Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Awwissu 2021 – TX vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-481/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: TX

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(3) u (1) flimkien mal-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 1 ikkunsidrati fid-dawl tal-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali,

a)    skont liema, fil-każ ta’ responsabbiltà konġunta għall-ipproċessar ta’ data, l-entità li tkun effettivament responsabbli għad-data maħżuna ma jkollhiex għalfejn tissemma’, u

b)    li tippermetti wkoll li l-aċċess jiġi miċħud mingħajr ma jingħataw raġunijiet sostantivi lil qorti?

Jekk id-domandi 1(a) u 1(b) jingħataw risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 15(3) u (1) tad-Direttiva 2016/680 ikun konformi mad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 minkejja li jkun impossibbli għall-qorti:

a)    li tinkludi fil-proċedura, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, fi proċedura amministrattiva maqsuma f’diversi stadji, lill-awtorità l-oħra li hija involuta u li hija effettivament responsabbli u li għandha tagħti l-kunsens tagħha għall-għoti ta’ aċċess għad-data u

b)    tivverifika sostantivament jekk il-kundizzjonijiet għar-rifjut ta’ aċċess għad-data jkunux issodisfatti u jkunux ġew applikati korrettament mill-awtorità li tirrifjuta l-aċċess?

Ir-rifjut ta’ aċċess għad-data u b’hekk għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-karta jinterferixxi illegalment mal-libertà professjonali skont l-Artikolu 15 tal-Karta fil-każ fejn l-informazzjoni maħżuna tintuża sabiex persuna li hija s-suġġett tad-data tiġi eskluża mill-attività mixtieqa abbażi ta’ allegat riskju għas-sigurtà?

____________

1 ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 6.

1 ĠU 2012, C 326, p. 391.