Language of document : ECLI:EU:C:2024:19

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi – Qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-istokkijiet tal-merluzz tal-Punent tal-Iskozja u tal-Baħar Ċeltiku, tal-merlangu tal-Baħar Irlandiż u tal-barbun tat-tbajja tal-Baħar Ċeltiku tan-Nofsinhar – Regolament (UE) 2020/123 – Anness I A – TAC ogħla minn żero – Skadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni – Evalwazzjoni tal-validità – Regolament (UE) Nru 1380/2013 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2) – Għan li tintlaħaq rata ta’ sfruttament li tippermetti li jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sa mhux iktar tard mill‑2020, għall-istokkijiet kollha – Artikoli 2, 3, 9, 10, 15 u 16 – Għanijiet soċjoekonomiċi u fil-qasam tal-impjieg – L-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli – Obbligu ta’ ħatt l-art – Sajd imħallat – Stokkijiet bi kwoti limitanti – Regolament (UE) 2019/472 – Artikoli 1 sa 5, 8 u 10 – Stokkijiet fil-mira – Qabdiet inċidentali – Miżuri korrettivi – Setgħa ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑330/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l‑Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Friends of the Irish Environment CLG

vs

Minister for Agriculture, Food and the Marine,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Friends of the Irish Environment CLG, minn J. Devlin, SC, J. Kenny, BL, u F. Logue, solicitor,

–        għall-Minister for Agriculture, Food and the Marine, l-Irlanda u l-Attorney General, minn M. Browne, A. Joyce, M. Lane u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Browne, BL, u C. Toland, SC,

–        għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou, E. Ni Chaoimh u I. Terwinghe, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Naert, A. Nowak-Salles u P. Pecheux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Anness IA tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 tas‑27 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi għall‑2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU 2020, L 25, p. 1), fid-dawl tal-Artikolu 2(1) u (2) u tal-Artikolu 3(c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), moqrija flimkien mal-Artikoli 9, 10, 15 u 16 tar-Regolament Nru 1380/2013 kif ukoll mal-Artikoli 1 sa 5, 8 u 10 tar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU 2019, L 83, p. 1), sa fejn dan l-anness stabbilixxa, għas-sena 2020, il-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-merluzz (Gadus morhua), minn naħa, fiż-żona 6a kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea u fl-ilmijiet internazzjonali taż-żona 5b fil-Lvant ta’ 12° 00′ O (COD/5BE6A) u, min-naħa l-oħra, fiż-żoni 7b, 7c, 7e sa 7k u 8 sa 10 u kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) 34.1.1 (COD/7XAD34), għall-merlangu (Merlangius merlangus) fiż-żona 7a (WHG/07A) u għall-barbun tat-tbajja (Pleuronectes planessa) fiż-żoni 7h, 7j u 7k (PLE/7HJK) (iktar ’il quddiem it-“TAC kontenzjużi”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Friends of the Irish Environment CLG (iktar ’il quddiem “FIE”), organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-ambjent, u, min-naħa l-oħra, il-Minister for Agriculture, Food and the Marine (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Affarijiet Marittimi, l-Irlanda), Ireland (l-Irlanda) u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda) dwar il-legalità tal-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd 15, 16, 19, 20, 23 u 24 maħruġa minn dan il-ministru għax-xhur ta’ April, ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2020.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        L-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”), intitolat “Konservazzjoni tar-Riżorsi Bijoloġiċi”, jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

4        Dawn il-prinċipji ġenerali huma applikati għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u ta’ stokkijiet ta’ ħut li jpassu ħafna mill-Ftehim sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal‑10 ta’ Diċembru 1982 li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ ħut li jpassu fuq iż-żewġ naħat tal-istes żona (stokkijiet ta’ ħut transżonali) u l-istokkijiet ta’ ħut li jpassu ħafna, iffirmat fi New York fl‑4 ta’ Awwissu 1995 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut”), b’mod partikolari mill-Artikolu 5 tiegħu.

 Iddritt talUnjoni

 Regolament (UE) Nru 1380/2013

5        Il-premessi 5 sa 8 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdu:

“(5)      L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-[Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar], [...] [u] għall-Ftehim [dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut] [...]

(6)      Dawk l-istrumenti internazzjonali prevalentement jistabbilixxu obbligi ta’ konservazzjoni, inklużi fost oħrajn obbligi biex jittieħdu miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni mfassla biex iżommu jew ireġġgħu lura r-riżorsi tal-baħar għal livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli [...] [u] obbligi biex jiġi applikat b’mod wiesa’ l-approċċ prekawzjonarju għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament ta’ stokkijiet tal-ħut [...]. Il-[politika komuni tas-sajd (PKS)] għandha, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-obbligi internazzjonali tagħha skont dawn l-istrumenti internazzjonali. [...]

(7)      Fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg fl‑2002, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jaġixxu kontra t-tnaqqis kontinwu ta’ bosta stokkijiet ta’ ħut. Għalhekk, l-Unjoni għandha ttejjeb il-PKS biex tiżgura f’perijodu ta’ żmien raġonevoli li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar iġib lura u jżomm popolazzjonijiet ta’ stokkijiet maqbuda ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Ir-rati ta’ sfruttament għandhom jinkisbu sal‑2015. Il-kisba ta’ dawk ir-rati ta’ sfruttament sa data aktar tard għandha tkun permessa biss jekk il-kisba tagħhom sal‑2015 tipperikola serjament is-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-flotot tas-sajd involuti. Wara l‑2015, dawk ir-rati għandhom jinkisbu l-aktar kmieni possibbli u taħt l-ebda ċirkostanza aktar tard mill‑2020. Fejn informazzjoni xjentifika ma tkunx biżżejjed biex jiġu ddeterminati l-imsemmija livelli, jistgħu jitqiesu parametri approssimattivi.

(8)      Id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni b’rabta mar-rendiment massimu sostenibbli fis-sajd imħallat għandhom iqisu d-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’rendiment massimu sostenibbli fl-istess waqt, f’każijiet fejn il-pariri xjentifiċi jindikaw li huwa diffiċli ħafna li jiġi evitat il-fenomenu tal-‘ispeċijiet choke’ [stokkijiet bi kwoti limitanti] billi tiżdied is-selettività tal-irkaptu tas-sajd użat. Korpi xjentifiċi adatti għandhom jintalbu jipprovdu parir dwar il-livelli adegwati ta’ mortalità mis-sajd f’tali ċirkostanzi.”

6        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Objettivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 5 tiegħu:

“1.      Il-PKS għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel.

2.      Il-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ ripristinar b’mod progressiv u taż-żamma tal-istokkijiet tal-ħut f’livelli superjuri għal livelli ta’ bijomassa li jkunu kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, ir-rata ta’ sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli għandha, fejn possibbli, tintlaħaq sal‑2015 u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill‑2020 għall-istokkijiet kollha.

3.      Il-PKS għandha timplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu minimizzati [...]

[...]

5.      Il-PKS għandha, b’mod partikolari:

(a)      telimina b’mod gradwali l-iskart fuq bażi ta’ każ b’każ u b’kont meħud tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, billi tevita u tnaqqas, safejn possibbli, il-qbid inċidentali, u billi gradwalment tiżgura li l-qbid jinħatt l-art;

[...]

(c)      tipprovdi kondizzjonijiet għal industrija tas-sajd għall-qbid u l-ipproċessar ekonomikament vijabbli u kompetittiva u attività ta’ sajd relatata bbażata fuq l-art;

[...]

(f)      tikkontribwixxi għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddipendu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi;

[...]”

7        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji ta’ governanza tajba”:

“Il-PKS għandha tkun iggwidata mill-prinċipji ta’ governanza tajba li ġejjin:

[...]

(c)      l-istabbiliment ta’ miżuri skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

(d)      perspettiva fit-tul;

[...]”

8        L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(7)      ‘rendiment massimu sostenibbli’ tfisser l-akbar rendiment teoretiku ta’ ekwilibriju li jista’ jittieħed kontinwament bħala medja minn stokk f’kondizzjonijiet ambjentali eżistenti medji mingħajr ma jiġi affettwat b’mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni;

[...]

