Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2014 – Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill

(Kawża T-14/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Islamic Republic of Iran Shipping Lines (Tehran, l-Iran), Hafize Darya Shipping Lines (HDSL) (Tehran), Khazar Shipping Lines (Anzali Free Zone, l-Iran), IRISL Europe GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), IRISL Marine Services and Engineering Co. (Qeshm Island, l-Iran), Irano – Misr Shipping Co. (Tehran), Safiran Payam Darya Shipping Lines (SAPID) (Tehran), Shipping Computer Services Co. (Tehran), Soroush Sarzamin Asatir Ship Management (Tehran), South Way Shipping Agency Co. Ltd (Tehran); u Valfajr 8th Shipping Line Co. (Tehran) (rappreżentanti: F. Randolph, QC, M. Lester, barrister, u M. Taher, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 46) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 1);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali valida għall-miżuri kkontestati, li jinkludu bħala kriterji ta’ inklużjoni fil-lista rabta mal-ewwel rikorrenti (IRISL), ftit żmien wara li ntlaqa’ r-rikors ta’ din tal-aħħar għal annullament.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti kif ukoll il-prinċipji ta’ finalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem, tal-awtorità ta’ res judicata u ta’ nondiskriminazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma informax lil IRISL u lanqas lir-rikorrenti l-oħra bl-intenzjoni tiegħu li jadotta l-miżuri kkontestati u billi ma tax lir-rikorrenti l-opportunità li jagħmlu osservazzjonijiet.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għar-rispett tar-reputazzjoni tagħhom u tal-proprjetà tagħhom.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill abbuża mis-setgħat tiegħu meta adotta l-miżuri kkontestati; il-fatt li indirizza lil IRISL u lill-kumpanniji marbuta magħha filwaqt li evita sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex użu xieraq tas-setgħat tiegħu.