attività fit-tul ta' Rolls-Royce, minħabba li l-ordnijiet mistennija għandhom jonqsu wara l-2001 (premessi 201 sa 203 tad-deċiżjoni kkontestata).

266    Il-Kummissjoni tesponi li [...] (premessi 211 sa 214).

267    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva f'dan il-kuntest li r-rikorrenti hija l-"fornitur regolari" ta' numru kbir ta' kumpanniji ta' l-ajru, fis-sens li l-magni tagħha jirrappreżentaw iktar minn 60% tal-bażi ta' magni installati fuq l-ajruplani li għadhom fi produzzjoni (premessi 215 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tiċċita, fil-premessa 218 tad-deċiżjoni, l-affermazzjoni ta' Rolls-Royce innifisha fejn jirriżulta li [...]

268    Ir-rikorrenti ssostni li Rolls-Royce hija kompetitriċi teknikament qawwija ħafna u hija tirrileva li, fid-deċiżjoni Engine Alliance, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija "[kienet] tara l-parti mis-suq tagħha jmur 'il quddiem u hija [kienet] mgħammra bil-kapaċitajiet adegwati biex tiżviluppa magni ġodda u verżjonijiet ibbażati fuq il-magni eżistenti". Ir-rikorrenti tikkunsidra, b'mod partikolari, li huwa assurd li jiġi invokat il-fatt li [...], filwaqt li din iċ-ċirkustanza tirrifletti fil-fatt is-suċċess kummerċjali sostanzjali ta' Rolls-Royce.

269    Għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imressqa f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li l-attività ta' produzzjoni ta' magni għall-ajruplani kummerċjali kbar ta' Rolls-Royce effettivament sejra tajjeb kummerċjalment u m'għandhiex xi diffikultajiet immedjati fuq livell kummerċjali jew finanzjarju. Barra minn hekk, huwa korrett li jingħad li l-fatt [...] huwa, bħala prinċipju, sinjal tas-suċċess kummerċjali u indikazzjoni ta' stabbiltà finanzjarja.

270    Madankollu, il-Kummissjoni ma ċaħditx is-suċċess kummerċjali ta' Rolls-Royce fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, hija ma kkunsidratx il-fatt [...] kien fattur ta' djgħufija kummerċjali kif tallega r-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li, minkejja l-kwalitajiet tagħha, din il-kumpannija [...] u, allura, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala xi kontrapiż adegwat fis-suq ta' l-ajruplani kummerċjali kbar in ġenerali sabiex timpedixxi lir-rikorrenti milli taġixxi sostanzjalment, b'mod indipendenti.

271    Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li [...] (premessi 211 sa 213 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti, fin-noti tagħha, ma tikkontestax il-materjalità ta' l-elementi li fuqhom hija bbażata din l-analiżi, u tillimita ruħha biex tirrileva li [...] għandu jiġi rrilevat, madankollu, li dan ir-raġunament jikkonferma l-konklużjoni speċifika tal-Kummissjoni, fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad [...]

272    Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' Rolls-Royce, mir-raġunament tal-Kummissjoni mfakkar fil-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq jirriżulta, [...] u li l-mod li bih hija ffinanzjat il-proġetti l-iktar reċenti tagħha, jiġifieri permezz ta’ rikors għall-RRSP, ser ikollu impatt negattiv fuq id-dħul tagħha fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni invokat, in sostenn ta' din il-parti ta' l-argument tagħha, l-affermazzjonijiet ta' l-analisti finanzjarji indipendenti li jirrigwardaw speċifikament il-konsegwenzi li ħalla fuq Rolls-Royce il-fatt li hija ffinanzjat il-proġetti tagħha b'dan il-mod. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tillimita ruħha biex tirrileva li Rolls-Royce hija ġeneralment fi stat kummerċjali tajjeb mingħajr ma tispjega f'liema aspetti l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda [...] ta' Rolls-Royce hija żbaljata.

273    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li hija rrilevat, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata li "għalkemm hija fornitur kapaċi ħafna mill-lat tekniku, il-kumpannija [Rolls-Royce] ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti fis-sejħa għal offerti kredibbli għall-magni kollha fis-swieq kollha u, partikolarment, biex tirbaħ l-esklużività fil-qasam tal-magni bil-ġett".

 Il-pressjoni eżerċitata mix-xerrejja

274    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tesponi r-raġunijiet għaliex Boeing u Airbus m'għandhomx saħħa ta' xiri kompensattiva, meta dawn huma l-uniċi żewġ manifatturi ta' ajruplani kummerċjali kbar u lanqas min-naħa tal-kumpanniji ta' l-ajru (premessi 224 sa 228).

275    Fis-sustanza, il-Kummissjoni tirrileva li numru kbir ta' kumpanniji ta' l-ajru jiddependu mir-rikorrenti minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur dominanti tal-flotta tagħha. Hija tirrileva, barra minn hekk, li d-domanda li ġejja mill-kumpanniji ta' l-ajru li huma l-utenti finali tal-magni hija maqsuma minħabba li ebda kumpannija ma tirrappreżenta individwalment iktar minn 5% tax-xiri (premessa 226), konstatazzjoni din li r-rikorrenti ma tikkontestax.

276    Fir-rigward tal-manifatturi ta' l-ajruplani, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti għandha influwenza kbira fuqhom permezz tal-klijenti tagħhom, u dan minħabba s-sehem li għandha mill-bażi installata tal-flotta tagħhom. Hija tfakkar f'dan il-kuntest li GECAS tista "tibda" d-domanda għall-ajruplani mgħammra b'magna minn tar-rikorrenti fost il-kumpanniji ta' l-ajru u li GE Capital u GECAS setgħu influwenzaw ukoll direttament l-għażla għall-magna tagħhom (premessa 228).

277    Ir-rikorrenti tikkritika dan f'żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, hija tirrileva li, fid-deċiżjoni tagħha Allied Signal vs Honeywell, il-Kummissjoni kkonstatat li Boeing u Airbus huma xerrejja b'saħħithom u f'din id-deċiżjoni, kif ukoll fid-deċiżjoni EADS, ikkonstatat li l-kumpanniji ta' l-ajru għandhom saħħa sinjifikattiva bħala xerrejja. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward, bħalma tirrileva l-Kummissjoni, li s-saħħa tax-xerrejja kkonstatata fid-deċiżjonijiet in kwistjoni kienet teżisti fir-rigward ta' kumpanniji oħra bħal fil-każ tar-rikorrenti, fir-rigward ta' prodotti oħrajn. Madankollu peress li l-Kummissjoni tistrieħ, f'dan ir-rigward, fuq vantaġġi li huma speċifiċi għar-rikorrenti u għas-sitwazzjoni speċifika tagħha fis-suq tal-magni bil-ġettijiet, dan l-argument huwa irrilevanti fil-każ preżenti.

278    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li la Boeing u lanqas Airbus ma opponew il-konċentrazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta' tali oppożizzjoni hija rrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx f'pożizzjoni dominanti qabel l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni. Dan in-nuqqas ta' kontestazzjoni jista' jsib spjegazzjoni f'diversi raġunijiet differenti u partikolarment fl-ipoteżi, imressqa mill-Kummissjoni matul is-seduta, li Boeing u Airbus m'għandhomx xi interess partikolari sabiex inaqqsu l-prezz tal-magni in kwantu t-tnejn li huma huma ugwalment affettwati bil-livell relattivament għoli tal-prezzijiet. Minbarra dan, il-fatt li jingħata piż wisq importanti għall-fatt li ma kienx hemm din l-oppożizzjoni jista' jitqies bħala li qiegħed jiġi kkunsidrat li l-klijenti ta' impriża jistgħu jistabbilixxu, permezz ta' xi kontroll privat fuq il-konċentrazzjonijiet, jekk il-fornitur tagħhom huwiex f'pożizzjoni dominanti fuq suq partikolari.

279    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda. F'dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ta' iktar ’il fuq dwar il-pożizzjoni ta’ saħħa tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta' fatt, u lanqas ma wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li Boeing, Airbus u l-kumpanniji ta' l-ajru ma eżerċitaw ebda pressjoni kummerċjali fuq ir-rikorrenti tali li tista' tippreġudika l-konklużjoni tagħha fuq l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti.

f)     Konklużjoni fuq il-pożizzjoni dominanti

280    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, li GE kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar qabel il-konċentrazzjoni.

C –  Fuq is-sovrapożizzjoni vertikali

1.     L-argumenti tal-partijiet

281    Ir-rikorrenti tikkunsidra, f'dak li jikkonċerna l-punt tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-sovrapożizzjoni vertikali magħmula mill-assoċjazzjoni li tirriżulta mill-fużjoni ta' starters għall-magni bil-ġett ta' Honeywell u l-magni bil-ġett ta' GE, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li Honeywell tipprovdi l-istarters tagħha lill-manifatturi tal-magni li huma kompetituri ta' GE. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għall-esklużjoni tal-kompetituri ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li starter jirrappreżenta biss 0.2% tal-prezz tal-magna.

282    Ir-rikorrenti żżid tgħid, fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet ta' Rolls-Royce u ta' Rockwell, kif ukoll matul is-seduta, li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi li kellha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni skond l-Artikolu 82KE, u dan skond is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq.

283    Fir-rigward ta' l-impenji relattivi għall-istarters, GE pproponiet li tassenja l-attività ta' Honeywell fil-produzzjoni ta' starters għall-magni ta' l-ajruplani. L-oġġezzjonijiet imqajma kontra dan l-impenn fid-deċiżjoni kkontestata huma totalment infondati.

284    Il-Kummissjoni, kif sostnuta minn Rolls-Royce, tfakkar, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-suq, li Honeywell hija l-unika fornitriċi indipendenti u kredibbli ta' l-istarters għall-ajruplani kummerċjali kbar, u li l-inkorporazzjoni tagħha fl-istess impriża bħala l-fornitur dominanti tal-magni bil-ġett tippermetti lill-entità li tirriżulta mill-fużjoni li tadotta aġir indipendenti li ma kienx possibbli qabel. Il-Kummissjoni tinnota, ukoll, li l-kritika tar-rikorrenti dwar ir-rifjut ta' l-impenji rigwardanti dan is-suq huma limitati għal sempliċi allegazzjonijiet.

285    Rolls-Royce tenfasizza, partikolarment, li l-istarters jikkostitwixxu komponent essenzjali ta' kull magna bil-ġett u li l-entità amalgamata tkun tista’, sussegwentement għall-konċentrazzjoni, tikseb dan il-komponent b’ kundizzjonijiet aktar favorevoli. Għal Rolls-Royce, ikun finanzjarjament u teknikament diffiċli li tagħżel fornitur ieħor li mhuwiex Honeywell.

2.     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

286    Fil-premessi 331 sa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-pożizzjoni ta' Honeywell fid-diversi swieq ta' ċertu numru ta' aċċessorji u ta' ordnijiet għall-magni bil-ġett. B'mod partikolari, hija rrilevat li Honeywell kellha sehem mis-suq ta' [50% sa 60%] fis-suq ta' wieħed minn dawn il-prodotti, jiġifieri l-istarters tal-magni, Kamilton Sundstrand, is-sister company ta' P & W, li hija t-tieni manifattur b'sehem ta' [40 sa 50]%, f'termini ta' volum ta' produzzjoni (premessi 337 u 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

287    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkunsidratx li l-konċentrazzjoni kellha bħala konsegwenza l-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' Honeywell fuq dan is-suq.

288    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata li, "indipendentement mill-konsegwenzi li joħorġu mill-offerti ta' ġabra ta' prodotti, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni maħsuba ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' GE fis-suq tal-magni bil-ġett [ta' l-ajruplani kummerċjali kbar] minħabba l-esklużjoni vertikali tal-manifatturi tal-magni kompetituri li tirriżulta mir-relazzjoni vertikali bejn GE bħala produttur tal-magni u Honeywell bħala l-[fornitur] ta' starters lil GE u lill-kompetituri tagħha". Fil-fehma tagħha: "Wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni maħsuba, l-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni tkun inċentivata li tittardja jew li tfixkel il-fornitura ta' starters ta' Honeywell għall-manifatturi tal-magni kompetituri, ħaġa din li ser tippreġudika l-fornitura, id-distribuzzjoni, il-profitabbiltà u l-kompetittività tal-manifatturi tal-magni kompetituri ta' GE. Bl-istess mod, hija tista' żżid il-prezzijiet ta' l-istarters jew ta' l-[i]spare parts tagħhom, b'mod li b'hekk iżżid l-ispejjeż għall-manifatturi tal-magni kompetituri u tnaqqas aktar il-kapaċità tagħhom biex jikkompetu ma’ l-imsemmija entità." (Premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata).

289    Sussegwentement il-Kummissjoni ċaħdet id-diversi argumenti mressqin mir-rikorrenti sabiex tħassar l-analiżi tagħha. Hija tirrileva b'mod partikolari li Hamilton Sundstrand tipproduċi fil-preżent starters esklużivament għall-magni ta' P & W u tafferma li m'għandhiex interess kummerċjali tbiegħ l-[i]starters tagħha lill-manifatturi ta' magni oħra, anki f'każ li jkun hemm żieda fil-prezzijiet (premessi 338 u 421). Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li Hamilton Sundstrand m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kompetitur ta' Honeywell (premessa 338). Il-Kummissjoni tikkonstata li m'hemmx kompetitur ieħor li huwa kapaċi li jeżerċita pressjoni kompetittiva effettiva fuq l-impriża ta' Honeywell fis-suq u li l-ostakli għad-dħul fis-suq huma sinjifikattivi, b'mod li l-possibbiltà ta' dħul ġdid fis-suq lanqas m'hija xi restrizzjoni reali (premessa 422 u 423).

290    Minbarra dan, il-Kummissjoni teżamina l-allegazzjoni, magħmula fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, li l-kuntratti konklużi minn Honeywell jevitaw ir-riskju li hija tirrifjuta li tipprovdi l-[i]starters tagħha lil ċerti klijenti, jiġifieri li tirtira mis-suq bħala fornitriċi għal terzi persuni. Hija tiċħad li din ir-restrizzjoni kienet effikaċi, u tirrileva li, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, rifjut ta’ bejgħ min-naħa ta’ Honeywell iwassal għal tfixkil u spejjeż sostanzjali għall-manifatturi tal-magni kompetituri ta' GE, partikolarment peress li "dawn il-kontrolli kuntrattwali rigorużi li jillimitaw il-possibbiltà ta' xi parti jew oħra milli teskludi l-kompetituri mingħajr raġuni valida huma karatteristiċi ta' programmi ta' magni reċenti, filwaqt li l-programmi aktar qodma ma fihomx dawn id-dispożizzjonijiet" (premessa 424).

291    Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argument li, minkejja s-sehem mis-suq li għandha Honeywell għall-istarters tat-turbini li jaħdmu bl-arja, sa issa ma kienx hemm kompetituri li ġew esklużi mis-suq, u kkonstatat f'dan ir-rigward li dawn il-magni żgħar huma s-suġġett ta' kuntratti ta' esklużività b'mod li l-inċentivi sabiex jiġu esklużi l-kompetituri minn dan is-suq huma ċertament inqas qawwijin minn dawk li jkollha l-entità li tirriżulta mill-fużjoni għall-pjattaformi ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, li għalihom jistgħu jiġu ċċertifikati diversi magni bil-ġett (premessa 425 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument li l-[i]starters jistgħu wkoll jiġu forniti direttament lill-manifatturi ta' l-ajruplani u li kull rifjut ta’ fornitura lill-manifatturi tal-magni tkun tista’ tiġi evitata billi jsiru ordnijiet ta' starters direttament mill-manifatturi ta' l-ajruplani, il-Kummissjoni tirrileva li l-parti l-kbira ta' starters jinbiegħu lill-fornitur tal-magni sabiex jiġu integrati fil-magni finali kkonsenjati lill-manifattur ta' l-ajruplani (premessa 426 tad-deċiżjoni kkontestata).

292    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestax, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni, għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata u riprodotti fil-punti preċedenti, ta' l-argumenti mressqin fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Għall-finijiet tal-proċedura preżenti, jeħtieġ għalhekk li dawk ir-raġunijiet jiġu ttrattati li jiġġustifikaw, bħala prinċipju, dik iċ-ċaħda. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha l-obbligu li teżamina l-argumenti tar-rikorrenti miġburin fil-punti 281 sa 283 iktar ’il fuq.

293    L-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti li r-rikorrenti kellha qabel fuq is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar huwa fondat, b'mod partikolari, fuq il-fatt li, sussegwentement għall-konċentrazzjoni, l-entità amalgamata tkun inċentivata "iddewwem jew tfixkel il-provvista ta' starters ta' Honeywell għall-manifatturi tal-magni kompetituri" u li tkun fil-pożizzjoni li tgħolli l-prezz. Hija rrilevat ukoll, fil-kuntest taċ-ċaħda tagħha dwar l-argumenti dwar il-limitazzjonijiet kuntrattwali li jirrestrinġu r-rifjut ta' Honeywell milli tbiegħ, li dan ir-rifjut, fil-prattika jwassal għal tfiixkil u spejjeż sostanzjali lill-manifatturi tal-magni kompetituri.

294    Huwa paċifiku li l-aċċessorji u l-ordnijiet għall-magni bil-ġett ta' Honeywell, li jinkludu l-[i]starters tagħha, huma użati fuq numru sinjifikattiv ta' magni tal-kompetituri tagħha, partikolarment f'dawk ta' Rolls-Royce. Fid-dawl tal-politika kummerċjali tal-kompetitur prinċipali ta' Honeywell (Hamilton Sundstrand), li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, u li tikkonsisti fil-fatt li ma tibqax tbiegħ l-[i]starters tagħha fis-suq, Rolls-Royce issa tiddependi fuq Honeywell, u s-sehem mis-suq ta' [50 sa 60]% ta' Honeywell b’hekk ma jirriflettix b’mod adegwat il-portata ta' l-influwenza kummerċjali eżerċitata mill-istess Honeywell fil-konfront ta' Rolls-Royce. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fil-premessa 425, li l-fatt li spiss ikun hemm għażla ta' magna għall-ajruplani kummerċjali kbar, b’differenza ta' l-inġenji ta' l-ajru mgħammra b'turbini ta' l-arja, jagħti lok għal inċentiva partikolari għall-manifatturi tal-magni, li jeskludu lill-kompetituri tagħhom fl-immedjat, inċentiva din li ma teżistix f'kuntesti oħra.

295    L-effetti tal-konċentrazzjoni in kwistjoni f'din il-parti tas-sentenza mhumiex effetti ta' konglomerat sa fejn jirriżultaw minn relazzjoni vertikali diretta, bejn fornitur u klijent. Madankollu, mid-deskrizzjoni mogħtija iktar ’il fuq u partikolarment mill-punt 293 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni derivanti minn din ir-relazzjoni jiddependu fuq l-aġir futur ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni, li mingħajrhom dan l-aspett tal-fużjoni ma jkollu ebda konsegwenza dannuża. B’hekk kien obbligu tal-Kummissjoni li tressaq prova konvinċenti fir-rigward tal-probabbiltà ta’ dan l-aġir (ara, b'analoġija, is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 hawn fuq, u l-punti 65 u segwenti iktar ’il fuq).

296    F'ċerti każijiet, dawn il-provi jistgħu jsiru bi studji ekonomiċi li jistabbilixxu l-iżvilupp li jista' jseħħ fis-sitwazzjoni tas-suq u li jindikaw l-eżistenza ta’ inċentiva għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni biex taġixxi b'xi mod speċifiku. Kif tirrileva r-rikorrenti, il-Kumissjoni ma ressqitx dawn il-provi fil-każ preżenti.

297    Għandu jiġi mfakkar, madankollu, li peress li l-prinċipju li jipprevalixxi fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-libera amministrazzjoni tal-provi (ara, f'dan is-sens, il-konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf li kien aġixxa bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, 869 u 954, u l-ġurisprudenza ċċitata), in-nuqqas ta' dan it-tip ta' provi mhuwiex fih innifsu deċiżiv. B'mod partikolari, f'sitwazzjoni fejn ikun ċar li l-interess kummerċjali ta' impriża tkun ixxaqleb b’mod predominanti favur aġir partikolari, bħalma huwa l-użu ta’ possibbiltà li tfixkel l-impriża ta' xi kompetitur, il-Kummissjoni ma tagħmilx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li huwa probabbli li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tadotta dan l-aġir. F'każ bħal dan, is-sempliċi realtajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-każ in eżami jistgħu jikkostitwixxu l-provi sodi mitluba mill-ġurisprudenza.

298    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, ikkonstatat l-eżistenza ta’ offerta kkonċentrata ħafna fis-suq ta' l-istarters li jagħmlu lir-rikorrenti u lill-kompetituri tagħha, b'mod partikolari Rolls-Royce, fil-parti l-kbira dipendenti fuq Honeywell u, fit-tieni lok il-ħolqien ta' struttura kummerċjali integrata vertikalment li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u li tgħaqqad l-attività ta’ produzzjoni ta' komponent essenzjali (l-[i]starter) ma' l-attività ta’ produzzjoni tal-prodott lest li jiġi mibjugħ fis-suq li dejjem qed jonqos, fejn diġà hemm teżisti pożizzjoni dominanti. Abbażi ta' dawn il-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-interess kummerċjali ta' l-entità amalgamata, u dan irrispettivament mill-obbligi ġuridiċi li jistà jkollhom impatt f'dan ir-rigward, jista' jwassalha li tuża’ l-poter tagħha ta' fornitrici waħdanija, f'ċerti każijiet, ta' komponent li ma jiswiex flus relattivament iżda li huwa essenzjali għall-funzjonament tal-magni bil-ġett, sabiex tfixkel il-produzzjoni tal-magni bil-ġett tal-kompetituri tagħha.

299    L-analiżi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward hija konvinċenti, anki fin-nuqqas ta' studji ekonomiċi, peress li jidher ċar li l-aġir previst, li kien ser jippermettilha li tippreġudika b'mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri tagħha, kien ikun fl-interess kummerċjali ta' l-entità amalgamata. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-[i]starter ma jirrappreżentax ħlief proporzjon minimu mill-ispiża tal-magna; fil-fatt, skond ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-interventi, dan huwa ta' 0.2%. Konsegwentement, il-profitti li l-entità amalgamata tista' tagħmel mill-bejgħ ta' dan il-prodott lil Rolls-Royce u lil P & W bilfors li huma minimi meta mqabbla ma' dawk li hija tista' tagħmel kieku żżid sehemha mis-suq tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar bi ħsara għall-istess Rolls-Royce u P & W.

300    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat speċifikament fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha fuq il-possibbiltà li Hamilton Sundstrand terġa' tibda tbiegħ l-[i]starters tagħha fis-suq liberu, li "l-profitti mistennija mis-suq upstream provenjenti mill-bejgħ ta' starters lil [Rolls-Royce] ma setgħux jagħmlu tajjeb għat-telf ta' profitti li P & W eventwalment issofri fuq suq li dejjem qed jonqos tal-magni" (premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 421). Din il-loġika kummerċjali tikkorrobora wkoll mutatis mutandis l-argument tagħha fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ inċentiva li jkollha l-entità amalgamata biex tillimita jew tfixkel il-fornitura tagħha ta' starters għall-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar lill-kompetituri tagħha.

301    F'dak li jikkonċerna l-possibbiltà li l-obbligi ġuridiċi ta' natura kuntrattwali setgħu jipprevjenu l-aġir previst mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 290 sa 292 iktar ’il fuq, b'mod partikolari n-nuqqas ta' kontestazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevata fl-aħħar f'dawn il-punti, ma ġiex stabbilit fil-proċeduri preżenti li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali intiżi li jipprojbixxu l-possibbiltà ta’ rifjut ta' bejgħ jistgħu jimpedixxu lill-entità amalgamata milli tadotta aġir dannuż kontra l-kompetituri tagħha, kif previst mill-Kummissjoni.

302    Madankollu, ir-rikorrenti tinvoka wkoll argument ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Prim'istanza fis-sentenza tagħha Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 hawn fuq, mogħtija wara l-preżentata tar-rikors fil-kawża preżenti, fejn jingħad li l-Kummissjoni kellha, skond l-Artikolu 82 KE (punti 156 sa 160 tas-sentenza) tikkunsidra l-obbligi li kellha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fil-fehma tagħha, anki kieku wieħed kellu jissupponi li l-analiżi tas-sitwazzjoni kummerċjali u kompetittiva fuq dawn is-swieq hija eżatta, l-aġir previst mill-Kummissjoni, konsistenti fit-tfixkil intenzjonat ta' l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-magni bil-ġett mill-entità amaglamata kontra l-kompetituri tagħha, jikkostitwixxi b’mod ċar abbuż mill-pożizzjoni dominanti li kienet diġà teżisti qabel li ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar. Peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effett dissważiv li jista' jirriżulta fil-każ preżenti mill-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE, l-analiżi tagħha fir-rigward ta' l-inċentiv li jeżisti għall-entità amalgamata li taġixxi bil-mod previst tkun żbaljata.

303    Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq appell, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 hawn fuq (punti 74 sa 78), li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta fis-sentenza tagħha Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 hawn fuq, ikkonstatat illi l-probabbiltà li jiġi adottat dan l-aġir fil-futur għandha tiġi eżaminata b’mod komplet, jiġifieri, billi jiġu kkunsidrati kemm l-inċentivi biex jiġi adottat dan l-aġir kif ukoll il-fatturi li jistgħu jnaqqsu, jew saħansitra jeliminaw, dawn l-inċentivi, inkluża l-possibiltà li dak l-aġir ikun illeċitu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, b'mod partikolari, li jkun kontra l-għan ta’ prevenzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 jekk il-Kummissjoni tkun meħtieġa li teżamina, għal kull konċentrazzjoni proposta, kemm jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati l-inċentivi biex jiġi adottat aġir antikompetittiv, minħabba l-illegalità ta’ l-aġir in kwistjoni, il-possibiltà li jiġi skopert, u l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti (ara l-punti 72 u segwenti iktar ’il fuq).

304    B'hekk, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu in kunsiderazzjoni n-natura possibbilment illegali, u għaldaqstant, li tista’ tiġi ppenalizzata, ta' aġir bħala fattur li jista' jnaqqas, jew saħansitra jelimina, l-inċentivi għal impriża biex tadotta aġir partikolari (punt 74 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, hija mhijiex obbligata tistabbilixxi li l-aġir previst għall-futur ser ikun realment kostituttiv jew le ta’ ksur ta' l-Artikolu 82 KE u lanqas, skond il-każ, li dan il-ksur jista’ jiġi identifikat u ppenalizzat, peress li f'dan ir-rigward hija tista' tillimita ruħha għal analiżi sommarja bbażata fuq l-elementi li hija għandha.

305    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kienet qiegħda tipprevedi aġir fil-futur fis-suq ta' l-[i]starters li jkollu bħala għan u, jekk jirriżulta effikaċi, l-effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar speċifikament billi jdgħajjef lill-kompetituri ta' l-entità amalgamata fuq dan is-suq. Fil-fatt, l-aġir in kwistjoni, jiġifieri l-interruzzjoni tal-provvista ta' starters lill-kompetituri, jiġifieri r-rifjut li tbiegħ dan il-komponent, u ż-żidiet fil-prezzijiet jaffettwaw is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar biss jekk jippreġudikaw b'mod sinjifikanti l-attività ta' produzzjoni tal-magni bil-ġett tal-kompetituri ta' l-entità amalgamata.

306    Għandu jiġi mfakkar li, f'dan ir-rigward, għalkemm il-pożizzjoni dominanti ma tistax iċċaħħad lill-impriża mid-dritt li tippriserva l-interessi kummerċjali tagħha, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan l-aġir huwa abbużiv meta l-istess aġir ikollu speċifikament l-għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbuża minnha (sentenza United Brands vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 189; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punti 117 u segwenti; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93, Ġabra p. II-1201, punt 149). B'hekk, il-fatt li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti tirrifjuta milli tbiegħ lill-kompetituri tagħha komponent essenzjali, jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż ta’ din il-pożizzjoni (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 25).

307    Fir-rigward tal-possibbiltà li l-entità amalgamata tgħolli l-prezz għall-[i]starters tagħha, għandu jiġi rrilevat li, biex ikollha impatt materjali fuq il-kompetittività ta' Rolls-Royce fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, din iż-żieda għandha tkun ta' portata tali li tkun b’mod ċar kostituttiva ta' aġir abbużiv. Fil-fatt, possibbiltà ta’ żieda ta' 50% fil-prezzijiet ta' l-[i]starters, li ma jkollhiex ġustifikazzjoni kummerċjali apparenti, tirrappreżenta biss żieda ta' 0.1% tal-prezz tal-magna bil-ġett u, għalhekk, prattikament, ebda effett fis-suq tal-magni bil-ġett. Barra minn hekk, kieku wieħed kellu jassumi li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-istarters tiġi applikata b'mod li mhuwiex diskriminatorju, hija tista' tolqot ħażin ċerti klijenti ta' l-entità amalgamata u, għaldaqstant, li jkollha effetti kummerċjali negattivi fuqha. Iż-żieda fil-prezz tista', b'mod partikolari, taffettwa r-relazzjonijiet tagħha mal-kumpanniji ta' l-ajru li huma xerrejja ta' starters kemm indirettament bħala xerrejja ta' l-ajruplani u kemm direttament fis-swieq tas-servizzi ta' wara l-bejgħ, u li jistgħu barra minn hekk ikunu klijenti ta' l-entità amalgamata għall-magni kif ukoll għall-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn din iż-żieda tiġi applikata b'mod diskriminatorju fir-rigward tal-kompetituri tagħha, ikun ċar li l-għan allura jkun li jiġu esklużi l-kompetituri u għalhekk tikkostitwixxi abbuż.

308    Bl-istess mod, it-tfixkil potenzjali tal-fornitura magħmul mill-entità amalgamata wara l-operazzjoni jaffettwa ħażin lill-klijenti ta' l-istess entità fl-ipoteżi fejn dan jiġi pprattikat b'mod ġenerali u jkun b’mod ċar abbużiv jekk dan jiġi pprattikat b'mod diskriminatorju, partikolarment fir-rigward ta' Rolls-Royce.

309    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-aġir previst mill-Kummisjoni fil-każ preżenti jista' jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-kawża preżenti, iktar ma huwa konvinċenti l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effikaċità ta' l-aġir in kwistjoni u, għaldaqstant, iktar ma hija ċara l-eżistenza ta' l-inċentivi kummerċjali biex jimplementawh, iktar hemm possibbiltajiet li dan l-aġir jiġi identifikat bħala antikompetittiv. Fil-fatt hija preċiżament l-aktar forma estrema ta' l-aġir previst mill-Kummissjoni li hija kemm l-aktar effikaċi fl-għan li tfixkel l-attività tal-kompetituri kif ukoll l-aktar suxxettibbli li tikkostitwixxi abbuż viżibbli u manifest - u għaldaqstant li tista’ tiġi ppenalizzata mill-pożizzjoni dominanti ta' l-entità amalgamata.

310    F'dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-abbuż jiġi mwettaq f'suq partikolari (fil-każ preżenti s-suq ta' l-istarters) ma jeskludix li jiġi kkunsidrat li s-suq rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti kien is-suq konness, li kien dejjem jiċkien (fil-każ preżenti s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar), peress li l-aġir previst mill-Kummissjoni fuq l-ewwel suq huwa intiż speċifikament biex iżomm jew sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' l-impriża fuq it-tieni suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punti 40 sa 45, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T-219/99, Ġabra p. II-5917, punti 270 sa 300).

311    B'hekk, fid-dawl tal-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fuq is-suq tal-magni għall-ajurplani kummerċjali kbar qabel il-konċentrazzjoni (ara l-punt 280 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni bilfors li kellha fil-pussess tagħha l-elementi kollha neċessarji sabiex jiġi analizzat, fil-każ preżenti, mingħajr bżonn li ssir investigazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward, dwar kemm l-aġir li hija stess kienet qiegħda tipprevedi fis-suq ta' l-[i]starters jistax jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 82 KE u jiġi mrażżan bħala tali. Hija għalhekk wettqet żball ta' dritt meta naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-effett dissważiv li dan il-fatt seta' jkollu fir-rigward ta' l-entità amalgamata.

312    Barra minn hekk, jidher li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan l-effett dissważiv seta' verament ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq il-probabbiltà ta' l-aġir in kwistjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi mhuwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma' dik tal-Kummissjoni meta tipprova tistabbilixxi dak li l-Kummissjoni kienet tiddeċiedi kieku hija ħadet in kunsiderazzjoni l-imsemmi effett dissważiv ta' l-Artikolu 82 KE. B'hekk, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni ta' dan l-aspett tal-kawża, peress li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-effett dissważiv ta' l-Artikolu 82 KE, bilfors li hija minħabba f'hekk ivvizzjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni..

3.     Il-konklużjoni

313    Għandu jiġi konkluż li l-punt tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti li r-rikorrenti diġà kellha fuq is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, li jirriżulta mis-sovrapożizzjoni vertikali bejn l-attività ta' produzzjoni tagħha ta' dawn il-magni u dik tal-produzzjoni ta' starters għal dawn il-magni ta' Honeywell, mhuwiex stabbilit għas-suffiċjenza ta’ dritt.

314    Għaldaqstant m'hemmx bżonn li fil-proċeduri preżenti tiġi analizzata l-validità tar-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni ta' l-impenn li ġie propost mill-partijiet notifikanti dwar l-istarters.

D –  Fuq l-effetti tal-konglomerat

1.     Fuq is-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali

a)     L-argumenti tal-partijiet

315    Għal dak li jikkonċerna l-punt tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali li tirriżulta mill-effett kombinat ta' GE Capital, il-kumpannija finanzjarja ta' GE, ta' GECAS u ta' GE Capital Corporate Aviation Group (GECCAG), kumpanniji tal-kiri ta' l-ajruplani ta' GE, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx kif dawn il-kumpanniji joħolqu jew isaħħu l-pożizzjoni dominanti fuq xi suq jew ieħor tal-magni bil-ġett jew fuq xi suq jew ieħor tal-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi.

 Fuq is-saħħa finanzjarja

316    Fir-rigward ta' GE Capital, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-effett kombinat ta' l-allegata saħħa finanzjarja ta' din il-kumpannija ma' dik ta' Honeywell m'għandhom ebda bażi ġuridika, ekonomika jew fattwali. Fir-rigward tan-natura mhux normali ta’ dan l-argument kif ikkunsidrat skond l-analiżi ekonomika, kien obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel analiżi ġuridika u ekonomika rigoruża.

317    Il-Kummissjoni tfakkar il-fatturi oġġettivi, kif imsemmijin fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiffavorixxu l-pożizzjoni dominanti ta' GE. Madankollu, hija ssostni li ma ppenalizzatx lil GE minħabba d-daqs sostanzjali tagħha fil-kapitalizzazzjoni tas-suq, iżda li ħadet in kunsiderazzjoni s-saħħa finanzjarja fil-kuntest speċifiku ta' l-industrija ajrunawtika. L-ammont u d-dewmien ta' l-investimenti f'din l-industrija jagħmlu mill-kapaċità finanzjarja element kruċjali fil-kompetittività. Il-kapaċità ta' finanzjament ta' GE ma titqabbilx ma' dik tal-kompetituri tagħha.

318    Dawn il-fatturi oġġettivi, li diġà jikkontribwixxu għall-pożizzjoni dominanti li kellha GE qabel il-konċentrazzjoni sa fejn din is-saħħa tista' tiġi użata sabiex issostni l-politika kummerċjali u industrijali tagħha fuq is-swieq tal-magni ta' l-ajruplani, kienu għenu lill-entità amalgamata biex tikseb pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tad-diversi prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi wkoll.

319    F'dan ir-rigward, Rockwell tirrileva li GE Capital għandha fl-istess waqt ir-rwol ta' bank intern u finanzjatur dirett tal-klijenti tar-rikorrenti. Rolls-Royce tfakkar li hija pprovdiet lill-Kummissjoni diversi eżempji fejn GE użat is-saħħa finanzjarja tagħha biex tikseb l-esklużività fil-provvista ta' magni.

 Fuq l-integrazzjoni vertikali

320    Fir-rigward ta' GECAS u GECCAG, ir-rikorrenti tikkontesta s-sustanza tat-teorija tal-Kummissjoni fir-rigward taċ-"ċaqliq fl-ishma mis-suq" (share-shifting), fejn dawn iż-żewġ kumpanniji jiffavorixxu x-xiri tal-prodotti ta' Honeywell għad-dannu ta' dawk tal-kompetituri tagħha. anki kieku wieħed kellu jissupponi li l-attività ta' GECAS kellha dan l-effett qabel il-konċentrazzjoni fis-swieq tal-magni bil-ġett, xejn ma juri li dawn l-effetti li kienet ser tibbenefika minnhom Honeywell kienu ser iseħħu wara l-istess konċentrazzjoni, speċjalment fuq is-swieq diversi tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi. Ir-rikorrenti rrilevat f'dan ir-rigward, matul is-seduta, li l-Kummissjoni ma analizzatx is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kull suq, u bil-kontra llimitat ruħha biex tagħmel affermazzjonijiet ġenerali li ma jikkunsidrawx id-differenzi bejn l-istess swieq.

321    Il-Kummissjoni tippreċiża li GECAS hija l-akbar xerrejja ta' ajruplani kummerċjali kbar, b'10% fis-suq, u li hija diġà kkontribwixxiet għall-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-swieq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

322    Fir-rigward ta' l-effetti marbutin ma' l-integrazzjoni vertikali f'dak li jirrigwarda lil Honeywell, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt u ssostni, bħalma ssostni Rockwell, li kien prevedibbli li GE tapplika l-metodi tagħha fuq il-prodotti ta' Honeywell. Hija tfakkar, b'mod partikolari, li l-prodotti SFE (supplier-furnished equipment, tagħmir ipprovdut mill-vendituri), jiġu magħżulin esklużivament mill-manifattur ta' l-ajruplan u jiggarantixxu sors ta' dħul fit-tul. Skond il-Kummissjoni u Rockwell, wara l-konċentrazzjoni, Honeywell kienet ser tibbenefika immedjatament mill-kapaċità u l-inċentivi ta' GE Capital li tassigura l-esklużività tal-prodotti tagħha permezz ta' GECAS.

323    Il-Kummissjoni ma ssostnix li GECAS ser tixtri biss ajruplani "Honeywell biss", iżda li GECAS ser tintuża bħala lieva biex tinċentiva lill-manifatturi ta' l-ajruplani u l-kumpanniji ta' l-ajru biex jagħżlu lil Honeywell jew biex jagħtuha l-esklużività. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza r-relazzjoni żbilanċjata bejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u l-klijenti tagħha, minħabba l-proporzjon sostanzjali ta' l-ajruplani li hija tkun tista' tipprovdi. Il-Kummissjoni u Rockwell jaffermaw li l-kompetituri ta' Honeywell kull ma jmur ser ikunu marġinalizzati u kostretti jirrikorru għal setturi kummerċjali li fihom Honeywell ma jkollhiex preżenza.

324    Għal dak li jikkonċerna lil GECCAG, il-Kummissjoni tammetti li, fil-passat, din l-impriża ma kellhiex interess tħaddem politika ta' xiri spekulattiv. Din is-sitwazzjoni tinqaleb radikalment bid-dħul ta' Honeywell, bħala fornitriċi importanti tat-tagħmir u ta’ servizzi għall-ajruplani tan-negozju wara l-konċentrazzjoni.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Introduzzjoni

325    Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, fil-punti 182 u segwenti, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-attivitajiet ta' GECAS kif ukoll il-lieva kummerċjali rappreżentata mis-saħħa tar-rikorrenti li tirriżulta mill-pożizzjoni finanzjarja ta' GE Capital jikkontribwixxu għall-pożizzjoni dominanti li diġà kellha r-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

326    Min-naħa l-oħra, kif ġustament tirrileva r-rikorrenti, minn dawn il-konstatazzjonijiet ma jirriżultax neċessarjament li, wara l-konċentrazzjoni, l-entità amalgamata kienet applikat prattiċi analogi ma’ dawk li kienu ġew ikkonstatati fil-passat fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar bil-għan li tippromwovi l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi tagħha b'mod li tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti fuq is-swieq rispettivi ta' dawn il-prodotti.

327    Skond il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, li f'dan ir-rigward ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li turi mhux biss li l-entità amalgamata kellha l-kapaċità li tittrasferixxi dawn il-prattiċi fuq is-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, iżda wkoll, fuq il-bażi ta' provi sodi, li l-adozzjoni ta' dan l-aġir mill-entità amalgamata kienet probabbli. Minbarra dan, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li dan l-aġir kien ser joħloq, fil-futur relattivament qrib, pożizzjoni dominanti, almenu f'ċerti swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 146 sa 162, kif konfermata f'dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 iktar ’il fuq, punti 37 sa 45, kif ukoll il-punti 60 u segwenti iktar ’il fuq). Dawn iż-żewġ aspetti ta' l-analiżi li l-Kummissjoni kellha tagħmel ser jiġu eżaminati suċċessivament iktar ’il quddiem.

 Fuq il-probabbiltà ta' l-aġir futur previst mill-Kummissjoni

328    L-argument tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effetti tal-konglomerat "vertikali" li jirriżultaw mill-proċess taċ-"ċaqliq fl-ishma mis-suq" huwa differenti fejn jirrigwarda, minn naħa, il-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi SFE-standard (supplier-furnished equipment, tagħmir ipprovdut mill-vendituri b'mod esklużiv) (premessi 342 sa 348) jew, min-naħa l-oħra, il-prodotti BFE (buyer-furnished equipment, tagħmir ipprovdut mix-xerrej) jew SFE-option (fejn ix-xerrej jagħżel bejn żewġ SFE jew aktar li jkunu qegħdin jiġu proposti alternattivament) (premessi 405 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-prodotti SFE-standard jintgħażlu b'mod definittiv mill-manifattur ta' l-ajruplani fil-mument meta l-ajruplan ikun qiegħed jiġi ppjanat, filwaqt li l-għażla finali tat-tagħmir BFE u, ta' l-inqas bejn żewġ prodotti preselezzjonati, l-għażla tat-tagħmir SFE-option isir mill-kumpannija ta' l-ajru fil-mument li hija tagħmel l-ordni tagħha.