(14)      ‘stokk’ tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tkun tinsab f’żona ta’ ġestjoni partikolari;

[...]

(36)      ‘sajd imħallat’ tfisser sajd li fih tkun preżenti iżjed minn speċi waħda u fejn x’aktarx li jinqabdu speċijiet differenti fl-istess operazzjoni tas-sajd;

[...]”

9        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1380/2013, intitolat, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[...] Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu adottati b’kont meħud tal-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli [...]”

10      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji u objettivi ta’ pjanijiet pluriennali”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 sa 3 u 5 tiegħu:

“1.      Il-pjanijiet pluriennali għandhom jiġu adottati bħala prijorità abbażi ta’ parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku, u għandhom jinkludu miżuri ta’ konservazzjoni biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati u jinżammu ’l fuq minn livelli li jkunu kapaċi jipproduċu rendiment massimu sostenibbli f’konformità mal-Artikolu 2(2).

2.      Fejn il-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) ma jkunux jistgħu jiġu determinati minħabba nuqqas ta’ data, il-pjanijiet pluriennali għandhom jipprevedu miżuri bbażati fuq approċċ prekawzjonarju, li tal-anqas jiżguraw livell komparabbli ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet rilevanti.

3.      Il-pjanijiet pluriennali għandhom ikopru [...]:

[...]

(b)      fil-każ ta’ sajd imħallat jew meta d-dinamika tal-istokkijiet tkun interdipendenti, is-sajd li jisfrutta diversi stokkijiet f’żona ġeografika rilevanti [...]

[...]

5.      Il-pjanijiet pluriennali jistgħu jinkludu objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi u miżuri taħt l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, biex jindirizzaw il-problemi speċifiċi ta’ sajd imħallat fir-rigward tal-kisba tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(2) għat-taħlita ta’ stokkijiet koperti mill-pjan f’każijiet fejn il-parir xjentifiku jindika li ma jistgħux jinkisbu żidiet fis-selettività. [...]”

11      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kontenut tal-pjanijiet pluriennali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’mod adegwat u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi taħt it-Trattat, pjan pluriennali għandu jinkludi:

[...]

(b)      l-objettivi li huma konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli [6] u 9;

(c)      miri kwantifikabbli bħal rati ta’ mortalità mis-sajd u/jew bijomassa ta’ stokk riproduttiv;

[...]”

12      L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “L-obbligu ta’ ħatt l-art”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 9 tiegħu:

“1.      Il-qabdiet kollha ta’ speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta’ qbid [...], li jinqabdu waqt attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi, [...] għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jingħaddu skont il-kwoti fejn applikabbli, [...] skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

[...]

(d)      Mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2017 għal speċijiet li jiddefinixxu s-sajd u mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019 għall-ispeċijiet l-oħrajn kollha [...]

[...]

9.      Għal stokkijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, l-Istati Membri jistgħu jużaw flessibbiltà ta’ sena b’sena sa 10 % tal-ħatt l-art permess tagħhom. Għal dan il-għan, Stat Membru jista’ jippermetti l-ħatt l-art ta’ kwantitajiet addizzjonali tal-istokk li huwa soġġett għall-obbligu tal-ħatt l-art sakemm tali kwantitajiet ma jaqbżux 10 % tal-kwota allokata għal dak l-Istat Membru. [...]”

13      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1380/2013, intitolat “Opportunitajiet tas-sajd”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.      Meta jiġi introdott l-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward ta’ stokk ta’ ħut, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti billi titqies il-bidla mill-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt l-art għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet fuq il-bażi li, għall-ewwel sena u s-snin sussegwenti, ir-rimi ta’ dak l-istokk mhux ser jibqa’ jiġi permess.

[...]

4.      L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti b’mod konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u għandhom jikkonformaw mal-miri kwantifikabbli, l-iskedi taż-żmien u l-marġini stabbiliti skont l-Artikolu 9(2) u punti (b) u (c) tal-Artikolu 10(1).”

 Ir‑Regolament 2019/472

14      L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/472, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali [...] għall-istokkijiet tal-ħut demersali elenkati hawn taħt [...] fl-Ilmijiet tal-Punent [...], u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet:

[...]

4.      Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali li jinqabdu fl-Ilmijiet tal-Punent waqt is-sajd tal-istokkijiet elenkati fil-paragrafu 1. [...]”

15      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin [...]:

(1)      ‘L-Ilmijiet tal-Punent’ tfisser l-Ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5 tal-[Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES)] (bl-esklużjoni tad-diviżjoni 5a u biss l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 5b), 6 u 7 tal-ICES u l-Ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni tal-ICES 8, 9 u 10 (l-ilmijiet madwar l-Azores), u ż-żoni 34.1.1 [...] tas-CECAF (l-ilmijiet madwar il-Madeira u l-Gżejjer tal-Kanarja));

(2)      ‘il-medda tal-FMSY’ tfisser medda ta’ valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari dak tal-ICES [...], li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b’xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. [...]

[...]

(8)      ‘Blim’ tfisser il-punt ta’ referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari dak tal-ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f’dak internazzjonali, li taħtu tista’ titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

[...]”

16      L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għanijiet”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-pjan għandu jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1380/2013], b’mod partikolari billi jintuża approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jinstadu u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.”

17      L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Miri”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista’ jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal‑2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena ’l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma’ dan l-Artikolu.”

18      L-Artikolu 5 tar-Regolament 2019/472, intitolat “Ġestjoni tal-qabdiet aċċessorji”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ ġestjoni tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) inklużi, fejn xieraq, l-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.      L-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) għandhom jiġu ġestiti skont l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd [...], meta ma tkunx disponibbli informazzjoni xjentifika adegwata [...].

3.      Bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament [Nru 1380/2013], il-ġestjoni tas-sajd imħallat għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament għandha tqis id-diffikultà biex jinstadu l-istokkijiet kollha fil-livell MSY fl-istess ħin, speċjalment f’sitwazzjonijiet meta dan iwassal għall-għeluq qabel il-waqt tas-sajd.”

19      L-Artikolu 8 tar-Regolament 2019/472, intitolat “Salvagwardja”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, meta, b’mod partikolari, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv tkun inqas mill-Blim, jistgħu jiġu adottati miżuri korrettivi u, b’mod partikolari, is-sospensjoni tas-sajd immirat għall-istokk ikkonċernat jew għall-unità funzjonali kkonċernata u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd.

20      L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Opportunitajiet tas-sajd”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huma u jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid tal-bastimenti tas-sajd li jieħdu sehem fis-sajd imħallat.”

 Ir‑Regolament 2020/123

21      Il-premessi 7, 8, 16 sa 18 u 26 tar-Regolament 2020/123 jipprovdu:

“(7)      Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES ħareġ parir xjentifiku biex ma jsir ebda qbid. Jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti fil-livell indikat fil-parir xjentifiku, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi qabdiet inċidentali minn dawk l-istokkijiet, f’sajd imħallat iwassal għall-fenomenu ta’ ‘speċijiet bi kwota limitanti’. Sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-kontinwazzjoni tas-sajd fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi, u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’rendiment massimu sostenibbli [MSY] fl-istess ħin, huwa xieraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għal qabdiet inċidentali għal dawk l-istokkijiet. Il-livell ta’ dawk it-TACs jenħtieġ li jkun tali li titnaqqas il-mortalità għal dawn l-istokkijiet u li tipprovdi inċentivi għal titjib fis-selettività u fl-evitar. Sabiex jiġi garantit sa fejn hu possibbli l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd f’sajd imħallat f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa xieraq li tiġi stabbilita riżerva komuni għall-iskambji ta’ kwoti għal dawk l-Istati Membri li ma għandhomx kwota biex ikopru l-qabdiet inċidentali inevitabbli tagħhom.

(8)      Sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom jiġu stabbiliti t-TACs tal-qabdiet inċidentali, l-opportunitajiet tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd li fihom jinqabad il-ħut minn dawn l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jgħinu biex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli tirkupra għal livelli sostenibbli. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miżuri tekniċi u ta’ kontroll li huma intrinsikament marbuta mal-opportunitajiet tas-sajd sabiex jiġi evitat l-iskartar illegali.

