Language of document : ECLI:EU:T:2016:124

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

3 ta’ Marzu 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Kumpens retroattiv għal servizz pubbliku mogħti mill-awtoritajiet Taljani — Servizzi ta’ trasport interreġjonali bix-xarabank ipprovduti bejn l-1987 u l-2003 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Żamma ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku — Għoti ta’ kumpens — Regolament (KEE) Nru 1191/69”

Fil-Kawża T‑15/14,

Simet SpA, stabbilita f’Rossano Calabro (l-Italja), irrappreżentata minn A. Clarizia, C. Varrone u P. Clarizia, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, D. Grespan u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/201/UE, tat- 2 ta’ Ottubru 2013, Għajnuna mill-Istat SA.33037 (2012/C) – l-Italja Kumpens ta’ Simet SpA għall-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku mill-1987 sal-2003 (ĠU 2014, L 114, p. 67),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Simet SpA, hija kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bit-triq. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti topera servizz bi skeda fuq netwerk interreġjonali ta’ rotot bejn il-Calabria u reġjuni oħrajn tal-Italja (iktar ’il quddiem ir-“rotot interreġjonali”). Barra dawn is-servizzi, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-attività tagħha, ir-rikorrenti tipprovdi servizzi oħra, b’mod partikolari servizzi ta’ trasport internazzjonali, servizzi tat-turiżmu u servizzi tal-kiri ta’ xarabanks bis-sewwieqa.

 Il-kuntest leġiżlattiv u regolamentorju li jirregolaw l-attivitajiet tar-rikorrenti

2        Matul is-snin, l-attività tar-rikorrenti ġiet irregolata minn liġijiet u regolamenti suċċessivi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew.

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-qasam tat-trasport bit-triq kien is-suġġett ta’ superviżjoni fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19).

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligi kollha inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku kif definit f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2. Madanakollu, obbligi bħal dawn jistgħu jinżammu sakemm ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta’ servizzi tat-trasport.

[…]

4. Piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 2 […] għandhom ikunu soġġetti għal kumpens maħdum skond il-proċeduri komuni li jinsabu f’dan ir-Regolament.”

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1.      ‘Obbligi ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.

2.      Obbligi ta’ servizz pubbliku skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi ta’ tariffi.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament ‘l-obbligu li ġġorr’ tfisser kull obbligu impost fuq impriża tat-trasport li tieħu, fir-rigward ta’ kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b’liċenzja jew b’awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat servizz tat-trasport li jissoddisfa standards fissi ta’ kontinwità, regolarità u volum. Tinkludi wkoll kull obbligu li jingħataw servizzi addizzjonali u kull obbligu li jinżammu f’kondizzjoni tajba rotot, apparat — sa fejn din tkun żejda għall-bżonnijet tas-sistema ta’ toroq b’mod ġenerali — u installazzjonijiet wara li jkunu ġew irtirtati s-servizzi.

4.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘l-obbligu li ġġorr’ tfisser kull obbligu impost fuq intrapriża tat-trasport li taċċetta li tieħu, fir-rigward ta’ kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b’liċenzja jew b’awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-provvista ta’ servizz tat-trasport li jissodisfa livelli fissi ta’ kontinwità, regolarità u kapaċità.

5.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘obbligi ta’ tariffi’ tfisser kull obbligu impost fuq intrapriżi tat-trasport li japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġiera, ċerti kategoriji ta’ oġġetti, jew ċerti rotot, rati fissi jew approvati minn xi awtorità pubblika li huma kontra l-interessi kummerċjali ta’ l-impriża u li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ tariffi speċjali, jew minn ċaħda li jiġu mmodifikati.

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti ma japplikawx fir-rigward ta’ obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet li tapplika għall-ekonomija kollha b’mod ġenerali jew għall-miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu.”

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1.      Huwa f’idejn l-intrapriżi tat-trasport li japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ xi obbligu ta’ servizz pubbliku fejn dan l-obbligu huwa ta’ żvantaġġ ekonomiku għalihom.

2.      Fl-applikazzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi tat-trasport jistgħu jipproponu s-sostituzzjoni ta’ xi forma oħra ta’ trasport għall-forom li qegħdin jintużaw. L-intrapriżi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 5 sabiex jikkalkolaw kemm jistgħu jiffrankaw sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1.      Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista’ jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta’ l-obbligu, fir-rigward ta’ operazzjoni jew grupp ta’ operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ stqarrija, jekk hemm bżonn attwalizzata, ta’ l-iżvantaġġi ekonomiċi annwali rappreżentanti mid-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju annwali u d-dħul annwali li jirriżulta mit-terminazzjoni ta’ l-obbligu.

Madanakollu, jekk l-obbligu li wieħed jopera jew li jġorr ikopri kategorija waħda jew iżjed tat-traffiku tal-passiġġieri jew ta’ oġġetti fuq is-sistema ta’ toroq kollha jew parti sostanzjali minnha, il-piż finanzjarju li jista’ jiġi eliminat bit-terminazzjoni ta’ l-obbligu għandu jiġi stmat billi jiġu allokati fost il-kategoriji varji ta’ traffiku l-ispejjeż totali li jaqgħu fuq l-impriża minnħabba l-attivitajiet ta’ trasport tagħha.

F’każ bħal dan l-iżvantaġġ ekonomiku għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż li jistgħu jiġu allokati lil dik il-parti ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriża affettwata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati billi wieħed jikkunsidra l-effetti ta’ l-obbligu fuq l-attivitajiet ta’ l-impriża b’mod ġenerali.

2.      Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta’ dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista’ jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kunsidrati kemm l-ispejjeż ta’ dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.”

8        Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69, “[d]eċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta’ servizz pubbliku jew parti minnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta’ perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13”.

9        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1.      L-ammont ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 għandu, f’każ ta’ obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, ikun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju u t-tnaqqis fid-dħul ta’ l-impriża jekk l-obbligu relevanti kollu jew il-parti relevanti minnua ġew mitmuma għall-perjodu ta’ żmien taħt kunsiderazzjoni.

Madanakollu, jekk il-kalkolu ta’ l-iżvantaġġ ekonomiku kien sar billi ġie allokat fost il-partijiet differenti ta’ l-attivitajiet tagħha tat-trasport l-ispejjeż totali li waqgħu fuq l-intrapriża fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet tat-trasport, l-ammont ta’ kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż allokabbli għal dik il-parti ta’ l-attivitajiet ta’ l-intrapriża affettwata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul relattiv.

2.      Sabiex jiġu determinati l-piżijiet finanzjarji u d-dħul imesmmi fil-paragrafu 1, l-effetti tat-terminazzjoni ta’ l-obbligu inkwistjoni fuq l-attivitajiet ta’ l-impriża b’mod ġenerali għandhom jiġu meqjusa.”

10      Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1191/69, sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż li jirriżultaw miż-żamma tal-obbligi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni amministrazzjoni effiċjenti tal-impriża u provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ kwalità adegwata. L-imgħaxijiet relatati mal-kapital jistgħu jitnaqqsu mill-imgħaxijiet li jiġu meqjusa waqt il-kalkolu tal-ispejjeż.

11      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“1.      Ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3), wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq intrapriża tat-trasport biss sa fejn dawn l-obbligi ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta’ servizzi tat-trasport.

2.      Meta obbligi imposti b’dan il-mod joħolqu għall-intrapriżi tat-trasport żvantaġġi ekonomiċi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1) u (2) jew piżijiet finanzjarji skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 9, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom, waqt li jkunu qegħdin jiddeċiedu li jimponu dawn l-obbligi, jipprovdu għal għotjiet ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minnhom. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 sa 13 għandhom japplikaw.”

12      L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi li:

“2.      Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni dettalji, klassifikati skond il-kategorija ta’ l-obbligu, ta’ ħlasijiet ta’ kumpens magħmula fir-rigward ta’ piżijiet finanjarji li jkunu waqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jinsabu fl-Artikolu 2 jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta’ kategorija jew kategoriji partikolari ta’ persuni għat-trasport ta’ passiġġieri.”