–       Fuq il-prodotti SFE-standard

329    F'dak li jirrigwarda l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE-standard, il-Kummissjoni, wara li fakkret il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti li tassigura l-esklużività tal-magni tagħha fuq il-pjattaformi (premessa 343 tad-deċiżjoni kkontestata), tirrileva li, sussegwentement għall-konċentrazzjoni, hija Honeywell li tibbenefika mill-ewwel minn din il-kapaċità. Il-Kummissjoni ssostni, f'dan ir-rigward, li għall-kumpanniji ta' l-ajru l-għażla tal-komponenti avjoniċi u mhux avjoniċi hija relattivament indifferenti, b'mod li "l-vantaġġi għall-manifatturi ta' l-ajruplani li jirriżultaw minn offerta li mhijiex GE jkunu inqas sostanzjali minn dawk li huma jkunu jistgħu jieħdu mix-xiri ta' ajruplani supplementari minn GECAS" (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

330    Skond id-deċiżjoni kkontestata, "l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun kapaċi li tippromwovi l-għażla tal-prodotti SFE ta' Honeywell billi tisfrutta s-saħħa finanzjarja tagħha u l-integrazzjoni vertikali matul il-ħruġ ta' pjattaformi ġodda (permezz, per eżempju, ta' finanzjamenti u/jew ordnijiet magħmulin minn GECAS), b'mod li ċċaħħad lill-kompetituri tagħha mill-possibbiltà li joħorġu l-prodotti tagħhom fuq dawn il-pjattaformi ġodda" (premessa 344), u barra minn hekk, "Honeywell, wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, tkun tista' tibbenefika mill-bażi finanzjarja ta' GE u mill-kapaċità tagħha li tissussidja alternattivament id-diversi setturi kummerċjali tagħha" (premessa 345). Il-Kummissjoni tantiċipa għalhekk li l-kompetituri ta' Honeywell ikunu serjament imdgħajfa minħabba l-amalgamazzjoni (premessi 347 u 348) u li l-"użu strateġiku minn GE ta' l-aċċess għas-suq ta' GECAS u tas-saħħa finanzjarja ta' GE Capital biex tiffavorixxi l-prodotti ta' Honeywell ser tpoġġi lil Honeywell f'pożizzjoni ta' fornitur dominanti fuq is-swieq tal-prodotti SFE avjoniċi u mhux avjoniċi fejn hija diġà għandha pożizzjoni b'saħħitha" (premessa 346).

331    B'hekk, il-Kummissjoni, fil-premessi msemmijin iktar ’il fuq, esponiet illi l-entità li tirriżulta mill-fużjoni jkollha l-kapċità li tinfluwenza l-għażla magħmula mill-manifatturi ta' l-ajruplani għat-tagħmir SFE u tinċentivahom jagħżlu dawk ta' Honeywell. Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni tagħha tal-proċess li bih is-saħħa kummerċjali tas-sussidjarji tar-rikorrenti toħloq, fil-fehma tagħha, pożizzjoni dominanti għall-entità amalgamata ma tispjegax għalfejn l-aġir "strateġiku" ta' l-entità amalgamata li tagħti lok għal dawn il-konsegwenzi kien prevedibbli b'ċertu livell ta' probabbiltà suffiċjenti.

332    Madankollu, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta' provi konvinċenti, l-eżistenza ta' din il-probabbiltà. Peress li dan kien jinvolvi li jiġi stabbilit, qabel it-twettiq tal-konċentrazzjoni, x'kien ikun l-aġir ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni wara t-twettiq ta' l-istess konċentrazzjoni fis-suq, fejn fl-istess suq qabel il-konċentrazzjoni ma kien hemm ebda aġir tat-tip previst mill-Kummissjoni, dawn il-provi ma jistgħux, bħala prinċipju, isiru esklużivament b'elementi relattivi għall-aġir passat. Minn dan isegwi li l-analiżi tal-Kummissjoni, kif ikkonfermata iktar ’il fuq f'dak li jikkonċerna r-rwol ta' GECAS u GE Capital fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, mhijiex biżżejjed biex tiġi sodisfatta din l-eżiġenza, anki jekk fil-fatt tista' tikkontribbwixxi għaliha.

333    Fid-dawl ta' dan, il-provi konvinċenti setgħu, bħala prinċipju, isiru kemm b'dokumenti li jattestaw l-intenzjoni ferma tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u/jew dak ta' Honeywell li jisfruttaw kummerċjalment, fis-suq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, is-saħħa ta' GECAS u ta' GE Capital bil-mod kif deskritt iktar ’il fuq fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar sussegwentement għall-konċentrazzjoni, u kif ukoll b'analiżi ekonomika li turi li dan l-aġir, oġġettivament, kien ikun fl-interess kummerċjali ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni. Peress li l-Kummissjoni ma ġabitx provi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta' din l-intenzjoni li dan l-aġir jiġi trasferit fuq l-imsemmi suq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi wara l-konċentrazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk fid-deċiżjoni kkontestata ġiex stabbilit li dan it-trasferiment ta' l-aġir kien ikun fl-interess kummerċjali ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni.

334    Ir-rikorrenti ssostni, f'dan ir-rigward, li ma jkunx fl-interess kummerċjali ta' l-entità amalgamata li tinsisti mal-manifatturi ta' l-ajruplani sabiex dawn jagħżlu l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE ta' dik li qabel kienet Honeywell. Hija tirrileva li hemm differenza enormi fil-prezz bejn minn naħa, il-magni bil-ġett manifatturati mir-rikorrenti għall-ajruplani reġjonali u l-ajruplani kummerċjali kbar u, min-naħa l-oħra, kull prodott avjoniku u mhux avjoniku. Hija ssostni, għalhekk, li l-entità amalgamata ma kellhiex interess kummerċjali biex tippromwovi l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi b'dan il-mod.

335    L-analiżi ekonomika stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi l-eżistenza ta' ċerta kompetizzjoni fis-suq tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar. B'mod partikolari, il-Kummissjoni invokat, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tagħha tas-sejħa għal offerti li tirrigwarda l-provvista ta' magni għal B777X tal-Boeing, il-fatt li r-rikorrenti setgħet [...], tinfluwenza l-għażla tal-magna magħmula minn Boeing (punti 205 u segwenti iktar ’il fuq).

336    F'dan il-kuntest, kien il-fatt li r-rikorrenti kienet f'pożizzjoni li tagħmel ċertu sagrifiċċju kummerċjali għal żmien qasir biex toħroġ il-magna tagħha li kien importanti għall-finijiet ta' l-analiżi ta' l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel. Għandu jiġi rrilevat li l-prattiċi in kwistjoni jinvolvu, jew jistgħu jinvolvu, ċerta spiża għar-rikorrenti, ta' l-inqas għal żmien qasir, li fil-każ tal-B777X tfisser [...] Din l-ispiża tista' tiġi ġġustifikata bid-dħul futur li jiġi ġġenerat mis-servizz ta' wara l-bejgħ tal-magni.

337    Fil-kuntest preżenti, il-konċentrazzjoni ma tistax titqies li għandha potenzjalment influwenza fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ħlief sa fejn il-fatt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun ikkonvinċiet lill-manifatturi ta' l-ajruplani jagħżlu l-prodotti ex Honeywell f'ċirkustanzi fejn huma ma jagħżluhomx kieku ma jkunx hemm din il-pressjoni kummerċjali. Fid-dawl taċ-ċirkustanza, imsemmija iktar ’il fuq, li l-fatt li r-rikorrenti kisbet il-kuntratt esklużiv għall-provvista tal-magna tal-B777X involvielha ċerta "spiża" kummerċjali, ma jistax jiġi eskluż li l-manifattur ta' l-ajruplani seta' talab [...] fl-ipoteżi fejn l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun insistiet ukoll li jintgħażlu prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE; il-Kummissjoni madankollu, ma kkontemplatx din l-ipoteżi. M'hemm l-ebda garanzija li din l-ispiża kienet tkun koperta bi dħul futur addizzjonali. F'kull każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li ma kienx hemm spiża addizzjonali għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni f'din is-sitwazzjoni ipotetika.

338    B'hekk, it-trasferiment ta' l-aġir in kwistjoni fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE-standard kien ikun aġir kummerċjali razzjonali wara l-konċentrazzjoni sa fejn id-dħul li seta' rriżulta minnu għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien jikkumpensa din l-ispiża eventwali. Il-Kummissjoni ma setgħetx bid-dritt tikkunsidra li kien loġiku u inevitabbli li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tittrasferixxi dan l-aġir għal fuq is-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi.

339    B'hekk, fin-nuqqas ta' studji ekonomiċi li jippermettu paragun, ta' l-inqas abbażi ta' stimi raġjonevoli, bejn l-ispiża u d-dħul, il-Kummissjoni ma pprovatx, fil-każ preżenti, x'kienu jkunu l-konsegwenzi kummerċjali li setgħu jseħħu minħabba dan it-trasferiment ta' l-aġir tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni kkontestata ma titkellem la fuq il-kwistjoni dwar jekk, kieku l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet insistiet fuq li jintgħażlu l-prodotti SFE tagħha kienx jinvolvi spiża kummerċjali addizzjonali għaliha, u lanqas dwar jekk id-dħul li jirriżulta mill-għażla ta' dawn il-prodotti mill-manifatturi ta' l-ajurplani kienx jinnewtralizza din l-ispiża eventwali. Fin-nuqqas ta' din l-informazzjoni, huwa impossibbli, fiċ-ċirkustanzi tal-każ odjern, li jiġi stabbilit jekk l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kinitx tagħżel li tadotta l-aġir tagħha wkoll fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE-standard fl-ipoteżi fejn il-konċentrazzjoni kienet isseħħ.

340    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx, abbażi ta' provi konvinċenti, u bi grad ta' probabbiltà suffiċjenti, li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tuża s-saħħa kummerċjali ta' GECAS kif ukoll is-saħħa finanzjarja tal-grupp li jirriżultaw mill-pożizzjoni ta' GE Capital biex tippromwovi l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE ta' l-ex Honeywell fil-futur.

–       Fuq il-prodotti BFE u SFE-option

341    F'dak li jikkonċerna l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi BFE-SFE-option, il-Kummissjoni tikkunsidra li "l-kombinazzjoni ta' Honeywell mas-saħħa finanzjarja u l-intergrazzjoni vertikali ta' GE fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tax-xiri u tal-kiri ta' l-ajruplani, kif ukoll tas-servizzi ta' wara l-bejgħ, ser tikkontribwixxi għall-effett ta' esklużjoni tal-kompetituri deskritt diġà f'dak li jikkonċerna l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE" (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirrileva li, "GE ser tkun ugwalment inċentivata taċċellera t-tendenza attwali tal-manifatturi ta' l-ajruplani biex jittrasformaw il-prodotti BFE fi prodotti SFE, peress li hija mbagħad tkun tista' timmira għal dawn il-prodotti u tikseb l-esklużività billi tuża l-prattiċi kummerċjali esposti fil-premessi preċedenti" (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata).

342    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li "s-sensiela ta' prodotti BFE ta' Honeywell ser jibbenefikaw mill-kapaċità ta' GE Capital li tikseb l-esklużività għall-prodotti tagħha mingħand il-kumpanniji ta' l-ajru (ara l-eżempju ta' Continental Airlines) u ta' GECAS li tisserva bil-pożizzjoni tagħha biex tippromwovi l-prodotti ta' GE billi testendi l-politika tagħha ta' esklużività favur GE għall-prodotti ta' Honeywell" (premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, "il-prodotti BFE ta' Honeywell ser jibbenefikaw ukoll mis-sensiela ta' prodotti u servizzi ta' GE biex timmira għall-komponenti tal-kompetituri fl-okkażjoni tas-sostituzzjoni, aġġornamenti u installazzjoni suċċessiva, permezz tal-kapaċità ta' GECAS li tippromwovi l-prodotti ta' GE mal-kumpanniji ta' l-ajru" (premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata).

343    Il-Kummissjoni, abbażi ta' dan ir-raġunament, tikkonkludi li "l-użu strateġiku, minn GE, ta' GECAS u tas-saħħa finanzjarja ta' GE Capital ser tpoġġi għalhekk lil Honeywell f'pożizzjoni ta' fornitur dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi BFE fejn hija diġà għandha pożizzjoni b'saħħitha" u hija tantiċipa li l-kompetituri jibdew jikkunsidraw bil-mod il-mod jekk jibqgħux attivi f'dawn is-swieq (premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata).

344    F'dak li jikkonċerna l-elementi tar-raġunament riprodott fil-punt 341 iktar ’il fuq, li jindika r-rilevanza għas-swieq tal-prodotti avjoniċi BFE tal-loġika esposta fil-kuntest ta' l-analiżi tas-sitwazzjoni fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE, għandu jiġi mfakkar li din l-aħħar analiżi ġiet meqjusa li hija insuffiċjenti iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, peress li l-klijenti tal-prodotti BFE u SFE-option huma l-kumpanniji ta' l-ajru filwaqt li dawk tal-prodotti SFE-standard huma l-manifatturi ta' l-ajruplani, ma tistax tapplika l-istess loġika kummerċjali fiż-żewġ każijiet. Fir-rigward tal-possibbiltà li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tippromwovi t-tkabbir tal-kategorija tal-prodotti SFE, iċ-ċaħda mill-Qorti tat-teżi tal-Kummissjoni dwar dawn il-prodotti tirrendi l-imsemmija possibbiltà totalment irrilevanti, anki kieku kienet eżatta.

345    Fir-rigward tal-motivi ċċitati fil-punt 342 iktar ’il fuq speċifikament dwar is-swieq tal-prodotti BFE u SFE-option, il-Kummissjoni ġustament setgħet tantiċipa li GECAS kien ikollha hija wkoll preferenza qawwija għall-prodotti ta' l-ex- Honeywell in segwitu għall-konċentrazzjoni, peress li dawn iż-żewġ kumpanniji jkunu jiffurmaw imbagħad parti mill-istess grupp. Ir-rikorrenti tirrileva, ġustament, li din il-preferenza ma setgħetx tkun assoluta sa fejn Honeywell ma tipproduċix il-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi BFE u SFE-option kollha meħtieġa għal ajruplan, b'mod li ebda ajruplan ma seta' jkun "kollu Honeywell". Dan l-argument ma jannullax madankollu t-teżi tal-Kummissjoni peress li l-politika preferenzjali ta' GECAS m'għandhiex bżonn bilfors tkun assoluta, fis-sens indikat mir-rikorrenti, sabiex tkun effikaċi, sakemm GECAS tagħżel sistematikament il-prodotti ta' l-ex-Honeywell meta hija jkollha din il-possibbiltà.

346    Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet fil-konċentrazzjoni affermaw, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, li l-konċentrazzjoni kkontemplata ma kinitx ser tbiddel b'mod sinjifikattiv l-aġir ta' GECAS fil-qasam tax-xiri peress li [...] minħabba l-akkordju [...] Fil-premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti peress li l-konċentrazzjoni "tiġbor" l-akkordju in kwistjoni u li, kontra ta' dak l-akkordju, l-operazzjoni tinvolvi għalhekk tibdil strutturali fis-suq. Barra minn hekk, hija tikkonstata li l-akkordju [...] Hija tirrileva li [...] (premessa 396).

347    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-elementi rrilevati mill-Kummissjoni jservu ta' risposta parzjali għall-argumenti invokati mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni f'dan ir-rigward, l-eżistenza tal-kuntratt in kwistjoni ddgħajjef madankollu t-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prodotti BFE b'mod sinjifikattiv. Jekk jidher ċar li peress li huwa ftit il-bejgħ tal-prodotti BFE u SFE-option li jiżdied minħabba l-politika preferenzjali ta' GECAS wara l-fużjoni, għandu jiġi konkluż li, tkun xi tkun ir-raġuni ġuridika jew kummerċjali li tispjega dan il-fenomenu, l-operazzjoni kien ser ikollha biss impatt negliġibbli fis-swieq in kwistjoni.

348    Fin-nuqqas [...] fil-każ preżenti, wieħed seta jissupponi, kif tirrileva Rockwell fin-nota ta' intervent tagħha, li, minħabba t-trasferiment naturali tal-preferenza ta' GECAS għall-prodotti manifatturati fi ħdan il-grupp tar-rikorrenti, l-akkwist ta' Honeywell minn GECAS iġib miegħu awtomatikament żieda f'sehem Honeywell ta' madwar 5% għall-prodott BFE fejn sehemha mis-suq għal dan il-prodott kien diġà ta' 50%, peress li sehem GECAS mix-xiri ta' l-ajruplani huwa ta' madwar 10%.

349    Madankollu, l-eżistenza tal-kuntratt [...]

350    B'hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma analizzatx safejn [...] Din il-lakuna tivvizzja l-kredibbiltà tar-raġunament tagħha f'dak li jikkonċerna dawn il-prodotti, inkluż dak li jikkonċerna l-possibbiltà li GECAS "tferrex" il-prodotti BFE u SFE-option ta' l-ex Honeywell għand il-kumpanniji ta' l-ajru.

351    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrikonoxxi li l-klijenti għandhom ċerti preferenzi u li l-istandardizzazzjoni għandha ċertu effett fuq il-prodotti BFE. Hija tikkunsidra li dawn mhumiex sinjifikattivi fil-każ preżenti peress li "l-marġni ta' profitti tal-kumpanniji ta' l-ajru ma jippermettulhomx li jirrifjutaw xi offerti kummerċjali li jsarrfu f'iffrankar ta' flus għal żmien qasir" u li, għal dawn il-kumpanniji, "tnaqqis fil-prezz għal żmien qasir huwa aħjar mill-possibbiltà ta' tnaqqis fil-kompetizzjoni fit-tul". Il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova in sostenn ta' l-affermazjoni tagħha dwar il-vulnerabbiltà finanzjarja tal-kumpanniji ta' l-ajru. Barra minn hekk, hija lanqas ma turi xi elementi konkreti li jistgħu jikkorroboraw l-analiżi tagħha, fejn hija ssostni li l-preferenzi u t-tnaqqis fil-prezz li jirriżultaw mill-istandardizzazzjoni tal-komponenti BFE fi ħdan il-flotta ta' xi kumpannija ta' l-ajru huma, fil-kuntest ta' l-għażla tagħha tal-prodotti BFE, fatturi anqas importanti mill-"iffrankar għal żmien qasir" li jġibu l-kundizzjonijiet tax-xiri u tal-kiri li, fil-fehma tagħha, huma proposti minn GECAS. Fin-nuqqas ta' analiżi ekonomika jew, ta' l-inqas, ta’ evalwazzjoni tal-benefiċċju derivanti minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa impossibbli li tiġi analizzata l-plawżibbiltà tat-teżi tagħha f'dan ir-rigward.

352    B'hekk, bħalma jgħodd għall-prodotti SFE-standard, it-teżi tal-Kummissjoni tistrieħ fuq l-idea li GECAS ser toffri lill-kumpanniji ta' l-ajru kundizzjonijiet favorevoli biex tinċentivahom jaċċettaw ajruplani mgħammra bi prodotti BFE ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni li huma ma kinux jagħzlu kieku setgħu jagħmlu l-għażla indipendenti tagħhom. Għandu jiġi kkonstatat li l-ħolqien ta' dan l-inċentiv jista' jissarraf f'ċerta "spiża" għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni sa fejn il-kumpannija ta' l-ajru, bħala regola ġenerali, ma taċċettax tagħmir jew, skond il-każ, ajruplan li jkun diġà mixtri minn GECAS u jkun mgħammar diġà ħlief jekk l-offerta globali li tippreżenta l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun interessanti tant li din l-għażla tkun fl-interess kummerċjali tagħha.

353    Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kumpanniji ta' l-ajru għandhom xi preferenzi għal ċerti prodotti, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni jkollha, f'din l-ipoteżi, taqbeż l-ostaklu derivanti mill-preferenza tal-kumpannija ta' l-ajru għal prodotti ta' manifattur ieħor ta' prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi. Jista' jkun il-każ li l-ispiża in kwistjoni tkun negliġibbli meta mqabbla mad-dħul li jirriżulta għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni mill-bejgħ tal-komponenti BFE in kwistjoni, f'liema każ dan l-aġir ikun aġir kummerċjali razzjonali għall-imsemmija entità, iżda kienet il-Kummissjoni li kellha teżamina din il-kwistjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

 Fuq il-ħolqien tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi fil-futur

354    Anki jekk wieħed kellu jissupponi li l-Kummissjoni kienet uriet għas-suffiċjenza tad-dritt, u dan kontra ta' dak li jirriżulta mill-analiżi ta' iktar ’il fuq, li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tuża s-saħħa tas-sussidjarji tagħha fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, hija kien għad baqgħalha tistabbilixxi li dan il-fenomenu kien ser joħloq pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni. Fil-fatt, it-teżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tqis lil Honeywell li kienet il-mexxejja f'dawn is-swieq mingħajr ma kellha pożizzjoni dominanti qabel il-fużjoni, iżda li l-konċentrazzjoni kienet ser tkabbar is-saħħa tagħha b'mod li hija tiġi f'pożizzjoni dominanti in segwitu tal-fużjoni (premessi 241 sa 243 u 341 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li kien jeżisti suq distint għal kull prodott avjoniku u mhux avjoniku (premessa 242 u n-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 89) u li hija kienet tiddistingwi, barra minn hekk, għal kull prodott avjoniku, bejn is-suq tal-prodotti intiżi għall-ajruplani kummerċjali kbar, minn banda, u dak tal-prodotti intiżi għall-ajruplani reġjonali u tan-negozju, mill-banda l-oħra (premessa 231).

355    Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tas-sussidjarji ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni d-differenżi bejn l-attività tar-rikorrenti u tas-sussidjarji tagħha fir-rigward ta' kull waħda mill-kategoriji ta' ajruplani. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, qabel il-konċentrazzjoni, GE kienet f'pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar u għall-ajruplani reġjonali kbar, u kellha wkoll ċerta preżenza fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju, u li GECAS kienet tixtri ajruplani kummerċjali u reġjonali kbar bi spekulazzjoni, iżda d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda informazzjoni relattiva għall-attività ta' dawk l-entitajiet fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali żgħar. Sussidjarja oħra tar-rikorrenti, GECCAG, li ma kinitx tixtri ajruplani bi spekulazzjoni, kienet attiva bħala xerrejja fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju.

356    B'hekk, per eżempju, l-influwenza li GECAS kienet tkun tista' teżerċita fis-suq tal-prodotti avjoniċi intiżi għall-ajruplani reġjonali u tan-negozju kienet tiġi ridotta sostanzjalment bil-fatt li hija, bħala prinċipju, kienet tixtri ajruplani minn wieħed biss mit-tliet setturi in kwistjoni, dak ta' l-ajruplani reġjonali kbar. Peress li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni dawn il-parametri diversi relattivi għad-differenzi bejn is-swieq eżistenti, u r-raġunijiet li jistgħu jbiddlu dawn il-parametri jekk ikun il-każ wara l-konċentrazzjoni, hija ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li xi pożizzjoniet dominanti kienu ser jinħolqu fuq dawk is-swieq.

357    Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk li, peress li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni, fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn il-prodotti SFE-standard, li jiġu magħżulin definittivament mill-manifattur ta' l-ajruplani, u l-prodotti SFE-Option, li jiġu ċċertifikati mill-istess manifattur ta' l-ajruplani, u peress li l-għażla finali bejn żewġ, jew tliet, prodotti possibbli ssir mill-kumpannija ta' l-ajru, l-istess Kummissjoni ma indikatx fid-deċiżjoni kkontestata liema mill-prodotti avjoniċi SFE li ġew eżaminati fl-imsemmija deċiżjoni kkontestata jaqgħu taħt kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji. Kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, l-analiżi tal-proċess li saret mill-Kummissjoni, li tgħid li l-influwenza tas-sussidjarji tar-rikorrenti tista' tħalli l-effett tagħha, hija differenti ħafna skond jekk l-għażla finali tal-prodott avjoniku ssirx mill-manifattur ta' l-ajruplan jew mill-kumpannija ta' l-ajru (ara l-punt 328 iktar ’il fuq). Konsegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax biċ-ċar liema parti ta' l-analiżi tal-Kummissjoni tirrigwarda kull suq speċifiku għall-prodott SFE.

358    Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma indikatx liema mill-prodotti mhux avjoniċi eżaminati jinbiegħu f'SFE, f’SFE-option u f'BFE, rispettivament. B'hekk, għal darb'oħra, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit liema parti mill-analiżi tal-Kummissjoni tikkonċerna s-suq għal prodott speċifiku.

359    B'risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni u Rockwell Collins indikaw, għal kull prodott avjoniku u mhux avjoniku in kwistjoni, jekk dan jaqax taħt il-kategorija ta' prodotti SFE-standard jew SFE-option jew, għall-prodotti mhux avjoniċi, taħt dik tal-prodotti BFE. Madankollu, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tieħu in kunsiderazzjoni dawn ir-risposti biex tqassam dawn il-prodotti bejn it-tliet kategoriji msemmijin iktar ’il fuq sabiex tistabbilixxi l-identità tal-klijent li jagħmel l-għażla tal-prodott u, għaldaqstant, liema parti mill-analiżi tal-Kummissjoni tapplika għalih, il-Qorti kieku tkun qiegħda tagħmel aktar minn sempliċi interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tkun qiegħda b'hekk tissostitwixxi l-motivi tagħha.

360    Fi kwalunkwe każ, mir-risposti tal-Kummissjoni u ta' Rockwell Collins, imsemmija fil-punt 359 iktar ’il fuq, jirriżulta li mhuwiex dejjem faċli li wieħed ikun jaf f'liema kategorija ta' prodotti (SFE-standard, SFE-option, BFE) kull prodott irid jiġi kklassifikat, peress li hemm xi differenzi bejn dawn iż-żewġ risposti fir-rigward ta' ċerti prodotti. Minn dawn ir-risposti jirriżulta wkoll li ċerti prodotti avjoniċi u speċjalment dawk mhux avjoniċi huma prodotti mħalltin, daqqa mibjugħin bħala SFE-standard u daqqa bħala SFE-option, skond il-pjattaforma in kwistjoni. Konsegwentement, l-informazzjoni li hija nieqsa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prodotti individwali mhijiex neċessarjament xi informazzjoni magħrufa, anki għall-ispeċjalisti fl-industrija ajrunawtika.

361    Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni analizzat kull suq avjoniku u mhux avjoniku in kwistjoni b'mod qasir wisq fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 245 sa 275. Fis-sustanza, għal kull prodott hija indikat in-natura tiegħu, l-identità tad-diversi manifatturi tal-prodott u s-sehem mis-suq ta' l-istess manifatturi fiż-żewġ swieq stabbiliti b'riferiment għad-daqs ta' l-ajruplan mgħammar bil-prodott minn dawk avjoniċi.

362    Għandu jiġi kkonstatat li la dawn id-deskrizzjonijiet speċifiċi ta' kull suq qabel il-konċentrazzjoni li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas id-deskrizzjonijiet ġenerali, analizzati iktar ’il fuq, iddedikati għall-eżerċizzju tas-saħħa tas-sussidjarji tar-rikorrenti fis-swieq SFE-standard, minn banda, u fis-swieq SFE-option u BFE, mill-banda l-oħra, ma jippermettu li jiġi stabbilit x'kien ikun l-impatt probabbli ta' dan l-aspett tal-konċentrazzjoni fuq kull suq in kwistjoni. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, fil-fatt, li s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni f'kull suq hija differenti, fejn il-pożizzjoni relattiva u anki l-identità tal-kompetituri li huma preżenti fis-suq ivarjaw skond is-suq in kwistjoni.

363    B'hekk, il-Kummissjoni ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li l-prattiċi kkontemplati fid-deċiżjoni kkontestata kienu joħolqu pożizzjoni dominanti fuq xi suq jew ieħor, u inqas u inqas fis-swieq kollha, anki kieku l-istess prattiċi jiġu implementati.

 Konklużjoni

364    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b'ċertu livell ta' probabbiltà suffiċjenti li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tittrasferixxi għas-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi l-prattiċi kkonstatati mill-Kummissjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar konsistenti fl-isfruttar tas-saħħa finanzjarja tal-grupp GE attribwibbli lil GE Capital u fl-effett ta' lieva kummerċjali derivanti mix-xiri ta' l-ajruplani minn GECAS, sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tagħha. Fi kwalunkwe każ, hija ma pprovatx adegwatament li dawn il-prattiċi, anki kieku dawn ġew implementati, kienu verament joħolqu xi pożizzjonijiet dominanti fid-diversi swieq avjoniċi u mhux avjoniċi in kwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta qieset li s-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' xi pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi.

365    Fid-dawl tas-suespost, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat kif il-Kummissjoni ttrattat l-impenji li jirrigwardaw dan l-aspett tal-kawża, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-impenn relattiv għall-aġir futur ta' GECAS.

2.     Fuq il-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Osservazzjonijiet preliminari

366    F'dak li jirrigwarda l-punt tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità u l-inċentivi li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kellha biex tbiegħ pakketti ta' prodotti, ir-rikorrenti tafferma li dan la huwa ssostanzjat bi provi fattwali u lanqas b'xi mudell ekonomiku.

367    Fil-fehma tagħha, għandha ssir distinzjoni, partikolarment mil-lat ta' l-effetti tagħhom, bejn id-diversi tipi ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, jiġifieri l-"bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin" (mixed bundling), il-"bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri" (pure bundling) u l-"bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi" (technical bundling).

368    Il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri u tekniċi magħmul minn impriża f'pożizzjoni dominanti huwa, fil-fehma tar-rikorrenti, ġeneralment ikkunsidrat bħala antikompetittiv, sa fejn l-impriża torbot ix-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi f'suq fejn hija jkollha pożizzjoni b'saħħitha (is-suq li jorbot) max-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi fit-tieni suq (is-suq marbut), kemm għal raġunijiet purament kummerċjali, iżda però mingħajr kunsiderazzjoni finanzjarja, u kif ukoll għal raġunijiet tekniċi.

369    Mill-banda l-oħra, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin fejn il-pakkett tal-prodotti jinbiegħ bi prezz irħas huwa meqjus ġeneralment li jiffavorixxi l-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti tesponi li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin jista’ jkun antikompetittiv eċċezzjonalment biss fil-każijiet fejn il-kompetituri jiġu esklużi jew emarġinati permanentement. Biex dawn l-effetti jintwerew, għandha ssir analiżi ekonomika dettaljata.

370    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ħarġet b'teorija ġdida fuq l-effetti tal-konglomerat, li fiha tasserixxi "effett ta' lieva" (leveraging) li jippermetti li s-saħħa f'suq partikolari tintuża b'mod strateġiku biex jiġu esklużi l-kompetituri minn suq ieħor. Anki kieku wieħed kellu jissupponi li din it-teorija hija marbuta ma' xi konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tistax tiġi invokata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, sa fejn ma hijiex imniżżla fil-KI.

371    Mill-banda l-oħra, it-teorija relattiva għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ppreżentata fil-KI u bbażata fuq il-mudell Choi, ma turix xi effett ta' lieva. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tindirizzax, ta' l-inqas b'mod adegwat, il-possibbiltà li jkun hemm dan l-effett ta' lieva, u tillimita ruħha, mill-banda l-oħra, għall-analiżi ta' l-effetti antikompetittivi kkontemplati li tista' tiġi spjegata biss b'riferiment għall-mudell Choi, minkejja l-allegat abbandun tagħha.

372    Barra minn hekk, il-politika tal-prezzijiet predaturi mhijiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni ma ġabitx prova li GE kienet tkun inċentivata tippratika din il-politika. Il-Kummissjoni lanqas ma spjegat ir-rilevanza tar-riferimenti li hemm fid-deċiżjoni kkontestata għall-allegati effetti antikompetittivi li jirriżultaw mis-sussidji reċiproċi.

373    Il-Kummissjoni, Rolls-Royce u Rockwell jaffermaw li d-deċiżjoni kkontestata fiha provi konvinċenti dwar l-eżistenza tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti u tal-possibbiltajiet ġodda miftuħin għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni f'dan ir-rigward.

374    Il-Kummissjoni tesponi l-karatteristiċi prinċipali tas-swieq in kwistjoni li wassluha biex tikkonkludi li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet tkun inċentivata u jkollha l-kapaċità li teskludi l-kompetizzjoni. Fost dawn il-karatteristiċi hemm, partikolarment, is-sehem mis-suq ta' kull kontraent fil-konċentrazzjoni, in-natura kumplementari tal-magni ta' l-ajruplani u tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, l-ostakli importanti għad-dħul fis-swieq ikkunsidrati, l-ispejjeż sostanzjali għar-riċerka u l-iżvilupp, iż-żmien twil meħtieġ sabiex il-proġett isir vijabbli u n-nuqqas ta' poter li jikkumpensa min-naħa tal-klijenti jew ta' pressjoni kummerċjali sinjifikattiva tal-kompetituri.

375    Il-kombinazzjoni ta' sensiela wiesgħa ta' prodotti kumplementari tippermetti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tagħti skontijiet diskriminatorji permezz ta' sussidjar reċiproku lill-klijenti li jippreferu jagħżlu s-sensiela kompluta. Għalkemm, fil-qarib, din il-prassi kien ikollha effetti pożittivi fuq il-prezzijiet, fit-tul hija twassal għall-esklużjoni tal-kompetituri.

376    Il-Kummissjoni ssostni li, matul il-proċedura kollha, hija kkunsidrat li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, b’differenza tal-kompetituri tagħha, kien ser ikollha l-kapaċità u tkun inċentivata tbiegħ bil-pakketti ta' prodotti billi toffri skontijiet fuq il-prodotti ta' GE u ta' Honeywell li jkunu jiffurmaw il-pakket sħiħ. Din l-analiżi mhijiex ġdida, peress li din il-problema kienet diġà ġiet diskussa qabel waqt in-notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni u Rolls-Royce jenfasizzaw li t-teorija ta' l-effett ta' lieva kienet diġà teżisti fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 415).

377    Il-Kummissjoni tinsisti wkoll fuq il-fatt li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ma jġibx ħlief roħs temporanju fil-prezzijiet għal ċerta kombinazzjoni ta' prodotti, partikolarment minħabba li mill-konċentrazzjoni ma kienet ser tiżdied ebda effiċjenza partikolari. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-prassi telimina l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu f'diversi swieq.

378    Id-deċiżjoni kkontestata tindika biċ-ċar id-diversi forom ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti. L-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kien ser ikollha l-kapaċità li tisfrutta s-saħħa tagħha fis-suq, is-saħħa finanzjarja tagħha u s-sensiela ta' prodotti kumplementari, partikolarment bis-sussidjar reċiproku.

 Fuq l-eżistenza tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri u tekniċi

379    Skond ir-rikorrenti, għalkemm il-Kummissjoni, fil-bidu ta' l-analiżi tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, issemmi l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri u l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi, hija ma tagħmel ebda riferiment għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri iktar tard u tillimita ruħha li ssemmi l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi darbtejn biss mingħajr ma tressaq xi provi fattwali jew ekonomiċi fir-rigward ta' l-eżistenza tagħhom.

380    Fir-rigward tal-kunċett MEE (More Electrical Engine), dan ma jissemmiex fil-KI u jibqa' ipotetiku ħafna. L-eżempju magħmul minn Rockwell dwar is-sistema avjonika Primus Epic ma tikkonċernax il-konċentrazzjoni u ma tteħditx in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

381    Il-Kummissjoni terġa' tafferma li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha l-kapaċità li tissuġġetta l-bejgħ tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' Honeywell għall-bejgħ ta' magni GE u vice versa, u li tagħmel bejgħ għalhekk ta' pakketti ta' prodotti puri. Il-Kummissjoni ssostni, f'dan ir-rigward, li l-operazzjoni kienet ser toħloq konċentrazzjoni bla preċedent min-naħa tal-provvista u ssemmi f'dan ir-rigward l-EGPWS (Enhanced Ground Proximity Warning System, is-sistema tat-twissija għall-viċinanza ta' l-art) ta' Honeywell. Rockwell tikkwota żewġ eżempji ta' prodotti biex turi l-kapaċitajiet ta' integrazzjoni ta' Honeywell u l-użu minnha ta' locked interfaces. Rockwell issemmi wkoll is-sistema Primus Epic ta' Honeywell bħala eżempju tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ta' Honeywell.

382    Il-Kummissjoni tfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata, għadha ma seħħitx l-integrazzjoni espliċita tal-magni ta' l-ajruplani u tas-sistemi l-oħra. Il-kunċett MEE juri l-kapaċità li għandha Honeywell biex tintegra u l-importanza tagħha bħala fornitur indipendenti għall-iżvilupp ta' dan il-kunċett.

 Fuq l-eżistenza ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin

383    Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin huwa ġeneralment ikkunsidrat ta' benefiċċju għall-kompetizzjoni jobbliga lill-Kummissjoni li ġġib prova, minn banda, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun ser tirrikorri effettivament għal din il-prattika u, mill-banda l-oħra, li din il-prattika effettivament iġġib magħha l-esklużjoni jew il-emarġinazzjoni tal-kompetituri. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxi ebda waħda minn dawn.

384    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tafferma b'mod espliċitu li mhuwiex meħtieġ li hija tibbaża ruħha fuq xi wieħed mill-mudelli ppreżentati sabiex hija tikkonkludi li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser tkun f'pożizzjoni li toffri, kien ser jeskludi lill-kompetituri mis-swieq tal-magni u tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata). B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma baqgħetx tibbaża ruħha fuq il-mudell Choi. Filwaqt li tissuġġerixxi li m'hemm bżonn ta' ebda mudell ekonomiku biex issostni l-konklużjonijiet tagħha, GE tafferma li l-Kummissjoni fil-verità injorat il-provi mressqa minnha, li huma bbażati fuq ix-xogħol tal-professuri Nalebuff, Rey u Shapiro, minkejja li din l-evidenza kienet fondata sew.

385    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-osservazzjonijiet tal-partijiet intervenjenti fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti li mhuwiex strateġiku huma inkompatibbli mal-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni meta allegatament tiċħad il-mudell statiku Choi. Il-ġustifikazzjoni ex post facto tad-deċiżjoni kkontestata bit-teorija ta' l-aġir strateġiku għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li ma tniżżlitx fil-KI, ibbażata esklużivament fuq il-mudell Choi (sentenza Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, punt 40 supra). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament tabbina sehem CFMI mis-suq mat-teorija tagħha tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin sa fejn Snecma m'għandha ebda interess li tapprova politika ta' prezzijiet li jiffavorixxu l-prodotti ta' Honeywell.

386    Fi kwalunkwe każ, l-elementi essenzjali għall-effett ta' lieva ma ġewx stabbiliti, kemm fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin kif ukoll fir-rigward tat-teoriji l-oħra dwar is-sussidjar reċiproku jew il-prezzijiet predaturi. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma analizzatx is-swieq rilevanti u lanqas ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-valur tal-magni jeċċedi bil-ħafna dak tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi u li l-prattika tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin hija impossibbli meta jkun hemm diġà kuntratt bejn il-fornitur u l-manifattur ta' l-ajruplani li jobbliga lill-istess manifattur jixtri prodott speċifiku bi prezz fiss.

387    Bl-istess mod, ma ngħatat ebda indikazzjoni preċiża fir-rigward ta' l-effetti tal-konglomerat fil-futur relattivament qarib. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet in kunsiderazzjoni l-effett skoraġġanti ta' l-Artikolu 82 KE f'dan ir-rigward.

388    Ir-rikorrenti tirrileva f'dan ir-rigward fir-risposta tagħha għan-noti ta' intervent li, anki jekk wieħed kellu jassumi li t-teorija tal-Kummissjoni dwar l-aġir strateġiku (l-effetti ta' lieva) hija ammissibbli, il-Kummissjoni ma osservat ebda waħda mill-kundizzjonijiet preskritti fis-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra.

389    L-uniku eżempju ta' bejgħ li hemm fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 368) ta' pakketti ta' prodotti mħalltin ta' magni ma' affarijiet oħra huwa offerta ta' Honeywell għall-pjattaforma partikolari. Madankollu, il-Kummissjoni ma semmietx skontijiet f'dan il-każ. Barra minn hekk, dan il-manifattur ċaħad l-offerta ta' Honeywell għal sistemi addizzjonali, fatt li jixhed il-possibbiltà li għandhom il-manifatturi ta' l-ajruplani biex jgħaqqdu diversi fornituri.

390    Il-Kummissjoni tfakkar li l-mudelli ekonomiċi li ġew ippreżentati lilha kienu kontroversjali. Apparti l-analiżi tagħha stess, il-Kummissjoni evalwat il-mudell Choi u ppreżentatu fil-KI biex tħalli spazju għad-diskussjoni. Hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dan il-mudell sa fejn kien fih informazzjoni finanzjarja kunfidenzjali li hija ma setgħetx tibgħat lill-kontraenti fil-konċentrazzjoni. Min-naħa tagħha, hija la adottat u lanqas ċaħdet il-mudell Choi, u bbażat ruħha fuqu biss sabiex tistabbilixxi l-inċentivi li kien hemm għall-massimizzazzjoni tal-profitti għal żmien qasir. Hija tippersisti barra minn hekk f'li tiddistakka ruħha minnu, peress li ma jiħux in kunsiderazzjoni r-rieda strateġika ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u lanqas is-sitwazzjoni ta' dominanza li kienet teżisti qabel. Dan in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' l-aġir strateġiku huwa barra minn hekk komuni kemm għall-mudell Choi u l-ieħor, Nalebuff, li jipproponu biss viżjoni statika. Dawn iż-żewġ mudelli jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti jżidux il-profitti ta' l-impriża fil-qarib u jnaqqsux dawk tal-kompetituri tagħha, b'mod li hija tkun inċentivata tadotta din il-prattika.