[...]

(16)      F’konformità mal-Artikolu 8 tal-pjan pluriennali għall-Ilmijiet tal-Punent, fejn il-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dak il-pjan tkun inqas mil-livell Blim, iridu jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B’mod partikolari, dawk il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet u/jew stokkijiet oħra fl-attivitajiet sajd fejn isiru qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw jew tal-merlangu.

(17)      Fil-parir tiegħu, l-ICES indika li l-istokkijiet tal-bakkaljaw u tal-merlangu fil-Baħar Ċeltiku huma taħt il-Blim. Għalhekk, jenħtieġ li jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju għal dawk l-istokkijiet. [...] Fir-rigward tal-merlangu fil-Baħar Ċeltiku, jenħtieġ li dawk il-miżuri jikkonsistu f’modifiki tekniċi fil-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd biex jitnaqqas il-qbid inċidentali tal-merlangu, li huma funzjonalment marbuta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd fejn jinqabdu dawk l-ispeċijiet.

(18)      Ittieħdu miżuri ta’ rimedju fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd tal‑2019 fir-rigward tal-bakkaljaw tal-Baħar Ċeltiku. F’dik l-okkażjoni, it-TAC għal dan l-istokk kienet riżervata għal qabdiet aċċessorji biss. Madankollu, peress li l-istokk jaqa’ taħt il-Blim, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ rimedju ulterjuri sabiex l-istokk ikun ogħla mil-livell li kapaċi jipproduċi l-MSY, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tal-pjan pluriennali għall-Ilmijiet tal-Punent. Tali miżuri jtejbu s-selettività billi jagħmlu l-użu ta’ rkapti li għandhom livelli aktar baxxi ta’ qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw obbligatorji fiż-żoni fejn il-qabdiet tal-bakkaljaw huma sinifikanti, u b’hekk titnaqqas il-mortalità mis-sajd ta’ dan l-istokk f’sajd imħallat. Il-livell tat-TAC għandu jiġi stabbilit biex jiġi evitat l-għeluq prematur tas-sajd kmieni fl‑2020. Barra minn hekk, it-TAC għandu jkun tali li jevita l-iskartar potenzjali, li jista’ jimmina l-ġbir tad-data u l-valutazzjoni xjentifika tal-istokk. L-istabbiliment tat-TAC għal 805 tunnellata jiżgura żieda konsiderevoli fil-bijomassa riproduttiva tal-istokk fl‑2020 ta’ mill-inqas 100 %, sabiex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk f’livelli li kapaċi jipproduċu l-MSY [...].

[...]

26.      [...] [P]eress li l-bijomassa tal-istokkijiet ta’ [...] COD/5BE6A, [...] WHG/07A u PLE/7HJK hija inqas mi[ll-]Blim u li sajd inċidentali [u xjentifiku] biss huwa permess fl‑2020, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li ma japplikawx l-Artikolu 15(9) tar-Regolament [Nru 1380/2013] għal dawn l-istokkijiet fl‑2020 sabiex il-qabdiet fl‑2020 ma jaqbżux it-TACs stabbiliti.”

22      L-Artikolu 5 tar-Regolament 2020/123, intitolat “TACs u allokazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-TACs għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni jew f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni u l-allokazzjoni ta’ tali TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn adatt, huma stipulati fl-Anness I.”

23      L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti għal TACs għal qabdiet inċidentali inevitabbli fir-rigward tal-obbligu ta’ ħatt l-art”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Sabiex jittieħed kont tal-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u biex isiru disponibbli kwoti għal ċerti qabdiet inċidentali lil Stati Membri mingħajr kwota, il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika għat-TACs identifikati fl-Anness IA.

2.      6 % ta’ kull kwota mit-TACs għall-bakkaljaw fil-Baħar Ċeltiku, il-bakkaljaw fil-Punent tal-Iskozja, il-merlangu fil-Baħar Irlandiż u l-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES, u 3 % ta’ kull kwota mit-TAC għall-merlangu tal-Punent tal-Iskozja, allokati lil kull Stat Membru, għandhom isiru disponibbli għal riżerva komuni għall-iskambji ta’ kwoti, li għandha tiftaħ mill‑1 ta’ Jannar 2020. L-Istati Membri mingħajr kwota għandu jkollhom aċċess esklużiv għar-riżerva komuni tal-kwoti sal‑31 ta’ Marzu 2020.

3.      Il-kwantitajiet li jittieħdu mir-riżerva komuni ma jistgħux jiġu skambjati jew ittrasferiti għas-sena ta’ wara. Kwalunkwe kwantità mhux użata għandha tiġi rritornata, wara l‑31 ta’ Marzu 2020, lil dawk l-Istati Membri li jkunu kkontribwixxew inizjalment għar-riżerva komuni għall-iskambji tal-kwoti.”

24      L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw u għall-merlangu fil-Baħar Ċeltiku”, jimponi diversi miżuri intiżi sabiex isaħħu s-selettività tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tat-tartaruni użati f’diversi żoni tal-Baħar Ċeltiku mill-bastimenti li l-qabdiet tagħhom huma kkostitwiti minn tal-inqas 20 % ta’ merluzz tal-linja sewda. Dawn il-bastimenti ma jistgħux jistadu f’dawn iż-żoni sakemm ma jużawx irkaptu b’ċerti karatteristiċi tekniċi, b’mod partikolari rekwiżiti minimi fir-rigward tal-malji tal-manka, elenkati f’dan l-artikolu. Madankollu, dawn ir-regoli ma japplikawx għall-bastimenti li l-qabdiet inċidentali tal-merluzz tagħhom ma jaqbżux il-1.5 %, kif evalwat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Barra minn hekk, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jużaw irkaptu alternattiv selettiv ħafna għal dawk elenkati f’dan l-artikolu u li l-karatteristiċi tekniċi tiegħu jippermettu, skont studju xjentifiku evalwat mis-STECF, li l-perċentwali tal-qabdiet ta’ merluzz jiġi llimitat għal inqas minn 1 %.

25      L-Anness IA tar-Regolament 2020/123 jistabbilixxi, għall-Unjoni, it-TAC kontenzjużi, rispettivament, għal 1 279 tunnellata għall-merluzz (Gadus morhua) fiż-żona 6a kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali taż-żona 5b fil-Lvant ta’ 12° 00′ O (COD/5BE6A), għal 805 tunnellati għal din l-istess speċi fiż-żoni 7b, 7c, 7e sa 7k u 8 sa 10 kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona CECAF 34.1.1 (COD/7XAD34), għal 721 tunnellata għall-merlangu (Merlangus merlangus) fiż-żona 7a (WHG/07A) u għal 67 tunnellata għall-barbun tat-tbajja (Pleuronectes planessa) fiż-żoni 7h, 7j u 7k (PLE/7HJK). Huwa speċifikat f’dan l-Anness IA li dawn it-TAC jikkonċernaw esklużivament il-qabdiet inċidentali ta’ merluzz, ta’ merlangu u ta’ barbun tat-tbajja’ f’sajd intiż għal speċijiet oħra u li l-ebda sajd intiż għal dawn l-ispeċijiet ma huwa awtorizzat fl-ambitu tal-kwota allokata lil kull Stat Membru.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

26      Wara l-adozzjoni tar-Regolament 2020/123, il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Affarijiet Marittimi ħareġ, b’mod partikolari, l-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd 15 u 16 għax-xahar ta’ April 2020, 19 u 20 għax-xahar ta’ Mejju 2020, kif ukoll 23 u 24 għax-xahar ta’ Ġunju 2020. Dawn l-avviżi jistabbilixxu, għall-istokkijiet ikkonċernati mit-TAC inkwistjoni, limiti ta’ qbid ogħla minn żero, esklużivament bħala qbid inċidentali.

27      Permezz ta’ azzjoni ppreżentata fis‑17 ta’ Ġunju 2020 quddiem l-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), il-qorti tar-rinviju, FIE talbitha, b’mod partikolari, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar il-validità tar-Regolament 2020/123 u tagħti digriet ta’ certiorari għall-finijiet tal-annullament, essenzjalment, tal-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd hawn fuq imsemmija.