13      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 1191/69 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1992, elimina l-possibbiltà tal-Istati Membri li jżommu jew li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tat-trasport, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-attività tagħhom kienet limitata esklużivament għas-servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

14      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, “[s]abiex jiġi żgurat servizzi ta’ trasport adegwati li b’mod partikolari jieħdu inkonsiderazzjoni fatturi soċjali u ambjentali u l-ippjanar ta’ bliet u rħula, jew bil-għan li jiġu offruti nollijiet partikolari lil ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kuntratti ta servizz pubbliċi ma’ kull intrapriża tat-trasport”.

15      Għaldaqstant, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1191/96, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, jipprovdi li:

“1.      ‘Kuntratt ta’ servizz pubbliku’ ifisser kull kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u kull intrapriża tat-trasport sabiex jiġi pprovdut lill-pubbliku servizz ta’ trasport adegwat.

Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-aktar:

–        servizzi tat-trasport li jissodisfaw standards stabbiliti ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

–        servizzi ta’ trasport addizzjonali,

–        servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u bla ħsara għal kondizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġgieri jew fuq ċerti rotot,

–        aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġiet attwali.

2.      Kull kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkopri, fost l-oħrajn, il-punti segwenti:

(a)      in-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-aktar l-istandards ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità;

(b)      il-prezz tas-servizzi koperti bil-kuntratt, li għandu jkun jew miżjud mad-dħul ta’ tariffa jew għandu jinkludi d-dħul, u dettalji dwar relazzjonijiet finanzjarji bejn iż-żewġ partijiet;

(ċ)      ir-regoli dwar emendi u modifikazzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari biex jieħu inkonsiderazzjoni tibdiliet li m’humiex imbassra;

(d)      il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt;

(e)      il-penalitajiet fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.

3.      Dawk l-assi involuti fl-għoti ta’ servizzi ta’ trasport li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jistgħu jappartienu lill-intrapriża jew ikunu għad-disposizzjoni tagħha.

4.      Kull intrapriża li beħsiebha li ma tibqax jew li tagħmel modifiki sostanzjali lil kull servizz ta’ trasport li tipprovdi lill-pubbliku fuq bażi kontinwa u regolari u li ma tkunx koperta bis-sistema tal-kuntratt jew l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku għandha tavża lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru b’dan mill-inqas tliet xhur bil-quddiem.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux din in-notifika.

Din id-disposizzjoni ma taffettwax proċeduri oħra nazzjonali applikabbli dwar intitolament biex jiġu tterminati jew immodifikati servizzi tat-trasport.

5.      Wara li jirċievu l-informazzjoni li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4 l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinsistu fuq iż-żamma tas-servizz inkwistjoni sa sena mid-data tan-notifika u dawn għandhom jinfurmaw lill-intrapriża mill-inqas xahar qabel l-iskadenza tan-notifika.

Dawn jistgħu ukoll jieħdu l-inizzjattiva biex jinnegozjaw it-twaqqif jew il-modifikazzjoni ta’ dak is-servizz ta’ trasport.

6.      Spejjeż li jirriżultaw lill-intrapriżi ta’ trasport mill-obbligazzjonijiet li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 5 għandhom ikunu kkumpensati skond il-proċeduri komuni stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.”

16      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, “l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 dwar servizzi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri”. F’dan il-każ, “[i]l-kondizzjonijiet u dettalji ta’ l-operat, inklużi metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV”.

17      F’din id-dispożizzjoni, hemm ippreċiżat ukoll li:

“Meta kull intrapriża tat-trasport mhux biss topera servizzi bla ħsara għal obbligazzjonijiet dwar servizz pubbliku iżda wkoll tagħmel attivitajiet oħra, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu mħaddma bħala diviżjonijiet separati li ta’ l-inqas jilħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)      il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjoni ta’ l-assi li jappartienu għal kull wieħed għandhom jintużaw b’mod konformi mar-regoli tal-kontijiet li jkunu fis-seħħ;

(b)      spejjeż għandhom ikunu bilanċjati bi dħul ta’ l-operat u pagamenti minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr il-possibbiltà ta’ trasferiment minn jew lejn settur ieħor ta’ l-attività ta’ l-intrapriża.”

18      Ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, tħassar bir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 9. 1), li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009.

 Id-dritt nazzjonali

19      Inizjalment, ir-rikorrenti kienet topera r-rotot interreġjonali bis-saħħa ta’ konċessjonijiet annwali, mogħtija mill-Ministero delle Infrastructure e dei Trasporti (il-ministeru għall-infrastruttura u għat-trasport Taljan, iktar ’il quddiem il-“MIT”), skont il-legge n. 1822 Disciplina degli autoservizi di linea (autolinee) per viaggiatori, bagagli e pacchi agricoli in regime di concessione all’industria privata (Liġi Nru 1822 dwar ir-regolamentazzjoni ta’ servizzi regolari ta’ karozzi tal-linja għall-passiġġieri, bagalji u pakketti agrikoli taħt l-iskema tal-konċessjoni għall-industrija privata), tat-28 ta’ Settembru 1939 (GURI Nru 292, tat-18 ta’ Diċembru 1939, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1822/1939”).

20      Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 1822/1939, il-konċessjoni kienet tingħata “fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt partikolari li jinkludu l-kundizzjonijiet kollha ta’ natura teknika, amministrattiva u ekonomika, li jirregolaw lill-konċessjoni nnifisha, kif ukoll l-obbligi ta’ trasport għall-finijiet ta’ posta”. Il-punt 3 tal-Artikolu 6(2) ta’ din l-istess liġi kien jipprevedi li, meta jkun hemm diversi applikanti għall-istess konċessjoni, l-awtorità tagħti prijorità, b’mod partikolari, lil dak li juri li jassumi piżijiet oħra għal xogħlijiet jew servizzi ta’ interess lokali konnessi mas-servizzi ta’ trasport u li huwa kapaċi li jassumihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1822/1939 kienet tipprevedi li l-konċessjonarji għandhom l-obbligu jittrasportaw il-posta fuq talba tal-awtorità tal-posta u tat-telegrafi.

21      Il-Liġi Nru 1822/1939 ġiet emendata bid-decreto del Presidente della Repubblica n. 369 Regolamento recante semplificazione del procedimento di concessione di autolinee ordinarie di competenza statale (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 369 Regolament li jissemplifika l-proċedura ta’ konċessjoni ta’ servizzi ordinarji ta’ xarabank ta’ kompetenza statali), tat-22 ta’ April 1994 (Suppliment ordinarju Nru 91 għall-GURI Nru 136, tat-13 ta’ Ġunju 1994, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 369/1994”). Skont id-Digriet Nru 369/1994, l-impriżi li xtaqu jiksbu konċessjoni riedu juru fl-applikazzjoni tagħhom għal konċessjoni, “b’mod ċar u ddettaljat l-impossibbiltà li jiġu ssodisfati totalment jew parzjalment il-ħtiġijiet ikkonstatati ta’ utilità pubblika permezz tas-servizzi ta’ trasport diġà eżistenti”.

22      Il-Liġi Nru 1822/1939, kif emendata bid-Digriet Nru 369/1994 tħassret sussegwentement bid-decreto legislativo n. 285 Riordino dei servizi automobilistici interregionali di competenza statale (Digriet Leġiżlattiv Nru 285 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi bil-vetturi ta’ kompetenza statali), tal-21 ta’ Novembru 2005 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 6, tad-9 ta’ Jannar 2006), adottat skont il-legge n. 32 Delega al Governo per il riassetto normativo del settore dell’autotrasporto di persone e cose (Liġi Nru 32 dwar delega lill-Gvern għar-riforma tar-regolamentazzjoni dwar it-trasport bit-triq tal-persuni u tal-oġġetti), tal-1 ta’ Marzu 2005 (GURI Nru 57, tal-10 ta’ Marzu 2005).

23      Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 285/2005 kellhom, madankollu, l-effett li jżommu fir-rigward tar-rikorrenti l-iskema ta’ konċessjonijiet annwali previsti mil-Liġi Nru 1822/1939, kif emendata bid-Digriet Nru 369/1994, sal-31 ta’ Diċembru 2012.

