Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fil-21 ta' Jannar 2013 - Árpád Kásler u Hajnalka Káslerné Rábai vs OTP Jelzálogbank Zrt.

(Kawża C-26/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Árpád Kásler u Hajnalka Káslerné Rábai

Konvenuta: OTP Jelzálogbank Zrt.

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993 , dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (iktar 'il quddiem id-"Direttiva") għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta' self f'munita barranija, iżda li fir-realtà jingħata f'munita nazzjonali u li għandu jiġi rrimborsat mill-konsumatur esklużivament f'munita nazzjonali, il-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rati tal-kambju, li ma kinitx innegozjata individwalment, taqa' taħt il-kunċett ta' "definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt"?

Jekk dan ma huwiex il-każ, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri [tal-munita] għandha tiġi kkunsidrata, abbażi tat-tieni espressjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, bħala remunerazzjoni li l-ekwivalenza tagħha mas-servizz ipprovdut ma tistax tiġi eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abużiva tagħha? F'dan ir-rigward, it-twettiq effettiv ta' operazzjoni ta' kambju bejn l-istabbiliment finanzjarju u l-konsumatur huwa determinanti?

Jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista', indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, teżamina wkoll in-natura abużiva ta' tali klawżoli kuntrattwali, fil-każ li dawn ma humiex ċari u komprensibbli, dan l-aħħar rekwiżit għandu jinftiehem fis-sens li jimponi li l-klawżola inkwistjoni għandha tkun fiha nnifisha grammatikalment ċara u komprensibbli għall-konsumatur, jew jimponi barra minn hekk li r-raġunijiet ekonomiċi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali kif ukoll ir-relazzjoni tal-imsemmija klawżola mal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt għandhom ikunu ċari u komprensibbli għal dan l-istess konsumatur?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 73 tas-sentenza mogħtija fil-kawża Banco Español de Crédito (C-618/10) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali lanqas ma tista' tirrimedja għan-nuqqas ta' validità, fir-rigward tal-konsumatur, ta' dispożizzjoni abużiva ta' klawżola kuntrattwali ġenerali użata f'kuntratt ta' self konkluż ma' konsumatur billi temenda jew tissupplimenta l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, jekk il-kuntratt ma jistax jibqa' applikabbli abbażi tal-klawżoli kuntrattwali li jifdal wara t-tħassir tal-klawżola abbużiva? F'dan ir-rigward, huwa rilevanti li d-dritt nazzjonali fih dispożizzjoni ta' natura supplimentari li tirregola l-kwistjoni legali inkwistjoni fl-assenza tal-klawżola nieqsa minn validità?

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993, dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).