28      Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, FIE tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 2020/123, ibbażata fuq il-fatt li, meta stabbilixxa t-TAC kontenzjużi f’livelli ogħla minn żero, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma ħax inkunsiderazzjoni l-pariri tal-ICES li jirrakkomandaw, sabiex jinkiseb l-MSY, qabdiet ugwali għal żero għall-istokkijiet tal-merluzz tal-Punent tal-Iskozja u tal-Baħar Ċeltiku, tal-merlangu tal-Baħar Irlandiż u tal-barbun tat-tbajja tal-Baħar Ċeltiku tan-Nofsinhar, li għalihom japplikaw l-imsemmija TAC. Minħabba f’hekk, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, li jipprovdi, b’mod partikolari, li r-rata ta’ sfruttament tal-istokkijiet tal-ħut li tippermetti li jinkiseb l-MSY għandha tintlaħaq għall-istokkijiet kollha sa mhux iktar tard mill‑2020.

29      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, bħala eċċezzjoni, li l-imsemmija azzjoni hija ipotetika, sa fejn ir-Regolament 2020/123 ma għadux fis-seħħ u ġie ssostitwit b’Regolamenti li jistabbilixxu t-TAC għas-sena 2021 u għas-sena 2022. Konsegwentment, huma jqisu li l-qorti tar-rinviju la għandha tagħmel id-domanda preliminari u lanqas teżamina din l-azzjoni.

30      Fil-mertu, dawn il-partijiet isostnu li r-Regolament Nru 1380/2013 għandu jinqara flimkien mar-Regolament 2019/472 u li minnu jirriżulta li, sabiex jadotta r-Regolament 2020/123, il-Kunsill kellu jwettaq evalwazzjoni kumplessa ta’ kwistjoni li tinkludi diversi parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-effetti soċjoekonomiċi tal-miżuri previsti kif ukoll id-diffikultà inerenti għas-sajd imħallat, minħabba l-fatt li speċi partikolari tista’ tinqabad b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ attivitajiet tas-sajd intiżi għal speċi oħra.

31      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha teżamina l-azzjoni adita biha. F’dan ir-rigward, hija tqis, b’mod partikolari, minn naħa, li t-tul limitat ta’ validità tar-Regolament 2020/123 u tal-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd inkwistjoni jostakola, fil-każ kuntrarju, il-kontestazzjoni ta’ dawn tal-aħħar quddiem il-qrati Irlandiżi u li, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ tista’ titqajjem f’kawżi futuri li jikkonċernaw regolamenti analogi.

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost (314/85, EU:C:1987:452), hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

33      Qabelxejn, hija tosserva li l-kwistjoni prinċipali ta’ dritt li għandha tiġi deċiża f’dan il-każ hija dik dwar jekk l-għan previst mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 jirriżultax f’obbligu imperattiv globali li għandu jiġi osservat mill-Kunsill fid-determinazzjoni tat-TAC għas-sena 2020 jew jekk, kif ġie invokat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, dan huwiex biss għan fost oħrajn li l-Kunsill għandu jieħu inkunsiderazzjoni, bl-istess mod bħal numru kbir ta’ aspetti kemm xjentifiċi kif ukoll ekonomiċi.

34      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li hija taqbel mal-opinjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-iffissar tat-TAC, ċertu numru ta’ aspetti li għandhom effetti ekonomiċi, b’mod partikolari fuq il-komunitajiet kostali li jiddependu mid-dħul tas-sajd, bħall-qabdiet inċidentali fil-kuntest tas-sajd imħallat u l-fenomenu tal-“istokkijiet bi kwoti limitanti”, kif ukoll l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-ispeċi kollha maqbuda, inklużi dawk li ma humiex fil-mira tal-attivitajiet tas-sajd.

35      Madankollu, hija tqis li l-pariri mogħtija mill-ICES fl‑2019, li jirrakkomandaw livell ta’ qbid ugwali għal żero għall-istokkijiet imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu ggarantiti livelli ta’ sfruttament li jippermettu li jinkiseb l-MSY fl‑2020, kienu jikkostitwixxu l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament 2020/123.

36      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 ma jinkludi ebda regola speċifika jew deroga għall-qabdiet inċidentali. Minn dan hija tiddeduċi li din id-dispożizzjoni kienet timponi fuq il-Kunsill, sabiex jiggarantixxi rati ta’ sfruttament li jippermettu li jinkiseb l-MSY għall-istokkijiet kollha mhux iktar tard mill‑2020, li jiffissa t-TAC skont il-pariri tal-ICES imsemmija fil-punt preċedenti.

37      Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li t-TAC kontenzjużi ma jistgħux jiġu ġġustifikati bl-argument ibbażat fuq l-effett minimu tagħhom, peress li, kif jirriżulta mill-provi prodotti quddiemha, dawn it-TAC kienu jirrappreżentaw rispettivament 62 % u 54 % tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv tal-merluzz f’kull waħda miż-żoni kkonċernati u 52 % ta’ tali bijomassa f’dak li jirrigwarda l-merlangu.

38      Fl-aħħar nett, hija tqis li l-għan tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 ma jikkostitwixxix “sempliċi għan ambizzjuż”, iżda, għall-kuntrarju, għan ċentrali tal-PKS, li huwa ta’ livell għoli. Għalhekk, l-osservanza ta’ dan l-għan hija imposta fuq il-pjanijiet pluriennali u fuq l-opportunitajiet ta’ sajd, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 9 u fl-Artikolu 16(4) ta’ dan ir-regolament.

39      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar il-validità tar-Regolament 2020/123.

40      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Peress li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 [...] ġie ssostitwit u/jew li l-miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni skadew, huwa neċessarju li jsir dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari?

2)      L-Anness IA tar-Regolament 2020/123 huwa invalidu, fid-dawl tal-għanijiet u [tal-i]skopijiet tar-Regolament [Nru 1380/2013] u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu, inkluż l-għan imsemmi [f]it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2), u l-prinċipji ta’ governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3(c) u (d) [ta’ dan ir-regolament] (li jinkludi l-portata sa fejn huwa japplika għall-istokkijiet li għalihom huwa mitlub approċċ ta’ prekawzjoni), meta huma jinqraw flimkien mal-Artikoli 9, 10, 15 u 16 tal-imsemmi regolament kif ukoll mal-premessi tiegħu u mal-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 8 u 10 tar-Regolament [2019/472] sa fejn [it‑TAC] stabbiliti permezz tar-Regolament [2020/123] ma jsegwux il-parir li ma jinqabad xejn [għall-MSY] maħruġ mill-[ICES] għal ċerti speċi?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

41      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dwar il-validità tar-Regolament 2020/123, hijiex neċessarja, sa fejn dan ir-regolament u l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni tiegħu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għadhomx applikabbli. Hija għalhekk tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba.

42      F’dan ir-rigward, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-imsemmija talba hija inammissibbli. Fil-fehma tagħhom, minn naħa, fid-dawl tal-iskadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/123 u tal-avviżi ta’ ġestjoni tas-Sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjonijiet li tqajjem din il-kawża huma ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, jekk tirrispondi għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tevalwa l-validità tar-Regolament 2020/123 lil hinn mit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE u hija tkun imċaħħda mill-fatti kollha neċessarji għar-risposta tagħha, li hija kien ikollha għad-dispożizzjoni tagħha fl-ambitu ta’ rikors ibbażat fuq dan l-artikolu.

43      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta tqum kwistjoni dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni preliminari dwar dan il-punt hijiex meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, jekk għandhiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq din il-kwistjoni. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jkunu jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala prinċipju, li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk, huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari għall-evalwazzjoni ta’ validità biss meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      B’mod partikolari, fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u skont l-Artikolu 94(c) ta’ dawn ir-regoli, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet speċifiċi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-raġunijiet ta’ invalidità li fil-fehma tagħha jkunu jistgħu jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 31, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali, li hija għandha teżamina l-azzjoni tal-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li r-Regolament 2020/123 u l-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd ikkontestati fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni ma għadhomx applikabbli. B’mod partikolari, hija tqis li n-natura temporanja ta’ dawn l-atti tagħmilha impossibbli li dawn jiġu kkontestati matul il-perijodu limitat tal-validità tagħhom.