24      Barra minn hekk, ir-rikorrenti bbenefikat minn skemi nazzjonali suċċessivi li kienu jipprevedu l-ħlas ta’ kumpens għall-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn ċerti obbligi assunti mill-konċessjonarji ta’ servizzi ta’ trasport bit-triq.

25      Għaldaqstant, ir-rikorrenti bbenefikat mid-dispożizzjonijiet tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 1227 Norme riguardanti la soppressione degli obblighi di servizio pubblico nei confronti delle aziende esercenti servizi automobilistici a carattere prevalentemente interregionale, la compensazione degli obblighi di servizio pubblico da mantenere e il rimborso degli oneri per obblighi tariffari (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 1227 dwar regoli li jirrigwardaw l-eliminazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ impriżi li jipprovdu servizzi bil-vetturi prinċipalment interreġjonali, il-kumpens għaż-żamma tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u r-rimbors ta’ spejjeż għall-obbligi tariffarji), tad-29 ta’ Diċembru 1969 (GURI Nru 75, tal-25 ta’ Marzu 1970, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1227/69”).

26      L-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 1227/69 kien jipprevedi li, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69, l-impriżi li joffru prinċipalment servizzi reġjonali ta’ trasport bit-triq setgħu jitolbu lill-MIT it-terminazzjoni totali jew parzjali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku impost fuqhom, fil-każ li dan l-obbligu ma kienx ġie tterminat. Fit-8 ta’ Jannar 1981, ir-rikorrenti għaldaqstant kisbet mill-awtoritajiet Taljani, b’applikazzjoni tad-Digriet Nru 1227/69, l-allokazzjoni ta’ fondi għall-kumpens ta’ piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi ta’ tariffi imposti fuq il-konċessjonarji matul is-snin 1972 sa 1974.

27      Ir-rikorrenti bbenefikat ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-legge n. 877 Interventi urgenti per gli autoservizi pubblici di linea di competenza statale (Liġi Nru 877 dwar interventi urġenti għas-servizzi ta’ karozzi tal-linja pubbliċi s pubbliċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat) tat-13 ta’ Diċembru 1986 (GURI Nru 295, tal-20 ta’ Diċembru 1986), li kienet tipprevedi li kellha tingħata għajnuna fuq il-bażi tad-distanzi koperti bejn l-1 ta’ April 1972 u 1986 lill-impriżi li joperaw servizzi ta’ xarabanks regolari li kienu r-responsabbiltà tal-Istat u servizzi ta’ xarabank internazzjonali fil-fruntieri tal-Italja.

28      Ir-rikorrenti ma rċevietx iktar ħlasijiet kumpensatorji sussegwentement.

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4)(b) tal-legge n. 59 Delega al Governo per il conferimento di funzioni e compiti alle regioni ed enti locali, per la riforma della pubblica amministrazione e per la semplificazione amministrativa, tal-15 ta’ Marzu 1997 (Suppliment ordinarju Nru 56 għall-GURI Nru 63, tas-17 ta’ Marzu 1997), kif emendata bid-Decreto legislativo n. 422 Conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59, tad-19 ta’ Novembru 1997 (GURI Nru 287, tal-10 ta’ Diċembru 1997), jipprovdi li:

“għandu jiġi previst li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jirregolaw l-eżerċizzju ta’ servizzi irrispettivament mill-modalitajiet li bihom jitwettqu u irrispettivament mill-forma li taħtha jingħataw jew b’konċessjoni jew skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 22 u 25 tal-Liġi Nru 142, tat-8 ta’ Ġunju 1990, permezz ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, modalitajiet li josservaw l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u r-Regolament (KEE) Nru 1893/91, li jiggarantixxu ċ-ċertezza/siġurtà finanzjarja u l-kopertura tal-baġit u li jiżguraw, min issa sal-1 ta’ Jannar 2000, il-kisba ta’ relazzjoni tal-inqas 0.35 bejn id-dħul mit-traffiku u l-ispejjeż tal-operat, wara tnaqqis tal-infrastruttura wara l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/440/KEE għat-trasport bil-ferrovija ta’ interess reġjonali u lokali; għandhom jiġu ddefiniti l-modalitajiet sabiex jiġi nkoraġġut li jingħelbu sitwazzjonijiet ta’ monopolju fil-ġestjoni tat-trasport urban u mhux urban u sabiex jiġu introdotti r-regoli ta’ kompetizzjoni fis-servizzi ta’ preżenza perijodiċi; għandhom jiġu ddefiniti l-modalitajiet, minn issa sal-1 ta’ Jannar 2000, li jipprovdu li r-reġjuni jissostitwixxu l-kuntratti awtonomi tagħhom ta’ servizz reġjonali ma’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bejn l-Istat u Ferrovie dello Stato Spa.”

 Ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-qrati nazzjonali

30      Fit-22 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti talbet lill-MIT jagħtiha kumpens bħala korrispettiv tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija wettqet fil-kuntest tal-operat ta’ rotot interreġjonali għall-perijodu ta’ bejn l-1987 u l-1999. Peress li l-MIT irrifjuta li jħallas dan il-kumpens, għar-raġuni li t-talba tar-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1191/69 għall-għoti ta’ tali kumpens, ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni tal-MIT, fil-kuntest ta’ petizzjoni straordinarja quddiem il-President tar-Repubblika Taljana. Din il-petizzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika Taljana fl-10 ta’ Ottubru 2002.

31      Fl-2004, ir-rikorrenti ressqet kawża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Lazio, l-Italja, iktar ’il quddiem it-“TAR Lazio”) sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tagħha li tirċievi s-somma ta’ EUR 66 891 982 bħala korrispettiv ta’ piżijiet li hija kienet assumiet minħabba l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mill‑1987, abbażi jew ta’ kumpens annwali, skont ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, jew ta’ danni, jew permezz ta’ azzjoni fir-rigward ta’ arrikkiment indebitu, skont l-Artikolu 2041 tal-Kodiċi Taljan. Permezz tas-sentenza tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2009 (Nru 112/2009, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-TAR Lazio”), it-TAR Lazio ċaħad bħala inammissibbli t-talbiet tar-rikorrenti bbażati fuq ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, kif ukoll fuq l-Artikolu 2041 tal-Kodiċi Taljan. F’dan ir-rigward, it-TAR Lazio ddeċieda, b’mod partikolari, skont il-prinċipju proċedurali Taljan li jipprovdi li s-sentenza tingħata mhux biss fuq il-kwistjonijiet effettivament imqajma iżda wkoll fuq il-kwistjonijiet impliċitament imqajma (il giudicato copre il dedotto e il deducibile), li d-Digriet Presidenzjali tal-10 ta’ Ottubru 2002 kien diġà ta’ deċiżjoni impliċita fuq it-talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91. Barra minn hekk, it-TAR Lazio ċaħad it-talba għad-danni tar-rikorrenti bħala infondata.

32      Fid-9 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza tat-TAR Lazio, punt 31 iktar ’il fuq, quddiem il-Consiglio di Stato (il-kunsill tal-Istat, l-Italja).

33      Permezz tas-sentenza tiegħu tat-3 ta’ Marzu 2010 (Nru 1405/2010, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Consiglio di Stato”), il-Consiglio di Stato biddel is-sentenza tat-TAR Lazio billi ddeċieda li r-rikorrenti kienet intitolata, fil-kwalità tagħha ta’ operatur ta’ servizz pubbliku, tirċievi ħlasijiet kumpensatorji fir-rigward tal-ispejjeż involuti mill-implementazzjoni tal-imsemmija servizz, skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69. Il-Consiglio di Stato ppreċiża li l-ammont ta’ dawn il-pagamenti kellu jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 35 tad-decreto legislativo n. 80 Nuove disposizioni in materia di organizzazione e di rapporti di lavoro nelle amministrazioni pubbliche, di giurisdizione nelle controversie di lavoro e di giurisdizione amministrativa, emanate in attuazione dell’articolo 11, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59 (Digriet Leġiżlattiv Nru 80 dwar dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam tal-organizzazzjoni u ta’ relazzjonijiet tax-xogħol fl-amministrazzjoni pubblika, ta’ ġurisdizzjoni fil-konflitti fuq ix-xogħol u ta’ ġurisdizzjoni amministrattiva, adottati skont l-Artikolu 11(4) tal-Liġi Nru 59 tal-15 ta’ Marzu 1997), tal-31 ta’ Marzu 1998 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 82, tat-8 ta’ April 1998), mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi ta’ data affidabbli tal-kontijiet tar-rikorrenti li tippermetti li tiġi kkalkolata d-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli lill-parti tal-attività tar-rikorrenti affettwata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul iġġenerat minn din l-attività.

