Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2023 – Evroins inshurans grup vs EIOPA

(Kawża T-1094/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Evroins inshurans grup AD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentanti: H. Drăghici, A. Morogai u F. Giurgea, avukati)

Konvenut: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol tad-19 ta’ Settembru 2023 (EIOPA-23-719) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); u, konsegwentement,

tordna lill-EIOPA tevalwa mill-ġdid it-talba tar-rikorrent biex tinbeda investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni mill-Autoritatea de Supraveghere Financiară (l-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tar-Rumanija).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv li jallega li l-EIOPA kisret ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE 1 u d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) 2 .

L-EIOPA wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tibda investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni mill-Autoritatea de Supraveghere Financiară mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni komprensiva fid-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv li jallega li l-EIOPA eċċediet il-kompetenza tagħha mogħtija mir-Regolament Nru 1094/2010 meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

L-EIOPA wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemmx ksur tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u meta ddeċidiet li ma tinvestigax jekk hemmx ksur tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Ir-raġunament tal-EIOPA jidher pjuttost ċirkolari għaliex kien ġie deċiż li ma hemmx ksur mingħajr ma effettivament investigat jekk tali ksur kienx seħħ.

It-tielet motiv li jallega li l-EIOPA kisret id-Direttiva 2009/138.

L-EIOPA wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli taġixxi skont l-obbligi tagħha stabbiliti mid-Direttiva 2009/138 u b’hekk terġa tistabbilixxi l-ordni f’dan il-każ. Billi adottat id-deċiżjoni kkontestata bi ksur tad-Direttiva 2009/138, l-EIOPA naqset milli tivverifika jekk l-Autoritatea de Supraveghere Financiară aġixxietx b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32(1) u 250(1)(c) tad-Direttiva 2009/138.

____________

1 ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48

1 ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, rettifika fil-ĠU L 262, 29.9.2016, p. 34, fil-ĠU L 316, 6.12.2019, p. 107 u fil-ĠU L 108, 7.4.2022, p. 69