47      Issa, fl-ewwel lok, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-ammissibbiltà tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, li taqa’, fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma quddiemha mill-konvenuti fil-kawża prinċipali abbażi tan-natura ipotetika tal-imsemmija azzjoni, fis-sens tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd li huwa s-suġġett tal-azzjoni fil-kawża prinċipali skada ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari peress li tali azzjoni hija awtorizzata mid-dritt nazzjonali u din id-domanda tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża li biha l-qorti tar-rinviju hija adita b’mod regolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punti 30 u 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni tat-TAC kontenzjużi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-avviżi ta’ ġestjoni tas-sajd ikkontestati fil-kuntest tal-azzjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati abbażi ta’ dawn it-TAC, it-tieni nett, li dawn tal-aħħar kienu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-avviżi u, it-tielet nett, li l-invalidità tagħhom hija invokata, b’mod inċidentali, insostenn tal-imsemmija azzjoni. Minn dan isegwi li l-iskadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija TAC ma tistax trendi inammissibbli domanda dwar il-validità tagħhom, peress li din id-domanda tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża li biha l-qorti tar-rinviju hija adita b’mod regolari.

49      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju mill-argumenti tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tevalwa l-validità tar-Regolament 2020/123 lil hinn mit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE u mingħajr ma jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-fatti kollha neċessarji għar-risposta tagħha, li hija kien ikollha fl-ambitu ta’ rikors għal annullament.

50      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li huwa inerenti għas-sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri stabbilita mit-Trattat FUE, minn naħa, fl-Artikoli 263 u 277 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 267 tiegħu, li l-individwi jkollhom, fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa quddiem qorti nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw il-legalità tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni li huma ta’ bażi għal deċiżjoni jew għal att nazzjonali meħud fil-konfront tagħhom, filwaqt li jeċċepixxu l-invalidità ta’ dawn tal-aħħar, u jitolbu lil dik il-qorti, li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata hija stess tali invalidità, sabiex f’dan ir-rigward tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm huma ma kellhomx, mingħajr ebda dubju, id-dritt li jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u naqsu milli jużaw dan id-dritt fit-terminu mogħti (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 66 u 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ma jidhirx li FIE setgħet mingħajr ebda dubju tippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra t-TAC kontenzjużi, ħaġa li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx.

51      Fit-tielet lok, kif juru l-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju esponiet, bil-preċiżjoni kollha meħtieġa, ir-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji serji dwar il-validità tat-TAC ikkontestati, minħabba li dawn ma josservawx il-pariri tal-ICES, li jirrakkomandaw livell ta’ qbid ugwali għal żero għall-istokkijiet imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis it-talba għal deċiżjoni preliminari rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha hija adita.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq ittieni domanda

53      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Anness IA tar-Regolament 2020/123 huwiex validu, sa fejn dan stabbilixxa, għas-sena 2020, it-TAC kontenzjużi ’l fuq mil-livell ta’ qbid ugwali għal żero rrakkomandat mill-pariri tal-ICES mogħtija fl‑2019 għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Punent tal-Iskozja u tal-Baħar Ċeltiku, tal-merlangu tal-Baħar Irlandiż u tal-barbun tat-tbajja tal-Baħar Ċeltiku tan-Nofsinhar (iktar ’il quddiem il-“pariri ta’ ebda qbid tal-ICES”), fid-dawl tal-għanijiet tal-PKS, imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1380/2013, b’mod partikolari ta’ dak li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-prinċipji ta’ governanza tajba ta’ din il-politika, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 3(c) u (d) tal-imsemmi regolament, u fid-dawl tal-Artikoli 9, 10, 15 u 16 tal-istess regolament u tal-Artikoli 1 sa 5, 8 u 10 tar-Regolament 2019/472.

54      Kif jirriżulta mill-punti 35, 36 u 38 ta’ din is-sentenza, id-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha dwar il-validità tat-TAC kontenzjużi huma bbażati essenzjalment fuq żewġ kunsiderazzjonijiet. Minn naħa, hija tqis li r-Regolamenti Nru 1380/2013 u 2019/472 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 kien jimponi fuq il-Kunsill obbligu ċar u mhux akkumpanjat minn derogi li jiffissaw it-TAC kontenzjużi konformement mal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli sabiex jintlaħqu, għall-istokkijiet kollha, inklużi dawk imsemmija minn dawn it-TAC, rati ta’ sfruttament li jippermettu li jinkiseb l-MSY sa mhux iktar tard mill‑2020. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-pariri ta’ ebda qbid tal-ICES kienu jikkostitwixxu, f’dan il-każ, l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(c) tar-Regolament Nru 1380/2013.

55      Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina, minn naħa, sa fejn is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-TAC kontenzjużi, kienet limitata mill-għan stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 u mill-pariri ta’ ebda qbid tal-ICES u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kunsill, f’dan il-każ, qabiżx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu.

 Fuq il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill sabiex jiffissa t-TAC kontenzjużi

56      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jadottaw, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b’mod partikolari, id-“dispożizzjonijiet [...] meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd”, filwaqt li, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, għandu jadotta “l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”.

57      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri li jimplikaw għażla politika rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba n-natura neċessarja tagħhom sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 43(2) TFUE, filwaqt li l-adozzjoni tal-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, konformement mal-Artikolu 43(3) TFUE, ma teħtieġx li ssir tali għażla, peress li tali miżuri huma ta’ natura prinċipalment teknika u huma meqjusa li jittieħdu sabiex jiġu implimentati dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 50, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punti 48 u 50).

58      Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 43 TFUE għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, b’tali mod li jistgħu jintużaw b’mod separat sabiex iservu bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri partikolari fil-qasam tal-PKS, u dan bil-kundizzjoni li, meta jadotta atti fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi filwaqt li josserva l-limiti tal-kompetenzi tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-qafas ġuridiku diġà stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 43(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 58).

59      F’dan il-każ, il-qafas ġuridiku rilevanti stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kkostitwit, minn naħa, mir-Regolament Nru 1380/2013, li jistabbilixxi l-qafas ġenerali tal-PKS, u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament 2019/472, li stabbilixxa pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-ilmijiet tal-punent u fl-ilmijiet tal-madwar kif ukoll għas-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet (iktar ’il quddiem il-“pjan pluriennali għall-ilmijiet tal-punent”). Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, l-Artikolu 1(1) u (4) tiegħu jipprevedi li huwa jkopri kemm l-istokkijiet elenkati f’dan il-paragrafu 1 kif ukoll il-qbid inċidentali li jsir fl-ilmijiet tal-punent waqt is-sajd għall-imsemmija stokkijiet. Issa, kif jirriżulta mill-kliem tal-Anness IA tar-Regolament 2020/123, it-TAC kontenzjużi japplikaw għal stokkijiet li huma esklużivament is-suġġett ta’ qbid inċidentali u li jinsabu f’żoni tas-sajd għal stokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2019/472. Għalhekk, il-Kunsill kellu jistabbilixxi dawn it-TAC fl-osservanza mhux biss tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1380/2013, iżda wkoll ta’ dawk tar-Regolament 2019/472.

60      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-Regolament Nru 1380/2013, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi l-prinċipju li skontu l-PKS “għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd” u jindika li din il-politika “għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu [l-MSY]”.

61      Fil-fatt, kif tiddikjara l-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, il-PKS għandha tippermetti lill-Unjoni timplimenta l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut, li għalihom hija parti kontraenti, fir-rigward tal-konservazzjoni, tal-ġestjoni u tal-isfruttament tal-istokkijiet tal-ħut.