34      Min-naħa l-oħra, il-Consiglio di Stato ssospenda l-proċedura għad-danni, minħabba li kien biss wara li l-awtoritajiet Taljani jikkalkolaw is-somom dovuti bħala kumpens li jkun possibbli li jsir magħruf kwalunkwe telf residwu, mhux kopert minn dan il-kalkolu, li mbagħad ikollu jintalab u jiġi pprovat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato ddeċieda li, sa fejn huwa kien laqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-dritt tagħha li tikseb kumpens, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba fir-rigward tal-arrikkiment indebitu bbażata fuq l-Artikolu 2041 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

35      Fl-1 ta’ April 2011, il-Consiglio di Stato ta’ digriet, fuq talba tar-rikorrenti, intiż sabiex iġiegħel lill-MIT jipproċedi għall-kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji skont is-sentenza tiegħu, punt 33 iktar ’il fuq.

36      Fis-17 ta’ Jannar 2012, fid-dawl tad-diffikultajiet iffaċċjati mill-MIT sabiex jipproċedi għall-kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji, u fuq talba tar-rikorrenti, il-Consiglio di Stato ta digriet ġdid li bih ħatar kulleġġ kompost minn tliet esperti indipendenti inkarigati jikkalkolaw l-ammont ta’ pagamenti kumpensatorji dovuti lir-rikorrenti, skont is-sentenza tiegħu, punt 33 iktar ’il fuq.

37      Peress li l-kulleġġ ta’ esperti ma wasalx għal konklużjoni unanima, fl‑20 ta’ Awwissu 2012 huwa ppreżenta rapport tal-maġġoranza, iffirmat minn żewġ esperti, li kkonkludew li l-pagamenti kumpensatorji dovuti lir-rikorrenti kienu jammontaw għal EUR 22 049 796 u, fid-29 ta’ Awwissu 2012, rapport tal-minoranza, iffirmat mit-tielet membru u President tal-kulleġġ ta’ esperti, li kkonkluda li d-data disponibbli ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens li kellu jingħata lir-rikorrenti u li għaldaqstant ma seta’ jingħatalha ebda kumpens.

 Il-proċedura amministrattiva

38      Wara d-digriet tal-Consiglio di Stato tal-1 ta’ April 2011, fit-18 ta’ Mejju 2011, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea, bl-għoti ta’ kumpens lir-rikorrenti għal servizzi interreġjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank, mogħti bejn l-1987 u l‑2003, fil-kuntest ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq.

39      Fit-12 ta’ Lulju u l-5 ta’ Ottubru 2011, l-20 ta’ Frar, it-2 u t-28 ta’ Marzu 2012 u s-17 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar il-miżura nnotifikata.

40      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, u stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

41      L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ftuħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-1 ta’ Ġunju, fl-24 ta’ Settembru u fil-11 ta’ Ottubru 2012.

42      Ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ terz ikkonċernat, issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-4 ta’ Awwissu, fil-31 ta’ Ottubru u fit-13 ta’ Diċembru 2012.

43      L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kummenti dwar l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fit-28 ta’ Novembru, fl-4 u fid-19 ta’ Diċembru 2012 u fl‑10 ta’ Jannar 2013.

 Id-deċiżjoni kkontestata

44      Fit-2 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/201/UE, Għajnuna mill-Istat SA.33037 (2012/C) – l-Italja Kumpens ta’ Simet SpA għall-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku mill-1987 sal-2003 (ĠU 2014, L 114, p. 67, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiddikjara li l-miżura nnotifikata mill-awtoritajiet Taljani hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkompatibbli mas-suq intern.

45      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonstatat li l-miżura nnotifikata kienet imputabbli lill-Istat, kienet tinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti, kellha natura selettiva u setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat li l-miżura nnotifikata ma kinitx tissodisfa t-tieni kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”, EU:C:2003:415), li tipprovdi li l-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

46      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżura nnotifikata setgħetx titqies, fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69, li hija kumpens eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel previst mill-Artikolu 108(3) TFUE.

47      Għal dan il-għan, minn naħa, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-awtoritajiet Taljani kinux imponew b’mod unilaterali fuq ir-rikorrenti obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69. F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li r-rikorrenti ħadet l-inizjattiva li titlob it-tiġdid tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ta’ konċessjoni għal kull waħda mis-sittax-il sena li jikkostitwixxu l-perijodu kkonċernat kien inkompatibbli mall-allegazzjoni ta’ impożizzjoni unilaterali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Fit-tieni lok, hija sostniet li l-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jindikaw it-tariffi, ir-rotot, il-frekwenza tal-vjaġġi u l-ħinijiet ta’ servizz li kellhom jiġu osservati ma kienx neċessarjament ifisser fih innifsu li l-konċessjonijiet mogħtija kienu jirriżultaw fl-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti ta’ obbligi unilaterali ta’ servizz pubbliku. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet provi tali li jipprovaw li hija kienet effettivament ipprovdiet servizzi ta’ trasport ta’ posta, u lanqas ebda dokument ta’ sostenn għall-ispejjeż netti li rriżultaw minnhom. Fir-raba’ lok, għal dak li jikkonċerna t-tariffi li r-rikorrenti setgħet applikat għas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri li hija pprovdiet, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li dawn kienu ġew approvati mill-MIT u li kien sar riferiment għal tariffi rregolati ma jfissirx, fih innifsu, li dawn it-tariffi ma kinux ġew inizjalment stabbiliti mill-operaturi. Fi kwalunkwe każ, dawn it-tariffi rregolati ma jaqgħux taħt obbligi ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69, peress li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet li japplikaw għall-attivitajiet ekonomiċi kollha jew ta’ miżuri meħuda fil-qasam tal-prezzijiet u kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport sabiex jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu. Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda r-rifjuti mill-MIT għat-talbiet tar-rikorrenti sabiex jiġu stabbiliti servizzi ġodda jew sabiex jiġu estiżi servizzi eżistenti, il-Kummissjoni tosserva li dawn ir-rifjuti kienu r-riżultat tal-mod li bih il-funzjonament ta’ servizzi regolari ta’ trasport tal-passiġġieri kien irregolat mil-Liġi Nru 1822/1939, billi din tal-aħħar ma kinitx tippermetti l-ħolqien jew l-estensjoni ta’ servizzi ġodda ħlief sa fejn il-konċessjonijiet il-ġodda ma jaffettwawx id-drittijiet tal-operaturi l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, b’mod ġenerali, ir-rikorrenti ma tipproduċix prova li hija talbet għal modifiki tal-karatteristiċi indikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u lanqas li dawn kienu nċaħdu mill-MIT.

48      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-kumpens mogħti lir-rikorrenti kienx konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69.

49      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tirrileva li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-każ ta’ obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, l-ammont tal-kumpens kellu jkun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis tal-piżijiet u t-tnaqqis fid-dħul ta’ impriża li jista’ jirriżulta, għall-perijodu ta’ żmien ikkonċernat, billi jiġi kkanċellat l-obbligu inkwistjoni jew parti minnu. Issa, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżiti ddefiniti minn din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit, abbażi ta’ data ċerta tal-kontabbiltà tal-kumpannija, id-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli lill-parti tal-attività tagħha fl-oqsma li huma suġġetti għal konċessjoni u d-dħul korrispondenti u, konsegwentement, meta ma jkunx possibbli li wieħed jikkalkola l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 1992, l-impriżi tat-trasport li joperaw kemm servizzi suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll attivitajiet oħra, kienu obbligati jiżguraw l-imsemmija servizzi, l-ewwel nett, billi jisseparaw il-kontijiet li jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet li fihom joperaw u billi jaqsmu l-partijiet tal-assi korrispondenti skont ir-regoli tal-kontabbiltà fis-seħħ u, it-tieni nett, billi jikkumpensaw l-ispejjeż bid-dħul mill-operat u l-ħlasijiet mingħand l-awtoritajiet pubbliċi, mingħajr il-possibbiltà ta’ trasferiment minn jew lejn setturi oħra ta’ attività tal-impriża. Issa, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx għamlet separazzjoni effettiva tal-kontijiet għas-servizzi li hija kienet ipprovdiet sal-2002 u, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dubji dwar il-validità tas-separazzjoni tal-kontijiet eżistenti fil-kontijiet analitiċi tas-snin finanzjarji 2002 u 2003, fl-assenza ta’ provi li l-organi ta’ tmexxija tar-rikorrenti kienu użaw din il-kontabbiltà sabiex jikkontrollaw l-attivitajiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 ma kienx ġie osservat.