391    Il-Kummissjoni ssostni li, fl-ambitu ta' viżjoni dinamika, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti jkun attraenti wkoll għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, anki jekk b'xi sagrifiċċju għal żmien qasir tal-profitti. Il-Kummissjoni u Rockwell jaffermaw li, fid-dawl tal-valur tal-magni, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kien ikollha kapaċità li ma ssibx bħalha biex tuża s-sistema ta' sussidjar reċiproku, ħaġa din li hija xhieda ta' l-aġir strateġiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kien ikollha l-kapaċità u tkun inċentivata tagħmel prezzijiet predaturi. Hija ssostni li din il-prattika ssemmiet fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 369.

392    Il-Kummissjoni tirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija eżaminat jekk il-karatteristiċi tas-settur kinux jirrendu possibbli u vijabbli l-prattiċi ta' esklużjoni tal-kompetituri bħalma huma l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti. Dawn il-karatteristiċi juru li GE kien ikollha l-possibbiltà li tifrex il-pożizzjonijiet dominanti tagħha fuq il-magni għal fuq il-pożizzjonijiet b'saħħithom ta' Honeywell fuq il-magni ta' l-ajurplani tan-negozju u fuq il-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi. Il-Kummissjoni qatt ma ddevjat minn din it-teorija ta' ekonomija hekk stabbilita.

393    Il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija rrispondiet għall-oġġezzjonijiet li jinsabu fir-rapport Shapiro, partikolarment fil-premessi 359 sa 386, b'mod partikolari billi straħet fuq eżempji tal-passat. B'hekk hija analizzat kompletament il-fehmiet tal-partijiet.

394    Rolls-Royce issostni li t-teorija tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mhijiex xi teorija ġdida u diġà ntużat mill-Kummissjoni. Minkejja n-nuqqas ta' kjarezza tal-kritika ta' GE dwar il-mudell ekonomiku li ġie kkonstatat, Rolls-Royce issostni li r-rapport tal-Frontier Economics juri kemm li l-Kummissjoni taqbel mal-mudelli Choi u Nelabuff, u kif ukoll li dawn il-mudelli jaqblu bejniethom, u fl-aħħar ukoll li hija bbażat ruħha fuq provi suffiċjentement empiriċi.

395    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li hija ħadet kompletament in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni AlliedSignal vs Honeywell iżda li l-konklużjonijiet ta' din id-deċiżjoni ma jistgħux sempliċiment jiġu applikati għall-każ preżenti. Il-każ preżenti jiddistingwi ruħu mis-saħħa ta' GE u s-sensiela ta' prodotti kkonċernati.

396    Rolls-Royce issostni li t-tendenza għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti fis-settur ġiet ampjament ipprovata u li l-konċentrazzjoni toħloq okkażjonijiet u inċentivi ġodda f'dan ir-rigward.

397    Fir-rigward tan-nuqqas ta' ness ta' kawżalità bejn il-prattiċi ssanzjonati u l-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-konċentrazzjoni ssaħħaħ l-effett ta' dawn il-prattiċi u dan minħabba s-sensiela ta' prodotti miksuba u s-saħħa ta' GE. Permezz tal-pożizzjonijiet dominanti tagħha fis-suq tal-magni bil-ġett, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha l-kapaċità li tifrex din is-saħħa għas-swieq ta' prodotti kumplementari ta' Honeywell fejn hija għad m'għandhiex pożizzjoni dominanti u li teskludi l-kompetituri tagħha. Il-karatteristiċi tas-suq ser ikunu jippermettu din l-esklużjoni, ta' l-inqas esklużjoni parzjali.

398    Il-Kummissjoni ssemmi, barra minn hekk, is-serje ta' eżempji ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

399    Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrilevat, fis-sustanza, li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, l-entita' li tirriżulta mill-fużjoni ser ikollha l-possibbiltà, b’differenza tal-kompetituri tagħha, li toffri lill-klijenti pakketti ta' prodotti (packages) għall-ajurplani kummerċjali kbar, għall-ajruplani reġjonali kbar u għall-ajruplani tan-negozju li jkun fihom fl-istess waqt kemm il-magni bil-ġett u kif ukoll prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi. Hija kkunsidrat ukoll li aġir bħal dan ikun kjarament fl-interess kummerċjali ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni u probabbilment iseħħ għalhekk wara l-operazzjoni (premessi 350 sa 404, 412 sa 416, 432 sa 434, 443 u 444, u 445 sa 458). Konsegwentement, tkun inħolqot pożizzjoni dominanti għall-ex-Honeywell fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi u jkunu ssaħħu l-pożizzjonijiet dominanti ta' GE, partikolarment fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar (premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata).

400    It-teżi tal-Kummissjoni tistrieħ fuq il-fatt li l-magni bil-ġett, minn banda, u l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, mill-banda l-oħra, huma prodotti kumplementari sa fejn dawn il-prodotti kollha huma indispensabbli għall-bini ta' l-ajruplan. Il-klijent finali, li jopera l-ajruplan, għandu għalhekk jixtrihom, direttament jew indirettament mingħand il-manifattur tagħhom. Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sostniet li l-klijenti għal dawn il-prodotti kollha huma essenzjalment l-istess u li l-bejgħ ta' dawn il-prodotti jista' għalhekk jinġabar bħala pakkett. Il-Kummissjoni tikkonstata wkoll li l-grupp tar-rikorrenti huwa wisq b'saħħtu finanzjarjament, kemm meta pparagunat mal-kompetituri prinċipali tiegħu fis-suq tal-magni bil-ġett kif ukoll meta pparagunat ma' dawk fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi (ara, f'dak li jikkonċerna lil dawn ta' l-aħħar, il-premessi 302 sa 304, 323 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessi 398 et seq). L-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun għalhekk f'pożizzjoni li tnaqqas il-marġni ta' profitt tagħha fuq il-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi bil-għan li tkabbar sehemha mis-suq u tagħmel aktar profitt fil-futur.

401    Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-aġir futur li huwa previst għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni jikkostitwixxi element indispensabbli fl-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-każ preżenti fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti. Fil-fatt, mill-fatt li r-rikorrenti ma kellha ebda preżenza fis-suq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi qabel il-konċentrazzjoni, flimkien mal-fatt li Honeywell ma kellha ebda preżenza fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar qabel il-konċentrazzjoni, jirriżulta li l-istess konċentrazzjoni ma kien ikollha ebda effett antikompetittiv tat-tip orizzontali fis-swieq imsemmijin. B'hekk, il-konċentrazzjoni, prima facie, ma kien ikollha ebda effett fuq is-swieq.

402    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni, fil-premessi 443 u 444 tad-deċiżjoni kkontestata, antiċipat li l-fenomenu tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti kien ikollu impatt fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju, għandu jiġi rrilevat li sehem ir-rikorrenti minn dan is-suq, qabel il-konċentrazzjoni, kien ta' [10 sa 20]% biss, f'termini ta' bażijiet installati, filwaqt li dak ta' Honeywell kien ta' [40 sa 50]%, u ta' [0 sa 10]% biss f'termini ta' bażijiet installati fuq l-ajruplani li għadhom jiġu prodotti, meta pparagunat ma' l-[40 sa 50]% sehem ta' Honeywell (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dawn iċ-ċirkustanzi, anki kieku jiġi muri li l-bejgħ ta' pakketti ta' magni u ta' prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi kien ser jibda jiġi pprattikat mill-entità li tirriżulta mill-fużjoni wara l-konċentrazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li ma jkun hemm ebda ness ta' kawżalità bejn il-konċentrazzjoni u dak il-bejgħ, bl-eċċezzjoni tal-minoranza żgħira tal-każijiet fejn il-magna tkun prodotta mill-ex-GE. Barra minn hekk, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-parti waħda jew l-oħra fil-konċentrazzjoni tipproduċi magni li jintramaw fuq ajruplani reġjonali żgħar. Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti futuri li jkun jista' jsir mill-entità li tirriżulta mill-fużjoni fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali jkun jikkonċerna biss l-ajruplani reġjonali kbar.

403    Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sostniet li għal kull prodott avjoniku intiż għall-ajruplani reġjonali u tan-negozju jeżisti suq għalih u jeżisti wkoll suq għal kull prodott mhux avjoniku intiż għall-ajruplani kollha, inklużi l-ajruplani kummerċjali kbar. B'hekk, ir-raġunament tagħha fir-rigward tal-ħolqien tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tad-diversi prodotti avjoniċi permezz tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ma jistax jiġi applikat għas-suq ta' kull prodott avjoniku differenti intiż għall-ajruplani tan-negozju u reġjonali. Fil-fatt, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti attribwibbli lill-konċentrazzjoni, anki kieku jirriżulta verament wara l-operazzjoni, ikun jista' jaffettwa biss parti minn dawn is-swieq, jiġifieri dak ta' l-ajruplani reġjonali kbar. Bl-istess mod, ir-raġunament tal-Kummissjoni jiddgħajjef, għalkemm sa ċertu punt, f'dak li jirrigwarda l-prodotti mhux avjoniċi li għalihom il-Kummissjoni ddefinixxiet suq għalih għal kull prodott speċifiku, ikun x'ikun id-daqs u l-karatteristiċi l-oħra ta' l-ajruplan li jkun mgħammar bihom.

404    Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa fis-settur ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, li għalih il-Kummissjoni ddefinixxiet swieq distinti kemm fir-rigward tal-magni bil-ġett kif ukoll fir-rigward ta' kull prodott avjoniku, li t-teżi tal-Kummissjoni fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tista' eventwalment tiġi kkonfermata.

405    F'dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta' l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar u għall-ajruplani reġjonali kbar kif ukoll fuq dawk tal-prodotti avjoniċi għall-ajruplani kummerċjali kbar u fuq dawk tal-prodotti mhux avjoniċi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni mhux biss kien ikollha l-kapaċità materjali li tagħmel il-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll, abbażi ta' provi konvinċenti, li hija kienet tirrikorri għal dawn il-prattiċi in segwitu għall-konċentrazzjoni, b'mod li kienet tinħoloq jew tissaħħaħ il-pożizzjoni dominanti fuq suq rilevanti wieħed jew aktar fil-futur relattivament qarib (sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, punti 146 sa 162).

406    Għandha ssir distinzjoni wkoll, kif ġustament tirrileva r-rikorrenti, bejn tliet fenomeni, jiġifieri l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri (pure bundling), jiġifieri l-bejgħ marbut ma' l-obbligu purament kummerċjali li jinxtraw żewġ prodotti jew aktar flimkien, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi (technical bundling), jiġifieri l-bejgħ marbut b'integrazzjoni teknika tal-prodotti, u l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin (mixed bundling), jiġifieri l-fatt li jinbiegħu diversi prodotti flimkien b'kundizzjonijiet aħjar minn dawk li jiġu proposti kieku l-prodotti jinxtraw separatament. L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' kull tip ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ser tiġi ttrattata taħt tliet kapi separati aktar 'l isfel. Jeħtieġ madankollu li jiġu eżaminati l-ewwel nett ċerti limitazzjonijiet prattiċi li jaffettwaw ir-raġunament tal-Kummissjoni fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti u li joħorġu mid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti in ġenerali

407    Hemm problema prattika f'dak li jikkonċerna l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tal-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti, sa fejn il-klijent finali għad-diversi magni bil-ġett, prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi mhuwiex dejjem l-istess.

408    Fil-fatt, meta magna partikolari tiġi magħżula b'mod esklużiv mill-manifattur ta' l-ajruplan, b'mod li l-pjattaforma tkun sole source, huwa l-istess manifattur ta' l-ajruplan li huwa essenzjalment il-klijent tal-manifattur, u l-istess japplika wkoll f'dak li jikkonċerna l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE- standard. F'din l-ipoteżi, l-unika għażla tal-kumpannija ta' l-ajru f'dan ir-rigward, hija, a priori, li tixtri jew li ma tixtrix l-ajruplan.

409    Mill-banda l-oħra, fil-każijiet fejn il-manifattur ta' l-ajruplan japprova diversi magni bil-ġett għall-pjattaforma tiegħu, li jagħmilha multi-source, hija l-kumpannija ta' l-ajru li tagħżel il-magna fost dawk li jkunu disponibbli, bħalma tagħmel f'dak li jirrigwarda l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi BFE u SFE-option. Mis-suespost jirriżulta li, a priori, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mhumiex possibbli, fir-rigward tal-manifatturi ta' l-ajruplani, ħlief bejn il-magni bil-ġett ta' GE u l-prodotti ta' Honeywell SFE-standard fuq il-pjattaformi sole-source u, fir-rigward tal-kumpanniji ta' l-ajru, ħlief bejn il-magni bil-ġett ta' GE u l-prodotti ta' Honeywell BFE/SFE-option fuq il-pjattaformi "multi-source".

410    Dawn il-konstatazzjonijiet jeskludu, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri fil-każijiet li mhumiex dawk imsemmijin iktar ’il fuq, jiġifieri jeskluduha fil-każijiet fejn il-klijent li jagħżel il-magna u dak li jagħżel il-prodott avjoniku jew mhux avjoniku in kwistjoni ma jkunux l-istess persuna.

411    Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-promozzjoni ta' prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE-standard fuq il-pjattaformi multi-source permezz ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax il-problema rrilevata fil-punt 408 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tillimita ruħha biex tafferma, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-"natura kumplementari tal-bejgħ tal-prodotti GE u ta' Honeywell, magħduda mal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fuq is-swieq, ser tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni l-kapaċità u l-inċentivazzjoni ekonomikament loġika biex tibda toffri pakketti ta' prodotti jew sussidjar reċiproku fuq il-bejgħ tal-prodotti liż-żewġ kategoriji ta' klijenti", u mill-bqija tirreferi għall-analiżi tagħha tal-prodotti SFE-option u BFE fil-premessi 350 et seq.

412    F'dak li jikkonċerna l-possibbiltà li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tippromwovi l-prodotti tagħha BFE jew SFE-option permezz tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin għall-pjattaformi sole source, jeżistu wkoll xi diffikultajiet peress li l-istess entità tkun obbligata, bħala prinċipju, fil-konfront tal-manifattur ta' l-ajruplan, tbiegħ il-magna tagħha bi prezz fiss, tkun xi tkun l-għażla li jagħmlu l-kumpanniji ta' l-ajru għall-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi BFE.

413    Għalkemm mill-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fatt li l-prezz għall-magna jiġi ffissat minn qabel ma jeskludix neċessarjament il-possibbiltà li jsir bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, xorta jibqa' l-fatt li din il-kunsiderazzjoni tnaqqas b'mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet li jsir bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom din il-magna, u tagħmilha aktar diffiċli għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni biex twettqu.

414    Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva, il-partijiet fil-konċentrazzjoni sostnew li jeżistu wkoll problemi prattiċi minħabba l-fatt li l-magni għall-pjattaforma partikolari jintagħżlu ġeneralment fi stadju aktar bikri fil-proċess ta' l-iżvilupp ta' ajruplan ġdid milli jintgħażlu l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, u dan anki meta jkunu prodotti SFE (ara l-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata). B'risposta għal din il-kritika, il-Kummissjoni tiċċita, fid-deċiżjoni kkontestata, xi eżempji fejn il-magni u l-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi kienu ntgħażlu bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien (premessa 372) u tikkonkludi li "wieħed ma jistax għalhekk jafferma li l-proċedura għall-għażla tas-sistemi ma tistax tiġi adattata għal żmien li jippermetti [l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti]" (premessa 373).

415    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat u li r-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkontestatx speċifikament li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mhuwiex impossibbli minħabba ż-żmien li fih jintgħażlu d-diversi prodotti. Madankollu, xorta jibqa' l-fatt li l-prattiċi kummerċjali in kwistjoni ma jidħlux b'mod naturali fil-modus operandi normali tas-swieq in kwistjoni; għal impriża dawn il-prattiċi jimplikaw sforz kummerċjali addizzjonali jekk hija tkun tixtieq timponihom fuq il-klijenti tagħha.

416    Għalkemm dawn il-problemi prattiċi ċertament ma jagħmluhiex impossibbli li jsir bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, xorta jibqa' l-fatt li dawn iżidu d-diffikultà li dan ikun jista' jsir, u, għaldaqstant, jagħmluh inqas probabbli li jsir.

 Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri

417    Għal dak li jikkonċerna l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri, il-Kummissjoni tikkontempla li hija l-magna jew wieħed mill-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi li jistgħu jkunu l-prodott li jorbot, jiġifieri l-komponent indispensabbli jew almenu l-komponent li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tagħżel l-ewwel u tirrifjuta li tbiegħ b'mod separat mill-prodotti l-oħrajn (premessi 351 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata).

418    Peress li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, partikolarment il-punti 408 sa 410, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti huwa konċepibbli biss meta l-klijenti huma l-istess għal kull prodott, għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li fil-każijiet fejn il-pjattaforma tkun "multi-source" fir-rigward tal-magna tagħha u li l-prodotti avjoniċi in kwistjoni jkunu prodotti BFE jew SFE-option, il-possibbiltà ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri tonqos ħafna. Fil-fatt huwa biss fil-każ fejn, għal raġunijiet tekniċi jew raġunijiet oħra, kumpannija ta' l-ajru jkollha preferenza ċara għall-magna ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni li strateġija bħal din tista' twassalha biex tixtri prodott avjoniku jew mhux avjoniku BFE mingħand l-entità li tirriżulta mill-fużjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma eżaminatx in concreto għal liema pjattaformi u/jew għal liema prodotti speċifiċi din il-politika kummerċjali setgħet tirriżulta effikaċi.

419    Għandu jiġi mfakkar ukoll f'dan ir-rigward il-fatt irrilevat iktar ’il fuq, b'mod partikolari fil-punt 362, li ma saritx analiżi ta' l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-swieq individwali tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ddefiniti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, peress li l-preferenzi għal prodott partikolari jkunu spiss relattivi, jiġifieri mhux assoluti, kien ikun meħtieġ, fil-kuntest ta' dik l-analiżi, li jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi kummerċjali negattivi potenzjali ta' dan il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri, fis-sens li din l-attitudni tista' forsi tiskoraġġixxi lix-xerrej tal-magna ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni minkejja l-preferenza tagħha, li jaf tkun anki żgħira, għaliha. Peress li l-Kummissjoni ma għamlet ebda eżami dettaljat ta' dan it-tip fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma stabbilixxietx li l-prattika tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri kienet tkun vijabbli għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni fil-każijiet fejn waħda mill-magni tagħha armata fuq il-pjattaforma multi-source tkun il-prodott li jorbot.

420    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-possibbiltà jintrabat il-bejgħ tal-magna li tintrama fuq ajruplan b'mod esklużiv u l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi SFE, il-Kummissjoni ma ressqet ebda eżempju konkret tal-funzjonament ta' l-aġir li hija antiċipat għall-futur. Għal darb'oħra, il-fatt li ma saritx analiżi speċifika tas-swieq ineħħi l-preċiżjoni meħtieġa mir-raġunament tagħha sabiex hija tkun tista' tiġġustifika l-konklużjoni li hija tasal għaliha. Għalkemm il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, hija kkunsidrat madankollu li kien hemm ċertu grad ta' kompetizzjoni fuq dan is-suq, b'mod li l-fatt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni "tisforza" lill-manifattur ta' l-ajruplan jagħżel xi prodotti avjonici jew mhux avjoniċi SFE jista' jkollha fuqha konsegwenza kummerċjali negattiva sa fejn dan jista' jwassal sabiex jintgħażel prodott ta' manifattur ieħor f'ċerti każijiet. Peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx din il-possibbiltà fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma pprovatx li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri kien jippermetti li jiġu introdotti l-prodotti SFE fuq il-pjattaformi ta' l-ajruplani kummerċjali kbar.

421    Fir-rigward tal-possibbiltà li xi wieħed mill-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi ta' l-ex- Honeywell jista' jservi ta' prodott li jorbot u jisforza lill-klijenti biex jixtru l-magna ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni, il-Kummissjoni ġġib, fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, eżempju wieħed konkret ta' bejgħ ta' pakketti ta’ prodotti puri. Fil-fatt, hija tirrileva dan li ġej: "L-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ser ikollha l-kapaċità li tissuġġetta l-bejgħ tal-prodotti fejn Honeywell għandha sehem ta' 100% mis-suq (per eżempju l-EGPWS) għall-bejgħ tal-magna bil-ġett tagħha. Sabiex jakkwistaw dawn il-prodotti, il-kumpanniji ta' l-ajru mhux ser ikollhom triq oħra ħlief li jixtru l-magna proposta mill-entità li tirriżulta mill-fużjoni." Għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li tiġi eżerċitata pressjoni simili fuq il-manifatturi ta' l-ajruplani, il-Kummissjoni tħossha inqas affermattiva u fil-premessa 416, tirrileva biss li "GE ser ikollha l-possibbiltà li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fil-konfront tal-manifatturi ta' l-ajruplani permezz tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti jew bejgħ ta' prodotti marbutin".

422    Għandu jiġi rrilevat li t-teżi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward tikkontempla li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun f'pożizzjoni li tħaddem xi forma ta' rikatt kummerċjali fil-konfront tal-klijenti tagħha billi tirrifjuta li tbiegħ il-prodott avjoniku li ma tantx jiswa iżda li huwa essenzjali, sakemm dawn ma jaċċettawx li jixtru l-magni bil-ġett tagħha. Għalkemm il-poter tal-klijenti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar sabiex jirreżistuha, u dan japplika kemm għall-manifatturi ta' l-ajurplani kif ukoll għall-kumpanniji ta' l-ajru, huwa limitat (ara l-punti 274 et seq iktar ’il fuq u l-premessi 224 sa 228 tad-deċiżjoni kkontestata) u jkun iktar limitat fil-konfront ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni in segwitu għall-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fil-każ preżenti, li dawn il-klijenti kienu jitilfu kull poter li jibqgħalhom sabiex jirreżistu l-impożizzjoni ta' din il-prassi.

423    Għal dak li jikkonċerna l-prodott speċifiku msemmi mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward, jiġifieri l-EGPWS, mill-premessi 253 sa 256 jirriżulta li kienu jeżistu prodotti oħra li jistgħu jiġu ssostitwiti minn dawk ta' l-ex- Honeywell. Il-Kummissjoni tikkonstata li ebda wiehed minn dawn il-prodotti ma nbiegħ fi kwantitajiet sinjifikattivi fis-suq u tirrileva li, skond Thales, in-nuqqas ta' reputazzjoni stabbilita għal prodott tagħha serviet ta’ ostaklu għad-dħul fis-suq. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tadotta l-attitudni kummerċjali estrema rrappreżentata mill-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri, jiġifieri, fir-realtà, tirrikatta li ser tirrifjuta li tbiegħ, il-klijenti jafu jippreferu jużaw prodott ieħor, anki jekk inferjuri, flok l-EGPWS ta' l-ex Honeywell, iktar milli jaċċettaw magna bil-ġett li mhijiex dik ta' l-għażla tagħhom. F'kull każ, kienet il-Kummissjoni li kellha tikkunsidra din il-possibbiltà. B'mod partikolari, hija ma injoratx il-possibbiltà li xi klijenti jagħżlu s-sistema TAWS (Terrain Avoidance Warning System) ta’ Universal Avionics, bħalma għamlet il-kumpannija ta' l-ajru Airborne f'Jannar 2001, fejn irrilevat biss li, skond Rockwell Collins, Universal Avionics ma assoċjatx ruħha magħha sabiex tirbaħ dan il-kuntratt (premessa 256). Dan il-fatt huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prodott ta' Universal Avionics jikkostitwixxix alternattiva vijabbli għal dik ta' Honeywell.

424    Fl-aħħar nett, skond is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, ikkonfermata f'dan ir-rigward fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 supra, il-Kummissjoni kellha tieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-impatt possibbli fuq is-swieq in kwistjoni, ta' l-effett potenzjalment skoraġġanti derivanti mill-projbizzjoni ta' l-abbużi mill-pożizzjonijiet dominanti preskritta fl-Artikolu 82 KE.

425    Fid-dawl tan-natura estrema, li minn perspettiva kummerċjali, għandu l-aġir deskritt iktar ’il fuq, li kien ikun neċessarju għat-twettiq ta' l-istrateġija bbażata fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt potenzjali tal-projbizzjoni ta' l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti fid-dritt komunitarju fuq l-inċentivazzjoni li jkollha l-entità li tirriżulta mill-fużjoni sabiex timplementa din il-prassi. Peress li hija ma għamlitx dan, hija wettqet żball tad-dritt li jivvizzja l-analiżi tagħha bi żball manifest ta' evalwazzjoni.

426    Fid-dawl tas-suespost, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx għas-suffiċjenza tad-dritt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tirrikorri għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri in segwitu għall-konċentrazzjoni u l-analiżi tagħha hija vvizzjata b'diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward.

 Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi

427    Għal dak li jikkonċerna l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-integrazzjoni bejn id-diversi prodotti avjoniċi u fuq l-iżvilupp futur tal-proġett tal-"magna ta' l-ajruplan b'iktar elettriku" (More Electrical Aircraft Engine, ara l-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li tammetti hija stess li "l-integrazzjoni espliċita tal-magna u tas-sistemi għadha ma seħħietx". Hija ssostni li hemm lok li wieħed jaħseb li din l-integrazzjoni ser isseħħ "fil-futur qarib" fil-kuntest tal-proġett imsemmi, iżda hija ma tipprovdi ebda dettalji fuq dan il-proġett u lanqas ma tagħti data li fiha wieħed għandu jistenna li sseħħ din l-integrazzjoni. Madankollu, hija tistrieħ esklużivament fuq l-iżvlupp futur ta' dan il-proġett sabiex tikkonkludi li l-eliminazzjoni ta' Honeywell, bħala sieħba potenzjali fl-innovazzjoni, ser issaħħaħ iktar il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar (premessi 417 u 418 tad-deċiżjoni kkontestata).

428    Din is-sempliċi deskrizzjoni ta' l-iżvilupp eventwali tas-suq, mingħajr espożizzjoni, anki jekk sommarja, tad-dettalji tal-proġett li ser jagħmel dan l-iżvilupp possibbli mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika t-teżi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

429    Skond is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra (punti 155 et seq), kif ikkonfermata fl-appell f'dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 supra (punti 39 et seq), hija l-Kummissjoni li għandha turi, fir-rigward ta' l-iżvilupp futur tas-suq, abbażi ta' elementi ta' prova sodi u b'ċertu grad ta' probabbiltà suffiċjenti, mhux biss li l-aġir futur previst minnha ser iseħħ fil-futur relattivament qarib, iżda li, barra minn hekk, dan l-aġir ser iwassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fil-futur relattivament qarib, ħaġa din li ma saritx f'dan il-każ. In-nuqqas ta' analiżi dettaljata ta' l-integrazzjoni teknika li tista' tinħoloq bejn il-magni bil-ġett, minn banda, u l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, mill-banda l-oħra, kif ukoll l-impatt potenzjali ta' din l-integrazzjoni fuq kif l-iżvilupp tad-diversi swieq jista' jseħħ, ixejjen iktar mill-kredibbiltà tat-teżi tal-Kummissjoni. Mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni ssemmi serje ta' fażijiet loġiċi iżda ipotetiċi, li, kieku jseħħu, hija tibża’ li jkollhom konsegwenzi negattivi għall-kompetizzjoni fuq serje ta' swieq differenti. Mill-banda l-oħra huwa obbligu tagħha li tanalizza speċifikament l-iżvilupp potenzjali ta' kull suq li fuqu hija tkun trid turi l-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti minħabba l-operazzjoni notifikata, u tikkorrobora l-istess bi provi konvinċenti.

430    Fid-dawl tas-suespost, il-Kummissjoni ma approvatx b'mod adegwat li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ikollha l-kapaċità materjali, preċiżament wara l-konċentrazzjoni, jiġifieri fil-futur relattivament qarib, li torbot il-bejgħ tal-prodotti avjoniċi u/jew mhux avjoniċi tagħha ma' dak tal-magni bil-ġett permezz ta' limitazzjonijiet tekniċi.

 Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin

431    Għal dak li jikkonċerna l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, għandu jiġi kkonstatat li, salv għall-konstatazzjonijiet magħmulin fil-punti 408 sa 411 iktar ’il fuq li jirrigwardaw l-identità tal-klijent, u dawk magħmulin fil-punti 414 u 415 rigward iż-żmien li fih jiġu ordnati d-diversi komponenti ta' l-ajruplan, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni setgħet, f'ċerti każijiet u għal ċerti prodotti, toffri prezzijiet irħas għal sensiela ta' prodotti bil-kundizzjoni li dawn jiġu magħżulin kollha. Fil-fatt, operatur ekonomiku, bħala prinċipju, jista' dejjem jagħmel offerta globali li tkopri diversi prodotti li jiġu normalment mibjugħin separatament.

432    Madankollu, offerta bħal din ma jkollhiex effett ekonomiku fis-suq sakemm il-klijenti jaċċettawha u, b'mod partikolari, ma jitolbux li jżarmaw l-offerta fil-prodotti singoli. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha turi li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tkun f'pożizzjoni li tinsisti mal-klijenti tagħha li l-pakkett li hija kienet qiegħda toffri jibqa' sħiħ. Barra minn hekk, kif digà ġie rrilevat iktar ’il fuq, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi li kien hemm il-probabbiltà li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni timplementa l-prassi tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti.

433    Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, il-Qorti tal-Prim'Istanza esprimiet ruħha b'mod relattivament strett fuq il-kwistjoni dwar liema provi għandha tressaq il-Kummissjoni jekk hija tistrieħ, bħala element ta’ l-analiżi tagħha, fuq il-fatt li l-impriża ser tadotta aġir partikolari fil-futur b'mod li ser tinħoloq pożizzjoni dominanti, u kkunsidrat li kien obbligu tagħha li tressaq provi konvinċenti f'dan il-każ (ara, b'mod partikolari, il-punti 154 et seq tas-sentenza). Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja meta kkonfermat din il-parti tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Prim'Istanza, bl-użu ta' dawn it-termini, b’ebda mod ma żiedet kundizzjoni dwar il-grad ta’ prova meħtieġ, iżda sempliċement ġibdet l-attenzjoni għall-funzjoni essenzjali tal-prova, li hi li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-mertu ta’ argument jew, bħal f’dan il-każ, ta’ deċiżjoni dwar konċentrazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 supra, punt 41).

434    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni essenzjalment għamlet tliet tipi ta' raġunamenti distinti fid-deċiżjoni kkontestata biex tistabbilixxi l-probabbiltà li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni sejra verament tipprattika bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin.

435    Primarjament, hija sostniet li l-prattiċi simili għal dawk li hija tikkontempla diġà ntużaw fis-swieq in kwistjoni fil-passat, partikolarment minn Honeywell (ara, partikolarment il-premessi 361 sa 370 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi rrilevat ukoll, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tqis rilevanti f'dan ir-rigward is-"saħħa ta' Honeywell fil-qasam ta' l-integrazzjoni tal-[prodotti]" (premessi 289 sa 292 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll is-"saħħa ta' Honeywell fil-qasam tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti" (premessi 293 sa 297 tad-deċiżjoni kkontestata).

436    Fit-tieni lok, hija sostniet li minn teoriji ekonomiċi stabbiliti, b'mod partikolari l-"effetti Cournot" (ara, partikolarment, il-premessi 374 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta b'mod partikolari li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tkun inċentivata ekonomikament li teżerċita l-prattiċi previsti mill-Kummissjoni, mingħajr il-ħtieġa li wieħed jistrieħ fuq mudell ekonomiku speċifiku f'dan ir-rigward.

437    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-obbjettiv strateġiku ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni ser ikun li żżid is-saħħa tagħha fuq id-diversi swieq li fihom hija preżenti u li, fid-dawl ta' din ir-rieda, il-prattika tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ser tkun aġir ekonomikament razzjonali għaliha u, għaldaqstant, aġir probabbli (ara, b'mod partikolari l-premessi 353, 379, 391 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata). B'risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni indikat, fis-seduta, li hija kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq l-effett ikkombinat ta' l-inċentivazzjoni li tirriżulta, fil-fehma tagħha, mis-sitwazzjoni kummerċjali tar-rikorrenti u ta' l-għażla strateġika ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni.

438    Dawn it-tliet tipi ta' raġunamenti użati mill-Kummissjoni f'din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ser jiġu eżaminati suċċessivament iktar 'l isfel.

–       Fuq il-prassi preċedenti

439    Għal dak li għandu x'jaqsam mal-prassi preċedenti, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-eżempji ppreżentati mill-Kummissjoni jirrigwardaw essenzjalment il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti allegatament imwettaq minn Honeywell tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi (ara, partikolarment, il-premessi 362 sa 365 u 367 tad-deċiżjoni kkontestata). anki jekk wieħed kellu jassumi li dawn l-eżempji ġew ipprovati għas-suffiċjenza tad-dritt, ftit huma rilevanti biex juru l-eżistenza probabbli tal-kapaċità ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni biex tgħaqqad il-bejgħ tal-magni ma' dak tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, u l-inċentivazzjoni kummerċjali biex tagħmel dan. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-prezz tal-magna huwa nettament ogħla minn dak ta' kull komponent avjoniku jew mhux avjoniku, b'mod li d-dinamika kummerċjali tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin hija differenti ħafna skond jekk tirrigwardax biss prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, minn banda, jew dawn il-prodotti jkunux flimkien mal-magni, mill-banda l-oħra. B'hekk, ma jistax jiġi stabbilit, abbażi ta' l-eżempji relattivi għall-prodotti avjoniċi u prodotti mhux avjoniċi biss, li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom ukoll il-magni bil-ġett kienu jkunu vijabbli u kummerċjalment vantaġġjużi għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni in segwitu għall-konċentrazzjoni.

440    L-uniku eżempju konkret ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, imsemmi mill-Kummissjoni, li jirrigwarda kemm il-magni u kif ukoll il-prodotti avjoniċi/mhux avjoniċi, jirrigwardawx [...], ajruplan tan-negozju (ara l-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni tammetti hija stess, fl-aħħar frażi tal-premessa 368, li l-manifattur ta' l-ajruplani in kwistjoni [...]. B'hekk, dan l-eżempju, kif ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistabbilixxix li Honeywell setgħet effettivament tbiegħ pakketti ta' prodotti li jinvolvu magni ta' l-ajruplani tan-negozju u prodotti avjoniċi/mhux avjoniċi. Anzi għall-kuntrarju, il-fatt li [...] hija ċ-ċaħda stess tat-teżi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

441    Il-Kummissjoni tirrileva wkoll fil-premessi 366 u 367 tad-deċiżjoni kkontestata li l-possibbiltà li Honeywell tbiegħ b'mod estensiv pakketti ta' prodotti li jkun fihom magni u prodotti avjoniċi/mhux avjoniċi nibtet biss reċentement, partikolarment wara l-fuzjoni bejn Honeywell u AlliedSignal fl-1999. Għalkemm dan il-fatt jista' jispjega għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx issib ħlief eżempju wieħed ta' dan il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, l-istess fatt ma jistax jirrimedja n-nuqqas ta' eżempji konvinċenti li fuqhom il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' eventwalment tikkonkludi li l-prassi preċedenti turi li hemm probabbiltà li prattiċi simili jseħħu fil-futur.

442    Barra minn hekk, hemm differenzi sinjifikattivi bejn is-settur ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, fejn il-konċentrazzjoni tippermetti lill-entità li tirriżulta mill-fużjoni li, fil-futur, tbiegħ pakketti ta' prodotti għall-ewwel darba u dak ta' l-ajruplani tan-negozju, partikolarment sa fejn l-ajruplani msemmijin l-ewwel ikunu spiss pjattaformi "multi-source" fejn jirrigwarda l-magna, fejn il-klijent tal-manifattur tal-magna jkun il-kumpannija ta' l-ajru, filwaqt li l-ajruplani tan-negozju jkunu dejjem pjattaformi "solesource", fejn il-klijent huwa l-manifattur ta' l-ajruplan.

443    Fid-dawl tas-suespost, l-eżempji mressqin mill-Kummissjoni relattivi għall-prassi preċedenti ta' Honeywell ma jistabbilixxux li kien probabbli li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tidħol f'bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom, minn banda, il-magni bil-ġett ta' l-ex-GE u, mill-banda l-oħra, il-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' l-ex-Honeywell.

–       Fuq l-analiżi ekonomika

444    Fir-rigward tat-tieni aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-mudelli ekonomiċi, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-KI, fuq il-mudell Choi, fejn jingħad li impriża bħall-entità li tirriżulta mill-fużjoni li jkollha sensiela sostanzjali ta' prodotti jkollha l-kapaċità u l-interess meħtieġ biex tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni sussegwentement abbandunat dan il-mudell fid-deċiżjoni kkontestata. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tafferma quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija la adottat u lanqas ċaħdet dan il-mudell, filwaqt li kkunisdrat li l-inċentivazzjoni li in segwitu għall-konċentrazzjoni l-entità li tirriżulta mill-fużjoni jkollha biex tbiegħ pakketti ta' prodotti tirriżulta fi kwalunkwe każ mit-termini tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-premessi 374 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-"effetti Cournot").

445    Għandu jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, affermat li ma kienx meħtieġ li hija tibbaża ruħha fuq xi wieħed mill-mudelli msemmijin fil-kors tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-seduta fir-rapport tiegħu kkonstata li l-Kummissjoni ma baqgħetx tibbaża ruħha fuq il-mudell Choi fl-abbozz tad-deċiżjoni tagħha.

446    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma għamlitx riferiment għall-mudell Choi, ħlief b'mod indirett, sa fejn hija tirrileva, fil-premessa 352, li "id-diversi analiżi ta' natura ekonomika taw lok għal dibattitu teoriku, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-mudell ekonomiku [bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin] ippreparat minn waħda mit-terzi persuni". Mill-banda l-oħra, kif tirrileva r-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet esponiet b'mod dettaljat il-kontenut tal-mudell Choi fil-KI u kienet invokat espressament dan il-mudell bħala element ta' prova li jikkorrobora t-teżi tagħha fir-rigward ta' l-aġir futur ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni u tal-konsegwenzi ekonomiċi ta' l-istess. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-Kummissjoni m'ammettietx li l-mudell Choi ma kellux valur probatorju, fil-fatt hija ma bbażatx ruħha fuqu b'mod pożittiv fid-deċiżjoni kkontestata. B'hekk, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, li d-deċiżjoni kkontestata ma hija sostnuta bl-ebda mudell ekonomiku li janalizza, abbażi ta' informazzjoni speċifika għall-każ preżenti, il-konsegwenzi probabbli ta' l-operazzjoni notifikata.

447    Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta' dan il-mudell ekonomiku, il-Kummissjoni pprovatx li kien ser ikun hemm inċentivi għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni biex tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin.

448    Fil-premessi 349 sa 355 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tesponi l-mekkaniżmu li bih kienu ser jinħolqu l-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, il-Kummissjoni sempliċement tispjega r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tkun f'pożizzjoni li tbiegħ pakketti ta' prodotti in segwitu għall-operazzjoni. B'hekk, hija tagħmel riferiment, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti SFE-standard, għall-"kapaċità li l-entità l-ġdida toffri pakketti ta' prodotti lill-manifatturi ta' l-ajruplani " (premessa 349). Fir-rigward tal-prodotti BFE u SFE-option, hija tafferma li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni "tkun kapaċi toffri pakketti ta' prodotti li ma ġew qatt mgħaqqdin fis-suq qabel il-konċentrazzjoni u li magħhom ebda kompetitur individwali ma jista' jikkompeti" (premessa 350), b'mod li hija tkun tista "tippromwovi l-għażla tal-prodotti BFE u SFE-option ta' Honeywell billi tintegrahom f'pakkett ikbar ta' magni u ta' servizzi awżiljari ta' GE" (premessa 350) u li hija "tkun f'pożizzjoni li tiffissa l-prezz tal-pakketti ta' prodotti b'mod li tinkoraġġixxi lill-klijenti biex jixtru l-magni ta' GE u l-prodotti BFE u SFE-option ta' Honeywell iktar milli dawk tal-kompetituri" (premessa 353).

449    Kull fejn, fil-imsemmijin premessi 349 sa 355, il-Kummissjoni tirreferi għall-inċentivi, iktar milli s-sempliċi kapaċità li kien ikollha l-entità li tirriżulta mill-fużjoni sabiex timplementa dawn il-prattiċi, ebda prova u ebda analiżi li jistgħu jistabbilixxu l-probabbiltà reali li tali inċentivi jitfaċċaw wara l-konċentrazzjoni ma tressqu. B'hekk, il-Kummissjoni sempliċement affermat, fil-premessa 349, li n-natura kumplementari tal-bejgħ tal-prodotti ta' GE u ta' Honeywell, magħduda mal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fis-suq, ser tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni l-kapaċità u l-inċentivazzjoni kummerċjalment loġika, li toffri pakketti ta' prodotti jew sussidjar reċiproku għall-bejgħ tal-prodotti liż-żewġ kategoriji ta' klijenti" mingħajr ma tispjega għaliex hija tqis li dawn iċ-ċirkustanzi huma biżżejjed biex joħolqu dawn l-inċentivi. Fil-premessa 354, hija tirrileva li "l-inċentivi ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni biex tbiegħ pakketti ta' prodotti jistgħu, f'temp qasir jew medju, jitbiddlu, per eżempju, meta jiġu żviluppati ġenerazzjonijiet ġodda ta' pjattaformi u ta' tagħmir ta' l-ajruplani", iżda ma tindikax x'ikunu l-kawżi għal dawn l-inċentivi, u lanqas x'ikunu d-differenzi bejn l-istess inċentivi qabel jew wara l-iżvilupp antiċipat.

450    B'hekk, l-espożizzjoni fil-premessi 349 sa 355 ma tistabbilixxix li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tkun inċentivata tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin in segwitu għall-konċentrazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqajjem kunsiderazzjonijiet oħra taħt il-kap "(2) L-argumenti tal-partijiet li jirrigwardaw il-bejgħ [ta' pakketti ta' prodotti]". B'mod partikolari, parti minnhom taħt dan il-kap hija, min-naħa tagħha, intitolata "L-effett Cournot tal-bejgħ [ta' pakketti ta' prodotti]". Il-kunċett ta' l-"effetti Cournot" huwa teorija ta' l-ekonomija li tiddeskrivi, fis-sustanza, il-vantaġġi li ditta jkollha meta tbiegħ sensiela kbira ta' prodotti, fir-rigward tal-kompetituri tagħha li jkollhom numru iżgħar ta' prodotti, minħabba li, għalkemm hija toffri skontijiet fuq il-prodotti kollha fis-sensiela, u tirriduċi għalhekk il-marġni ta' profitt li hija jkollha fuq kull wieħed, hija tibbenefika madankollu b'mod globali minn din il-prassi minħabba li hija tbiegħ kwantità akbar mill-prodotti kollha tas-sensiela ta' prodotti tagħha.