62      B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-imsemmi regolament u kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tagħha, l-adozzjoni tiegħu hija intiża sabiex tiġġieled it-“tnaqqis kostanti ta’ ħafna stokkijiet tal-ħut” u li “ttejjeb” il-PKS billi torjentaha mill-ġdid lejn l-għan ta’ sostenibbiltà, fuq medda twila ta’ żmien, tal-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari billi “taġġusta r-rati ta’ sfruttament” ta’ dawn l-istokkijiet sabiex tiżgura, “fi żmien raġonevoli”, it-twettiq tal-għan li jiġu rrippristinati u miżmuma l-popolazzjonijiet mistada ’l fuq mil-livelli li jippermettu li jinkiseb l-MSY.

63      B’mod iktar preċiż, “sabiex jintlaħaq [dan l-għan]”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprevedi li “[r]-rata ta’ sfruttament [tal-MSY] għandha, fejn possibbli, tintlaħaq sal‑2015 u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill‑2020 għall-istokkijiet kollha”.

64      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm teżisti ċerta flessibbiltà għall-iffissar ta’ rata ta’ sfruttament li tippermetti li jinkiseb l-MSY bejn is-sena 2015 u s-sena 2020, min-naħa l-oħra, kif jenfasizzaw l-espressjonijiet “mhux iktar tard minn” u “l-istokkijiet kollha”, it-terminu għat-twettiq ta’ dan l-għan jiskadi, bħala prinċipju, fl‑2020, u dan għar-riżorsi bijoloġiċi kollha preżenti fiż-żoni ta’ ġestjoni koperti mill-PKS, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stokk” li tinsab fil-punt 14 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

65      Madankollu, l-ewwel nett, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013 fl-intier tiegħu, li jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-PKS għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’mod konsistenti mal-għanijiet li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u fil-qasam tal-impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel. Fost dawn l-għanijiet tal-aħħar hemm, fl-Artikolu 2(5)(c) u (f) ta’ dan ir-regolament, dak li jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex is-settur tas-sajd u tal-ipproċessar kif ukoll l-attivitajiet fuq l-art marbuta mas-sajd ikunu ekonomikament vijabbli u kompetittivi, u dak li l-PKS tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-persuni li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi.

66      Barra minn hekk, minn dan Artikolu 2, moqri fl-intier tiegħu, jirriżulta wkoll li s-sostenibbiltà, fuq medda twila ta’ żmien, fuq il-livell ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd timplika mhux biss l-iffissar ta’ rati ta’ sfruttament tal-ispeċi li jippermettu li jinkiseb l-MSY, iżda wkoll, skont il-paragrafu 3 tiegħu, li jitnaqqsu għall-minimu l-effetti negattivi ta’ dawn l-attivitajiet fuq l-ekosistema tal-baħar, u, b’mod partikolari, kif jindika l-paragrafu 5(a) tiegħu, li l-iskart jiġi eliminat gradwalment każ b’każ fid-dawl tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, billi jiġi evitat u mnaqqas kemm jista’ jkun possibbli l-qbid mhux mixtieq u billi jiġi żgurat progressivament li l-qbid jinħatt l-art.

67      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 10(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali għandhom jinkludu, b’mod partikolari, għanijiet kompatibbli mal-għanijiet stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 2 u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għanijiet li jistgħu jiġu kkwantifikati bħar-rata ta’ mortalità mis-sajd.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-pjanijiet pluriennali adottati abbażi tal-Artikolu 9(1) tal-istess regolament jistgħu jipprevedu għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi bbażati fuq l-approċċ ekosistematiku intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni problemi speċifiċi ta’ sajd imħallat fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, għat-taħlit ta’ stokkijiet koperti minn tali pjan fil-każijiet fejn pariri xjentifiċi jindikaw li ma jkunx possibbli li s-selettività tiżdied.

69      Dan l-Artikolu 9(5) għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament li jindika li “[d]-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni b’rabta mal-[MSY] fis-sajd imħallat għandhom iqisu d-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’[tali] sajd [...] fl-istess waqt, f’każijiet fejn il-pariri xjentifiċi jindikaw li huwa diffiċli ħafna li jiġi evitat il-fenomenu tal-‘ispeċijiet choke’ [stokkijiet bi kwoti limitanti] billi tiżdied is-selettività tal-irkaptu tas-sajd użat”. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jagħmel dawn il-preċiżazzjonijiet, immedjatament wara li ddikjara, fil-premessa 7 tal-imsemmi regolament, l-għan li l-istokkijiet kollha jiġu rrispristinati fil-livell tal-MSY sa mhux iktar tard mis-sena 2020, jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li ma jeskludix il-possibbiltà li dan l-għan jiġi adattat fil-każijiet fejn dan ma jkunx jista’ jintlaħaq simultanjament għall-istokkijiet kollha ta’ sajd imħallat.

70      Fil-fatt, kif tesponi, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 8 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ ta’ sajd imħallat, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1380/2013, jiġifieri sajd fejn speċi differenti jistgħu jinqabdu flimkien matul l-istess operazzjoni ta’ sajd, l-istokkijiet li għalihom il-kwota allokata hija żero jew eżawrita mill-iktar fis jista’ jkollhom effett “limitanti”, billi jobbligaw lill-bastimenti tas-sajd iwaqqfu kull operazzjoni qabel ma l-kwoti allokati għall-ispeċi l-oħra, b’mod partikolari dawk immirati minn dawn l-operazzjonijiet, jintlaħqu. Dan il-fenomenu huwa aċċentwat bl-obbligu ta’ ħatt l-art, stabbilit mill-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, li jimponi l-konservazzjoni abbord, ir-reġistrazzjoni u l-attribuzzjoni fuq il-kwoti applikabbli għall-istokk ikkonċernat tal-ħut kollu maqbud u li, konformement mal-kalendarju ddefinit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa kompletament applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 8 tal-imsemmi regolament, il-fenomenu tal-istokkijiet bi kwoti limitanti ma jistax dejjem jiġi evitat permezz tat-tisħiħ tas-selettività tal-irkaptu tas-sajd użat.

71      Għaldaqstant, mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1380/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevedi l-possibbiltà, fil-kuntest ta’ pjanijiet pluriennali, li jadatta l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari dak li jinsab fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 2, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-diffikultà, fil-kuntest tas-sajd imħallat, li tintlaħaq rata ta’ sfruttament li tippermetti li jinkiseb l-MSY għall-istokkijiet kollha sfruttati fl-istess ħin, fid-dawl tal-fenomenu tal-istokkijiet bi kwoti limitanti, meta t-tisħiħ tas-selettività tal-irkaptu tas-sajd ma jippermettix li dan il-fenomenu jiġi evitat.

72      F’dan ir-rigward, fit-tieni lok, fil-kuntest tar-Regolament 2019/472, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-regolament, sistema ta’ ġestjoni differenzjata, minn naħa, għall-istokkijiet fil-mira u, min-naħa l-oħra, għall-istokkijiet li huma s-suġġett ta’ qabdiet inċidentali, intiża preċiżament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd imħallat, konformement mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1380/2013.

73      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2019/472 jistabbilixxi, għall-istokkijiet fil-mira, għan immirat ta’ mortalità mis-sajd konformi mal-medda tal-FMSY, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri medda ta’ valuri “li jingħataw fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli, [...] li fiha l-livelli kollha ta’ mortalità mis-sajd jagħtu [l-MSY] fuq żmien twil”, u jipprovdi li dan l-għan għandu jintlaħaq malajr kemm jista’ jkun, progressivament u b’mod inkrementali, sa mhux iktar tard mill‑2020. Għalhekk, dan l-għan immirat jippreċiża, fir-rigward tal-istokkijiet fil-mira koperti mill-pjan pluriennali għall-ilmijiet tal-punent, l-għan tat-twettiq tar-rata ta’ sfruttament li tippermetti li jinkiseb l-MSY għall-istokkijiet kollha fl‑2020, l-iktar tard, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013.