50      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li osservat l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1191/69, li kien jipprovdi li l-iżvantaġġi ekonomiċi kellhom jiġu ddeterminati b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riperkussjonijiet tal-obbligi fuq l-attività kollha tal-impriża u lanqas l-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament, li kien jipprovdi li l-ammont tal-kumpens kellu jiġi stabbilit minn qabel.

51      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċedura komuni ta’ kumpens kienet ġiet applikata għall-attivitajiet ta’ trasport interreġjonali tar-rikorrenti tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1893/91 biss, fl-1 ta’ Lulju 1992, u li għaldaqstant ma setgħetx tapplika għal kumpens għal perijodu mill-1987 sal-2003.

52      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura nnotifikata ma setgħetx titqies li hija konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69.

53      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura nnotifikata ma kinitx eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69.

54      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat il-kontabbiltà tal-miżura nnotifikata mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-Regolament Nru 1370/2007. Wara li rrilevat li l-miżura nnotifikata ma kinitx tosserva wħud mill-obbligi previsti mill-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, relattivi għall-kontenut tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, mill-Artikolu 6(1) kif ukoll mill-anness tal-istess regolament, relattivi għas-separazzjoni tal-kontijiet tal-benefiċjarju tal-kumpens u għall-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont massimu tal-kumpens, il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li l-kumpens deċiż mill-Consiglio di Stato ma kienx ser jitħallas skont ir-Regolament Nru 1370/2007 u, għaldaqstant, li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Consiglio di Stato ma kkundannax lill-MIT iħallasha kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku skont ir-Regolament Nru 1191/69, iżda kkundannah jagħtiha indennizz minħabba l-impożizzjoni illegali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(3) u (5) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li mis-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, kien jirriżulta li dan kien irrikonoxxa d-dritt tar-rikorrenti li tirċievi kumpens abbażi tal-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69 u ċaħad ir-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, fi kwalunkwe każ, l-għoti ta’ indennizz lir-rikorrenti, għall-allegata impożizzjoni unilaterali u illegali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, ikkalkolat skont il-proċedura komuni ta’ kumpens imsemmija mir-Regolament Nru 1191/69, jippreġudika lill-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, peress li jwassal, mill-perspettiva tar-rikorrenti, għall-istess riżultat bħal kumpens għall-obbligu ta’ servizz pubbliku għall-perijodu kkonċernat filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti ta’ konċessjoni li jirregolaw is-servizzi inkwistjoni la kienu konformi mar-rekwiżiti sostanzjali tar-Regolament Nru 1191/69, u lanqas ma’ dawk tar-Regolament Nru 1370/2007.

55      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi dan li ġej:

Artikolu 1

Il-ħlasijiet ta’ kumpens favur Simet innotifikati mill-awtoritajiet Taljani jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-miżura ma kenitx eżenti mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

L-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern, għax ma ġewx irrispettati l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Għalhekk l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jimplimentaw din l-għajnuna.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors fis-6 ta’ Jannar 2014.

57      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fl-24 ta’ Marzu 2014.

58      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fit-12 ta’ Mejju 2014. Il-Kummissjoni ppreżentat il‑kontroreplika fit-28 ta’ Awwissu 2014.

59      Fl-4 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija sabiex tingħata tweġiba bil-miktub lir-rikorrenti fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija mill-Artikolu 64(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-rikorrenti wieġbet għal din il-mistoqsija fit-12 ta’ Ġunju 2015.

60      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015.

61      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

62      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

63      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn ir-rikorrenti indikat fir-replika li rrinunzjat għar-rikors tagħha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, hija ma għadx għandha interess ġuridiku fil-kawża preżenti, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha preċiżament bħala għan in-notifika tal-kumpens li għalih ir-rikorrenti għandha dritt b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, skont ir-rapport tal-maġġoranza mwettaq fil-kuntest tar-rikors għal eżekuzzjoni.

64      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-interess ġuridiku huwa kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Centre de Coordination Carrefour vs Il-Kummissjoni, T‑94/08, Ġabra, EU:T:2010:98, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interess ġuridiku għandu għaldaqstant ikun reali u attwali fil-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors.

65      Barra minn hekk, l-interess ġuridiku għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza Centre de Coordination Carrefour vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2010:98, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għandu jitfakkar ukoll li, jekk l-interess invokat minn rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni legali futura, huwa għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni diġà jirriżulta li huwa ċert (digriet tas-27 ta’ Marzu 2012, European Goldfields vs Il-Kummissjoni, T‑261/11, EU:T:2012:157, punt 29).

67      F’dan il-każ, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani rrifjutaw għal darbtejn li jeżegwixxu s-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ‘il fuq, li kienet tikkundannahom iħallsu kumpens lir-rikorrenti, u dan wassal lill-Consiglio di Stato jadotta, fuq it-talba tar-rikorrenti, l-ewwel digriet ta’ eżekuzzjoni fl-1 ta’ April 2011 u t-tieni digriet ta’ eżekuzzjoni fis-17 ta’ Jannar 2012.

68      Fir-replika, ir-rikorrenti indikat li kienet irrinunzjat għar-rikors tagħha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, u li tirriżerva d-dritt li tippreżenta rikors ġdid.

69      Bħala tweġiba għall-mistoqsija li l-Qorti Ġenerali għamlet sabiex tingħata tweġiba bil-miktub skont l-Artikolu 64(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet irrinunzjat għall-istanza li biha kellha l-intenzjoni tikseb l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, iżda li hija ma kinitx irrinunzjat għall-azzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza u li għaldaqstant hija żammet il-possibbiltà li tippreżenta rikors ġdid għall-eżekuzzjoni tagħha sa meta jiskadi t-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri d-9 ta’ Marzu 2020. Skont ir-rikorrenti, hija għaldaqstant żammet interess fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża preżenti, bil-perspettiva li tippreżenta rikors ġdid għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq.

70      Minn dan jirriżulta li t-tkomplija min-naħa tar-rikorrenti tal-azzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, ma hijiex ċerta.

71      Madankollu, f’dan il-każ, dan il-fatt ma huwiex, fih innifsu, tali li jċaħħad lir-rikorrenti mill-interess ġuridiku tagħha.

