Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2024 – Tiktok Technology vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-58/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Tiktok Technology Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Batchelor u M. Frese, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8173 tas-27 ta’ Novembru 2023 li tiddetermina t-tariffa superviżorja applikabbli għal TikTok skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 kollha kemm hi; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 43(5)(b) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“DSA”) billi tuża l-istimi tal-medja ta’ riċevituri attivi ta’ kull xahar (iktar ’il quddiem ir-“RAKX”) stimi li ma jikkonformawx mad-definizzjoni legali tad-DSA ta’ RAKX fil-premessa 77 u fl-Artikolu 3(p) tad-DSA u billi minflok tapplika metodoloġija ta’ stima li ma għandhiex bażi legali valida skont l-Artikolu 43 tad-DSA.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 43(5)(c) tad-DSA billi naqset milli tapplika l-limitu tat-tariffa ta’ 0.05 % tad-dħul nett tal-fornitur (iktar ’il quddiem il-“limitu tat-tariffa”) lir-rikorrenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA billi tapplika tariffi residwi lir-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 43(2) tad-DSA billi timponi tariffa superviżorja bbażata fuq spejjeż li ma jaqgħux fil-portata tal-Artikolu 43(2) tad-DSA.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Id-determinazzjoni provviżorja tal-ammont tat-tariffa superviżorja annwali ma pprovdiet l-ebda opportunità għar-rikorrenti sabiex tikkummenta dwar id-data dwar ir-RAKX użata mill-Kummissjoni jew dwar il-kalkolu tat-tariffi residwi.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-ispejjeż tal-Kummissjoni koperti mit-tariffa superviżorja, il-kalkoli tal-Kummissjoni tar-RAKX ta’ TikTok, l-identifikazzjoni tal-fornituri li laħqu l-limitu tat-tariffa, u r-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ metodoloġija komuni.

____________

1     Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).