74      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2019/472 jipprevedi li miżuri ta’ ġestjoni għall-istokkijiet li huma s-suġġett ta’ qabdiet inċidentali, inkluż, fejn xieraq, l-opportunitajiet tas-sajd, għandhom jiġu stabbiliti “filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli” u għandhom ikunu konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jirriproduċu, f’termini ġenerali, l-għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali għal żmien twil stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2019/472 jippovdi li, konformement mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1380/2013, il-ġestjoni tas-sajd imħallat fir-rigward tal-istokkijiet li jinqabdu b’mod inċidentali għandha tqis id-diffikultà biex jinstadu l-istokkijiet kollha fl-istess ħin f’livelli li jikkorrispondu għall-MSY, “speċjalment f’sitwazzjonijiet meta dan iwassal għall-għeluq qabel il-waqt tas-sajd”.

75      Minn dan għandu jiġi dedott li t-terminu massimu għat-twettiq ta’ rata ta’ sfruttament li tippermetti li jinkiseb l-MSY, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, japplika strettament u mingħajr eċċezzjoni għall-istokkijiet fil-mira elenkati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2019/472. Madankollu, għall-ġestjoni tal-istokkijiet inċidentali li jaqgħu taħt dan ir-regolament tal-aħħar, u b’mod partikolari għad-definizzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd ta’ dawn l-istokkijiet, il-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-iffissar ta’ tali rati ta’ sfruttament għall-istokkijiet kollha mistada fl-istess ħin, b’mod partikolari jekk dan l-iffissar għandu jwassal għall-għeluq prematur ta’ sajd, minħabba l-fenomenu tal-istokkijiet bi kwoti limitanti deskritt fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

76      Din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament 2019/472 hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali u mill-oriġini ta’ dan ir-regolament.

77      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament jipprevedi miżuri oħra intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni diffikultajiet speċifiċi ta’ sajd imħallat, indikati fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li huma komplementari għas-sistema ta’ ġestjoni ddifferenzjata għall-istokkijiet immirati u għall-istokkijiet li jinqabdu b’mod inċidentali stabbilita mill-imsemmija Artikoli 4 u 5. B’hekk, b’mod partikolari, minn naħa, meta l-kapaċità riproduttiva ta’ dan l-istokk tkun f’perikolu, l-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jipprevedi l-possibbiltà li tiġi adottata miżura korrettiva ta’ sospensjoni tas-sajd immirat għal dan l-istokk, flimkien ma’ tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd. F’tali każ, l-istokk ikkonċernat jista’ jinqabad biss b’mod inċidentali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2019/472 jistabbilixxi, fir-rigward tal-Istati Membri, l-obbligu, meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Kunsill, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid li jsir mill-bastimenti li jipparteċipaw f’sajd imħallat.

78      Fir-rigward tal-oriġini ta’ dan ir-regolament, fl-espożizzjoni tar-raġunijiet għall-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-Baħar Baltiku, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (COM (2018) 149 final), li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament 2019/472, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ “nuqqas ta’ użu tal-kwoti fis-sajd imħallat tal-ilmijiet tal-Punent”, minħabba l-fenomenu tal-istokkijiet bi kwoti limitanti li jseħħ f’każ ta’ applikazzjoni sħiħa tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Din hija r-raġuni għaliex hija tippreċiża li, fil-kuntest tal-pjan pluriennali għall-ilmijiet tal-punent, “l-istokkijiet li jiddeterminaw l-imġiba tas-sajjieda u li għandhom importanza ekonomika għandhom jiġu ġestiti skont il-medda tal-FMSY” u li “kważi 95 % tal-ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Punent f’termini ta’ volum ser jiġi ġestit skont l-[MSY]”, “[i]l-ħatt l-art l-ieħor, jiġifieri l-istokkijiet li jinqabdu prinċipalment bħala qabdiet inċidentali, [kellu] jiġi ġestit skont l-approċċ prekawzjonarju”.

79      Minn dan kollu premess jirriżulta li, peress li t-TAC kontenjużi japplikaw għal stokkijiet li huma esklużivament is-suġġett ta’ qabdiet inċidentali, il-Kunsill kellu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina jekk kienx possibbli li dawn it-TAC jiġu ffissati fil-livell li jippermetti li jinkiseb l-MSY u għalhekk jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mal-pariri ta’ ebda qbid tal-ICES.

80      Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-Kunsill jiddetermina t-TAC u jalloka l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri, huwa għandu jwettaq evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, li fir-rigward tagħha huwa għandu, bħala prinċipju, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li tirrigwarda mhux biss id-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, iżda wkoll, sa ċertu punt, il-konstatazzjoni tad-data bażika. Fl-istħarriġ tal-eżerċizzju ta’ setgħa bħal din, il-qorti għandha tillimita ruħha għall-eżami dwar jekk dan l-eżerċizzju huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Spanja vs Il-Kunsill, C‑182/15, EU:C:2017:3, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk il-Kunsill eċċediex manifestament il-limiti ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni.

 Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill eċċediex manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu

81      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta espliċitament mill-premessa 7 tar-Regolament 2020/123, il-Kunsill ikkonstata li, jekk it-TAC kontenzjużi kienu stabbiliti fil-livell indikat fil-pariri ta’ ebda qbid tal-ICES, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet inċidentali ta’ dawn l-istokkijiet, f’sajd imħallat jagħti lok għall-fenomenu tal-istokkijiet bi kwoti limitanti. Huwa għalhekk li, skont il-kliem ta’ din il-premessa 7, “[s]abiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-kontinwazzjoni tas-sajd fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi, u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet”, il-Kunsill qies li kien meħtieġ, “filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’[MSY] fl-istess ħin”, li jiġu stabbiliti TAC speċifiċi għal qabdiet inċidentali għal dawn l-istokkijiet u li dawn jiġu stabbiliti f’“livell [...] li jkun tali li titnaqqas il-mortalità għal dawn l-istokkijiet u li tipprovdi inċentivi għal titjib fis-selettività u fl-evitar”.

82      Issa, din il-konstatazzjoni ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija konstatazzjoni hija bbażata fuq parir tal-ICES tax-xahar ta’ Novembru 2019, li fih huwa evalwa l-livell probabbli ta’ qbid inċidentali pprelevat, fl‑2020, fuq l-istokkijiet li għalihom huwa kien ta pariri ta’ ebda qbid, fil-każ li t-TAC dwar l-istokkijiet immirati jkunu konformi għall-pariri li huwa kien ta fir-rigward ta’ dawn l-istokkijiet tal-aħħar. Issa, f’dan il-parir, l-ICES qies dawn il-qabdiet inċidentali probabbli f’livelli sostanzjalment ogħla minn żero, jiġifieri fil-livell ta’ 1 279 tunnellata għall-istokk tal-merluzz imsemmi fl-ewwel TAC kontenzjuża, bejn 1 606 u 1 854 tunnellata għall-istokk tal-istess speċi kkonċernat mit-tieni TAC, skont il-livell ta’ qabdiet ta’ merluzz tal-linja sewda, bejn 901 tunnellati u 917-il tunnellata għall-merlangu, skont il-livell tal-qabdiet ta’ langustina, u, fl-assenza ta’ data xjentifika, fil-livell ta’ madwar 100 tunnellata għall‑barbun tat-tbajja, fid-dawl tal-livell ta’ ħatt l-art reċenti. Għaldaqstant, mill-imsemmi parir seta’ jiġi dedott li l-iffissar ta’ TAC fil-livell ta’ żero għal dawn l-istokkijiet seta’ jwassal għall-għeluq prematur tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira li magħhom kienu assoċjati l-imsemmija stokkijiet u, konsegwentement, seta’ jaffettwa l-vijabbiltà ekonomika tal-flotot tas-sajd ikkonċernati u l-livell ta’ għajxien tal-persuni dipendenti fuq dawn l-attivitajiet.

84      Fit-tieni lok, kif ġie rrilevat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 7 tar-Regolament 2020/123 jirriżulta li t-TAC kontenzjużi ġew stabbiliti bil-ħsieb li l-għan ta’ kontinwazzjoni tas-sajd attiv jiġi rrikonċiljat ma’ dak li jintlaħaq stat bijoloġiku tajjeb tal-istokkijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, din il-premessa 7 tindika li dawn it-TAC ġew stabbiliti f’livell li jippermetti t-tnaqqis tal-mortalità mis-sajd u li jipprovdi inċentivi għal titjib fis-selettività u fl-evitar.