72      Fil-fatt, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Taljani jibqgħu, fi kwalunkwe każ, obbligati jeżegwixxu s-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, u dan indipendentement mir-rinunzja tal-istanza min-naħa tar-rikorrenti tar-rikors tagħha għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Taljani “ddeċidew li jistennew il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri notifikati qabel jeżegwixxu [s-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq u d-digiret tal-1 ta’ April 2011] u jħallsu l-kumpens [lir-rikorrenti]”.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għad għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

 Fuq il-mertu

75      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u tar-Regolament Nru 1191/69, inkwantu l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u investigat b’mod insuffiċjenti t-tilwima. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji relattivi għall-kumpens tad-dannu subit mill-individwi fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rigward l-osservanza mill-miżura nnotifikata tal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, billi fid-deċiżjoni kkontestat ħadet inkunsiderazzjoni rapport tal-kulleġġ ta’ esperti li l-Consiglio di Stato kien għadu ma tax deċiżjoni dwaru, il-Kummissjoni interferixxiet fl-attività ġuridika tal-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tar-Regolament Nru 1191/69

76      L-ewwel aggravju essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ fatt, inkwantu l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li l-Consiglio di Stato kien ikkundanna lill-MIT għall-ħlas ta’ kumpens lir-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 1191/69. It-tieni parti hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew nuqqas ta’ investigazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li abbażi tagħha l-obbligi ta’ servizz pubbliku ġew imposti fuq ir-rikorrenti, kienet tmur kontra r-Regolament Nru 1191/69.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ fatt

77      Ir-rikorrenti ssostni, kif kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-Consiglio di Stato ma kkundannax lill-MIT iħallasha kumpens skont ir-Regolament Nru 1191/69, iżda li huwa kkundannah jagħtiha indennizz minħabba preġudizzju li kkawżatilha l-impożizzjoni unilaterali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku bi ksur tal-imsemmi regolament għall-perijodu ta’ bejn l-1987 u l-2003. Skont ir-rikorrenti, huwa biss għad-determinazzjoni tal-kriterji xierqa sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu li l-Consiglio di Stato, konformement ma dak li huwa espressament previst fl-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/1998, irrefera għar-Regolament Nru 1191/69 applikabbli għall-perijodu tal-fatt. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Consiglio di Stato ma solviex it-tilwima billi applika r-Regolament Nru 1191/69, iżda fid-dawl ta’ motivi mressqa mir-rikorrenti, huwa sempliċement irrefera għall-kriterji previsti mill-imsemmi regolament sabiex jikkwantifika l-kumpens effettiv tal-ispejjeż sostnuti għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku skont id-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, il-Consiglio di Stato rrikonoxxa d-dritt għall-kumpens biss tat-telf subit skont il-ġurisprudenza tiegħu fil-qasam.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teżi tar-rikorrenti twassal sabiex jitqies li l-miżura nnotifikata ma kinitx kumpens minħabba l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tas-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), jew tar-Regolament Nru 1191/69, iżda indennizz mill-qorti nazzjonali għad-dannu kkawżat mill-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur tad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

80      Issa, għandu jiġi kkonstatat li din it-teżi hija kontradetta mill-qari tas-sentenza tat-TAR Lazio, punt 30 iktar ’il fuq, kif ukoll minn dak tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 31 iktar ’il fuq.

81      Fil-fatt, mis-sentenza tat-TAR Lazio, punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta li fl‑2004, ir-rikorrenti ressqet kawża quddiem din il-qorti sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tagħha li tirċievi s-somma ta’ EUR 66 891 982 bħala korrispettiv għall-piżijiet li hija kienet assumiet minħabba l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku sa mill-1987, jew bħala kumpens annwali, skont ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, jew bħala danni jew permezz ta’ azzjoni fir-rigward ta’ arrikkiment indebitu, skont l-Artikolu 2041 tal-Kodiċi Taljan (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

82      Sussegwentement għandna nerġgħu mmorru lura, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, fuq il-kontenut tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq.

83      Fil-punt 2 tas-sentenza tiegħu, punt 33 iktar ’il fuq, il-Consiglio di Stato jiddeskrivi l-kuntest ġuridiku applikabbli, filwaqt li jfakkar li l-Liġi Nru 1822/1939 kienet tirregola l-għoti permezz ta’ konċessjoni ta’ rotot ta’ xarabanks li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat lill-operaturi privati, sakemm din ma kinitx tikkompeti mal-konċessjonijiet diġà mogħtija, u kienet tippermetti lill-MIT iħallas sussidji skont il-kilometraġġ għall-istabbiliment u l-operat (ara l-Anness B2, p. 7 sa 9).

84      Huwa jenfasizza sussegwentement li r-Regolament Nru 1893/91 “għamel distinzjoni ċara bejn is-servizzi ta’ trasport li għandhom interess pubbliku partikolari (jiġifieri s-‘servizzi reġjonali jew lokali’) u s-servizzi ta’ trasport li għalihom ġew itterminati l-obbligi ta’ servizz b’mod definittiv, bla ħsara għall-possibbiltà tal-awtorità pubblika li tikkonkludi kuntratti ta’ servizz pubbliku sabiex tiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport suffiċjenti u bla ħsara għall-garanziji għal kategoriji soċjali partikolari” (ara l-Anness B2, p. 9).

85      Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato jinnota li “l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni [fis-sentenza Altmark] dwar in-natura tal-kumpens imħallas mill-Istat Membru fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport, sabiex ma jiġux inklużi fil-kategorija ta’ għajnuna mill-Istat” (Anness B2, p. 10).

86      Il-Consiglio di Stato kkonkluda minn dan li “l-imprenditur li jipprovdi, għal obbligi ta’ servizz pubbliku, servizzi pubbliċi ta’ trasport […] għandu d-dritt jirċievi kumpens għall-piżijiet li hu jsostni” (Anness B2, p. 10).

87      Il-Consiglio di Stato indika sussegwentement li konsegwentement, “fid-dawl tal-leġiżlazzjoni deskritta, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti għandhiex dritt jew le għall-kumpens previst” (Anness B2, p. 11).

88      Hekk kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Consiglio di Stato espost iktar ’il fuq juri li dan eżamina l-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku.

89      Barra minn hekk, wara li spjega li t-“talba mressqa quddiem il-qorti sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-dritt tagħha għal kumpens” kienet ammissibbli, bil-kontra ta’ dak li kien iddeċieda t-TAR Lazio (Anness B2, pp. 11 sa 16), il-Consiglio di Stato rrileva li “r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91” kien jipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 1(5) tiegħu, il-possibbiltà li jinżammu jew jiġu imposti obbligi ta’ servizz għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali. Huwa jżid jgħid li, f’tali każ, il-piżijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni li jinżammu jew jiġu imposti obbligi unilaterali ta’ servizzi għandhom jiġi kkumpensati mill-Istati Membri, skont il-metodi msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament Nru 1191/69, indipendentement mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Il-Consiglio di Stato jippreċiża li “l-leġiżlatur Taljan mhux biss ma għamilx użu minn din il-possibbiltà iżda huwa stabbilixxa, billi adotta l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59/97 u d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżalattiv Nru 422/97, li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku [kellhom] jiġu konklużi bl-obbligu li jitħallas kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku” (Anness B2, pp. 17 sa 19).

90      Wara li fakkar li r-Regolament Nru 1191/69 kien direttament applikabbli, il-Consiglio di Stato jkompli billi jindika li “[kien] jirriżulta minn dak li ntqal […] li wieħed ma jistax jiċħad it-talba tal-fornitur tas-servizz pubbliku sabiex jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-provvista tas-servizz pubbliku” (Anness B2, pp. 19 u 20).

91      Il-Consiglio di Stato jikkonkludi dan li ġej (Anness B2, p. 21):

“Ir-rikors għandu jiġi milqugħ […] abbażi tal-motivi esposti fis-sentenza preżenti u konsegwentement għandu jiġi stabbilit li l-kumpannija rikorrenti għandha d-dritt tirċievi l-kumpens previst fl-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li l-ammont tiegħu, skont l-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80 tal-1998, għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità […] abbażi ta’ data affidabbli li tirriżulta mill-kontabbiltà tal-persuna kkonċernata jew li minnha tirriżulta d-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli lill-parti tal-attività tal-persuna kkonċernata milquta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti. F’dan il-mument, huwa impossibbli li jiġu milqugħa t-talbiet għad-danni ppreżentati mir-rikorrenti minħabba li huwa biss wara li l- awtorità tiffissa l-ammont li eventwalment ikun jista’ jidher dannu residwali mhux kopert minn dan l-ammont, dannu li għandu jiġi argumentat u pprovat mill-kumpannija kkonċernata. Il-fatt li t-talba prinċipali ġiet milqugħa jeżenta lill-kulleġġ milli jevalwa l-azzjoni fir-rigward tal-arrikkiment indebitu ppreżentata b’mod sussidjarju mir-rikorrenti.”

92      Konsegwentement, il-Consiglio di Stato “jikkundanna lill-ministeru […] għall-ħlas tal-ammonti li ser jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80 tal-1998 fit-terminu u skont il-modalitajiet li ġew indikati” (Anness B2, p. 21).