451    Fil-premessi 374 sa 376, li jidhru taħt l-istess kap, il-Kummissjoni tirrispondi, fis-sustanza, għall-argumenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li "huma jinsabu ftit inċentivati sabiex inaqqsu l-prezzijiet tal-prodotti rispettivi tagħhom minħabba l-inelastiċità relattiva tad-domanda għall-ajruplani meta mqabbla mal-prezz tal-magni u tal-komponenti u minħabba, ukoll, li l-prezz globali ta' l-ajruplan huwa biss wieħed mill-fatturi numerużi li jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-kumpannija ta' l-ajru meta tkun qiegħda tiddeċiedi jekk tixtrix ajruplan addizzjonali".

452    Peress li fil-premessa 375, il-Kummissjoni rrilevat li hija ma kinitx tqis id-domanda għat-tagħmir u l-komponenti ta' l-ajruplani bħala totalment "inelastika", hija tkompli biex tafferma fil-premessa 376 li, fi kwalunkwe każ, id-domanda għall-prodotti ta' kull entità meħuda individwalment hija fir-realtà elastika. Hija tiddeduċi għalhekk li "anke jekk [il-prassi tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti] ma taffettwax il-volum tad-domanda globali għall-ajruplani jew għall-magni bil-ġett u l-komponenti, din il-prassi twassal għal riallokazzjoni ta' l-ishma mis-suq favur l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni".

453    Minn dan ir-raġunament jirriżulta li, skond il-Kummissjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tkun inċentivata tbiegħ pakketti ta' prodotti in segwitu għall-konċentrazzjoni bis-saħħa ta' l-effett Cournot, u dan irrispettivament minn jekk id-domanda, fil-livell tas-suq ta' kull prodott użat għall-ajruplani jkunx elastiku jew le. Madankollu, kif tafferma l-agenzija Frontier Economics, li ġiet inkarigata minn Rolls-Royce fil-każ preżenti, fil-fuljett dwar il-kompetizzjoni tagħhom ta’ Awissu 2001 anness mar-rikors, dimostrazzjoni bbażata fuq l-effetti Cournot titlob analiżi empirika dettaljata, kemm fir-rigward tal-portata tat-tnaqqis fil-prezzijiet u tal-movimenti fil-bejgħ li jkunu mistennija kif ukoll ta' l-ispejjeż u tal-marġni ta' profitt tad-diversi operaturi fis-suq.

454    Għandu jiġi rrilevat ukoll li jidher li l-Kummissjoni stess ikkunsidrat, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, li għal din id-dimostrazzjoni kienet meħtieġa anliżi ekonomika. Fil-fatt, il-punti 526 sa 528 tal-KI huma identiċi għall-premessi 374 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għall-fatt illi, fil-KI, hemm nota tal-qiegħ tal-paġna nru 175, li għaliha hemm riferiment fit-tmiem tal-punt 528 ta' l-istess, fejn il-Kummissjoni tirrileva li l-professur Choi kien ħoloq mudell li janalizza l-ipoteżi li biha d-domanda għall-prodotti in kwistjoni tkun inelastika, u li fiha jirriżulta li l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti seta' jkollhom effetti antikompetittivi.

455    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka r-rapporti ta' l-ekonomisti l-oħrajn, b'mod partikolari dawk tal-professuri Nalebuff, Rey u Shapiro, annessi mar-risposta għall-KI u mar-rikors, li jindikaw, fis-sustanza, li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni probabbilment ma kinitx tkun inċentivata, in segwitu għall-konċentrazzjoni, sabiex tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin, almenu b'mod sinjifikattiv, u dan b'kuntrast mal-konklużjoni tal-professur Choi. B'mod partikolari, il-professuri Nelabuff u Rey jikkritikaw is-suppożizzjonijiet inizjali tal-professur Choi fir-rigward tan-natura tas-suq, u l-professur Rey jirrileva, partikolarment, li l-mudell Choi kien jista’ jipproduċi (validament skond il-limitazzjonijiet ta’ l-evalwazzjoni tiegħu) riżultati diverġenti skond il-parametri inizjali li jiġu użati.

456    Mingħajr il-ħtieġa li, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, jiġi analizzat fid-dettall il-mertu tal-konklużjonijiet li għalihom waslu d-diversi ekonomisti u l-piż relattiv ta' l-analiżi rispettiva tal-professuri Nalebuff, Rey u Shapiro meta mqabbla ma' dik tal-professur Choi, jista' jiġi dedott li l-kwistjoni dwar jekk l-effetti Cournot kinux jinċentivaw lill-entità li tirriżulta mill-fużjoni sabiex tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin fil-każ preżenti hija suġġett ta' kontroversja. Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta’ jekk ikunx hemm din l-inċentivazzjoni ċertament mhijiex il-konsegwenza diretta u awtomatika tat-teorija ekonomika ta' l-effetti Cournot.

457    Barra minn hekk, hemm kunsiderazzjoni oħra dwar l-implementazzjoni tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti li tindika li t-teżi tal-Kummissjoni ma tistax tiġi mibnija fuq l-effetti Cournot fil-każ preżenti.

458    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament irrilevat, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li Snecma ma kien ikollha ebda interess tissagrifika parti mill-profitti tagħha billi tnaqqas il-prezzijiet għall-finijiet li tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti ta' l-ex-Honeywell, b'mod li l-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom il-magni CFMI kienu jkunu impossibbli. Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ħaditx debitament in kunsiderazzjoni l-impatt kummerċjali li dan il-fatt kien bilfors ikollu fuq l-inċentivazzjoni ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni sabiex, in segwitu għall-konċentrazzjoni, hija tbiegħ pakketti ta' prodotti, meta fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata hija rrilevat li m'hemm ebda raġuni għalfejn Snecma, li mhijiex f’kompetizzjoni ma' GE bħala manifattur tal-magni indipendenti, m'għandhiex tinkoraġġixxi dan l-aġir.

459    Fl-ipoteżi li Snecma taċċetta li tnaqqas l-prezz tal-bejgħ tal-magna CFMI sabiex iżżid il-bejgħ ta' pakkett ta' prodott billi tgħaqqad din il-magna mal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi mmanifatturati mill-entità li tirriżulta mill-fużjoni, hija ma tibbenefikax minn dan ħlief sa fejn il-bejgħ tagħha tal-magna jiżdied. Għaldaqstant ma jkun hemm ebda effetti Cournot li jservu biex iżidu l-profitti ta' Snecma fuq sensiela ta' prodotti. Għalkemm il-fenomenu ta' l-effetti Cournot jikkostitwixxi, skond it-teżi tal-Kummissjoni, prova ta' l-eżistenza ta' l-inċentivazzjoni għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament ma jistax jiġġustifika l-konklużjoni tagħha, fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, li f'dan ir-rigward, Snecma kien ikollha l-istess interess kummerċjali bħall-entità li tirriżulta mill-fużjoni.

460    B'hekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-magna offrut lill-klijenti fil-kuntest ta' bejgħ ta' pakkett ta' prodotti mħalltin fejn ikun hemm inkluża l-magna CFMI ikollhom, bħala prinċipju, jiġu ffinanzjati esklużivament minn GE. Fi kliem ieħor, ammont korrispondenti għall-valur assolut ta' dan it-tnaqqis kien ikollu jiġi mnaqqas minn kważi nofs il-prezz tal-magna CFMI dovut lil GE minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-impriża komuni, u dan peress li Snecma ma kien ikollha ebda interess kummerċjali paragunabbli ma' dak ta' GE sabiex tipparteċipa għall-finanzjament ta' dan it-tnaqqis b'mod sinjifikattiv. B'hekk, l-effett ta' "lieva" li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ikollha fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar, sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti, kien ikun, bħala prinċipju, iżgħar f'dak li jikkonċerna l-magni ta' CFMI milli għall-magni prodotti minn GE biss.

461    Konsegwentement, il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom il-magni CFMI kien ikun ħafna inqas vijabbli kummerċjalment mil-lat ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni milli kien ikun kieku r-rikorrenti kienet l-uniku manifattur ta' dawk il-magni. anki kieku wieħed kellu jissupponi li l-eżistenza ta' l-effett Cournot seta' ġie pprovat fil-każ odjern għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom il-magni ta' l-ex-GE, kien ikun neċessarju li l-Kummissjoni tagħmel analiżi separata, fejn tieħu in kunsiderazzjoni l-fenomenu li ġie nnotat fil-punt preċedenti, sabiex tivverifika jekk dan l-effett kienx ikun preżenti fil-każ ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin li jkun fihom il-magna CFMI.

462    Fid-dawl tas-suespost, ir-riferiment qasir li l-Kummissjoni għamlet għall-kunċett ta' l-effetti Cournot fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li wieħed jasal għall-konklużjoni, fin-nuqqas ta' analiżi ekonomika dettaljata li tapplika din it-teorija għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ preżenti, li l-prassi ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin kienet tkun probabbli in segwitu għall-konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet tressaq provi konvinċenti fis-sens tas-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, billi tibbaża ruħha fuq l-effetti Cournot biss jekk hija tkun uriet l-applikabbiltà konkreta tagħhom. B'hekk, bis-sempliċi deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li fil-fehma tagħha javveraw ruħhom fis-suq in segwitu għall-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, bi grad ta' probabbiltà suffiċjenti, li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tirrikorri għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin wara li sseħħ il-konċentrazzjoni.

–       Fuq in-natura strateġika ta' l-aġir previst

463    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, sostniet li d-deskrizzjoni tagħha tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti u tal-probabbiltà li dan iseħħ verament għandha tinqara fid-dawl tal-fatt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni ser tisserva mill-kapaċità tagħha biex toffri pakketti ta' prodotti b'mod strateġiku bħala "lieva" speċifikament bil-għan li temarġina lill-kompetituri tagħha. Ir-rikorrenti tqis li din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija "inammissibbli" minħabba li din tinvolvi spjegazzjoni li tqajmet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fis-sustanza, hija tikkritika lill-Kummissjoni li din qiegħda tipprova tirrimedja d-defiċjenzi tagħha fl-istadju tal-proċeduri ġudizzjarji. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, affermat li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni ser tuża l-kapaċità tagħha li tbiegħ pakketti ta' prodotti b'mod strateġiku fil-futur bil-għan li telimina l-kompetituri tagħha, partikolarment permezz tas-sussidjar reċiproku (ara, b'mod partikolari, il-premessi 353, 379, 391 u 398). Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqin mir-rikorrenti.

464    F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 60 supra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, bħalma għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-aġir li fil-fehma tagħha jkun ser jiġi adottat fil-ġejjieni mill-entità li tirriżulta mill-fużjoni in segwitu għall-konċentrazzjoni, tkun hi li tistabbilixxi, abbażi ta' provi konvinċneti u b'ċertu grad ta' probabbiltà suffiċjenti, li dan l-aġir ikun ser iseħħ verament (ara, ukoll, il-punt 64 iktar ’il fuq).

465    Fil-każ odjern, diġà ġie kkonstatat aktar ’il fuq fil-punt 462 (ara, ukoll, il-punt 432) li l-Kummissjoni ma pprovatx, b'riferiment għaċ-ċirkustanzi kummerċjali u ekonomiċi oġġettivi tal-każ, li kien ikun bilfors fl-interess ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni li tbiegħ pakketti ta' prodotti mħalltin in segwitu għall-konċentrazzjoni, B'hekk, fuq livell kummerċjali, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienu jinfetħulha diversi bibien wara l-konċentrazzjoni. Għalkemm l-għażla strateġika kkontemplata mill-Kummissjoni kienet tkun ċertament wieħed mill-bibien li jinfetħulha, it-tkabbir tal-profitti għal żmien qasir, bit-teħid ta' l-akbar marġni ta' profitt possibbli fuq kull prodott individwali, kien ikun ukoll wieħed mill-istrateġiji li jkunu disponibbli għaliha.

466    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' prova suffiċjenti ta' l-inċentivazzjoni ekonomika ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni, kienet il-Kummissjoni li kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, tressaq elementi oħra li jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tagħmel l-għażla strateġika li tissagrifika l-profitti tagħha għal żmien qasir bil-għan li tkabbar sehemha mis-suq a skapitu tal-kompetituri tagħha bl-iskop li jkollha profitti akbar fil-futur. Per eżempju, setgħu jkunu prova ta' dan id-dokumenti interni li juru li dan kien l-obbjettiv tad-diriġenti tar-rikorrenti fil-mument tat-tfassil tal-proġett għall-akkwist ta' Honeywell. Skond l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f'das-sens, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ma ressqet ebda element li jista' jistabbilixxi li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet verament tagħmel din l-għażla strateġika. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, hija tafferma biss li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ikollha l-kapaċità li toffri l-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti tagħha bi prezz strateġiku jew li tapplika sussidjar reċiproku, jew li hija kienet verament tirrikorri għal dawn il-prattiċi, mingħajr ma tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw din l-affermazzjoni (ara, b'mod partikolari, il-premessi 353, 379, 391 u 398). Madankollu, il-fatt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni setgħet tagħmel din l-għażla strateġika mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li hija kienet verament twettaqha u li konsegwentement kienet tinħoloq pożizzjoni dominanti fid-diversi swieq avjoniċi u mhux avjoniċi.

467    Fl-aħħar nett, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni rrilevat li, sabiex tiġi apprezzata l-probabbiltà ta' dan l-aġir, kien meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-iskop strateġiku ta' l-aġir fil-ġejjieni li hija kienet tantiċipa għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni. Għalkemm dan l-argument seta' eventwalment jispjega l-fatt li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha speċifikament fuq xi mudell ekonomiku, l-istess argument ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' provi fir-rigward tal-probabbiltà li l-istess entità kienet tadotta politika kummerċjali li jkollha dan l-għan strateġiku.

468    Għandu jingħad ukoll li, skond is-sentenza Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 58 supra, il-Kummissjoni effettivament kien ikollha tieħu in kunsiderazzjoni l-effett skoraġġanti li l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fuq abbużi mill-pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE jista' jkollha fuq l-entità li tirriżulta mill-fużjoni (ara l-punti 70 et seq iktar ’il fuq). In-nuqqas ta' dan it-teħid in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata jippreġudika ulterjorment l-analiżi tagħha fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin.

469    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi konkluż li r-raġunament tal-Kummissjoni bbażat fuq l-adozzjoni fil-ġejjieni tal-politika kummerċjali "strateġika" ma jistax jiġi aċċettat, fin-nuqqas ta' provi konvinċenti fuq il-probabbiltà ta' din l-ipoteżi.

 Konklużjoni

470    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tbiegħ pakketti ta' prodotti li jkun fihom magni ta' l-ex- GE u prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' l-ex- Honeywell. Fin-nuqqas ta' dan il-bejgħ, is-sempliċi fatt li din l-entità kien ikollha sensiela ta' prodotti aktar wiesgħa minn dawk tal-kompetituri tagħha mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-konklużjoni li tgħid li kienet ser tinħoloq jew tissaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' l-entità fid-diversi swieq in kwistjoni.

471    Fid-dawl tal-konklużjoni tal-punt preċedenti, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata esklużjoni tal-kompetituri fis-suq, kif ikkonstatata mill-Kummissjoni, u dan peress li l-konklużjonijiet ta' l-istess Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mhijiex suffiċjentement ipprovata fi kwalunkwe każ.

472    Barra minn hekk, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat it-trattament li l-Kummissjoni tat lill-impenji li jirrigwardaw dan l-aspett tal-kawża, b'mod partikolari r-rifjut min-naħa tagħha ta' l-impenn fuq l-aġir fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti. Barra minn hekk, peress li lanqas ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-impenji strutturali li jaffettwaw l-attività ta' Honeywell fid-diversi swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, u lanqas l-impenn relattiv għall-aġir futur ta' GECAS (punt 365 iktar ’il fuq), il-kwistjoni dwar liema miż-żewġ serje ta' impenji kellha tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ssir irrilevanti. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 50, l-uniċi differenzi bejn iż-żewġ serje ta' impenji kienu jikkonċernaw dawn iż-żewġ aspetti ta' l-impenji proposti mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni.

473    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta qieset li l-prassi futura tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi jew mhux avjoniċi, jew għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti li kellha GE qabel fis-swieq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar.

E –  Fuq l-overlaps orizzontali

474    Ir-rikorrenti tqis, f'dak li jikkonċerna l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata rigwardanti l-overlaps orizzontali tal-prodotti tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni għall-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar, il-magni ta' l-ajruplani tan-negozju u t-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass, li l-Kummissjoni kienet żbaljata tikkonkludi li kienu ser jinħolqu jew jissaħħu pożizzjonijiet dominanti li jkollhom effetti antikompetittivi.

1.     Fuq il-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar

475    Skond ir-rikorrenti, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-overlaps orizzontali li tirrigwarda l-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar hija vvizzjata b'żewġ żbalji fundamentali, jiġifieri l-iżball li qieset li l-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar tar-rikorrenti u dawk ta' Honeywell kienu jappartjenu lill-istess suq u, fi kwalunkwe każ, dak li ma analizzatx korrettament l-impatt tal-konċentrazzjoni fis-suq ta' dawn il-magni bil-ġett.

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Fuq id-definizzjoni tas-suq u l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti preċedenti fis-suq rilevanti

476    Skond ir-rikorrenti, hija ma kellhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar qabel il-konċentrazzjoni.

477    Hija tfakkar li l-fatt li s-suq in kwistjoni jiġi ddefinit sewwa huwa prerekwiżit meħtieġ għal kull analiżi ta' l-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375). Skond il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, punt 13, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq"), il-fatturi essenzjali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jkun qiegħed jiġi ddefinit is-suq huma s-sostitwibbiltà fil-livell tad-domanda u wkoll fil-livell tal-provvista, liema fatturi jkollhom jiġu stabbiliti abbażi ta' provi empiriċi. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma applikatx id-dispożizzjonijiet ta' din il-komunikazzjoni.

478    Fil-qasam tal-magni ta' l-ajruplani, bħalma kienet ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha Engine Alliance, kull "familja" ta' magni tirrappreżenta, fis-sustanza, serje unika ta' saħħa, piż u karatteristiċi oħrajn ta' prestazzjoni li jikkwalifikawha bħala pjattaforma partikolari. Madankollu, il-magni ta' l-ajruplani ta' GE huma ħafna iktar b'saħħithom, itqal, u iktar kumplessi mill-magni ta' Honeywell.

479    L-uniku element li jersaq lejn is-sotitwibbiltà bejn il-magni ta' GE u ta' Honeywell huwa l-fatt li ċerti xerrejja ta' Avro, li huma mgħammra b'magni ta' Honeywell, jistgħu jixtru ajruplani oħra mgħammra b'magni GE. Din it-tip ta' sostitwibbiltà indiretta, "tat-tieni livell", tissupponi li l-Kummissjoni tispjega din il-metodoloġija ġdida, f'liema aspetti din is-sostitwibbiltà tat-tieni grad hija sinjifikattiva u kif hija ser twassal sabiex jiġu esklużi l-kompetituri. Barra minn hekk, skond il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq provi empiriċi dwar din is-sostituzzjoni, ħaġa din li ma saritx fil-kawża preżenti.

480    Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwanlunkwe każ, l-ishma mis-suq ftit huma utli sabiex tiġi analizzata l-pożizzjoni dominanti fis-suq suġġett għal sejħiet għal offerti bħal dak tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar. Hija ssostni li, qabel il-konċentrazzjoni, hija ma kinitx f'pożizzjoni dominanti f’dan is-suq, fejn ma kinitx f'pożizzjoni li taġixxi indipendentement mill-kompetituri qabel il-konċentrazzjoni.

481    Il-Kummissjoni tfakkar il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni fejn, f'termini ta' magni installati u ta' ordnijiet b'lura għall-ajruplani reġjonali kbar, GE tokkupa pożizzjoni dominanti. GE u Honeywell flimkien għandhom sehem mis-suq ta' 100% tal-magni ta' l-ajruplani li għadhom ma bdewx itiru u [90 sa 100%] ta' magni installati. Dan il-monopolju jew kważi monopolju mhuwiex attakkabbli fil-futur prevedibbli, partikolarment minħabba l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri u tekniċi.

 Fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq in kwistjoni

482    Skond ir-rikorrenti, anki kieku wieħed kellu jissupponi li hemm suq wieħed għall-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, f'dak li jikkonċerna l-pjattaformi eżistenti, "iż-żieda fis-sehem mis-suq li tirriżulta mill-konċentrazzjoni hija pjuttost dgħajfa" (deċiżjoni kkontestata, premessa 429). Madankollu, b'kuntrast, il-Kummissjoni tafferma li l-konċentrazzjoni ser timpedixxi l-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Madankollu, hija ma tagħti ebda eżempju ta' kompetizzjoni bejn il-magni ta' GE u ta' Honeywell, u lanqas prova ta' l-impatt tal-konċentrazzjoni fis-suq, filwaqt li l-produzzjoni ta' Avro mhijiex ikbar minn 20 unità mgħammra b'magni minn ta' Honeywell.

483    L-elementi li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni mhumiex rilevanti. Id-dħul derivanti mill-pożizzjoni f’dan is-suq huwa negliġibbli minħabba l-produzzjoni dgħajfa ta' Avro. Billi tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta' GE Capital u ta' GECAS, il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tibbaża ruħha fuq l-istess elementi użati biex tintwera l-pożizzjoni dominanti bil-għan li tipprova li kien hemm tisħiħ ta' din il-pożizzjoni dominanti.

484    F'dak li jikkonċerna l-pjattaformi futuri, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova li l-kompetizzjoni ser tiddgħajjef. Minn banda, GE u Honeywell ma jikkompetux ma' xulxin fil-preżent. Mill-banda l-oħra, Rolls-Royce u P & W huma kompetituri kredibbli, kif juru l-eżempji magħmulin mill-ajruplani ta' AI(R), ta' Embraer u ta' Fairchild Dornier. Il-Kummissjoni f'dan ir-rigward sempliċement tirrepeti l-argumenti tagħha dwar il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, dwar is-sussidjar reċiproku u l-integrazzjoni vertikali.

485    Il-Kummissjoni ssostni li r-regola ta' esklużività fir-rigward tal-magni fis-suq in kwistjoni ma timpedixxix il-kompetizzjoni bejn il-manifatturi tal-magni fir-rigward tax-xerrejja finali. Il-manifatturi tal-magni huma inċentivati jippromwovu l-pjattaformi li huma mgħammra bil-magni tagħhom, partikolarment b'riferiment għall-prestazzjoni tal-magni u għal offerti attraenti fuq magni sostituti jew fuq il-prodotti u servizzi ta' wara l-bejgħ. Il-konċentrazzjoni kienet ser telimina din it-tip ta' kompetizzjoni. In-numru żgħir ta' ordnijiet b'lura ta' Avro ma jfissirx li, fi kwalunkwe każ, kienet ser tiġi eliminata kull kompetizzjoni tat-tieni livell f'dan is-suq.

486    Fl-aħħar nett, kif ġà ġie rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, is-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienu ser jeskludu lil Rolls-Royce u P & W mis-suq in kwistjoni billi jirrestrinġulhom l-inċentivi tagħhom biex jippenetraw is-suq li fih mhumiex preżenti.

 Fuq ir-rifjut ta' l-impenn stutturali dwar il-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar

487    Ir-rikorrenti tirrileva li, minkejja n-nuqqas ta' qbil tagħhom mal-Kummissjoni, il-partijiet fil-konċentrazzjoni pproponew li jċedu l-attività ta' Honeywell fil-produzzjoni tal-magni attwali u futuri ta' l-ajruplani tas-serje Avro. Madankollu, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata huma totalment infondati.

488    Il-Kummissjoni tinnota li, partikolarment fil-kuntest preżenti, il-kritika ta' GE dwar ir-rifjut ta' l-impenji huma sempliċi allegazzjonijiet u ma jwasslu għall-ebda konklużjoni fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq id-definizzjoni tas-suq

489    Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-kwistjoni dwar jekk, abbażi tal-fatti debitament ipprovati jew mhux ikkontestati, impriża tkunx f'pożizzjoni dominanti f'suq partikolari hija kwistjoni ta' analiżi ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitatat fil-punti 62 et seq iktar ’il fuq, li fiha l-Kummissjoni tgawdi minn marġni wiesa' ta' diskrezzjoni. F'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa sempliċiment li tistħarreġ jekk din l-analiżi ekonomika hijiex ivvizzjata b'xi żball manifest.

490    Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni m'għandha ebda marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoniijiet ta' fatt. Għandu jiġi kkonstatat ukoll f'dan ir-rigward li, meta r-rikorrenti tikkontesta affermazzjoni ta' natura fattwali li jkun hemm fid-deċiżjoni kkontestata, ma tista' ssir ebda oġġezzjoni jekk il-Kummissjoni tirrispondi għal dik il-kontestazzjoni billi, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, tressaq prova li dik l-affermazzjoni hija fondata, dejjem jekk il-kuntest fattwali rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata ma jkunx fih innifsu b'hekk immodifikat.

491    Jeħtieġ għalhekk li jiġu eżaminati fil-każ preżenti l-argumenti tar-rikorrenti fejn tikkontesta d-definizzjoni tas-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar kif ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stabbilit jekk dawn humiex biżżejjed biex iservu ta' prova ta’ l-eżistenza ta' l-iżbalji ta' fatt jew ta' żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha.

492    Fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tagħha ta' l-istruttura tas-swieq tal-magni bil-ġett in ġenerali, il-kompetizzjoni teżisti f'dawn is-swieq fuq żewġ livelli: primarjament, meta l-manifatturi tal-magni jikkompetu sabiex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni għal xi pjattaforma ta' ajruplan partikolari meta jkun qiegħed jiġi żviluppat (aktar 'il quddiem il-"kompetizzjoni ta' l-ewwel livell") u, fit-tieni lok, meta l-kumpanniji ta' l-ajru li jkunu qegħdin jixtru l-pjattaforma ta' l-ajruplan jagħżlu waħda mill-magni ċċertifikati bħala disponibbli jew meta l-istess kumpanniji jagħżlu li jixtru ajruplan mgħammar b'magna differenti (aktar 'il quddiem il-"kompetizzjoni tat-tieni livell"). Fl-ewwel każ, il-magni huma f’kompetizzjoni fuq livell tekniku u kummerċjali sabiex jintgħażlu għal pjattaforma partikolari u għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta' din il-kompetizzjoni tiddependi essenzjalment fuq is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista tagħhom. Fit-tieni każ, il-magni jikkompetu wkoll f'termini tekniċi u kummerċjali biex jintgħażlu mill-kumpanniji ta' l-ajru u għaldaqstant din il-kompetizzjoni tiddependi, mill-banda l-oħra, fuq is-sotitwibbiltà min-naħa tad-domanda għalihom.

493    Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li kull tip ta' ajruplan meqjus, mill-Kummissjoni, li jidħol fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar huwa disponibbli b'tip ta' magna waħda biss, b'mod li x-xerrej finali ta' l-ajruplan m'għandu ebda għażla diretta u awtonoma bejn il-magni bil-ġett, fejn l-għażla tal-magna bil-ġett ma tistax issir separatament mill-għażla ta' l-ajruplan. F'dawn iċ-ċirksutanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kompetizzjoni tat-tieni livell identifikata fil-punt preċedenti ma tistax teżisti f’dan is-suq ħlief b'mod indirett, minħabba l-kompetizzjoni bejn l-ajruplani mgħammra bid-diversi magni.

494    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata, fl-istess premessa 9, li l-ajruplan u l-magna bil-ġett huma prodotti kumplementari, fejn l-akkwist ta' wieħed minnhom hija inutli, għal raġunijiet evidenti, mingħajr l-akkwist ta' l-ieħor. Hija tirrileva li jeħtieġ għalhekk li s-swieq tal-magni bil-ġett jiġu ddefiniti billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-kompetizzjoni eżistenti fis-swieq ta' l-ajruplani. Il-Kummissjoni ddefinixxiet għalhekk id-diversi swieq għall-magni bil-ġett ta' l-ajruplan skond id-diversi swieq għall-ajruplani li fuqhom ikunu mgħammra, fejn dawn ta' l-aħħar ikunu, min-naħa tagħhom, iddefiniti skond il-"profil ta' l-użu" li għalih ikunu ġew maħluqin (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

495    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni tliet karatteristiċi essenzjali ta' l-ajruplan, jiġifieri n-numru ta' siġġijiet, l-awtonomija biex itiru u l-prezz. Hija ddefinixxiet l-ewwel l-ajruplani reġjonali bħala dawk li għandhom minn 30 sa 90 siġġu ("u iktar") b'awtonomija biex itiru inqas minn 2000 mil nawtiku u prezz massimu ta' 30 miljun dollaru Amerikan (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Imbaghad, hija ħolqot żewġ swieq distinti taħt din il-kategorija, jiġifieri dak ta' l-ajruplani reġjonali żgħar li għandhom minn 30 sa 50 siġġu u dak ta' l-ajruplani reġjonali kbar li jistgħu jġorru minn 70 sa 90 passiġġier u iktar, u dan minħabba li "f'termini ta' numru ta' postiijiet, daqs, awtonomija sabiex itiru u għaldaqstant l-ispejjeż involuti fl-operazzjoni tagħhom (jiġifieri l-ispiża kkalkolata għal kull siġġu ma' kull kilometru – seat-mile cost), dawn iż-żewġ kategoriji [ta' ajruplani reġjonali] jintużaw għal żewġ skopijiet distinti u mhumiex sostitwibbli bejniethom" (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

496    Ir-rikorrenti ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni, li s-saħħa tal-magna bil-ġett tagħha hija talment differenti minn dik tal-magni bil-ġett ta' Honeywell li kull kompetizzjoni diretta ta' l-ewwel livell sabiex il-magna rispettiva tagħhom tintgħażel għall-istess pjattaforma hija eskluża, fejn il-magni bil-ġett tagħha huma adatti biex jintużaw fuq ajruplani b'żewġ magni filwaqt li dik ta' Honeywell ma tistax tintuża ħlief fuq ajruplani b'erba' magni.

497    Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li, għalkemm huwa minnu li l-manifattur ta' l-ajruplani ma jibqagħlux għażla għall-magna ġaladarba huwa jkun għażel pjattaforma li tieħu żewġ magni jew erba', mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn iż-żewġ soluzzjonijiet kienu fil-fatt jeżistu fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar kif ġie ddefinit mill-Kummissjoni. Fid-dawl ta' l-eżistenza ta' din l-għażla, kien hemm bilfors ċertu grad ta' sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista bejn il-magni tar-rikorrenti u dawk ta' Honeywell, bil-kundizzjoni però li l-manifattur ta' l-ajruplani li jkun jixtieq jiżviluppa pjattaforma ġdida kien obbligat li jagħmel din l-għażla fi stadju bikri ta' l-iżvilupp tal-pjattaforma. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qatt ma affermat, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li kienet teżisti kompetizzjoni diretta ta' l-ewwel livell bejn ir-rikorrenti u Honeywell biex jarmaw il-magna ta' l-istess pjattaforma kkontemplata. Għaldaqstant, anki jekk it-teżi tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' kompetizzjoni diretta ta' l-ewwel livell hija korretta, din bl-ebda mod ma taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

498    Jeħtieġ għalhekk li jiġi verifikat jekk ir-rikorrenti pprovatx l-eżistenza ta' żball ta' fatt jew żball manifest fl-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni minħabba li l-istess Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kunċett tal-kompetizzjoni indiretta tat-tieni livell imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn l-ajruplani mgħammra rispettivament bil-magni bil-ġett ta' GE u ta' Honeywell, biex tasal għall-konklużjoni li kien hemm kompetizzjoni bejn il-magni bil-ġett tagħhom.

499    Ir-rikorrenti targumenta fuq żewġ linji distinti fil-konfront ta' din it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta' l-allegata kompetizzjoni indiretta tat-tieni livell bejn il-magni bil-ġett f'dan is-suq. Fl-ewwel lok, hija ssostni li din it-teżi tmur lil hinn mill-analiżi normali dwar is-sostitwibbiltà. B'hekk, il-Kummissjoni kellha tesponi din il-metodolġija ġdida billi tispjega, b'mod partikolari, għaliex din is-sostitwibbiltà tat-tieni livell hija sinjifikattiva u kif hija kienet ser twassal li l-kompetituri kienu ser jiġu esklużi. Fit-tieni lok, anki kieku wieħed kellu jissupponi li din il-kompetizzjoni tat-tieni livell teżisti, il-Kummissjoni naqset milli tipprova fid-deċiżjoni kkontestata li, fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni, l-ajruplani mgħammra b'magni ta' GE kienu f’kompetizzjoni mal-magni ta' Honeywell.

500    Għandu jiġi kkunsidrat li d-deskrizzjoni li tidher fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 492 u 494 iktar ’il fuq) kienet tiddeskrivi suffiċjentement it-teżi tal-Kummissjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat li l-magni kienu f’kompetizzjoni fit-tieni livell ta' kompetizzjoni "f'termini tekniċi u kummerċjali sabiex jintgħażlu mill-kumpannija ta' l-ajru". Huwa ċar li, jekk il-prestazzjoni teknika ta' komponent essenzjali ta' l-ajruplan, bħalma hi l-magna li tkun mgħammra fuqu, tkun nettament superjuri mill-ekwivalenti tagħha mgħammra fuq tip ieħor ta' ajruplan fl-istess kategorija, l-ajruplan minn ta' l-ewwel tip igawdi bħala prinċipju vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta' l-oħrajn.

501    Bl-istess mod, il-prezz tal-magna huwa element li jista' jinfluwixxi fuq il-prezz ta' l-ajruplan sħiħ u l-Kummissjoni rrilevat espressament, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tagħha ta' l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni f'dak li jikkonċerna s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar, fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fużjoni ta' GE u ta' Honeywell "ser iċċaħħad lill-klijenti mill-vantaġġi tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet (taħt il-forma ta' skontijiet, per eżempju) bejn il-fornituri".

502    Ir-rikorrenti tiċħad li huwa possibbli li jkun hemm kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn il-manifatturi fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar billi tfakkar il-fatt li huwa l-manifattur ta' l-ajruplan li jiffissa l-prezz finali tal-pjattaforma/magna sħiħa. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel frażi tal-premessa 391, li tinsab fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti konċernanti kemm l-ajruplani reġjonali kbar kif ukoll l-ajruplani kummerċjali kbar, il-Kummissjoni kkonstatat li, anki meta ma jkunx hemm għażla fuq il-magna għal pjattaforma partikolari, ħaġa li hija normali fejn jidħlu l-ajruplani reġjonali kbar, il-manifattur tal-magna jkollu l-possibbiltà li jnaqqas il-prezz tal-magna tiegħu jew tas-servizzi ta' wara l-bejgħ assoċjati magħha bil-għan li jippromwovi l-bejgħ tal-pakkett tal-pjattaforma/magna.

503    Fil-kuntest tar-risposta tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, intiża effettivament biex tivverifika jekk kienx hemm skop għal xi skontijiet kif imsemmija fil-premessa 391, il-Kummissjoni ressqet, fis-seduta, tliet dokumenti interni tar-rikorrenti li għandhom ir-riferenzi 120-CID-000167, 334-DOC-000827 u 321-DOC-000816. Għandu jiġi rrilevat li dawn it-tliet dokumenti jikkorroboraw it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza tal-kompetizzjoni tat-tieni livell fejn jidħlu l-magni bil-ġettijiet.

504    B'mod partikolari, id-dokument 321-DOC-000816 jindika, speċifikament fir-rigward ta' wieħed mill-ajruplani reġjonali kbar mgħammra b'magna ta' GE, li dan [...] B'hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kompetizzjoni tat-tieni livell, partikolarment il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet, li ġiet deskritta mill-Kummissjoni fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet teżisti fis-swieq tal-magni bil-ġett in ġenerali u, b'mod partikolari, fuq dak tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar minkejja li kien hemm l-esklużività ta' magna waħda għall kull pjattaforma.

505    F'dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħudin l-argumenti li r-rikorrenti għamlet fit-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tat-8 ta' Ġunju 2004 u mtennija fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Lulju 2004 fejn tgħid li t-tliet dokumenti msemmijin fil-punt 503 iktar ’il fuq huma elementi ta' prova inammissibbli. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx li jitressqu d-dokumenti fis-seduta u l-preżentata tagħhom fil-proċess ma ġietx minn daqshekk ikkontestata. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tar-risposti li xi parti tagħti għall-mistoqsijiet magħmulin bħala miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura bbażati fuq l-Artikolu 64(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, meta l-parti l-oħra jkollha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi fis-seduta, ma jmurx kontra l-Artikolu 48 ta' l-istess Regoli (ara, f'das-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Mejju 1998, Il-Kunsill vs De Nil u Impens, C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punt 31). Fil-każ preżenti, il-prinċipju ta' audi alteram partem ġie osservat sa fejn ir-rikorrenti ngħatat l-opportunità li tikkummenta fuq dawn l-elementi mhux biss fis-seduta, imma wkoll bil-miktub in segwitu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali mitluba minnha stess.

506    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dokumenti ma kinux inklużi fl-inkartament tal-Kummissjoni li għalih hija kellha aċċess u tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punti 22 sa 25), sabiex tiddeduċi li dawn l-elementi għandhom b'hekk jiġu skartati. Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni indikat in-numru tal-paġna ta’ l-inkartament fejn kienu jirriżultaw dawn id-dokumenti u fl-anness ressqet estratti ta' l-elenki tad-dokumenti li għalihom kien ingħata l-aċċess. Hija rrilevat barra minn hekk li dawn id-dokumenti, li għandhom ir-referenzi 120-CID-000167 u 321-DOC-000816, issemmew espliċitament ukoll fil-KI. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li dawn it-tliet dokumenti ma kinux inklużi fl-inkartament amministrattiv għandu jiġi miċħud.

507    Barra minn hekk, l-argument imqajjem mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet finali tagħha, tal-15 ta’ Ottubru 2004, rigwardanti l-fatt li l-Kummissjoni, bil-marka "P" indikat li dawn id-dokumenti kienu ġew prodotti lill-Kummissjoni mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni stess, filwaqt li, fir-realtà, dawn x'aktarx intbagħtu lill-Kummissjoni mid-dipartiment tal-ġustizzja Amerikan, ma jannullax din l-analiżi. Il-Kummissjoni tirrileva li l-kontraenti fil-konċentrazzjoni ma talbuhiex tibgħatilhom kopji ta' dawn id-dokumenti. Għandu jiġi rrilevat fil-fatt li r-rikorrenti setgħet titlob li dawn jitressqu kieku hija xtaqet li jsir dan peress li huma jidhru fl-elenku tad-dokumenti li jagħmlu parti mill-inkartament amministrattiv li għalih il-partijiet seta’ jkollhom aċċess.

508    Fi kwalnukwe każ, dawn it-tliet dokumenti huma dokumenti interni tar-rikorrenti stess li hija ma tistax ma tkunx taf bihom. Ikun kontra kull loġika li jiġi kkonstatat li hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jew li l-Kummissjoni tiġi pprojbita milli tressaq ċerti dokumenti interni ta' xi parti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza minħabba li l-Kummissjoni ma tkunx bagħtet lil dik l-istess parti kopji tad-dokumenti tagħha stess.

509    Sa fejn il-Kummissjoni tinvoka dawn it-tliet dokumenti f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' natura purament fattwali, jiġifieri dik dwar jekk il-manifattur ta' l-ajruplan jiffissax il-prezz ta' l-ajruplan indipendentement mill-prezz tal-magna jew jekk, kif sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-manifattur tal-magna jibqagħlux il-possibbiltà li joffri xi skontijiet bl-iskop li jippromwovi l-bejgħ ta' l-ajruplan u, konsegwentement, tal-magna tiegħu li tkun mgħammra fuqu, għandu jiġi konkluż li hija kienet intitolata tressaq dawn l-elementi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tirrispondi għall-kontestazzjoni li r-rikorrenti għamlet fir-rigward tal-fatti in kwistjoni (ara, f'dan ir-rigward, il-punt 490 iktar ’il fuq).

510    Fid-dawl tas-suespost, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta' fatt jew żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha sa fejn hija, fil-kuntest tad-definizzjoni tagħha tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, ibbażat ruħha fuq l-eżistenza tal-kompetizzjoni tat-tieni livell bejn il-magni bil-ġett minħabba l-kompetizzjoni bejn l-ajruplani li fuqhom ikunu mgħammra.

511    Fl-ambitu tat-tieni parti ta' l-argument imsemmi fil-punt 499 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-marġni ta' diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha meta tgħaddi biex tiddefinixxi s-swieq huwa limitat, primarjament, minħabba l-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti, b'mod partikolari fid-deċiżjoni Engine Alliance, u fit-tieni lok, mill-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq li hija ppubblikat fuq dan is-suġġett. Skond ir-rikorrenti, ir-raġunament li bih il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ajruplani mgħammra b'magni GE huma f’kompetizzjoni ma dawk mgħammra b'magni Honeywell fl-istess suq huwa inkompatibbli ma' dawn iż-żewġ atti.