85      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill stabbilixxa t-TAC kontenzjużi kemm, f’dak li jirrigwarda t-TAC applikabbli għall-merluzz tal-Punent tal-Iskozja, fil-livell tal-istima tal-qabdiet inċidentali pprovduta mill-ICES, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda t-TAC kontenzjużi l-oħra, f’livell iktar baxx minn din l-istima. Dawn il-miżuri kienu għalhekk ta’ natura li jinċentivaw lill-bastimenti tas-sajd jillimitaw tali qabdiet inċidentali waqt il-qbid tal-istokkijiet fil-mira sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ għeluq prematur tas-sajd ikkonċernat.

86      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-parir tal-ICES tax-xahar ta’ Novembru 2019 sabiex jistabbilixxi tlieta mit-TAC kontenzjużi b’mod li jippermetti żieda tal-bijomassa tal-istokkijiet ikkonċernati ta’ bejn madwar 10 % u 100 %, peress li t-TAC għall-barbun tat-tbajja fil-Baħar Ċeltiku tan-Nofsinhar hija bbażata, fl-assenza ta’ data xjentifika pprovduta mill-ICES, fuq l-approċċ ta’ prekawzjoni. Issa, minkejja ċ-ċifri indikati mill-qorti tar-rinviju u kkonfermati waqt is-seduta mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, li juru l-parti sinjifikattiva tal-bijomassa tal-istokkijiet tal-merluzz u tal-merlangu inkwistjoni rrappreżentata mit-TAC kontenzjużi applikabbli għal dawn l-istokkijiet, kif espost fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, mill-elementi kollha prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-livelli li fihom ġew stabbiliti dawn it-TAC kienu manifestament inkompatibbli mal-għan tal-Kunsill intiż, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament 2020/123, sabiex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli titnaqqas għal livelli sostenibbli, konformement mal-perspettiva fit-tul stabbilita fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 1380/2013. Barra minn hekk, dawn il-livelli huma bbażati jew, konformement mal-Artikolu 3(c) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2019/472, fuq “l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli”, f’dan il-każ, il-parir tal-ICES imsemmi fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, jew fuq l-approċċ ta’ prekawzjoni meħtieġ, fl-assenza ta’ tali pariri, mill-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

87      Fit-tielet lok, mir-Regolament 2020/123 jirriżulta li diversi miżuri korrettivi ġew adottati, b’żieda mat-TAC kontenzjużi, bil-ħsieb li jiġu limitati l-qabdiet inċidentali tal-istokkijiet ikkonċernati mill-pariri ta’ ebda qbid tal-ICES.

88      L-ewwel nett, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ ħatt l-art, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li mekkaniżmu ta’ skambju ta’ kwoti japplika għat-TAC kontenzjużi, sabiex perċentwali tal-kwoti ta’ qbid allokati lil ċerti Stati Membri jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri li ma għandhomx tali kwoti, sabiex il-qabdiet inċidentali inevitabbli ta’ dawn tal-aħħar ikunu koperti. Kif tindika l-premessa 7 tal-imsemmi regolament, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiġi ggarantit li l-opportunitajiet ta’ sajd allokati lill-Istati Membri jiġu sfruttati konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, li jipprovdi li dawn l-opportunitajiet ta’ sajd għandhom l-għan li jagħtu rendikont mhux iktar tal-ħatt l-art, iżda tal-qabdiet, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni għar-rimi tal-istokk ikkonċernat.

89      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament 2020/123, sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom il-Kunsill stabbilixxa TAC ta’ qabdiet inċidentali, li minnhom jagħmlu parti t-TAC kontenzjużi, l-opportunitajiet ta’ sajd għas-sajd imħallat li fihom dawn il-qabdiet jistgħu jseħħu ġew stabbiliti f’livelli li jippermettu l-irkupru tal-istokkijiet l-iktar vulnerabbli. Huwa b’dan il-mod li, kif tindika, essenzjalment, il-Kummissjoni, sabiex titnaqqas il-pressjoni eżerċitata mis-sajd immirat lejn il-merluzz tal-linja sewda fuq il-merluzz fil-Baħar Ċeltiku, it-TAC għall-istokk fil-mira tal-merluzz tal-linja sewda li jinsab fiż-żoni korrispondenti ġie stabbilit mill-Anness IA ta’ dan ir-regolament fil-livell ta’ 10 859 tunnellata, minflok is-16 671 tunnellata rrakkomandati mill-ICES għal dan l-istokk.

90      It-tielet nett, kif jesponu l-premessi 16 sa 18 tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-pariri tal-ICES li jevalwaw il-livell tal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Ċeltiku taħt il-Blim, fis-sens tal-Artikolu 2(8) tar-Regolament 2019/472, jiġifieri l-livell ta’ riferiment tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv li taħtu l-kapaċità riproduttiva tkun f’riskju li titnaqqas, minn naħa, is-sajd fil-mira ta’ dan l-istokk huwa, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament, sospiż u, min-naħa l-oħra, miżuri li jimponu karatteristiċi speċifiċi għall-irkaptu tas-sajd użat f’din iż-żona, sabiex tissaħħaħ is-selettività tagħhom fir-rigward ta’ dawn l-istokkijiet, huma previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament 2020/123.

91      Ir-raba’ nett, kif tesponi l-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, sabiex il-qbid magħmul fl‑2020 ma jaqbiżx it-TAC stabbilita, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li ma japplikawx, b’mod partikolari għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Punent tal-Iskozja, tal-merlangu fil-Baħar Irlandiż u tal-barbun tat-tbajja fil-Baħar Ċeltiku tan-Nofsinhar, il-flessibbiltà interannwali prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament Nru 1380/2013, li tippermettilhom jawtorizzaw il-ħatt l-art, fil-limitu ta’ 10 % tal-ħatt awtorizzat, ta’ kwantitajiet addizzjonali tal-istokk suġġett għal obbligu ta’ ħatt l-art, li jitnaqqsu mill-kwoti futuri tagħhom.

92      Konsegwentement, it-TAC kontenzjużi ġew stabbiliti, abbażi tal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, f’livell li ma huwiex manifestament inadegwat sabiex l-għan ta’ kontinwazzjoni tas-sajd imħallat attiv jiġi rrikonċiljat ma’ dak li jiġi stabbilit mill-ġdid status bijoloġiku tajjeb tal-istokkijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, huma kienu akkumpanjati minn miżuri korrettivi xierqa sabiex jillimitaw il-qabdiet inċidentali mwettqa fl‑2020 fuq l-istokkijiet li kienu s-suġġett ta’ dawn it-TAC u, konsegwentement, l-impatt tas-sajd imħallat inkwistjoni fuq dawn l-istokkijiet. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, billi adotta l-imsemmija TAC, il-Kunsill ma eċċediex manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, iddefiniti mir-Regolament Nru 1380/2013, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2), mill-Artikolu 3(c) u (d) u mill-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-Artikolu 5 tar-Regolament 2019/472, u b’mod partikolari il-paragrafu 3 tiegħu.

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għandu jiġi konkluż li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Anness IA tar-Regolament 2020/123, sa fejn dan l-anness, għas-sena 2020, stabbilixxa t-TAC kontenzjużi.

 Fuq lispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Anness IA tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/123 tas27 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi għall2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, sa fejn dan l-anness stabbilixxa, għas-sena 2020, il-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-merluzz (Gadus morhua), minn naħa, fiż-żona 6a kif ukoll fl-ilmijiet tal-Union Ewropea u fl-ilmijiet internazzjonali taż-żona 5b taż-żona 5b fil-Lvant ta’ 12° 00′ O (COD/5BE6A) u, min-naħa l-oħra, fiż-żoni 7b, 7c, 7e sa 7k u 8 sa 10 u kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) 34.1.1 (COD/7XAD34), għall-merlangu (Merlangus merlangus) fiż-żona 7a (WHG/07A) u għall-barbun tat-tbajja (Pleuronectes planessa) fiż-żoni 7h, 7j u 7k (PLE/7HJK)

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.