93      Għaldaqstant, mis-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, jirriżulta wkoll li din, minn naħa, tirrikonoxxi d-dritt lir-rikorrenti li tibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69, għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu ġew imposti fuqha u, min-naħa l-oħra, tikkundanna lill-MIT iħallas lir-rikorrenti somma, bħala kumpens, li għandha tiġi ddeterminata mill-awtorità skont l-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/1998.

94      L-Artikolu 35(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/1998 jipprevedi li l-qorti amministrattiva tiddeċiedi dwar it-talbiet għad-danni fit-tilwim li fihom hija għandha kompetenza esklużiva. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li l-qorti amministrattiva tista’, fil-kuntest ta’ din il-kompetenza, tiddetermina l-kriterji li skonthom l-awtorità għandha tipproponi l-ħlas ta’ ammont lir-rikorrenti f’terminu raġonevoli.

95      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-sempliċi riferiment għall-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/1998 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-miżura nnotifikata kienet intiża neċessarjament għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-ksur tar-Regolament Nru 1191/69 mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Russo (60/75, Ġabra, EU:C:1976:9, punt 9).

96      Fil-fatt għandu jiġi rrilevat li mit-test tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan ma kkonstatax l-illegalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tar-Regolament Nru 1191/69, iżda sempliċement eluda l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens ibbażat fuq l-imsemmi regolament.

97      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ħlas li għalih huwa kkundannat il-MIT għandu jsir bħala kumpens u li dan għandu jikkorrispondi, skont il-kliem tal-istess sentenza, għall-piż imputabbli għall-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq ir-rikorrenti.

98      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Consiglio di Stato ssospenda espliċitament l-azzjoni għad-danni mressqa mir-rikorrenti.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura nnotifikata ma kellhiex l-għan li tikkumpensa dannu li jirriżulta mill-ksur tar-Regolament Nru 1191/69, iżda li tikkumpensa l-piżijiet imputabbli għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku skont dispożizzjoni tal-imsemmi regolament.

100    Barra minn hekk il-Consiglio di Stato kkonferma din l-interpretazzjoni tas-sentenza tiegħu, punt 33 iktar ’il fuq, fid-digriet tiegħu tal-1 ta’ April 2011, li fih huwa indika (Anness B5, pp. 5 u 7):

“Is-sentenza Nru 1405 tal-2010, li fuq il-motivi tagħha bbaża ruħu l-kulleġġ, irrikonoxxiet id-dritt tal-kumpannija Simet li tirċievi l-kumpens previst fl-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u stabbilixxiet li l-ammont tiegħu, skont l-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80 tal-1998, kellu jiġi ffissat mill-awtorità f’terminu ta’ 90-il jum, fuq il-bażi ta’ data affidabbli li tirriżulta mill-kontijiet tal-impriża kkonċernata u li turi d-differenza bejn l-ispejjeż attribwibbli għall-parti tal-attività tal-impriża kkonċernata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti.”

101    Minn dan isegwi li t-teżi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi qieset li l-Consiglio di Stato kien ikkundanna lill-MIT jikkumpensaha skont ir-Regolament Nru 1191/69, hija infondata.

102    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-ipoteżi li l-miżura nnotifikata għandha tiġi interpretata, hekk kif issostni r-rikorrenti, mhux bħala kumpens għall-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69, iżda bħala indennizz għad-dannu kkawżat mill-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti ma tistax issostni, fl-istess waqt, li dan l-indennizz seta’ jevita l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba s-sempliċi raġuni li kien intiż li jikkumpensa l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens ta’ dan l-istess regolament.

103    Fin-nuqqas ta’ dan, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 131 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, f’tali sitwazzjoni, il-fatt li jitqies li l-ħlas dovut bħala kumpens ma kienx kumpens, iżda indennizz, jippermetti li tiġi eluża l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

104    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument tali li jimmina l-konstatazzjoni li l-miżura nnotifikata tissodisfa l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’tali mod li t-teżi tar-rikorrenti li tipprovdi li l-miżura nnotifikata ma hijiex kumpens fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69, iżda indennizz tad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dan tal-aħħar, hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva.

105    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ investigazzjoni, rigward il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mad-dritt tal-Unjoni.

106    Ir-rikorrenti essenzjalment tressaq żewġ ilmenti fil-konfront tal-Kummissjoni.

107    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx ex officio l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni, hija kienet tifhem, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni u, min‑naħa l-oħra, li kien għal din ir-raġuni li l-Consiglio di Stato kien eluda l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u kkundanna lill-MIT jagħtiha indennizz.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li hija ma kinitx suġġetta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur tar-Regolament Nru 1191/69.

109    Il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel motiv, fir-rigward tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, minħabba li l-ilmenti tar-rikorrenti ma għandhomx relazzjoni mat-titolu tal-ewwel motiv, u dan huwa kkontestat mir-rikorrenti.

110    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tad-dokumenti annessi mir-rikorrenti mar-replika insostenn tal-ewwel ilment tagħha. Dawn huma atti leġiżlattivi Taljani, jiġifieri l-Liġi Nru 1822/1939 (Anness C1), il-Liġi Nru 32/2005 (Anness C3) u l-Liġi Nru 877/86 (Anness C4), li r-rikorrenti pproduċiet sabiex tipprova li l-leġiżlazzjoni Taljana kienet tmur kontra r-Regolament Nru 1191/69. Il-Kummissjoni ssostni li, minn naħa, il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma hijiex intiża sabiex tagħti risposta għall-argumenti tar-risposta u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti setgħet tipproduċi l-imsemmija dokumenti fir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi l-ġodda, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma inammissibbli.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, il-fondatezza tal-ilmenti tar-rikorrenti.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq tliet argumenti li jistgħu jkunu ċarament distinti. L-ewwel argument huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina ex officio l-konformità tal-liġi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa relatat ma’ ksur tad-dmir ta’ investigazzjoni. It-tieni u t-tielet argumenti huma bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-liġi nazzjonali ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni u l-fatt li din kienet ir-raġuni għaliex il-Consiglio di Stato eluda l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u kkundanna lill-MIT sabiex jagħtiha indennizz. Dawn huma relatati ma’ allegati żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

113    It-tieni lment, li permezz tiegħu r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni qieset li hija ma kinitx suġġetta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur tar-Regolament Nru 1191/69, huwa relatat, mingħajr ebda diffikultà partikolari, għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.

114    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-formulazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni waslet sabiex tifhem b’mod suffiċjenti l-ilmenti tar-rikorrenti sabiex tirrispondi għalihom b’mod sostanzjali fir-risposta. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni abbażi tal‑Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 għandha tiġi miċħuda.

115    Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilmenti tar-rikorrenti.

116    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u li hija għal din ir-raġuni li l-Consiglio di Stato kkundanna lill-MIT jagħti indennizz lir-rikorrenti, għandhom jiġi miċħuda mill-ewwel bħala infondati, sa fejn dawn jikkostitwixxu biss repetizzjoni tat-teżi miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kien messha eżaminat ex officio l-konformità tal-liġi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li fil-fatt ma kinux, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina, ex officio u permezz ta’ evalwazzjoni ġenerali, liema huma l-punti li setgħu jitressqu quddiemha (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 60, u tat-3 ta’ Frar 2011, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, T‑3/09, Ġabra, EU:T:2011:27, punt 84).

118    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li matul il-proċedura amministrattiva, li għaliha hija pparteċipat bħala terz interessat, hija ma kinitx qajmet il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-Regolament Nru 1191/69. Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Annessi C1, C3 u C4 għar-replika.