512    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġuriprudenza kostanti, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq aspettattiva leġittima li l-prassi deċiżjonali preċedenti li tista' tinbidel fl-ambitu tal-poter diskrezzjonali ta' l-istituzzjonijiet komunitarji ser tibqa' l-istess (ara l-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

513    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka f'dan ir-rigward il-punt 15 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummisjoni (C-350/88, Ġabra p. I-395), in sostenn tat-teżi li l-Kummissjoni għandha obbligu speċjali li tagħti l-motivazzjoni tagħha meta hija tiddistakka ruħha mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li dan il-punt, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1975, Fabricants de papiers peints vs Il-Kummissjoni (73/74, Ġabra p. 1491, punt 31), jirreferu għall-eċċezzjoni – fil-każijiet meta l-Kummissjoni testendi l-portata ta' xi prassi – għar-regola normali fejn il-Kummissjoni tista' tagħti motivi sommarji għad-deċiżjoni tagħha li tkun konformi mal-prassi deċiżjonali kostanti. Għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tagħti motivi espliċiti għal deċiżjoni bħal din, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni, lil hinn mill-fatt li tagħti l-motivi għad-deċiżjoni tagħha b'riferiment għall-inkartament tal-kawża li għalih tirreferi d-deċiżjoni, għandha tesponi speċifikament ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tkun waslet għal konklużjoni differenti minn dik li tkun waslet għaliha f'kawża oħra fuq sitwazzjonijiet simili jew identiċi jew li jkollha l-istess operaturi ekonomiċi.

514    B'hekk, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka li hija kellha aspettattiva leġittima bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq b'mod partikolari f'xi deċiżjoni preċedenti, partikolarment sa fejn hija ħadet in kunsiderazzjoni s-saħħa tal-magni bil-ġett fid-deċiżjoni Engine Alliance. Fil-fatt, la l-Kummissjoni u, a fortiori, lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza m'huma marbutin mal-konstatazzjonijiet magħmulin fid-deċiżjoni Engine Alliance.

515    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li, fid-deċiżjoni Engine Alliance, hija kienet analizzat akkordju li kellu l-għan li jippermetti lil GE u lil P & W li flimkien jiżviluppaw magna bil-ġett intiża sabiex tiġi mgħammra fuq il-pjattaformi li kienu huma wkoll fil-fażi ta' żvilupp, jiġifieri l-Airbus A380 u l-verżjoni twila tal-Boeing 747-400. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kienet biss il-kompetizzjoni ta' l-ewwel livell imsemmija fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontesta, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-magni sabiex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni tal-magna tagħhom għal fuq il-pjattaforma, li kienet rilevanti għal dik il-kawża. Din l-ispjegazzjoni sservi ta' risposta loġika u suffiċjenti għall-argument imqajjem mir-rikorrenti f'dan ir-rigward.

516    F'dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas li ma ġietx applikata l-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li l-Kummissjoni ma tistax titlaq mir-regola li hija stabbilixxiet għaliha nnifisha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Jannar 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, Ġabra p. 81, punt 12 u, b'analoġija, tal-5 ta' Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 81/72, Ġabra p. 575, punt 9; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 53, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, u l-ġurisprudenza ċċitata). B'hekk, sa fejn il-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq tindika f'termini imperattivi l-metodu li bih il-Kummissjoni tikkontempla tiddefinixxi s-swieq fil-futur mingħajr ma tirriżerva ebda marġni ta' diskrezzjoni, il-Kummissjoni għandha fil-fatt tieħu in kunsiderazzjoni t-termini ta' din il-komunikazzjoni.

517    Ir-rikorrenti tirrileva li, skond il-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda għall-prodotti hija waħda mill-fatturi prinċipali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni u li din is-sostitwibbiltà ma teżistix fil-każ preżenti (ara l-punt 496 iktar ’il fuq). Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, wara li tidentifika s-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista u l-kompetizzjoni potenzjali bħala t-tliet sorsi kbar ta' limitazzjonijiet kompetittivi fuq l-impriżi, il-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq tiddisponi, fil-punt 13 tagħha, li: "mill-aspett ekonomiku, għad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni, is-sostituzzjoni min-naħa tad-domanda hija l-fattur dixxiplinanti l-iktar immedjat u l-iktar effikaċi fil-konfront ta' fornituri ta' prodott partikolari, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam ta' l-iffissar tal-prezzijiet". F'dawn iċ-ċirkustanzi, mit-termini tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq ma jirriżultax li n-nuqqas ta' sostitwibbiltà diretta fil-każ preżenti bejn il-magni tar-rikorrenti u dawk ta' Honeywell min-naħa tal-provvista jannulla d-definizzjoni tas-suq kif ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-istess Kummissjoni kkonkludiet b'mod validu li min-naħa tad-domanda kien hemm ċerta sostiwibbiltà.

518    Fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li din ma ressqitx provi empiriċi jew li ma rreferietx għal studji ekonomiċi, kif teżiġi l-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq. Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, fil-punt 25, taħt il-kap "L-elementi li fuqhom hija bbażata d-definizzjoni tas-suq in kwistjoni", il-Kummissjoni tindika dan li ġej:

"Hemm sensiela ta' elementi li jippermettu li jiġi verifikat safejn din is-sostitwibbiltà tista' tapplika. F'ċerti każijiet, ċertu tip ta' evidenza tkun determinanti, speċjalment skond il-karatteristiċi u l-speċifikazzjonijiet tas-settur u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni. F'każijiet oħrajn, din l-istess evidenza tista' tkun bla importanza. Ħafna darba, id-deċiżjoni tkun trid tittieħed abbażi ta' ċertu numru ta' kriterji u evidenza differenti. Il-Kummissjoni tadotta approċċ miftuħ, li fih tibbaża ruħha fuq evidenza empirika u tisfrutta l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha u li tista' tkun utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-każijiet individwali. Hija ma ssegwix ordni ġerarkika riġida tad-diversi sorsi ta' informazzjoni jew tad-diversi tipi ta' elementi ta' prova."

519    Għandu jiġi kkunsidrat li, f'ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni tesprimi ruħha f'xi komunikazzjoni f'termini li jħallulha l-għażla li tagħżel, fost it-tipi ta' evidenza jew ta' approċċ li jistgħu jkunu teoretikament rilevanti, dawk li jkunu l-iktar opportuni fiċ-ċirkustanzi ta' każ partikolari, il-Kummissjoni żżomm għaliha libertà kbira li taġixxi (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 179 sa 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). B'hekk, fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, ma ntrabtitx li tuża metodu preċiż u partikolari għall-finijiet ta' l-analiżi tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda. Mill-banda l-oħra, hija kkonstatat li l-approċċ li hija ser tuża għandu jvarja skond iċ-ċirkustanzi ta' kull każ individwali u żammet parti sostanzjali tad-diskrezzjoni tagħha sabiex tipprova tittratta kull każ b'mod adattat.

520    Huwa fid-dawl tal-marġni wiesa' ta' diskrezzjoni li l-Kummissjoni żammet għaliha li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li r-rikorrenti tipprova tislet mill-punti l-oħra tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq.

521    Il-punt 36 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, kif invokat mir-rikorrenti, huwa fformulat kif ġej:

"L-analiżi tal-karatteristiċi tal-prodott u ta' l-użu li għalih huwa intiż tippermetti lill-Kummissjoni, sabiex, inizjalment, tillimita l-portata tat-tiftix tagħha għall-prodotti li jkunu jistgħu eventwalment iservu ta' sostitut. Il-karatteristiċi tal-prodott u ta' l-użu li għalih ikun intiż m'humiex biżżejjed, madankollu, biex jiġi konkluż li dawn il-prodotti huma jew mhumiex sostitwibbli min-naħa tad-domanda. L-interkambjabbiltà funzjonali jew il-karatteristiċi simili jistgħu ma jkunux, minnhom infushom kriterji suffiċjenti, sa fejn is-sensittività tal-klijenti għall-varjazzjoni fil-prezz relattiv tista' tkun dipendenti wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħrajn. Per eżempju, jista' jkun hemm limitazzjonijiet fil-kompetizzjoni differenti fis-suq tat-tagħmir oriġinali għall-komponenti tal-vetturi u fis-suq tal-partijiet għall-bdil, li jwasslu b'hekk biex issir distinzjoni bejn iż-żewġt iswieq in kwistjoni. Mill-banda l-oħra, l-eżistenza tal-karatteristiċi differenti ma tfissirx li min-naħa tad-domanda ma teżisti ebda sostitwibbiltà, peress li din tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, fuq l-importanza li l-klijenti jagħtu lil dawn id-differenzi."

522    Sussegwentement, fil-punti 37 sa 43 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tesponi d-diversi sorsi ta' informazzjoni li hija tantiċipa li tuża sabiex tipprova l-eżistenza tal-possibbiltà ta' sostituzzjoni.

523    Għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-punti 36 et seq tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq kellhom jiġu interpretati li jfissru li l-Kummissjoni hija obbligata, f'kull kawża li hija tkun qiegħda tanalizza f’materja ta’ kompetizzjoni, tiġbor u tieħu in kunsiderazzjoni ċerti tipi ta' evidenza speċifiċi, ikun hemm kuntradizzjoni manifesta bejn dan l-obbligu u l-marġni ta' diskrezzjoni, irrilevata fil-punti 518 u 519 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha biex tistabbilixxi l-eżistenza tal-possibbiltà tas-sostituzzjoni f'kull każ skond il-karatteristiċi ta' kull wieħed.

524    Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-punt 36 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq tispjega li "l-interkambjabbiltà funzjonali jew il-karatteristiċi simili jistgħu ma jkunux, minnhom infushom, kriterji suffiċjenti, sa fejn is-sensittività tal-klijenti għall-varjazzjoni fil-prezz relattiv tista' tkun dipendenti wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħrajn", minn din iċ-ċitazzjoni jirriżulta, a contrario, li, f'ċerti każijiet, jiġifieri bħala regola ġenerali, salv għal ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju bħalma huma dawk li hemm imsemmijin fl-eżempju dwar il-partijiet għall-bdil mogħti sussegwentement fl-istess punt 36, il-prodotti li huma funzjonalment interkambjabbli u li għandhom karatteristiċi simili huma sostitwibbli.

525    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kienet qajmet żewġ oġġezzjonijiet speċifiċi fir-rigward tad-definizzjoni tagħha tas-suq (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-ewwel lok, hija sostniet li t-tip ta' ajruplani manifatturati minn Bae Systems u mgħammra b'magna Honeywell, magħrufa bħala Avro, mhuwiex kompletament f’kompetizzjoni fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, peress li huwa prodott ta' "settur partikolari". Fit-tieni lok, hija affermat li dan is-suq għandu jinkludi wkoll l-Airbus u l-Boeing żgħar dojoq, jiġifieri l-A318 u l-B717.

526    Għalkemm il-Kummissjoni ma kkwotatx eżempji konkreti ta' istanzi ta' kompetizzjoni bejn l-ajruplani reġjonali kbar b'erba' magni minn ta' Honeywell u l-ajruplani reġjonali kbar b'żewġ magni minn ta' GE, hija xorta waħda semmiet każijiet speċifiċi ta' interkambjabbiltà funzjonali bejn dawn l-ajruplani fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-ewwel oġġezzjoni msemmija fil-punt preċedenti, billi rreferiet għall-użu li l-kumpannija ta' l-ajru Sabena tagħmel mill-Avro, b'mod partikolari. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej, "L-investigazzjoni li saret fis-suq tagħti lil wieħed x'jifhem li, anki jekk il-kumpanniji ta' l-ajru ċertament japprezzaw il-kapaċitajiet partikolari ta' l-Avro, fir-realtà, huma jużaw dan l-ajruplan bl-istess mod bħal kull ajruplan ieħor (ajruplan reġjonali kbir] u ma jillimitawx it-titjiriet tiegħu għas-setturi partikolari biss. F'das-sens, l-Avro mgħammar b'magna Honeywell huwa alternattiva li toffri kompetizzjoni ma' l-ajruplani reġjonali [kbar] bil-ġett l-oħrajn li huma mgħammra b'magna GE". Għandu jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, iktar milli llimitat ruħha għall-analiżi teorika rappreżentata mid-definizzjoni tagħha tas-suq skond il-profil astratt ta' l-użu, investigat fir-realtà l-interkamjabbiltà reali bejn l-Avro u l-ajruplani mgħammra b'magni minn tar-rikorrenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tagħha rigwardanti d-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar hija effettivament ibbażata fuq elementi ta' prova empiriċi li jirreferu għal eżempji konkreti.

527    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni msemmija fil-punt 525 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ċaħdet din l-oġġezzjoni fil-premessi 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-prezz ta' akkwist taż-żewġ pjattaformi ta' ajurplani msemmijin f'dan ir-rigward mir-rikorrenti huwa kjarament ogħla minn dak ta' l-ajruplani l-oħra li huma meqjusin bħala ajruplani reġjonali kbar.

528    Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet fattwali, li huma bbażati fuq l-investigazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fis-suq, relattiva għall-interkambjabbiltà bejn l-Avro u l-ajruplani reġjonali kbar l-oħrajn u lanqas ma argumentat li l-A318 u l-B717 huma ajruplani reġjonali kbar. F'dan ir-rigward, hija rrilevat sempliċiment li kien hemm nuqqas ta' eżempji konkreti tas-sostitwibbiltà u ta' studji ekonomiċi li l-Kummissjoni naqset milli tressaq minħabba li l-istess Kummissjoni kienet iddeċidiet li din l-evidenza għandha tintuża.

529    Għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti rrilevat dan in-nuqqas mingħajr ma spjegat b'mod konkret għal liema raġuni d-definizzjoni tas-suq ikkonstata mill-Kummissjoni hija, fil-fehma tagħha, żbaljata, ma jistax jaqleb l-oneru tal-prova, b'mod li tkun imbagħad il-Kummissjoni li jkollha tressaq dawn l-eżempji biex tipprova tiġġustifika d-definizzjoni tagħha tas-suq. Fil-każ preżenti, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet esponiet bħala prinċipju, raġunijiet suffiċjenti biex jiġġustifikaw id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni, partikolarment billi semmiet kriterji dwar il-profil ta' l-użu ta' l-ajruplani, kienet ir-rikorrenti li kellha turi li dawn il-kriterji ma kinux approprjati għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar fil-każ preżenti.

530    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tagħmel żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha, iżżomm ma' l-analiżi tagħha tal-profil ta' l-użu tad-diversi pjattaformi sabiex tiddefenixxi s-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar fil-każ preżenti. Għandu jiġi kkunsidrat, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ġġustifikat għas-suffiċjenza tad-dritt il-konklużjoni tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar.

531    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, għal kull bon fini, li, abbażi ta' l-argumenti u fatti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jiġi kkonstatat li l-ajruplani tal-familja Avro kienu, mhux biss teoretikament, iżda wkoll b'mod konkret, f’kompetizzjoni ma' l-ajruplani reġjonali kbar mgħammra b'magna GE.

532    Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, issostni li l-ajruplani reġjonali kbar ta' BAe Systems kienu l-ewwel li ġew imqiegħda fis-suq, apparentement fl-1994. B'hekk, l-ajruplani mgħammra b'magna Honeywell kienu bilfors f’kompetizzjoni mal-mudelli ġodda mgħammra b'magna GE fil-mument meta dawn ta' l-aħħar inħarġu. Sussegwentement, dawn il-mudelli l-oħra apparentement kellhom suċċess tali li sehem BAe Systems mis-suq naqas b'mod kunsiderevoli, fatt dan li wassal lill-istess BAe systems biex toħroġ il-mudell ġdid ta' l-Avro, magħruf bħala Avro RJX, li kellu jiġi mgħammar b'magna ġdida ta' Honeywell, l-AS 900. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun bla loġika li jiġi kkunsidrat li l-ajruplani Avro u l-ajruplani reġjonali kbar mgħammra b'magna ta' GE ma humiex f’kompetizzjoni minħabba li l-pjattaformi Avro tilfu l-pożizzjoni b'saħħitha tagħhom fis-suq minħabba d-dħul fis-suq ta' l-istess ajruplani reġjonali kbar b'magna GE, u għaldaqstant minħabba l-kompetizzjoni li kien hemm sussegwentement.

533    F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi tliet dokumenti annessi mal-kontroreplika, il-Kummissjoni ressqet elementi ta' prova li jindikaw li l-"Avro" kienu effettivament f’kompetizzjoni ma' l-ajruplani l-oħra reġjonali kbar. Għalkemm dawn l-elementi ta' prova ma jistgħux jiġu invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jikkorroboraw direttament l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess Kummissjoni hija intitolata tirreferi għalihom biex tirrispondi fuq il-fatti għall-argumenti tar-rikorrenti fejn tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx iġġib l-eżempji tal-kompetizzjoni bejn l-"Avro" u l-ajruplani reġjonali kbar l-oħra peress li din il-kompetizzjoni ma kinitx teżisti. Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat fil-qosor il-kontenut ta' dawn id-dokumenti.

534    L-ewwel wieħed minn dawn it-tliet dokumenti huwa komunikazzjoni ta' l-istampa ta' BAe Systems, tas-16 ta' Frar 1999, fejn jiddeskrivi l-ajruplan il-ġdid tagħha, l-Avro RJX, mgħammar b'magna AlliedSignal, kumpannija li sussegwentement ingħaqdet ma' Honeywell, bħala "proġett b'riskju baxx mil-lat tal-fornituri u l-klijenti potenzjali meta pparagunat mal-proġetti ġodda u ambizzjużi li jinvolvu spejjeż ogħla minn biljun dollaru amerikan offrut minn manifatturi oħrajn" ("low risk for suppliers and potential customers compared with the ambitious, all new $1 billion-plus airframe programmes which other manufacturers are proposing").

535    It-tieni dokument huwa serje ta' artikli qosra fuq l-ajruplani reġjonali kbar ta' BAe Systems meħudin minn gazzetta magħrufa "Smiliner" tas-sena 2001. Minn wieħed minn dawn l-artikli tad-29 ta' Jannar 2001, jirriżulta, b'mod partikolari li, skond il-magazin Flight International, il-kumpannija ta' l-ajru Ewropea kienet ħarġet sejħa għal offerti għall-ordni ta' ajruplani reġjonali li tista' titla' sa 100 inġenjnu ta' l-ajru u li għaliha hija kienet qiegħda tikkunsidra l-Avro RJX (mgħammar b'magna Honeywell) kif ukoll il-Bombardier CRJ 700/900, l-Embraer 170/190 u l-Fairchild Dornier 728JET/928JET (kollha mgħammra b'magna GE). Artiklu ieħor, tat-30 ta’ Ottubru 2001, jindika, b'mod partikolari li l-Embraer 170 "qiegħed f’kompetizzjoni diretta ma' l-Avro RJX-70 (li għalih għad ma kien hemm ebda ordni) kif ukoll mal-BAe 146-100 u l-Avro RJ70 li kienu ilhom jeżistu".

536    It-tielet dokument huwa wkoll magħmul minn serje ta' artikli qosra meħudin minn "Smiliner" tas-sena 1999. Wieħed minn dawn l-artikli jindika li, "filwaqt li BAe Regional Aircraft qiegħda tiffinalizza l-iżvilupp ta' l-Avro RJX tagħha b'magni ġodda b’antiċipazzjoni ta' deċiżjoni formali għal-ħruġ tiegħu, il-kompetituri tagħha ħadulha tnejn mill-aħjar klijenti tagħha" ("[w]hile BAe Regional Aircraft completes final design on the re-engined Avro RJX in anticipation of a formal launch decision, competitors have poached two of its high-profile customers"). L-artiklu jkompli billi jiddeskrivi żewġ ordnijiet kbar li saru mill-kumpanniji ta' l-ajru, waħda għall-Fairchild Dornier 728 JET u l-oħra għall-Embraer ERJ-170 u ERJ-190/200.

537    Minn dawn it-tliet dokumenti meħudin flimkien jirriżulta li, fir-realtà, l-ajruplani tal-familja Avro mgħammra b'magna Honeywell kienu f’kompetizzjoni ma' l-ajruplani ta' Embraer, ta' Fairchild Dornier u ta' Bombardier mgħammra b'magna minn ta' GE. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' kompetizzjoni bejn l-Avro u l-ajruplani reġjonali kbar l-oħra mhux biss mhijiex ikkorroborata mill-evidenza prodotta minnha iżda saħansitra hija kontraddetta mill-elementi ta' prova mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mill-Kummissjoni.

538    Fid-dawl tas-suespost, fil-każ preżenti, ma ġiex ipprovat li l-Kummissjoni wettqet żball ta' fatt meta kkonstatat li l-ajruplani reġjonali kbar ta' b'erba' magni minn ta' Honeywell u l-ajruplani reġjonali kbar ta' b'żewġ magni minn ta' GE huma f’kompetizzjoni. Lanqas ma ġie pprovat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta applikat id-definizzjoni tagħha tas-swieq skond il-profil ta' l-użu li għalih kull ajruplan kien intiż sabiex tikkonkludi li l-magni bil-ġett manifatturati minn Honeywell u dawk manifatturati minn GE jidħlu fl-istess suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar.

 Fuq il-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel

539    Wara li ddefinixxiet b'dal mod is-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet f'pożizzjoni dominanti fuq l-istess suq u li din il-pożizzjoni kienet ser tissaħħaħ in segwitu għall-konċentrazzjoni. Bil-għan li tikkorrobora din l-affermazzjoni, hija tirrileva li, fir-rigward tal-bażi ta' magni bil-ġett installati fuq l-ajruplani ta' din il-kategorija, il-konċentrazzjoni kienet ser tippermetti lil GE tiċċaqlaq minn sehem mis-suq ta' [40-50]% sa [90-100]% għal dawn l-ajruplani kollha u minn [60-70]% sa 100% għall-ajruplani li għadhom fil-produzzjoni (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dak li jikkonċerna l-ordnijiet għall-ajruplani li ma kinux għadhom bdew itiru, ir-rikorrenti kienet ser tiċċaqlaq minn sehem mis-suq ta' [90-100]% sa 100% tas-suq (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

540    Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, f'dak li jikkonċerna l-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel, li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm l-importanza ta' l-ishma mis-suq tista' tkun differenti minn suq għal ieħor, ishma estremament kbar jikkostitwixxu minnhom infushom, salv għal ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova dwar l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 supra, punt 41, u s-sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 134). Il-fatt, kif ġie rrilevat mir-rikorrenti fir-rigward tal-pożizzjonijiet dominanti preċedenti tagħha, li s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar huwa suq suġġett għal sejħiet għal offerti fejn l-ishma mis-suq storiċi huma ta' inqas importanza milli kieku fuq swieq oħrajn, ma jannullax din il-konklużjoni u dan fid-dawl tan-natura dominanti ta' sehem GE mis-suq għall-ajruplani li kienu għadhom ma bdewx jintużaw fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri minn [90 sa 100]%. Ir-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċifri fir-rigward ta' l-ajruplani reġjonali kbar, relattivi għall-ajruplani li għadhom ma bdewx jintużaw speċifikament fil-kuntest ta' l-argumenti u tagħmel riferiment għalihom speċifikament fil-kuntest ta' l-argumenti tagħha dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq dan is-suq. Għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' dawn iċ-ċifri kien partikolarment iġġustifikat f'dak li jikkonċerna s-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, fid-dawl tat-tkabbir aċċellerat tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar bħalma huwa kkonstatat fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata.

541    Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti li tgħid li P & W u Rolls-Royce huma kompetituri kredibbli fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-manifatturi tal-magni ma kinux ibiegħu ebda magna fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sejħiet għal offerti għall-magni ta' ċerti ajruplani reġjonali kbar jidher li ma ġietx konkluża b'suċċess. Il-Kummissjoni għalhekk setgħet tikkunsidra, u dan mingħajr ma tagħmel żball manifest ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward li, minkejja l-fatt li s-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar huwa suq ikkaratterizzat minn ftit sejħiet għal offerti, kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali mingħand manifatturi ta' magni li ma kinux qegħdin ibiegħu l-prodotti tagħhom fuq dan is-suq fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi xi limitazzjoni serja u attwali li tista' tiġġustifika li wieħed jasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni dominanti f'dan is-suq.

542    Fid-dawl tas-sehem dominanti tar-rikorrenti qabel il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti f’dan is-suq, fil-premessi 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-Qorti tal-Prim'Istanza tanalizza l-influwenza tad-diversi fatturi li, skond il-Kummissjoni, kienu kkontribwixxew għal din il-pożizzjoni dominanti qabel il-konċentrazzjoni (premessi 107 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata; ara, f'dan ir-rigward, il-punti 114 et seq iktar ’il fuq).

 Fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti

543    Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti preċedenti li tirriżulta miż-żieda ta' sehem mis-suq ta' [10 sa 20]% għall-pjattaformi eżistenti li huma attwalment fi produzzjoni, ikkalkulat f'termini ta' ordnijiet, huwa ftit sinjifikattiv, u f'dan ir-rigward hija tistrieħ fuq il-fatt li l-Kummissjoni nnifisha, fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, ammettiet li din iż-żieda kienet "kemmxejn żgħira". Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li ż-żieda ta' sehem ta' [30 sa 40]% minn dan is-suq, f'dak li jikkonċerna l-bażi ta' magni installati fuq l-ajruplani li għadhom fi produzzjoni, hija sostanzjalment ogħla miċ-ċifra ta' [10 sa 20]% imsemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, iż-żieda tas-sehem mis-suq rappreżentanti madwar [10 sa 20]% mis-suq, f'dak li jikkonċerna l-ordnijiet b'lura għall-pjattaformi eżistenti li huma attwalment fi produzzjoni, għanda titqies li hija sinjifikattiva, peress li tagħti sehem mis-suq ta' 100% lill-entità li tirriżulta mill-fużjoni (ara l-premessi 428 u 429). Dan japplika wkoll għaż-żieda li tirrappreżenta [0 sa 10]% tas-suq li ġie kkonstatat f'dak li jikkonċerna lill-ordnijiet b'lura li saru għal ajruplani li għadhom ma bdewx itiru (punt 539 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, il-kunċett tat-tisħiħ de minimis huwa kopert, fil-kuntest ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, mit-tieni kundizzjoni, li hija ta' portata usa’, li tiddisponi li l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti għandu jkollhom ir-riżultat li tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu. Fil-kuntest ta' l-ajruplani reġjonali kbar, din il-kundizzjoni ser tiġi eżaminata aktar 'l isfel taħt il-kap "Effetti fuq il-kompetizzjoni".

544    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma għamlitx żball ta' dritt u lanqas żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta kkonkludiet li fil-każ preżenti l-konċentrazzjoni kienet ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel fis-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar.

 Fuq l-effetti tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fuq il-kompetizzjoni

545    Sa fejn ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li din ma eżaminatx l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar, skond kif inhu mitlub mit-tieni kriterju preskritt fl-Artikolu 2(3) tar-regolament Nru 4064/89 (ara l-punti 84 sa 91 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-Kummissjoni, f'dak li jikkonċerna l-overlap orizzontali fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar, issostni espliċitament li dan l-overlap kien ikollu effett antikompetittiv immedjat f'dak li jrrigwarda l-pjattaformi eżistenti. B'mod partikolari, fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirrileva li "għalkemm iż-żieda fis-sehem mis-suq li tirriżulta mill-operazzjoni hija kemmxejn żgħira ([10 sa 20]% abbażi ta' l-ordnijiet b'lura)" il-klijenti ser jiġu mċaħħda mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet tal-magni f'dak li jikkonċerna l-ajruplani reġjunali kbar li huma disponibbli attwalment fis-suq. Peress li l-Kummissjoni, fil-premessi 84 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ser ikollha sehem ta' 100% mis-suq għall-magni bil-ġett mgħammra fuq pjattaformi li huma attwalment fi produzzjoni, ikkalkolat f'termini ta' bażi installati, kif ukoll għal dawk mgħammra fuq pjattaformi li l-magna tagħhom kienet diġà ġiet magħżula iżda li kienu għadhom ma bdewx itiru, din l-affermazzjoni tfisser li l-eliminazzjoni ta' dawn il-vantaġġi li jirriżultaw minn din il-kompetizzjoni kienet ser tkun assoluta.

546    Kif ġie rrilevat iktar ’il fuq fil-punti 502 et seq fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li fil-prattika mhuwiex possibbli li jkun hemm kompetizzjoni fuq il-prezzijiet tal-magni, peress li kull pjattaforma hija mgħammra esklużivament b'magna waħda u li l-prezz ta' l-ajruplan kien diġà stabbilit. Fil-fatt, mill-provi dokumentarji (ara, b'mod partikolari, il-punt 504 iktar ’il fuq) jirriżulta li, anki f'sitwazzjoni fejn tip wieħed ta' magna jkun ġie magħżul għall-ajruplan u l-prezz tal-magna jkun ġie stabbilit mill-manifattur ta' l-ajruplan, il-manifattur tal-magna xorta waħda jista' joffri xi skontijiet, partikolarment fuq is-servizzi ta' wara l-bejgħ u l-partijiet għall-bdil, sabiex jippromwovi l-bejgħ ta' l-ajruplan u, għaldaqstant, tal-magna tiegħu (ara wkoll il-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). B'hekk, b'kuntrast ma' dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta' fatt meta kkonstatat l-eżistenza tal-possibbiltà reali li jkun hemm kompetizzjoni indiretta fuq il-prezzijiet bejn il-magni mgħammra fuq l-ajruplani reġjonali kbar li kienu diġà fis-suq, li fil-fatt din il-kompetizzjoni kienet ser tiġi eliminata kieku l-konċentrazzjoni seħħet.

547    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat li l-kompetizzjoni tat-tieni livell fuq id-diversi swieq tal-magni bil-ġett timmanifesta ruħha fil-kompetizzjoni bejn il-magni "f'termini tekniċi u kummerċjali sabiex jintgħażlu mill-kumpannija ta' l-ajru". Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni tirrileva li qabel il-konċentrazzjoni, Honeywell kellha kull raġuni biex tattira l-klijenti biex jagħżlu l-Avro RJ u RJX billi tpoġġi lill-magna tagħha, f'termini ta' prezz u żvilupp teknoloġiku, f'pożizzjoni mill-iktar kompetittiva meta mqabbla ma' l-ajruplani reġjonali kbar mgħammra b'magni GE, iżda li din l-inċentivazzjoni kienet ser tisparixxi minħabba l-konċentrazzjoni. B'hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, barra mill-effetti derivanti mill-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet li ġew ikkonstatati fil-premessa 429 ta' l-istess, l-overlap orizzontali fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar kien ser ikollha wkoll effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni f'dan is-suq, li kienu ser ikunu iktar wiesgħa.

548    Għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-impatt tal-konċentrazzjoni fis-suq in kwistjoni ma kienx ser ikun sinjifikattiv. F'dan ir-rigward, jekk iż-żieda fis-sehem mis-suq hija relattivament baxxa, meta pparagunata mas-sehem mis-suq li r-rikorrenti kellha diġà, dan huwa preċiżament minħabba li r-rikorrenti kellha diġà sehem mis-suq kbir ħafna u kienet tibbenefika għalhekk mill-pożizzjoni dominanti qawwija ħafna kif deskritta iktar ’il fuq u minħabba li Honeywell kienet l-unika kompetitriċi li kienet tbiegħ il-magni fuq dan is-suq fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-fatt li l-konċentrazzjoni kienet ser telimina kull kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fiż-żmien immedjat, minħabba li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ser jinħolqilha monopolju fir-rigward ta' l-ajruplani li huma attwalment fi produzzjoni jew dawk li kienu għadhom ma bdewx itiru iżda li l-magna tagħhom kienet diġà ntġħażlet mill-manifattur ta' l-ajruplan, dan kien ser ikollu l-konsegwenza li l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq dan is-suq kien ser jisboq lil dak li kien jirriżulta normalment meta jkun hemm żieda fis-sehem mis-suq ta' [10 sa 20]% minn sehem li jkun iżgħar. Fil-fatt, l-eliminazzjoni definittiva ta' Honeywell mis-suq qua manifattur tal-magni indipendenti kienet tbiddel mhux biss il-qawwiet fis-suq, iżda l-kwalità nnifisha tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq, billi tbiddel l-istruttura tas-suq b'mod dejjiemi, jiġifieri wkoll permanenti. L-unika kompetizzjoni, purament potenzjali, li kienet tissussisti kienet tkun dik rigwardanti l-magni tal-pjattaformi futuri ta' l-ajruplani reġjonali kbar, eżerċitata mill-manifatturi tal-magni li attwalment ibiegħu l-prodotti tagħhom biss fuq swieq oħra ġirien. Fid-dawl tad-dewmien fil-proċess ta' żvilupp ta' l-ajruplan, din il-kompetizzjoni ma setax ikollha effetti pożittivi għax-xerrejja ta' l-ajruplani reġjonali kbar ħlief wara diversi snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

549    Għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li skond ġurisprudenza kostanti li tirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE, il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti minnha nnifisha ma timplika ebda illegalità min-naħa ta' l-impriża konċernata, iżda tfisser biss li din, indipendentement minn dak li jikkaġuna din il-pożizzjoni, għandha responsabbiltà partikolari li bl-aġir tagħha ma tippreġudikax il-kompetizzjoni effettiva u mhux imfixkla tas-suq komuni (ara, per eżempju, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 114 supra, punt 57, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 u T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1109). Barra minn hekk, il-kunċett ta' abbuż, fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE, huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta' impriża li tkun f'pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament in segwitu għall-preżenza ta' l-impriża in kwistjoni, il-kompetizzjoni tkun diġà ddgħajfet u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta' mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jissussistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjoni ta' l-operaturi ekonomiċi, il-permanenza tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta' din il-kompetizzjoni (ara s-sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 supra, punt 91).

550    F'sitwazzjoni bħal dik li kienet teżisti fil-każ preżenti, fejn l-unika kompetizzjoni immedjata f'suq partikolari hija indiretta u diġà relattivament dgħajfa, il-fatt li impriża takkwista l-uniku kompetitur li jkun għadu jbiegħ fuq dan is-suq hija partikolarment ta’ ħsara. Għandhom jiġu applikati, b'analoġija, il-prinċipji surreferiti li ġew spjegati fil-kuntest tal-projbizzjoni ta' l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti għall-qasam ġuridiku relatat li jirrigwardaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet billi jiġi kkonstatat li aktar ma tkun dominanti l-impriża, aktar ikollha responabbiltà kbira li tiddeżisti milli tadotta aġir li jista' jdgħajjef ulterjorment, jew a fortiori jelimina l-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq.

551    Għaldaqstant, bħala prinċipju għandhom jiġu miċħudin argumenti li jgħidu li l-fatt li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti takkwista l-uniku kompetitur tagħha fis-suq ma jsaħħaħilhiex dik il-pożizzjoni dominanti b'mod li titfixkel sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni peress li l-pożizzjoni fis-suq tal-kompetitur tkun diġà dgħajfa u l-kompetizzjoni li hija toffri tkun purament indiretta, jiġifieri tat-tieni livell. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-kontraenti fil-konċentrazzjoni li għandha tressaq provi li juru li, qabel il-konċentrazzjoni, ma kien hemm ebda kompetizzjoni effettiva fis-suq. Fin-nuqqas ta' dawn il-provi, il-ġudikant komunitarju ma jistax jikkonkludi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta bbażat ruħha fuq il-fatt ta' l-eliminazzjoni ta' dan l-aħħar kompetitur meta ġiet biex tikkonstata li l-kompetizzjoni kienet ser tiġi mfixkla sew fis-suq komuni.

552    Fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat l-eżistenza ta' tkabbir kbir tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar, u l-importanza ta' dan is-suq għall-avjazzjoni fil-ġejjieni. Hija kkonstatat ukoll f'dan ir-rigward, fil-premessa 20, li dawn l-ajruplani kienu jikkostitwixxu 14% tal-flotta Ewropea fl-1992, iżda 33% ta' l-istess flotta fl-1998. Huwa ċar li dan it-tkabbir fis-suq ta' l-ajruplani jaffettwa direttament is-suq tal-magni bil-ġett li jkunu mgħammra fuq l-ajruplani. Bil-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-fużjoni kien ser ikollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, hija setgħet ġustament tinnota u tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest aktar wiesa' tas-suq ta' l-ajruplani u tal-magni bil-ġett in ġenerali, l-importanza dejjem tikber tas-suq speċifiku li fih kien ser jinħoloq il-monopolju bil-fużjoni.

553    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, esponiet adegwatament l-effetti antikompetittivi li kien ser ikollha l-konċentrazzjoni fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar, speċjalment fiż-żmien immedjat, minħabba l-overlap orizzontali bejn l-attivitajiet tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni f'dan is-suq. F'dan ir-rigward id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata la bi żball tad-dritt li jirrigwarda l-applikazzjoni taż-żewġ kriterji preskritti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, u lanqas minn xi nuqqas ta' motivazzjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball ta' fatt jew żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta kkonkludiet li l-kompetizzjoni f'dan is-suq kienet ser tkun imfixkla sew b'riżultat ta' dan.

554    Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-premessi 432 sa 434 tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati għal dawn l-effetti – partikolarment l-effetti tal-konglomerat – tal-konċentrazzjoni fuq is-sejħiet għal offerti futuri relattivi għas-suq in kwistjoni. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet separatament, fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ kriterji ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament nru 4064/89 kienu sodisfatti f'dak li jikkonċerna s-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar minħabba l-impatt immedjat ta' l-overlap orizzontali li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, eżami ta' dan it-tip ikun superfluwu fil-proċeduri preżenti.

 Fuq ir-rifjut mill-Kummissjoni ta' l-impenn relattiv għall-ajruplani reġjonali kbar

555    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-Regolament nru 4064/89, il-Kummissjoni għandha l-poter li taċċetta biss impenji tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni (ara, f'das-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 85 supra, punt 318). Għandu jiġi kkunsidrat f'dan ir-rigward li l-impenji strutturali proposti mill-partijiet ma jkunux jissodisfaw dan il-kriterju ħlief jekk il-Kummissjoni tkun tista' tikkonkludi, b'ċertezza, li dawn ikunu jistgħu jiġu eżegwiti u li l-istrutturi kummerċjali ġodda li jirriżultaw minnhom ikunu suffiċjentement vijabbli u duraturi b'mod li l-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti, jew l-ostakli għal kompetizzjoni effettiva, li l-impenji jkunu intiżi li jimpedixxu ma jkunux jistgħu jseħħu fil-futur relattivament qarib.

556    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 519 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrileva li jekk iċ-ċessjoni ta' l-attività tal-produzzjoni tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar ta' Honeywell proposta mill-partijiet, tista' titwettaq fir-realtà, hija tkun suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex issolvi l-problema tal-kompetizzjoni kif identifikata f'dan is-suq.

557    Madankollu, hija tikkonkludi li din iċ-ċessjoni tkun diffiċli li sseħħ essenzjalment peress li [...] ma taqbilx magħha għal raġunijiet prattiċi u kummerċjali rigwardanti, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' vijabbiltà ta' l-impriża li tirriżulta miċ-ċessjoni proposta.

558    Il-Kummissjoni tirrileva f'dan ir-rigward, fil-premessa 520 tad-deċiżjoni kkontestata, [...] u li għalhekk m'hemmx ċertezza li l-miżura korrettiva proposta tkun effettivament kapaċi telimina l-problema tal-kompetizzjoni kkonstatata. Hija tinnota wkoll li l-impenn ma jipprovdix alternattiva oħra għaċ-ċessjoni. Fil-premessa 522, il-Kummissjoni telenka, apparentement in subsidium, ċertu numru ta' problemi prattiċi li fi kwalunkwe każ mhumiex ikkontemplati biżżejjed fl-impenn.

559    Peress li r-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tafferma biss li l-allegati diffikultajiet derivanti minn dan l-impenn kif imqajma mill-Kummissjoni huma totalment infondati, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ressqet la argumenti konkreti u lanqas elementi ta' prova li jistgħu jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-impossibbiltà li din iċ-ċessjoni proposta titwettaq.

560    Għandu jiġi enfasizzat, b'mod partikolari, il-fatt kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fil-premessa 520 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet ikkontestata f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, fejn [...] Fil-fatt, mill-punt [...] tad-dokument li jesponi l-impenji proposti fl-14 ta' Ġunju 2001 jirriżulta li [...] Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn [...], l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet tkun ġiet illiberata mill-obbligu tagħha fil-konfront tal-Kummissjoni mingħajr ma tkun twettqet iċ-ċessjoni, salv illi [...]

561    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li l-impenn, bħal dak li ġie propost, ma setax jiġi aċċettat. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li dan l-impenn jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rikors preżenti.

 Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar

562    Fir-rigward ta' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-elementi tad-deċiżjoni jikkorroboraw reċiprokament lil xulxin b'mod li ma jagħmilx sens li kull suq jiġi analizzat għalih (ara l-punti 40 u 48 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, din l-affermazzjoni ta' natura ġenerali ma tapplikax fil-kuntest ta' l-elementi eżaminati f'din is-sezzjoni tas-sentenza. B'mod partikolari, sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza, iktar ’il fuq, sabet xi żbalji li jivvizzjaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-overlap vertikali bejn l-istarters u l-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar, kif ukoll dik li tirrigwarda d-diversi effetti tal-konglomerat, ebda wieħed minn dawn l-iżbalji m'għandu impatt fuq il-konstatazzjoni tagħha rigwardanti t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar minħabba l-overlap orizzontali li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, li jkollha l-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni.

563    Għandu jiġi konkluż, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, li l-punt tad-deċiżjoni kkontestata rigwardanti t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, li jirriżulta mill-overlap orizzontali eżistenti fis-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar bejn l-attivitajiet ta' produzzjoni taż-żewġ kontraenti fil-konċentrazzjoni, li jkollha l-konsegwenza li l-kompetizzjoni fuq dan l-istess suq kienet tiġi mfixkla sew fis-suq komuni, huwa pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt.

2.     Fuq il-magni ta' l-ajruplani tan-negozju

a)     L-argumenti tal-partijiet

564    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq tal-magni ta' l-ajruplani tan-negozju fiha l-istess żbalji bħal dik dwar il-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar. Il-magni ta' GE u ta' Honeywell mhumiex sostitwibbli, minħabba d-differenzi fis-saħħa u fl-iżvilupp tagħhom; ħaġa li hekk qiegħda bħalissa u hekk ser tibqa' fil-futur. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha għalhekk fuq l-effetti (li ma ġewx ipprovati) ta' l-integrazzjoni vertikali f'dak li jikkonċerna lil GECCAG. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ċaħdet l-impenji li jirrigwardaw is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju.

565    Il-Kummissjoni tirreferi, mutatis mutandis, għall-analiżi tagħha dwar il-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar u tisħaq li l-konċentrazzjoni kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju minħabba, b'mod partikolari, id-distakk bejn is-sehem mis-suq ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u dak tal-kompetituri. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kritika tar-rikorrenti dwar ir-rifjut ta' l-impenji li jirrigwardaw dan is-suq tinvolvi biss sempliċi allegazzjonijiet u ma twassal għall-ebda konklużjoni fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

566    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni identifikat suq wieħed li jinkludi l-ajruplani tan-negozju kollha, u kkonstatat, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li, "mil-lat tad-domanda, it-tliet kategoriji ta' ajruplani (tqal, medji u ħfief) mhumiex sostitwibbli bejniethom, minħabba d-distakk fil-prezz u l-ispejjeż biex jiġu operati, kif ukoll id-diversi profili ta' użu li għalihom kull kategorija hija ddestinata". Għalkemm hija taqsam dan is-suq fi tliet "kategoriji" (setturi), hija tispjega li mhuwiex meħtieġ li tiddeċiedi definittivament fuq dwar jekk dawn it-tliet kategoriji humiex swieq distinti, peress li l-analiżi tal-kompetizzjoni ma tiġix affettwata.

567    Fil-premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq filwaqt li tirrileva li dawn huma bbażati fuq il-kompetizzjoni ta' pjattaformi singulari. Il-Kummissjoni tirrileva li "madankollu, dan mhuwiex il-mod kif ġew iddefiniti s-swieq tal-prodotti fil-każ ta' l-ajruplani tan-negozju, [peress li] dan ma jaqbilx mal-prinċipji li jirregolaw id-definizzjoni tas-suq, sa fejn ma jiħux in kunsiderazzjoni s-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista u tad-domanda".

568    L-argument prinċipali tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jikkonsisti f'ripetizzjoni ta' l-istess kritika magħmula fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani reġjonali kbar rigwardanti, fis-sustanza, il-fatt li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq tal-magni bil-ġett skond l-ajruplani li fuqhom ikunu mgħammra u mhux skond il-karatteristiċi proprji tagħhom. Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq fil-punti 492 et seq fil-kuntest ta' l-ajruplani reġjonali kbar, il-Kummissjoni, fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet ir-raġunijiet li minħabba fihom kien jinħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn l-ajruplani meta jkun qiegħed jiġi ddefinit is-suq tal-magni bil-ġett li jkunu mgħammra fuqhom.

569    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet ebda allegazzjoni preċiża dwar id-definizzjoni tas-suq ta' l-ajruplani tan-negozju. Peress li l-portata sostantiva ta' l-istħarriġ magħmul mill-ġudikant komunitarju hija stabbilita, bħala prinċipju, mit-talbiet u argumenti magħmulin mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, mhuwiex meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi analizzata fil-preżent. Fin-nuqqas ta' l-iċken evidenza speċifika li titfa' dubju fuq l-applikazzjoni ta' l-analiżi tal-Kummissjoni fuq l-ajruplani tan-negozju f'dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni tat-tieni livell, għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta' fatt u lanqas żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta ddefinixxiet is-suq tal-magni għall-ajruplani tan-negozju. Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi b'mod ġenerali għall-argumenti mressqin minnha fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħudin għall-istess raġunijiet mutatis mutandis (ara l-punti 492 et seq iktar ’il fuq).

570    Fir-rigward tal-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju, il-Kummissjoni, fil-premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, tistrieħ esklużivament fuq iċ-ċifri relattivi għall-ishma mis-suq ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni, sabiex tikkonkludi li kienet ser tinħoloq pożizzjoni dominanti fis-suq. Hija tirrileva, fl-imsemmija premessa li, "[f]uq is-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju, il-konċentrazzjoni kontemplata jkollha l-effett immedjat li toħloq overlap orizzontali li tinvolvi l-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti". Hija tinvoka f'dan ir-rigward iċ-ċifra ta' [50 sa 60]% (GE: [10 sa 20]%, Honeywell: [40 sa 50]%) għall-bażi ta' magni installati f'dan is-suq, kif ukoll dak ta' [80 sa 90]% (GE: [10 sa 20]%, Honeywell: [70 sa 80]%) għall-bażi ta' magni installati fuq ajruplani medji tan-negozju biss li għadhom fi produzzjoni. Skond il-Kummissjoni dan il-kalkolu tas-sehem mis-suq huwa approprjat biex tiġi analizzata s-saħħa kummerċjali tal-manifatturi tal-magni f’dan is-suq.

571    Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li ċ-ċifra ta [50 sa 60]% għall-bażi ta' magni kollha installati fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju huwa indikattiv, bħala prinċipju, ta' pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm l-importanza ta' l-ishma mis-suq tista' tvarja minn suq għal ieħor, ishma li jkunu estremament kbar jikkostitwixxu minnhom infushom, u salv ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova ta’ l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 101 supra, punt 41, u Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 134). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra (punt 60), li dan japplika f'każ ta' sehem mis-suq li jkun ta' 50%.

572    Ir-rikorrenti la wriet u lanqas allegat l-eżistenza ta "ċirkustanzi eċċezzjonali" fis-sens tas-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, f'dak li jikkonċerna s-suq ta' l-ajruplani tan-negozju, tali li jannullaw il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti f’dan is-suq, meta bbażat ruħha fuq is-sehem mis-suq li kien ikollha l-entità li tirriżulta mill-fużjoni f'dak li jikkonċerna l-bażi globali installata ta' magni.

573    Għandu jiġi rrilevat, għal kull bon fini, li ċ-ċifra ta' [80 sa 90]% indikata fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata għall-bażi ta' magni installati ta' l-ajruplani medji tan-negozju li għadhom fi produzzjoni biss, kalkolu dan li skond il-Kummissjoni huwa partikolarment rilevanti għall-finijiet ta' l-analiżi tas-saħħa kummerċjali ta' xi manifattur tal-magni (premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata), tindika kjarament li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tiddomina dan is-settur. Peress li l-Kummissjoni ma kklassifikatx din il-kategorija ta' ajruplani bħala suq dinstint, din il-konstatazzjoni ma tistabbilixxix l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti, bħala tali, fis-suq distint fis-sens ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament nru 4064/89. Dan is-sehem mis-suq jindika mill-banda l-oħra li, f'ċerti setturi tas-suq in kwistjoni, l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tkun iktar b'saħħitha fis-suq in ġenerali, ħaġa din li ssaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza, wara l-konċentrazzjoni, tal-pożizzjoni dominanti fis-suq, ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni meħuda globalment.

574    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tal-proċeduri preżenti ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta waslet għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti minħabba l-overlap orizzontali bejn l-attività ta' produzzjoni ta' magni għall-ajruplani tan-negozju tar-rikorrenti u dik ta' Honeywell.

575    Mill-bqija, ir-rikorrenti tikkritika espliċitament ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar is-suq ta' l-ajruplani tan-negozju f'dak li jikkonċerna l-influwenza li allegatament għandha GECCAG qua xerrejja minħabba l-politika ta' xiri preferenzjali. Għandu jiġi kkonstatat li l-elementi empiriċi essenzjali li huma fil-bażi ta' l-analiżi tal-Kummissjoni fuq l-aġir passat ta' GECAS (premessi 121 et seq tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punti 182 et seq iktar ’il fuq) huma neqsin f'dak li jikkonċerna lil GECCAG. Fin-nuqqas ta' analiżi approfondita fid-deċiżjoni kkontestata li turi li kien ikun fl-interess kummerċjali ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni li GECCAG tadotta politika ta' xiri spekulattiv ta' ajruplani bi preferenza qawwija, jiġifieri politika ta' xiri esklużiv ta' ajruplani mgħammra b'magna minn tagħha stess u li, għaldaqstant, l-adozzjoni ta' din il-politika kienet probabbilment ser isseħħ, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni mhuwiex fondat fil-każ preżenti.

576    F'dak li jirrigwarda l-analiżi, li hemm fil-premessi 443 u 444 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-possibbiltà li jsir bejgħ ta' pakketti ta' prodotti li jaffettwaw l-ajruplani tan-negozju (li ġiet ukoll ikkritikata mir-rikorrenti), għandu jiġi konstatat li dan il-bejgħ kien possibbli kemm qabel kif ukoll wara l-konċentrazzjoni, peress li Honeywell kellha diġà pożizzjoni b'saħħitha fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju kif ukoll f'diversi swieq ta' prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi għal dawn l-inġenji ta' l-ajru. Mill-banda l-oħra, sehem GE mis-suq f'dak li jikkonċerna l-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju qabel il-konċentrazzjoni kien dgħajjef. B'hekk, anki kieku wieħed kellu jissupponi li ġie pprovat li l-prassi tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti fil-futur hija probabbli fis-settur ta' l-ajruplani tan-negozju, xorta waħda ma ġiex ipprovat li l-konċentrazzjoni kienet ser tkun il-kawża prinċipali tagħha, u lanqas li hija kienet ser tipprovoka xi effetti sinjifikattivi f'dan ir-rigward.

577    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq fil-punti 399 et seq, il-Kummissjoni ma ressqitx provi konvinċenti li jistgħu jistabbilixxu li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet probabbilment tirrikorri għal dawn il-prattiċi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti tat-teżi tal-Kummissjoni, rigwardanti l-prassi futura ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti li jaffettwaw l-ajruplani tan-negozju, ma tistax titqies li hija l-konsegwenza li ġejja mill-operazzjoni notifikata li kienet ser tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni f'dan is-suq.

578    Mill-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-analiżi ta' l-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju (premessi 435 sa 444) u b'mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-premessa 437 jirriżulta b'mod inekwivoku li kull waħda minn dawn is-sezzjonijiet distinti ddedikati rispettivament għall-overlap orizzontali (premessi 435 sa 437), għall-integrazzjoni vertikali (premessi 438 sa 442) u għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti (premessi 443 u 444) hija awtonoma u skond l-analiżi tal-Kummissjoni, hija suffiċjenti waħidha biex tiġġustifika l-konklużjoni ta' l-istess Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti f’dan is-suq minħabba l-konċentrazzjoni. B'hekk, il-konstatazzjoni fil-punt 574 iktar ’il fuq dwar il-ġustifikazzjoni ta' l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-overlap orizzontali f’dan is-suq mhijiex annullata mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 575 sa 577 iktar ’il fuq.

579    Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-pożizzjoni dominanti hekk maħluqa kienx ikollha l-konsegwenza li tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, għalkemm insistiet fuq l-awtonomija tat-tieni kriterju b'mod vag (ara l-punti 84 et seq iktar ’il fuq), ma ressqet ebda argument biex tikkontesta l-konstatazzjoni li l-overlap orizzontali deskritt iktar ’il fuq kien ikollu effetti sinjifikattivi fis-suq.

580    Fi kwalunkwe każ, mill-konklużjoni ġenerali li tinsab fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata, li ssemmi espliċitament kull wieħed mis-swieq li huma milqutin mill-konċentrazzjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset mhux biss li kienet ser tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti fuq kull wieħed minn dawn is-swieq iżda wkoll li, konsegwentement, "il-kompetizzjoni effettiva kienet ser tiġi mfixkla sew fis-suq komuni" (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Fid-dawl tat-termini ta' din il-premessa, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni meħtieġa li l-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju, dovuta għall-fatt li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ser ikollha sehem mis-suq ta' [50 sa 60]% f'dak li jikkonċerna l-bażi ta' magni installati (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), kienet iġġib l-eżitu li tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Fin-nuqqas ta' argumenti speċifiċi jew elementi ta' prova li jindikaw l-assenza ta' dan l-ostaklu, għandu jiġi kkonstatat, għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, li din il-konklużjoni mhijiex ivvizzjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni.

581    Fir-rigward ta' l-impenji proposti mir-rikorrenti fl-14 ta' Ġunju 2001, huwa opportun li jiġi rrilevat li l-impenn li kien jipprevedi ċ-ċessjoni ta' l-attività ta' produzzjoni ta' magni ALF502/507 ta' Honeywell huwa rilevanti wkoll għall-analiżi tas-suq ta' l-ajruplani tan-negozju, u dan kif ikkonfermaw iż-żewġ partijiet prinċipali qabel is-seduta b'risposta għall-mistoqsija bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sa fejn dawn jiġu mgħammra mhux biss fuq l-ajruplani reġjonali kbar ta' BAe Systems iżda wkoll l-ajruplani tan-negozju [...]

582    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti għal darb'oħra affermat biss li l-kritika li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-impenn in kwistjoni hija infondata. B'hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 555 et seq iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet intitolata tirrifjuta dak l-impenn.

c)     Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tal-magni ta' l-ajruplani tan-negozju

583    Għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-elementi tad-deċiżjoni tagħha jikkorroboraw reċiprokament lil xulxin b'mod li ma jagħmilx sens li kull suq jiġi analizzat għalih (ara l-punti 40 u 48 iktar ’il fuq), din l-affermazzjoni ta' natura ġenerali ma ssib ebda applikazzjoni fil-kuntest ta' l-elementi eżaminati fil-parti preżenti tas-sentenza. B'mod partikolari, sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat iktar ’il fuq, dwar l-iżbalji li jivvizzjaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-overlap vertikali bejn l-istarters u l-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar, kif ukoll dwar id-diversi effetti tal-konglomerat, ebda wieħed minn dawn l-iżbalji ma jaffettwa l-konstatazzjoni relattiva għall-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni għall-ajruplani tan-negozju minħabba l-overlap orizzontali li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla sew.

584    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, li l-punt tad-deċiżjoni kkontestata relattiv għall-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti ta' l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, li jirriżulta mill-overlap orizzontali eżistenti fis-suq tal-magni għall-ajruplani tan-negozju bejn l-attivitajiet ta' produzzjoni taż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni, bil-konsegwenza li kienet tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni fis-suq komuni, ġie stabbilit għas-suffiċjenza tad-dritt.

3.     Fuq it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass

a)     Fuq id-definizzjoni tas-suq

 L-argumenti tal-partijiet

585    Skond ir-rikorrenti, l-affermazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fuq il-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti f'dan is-settur hija vvizzjata b'definizzjoni żbaljata tas-suq. It-turbini ta' GE u Honeywell mhumiex sostitwibbli. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova ta' xi eżempju ta' kompetizzjoni bejn GE u Honeywell.

586    Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 472 sa 474, diġà fiha r-risposti għall-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt u ssostni li dawn l-argumenti ma jaqblux mar-realtà. Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-swieq tat-turbini li jaħdmu bil-gass għandhom jiġu ddefiniti biss skond is-saħħa, f'dan il-każ inqas minn 10/15 megawatt (MW), u skond l-applikazzjoni industrijali jew marina. Is-suq identifikat ma jistax jiġi frammentat iktar u l-konċentrazzjoni kienet ser tagħti lok għal operatur ħafna ikbar mill-ewwel kompetitur tagħha.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

587    Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-portata materjali ta' l-istħarriġ tal-ġudikant Komunitarju hija stabbilita, bħala prinċipju, mit-talbiet u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors tagħha. L-unika element mir-raġunament tal-Kummissjoni li jirrigwarda t-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass li ġie kkontestat fir-rikors huwa d-definizzjoni tas-suq. Għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti li r-rikorrent tqajjem f'dan ir-rigward jistabbilixxux l-eżistenza ta' żball ta' fatt jew ta' żball manifest fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq rilevanti.

588    Mill-banda l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti, fl-ittra tal-21 ta' Lulju 2004, ippruvat twessa' l-każ billi tikkummenta fuq aspetti mir-raġunament tal-Kummissjoni li ma jirrigwardawx id-definizzjoni tas-suq rilevanti, l-osservazzjonijiet tagħha jikkostitwixxu argument ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura u huma, għaldaqstant, inammissibbli. Dan kollu kif ġustament ġie rrilevat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tas-17 ta' Settembru 2004.

589    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fil-premessi 460 sa 467, tesponi r-raġunijiet li wassluha biex tikkunsidra li s-suq rilevanti kien is-suq mondjali tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, jiġifieri dawk li għandhom saħħa ta' O.5MW sa 10MW, iddestinati li jintużaw fil-baħar. Sussegwentement, fil-premessi 472 sa 474, hija tispjega r-raġunijiet għaliex l-argumenti speċifiċi mqajmin mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, fil-kors tal-proċeduri amministrattivi, ma jannullawx din il-konklużjoni.

590    Skond ir-rikorrenti, it-turbini tagħha u dawk ta' Honeywell mhumiex sostitwibbli b'xulxin u hija ssostni li ma hemmx kompetizzjoni bejn dawn it-turbini fis-sens li ż-żewġ impriżi ma jipparteċipawx fl-istess sejħiet għal offerti.

591    Biex issostni t-teżi tagħha, ir-rikorrenti, fin-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 185 tar-rikors, tirreferi għall-anness 22 mar-risposta tagħha għall-KI, liema risposta tinsab, flimkien ma' l-annessi kollha tagħha, fl-anness mar-rikors.

592    Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-imsemmi anness tar-rikors tagħha, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, bil-għan li tiġi ggarantita ċ-ċertezza ġuridika u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ikun ibbażat, għandhom jirriżultaw, ta' l-inqas sommarjament, iżda b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-195/95, Ġabra p. II-679, punt 20; ta' l-24 ta' Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II-387, punt 66; digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Lulju 2000, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-110/98, Ġabra p. II-2971, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T-195/00, Ġabra p. II-1677, punt 26, u tas-16 ta' Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 45; ara wkoll, f'das-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċmebru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559, 588 u tal-5 ta' Marzu 1991, Grifoni vs KEEA, C-330/88, Ġabra p. I-1045, punti 17 u 18). F'dan ir-rigward, filwaqt li l-korp tar-rikors jista' jiġi korroborat u ssupplementat, fuq punti speċifiċi, b'riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, ir-riferiment ġenerali għal skritturi oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' elementi essenzjali argumentattivi tad-dritt li, skond id-dispożizzjonijiet osservati iktar ’il fuq, għandhom jitniżżlu fir-rikors (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummussjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49). B'hekk, sa fejn il-kritika magħmula mir-rikorrenti fid-dokument in kwistjoni tista' titqies li hija lment awtonomu mmirat kontra aspetti oħrajn ta' l-analiżi fil-KI li mhumiex id-definizzjoni tas-suq rilevanti, dawn l-ilmenti m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni.

593    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fis-seduta, iddubitat mill-affidabbiltà taċ-ċifri ta' sehem ir-rikorrenti mis-suq kif użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fejn irrilevat li ċ-ċifra ta' [10 sa 20]% għal suq li huwa ddefinit b'riferiment għas-saħħa ta' bejn 0.5 sa 5MW, kif imsemmija fil-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata, hija impossibbli li tiġi rrikonċiljata maċ-ċifra ta' 25 sa 30% għas-suq iktar wiesa' li jinkludi minn 0.5 sa 10MW (premessa 470 ukoll, fl-aħħar tagħha), peress li r-rikorrenti tipproduċi turbina waħda biss, l-LM 500, li, b'saħħa ta' 4.5MW, taqa' taħt iż-żewġt iswieq.

594    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa distint mill-argument imqajjem fir-rikors li jikkontesta d-definizzjoni tas-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, u li m'hemm l-ebda ħjiel tiegħu fir-rikors. Dan jikkostitwixxi għalhekk argument ġdid. Dan l-argument, li tqajjem għall-ewwel darba fis-seduta, huwa għalhekk inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprojbixxi lill-partijiet iqajmu argumenti ġodda matul il-kawża. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tikkuntradixxix lilha nnifisha fil-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija tattribwixxi espliċitament lill-kompetituri ta' Honeywell iċ-ċifra ta' 25 sa 30% tas-suq ta' O.5 sa 10MW.

595    Mill-banda l-oħra, l-elementi mqajma fl-anness 22 tar-risposta għall-KI li huma rrelatati mad-definizzjoni tas-suq jistgħu jitqiesu li jikkorroboraw u jissupplementaw l-argument imqajjem fir-rikors fir-rigward ta' dan is-suq.

596    Bil-għan li jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq kif ikkonstatata mill-Kummissjoni fil-KI, il-partiiet fil-konċentrazzjoni enfasizzaw, fl-anness 22 mar-risposta tagħhom għall-istess KI, id-differenzi bejn il-mudell tat-turbina ta' GE, l-LM 500, u t-turbini ta' Honeywell f'termini ta' prezz, daqs, piż u saħħa.

597    Mill-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, b'mod partikolari, fuq l-investigazzjoni tagħha fis-suq biex tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tad-differenzi bejn it-turbini tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Hija tirrileva, b'mod partikolari fil-premessa 473, dan li ġej:

"Madankollu l-investigazzjoni magħmula fis-suq uriet espliċitament li GE u [Honeywell] kienu rivali fis-suq iddefinit iktar ’il fuq. L-investigazzjoni ma indikatx li d-differenzi bejn it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass ta' GE u ta' [Honeywell] (ta' saħħa inqas minn 10MW) kienu suffiċjentement sinjifikattivi biex jiġġustifikaw id-distinzjoni bejn id-diversi swieq tal-prodotti."

598    Peress li l-konklużjoni bbażata fuq din l-investigazzjoni hija kkontestata fil-proċeduri preżenti, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika fil-każ preżenti jekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta' fatt u lanqas żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta, mir-riżultati ta' l-investigazzjoni tagħha ddeduċiet li dawn id-differenzi ma jannullawx id-definizzjoni tas-suq tagħha. Għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Prim'Istanza staqsiet lill-Kummissjoni, permezz ta' miżura għall-organizzazzjoni tal-proċedura, biex tressaq id-dokumenti ta’ l-inkartament tagħha li għalih kellha aċċess ir-rikorrenti li jikkorroboraw jew li huma bl-istess mod rilevanti għaż-żewġ frażijiet iċċitati fil-punt preċedenti.

599    Il-Kummissjoni ressqet tliet dokumenti b'risposta għal din il-mistoqsija, jiġifieri r-risposti rispettivi ta' Rolls-Royce, ta' UTC u ta' Solar Turbines. Hija ssostni li dawn ir-risposti huma "rappreżentattivi" tar-riżultati ta' l-investigazzjoni tagħha fis-suq, peress li huma jirriflettu l-opnijonijiet tat-tliet kompetituri prinċipali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-suq in kwistjoni. Ir-rikorrenti ma kkontestatx in-natura rappreżentattiva ta' dawn ir-risposti u rrilevat biss xi diverġenzi bejniethom u kkritikat il-valur probatorju tagħhom. B'mod partikolari, hija ma rreferietx għar-risposti tal-kompetituri l-oħrajn li jannullaw din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni.

600    Ir-risposta ta' Rolls-Royce, ta' l-inqas fil-verżjoni tagħha mhux kunfidenzjali mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hija ambigwa sa fejn tindika, b'risposta għall-mistoqsija numru 38 ta' dan id-dokument, li preżenti fis-suq hemm biss ir-rikorrenti u hija stess. Madankollu, huwa paċifiku li Honeywell kienet preżenti, jiġifieri kellha sehem importanti mis-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass. Din kienet allura omissjoni manifesta minn-naħa ta' Rolls-Royce. Fir-rigward tar-risposta tagħha għall-mistoqsija nru 40 fl-istess dokument, hija tindika li kienet teżisti kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Honeywell esklużivament fis-suq tat-turbini żgħar industrijali li jaħdmu bil-gass. Għandu jiġi kkonstatat li r-risposti ta' Rolls-Royce għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet ma jsolvux il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti u Honeywell kinux f’kompetizzjoni fis-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass.

601    Madankollu, mir-risposti ta' Rolls-Royce għall-mistoqsijiet nri 32, 34 u 36 tal-Kummissjoni jirriżulta wkoll li d-definizzjoni tas-suq għat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass li għandhom saħħa ta' 0.5 sa 10MW ikkontemplati mill-Kummissjoni kienet raġjonevoli u li, skond din il-kumpannija, ebda "element ieħor" ma kien rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni. Dawn l-elementi tar-risposta ta' Rolls-Royce jikkorroboraw għalhekk it-teżi tal-Kummissjoni.

602    Ir-risposta ta' UTC, li hija l-mother company ta' P & W, issostni t-teżi tal-Kummissjoni sa fejn tikkonferma li kienet teżisti kompetizzjoni bejn il-kontraenti fil-konċentrazzjoni. B'risposta għall-mistoqsija nru 50, hija affermat espliċitament li r-rikorrenti u Honeywell kienu joffru kompetizzjoni diretta u indiretta f'dak li jikkonċerna t-turbini li jaħdmu bil-gass tal-baħar u industrijali li għandhom saħħa ta' bejn 0.5 sa 15MW.

603    F'dak li jirrigwarda d-definizzjoni approprjata tas-suq, UTC tindika, b'risposta għall-mistoqsija nru 43, li t-turbini industrijali ma jistgħux jintużaw fil-baħar u, b'risposta għall-mistoqsija nru 44, li, minkejja l-fatt li l-linja li tiddistingwi t-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass minn dawk li huma kbar hija relattivament suġġettiva u kemmxejn arbitrarja, fejn kultant kienet tintuża ċ-ċifra ta' madwar 13MW. B'risposta għall-mistoqsija nru 46 fir-rigward ta’ l- "elementi oħrajn" possibbli li jistgħu jaffettwaw id-definizzjoni tas-suq, hija ssostni li l-kriterji indikati mill-Kummissjoni dwar l-użu finali u s-saħħa tat-turbini huma rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq. B'hekk, dawn ir-risposti jikkonfermaw id-distinzjoni bejn it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass u t-turbini industrijali li jaħdmu bil-gass u jikkonfermaw li teżisti distinzjoni bejn it-turbini tal-baħar żgħar u dawk kbar skond is-saħħa tagħhom, fejn id-distinzjoni ssir eżatt malli taqbeż l-10MW.

604    Fl-aħħar nett, ir-risposta ta' Solar Turbines hija inkompatibbli mad-definizzjoni tas-suq kif ikkonstatata mill-Kummissjoni sa fejn din l-impriża tikkunsidra li m'hemmx bżonn li ssir distinzjoni bejn it-turbini tal-baħar li jaħdmu bil-gass u t-turbini industrijali li jaħdmu bil-gass (paġna numru 03812), lanqas skond is-saħħa tat-turbini (paġna numru 03809). Mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn Solar Turbines tippreferi definizzjoni tas-suq wiesa' ħafna, it-teżi tagħha hija wkoll inkompatibbli ma' dik tar-rikorrenti fejn id-differenzi fid-daqs u fil-piż bejn it-turbini żgħar tar-rikorrenti u dawk ta' Honeywell ifissru li dawn il-prodotti ma jidħlux taħt l-istess suq.

605    Barra minn hekk, Solar Turbines affermat, b'risposta għall-mistoqsija nru 8 magħmula mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti u Honeywell kienu f’kompetizzjoni fejn jidħol il-bejgħ ta' turbini industrijali li jaħdmu bil-gass iddestinati għall-użu industrijali u fil-baħar. Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti, li tqajjem fis-seduta, ibbażat fuq il-fatt li Solar Turbines, fl-elenku tad-diversi turbini taż-żewġ kontraenti fil-konċentrazzjoni, nesiet telenka t-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass tar-rikorrenti, jiġifieri l-LM 500, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-lista ta' prodotti kjarament mhijiex eżawrjenti peress li tispiċċa bil-kliem "fost prodotti oħrajn". B'hekk, ma jistax jiġi dedott b’din l-omissjoni li, b'kuntrast ma dak li ġie affermat minnha espliċitament, Solar Turbines kienet qiegħda tirreferi esklużivament għal turbini oħrajn li mhumiex dawk li ġew ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass.

606    Barra minn hekk, mill-anness 22 għall-KI msemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti u Honeywell darba minnhom ipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti matul l-aħħar ħames snin, fejn l-offerta tar-rikorrenti ġiet miċħuda minħabba li hija ma kinitx tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet tekniċi indikati. Għandu jiġi rrilevat f'dan ir-rigward li fis-suq in kwistjoni jkun hemm ftit wisq sejħiet għal offerti peress li matul dan l-istess perijodu Honeywell ipparteċipat f'sitt sejħiet għal offerti u rebħet tnejn minnhom. Għaldaqstant, il-fatt li l-partijiet ipparteċipaw darba biss fl-istess sejħa għal offerti mhijiex, minnha nnifisha, tali li f'dan il-kuntest tindika li l-prodotti rispettivi tagħhom ma jidħlux fl-istess suq.

607    Fid-dawl tal-kontenut tat-tliet risposti eżaminati iktar ’il fuq, meħudin globalment, kif ukoll mid-dokument li jidher fl-anness 22 mar-risposta għall-KI, ma ġiex ipprovat, fil-każ preżenti, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat, abbażi ta' l-elementi li jidhru fl-inkartament tagħha, li kien hemm suq mondjali għat-turbini tal-baħar li jaħdmu bil-gass li għandhom saħħa ta' bejn 0.5 sa 10MW u li r-rikorrenti u Honeywell kienu t-tnejn li huma attivi fuq dan is-suq.

608    In segiwtu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta, u minn korrispondenza bil-miktub waqt il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, irriżulta li l-unika klijent fis-suq mondjali tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass sitwat fiż-ŻEE ta' kull kontraent fil-konċentrazzjoni ma ġiex interrogat mill-Kummissjoni minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet indikatu fil-formola tan-notifika "CO". Madankollu, dan il-fatt, kif irrilevat mir-rikorrenti wara s-seduta, ma jannullax il-konklużjoni li hemm fil-punt preċedenti, peress li ma ġiex muri, u lanqas allegat mir-rikorrenti, li n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-klijent tagħha jew ma' Honeywell seta' jħassar id-definizzjoni tas-suq kif ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

609    Fil-każ preżenti, ma ġiex ipprovat li l-Kumissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha minħabba l-mod kif hija mexxiet l-investigazzjoni tagħha sabiex jiġi ddefinit is-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass.

b)     Fuq l-impenji

 L-argumenti tal-partijiet

610    Ir-rikorrenti pproponiet li ċċedi sehem Honeywell f'Vericor, l-impriża li tikkummerċjalizza t-turbini ta' Honeywell. Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hija affermat biss f'dan ir-rigward fir-rikors tagħha li l-kritika fuq l-impenji magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tagħha kienet infondata. Madankollu, hija ma tispjegax għal liema raġunijiet din il-kritika mhijiex fondata u ma tressaq ebda element ta' prova f'dan ir-rigward.

611    Il-Kummissjoni tinnota li l-kritika ta' GE dwar ir-rifjut ta' l-impenji hija biss sempliċi allegazzjoni u ma twassal għall-ebda konklużjoni fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

612    Kif ġie rrilevat fil-punt 555 iktar ’il fuq, l-impenji strutturali proposti mill-partijiet ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief jekk il-Kummissjoni tkun tista' tikkonkludi li huma eżegwibbli.

613    F'dak li jikkonċerna t-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, il-kontraenti fil-konċentrazzjoni nnotifikata pproponew, fl-ewwel serje ta' impenji ta' l-14 ta' Ġunju 2001, li jċedu l-parteċipazzjoni ta' 50% ta' Honeywell f'Vericor, l-impriża komuni li biha Honeywell tikkumerċjalizza t-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass, u li minnha MTU għandha r-rimanenti 50% (ara l-premessa 494 tad-deċiżjoni).

614    Peress li l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni li jirrigwardaw dan l-impenn huma esklużivament ta' natura prattika, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni taċċetta impliċitament, fil-premessa 518 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li Honeywell iċċedi lil MTU l-kontroll esklużiv tal-kumpannija li tikkummerċjalizza t-turbini tagħha kienet ser twassal biex jiġi evitat li tinħoloq pożizzjoni dominanti fis-suq b'konsegwenzi negattivi fuq il-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni fis-seduta, fejn issostni li dan l-impenn ma kienx jelimina l-overlap orizzontali f'dan is-suq, ma jistax ibiddel din l-analiżi tad-deċiżjoni nnifisha.

615    Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 518 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrileva li ċ-ċessjoni prevista fl-impenn hija suġġetta għal "kull awtorizzazzjoni meħtieġa" fil-kuntest tar-regoli Amerikani dwar il-kontroll ta' l-esportazzjonijiet. Hija tikkunsidra, għaldaqstant, li hija ma setgħetx taċċetta l-impenn kif ġie ppreżentat, peress li kieku l-awtoritajiet Amerikani kompetenti kellhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni tagħhom l-impenn kien ikun sodisfatt fis-sens li l-entità li tirriżulta mill-fużjoni tagħmel dak kollu li hija kienet obbligata tagħmel, minkejja l-fatt li ċ-ċessjoni ma tkunx seħħet. Il-Kummissjoni tirrileva, barra minn hekk, li l-impenn ma jippreċiżax x'kienet in-natura tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta' l-approvazzjoni in kwistjoni, u partikolarment jekk ir-regoli humiex mandatorji jew diskrezzjonarji. Hija żżid li teżisti problema wkoll f'dak li jikkonċerna "l-ispejjeż ikbar previsti fir-rigward tal-produzzjoni għall-impriża ċeduta fil-każ fejn ix-xerrej ma jipproduċix magni ta' elikotteri", b’differenza ta' Honeywell.

616    Peress li r-rikorrenti sempliċement tafferma, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-allegati diffikultajiet ippreżentati b'dan l-impenn kif imqajma mill-Kummissjoni huma totalment infondati, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ressqet ebda argument konkret u lanqas elementi ta' prova li jistgħu jikkontestaw il-ġustifikazzjoni għall-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li ċ-ċessjoni proposta sseħħ.

617    B'mod partikolari, għandu jiġi kkunisdrat li l-Kummissjoni kienet intitolata tirrifjuta l-impenn propost mill-partijiet fil-konċentrazzjoni peress li dan m'għandu ebda valur prattiku minħabba n-natura ipotetika tiegħu, peress li t-twettiq tiegħu jiddependi interament mid-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ta' Stat terz. Għalkemm ir-rikorrenti ma setgħetx tiggarantixxi t-twettiq tal-kundizzjoni, hija kellha tipproponi impenn sekondarju fil-każ li ċ-ċessjoni kellha tirriżulta impossibbli.

618    Fid-dawl tas-suespost, ma ġiex stabbilit fil-każ preżenti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-impenn, kif propost mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni notifikata, ma setax jiġi aċċettat fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni dan l-impenn u l-fatt li dan ġie propost ma jistax għalhekk jaffettwa l-analiżi tas-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

c)     Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass

619    Għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-elementi tad-deċiżjoni tagħha jikkorroboraw reċiprokament lil xulxin b'mod li ma jagħmilx sens li kull suq jiġi analizzat għalih (ara l-punti 40 u 48 iktar ’il fuq), din l-affermazzjoni ta' natura ġenerali ma ssib ebda applikazzjoni fil-kuntest ta' l-elementi eżaminati fil-parti preżenti tas-sentenza. B'mod partikolari, sa fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat l-iżbalji li jivvizzjaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-overlap vertikali bejn l-istarters u l-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar, kif ukoll dik li tirrigwarda d-diversi effetti tal-konglomerat, ebda żball ma jaffettwa l-konstatazzjoni tagħha dwar il-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass minħabba l-overlap orizzontali li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, bil-konsegwenza li tiġi mfixkla sew il-kometizzjoni fis-suq komuni.

620    Għandu jiġi konkluż, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, li l-punt tad-deċiżjoni kkontestata relattiv għall-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, li jirriżulta mill-overlap orizzontali eżistenti fis-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass bejn l-attività ta' produzzjoni taż-żewġ kontraenti fil-konċentrazzjoni, bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni f'dan l-istess is-suq kienet ser tiġi mfixkla sew fis-suq komuni, ġie pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt.

F –  Fuq l-argumenti relattivi għall-vizzji tal-proċedura

621    Ir-rikorrenti tqajjem, fil-kuntest preżenti, erba' lmenti distinti bbażati, rispettivament, fuq l-allegata vjolazzjoni tad-dritt ta' aċċess tagħha għal ċerti dokumenti, fuq it-tardività ta' l-aċċess għal ċerti dokumenti, fuq it-terminu qasir li hija kellha biex tirrispondi għall-KI u fuq l-allegati vizzji tal-proċedura relattivi għat-termini ta' riferiment ta' l-uffiċjal tas-seduta.

1.     Kunsiderazzjonijiet preliminari

a)     L-argumenti tal-partijiet

622    Ir-rikorrenti tfakkar l-ewwel nett li, skond il-leġiżlazzjoni komunitarja, il-ġurisprudenza u l-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ippubblikata fis-7 ta' Diċembru f'Nizza (ĠU C 364, p. 1, aktar ’il quddiem il-"Karta"), ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi ggarantit fil-proċeduri kollha, inklużi l-proċeduri quddiem il-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Ir-rispett ta' dawn id-drittijiet jitlob li l-impriża interessata titpoġġa f'pożizzjoni, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, li tgħid tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni.

623    L-aċċess għall-inkartament huwa wieħed mill-garanziji proċedurali intiżi li jassiguraw li d-dritt għas-smigħ jiġi osservat b'mod effettiv. Barra minn hekk, il-prinċipju ta' l-equality of arms jippreżumi li l-impriża kkonċernata jkollha konoxxenza ta’ l-inkartament daqs il-Kummissjoni; mhijiex l-istess Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk id-dokumenti jistgħux ikunu utli jew le għad-difiża.

624    Il-garanziji proċedurali huma ta' importanza kardinali fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-proċeduri fil-qasam in kwistjoni jaffettwaw id-dritt fundamentali għall-proprjeta'. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha de facto implikazzjonijiet definittivi u dan minħabba li r-rikors għall-qrati huwa ftit li xejn effikaċi minħabba d-dewmien u minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiddetermina fil-fatt is-suċċess jew le tal-konċentrazzjoni. Fit-tielet lok, bis-sospensjoni tal-konċentrazzjoni, il-proċeduri fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet jaffettwaw negattivament l-interessi tal-partijiet. Fir-raba' lok, il-kontraenti fil-konċentrazzjoni huma vulnerabbli għall-ilmenti tal-kompetituri li jiddefendu l-interessi individwali tagħhom. Fil-ħames lok, it-telf dovut għall-projbizzjoni illegali ta' konċentrazzjoni ma jistax jiġi rekuperat kollu. Fis-sitt lok, ebda miżura proviżorja ma tista’ tittieħed fil-prattika, peress li l-impriżi ma jkunux jistgħu jingħaqdu fuq bażi proviżorja.

625    Id-deċiżjonijiet adottati bi ksur ta' dawn il-garanziji proċedurali essenzjali għandhom jiġu annullati jekk il-partijiet ikunu sofrew preġudizzju potenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta’ April 1999, Limbursge Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra. p. II 931), għaliex inkella jkun hemm ksur ta' l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Fil-fatt, minn banda, fil-qasam tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax titqies li hija indipendenti u imparzjali peress li hija, fl-istess waqt, il-leġiżlatur, l-eżekuttiv, il-lanjant u l-ġudikatur tal-kawża proprja tagħha. Mill-banda l-oħra, l-irregolaritajiet proċedurali ma jistgħux jiġu rregolarizzati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 98).

626    Bi tweġiba għar-risposta tal-Kummissjoni, GE tenfasizza li n-natura partikolari tal-proċeduri fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet titlob livell ta' protezzjoni differenti, iżda mhux neċessarjament ogħla jew iktar baxx mil-livell offrut fil-proċeduri dwar ksur. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma analizzatx korrettament l-interessi in kwistjoni f'dak li jikkonċerna l-mument li fih ikunu jridu jinstemgħu l-partijiet interessati direttament u l-bilanċ li jrid jintlaħaq fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju.

627    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni. Madankollu, hija tirrileva li r-rikorrenti tidher li hija iktar ikkonċernata mill-proċedura tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet innifisha u mill-proċedura ta' l-istħarriġ ġudizzjarju milli mill-mod li bih il-Kummissjoni eżegwixxiet il-proċedura amministrattiva fil-każ preżenti.

628    Skond il-Kummissjoni, GE hija żbaljata meta tinvoka l-Artikolu 6 tal-KEDB. Minn banda, il-prinċipji preskritti fil-KEDB huma ggarantiti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Mill-banda l-oħra, id-dritt li impriża tingħaqad ma' oħra mhuwiex dritt fundamentali u, jekk kellha ssir distinzjoni, dan id-dritt ma jitlobx livell ta' protezzjoni ogħla minn dak offrut fi proċeduri dwar ksur li jimponu xi sanzjonijiet.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

629    Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-proċedura ta' aċċess għall-inkartament fil-kawżi tal-kompetizzjoni hija intiża biex tippermetti lid-destinatarji tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti li jieħdu konjizzjoni ta' l-elementi ta' prova li jkun hemm fl-inkartament tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom fuq il-konklużjonijiet li l-istess Kummissjoni tasal għalihom abbażi ta' dawn l-elementi. Id-dritt ta' aċċess għall-inkartament huwa ġġustifikat bil-ħtieġa li tiġi assigurata l-possibbiltà għall-impriżi in kwistjoni li jiddefendu ruħhom utilment kontra l-ilmenti magħmulin kontra tagħhom fl-imsemmija komunikazzjoni (sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 65).

630    Madankollu, l-aċċess għal ċerti dokumenti jista' jiġi rrifjutat, partikolarment għad-dokumenti jew partijiet mill-istess dokumenti li jkun fihom sigrieti tan-negozju ta' impriżi oħrajn, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, għall-informazzjoni li tippermetti li jiġu żvelati l-lanjanti li ma jkunux iridu juru min huma, kif ukoll l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni bħala kunfidenzjali (ara s-sentenza BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, punt 306 supra, punt 29, ikkonfermata fl-appell fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punti 26 u 27).

631    Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat li, għalkemm l-impriżi għandhom dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom, dan id-dritt għandu madankollu jiġi bbilanċjat mal-garanzija tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punt 98). B'hekk, il-Kummissjoni tista' tkun obbligata tirrikonċilja l-interessi opposti billi tipprepara verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jkun fihom is-sigrieti tan-negozju jew ta' informazzjoni sensittiva oħra (sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il quddiem, punt 103). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-istess prinċipji huma applikabbli għall-aċċess ta’ l-inkartament fil-kawżi tal-konċentrazzjonijiet eżaminati fl-ambitu tar-Regolament nru 4064/89, anki jekk l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji jistgħu raġjonevolment ikunu kkundizzjonati mill-eżiġenza ta' ħeffa li tikkaratterizza l-ekonomija ġenerali tar-regolamenti msemmija (sentenzi Kayersberg vs Il-Kummissjoni, punt 84 supra, punt 113, u Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punti 67 u 68). B'kuntrast ma' dak li ssostni r-rikorrenti, mhuwiex meħtieġ li jingħata livell ta' protezzjoni differenti jew iktar estensiv f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet milli fil-qasam tal-proċeduri dwar ksur.

632    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba xi irregolarità proċedurali ħlief jekk din ikollha impatt konkret fuq il-possibbiltà li l-impriżi jiddefendu lilhom infushom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Ciment", T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 852 sa 860). B'hekk, in-non-osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża ma jistgħux jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva ħlief jekk jiġi stabbilit li din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati (ara, f'das-sens, is-sentenza tas-17 ta' Diċemebru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 516 supra, punt 56, u s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 549 supra, punti 340 u 430).

633    Sa fejn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża invokati fil-każ preżenti jirrigwardaw il-punti tar-raġunament tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat iktar ’il fuq bħala li ma ġewx ipprovati għas-suffiċjenza tad-dritt, l-istess vjolazzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw il-konklużjoni tal-proċeduri preżenti. Fil-fatt, anki kieku wieħed kellu jissupponi li dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża jinsabu pprovati, dawn jippreġudikaw biss il-punti tar-raġunament tal-Kummissjoni li għalihom jirreferu, liema punti l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà skartat għal raġunijiet oħra. Jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi stabbilit liema aspett mir-raġunament tal-Kummissjoni huwa milqut minn kull allegazzjoni magħmula mir-rikorrenti.

2.     Fuq l-aċċess għal ċerti dokumenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

634    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tatx aċċess għal dokumenti kruċjali jew għal ċerti partijiet minn dawn id-dokumenti minħabba li kienu kunfidenzjali. Hija bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti li ma ġewx żvelati jew ma tatx aċċess għad-dokumenti potenzjalment utli għad-difiża ta' GE (sentenza AEG vs Il-Kummissjoni, punt 506 supra, punti 24 sa 30, u s-sentenza Siment, punt 632 supra). Il-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi lista kompleta tad-dokumenti kollha miksuba. Madankollu, minkejja t-talbiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qatt ma ċċertifikat li l-inkartament kien komplet. Huwa inaċċettabbli li l-Kummissjoni tagħti aċċess biss għad-dokumenti li fuqhom hija tibbaża ruħha u tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jistgħu potenzjalment jintużaw mid-difiża.

635    B'mod partikolari, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma żvelatx li kien hemm xi lmenti sa qabel ma ntbagħtet il-KI u ma tatx aċċess għall-kontenut tagħhom ħlief b'sunt ta' ħdax-il linja fejn kienu deskritti l-preokkupazzjonijiet ta' ċerti kumpanniji ta' l-ajru, iżda mhux ta' operaturi oħrajn fl-industrija. Dan is-sunt ta' xhieda anonima allegatament inkriminanti ma ppermettiex lil GE li tikkontesta l-kontenut jew l-użu tiegħu. Ir-rwol kruċjali ta' dawn l-ilmenti fid-deċiżjoni finali jirriżulta ċarament mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u mill-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dawn l-ilmenti seta' kien fihom elementi li setgħu potenzjalment jintużaw għad-difiża ta' GE. GE tippreċiża li huwa impossibbli, għaliha jew għall-Qorti tal-Prim'Istanza, li tistabbilixxi r-rwol preċiż li dawn il-provi kellhom fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, għal dan il-motiv biss id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata (ara s-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 625 supra, punti 93 et seq).

636    Fit-tieni lok, GE ma kellhiex aċċess għall-osservazzjonijiet li saru minn terzi għand il-Kummissjoni, partikolarment Rolls-Royce fit-2 ta’ April 2001 u UTC fit-30 ta' Jannar, 21 ta' Frar u 22 ta' Marzu 2001. Jidher li terzi persuni oħrajn għamlu xi osservazzjonijiet mingħajr ma ġiet informata bihom GE.

637    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni akkordat wisq kunfidenzjalità lil numru ta' osservazzjonijiet ta' terzi persuni mibgħuta lir-rikorrenti li kienu abbozzati b'mod li kien prattikament impossibbli għar-rikorrenti li jeżaminaw jew jevalwaw dawn id-dokumenti sew. B'mod partikolari, kien hemm ir-risposta ta' Rolls-Royce għall-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2001, l-osservazzjonijiet ta' UTC ta' l-24 ta’ April 2001 u l-osservazzjonijiet ta' ILFC. Hemm dubji kbar kemm din l-informazzjoni mgħottija kollha tista' effettivament tiġi kklassifikata bħala sigriet tan-negozju.

638    Fir-raba' lok, GE ma kellhiex aċċess sħiħ għar-rapport tal-professur Choi li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti. Il-fatt li l-Kummissjoni finalment abbandunat dan il-mudell ma jiskużax dan l-aġir. L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 349 sa 355) il-Kummissjoni żammet mal-konklużjonijiet meħudin minn dan il-mudell anki jekk hija ma ressqet ebda prova alternattiva għalih. It-tieni nett, minħabba dan l-aċċess limitat, għalkemm ir-rikorrenti kienet f'pożizzjoni li tikkonvinċi lill-Kummissjoni tiskarta dan il-mudell, hija ma tpoġġietx f'pożizzjoni li tikkonvinċi lill-Kummissjoni dwar l-inapplikabbiltà tat-teorija tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, teorija din li hija essenzjali fid-deċiżjoni kkontestata. It-tielet nett, il-mudell Choi serva ta' bażi għall-mistoqsijiet mibgħutin lil terzi persuni.

639    Minkejja t-talbiet ripetuti u s-suġġeriment biex l-ekonomisti jintrabtu b'kuntratt ta' kunfidenzjalità, ir-rikorrenti qatt ma rċeviet l-informazzjoni użata f'dan il-mudell minħabba r-rifjut ta' Rolls-Royce, li kienet ikkummissjonat il-mudell. Madankollu, il-Kummissjoni, skond il-komunikazzjoni tagħha relattiva għar-regoli ta' proċedura interna għat-trattament tat-talbiet għall-aċċess għall-inkartament fil-każijiet taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, ta' l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament nru 4064/89 (ĠU 1997, C 23, p. 3, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq l-aċċess għall-inkartament"), kienet obbligata, b'mod partikolari fil-punti I A 2, II A 1.3 u I B, li ma tiħux in kunsiderazzjoni t-talba għal kunfidenzjalità ta' Rolls-Royce bil-għan li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża.

640    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb informazzjoni dwar l-identità ta' l-ekonomisti esterni li ġew imqabbda mill-Kummissjoni biex janalizzaw il-mudell Choi, u lanqas dwar ir-rapporti tagħhom, li għalihom hemm riferiment ċar fin-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 175 u l-punti 567 u 568 tal-KI. B'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni, fil-kuntest tar-risposti tagħha tas-26 ta’ April 2004, ressqet ir-rapport ta' l-ekonomista l-professur Vives, li ġie mqabbad minnha biex jiggwidaha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-kawża preżenti, kif ukoll skambji ta' posta elettronika bejn il-professur Vives u xi uffiċjali tal-Kummissjoni u l-kuntratt li abbażi tiegħu l-Kummissjoni kienet qabbdet lill-imsemmi professur Vives. Ir-rikorrenti, fis-seduta rrilevat li dawn id-dokumenti setgħu jintużaw minnha fid-difiża, partikolarment sa fejn il-professur Vives ikkritika ċerti aspetti mir-raġunament tal-Kummissjoni.

641    Il-Kummissjoni rrifjutat ripetutament li tagħti aċċess lil GE għall-informazzjoni (jew għall-istudji li saru fuq is-swieq), li rriżultat mill-mistoqsijiet li saru lill-kompetituri abbażi tal-mudell Choi, li apparentement huma fil-bażi tal-punti 567 u 568 tal-KI, jew inkella li tagħti ċerta aċċess għal data li tesponi ċerta informazzjoni permezz ta' ċifri approssimattivi.

642    Fil-ħames lok, GE ma setgħetx teżerċita sewwa d-dritt tagħha għall-aċċess fir-rigward tad-dokumenti li kienu kklassifikati bħala dokumenti interni. Fost is-96 dokument li l-Kummissjoni kklassifikat li mhumiex aċċessibbli għal din ir-raġuni, irriżulta li għaxra minnhom kienu deskritti bħala faksijiet ta' terzi, u għaldaqstant kien illegali li dawn jinżammu kunfidenzjali. Il-Kummissjoni, fit-18 ta' Mejju 2004, b'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ressqet ħdax-il dokument li mhumiex kunfidenzjali u sunti mhux kunfidenzjali ta' tliet dokumenti kunfidenzjali li kienu kklassifikati bi żball bħala dokumenti interni. Ir-rikorrenti għamlet riferiment għal ċerti dokumenti fis-seduta u rrilevat li l-fatt li hija ma kellhiex aċċess għalihom, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, huwa vjolazzjoni inaċċettabbli tad-drittijiet tad-difiża tagħha li għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

643    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawk sottomessi minn terzi persuni, matul l-evalwazzjoni tas-suq, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet l-impenji strutturali, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar, it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass u l-istarters. Hija ssostni, f'dan ir-rigward, li ċ-ċessjonijiet kollha ġew irrifjutati abbażi ta' allegazzjonijiet magħmulin mill-kompetituri tagħha.

644    Il-Kummissjoni tafferma li GE kienet f'pożizzjoni li tieħu konjizzjoni ta' l-ilmenti kollha magħmulin kontra tagħha mid-dipartimenti tagħha, b'mod partikolari, permezz tal-KI, li fil-fatt kienet biżżejjed biex tippermettilha tiddefendi ruħha sew fil-każ preżenti.

645    Fir-rigward ta' l-ilmenti li rċeviet il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet ġiet informata bis-sustanza ta' l-akkużi li kienu sarulha. Il-Kummissjoni tfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija tista' tistrieħ biss fuq il-provi li hija ssemmi. L-iżvelar ta' l-identità ta' l-awturi tagħhom u tal-kontenut ta' l-ilmenti ma kien iżid xejn sinjifikattiv sabiex il-partijiet isiru jafu fuq il-kawża u fuq il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom. Dan japplika partikolarment għar-riferiment li hemm fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata għal kumpannija ta' l-ajru li l-kontenut tad-dikjarazzjoni biss kienet ta' interess.

646    Fir-rigward tal-mudell Choi, huwa preċiżament minħabba l-problemi proċedurali identifikati minn GE li l-Kummissjoni rrifjutat li tibbaża ruħha fuq dan il-mudell, peress li l-informazzjoni moħbija kienet sigriet tan-negozju.

647    Fir-rigward ta' l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni, l-espożizzjonijiiet ta' Rolls-Royce u ta' UTC li għalihom tirreferi r-rikorrenti ma kinux ħlief sunt tal-preokkupazzjonijiet li hija kienet diġà esprimiet u ma kien fihom ebda element li seta' tpoġġa għad-dispożizzjoni ta' GE. F'dak li jikkonċerna t-tħassir ta' ċerti partijiet kunfidenzjali, il-Kummissjoni tfakkar li r-relazzjonijiet kompetittivi bejn il-kontraenti fil-konċentrazzjoni, minn banda, u ILFC, Rolls-Royce u UTC mill-banda l-oħra, jispjegaw għaliex l-informazzjoni kienet ikooperat bis-sigriet tan-negozju.

648    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tas-suq, fid-dawl ta' l-insuffiċjenza ta' l-impenji, il-Kummissjoni tirrileva li hija pproċediet b'sempliċi investigazzjoni teknika, partikolarment għand terzi, u r-riżultati ta' l-istess investigazzjoni ntbagħtu lil GE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kellhiex tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tat-terżi imma għal dawk tal-Kummissjoni.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

649    Il-Kummissjoni tirrileva, ġustament, li għandha ssir distinzjoni bejn l-elementi esklużivament inkriminanti u d-dokumenti skużanti jew li fihom provi skużanti, f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-inkartament. L-elementi inkriminanti mhumiex rilevanti ħlief safejn il-Kummissjoni toqgħod fuqhom, f'liema każ it-trażmissjoni tagħhom hija essenzjali. Fil-każ invers, in-nuqqas tat-trażmissjoni tagħhom ma jkollha ebda effett fuq il-legalità tal-proċedura. Mill-banda l-oħra, jekk jirriżulta li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, għal dokument skużanti, jiġifieri dokument li seta' jkun utli għad-difiża tagħha u li seta', għaldaqstant, iwassal għal riżultat differenti fil-proċedura amministrattiva fl-ipoteżi fejn il-parti rikorrenti kienet setgħet tużah, ir-raġunament fid-deċiżjoni kkontestata milqut minn dak id-dokument għandu, bħala prinċipju, jitqies li huwa vvizzjat.

650    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza, it-talba għat-trattament kunfidenzjali tista' tiġġustifika r-rifjut għall-aċċess għad-dokumenti ta' terzi persuni, bħalma huma l-ilmenti, fi proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, punt 630 supra, li impriża li tkun f'pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ tadotta miżuri ritaljatorji fil-konfront tal-kompetituri, tal-fornituri jew tal-klijenti li jkunu kkollaboraw fl-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-impriżi terzi li, matul l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, jibagħtulha dokumenti li huma jqisu li minħabba f'hekk ser isofru xi tpattija kontra tagħhom jagħmlu hekk biss jekk ikunu jafu li t-talba għal kunfidenzjalità tagħhom tittieħed in kunsiderazzjoni. Hija kkonkludiet għalhekk li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta l-aċċess billi tinvoka n-natura kunfidenzjali tad-dokumenti (ara wkoll, f'dan ir-rigward, is-sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punti 66 et seq).

651    Għandhom jiġu eżaminati sussegwentement l-istanzi speċifiċi li fihom ir-rikorrenti tallega li ma ngħatalhiex aċċess.

652    Fl-ewwel lok, f'dak li jikkonċerna l-ilmenti tal-kumpanniji ta' l-ajru, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li min-natura tagħhom dawn bilfors ikollhom elementi inkriminanti. B'hekk, skond id-distinzjoni magħmula iktar ’il fuq, huwa biss fil-każ li l-Kummissjoni rriproduċiet il-kontenut tagħhom fil-KI li dawn ikunu rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment fir-risposti tagħha bil-miktub tas-26 ta’ April 2004 għall-mistoqsijiet ta' l-istess Qorti, li l-kumpanniji ta' l-ajru kollha, mingħajr eċċezzjoni, kienu talbu li jibqgħu anonimi. Għaldaqstant, ingħata biss sunt ta' l-informazzjoni (ara l-punt 3 tar-rapport ta' l-uffiċjal tas-seduta).

653    Sa fejn il-kumpanniji ta' l-ajru talbu speċifikament li jibqgħu anonimi u li l-ilmenti tagħhom jinżammu kunfidenzjali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet intitolata tagħti aċċess għall-partijiet innotifikati għall-informazzjoni f'forma ta' sunt minnhom. Dan l-aċċess limitat jirrappreżenta fil-fatt soluzzjoni bbilanċjata, ikkonfermata minn daqshekk mill-ġurisprudenza, li tippermetti rikonċiljazzjoni, safejn hu possibbli, bejn l-interessi opposti tal-partijiet notifikanti, minn banda, u tal-Kummissjoni u tal-lanjanti, mill-banda l-oħra (ara, b'analoġija, is-sentenza "Ciment", punt 632 supra, punti 142 sa 144 u 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sa fejn ir-rikorrenti tallega li dawn l-ilmenti seta' kien fihom, fost l-elementi inkriminanti, elementi speċifiċi li hija setgħet tinvoka biex tiskolpa ruħha, għandu jiġi kkonstatat li l-korrettezza ta' dik l-allegazzjoni ma tistax tiġi verifikata mingħajr ma tinkiser il-kunfidenzjalità ta' l-ilmenti in kwistjoni u, għaldaqstant, il-bilanċ imsemmi iktar ’il fuq, peress li l-produzzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet, bħala prinċipju, tinneċessita wkoll it-trażmissjoni tagħhom lir-rikorrenti, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-proċedura.

654    Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti tallega li l-ilmenti in kwistjoni seta’ jkollhom elementi li hija setgħet tinvoka biex tiskolpa ruħha ma jistax jaffettwa s-soluzzjoni bbilanċjata kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti, konsistenti f'li jingħata aċċess għas-sunt tal-problemi mqajma mil-lanjanti. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-adegwatezza tas-sunt ta' ħdax-il linja li għalih kellha aċċess fil-każ preżenti, fl-24 ta' Mejju 2001, għandu jiġi mfakkar li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni kienet qabżet xi lmenti oħrajn imqajma fl-imsemmija lment, hija ma kinitx tista' tistrieħ fuqhom peress li hija ma kinitx inkludiethom fis-sunt. B'hekk, xejn ma kien iżomm lill-Kummissjoni fil-każ preżenti, milli tirrifjuta l-aċċess minħabba l-kunfidenzjalità ta' l-ilmenti tal-kumpanniji ta' l-ajru, li kien fihom elementi inkriminanti, mingħajr il-ħtieġa li l-ġudikant komunitarju jivverifika l-kontenut ta' l-istess ilmenti.

655    Fid-dawl tas-suespost, is-sunt qasir ipprovdut mill-Kummissjoni tal-preokkupazzjonijiet espressi mill-kumpanniji ta' l-ajru fl-ilmenti tagħhom kien jissodisfa l-eżiġenzi fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet f'operazzjoni ta' konċentrazzjoni nnotifikata, u dan fid-dawl, b'mod partikolari, tan-neċessità li, f'sitwazzjoni bħal din, jinżamm bilanċ bejn l-interessi opposti tagħhom u tat-terzi persuni.

656    Madankollu, ir-rikorrenti tressaq kritika speċifika li tirrigwarda l-ilment ta' kumpannija ta' l-ajru li għandha tiġi eżaminata separatement. Fil-fatt, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni, fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestat, ibbażat ruħha fuq l-affermazzjonijiet ta' kumpannija kbira ta' l-ajru Ewropea (a major European airline), li jinsabu f'dokumenti li hija ma setgħetx tikkonsulta, fejn jingħad li "kull darba li Boeing tiffissa l-prezz ta' B737, GE tintervjeni billi tipproponi offerti interessati fuq il-prodotti u servizzi awżiljari f’materja tal-magni, tal-partijiet għall-bdil, ta’ l-assistenza finanzjarja u tal-prodotti l-oħrajn ta' GE bil-għan li tikkonvinċi lill-kumpannija ta' l-ajru li tagħżel l-ajruplan mgħammar b'magna GE". Peress li l-Kummissjoni għażlet li tuża din l-affermazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija kien ikollha normalment tipprovdi lill-partijiet notifikanti, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, b'verżjoni mhux kunfidenzjali jew sunt speċifiku mid-dokument li minnu tkun ħadet din l-informazzjoni.

657    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, b'risposta għall-mistoqsija bil-mitkub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ressqet, fl-ambitu tar-risposti tagħha tas-26 ta’ April 2004, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-minuti mniżżlin minn uffiċjal tal-Kummissjoni waqt il-laqgħa li fiha kienet saret dik l-affermazzjoni mir-rappreżentanti tal-kumpannija ta' l-ajru in kwistjoni. Ir-rikorrenti, mitluba tindika kif in-nuqqas ta' aċċess għal dan is-sunt kien affettwa l-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha fil-każ preżenti, fis-seduta, irrilevat li dan id-dokument huwa ħafna inqas kategoriku mill-allegazzjoni li li huwa jipprova jissostanzja.

658    Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li l-Kummissjoni eżaġerat il-portata ta' dan l-element ta' prova fid-deċiżjoni kkontestata peress li hija minnu ddeduċiet li r-rikorrenti kienet tikkuntattja lill-kumpanniji ta' l-ajru "kull darba" li Boeing kienet tikkomunika l-prezz lil waħda minnhom, billi tipproponi offerti interessanti fuq is-sensiela kollha tal-prodotti u servizzi. Fir-realtà, mill-minuti msemmijin jirriżulta biss li CFMI kienet għamlet proposta interessanti lill-kumpannija ta' l-ajru in kwistjoni li tirrigwarda prodotti u servizzi awżiljari mhux speċifikati waqt ordni ta' B737 u li l-esklużività fir-rigward tal-magna mhux neċessarjament isservi ta' ostaklu biex il-manifattur tal-magna jagħti xi konċessjonijiet jew offerta li tirrigwarda prodotti awżiljari meta tidħol xi ordni.

659    Fid-dawl ta' din l-eżaġerazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess għal dan id-dokument fil-kors tal-proċedura amministrattiva kien jippermetti lir-rikorrenti li tippuntwalizza li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata tagħmel din l-affermazzjoni speċifika li tirrigwarda l-B737.

660    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija affermazzjoni hija għal kollox marġinali fil-kuntest iktar wiesa' tad-deċiżjoni kkontestata kollha u ċertament mhijiex l-iktar parti importanti tal-parti operattiva tagħha, partikolarment sa fejn hija tinsab ippreżentata fid-deċiżjoni kkontestata bħala bbażata fuq element ta' prova wieħed u għalhekk hija iktar eżempju milli konstatazzjoni ta' applikazzjoni ġenerali. B'hekk, mingħajr m'hemm bżonn li l-Qorti tal-Prim'Istaza tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta' aċċess usa’ għal din l-evidenza setax jikkostiwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, għandu jiġi rrilevat li vjolazzjoni bħal din ma kienet tbiddel la l-kors tal-proċedura amminstrattiva u lanqas, fuq kollox, ir-riżultat tagħha.

661    Dwar l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hemm osservazzjonijiet oħrajn magħmulin minn "operaturi ta' l-industrija oħrajn" (other industry players) li għalihom hija ma kellhiex aċċess, il-Kummissjoni kkonfermat, fir-risposti bil-miktub tagħha tas-26 ta’ April 2004 għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-osservazzjonijiet kollha kienu saru aċċessibbli għall-partijiet notifikanti, ta' l-inqas f'verżjoni mhux kunfidenzjali salv għal dak li jikkonċerna dokument wieħed, jiġifieri l-preżentazzjoni viżiva bid-diapożittivi li l-operatur in kwistjoni ma riedx jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha. Il-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li hija ma bbażatx ruħha speċifikament fuq il-preokkupazzjonijiet espressi mill-impriżi in kwistjoni, li fil-fatt kienu xorta waħda koperti b'dawk espressi mill-kumpanniji ta' l-ajru, u li hija pprovdiet, fl-imsemmijin risposti tas-26 ta’ April 2004, sunt rigwardanti dawn il-preokkupazzjonijiet. Fid-dawl ta' dan is-sunt, ir-rikorrenti ma spjegatx kif in-nuqqas ta' aċċess għal dan is-sunt fl-istadju tal-proċedura amministrattiva kien ibiddel il-kors tal-proċedura, u lanqas a fortiori, l-eżitu tagħha.

662    Fit-tieni lok, f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-osservazzjonijiet magħmulin minn terzi għand il-Kummissjoni, partikolarment minn Rolls Royce fit-2 ta’ April 2001 u UTC fit-30 ta' Jannar, 21 ta' Frar u 22 ta' Marzu 2001, il-Kummissjoni tafferma quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li dawn il-preżentazzjonijiet orali ma kien fihom ebda elementi addizzjonali meta pparagunati ma' l-osservazzjonijiet l-oħrajn ta' l-istess impriżi li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess, fejn dawn il-preżentazzjonijiet mhumiex ħlief sunt tal-preokkupazzjonijiet espressi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-Kummissjoni tisħaq li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma kinitx marbuta tirrispondi ħlief għall-ilmenti mniżżlin fil-KI. Għandu jiġi rrilevat, li dawn il-preżentazzjonijiet ma ġewx invokati, la fil-KI u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-ittra ta' UTC tat-3 ta' Mejju 2001 li ġiet invokata mir-rikorrenti, jirriżulta espliċitament li din talbet espliċitament li dawn il-preżentazzjonijiet jingħataw trattament kunfidenzjali.

663    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ preżenti, irrilevati fil-punt preċedenti, u fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ impriżi in kwistjoni huma kompetituri tar-rikorrenti li esprimew ruħhom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom biex jopponu b'mod ferm qawwi għall-konċentrazzjoni, m'hemm ebda raġuni biex tiġi kontestata l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li dawn il-preżentazzjonijiet huma sunti li ma jżidu xejn ma' l-evidenza li għaliha r-rikorrenti kellha aċċess. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunisdrat li dawn id-dokumenti jista' fihom elementi skużanti iktar milli elementi inkriminanti biss. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tagħmilx din l-allegazzjoni, u tafferma mill-banda l-oħra fir-replika tagħha li dawn il-preżentazzjonijiet setgħu jippreġudikawha. B'hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, u fid-dawl partikolarment tal-fatt li l-produzzjoni ta' ċerti dokumenti in kwistjoni kienet tikser il-kunfidenzjalità mitluba mill-awturi tagħhom lill-Kummissjoni, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-kontenut ta' dawn l-elementi tista' tiġi aċċettata mill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala eżatta fil-proċeduri preżenti. Skond id-distinzjoni bejn id-dokumenti inkriminanti u skużanti stabbilita fil-punt 649 iktar ’il fuq, ma kienx meħtieġ li r-rikorrenti jkollha aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex hija tkun tista' tiddefendi ruħha sewwa quddiem il-Kummissjoni, fejn l-istess Kummissjoni ma invokathomx fil-KI u sussegwentament lanqas fid-deċiżjoni kkontestata.

664    Fir-rigward ta' l-allegazzjoni li jidher li kien hemm terzi persuni oħrajn li għamlu osservazzjonijiet simili mingħajr ma ġiet informata bihom GE, din hija sostnuta biss b'riferiment mhux speċifikat għall-anness li hemm mar-rikors li fih iktar minn 30 dokument differenti u l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax għalhekk tidentifika fuq xiex inhi bbażata din l-allegazzjoni, u lanqas għal liema impriżi tirreferi. Din l-allegazzjoni, li mhijiex korroborata minn evidenza speċifika, ma tistax tiġi meqjusa.

665    Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni li għalihom tat aċċess il-Kummissjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali, b'mod partikolari r-risposta ta' Rolls-Royce għall-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2001, l-osservazzjonijiet ta' UTC ta' l-24 ta’ April 2001 u l-osservazzjonijiet ta' ILFC, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-Kummissjoni affermat espliċitament fir-risposta tagħha li l-preżentazzjonijiet orali ta' Rolls-Royce u ta' UTC (mother company ta' P & W) kienu jirrigwardaw il-preokkupazzjonijiet ta' dawn l-impriżi u huma għalhekk elementi inkriminanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fir-risposta tagħha, li dawn it-tliet kumpanniji, li huma kollha kompetituri tar-rikorrenti, kienu talbu li l-informazzjoni moħbija tingħata trattament kunfidenzjali.

666    Għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, punt 630 supra, kif ukoll ir-raġunament espost iktar ’il fuq fil-punti 650 u 652 et seq iwasslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet intitolata tirrestrinġi l-aċċess għad-dokumenti in kwistjoni kif hija għamlet. B'hekk, hija lanqas ma ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet notifikanti bil-mod kif ittrattat l-aċċess għal dawn il-preżentazzjonijiet u dokumenti oħrajn derivanti mingħand terzi.

667    Fir-raba' lok, sa fejn ir-rikorrenti tallega li hija ma ngħatatx aċċess għar-rapport tal-professur Choi li huwa fil-bażi tat-teorija tal-Kummissjoni fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-uffiċjal tas-seduta fir-rapport tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2001, li l-Kummissjoni għażlet li ma tibbażax ruħha fuq il-mudell Choi, preċiżament minħabba li hija ma setgħetx tiżvela lir-rikorrenti l-informazzjoni użata minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom fir-rigward tal-kompetitriċi tagħha Rolls-Royce [ara l-punt 2 tar-rapport ta' l-uffiċjal tas-seduta tat-28 ta' Ġunju 2001 (ĠU 2004, C42 p. 11)]. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut mill-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq talba minn-naħa ta' Rolls-Royce sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità, sabiex tagħti aċċess għall-informazzjoni li fuqha huwa bbażat dan il-mudell m'għandu ebda impatt fuq l-eżitu tal-proċedura amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, iktar ’il fuq, li l-aspett tar-raġunament tal-Kummissjoni milqut mill-mudell Choi ma ġiex ipprovat, l-allegazzjoni preżenti, anki kieku wieħed kellu jissupponiha pprovata għas-suffiċjenza tad-dritt, ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 633 iktar ’il fuq).

668    Ir-rikorrenti, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, allegat li hija ma setgħetx tikseb informazzjoni dwar l-identità ta' l-ekonomisti esterni mqabbdin mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti, u lanqas dwar ir-rapporti li għalihom hemm riferiment fin-nota tal-qiegħ tal-paġna nru 175 u l-punti 567 u 568 tal-KI. B'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ressqet, fil-kuntest tar-risposti tagħha tas-26 ta’ April 2004, ir-rapport ta' l-ekonomista l-professur Vives, imqabbad minnha biex jiggwidaha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-kawża preżenti, kif ukoll xi posta elettronika skambjata bejn il-professur Vives u xi uffiċjali tal-Kummissjoni u l-kuntratt li bih ġie ingaġġat l-imsemmi professur mill-Kummissjoni.

669    Fis-seduta, ir-rikorrenti rrilevat li dawn id-dokumenti setgħu jintużaw minnha fid-difiża tagħha, partikolarment sa fejn il-professur Vives ikkritika ċerti aspetti mir-raġunament tal-Kummissjoni. Minn dan il-lat, dawn id-dokumenti jikkostitwixxu elementi skużanti.

670    Madankollu, mill-formulazzjoni u mit-ton tal-posta elettronika in kwistjoni, kif ukoll mill-kuntratt li bih il-Kummissjoni ingaġġat lill-professur Vives, u partikolarment l-anness III ta' l-istess, jirriżulta li r-rwol ta' l-istess professur kien mhux li jipproduċi l-elementi ta' prova li jistgħu jiġu invokati b'mod awtonomu mill-Kummissjoni, jiġifieri, jekk ikun il-każ, minn xi parti fil-proċedura amministrattiva, iżda pjuttost li jikkummenta fuq il-provi ekonomiċi l-oħrajn kif ukoll fuq il-konstatazzjonijiet ta' natura ekonomika magħmula mill-KI. Kif irrilevat il-Kummissjoni fis-seduta, dan ir-rwol huwa fil-preżent ta' l-ekonomista prinċipali, li jaħdem mal-Kummissjoni, iżda, fl-assenza ta' dan il-post fiż-żmien tal-fatti, il-Kummissjoni rrikorriet għal ekonomista barrani biex jeżerċita din il-funzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li kollox isir formalistiku kieku l-istat tal-pariri li ngħataw fil-każ preżenti jkunu jiddependu biss fuq jekk l-ekonomista li jagħtihom il-pariri kien, jew ma kienx, estern jew intern, fil-konfront tal-Kummissjoni.

671    Għandu jiġi kkunsidrat, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni hija intitolata tikseb diversi pariri, inkluż pariri ta' esperti esterni, sabiex tivverifika l-korrettezza ta' l-analiżi tagħha. Sa fejn il-Kummissjoni, fil-KI u fid-deċiżjoni finali tagħha, ma tistrieħx fuq il-parir ta' l-espert bħala l-evidenza li tikkorrobora t-teżi tagħha kontra xi impriża, il-parir jibqa' sempliċi opinjoni espressa minn persuna waħda u ma jkollu ebda sinjifikat partikolari fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Din l-opinjoni, anki jekk espressa minn espert, ma tistax għalhekk titqies li hija evidenza inkriminanti jew skużanti.

672    Fi kwalunkwe każ, kieku d-dokumenti in kwistjoni kienu tqiesu li jagħmlu parti mill-inkartament tal-Kummissjoni ut sic, huma kienu jiġu kklassifikati bħala dokumenti interni, u dan fid-dawl ta' l-istat u l-kontenut tagħhom, b'mod li r-rikorrenti ma kienx ikollha aċċess għalihom. Barra minn hekk, l-uniċi argumenti li r-rikorrenti bbażat ruħha fuq id-dokumenti li jirrigwardaw il-professur Vives quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jikkonsistu, fis-sustanza, fil-fatt li l-professur Vives kien għamel ċerti argumenti li huma stess kienu ressqu fl-istadju tal-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-fatt li r-rikorrenti kellha aċċess għal dawn id-dokumenti ma ppermettilhiex għalhekk li tressaq argumenti differenti fuq il-mertu milli dawk li hija ressqet fil-fatt. Fi kwalunkwe każ, il-parti l-kbira ta' dawn l-argumenti jikkonċernaw il-mudell Choi, li ġie abbandunat mill-Kummissjoni, u jirrigwardaw, barra minn hekk, l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata relattiv għall-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li ma ġiex ipprovat fil-każ preżenti (ara, f'dan ir-rigward, il-punt 633 iktar ’il fuq).

673    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura minħabba li d-dokumenti li jirrigwardaw il-fehmiet tal-professur Vives f'din il-korrispondenza ma' l-uffiċjali tal-Kummissjoni, inkluż ir-rapport tiegħu, ma ġewx mibgħutin lilha fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

674    Fil-ħames lok, fir-rigward tad-dokumenti interni li allegatament huma xi komunikazzjonijiet irċevuti mingħand terzi, il-Kummissjoni, fit-18 ta' Mejju 2004, b'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ressqet ħdax-il dokument mhux kunfidenzjali, u xi sunti mhux kunfidenzjali ta' tliet dokumenti kunfidenzjali li kienu ġew ikklassifikati kollha b'mod żbaljat bħala dokumenti interni. It-tliet dokumenti kunfidenzjali huma evidenza inkriminanti sa fejn dawn ġejjin mingħand terzi persuni li kienu opponew il-konċentrazzjoni. Fir-rigward tal-ħdax-il dokument mhux kunfidenzjali, il-Kummissjoni ammettiet li xi wħud minn dawn id-dokumenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala evidenza skużanti sa fejn dawn huma ittri mibgħutin minn manifatturi ta' l-ajruplani u kumpanniji ta' l-ajru li jesprimu l-fehma li l-konċentrazzjoni ma kienx ser ikollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, hija tirrileva li dawn id-dokumenti mhumiex ikkorroborati minn evidenza speċifika li tista' tindika b'mod konkret in-nuqqas ta' dawn l-effetti, fejn il-parti l-kbira tagħhom huma ittri qosra ħafna miktuba b'mod kważi identiku.

675    Fis-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lir-rikorrenti tindika liema argumenti hija kienet tressaq fl-istadju tal-proċedura amministrattiva kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti in kwistjoni. Din irrilevat li, salv għal eċċezzjoni waħda, hija kienet tistrieħ mhux fuq l-argumenti li hija kienet tressaq, imma fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni dokumenti, bħal dawk li huma in kwistjoni fil-każ preżenti, li jimmilitaw kontra t-teżi tagħha fir-rigward ta' l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. B'mod partikolari, ir-rikorrenti rrilevat fis-seduta [...], b'kuntrast ma' l-impressjoni mogħtija mill-Kummissjoni [...], fil-premessa [...] tad-deċiżjoni kkontestata.

676    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li d-dokumenti in kwistjoni jiffurmaw parti mill-inkartament tal-Kummissjoni u l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni tagħhom ma hija kkorroborata b'ebda prova. Effettivament, mill-fatt li dawn id-dokumenti kienu kklassifikati bħala dokumenti interni iktar milli bħala dokumenti rċevuti minn terzi, fl-istadju tal-bini ta’ l-inkartament li għalih ingħata l-aċċess, ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma ħadithomx in kunsiderazzjoni. Jekk dan l-iżball fil-klassifikazzjoni seta' eventwalment iċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tagħmel ċerti argumenti, l-istess żball ma ċaħħadx lill-Kummissjoni stess mill-opportunità li tqis dawn id-dokumenti bl-istess mod bħad-dokumenti l-oħrajn li hemm inkartament. B'hekk, dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jistabbilixxi xi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

677    Fir-rigward ta' l-affermazzjoni speċifika li tidher fil-premessa [...] tad-deċiżjoni kkontestata, din tirrigwarda l-fatt, li l-korrettezza tiegħu mhijiex miċħuda mir-rikorrenti, li [...] il-fatt [...], kif tirrilevah ir-rikorrenti, [...] ma jannullax l-aġir tal-Kummissjoni konsistenti fiċ-ċitazzjoni ta' l-artikolu in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata biex tikkorrobora l-parti tat-teżi relattiva għal [...]

678    Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, f'dak li jikkonċerna dokument wieħed partikolari, l-ittra ta' [...] indirizzata lill-membru tal-Kummissjoni li dak iż-żmien kien inkarigat mill-kompetizzjoni, li dan kien jgħin konkretament lir-rikorrenti sabiex tiddefendi ruħha fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Hija tirrileva li, f'din l-ittra, klijent importanti tar-rikorrenti u ta' Honeywell jesprimi l-fehma li l-impenn rigwardanti l-aġir li ġie aċċettat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-konċentrazzjoni bejn Allied Signals u Honeywell, fl-1999, impedixxa verament lil Honeywell milli tipprattika bejgħ ta' pakketti ta' prodotti in segwitu għal dik l-operazzjoni.

679    Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li, fil-punt 470 iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-parti mir-raġunament tal-Kummissjoni rigwardanti l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti ma ġietx ipprovata fit-totalità tagħha. B'hekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ssostni li hija kienet tkun f'pożizzjoni aħjar biex tikkontestah kieku hija kellha aċċess għall-ittra ta' [...] li diġà ġie deċiż li ma ġiex ipprovat, il-vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża invokata mir-rikorrenti f'dan ir-rigward ma jistax jaffettwa r-riżultat tal-proċeduri preżenti.

680    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tallega li hija ma kellhiex aċċess għall-osservazzjonijiet tat-terzi persuni matul l-investigazzjoni teknika ta' l-impenji u l-evalwazzjoni tas-suq ta' l-istess, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha ta' l-impenji strutturali, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar, it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass u l-istarters. Hija ssostni li hija għalhekk ma kellhiex ċans tirrispondi għall-allegazzjonijiet li saru mill-kompetituri tagħha fl-ambitu tar-risposti tagħhom, li jsostnu, partikolarment, li l-impriżi li kienu ser jinħolqu minħabba l-eżekuzzjoni ta' ċerti impenji strutturali ma kinux ikunu vijabbli.

681    Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma pproċedietx ħlief b'sempliċi investigazzjoni teknika ta' l-impenji u mhux b'investigazzjoni tas-suq peress li hija kienet tqis li l-impenji fit-totalità tagħhom kienu ċarament insuffiċjenti biex isolvu l-problemi fil-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni notifikata.

682    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li permezz ta' ittra elettronika tat-22 ta' Ġunju 2001, hija bagħtet lir-rikorrenti sunt, li ġie anness mar-risposta fil-każ preżenti, li jesponi r-riżultati ta' l-investigazzjoni teknika tagħha li taffettwa d-diversi impenji proposti mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni notifikata, u partikolarment l-impenji strutturali li jirrigwardaw l-overlaps orizzontali. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li hija rrispondiet għall-ittra elettronika b'dokument ta' sittax-il paġna, fis-26 ta' Ġunju 2001, u hija tirrileva li hija kienet irrispondiet ukoll għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Kummissjoni fl-ambitu ta' l-investigazzjoni teknika tagħha b'dokumenti ta' l-14 u 22 ta' Ġunju 2001.

683    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellha effettivament l-opportunità li tirrispondi għal din il-kritika ta' l-impenji li saret minn terzi u li ġiet ikkonstatata mill-Kumissjoni qabel ma l-istess Kummissjoni rriproduċietha fid-deċiżjoni kkontestata. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, din il-kritika mhijiex rilevanti ħlief safejn din tiġi rriprodotta mill-Kummissjoni u użata minnha, jekk ikun il-każ, biex tiġġustifika r-rifjut ta' l-impenji.

684    Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-istadju tardiv fil-proċedura li fih ġew iddepożitati l-osservazzjonijiet in kwistjoni, proprju wara l-aħħar ġurnata għall-preżentazzjoni ta' l-impenji, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti aċċess għall-evidenza ġdida fl-inkartament f'dan l-istadju tal-proċedura. Fil-fatt, skond it-termini previsti mir-regolament nru 4064/89 u fid-dawl ta' l-importanza kardinali tal-ħeffa li tikkaratterizza l-proċeduri rregolati minn dan ir-regolament, l-impożizzjoni ta' dan l-obbligu wara l-aħħar ġurnata stabbilita għall-preżentata ta' l-impenji tirriskja li ma tħallix lill-Kummissjoni żmien ta' riflessjoni biżżejjed biex tanalizza l-inkartament kollu u tirrediġi d-deċiżjoni finali tagħha. Bl-għoti tas-sunt imsemmi iktar ’il fuq lill-partijiet, il-Kummissjoni poġġiet lill-partijiet fil-konċentrazzjoni f'pożizzjoni li jiddefendu l-interessi tagħhom b'mod adegwat fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti u għaldaqstant osservat kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

685    Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li r-rikorrenti, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma ressqet ebda wieħed mit-tliet dokumenti msemmijin fil-punt 682 iktar ’il fuq, u li hija ssostni li ppreżentat fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq (ara, b'mod partikolari, il-punti 555 etseq, 581 et seq u 612 et seq), hija ma ressqitx, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, argumenti li jistgħu jindikaw kif ir-rifjut ta' l-impenji strutturali, partikolarment dawk li jirrigwardaw is-swieq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar, it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass u l-istarters, ma kinux fondati, u affermat biss f'dan ir-rigward, li r-rifjut kien kompletament inġustifikat.

686    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, għall-finijiet tal-proċeduri preżenti li n-nuqqas ta' aċċess għall-imsemmija osservazzjonijiet ta' terzi persuni ma kellu ebda impatt fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha, peress li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hija lanqas ma ressqet argumenti biex tikkontesta r-raġunijiet li ngħataw fis-sunt ta' l-investigazzjoni teknika u riprodotti, fis-sustanza, fid-deċiżjoni kkontestata għar-rifjut ta' l-impenji strutturali in kwistjoni.

687    B'hekk, fil-każ preżenti, ma ġiet ipprovata ebda vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża li tista' taffettwa r-riżultat tal-proċedura amministrattiva minħabba l-allegati nuqqasijiet irrelatati ma' l-aċċess tar-rikorrenti għall-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni.

3.     Fuq l-aċċess tardiv għall-inkartament

a)     L-argumenti tal-partijiet

688    Ir-rikorrenti tippreċiża, preliminarjament, li r-regolament nru 4064/89, partikolarment l-Artikolu 18(1) u (3), jipprovdi għad-dritt għas-smigħ, u għaldaqstant id-dritt għall-aċċess għall-inkartament, f'kull stadju tal-proċedura, jiġifieri sa mill-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 6(1)(c) ta' l-imsemmi regolament. F'dan ir-rigward, hija tfakkar li d-deċiżjoni għall-ftuħ mhijiex sempliċi att preparatorju, imma deċiżjoni ġuridika li għandha effetti legali. Dan id-dritt legali għas-smigħ f'kull stadju tal-proċedura jikkorrispondi għall-obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament nru 4064/89, li ma ttawwalx il-proċedura iktar minn dak li hu strettament meħtieġ, għall-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jirrigwarda d-deċiżjonijiet li jippreġudikaw lill-individwi u għall-prinċipju ta' equality of arms.

689    Ir-rifjut tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet għall-aċċess ta' GE matul ix-xahrejn preċedenti l-adozzjoni tal-KI huwa vjolazzjoni tad-drittijiet ta' GE, b'effetti potenzjalment sinjifikattivament negattivi. Primarjament, kien hemm inequality of arms, partikolarment matul l-ewwel fażi tal-proċedura, li żammet lil GE milli tippreżenta provi approprjati jew impenji li jippermettu għeluq mgħaġġel tal-proċedura. Fit-tieni lok, din l-inequality of arms kienet aggravata bit-talba tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kellha tagħti risposta kompleta għad-deċiżjoni tal-ftuħ mingħajr ma kellha aċċess għall-inkartament u bil-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx għall-mistoqsijiet tar-rikorrenti. Fit-tielet lok, in-nuqqas ta' tagħrif dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-kontenut ta’ l-inkartament ma ppermettiex lil GE li tippreżenta impenji approprjati bil-għan li tingħalaq il-proċedura. Fir-raba' lok, matul il-perijodu kruċjali li jkopri x-xhur ta' Marzu u April 2001, il-kompetituri kellhom relazzjoni diretta mal-Kummissjoni minkejja li d-drittijiet tagħhom huma iktar limitati minn dawk tal-partijiet skond l-Artikolu 18(4) tar-regolament nru 4064/89. Fil-ħames lok, il-KI kienet ibbażat fuq ir-risposta ta' GE għad-deċiżjoni tal-ftuħ, li kienet ġiet adottata meta GE ma kellhiex aċċess għall-inkartament. Din il-KI kienet fir-realtà d-deċiżjoni finali kif jikkonferma l-fatt li din hija kważi identika għad-deċiżjoni finali. Għaldaqstant, il-garanziji proċedurali offerti lil GE rriżultaw li kienu s-sempliċi osservazzjoni ta' rekwiżit tekniku u fil-fatt ma ammontawx għal xi opportunità reali li l-Kummissjoni tibdel l-opinjoni tagħha.

690    Għalkemm il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha numru ta' dokumenti pprovduti minn terzi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, hija ma żvelatx dawn id-dokumenti ħlief wara t-8 ta' Mejju 2001, minkejja t-talbiet preċedenti ta' GE. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-komunikazzjoni tagħha fuq l-aċċess għall-inkartament li tgħid li "kull talba għal aċċess magħmula qabel id-data tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti hija bħala prinċipju inammissibbli", peress li hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament nru 4064/89.

691    Il-Kummissjoni tqis li t-teżi ta' GE tinjora n-natura u l-iskop ta' aċċess għall-inkartament fil-kawżi tal-kompetizzjoni. Kemm fit-testi leġiżlattivi kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, id-dritt għas-smigħ jirrigwarda biss l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tikkontempla tikkonstata. Id-deċiżjoni tal-ftuħ mhijiex intiża li tindirizza l-oġġezzjonijiet lill-partijiet, iżda sempliċiment li ssemmi b'mod proviżorju d-dubji serji li jħeġġu lill-Kummissjoni tgħaddi għat-tieni fażi ta' l-investigazzjoni.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

692    Biex jiġi miċħud dan l-argument, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt għas-smigħ fil-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni jirrigwarda biss l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tikkontempla li tikkonstata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-10/92 sa T-12/92 u T-15/92, Ġabra p. II-2667, punt 38, u Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 65).

693    B'hekk, peress li d-deċiżjoni għall-ftuħ skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-regolament nru 4064/89 mhijiex intiża li tindirizza l-oġġezzjonijiet lill-partijiet, iżda sempliċiment li ssemmi b'mod proviżorju d-dubji serji li jħeġġu lill-Kummissjoni tgħaddi għat-tieni fażi ta' l-investigazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li n-nuqqas ta' aċċess għall-inkartament qabel li ntbagħtet il-KI ppreġudikatilha l-possibbiltà tagħha li tiddefendi ruħha. Il-fatt li r-rikorrenti kellha, fil-fatt, l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha fuq il-KI fil-każ preżenti, wara li kellha aċċess għall-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni, ippermettielha li tesprimi l-fehma tagħha fiż-żmien fuq l-ilmenti kkonstatati.

694    Għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-fatt li, skond l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament nru 4064/89 u s-sentenza Kayersberg vs Il-Kummissjoni, punt 84 supra (punti 105 sa 107), il-partijiet fil-konċentrazzjoni għandhom id-dritt jagħtu l-fehma tagħhom f'kull stadju tal-proċedura dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Għalkemm it-termini ta' l-Artikolu 18(1) tar-regolament imsemmi jfisser effettivament li dawn il-partijiet għandhom jitpoġġew f'pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet sa mill-ftuħ tal-proċedura, dawn ma jfissrux li l-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-inkartament amministrattiv tagħha f'dan l-istadju bikri. Il-ħtieġa li l-partijiet ikollhom aċċess għall-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni bil-għan li dawn ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom, b'mod definittiv, kontra l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni fil-KI m'għandhiex tiġi interpretata li tobbliga lill-Kummissjoni tagħtihom aċċess għall-inkartament tagħha f'partijiet matul il-proċedura kollha, ħaġa din li tirrappreżenta oneru sproporzjonat fuq l-istituzzjoni.

695    Fir-rigward tas-similaritajiet innutati mir-rikorrenti bejn il-KI u d-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi dedott minn dan il-fatt li l-KI kienet fil-fatt deċiżjoni finali. Fil-fatt, preżunzjoni bħal din tkun tfisser li l-Kummissjoni ma tista' qatt issostni, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha, li l-pożizzjoni adottata proviżorjament fl-istadju tat-trażmissjoni tal-KI għandha tinżamm.

696    F'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li ssostni li n-nuqqas ta' aċċess iktar bikri għall-inkartament ċaħħditilha l-possibbiltà li tippreżenta impenji approprjati sabiex tingħalaq il-proċedura, għandu jiġi rrilevat, primarjament, li r-rikorrenti kienet diġà infurmata, speċjalment wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ skond l-Artikolu 6(1)(c), bid-dubji prinċipali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, b'mod illi hija setgħet diġà tibda tipprepara, jiġifieri tippreżenta proposti ta' impenji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ppreżentat effettivament dawn il-proposti fi stadju bikri fil-proċedura. Sussegwentement, ir-rikorrenti kellha l-opportunità tippreżenta l-impenji wara li rċeviet il-KI u wara li kellha aċċess għall-inkartament amministrattiv, u għal dan il-għan kellha terminu addizzjonali ta' tlettax-il ġurnata skond l-iskritturi tagħha stess, wara d-data tas-smigħ.

4.     Fuq it-terminu qasir offrut lil GE għall-eżami ta’ l-inkartament

a)     L-argumenti tal-partijiet

697    Skond ir-rikorrenti, it-terminu ffissat għar-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' l-ilmenti kien inaċċettabbilment qasir fid-dawl ta' l-għoti tardiv ta' l-aċċess għall-inkartament, tal-volum tad-dokumenti li kellhom jiġu eżaminati u tal-portata tal-kawża. Il-Kummissjoni tat lil GE ħdax-il ġurnata tax-xogħol biss, u ġurnata oħra, biex teżamina l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni li jidhru fl-inkartament tal-Kummissjoni, li kien fihom 3500 paġna, erbat ijiem tax-xogħol addizzjonali biex tippreżenta l-impenji approprjati. L-effettività ta' dan it-terminu tnaqqset iktar minħabba ż-żmien mitluf biex ikun hemm aċċess komplet għall-inkartament, minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni biex tagħti dan l-aċċess, in-nuqqasijiet li kien fih l-indiċi tad-dokumenti kif ukoll in-numru kbir ta' paġni neqsin mill-inkartament u n-non-osservanza min-naħa tal-Kummissjoni tal-proċedura interna tagħha dwar il-klassifikazzjoni tad-dokumenti, kif esposta fil-komunikazzjoni fuq l-aċċess għall-inkartament, inkluż in-nuqqas ta' sunt li jiddeskrivi l-kontenut tad-dokumenti li jaqgħu fil-kategorija ta' dokumenti mhux aċċessibbli.

698    Skond GE, dan it-terminu kien insuffiċjenti biex jippermettilha tirrispondi għall-KI, biex tipprepara s-seduta u tipprovdi l-impenji approprjati. Il-qosor ta' dan it-terminu kien prattika żleali, u dan kontra l-prinċipju ta' l-equality of arms in kwantu ma poġġiex lir-rikorrenti f'pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha f'kull stadju tal-proċedura. F'dan ir-rigward, GE tikkunsidra li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-qosor tat-terminu in kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

699    Il-Kummissjoni tfakkar l-importanza tal-ħeffa li tikkaratterizza l-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjoni. Il-ġimagħtejn mogħtija lil GE, miżjudin b'ġurnata oħra fuq talba tagħha, għandhom jiġu analizzati f'din il-perspettiva u dan it-terminu ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża. Is-suġġeriment ta' GE li l-Kummissjoni kellha tippreżenta l-ilmenti tagħha qabel, mhuwiex konċiljabbli mal-fatt li l-parti l-kbira tal-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu magħrufin qabel in-notifikazzjoni u li GE rrispondiet għad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

700    Għandu jiġi rrilevat li r-regolament nru 4064/89 jimponi termini stretti fuq il-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni definittiva fuq kull operazzjoni nnotifikata. B'mod partikolari, skond l-Artikolu 10(1) tar-regolament imsemmi, id-deċiżjonijiet ikkontemplati fl-Artikolu 6(1) għall-ftuħ tal-proċedura magħrufa bħala l-"fażi II" fir-rigward ta' xi konċentrazzjoni nnotifikata għandhom jittieħdu f'terminu massimu ta' xahar. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet meħudin fi tmiem il-proċedura, skond l-Artikolu 8(3) għandhom jittieħdu f'terminu massimu ta' erba' xhur mid-data li fiha tkun bdiet il-proċedura.

701    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tosserva t-terminu hekk previst fir-regolament nru 4064/89, huwa meħtieġ li t-termini intermedjarji ffissati f'kull stadju tal-proċedura jkunu qosra wkoll. Dan il-fatt, minnu nnifsu, jagħmilha inqas faċli għall-parteċipanti kollha biex iwettqu xogħolhom, iżda l-benefiċċju f'termini ta' ħeffa tal-proċedura fl-intier tagħha ġie meqjus mil-leġiżlatur bħala li jiġġustifika dawn is-sagrifiċċji, partikolarment biex jieħu in kunsiderazzjoni l-interess kummerċjali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata biex jikkompletaw b'suċċess il-proġett tagħhom kemm jista' jkun malajr. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li huwa meħtieġ li, fl-analiżi ta' l-allegati vjolazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura taħt ir-regolament nru 4064/89, tittieħed in kunsiderazzjoni l-importanza tal-ħeffa li tikkaratterizza l-ekonomija ġenerali tar-regolament imsemmi (ara, f'das-sens, is-sentenzi Kayersberg vs Il-Kummissjoni, punt 84 supra, punt 113, u Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 68).

702    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 447/98, applikabbli partikolarment għat-terminu li fih tkun trid tingħata r-risposta għall-KI ffissat skond l-Artikolu 13 ta' l-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħin neċessarju għall-preparazzjoni tas-sottomissjonijiet u ta' l-urġenza tal-każ. B'hekk, hija l-Kummissjoni li għandha tirrikonċilja, safejn hu possibbli, id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet notifikanti u n-neċessità msemmija iktar ’il fuq sabiex tittieħed deċiżjoni defintittiva malajr.

703    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet f'operazzjoni nnotifikata ma jistgħux jinvokaw il-qosor tat-termini li jkunu ngħatawlhom fil-kuntest ta' din il-proċedura sakemm dawn it-termini ma jkunux sproporzjonati għad-dewmien tal-proċedura fit-totalità tagħha.

704    Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li l-partijiet fl-operazzjoni kellhom terminu ta' ħdax-il ġurnata tax-xogħol, flimkien ma' ġurnata oħra addizzjonali mogħtija fuq talba tagħhom, biex jippreparaw ir-risposta bil-mitkub tagħhom għall-KI. Għandu jiġi rrilevat ukoll, f'dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti kellha erbat ijiem tax-xogħol addizzjonali biex tipprepara l-argumenti tagħha qabel is-seduta tad-29 u 30 ta' Mejju 2001. Kieku hija ndunat, matul dan il-perijodu addizzjonali, li kien qabżilha xi ħaġa fil-mument meta abbozzat ir-risposta bil-miktub tagħha għall-KI, hija setgħet tinvokah verbalment.

705    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, parti importanti mill-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu magħrufin qabel in-notifikazzjoni jew, ta' l-inqas, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament nru 4064/89. B'hekk ir-rikorrenti setgħet tanalizzahom l-ewwel fir-risposta tagħha għal din id-deċiżjoni (dokument dettaljat ta' iktar minn 100 paġna) abbażi tad-dokumenti li hija kellha fil-pussess tagħha dakinhar. Minn dan isegwi li t-terminu ta' tnax-il ġurnata tax-xogħol sabiex tirrispondi għall-KI għandu jitqies bħala kontinwazzjoni tad-diskussjoni li kienet bdiet bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti minn xi żmien qabel u mhux bħala terminu sabiex tingħata risposta għal ilmenti kompletament mhux magħrufa u mhux mistennija qabel ma jasal dan id-dokument.

706    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li dawn it-termini ma kinux sproporzjonati meta mqabbla mad-dewmien totali ta' erba' xhur li fiha l-proċedura tat-tieni fażi kellha tintemm kollha kemm hi.

707    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegatx b'mod konkret u speċifiku kif il-qosor tat-terminu li hija kellha żammitha milli tiddefendi ruħha sewwa fil-każ preżenti.

708    B'mod partikolari, fl-iskritturi tagħha hija ma indikatx liema kienu l-partijiet tal-KI li hija ma kinitx f'pożizzjoni li tikkummenta sewwa fir-risposta tagħha għall-istess KI. Għal darba oħra, b'risposta għall-mistoqsija orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza intiża li tistabbilixxi f'liema aspetti partikolari r-rikorrenti kienet ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha, hija sempliċiment affermat waqt is-seduta li l-argument tagħha kien jikkonċerna n-natura insuffiċjenti, in ġenerali, tat-terminu in kwistjoni.

709    Għandu jiġi kkonstatat ukoll, f'dan ir-rigward, li r-risposta tal-partijiet fil-konċentrazzjoni għall-KI hija dokument dettaljat ta' 47 paġna, li għandha annessi voluminużi, fosthom diversi dokumenti li fihom argumenti addizzjonali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fuq swieq partikolari. Bħala prinċipju, u fin-nuqqas ta' allegazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jistabbilixxu l-kontra, dan il-fatt huwa inkompatibbli ma' l-affermazzjoni li r-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tirrispondi b'mod adegwat għall-KI.

710    F'dak li jirrigwarda l-argumenti dwar l-allegata diżorganizzazzjoni tal-Kummissjoni għall-aċċess għall-inkartament, ir-rikorrenti lanqas ma tressaq xi eżempji u lanqas argumenti speċifiċi biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha li l-inadegwatezza ta' l-indiċi tad-dokumenti u n-"numru kbir ta' paġni neqsin mill-inkartament" servew de facto biex iqassru l-perijodu li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha biex tirrispondi għall-KI.

711    Fir-rigward ta' l-argumenti relattivi għall-aċċess għall-inkartament u n-nuqqas ta' sunt tal-kontenut tad-dokumenti inaċċessibbli, dawn mhumiex rilevanti fil-kuntest ta' l-argument preżenti ħlief fejn ir-rikorrenti ddeduċiet minnhom li hija tilfet żmien prezzjuż minħabba t-tentattivi tagħha biex issolvi dawn il-problemi, meta hija setgħet tiddedikah għall-istudju ta’ l-inkartament innifsu. Madankollu, għalkemm il-fatt li hija kellha tikteb diversi ittri u ittri elettroniċi, li għalihom ir-rikorrenti tagħmel riferiment, ċertament żamm okkupat wieħed mill-avukati tagħha għal ċertu żmien, dan il-fatt ma impedixxihiex milli teżamina simultanjament, jekk hemm bżonn permezz ta' avukati oħrajn, id-dokumenti numerużi li għalihom hija diġà kellha aċċess.

712    L-uniku dokument li r-rikorrenti tinvoka speċifikament f'dan ir-rigward huwa d-dikjarazzjoni [...] li hija ma rċevietx qabel is-17 ta' Mejju 2001, jiġifieri tlitt ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-risposta għall-KI. Apparti l-fatt li r-rikorrenti setgħet tikkummenta effettivament fuq dan id-dokument, sussegwentement fir-risposta tagħha għall-KI, u almenu fis-seduta quddiem il-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan id-dokument ma ġiex invokat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. B'hekk, anki kieku wieħed kellu jissupponi li ġie pprovat li r-rikorrenti ma kellhiex żmien biżżejjed biex teżaminah qabel tirrispondi għall-KI, dan il-fatt ma kellu ebda effett ta’ preġudizzju, fil-fehma tagħha, fuq l-eżitu tal-proċedura amministrattiva.

713    B'hekk, għandu jiġi rrilevat mill-ġdid li r-rikorrenti ma spjegatx b'mod konkret liema elementi jew argumenti hija ma setgħetx tressaq b'mod effettiv fl-istadju tal-proċedura amministrattiva minħabba l-allegati ostakli għad-difiża tagħha invokati f'dan il-kuntest. Hija ma pprovatx għalhekk li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew ippreġudikati fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti bil-qosor tat-termini li ngħatalha biex tirrispondi għall-KI.

5.     Fuq l-osservanza tat-termini ta' riferiment ta' l-uffiċjal tas-seduta

a)     L-argumenti tal-partijiet

714    Ir-rikorrenti ssostni li r-regoli ġodda relattivi għall-uffiċjal tas-seduta, adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta' Mejju 2001 bid-deċiżjoni tagħha Nru 2001/462/KE, KEFA, dwar it-termini ta' riferiment ta' uffiċjali tas-seduta f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21), kienu applikabbli fil-każ preżenti, kif ammetta l-kunsillier awditur fl-ittra tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2001. L-applikazzjoni konkreta ta' dawn ir-regoli ġodda kienet tippermetti lir-rikorrenti tiddefendi d-drittijiet tagħha aħjar, mhux biss f'termini ta' oġġettività tal-proċedura, imma wkoll f'dak li jikkonċerna l-aċċess adegwat għad-dokumenti kollha neċessarji. L-argument dwar l-inammissibbiltà mqajjem f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma huwa bbażat fuq ebda bażi ġuridika u għandu għalhekk jiġi miċħud.

715    Il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta mexa skond ir-regoli antiki, u partikolarment iddeċieda skond dawk ir-regoli, jirrendi d-deċiżjonijiet tiegħu illegali u nulli. Din l-irregolarità tiġġustifika li d-deċiżjoni tiġi ddikjarata nulla jew, ta' l-inqas, li tiġi annullata. L-applikazzjoni tar-regoli l-antiki ċċaħħad lil GE mill-protezzjoni mogħtija mill-Karta u mill-KEDB li jiggarantixxu d-dritt għas-smigħ tagħha.

716    Il-Kummissjoni tqis li l-argument preżenti huwa inammissibbli in kwantu GE ma identifikatx ir-regoli li ma kellhomx jiġu applikati u lanqas kif dawn ir-regoli kienu jippermettulha tiddefendi ruħha aħjar. Fi kwanlunkwe każ, ir-regoli l-ġodda in kwistjoni kienu applikabbli u ġew applikati. L-adozzjoni tad-deċiżjoni nru 2001/462 ma twaqqafx l-inkarigu ta' l-uffiċjali tas-seduta inkarigati mill-kawża. Fi kwanlunkwe każ, l-uffiċjal tas-seduta għandu jassigura l-osservanza tar-regoli sostantivi, u l-vjolazzjoni f'dan ir-rigward għandha tiġi pprovata, ħaġa li ma saritx f'dan il-każ. Fir-realtà, dan l-iżball kien ġie pprovokat mill-omissjoni, fl-aħħar mument, ta' klawżola fid-deċiżjoni 2001/462, li tipprovdi għad-dħul fis-seħħ tagħha l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Konsegwentement, id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ ma' l-adozzjoni tagħha, u dan kontra ta' dak li kien ġie previst mid-dipartmenti tal-Kummissjoni.

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

717    Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-argument preżenti jissodisfa l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-regoli tal-proċedura u ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, għalkemm il-preżentazzjoni ta' l-argument fir-rikors ċertament mhijiex dettaljata, il-kontenut ta' l-argument huwa ċar u dan ġie ssupplementat b'numru ta' allegazzjonijiet fattwali fl-istadju tar-replika.

718    Huwa paċifiku, fil-każ preżenti, li d-deċiżjoni nru 2001/462 daħlet fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha, fit-23 ta' Mejju 2001, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/810/KEFA, KE tat-12 ta' Diċembru 1994 dwar it-termini ta' riferiment għall-uffiċjali tas-smigħ fil-proċeduri dwar kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ĠU L 330, p. 67) ġiet għalhekk imħassra fl-istess data. Għalkemm id-deċiżjoni nru 2001/462 tipprovdi fl-ewwel artikolu tagħha li l-Kummissjoni għandha "taħtar uffiċjal tas-seduta wieħed jew aktar", l-Artikolu 2(1) tagħha jippreċiża li "kull interruzzjoni, tmiem tal-ħatra jew trasferiment li jsiru bi kwalunkwe proċedura, għandha tkun suġġetta għal deċiżjoni raġonevoli tal-Kummissjoni". Din id-deċiżjoni ma pprovdietx espliċitament il-miżuri tranżitorji li jirrigwardaw l-uffiċjal tas-seduta li jkun qed jaqdi dmiru fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha.

719    Għalkemm l-istat ta' l-uffiċjal tas-seduta ġie mibdul bid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni nru 2001/462, partikolarment fejn, skond l-Artikolu 2(2) xogħlu ġie mgħaqqad, għall-skopijiet amministrattivi, ma' dak tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni minflok ma' tad-direttur ġenerali tal-kompetizzjoni, jirriżulta ċarament minn din id-deċiżjoni li l-funzjoni l-ġdida ta' l-uffiċjal tas-seduta toqgħod direttament flok il-funzjoni l-qadima bl-istess isem taħt id-deċiżjoni nru 94/810. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konstatat li, fin-nuqqas ta' deċiżjoni li twaqqaf l-inkarigu skond l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni nru 2001/462, l-uffiċjal tas-seduta preċedenti jibqa' fil-funzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-deċiżjoni, u dan b'kuntrast ma' dak li targumenta r-rikorrenti.

720    Din l-interpretazzjoni tat-testi msemmijin iktar ’il fuq hija kkonfermata min-neċessità oġġettiva li kienet teżisti, fir-rigward tal-funzjoni ta' l-uffiċjal tas-seduta, biex tiġi assigurata l-kontinwità fil-funzjoni skond il-prinċipju ta' l-amministrazzjoni tajba. Għandu jiġi rrilevat li d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni nru 2001/462 bilfors seħħ fil-mument meta ċerti proċeduri kienu diġà bdew. Jekk l-effett tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni nru 2001/462, magħdud man-nuqqas ta' nomina ta' uffiċjal tas-seduta ġdid, kien li ma kien hemm ħadd li seta' jwettaq dan ix-xogħol, kien ikun impossibbli li dawn il-proċeduri jitkomplew, ħaġa li kienet telimina l-effett utli kemm tad-dispożizzjonijiet tar-regolament nru 4064/89 kif ukoll tad-deċiżjoni 2001/462 f'dak li jikkonċerna dawn il-proċeduri. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-uffiċjal tas-seduta li kien fil-kariga fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni nru 2001/462 baqa' awtorizzat jaġixxi fil-funzjoni tiegħu sakemm ikun hemm struzzjonijiet oħrajn, almenu għall-finijiet ta' l-għeluq tal-proċeduri li kienu diġà quddiemu, bħal fil-każ tal-kawża preżenti.

721    F'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni nru 2001/462, il-Kummissjoni ma tiċħadx li kien sar żball mill-uffiċjal tas-seduta f'dan ir-rigward fir-regoli fis-seħħ fil-mument tas-smigħ. Mill-banda l-oħra, hija ssostni li dan l-iżball m'għandu ebda konsegwenzi ġuridiċi jew konkreti, peress li l-proċedura applikata mill-uffiċjal tas-seduta fil-prattika kienet konformi kemm mar-regoli l-antiki, li huwa kien jemmen li kien qed japplika, u kif ukoll mar-regoli l-ġodda li huwa kellu japplika.

722    Il-Kummissjoni tirrileva ġustament li r-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tidentifika dispożizzjoni speċifika tad-deċiżjoni nru 2001/462 li l-uffiċjal tas-seduta allegatament kiser, u lanqas dispożizzjoni li abbażi tagħha dan kien ikun jista' jadotta pożizzjoni differenti minn dik li huwa fil-fatt adotta kieku huwa kien jaf li kellu japplika d-deċiżjoni nru 2001/462.

723    L-uniċi kwistjonijiet konkreti mqajma mir-rikorrenti, f'dan ir-rigward, jikkonċernaw ir-rifjut ta' l-uffiċjal tas-seduta li jordna li jiġi mressaq ir-rapport Choi kollu kemm hu u l-informazzjoni li ġiet użata fih kif ukoll l-ilmenti u l-osservazzjonijiet irċevuti minn terzi persuni. Għandu jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq fil-punti 649 etseq, l-aċċess għall-inkartament ġie meqjus suffiċjenti fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti f'dak li jikkonċerna l-ilmenti u l-osservazzjonijiet in kwistjoni. Konsegwentement, il-pożizzjoni meħuda mill-uffiċjal tas-seduta f'dan ir-rigward bl-ebda mod ma ostakolat lir-rikorrenti milli tiddefendi ruħha fil-każ preżenti. Fir-rigward tal-mudell Choi, l-uffiċjal tas-seduta rrileva, fir-rapport tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2001, li l-Kummissjoni ma baqgħetx tibbaża ruħha, f'dak iż-żmien, fuq dan il-mudell (ara wkoll, f'dan ir-rigward, il-punti 2 u 3 tar-rapport ta' l-uffiċjal tas-seduta tat-28 ta' Ġunju 2001). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 399 et seq, diġà skartat ir-raġunament tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti, b'mod li l-konstatazzjoni potenzjali dwar l-irregolarità li tirrigwarda l-aċċess għal dan il-mudell ma jistax ikollu impatt fuq l-eżitu tal-proċeduri preżenti.

724    Ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni nru 2001/462 tafferma, fil-premessa 2, li l-"Kummissjoni għandha tassigura li l-jedd ikun garantit fil-proċeduri tagħha tal-kompetizzjoni, meta wieħed jikkunsidra l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea". Hija tinvoka b'mod partikolari d-dritt għas-smigħ tagħha skond l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti skond l-Artikoli 41 u 41 ta' l-istess, id-dritt għall-smigħ xieraq skond l-Artikolu 47 u fl-aħħar nett, l-obbligu espress li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fi kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali, skond l-Artikolu 52.

725    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li l-kontenut effettiv tad-drittijiet speċifiċi kollha msemmijin fil-punt preċedenti kienu diġà protetti fid-dritt Komunitarju qabel l-adozzjoni tal-Karta, li skond il-premabolu tagħha stess, ma tagħmilx ħlief tikkonfermahom. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, id-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-ġudikant Komunitarju jassigura l-osservanza tagħhom (ara, b'mod partikolari, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94 tat-28 ta' Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Mejju 1997, Kremzow, C-229/95, Ġabra p. I-2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mit-trattati internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li fihom l-Istati Membri kkooperaw u aderew. Il-KEDB għandha tifsira partikolari f'dan ir-rigward (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u Kremzow, iċċitatat aktar 'il quddiem, punt 14). Barra minn hekk, skond l-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar l-Artikolu 6(2), UE), "L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità".

726    Bl-istess mod, il-prinċipju tal-proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u jirrikjedi li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti għal dak li hu approprjat u meħtieġ għat-twettiq ta' l-oġġettivi leġittimi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri approprjati, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża u li l-inkonvenjenzi kkaġunati m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet ikkontemplati (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Cripoltoni et, C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 41, u tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 60).

727    B'hekk, fil-każ preżenti, mir-riferiment għall-Karta, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni 2001/462, ma jistax jiġi dedott li l-uffiċjal tas-seduta kien obbligat japplika d-drittijiet invokati mir-rikorrenti b'mod differenti wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-att.

728    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-affermazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni relattivi għat-tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża li kellu jirriżulta mir-riforma tat-termini ta' riferiment ta' l-uffiċjal tas-seduta, partikolarment fil-Green Paper li ppreċeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni 2001/462. Minn dawn l-affermazzjonijiet ma jirriżultax li l-uffiċjal tas-seduta, waqt is-smigħ quddiem il-Kummissjoni, kien ikollu komportament differenti minn dak li huwa kellu fil-fatt. L-uffiċjal tas-seduta nnifsu afferma, fl-ittra tiegħu li bagħat lir-rikorrenti fid-19 ta' Ġunju 2001, li s-smigħ ġie organizzat b'mod li jirrispetta l-eżiġenzi tad-deċiżjoni 2001/462 fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġi rrilevat, b'mod partikolari, li l-uffiċjal tas-seduta ta lill-kontraenti fil-konċentrazzjoni l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub in segwitu ta’ dak is-smigħ, u dan skond ma hemm preskritt fl-Artikolu 12(4) tad-deċiżjoni 2001/462.

729    L-unika allegazzjoni speċifika mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward tikkonċerna l-possibbiltà li l-uffiċjal tas-seduta seta' kkunsidra li kien meħtieġ li dan il-mudell Choi jiġi eskluż mid-diskussjonijiet fl-istadju tas-smigħ quddiem il-Kummissjoni, u dan minħabba li l-kontraenti fil-konċentrazzjoni ma setgħux jeżaminaw l-informazzjoni użata fih. Fin-nuqqas ta' riferiment għad-dispożizzjoniijiet speċifiċi tad-deċiżjoni nru 2001/462 li tbiddel il-kriterji li kellu japplika l-uffiċjal tas-seduta biex jieħu deċiżjoni f'dan ir-rigward, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fi kwalunkwe każ, kif ġie mfakkar fil-punt 723 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni abbandunat il-mudell Choi qabel ma adottat d-deċiżjoni kkontestata.

730    Għalkemm fil-mument tas-smigħ li seħħ fil-kawża preżenti, fid-29 u t-30 ta' Mejju 2001, l-uffiċjal tas-seduta kien żbaljat fil-fatt fir-rigward tar-regoli li kienu applikabbli, fil-każ preżenti ma jistax jitqies li dan l-iżball kellu impatt fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha b'mod li l-iżvolġiment tal-proċedura kien ikun differenti.

731    F'dak li jikkonċerna l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, wara s-smigħ, l-uffiċjal tas-seduta applika d-dispożizzjonijiet ġodda tad-deċiżjoni nru 2001/462 fil-mument li huwa għamel ir-rapport tiegħu fit-28 ta' Ġunju 2001. B'hekk, billi ħa pożizzjoni definittiva fuq id-diversi kwistjonijiet proċedurali mqajmin mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni nnotifikata, huwa ħa għalhekk in kunsiderazzjoni r-regoli proċedurali realment applikabbli. Peress li, fl-imsemmi rapport, huwa eżamina mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet tad-difiża kinux irrispettati fil-każ preżenti, u b'mod partikolari, dwar jekk l-aċċess għall-inkartament kienx konformi mar-regoli applikabbli, għandu jiġi konkluż li huwa ssana kwalunkwe vizzji li jirriżultaw mill-iżball preċedenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Konklużjoni ġenerali

732    Għandu jiġi kkonstatat, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, li l-Kummissjoni kkonkludiet validament, fid-deċiżjoni kkontestata, li, in segwitu għall-konċentrazzjoni, il-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel fis-suq tal-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar kienet ser tissaħħaħ u li kienu ser jinħolqu pożizzjonijiet dominanti għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni fis-swieq tal-magni għall-ajruplani tan-negozju u tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass (ara l-punti 489 et seq, 566 et seq u 587 et seq, rispettivament). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f'kull suq minn dawn, il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti kien ikollha l-konsegwenza li tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Barra minn hekk, ebda waħda minn dawn il-konklużjonijiet ma hija affettwata mill-ilmenti proċedurali mressqin mir-rikorrenti fil-każ preżenti (punti 621 sa 731 iktar ’il fuq).

733    Mill-banda l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni kkonkludiet validament fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti, qabel il-konċentrazzjoni, kienet f'pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni bil-ġett ta' l-ajruplani kummerċjali kbar, hija ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li l-pożizzjonijiet dominanti ta' l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienu ser jinħolqu jew jissaħħu minħabba l-overlap vertikali bejn l-istarters ta' Honeywell u l-magni bil-ġett ta' l-ajruplani kummerċjali kbar tar-rikorrenti, u lanqas minħabba l-kombinazzjoni tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' Honeywell mas-saħħa finanzjarja u kummerċjali tal-grupp GE, u lanqas, fl-aħħar nett, minħabba li l-possibbiltà li jiġi kkombinat il-bejgħ tal-magni tar-rikorrenti mal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi ta' Honeywell (ara rispettivament il-punti 286 et seq, 325 et seq u 399 et seq).

734    Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq m'għandhiex tiġi annullata minħabba li r-rikorrenti pprovat l-eżistenza ta' żball wieħed jew iktar li jivvizzjaw l-analiżi kkonstatata f'dak li jikkonċerna suq wieħed jew iktar, meta jirriżulta xorta waħda mill-istess deċiżjoni li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet tissodisfa l-kriterji ta' inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 (ara, b'mod partikolari, il-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq). B'hekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat validament fid-deċiżjoni kkontestata li l-imsemmijin kriterji kienu sodisfatti fit-tlitt iswieq differenti, jiġifieri dak tal-magni bil-ġett għall-ajrulpani reġjonali kbar, dak tal-magni bil-ġett għall-ajruplani tan-negozju u dak tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass, id-deċiżjoni kkontestata fil-każ preżenti m'għandhiex tiġi annullata. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

735    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet u peress li l-konvenuta kif ukoll il-partijiet intervenjenti, Rolls-Royce u Rockwell Collins talbu li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ħlas ta' l-sipejjeż, hemm lok li jkun deċiż illi l-istess rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-konvenuta u mill-partijiet intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti.

Pirrung

Tiili

Meij

Vilaras

 

      Forwood

Mogħtija f'seduta fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Diċembru 2005.

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Kwistjonijiet preliminari

1.  Fuq it-talba sabiex jingħaqdu l-kawżi

2.  Fuq il-konnessjoni bejn id-diversi elementi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-inkompatibbiltŕ tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-impenji proposti

4.  Fuq l-istandard tal-prova u l-portata ta' l-istħarriġ magħmul mill-qorti Komunitarja

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

It-trattament ta' l-effetti tal-konglomerat

It-trattament tal-fatturi li jistgħu jiskoraġġixxu lill-entità amalgamata milli tadotta ċertu aġir previst fid-deċiżjoni kkontestata

5.  Fuq in-nuqqas li ma ġiex muri t-tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-pożizzjoni dominanti li kienet teżisti qabel fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummċerjali kbar

1.  Introduzzjoni

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq is-sehem mis-suq

Fuq l-attribuzzjoni tas-sehem tas-suq ta’ CFMI lir-rikorrenti

–  Introduzzjoni

–  L-analiżi ta' l-organizzazzjoni interna ta' CFMI

–  Analiżi tal-pożizzjoni kompetittiva ta' GE, ta' CFMI u ta' Snecma

–  Sinteżi u konklużjoni dwar l-attribuzzjoni ta' sehem mis-suq ta’ CFMI lir-rikorrenti

Fuq l-ishma mis-suq irrilevati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-saħħa tal-produtturi li huma preżenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–  Kunsiderazzjonijiet relatati man-natura tas-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–  Kunsiderazzjonijiet dwar is-swieq tas-servizzi ta' wara l-bejgħ (aftermarket services)

–  Kunsiderazzjonijiet dwar il-kunċett ta' "standardizzazzjoni" fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–  Fuq il-kalkolu tas-sehem mis-suq stabbilit mill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-saħħa tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–  It-trattament tal-Boeing 737

Konklużjoni dwar l-ishma mis-swieq

c)  Integrazzjoni vertikali – GE Capital u GECAS

Introduzzjoni

L-influwenza kummerċjali ta' GECAS

–  Fuq il-politika "GE-only" ta' GECAS

–  Fuq il-pożizzjoni kummerċjali ta' GECAS

Is-saħħa finanzjarja ta' GE Capital

Kunsiderazzjonijiet dwar l-eżerċizzju minn GECAS u GE Capital ta' l-influwenza tagħhom fuq il-klijenti tar-rikorrenti fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

–  Fuq l-eżerċizzju ta' l-influwenza ta' GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha fuq il-manifatturi ta' l-ajruplani

–  Fuq l-influwenza eżerċitata minn GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha fuq il-kumpanniji ta' l-ajru

–  Konklużjoni dwar l-influwenza eżerċitata minn GE li tirriżulta mis-saħħa tas-sussidjarji tagħha

Kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċifri li jikkonċernaw l-iżvilupp tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti wara l-bidu ta' l-attivitŕ ta' GECAS ta' xiri u ta' kiri ta' l-ajruplani

Konklużjoni dwar l-integrazzjoni vertikali

d)  Is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-magni bil-ġett għall-ajruplani kummerċjali kbar

e)  In-nuqqas jew dgħjufija tal-pressjoni kompetittiva u kummerċjali

Il-pressjoni eżerċitata mill-kompetituri

–  Fuq il-pożizzjoni ta' P & W

–  Fuq il-pożizzjoni ta' Rolls-Royce

Il-pressjoni eżerċitata mix-xerrejja

f)  Konklużjoni fuq il-pożizzjoni dominanti

C –  Fuq is-sovrapożizzjoni vertikali

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Il-konklużjoni

D –  Fuq l-effetti tal-konglomerat

1.  Fuq is-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali

a)  L-argumenti tal-partijiet

Fuq is-saħħa finanzjarja

Fuq l-integrazzjoni vertikali

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Introduzzjoni

Fuq il-probabbiltà ta' l-aġir futur previst mill-Kummissjoni

–  Fuq il-prodotti SFE-standard

–  Fuq il-prodotti BFE u SFE-option

Fuq il-ħolqien tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi fil-futur

Konklużjoni

2.  Fuq il-bejgħ tal-pakketti ta' prodotti

a)  L-argumenti tal-partijiet

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-eżistenza tal-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri u tekniċi

Fuq l-eżistenza ta' bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti in ġenerali

Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti puri

Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti tekniċi

Fuq il-bejgħ ta' pakketti ta' prodotti mħalltin

–  Fuq il-prassi preċedenti

–  Fuq l-analiżi ekonomika

–  Fuq in-natura strateġika ta' l-aġir previst

Konklużjoni

E –  Fuq l-overlaps orizzontali

1.  Fuq il-magni ta' l-ajruplani reġjonali kbar

a)  L-argumenti tal-partijiet

Fuq id-definizzjoni tas-suq u l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti preċedenti fis-suq rilevanti

Fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq in kwistjoni

Fuq ir-rifjut ta' l-impenn stutturali dwar il-magni bil-ġett għall-ajruplani reġjonali kbar

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq id-definizzjoni tas-suq

Fuq il-pożizzjoni dominanti li kellha r-rikorrenti qabel

Fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti

Fuq l-effetti tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti fuq il-kompetizzjoni

Fuq ir-rifjut mill-Kummissjoni ta' l-impenn relattiv għall-ajruplani reġjonali kbar

Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tal-magni għall-ajruplani reġjonali kbar

2.  Fuq il-magni ta' l-ajruplani tan-negozju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tal-magni ta' l-ajruplani tan-negozju

3.  Fuq it-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass

a)  Fuq id-definizzjoni tas-suq

L-argumenti tal-partijiet

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Fuq l-impenji

L-argumenti tal-partijiet

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Konklużjoni dwar l-overlap orizzontali li jaffettwa s-suq tat-turbini żgħar tal-baħar li jaħdmu bil-gass

F –  Fuq l-argumenti relattivi għall-vizzji tal-proċedura

1.  Kunsiderazzjonijiet preliminari

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq l-aċċess għal ċerti dokumenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-aċċess tardiv għall-inkartament

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq it-terminu qasir offrut lil GE għall-eżami ta’ l-inkartament

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Fuq l-osservanza tat-termini ta' riferiment ta' l-uffiċjal tas-seduta

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Konklużjoni ġenerali

Fuq l-ispejjeż


1 – - Informazzjoni kunfidenzjali miżmuma sigrieta.