119    Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment, sa fejn, bil-kontra tal-ewwel ilment, li huwa direttament marbut mal-ewwel parti tal-ewwel motiv, dan huwa relattiv għal żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġi eżaminat flimkien mal-ilmenti l-oħra tar-raba’ motiv, li huwa relatat preċiżament ma’ tali żbalji ta’ evalwazzjoni.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu, bl-eċċezzjoni tat-tieni lment tat-tieni parti, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-kumpens għad-dannu subit mill-individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru

121    Ir-rikorrenti ssostni li l-Consiglio di Stato kkonstata li l-konċessjonijiet li kienu ngħatawlha kull sena kienu jippreġudikaw id-dritt tagħha li tirċievi kumpens abbażi tar-Regolament Nru 1191/69 u, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1893/91, id-dritt tagħha li teżerċita attivitajiet intraprenditorjali mingħajr obbligi ta’ servizz pubbliku. Konsegwentement, il-Consiglio di Stato kkundanna lill-MIT sabiex jikkumpensa d-dannu, skont il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati mill-adozzjoni ta’ atti amministrattivi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, u ordna l-iffissar tal-ammont tal-kumpens għad-danni b’mod xieraq, billi rrefera għall-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 1191/69 għad-determinazzjoni tal-kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, bla ħsara għall-adattament tagħhom għas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato ddikkjara espressament li, jekk dannu ikbar minn dak li jiġi ddeterminat abbażi tal-kriterji ta’ dan ir-regolament jiġi pprovat, dan għandu jiġi kkumpensat b’mod distint. Fi-fatt, skont ir-rikorrenti, id-dannu jista’ jkun inqas jew ikbar mill-miżura kumpensatorja li tingħata l-impriża abbażi tar-Regolament Nru 1191/69. Minn dan isegwi li, billi klassifikat il-miżura nnotifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirregola l-kumpens għad-dannu subit mill-individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

122    Insostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li din is-sentenza tikkonċerna każijiet li fihom l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti, filwaqt li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi suġġetta għal tali obbligi sa mill-1992. Għall-perijodu preċedenti, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kriterji jikkonferma l-illegalità tal-atti li permezz tagħhom il-MIT ta l-konċessjonijiet annwali. Bl-istess mod, skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ separazzjoni tal-kontijiet ma huwiex rilevanti, peress li hija ma kinitx obbligata tissepara l-kontijiet tagħha wara l-1992, fid-dawl tal-fatt li minn wara din is-sena, hija ma setgħetx tiġi suġġetta għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 1191/69 jimponi biss l-obbligu li jiġu sseparati, fil-kontijiet tal-impriża, ir-riżorsi pubbliċi mir-riżorsi privati sabiex jiġu evitati sussidji trażversali u peress li r-rikorrenti ma kienet irċiviet ebda kumpens, hija ma kinitx obbligata tissepara l-kontijiet tagħha.

123    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li r-rikors jiġi miċħud.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv jibbaża fuq il-premessa li f’dan il-każ, il-Consiglio di Stato kkundanna lill-awtorità tagħti indennizz lir-rikorrenti għad-dannu li hija ssubixxiet minħabba l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur tar-Regolament Nru 1191/69. Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, mill-qari tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, jirriżulta li din il-premessa hija żbaljata, peress li l-Consiglio di Stato ma kkonstatax l-illegalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda rrikonoxxa d-dritt tar-rikorrenti li tinvoka kumpens abbażi tal-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69 minħabba obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu ġew imposti fuqha u kkundanna lill-MIT iħallas, bħala kumpens, id-differenza bejn il-piżijiet u d-dħul marbuta mal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi.

125    Għaldaqstant, it-tieni motiv ta’ dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), u tal-obbligu ta’ separazzjoni tal-kontijiet previst mir-Regolament Nru 1191/69.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

126    Fit-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tiddefendi, mill-ġdid, it-teżi li l-Consiglio di Stato kkundanna lill-MIT jagħtiha indennizz minħabba l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku bi ksur tar-Regolament Nru 1191/69. Madankollu, minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija tressaq diversi argumenti u lmenti li xi wħud minnhom huma relatati ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew ma nuqqas ta’ investigazzjoni u xi wħud oħra huma relatati ma’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69.

127    Għal raġunijiet ta’ ċarezza fl-espożizzjoni tar-rikors, l-ilmenti relatati ma’ allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ser ikunu, bħal dawk li r-rikorrenti qajmet fit-tieni parti tal-ewwel motiv, eżaminati fil-kuntest tar-raba’ motiv.

128    Barra minn hekk, sa fejn diġà ngħatat risposta għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat żball ta’ fatt dwar l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

129    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 79).

130    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina, bħala parti mill-istħarriġ tal-osservanza tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, il-legalità fil-mertu tal-motivi mressqa mill‑Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra, EU:T:2005:221, punti 58 u 59).

131    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk f’dan il-każ il-Kummissjoni osservatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-kontijiet tar-rikorrenti ma kinux affidabbli

132    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni essenzjalment li ma spjegatx fid-deċiżjoni kkontestata għaliex hija kienet tqis li l-kontijiet tagħha ma kinux affidabbli, billi rriproduċiet għaldaqstant it-teżi tar-rapport tal-minoranza tal-kulleġġ tal-esperti maħtur mill-Consiglio di Stato, mingħajr ma rrispondiet għall-argumenti tar-rapport tal-maġġoranza tal-imsemmi kulleġġ. F’dan il-kuntest, hija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma eżaminatx hija stess il-kontijiet tagħha.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kritika tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ eżami tal-kontabbiltà tagħha mill-Kummissjoni ma għandha ebda relazzjoni ma’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-portata tiegħu tfakkret fil-punt 129 iktar ’il fuq, iżda hija relatata ferm ma’ nuqqas ta’ investigazzjoni tat-tilwima.

135    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma mminatx l-affidabbiltà tal-kontabbiltà tar-rikorrenti fuq il-perijodu kollu kkonċernat.

136    Fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipju msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet as-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Antrop et (C‑504/07, Ġabra, EU:C:2009:290), li jipprovdi li r-rekwiżiti ddefiniti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 ma humiex issodisfatti meta “mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita, b’dejta ċerta tal-kontabilità [tal-kumpanija], id-differenza bejn l-ispejjeż attribwibbli għall-parti tal-attivitajiet [tagħha] fil-qasam soġġett għall-għoti tal-konċessjoni rispettiva u d-dħul korrispondenti u, konsegwentement, [meta] mhuwiex possibbli li wieħed jikkalkula l-ispiża addizzjonali li tirriżulta [...] mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”.

137    Fil-premessa 117, il-Kummissjoni kkonstatat:

“Fil-każ preżenti, Simet ma adottatx separazzjoni effettiva tal-kontijiet għas-servizzi differenti li pprovdiet sal-2002. Minbarra dan, wieħed jista’ jiddubita mill-validità tal-kontijiet analitiċi għas-snin 2002 u 2003, rigward is-separazzjoni tal-kontijiet, billi ma ġiex ippruvat li din il-kontabilità intużat mill-korpi ta’ tmexxija tal-kumpanija biex jikkontrollaw l-attivitajiet tagħha. Għalhekk l-Artikolu 10 ma ġiex issodisfat.”

138    Fil-premessi 127 u 128, il-Kummissjoni rripproduċiet l-istess argumenti fil-kuntest tal-eżami tal-kontabbiltà tal-miżura nnotifikata mar-Regolament Nru 1370/2007 billi indikat:

“[…] [L]-Artikolu 6(1) jistabbilixxi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku aġġudikati b’mod dirett, il-kumpens irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-anness, sabiex jiġi ggarantit li huwa ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ servizz pubbliku. Dan l-anness jesiġi, fost l-oħrajn, is-separazzjoni tal-kontijiet (punt 5) u jistabbilixxi l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont massimu ta’ kumpens.

Kif osservat fil-punt (115), għal parti kbira mill-perjodu li kien l-oġġett tan-notifika (mill-1987 sal-2001), Simet ma kenitx adottat separazzjoni effettiva tal-kontijiet, u wkoll il-validità tal-kontijiet analitiċi tista’ titqiegħed f’dubju. Huwa għalhekk impossibbli li jiġi ppruvat li, ikun xi jkun il-kumpens li finalment jingħata, dan ma jaqbiżx l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur tas-servizz pubbliku (il-punt 2 tal-Anness).”

139    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, minbarra għas-snin finanzjarji 2002 u 2003, il-Kummissjoni ma mminatx l-affidabbiltà tal-kontijiet tar-rikorrenti, iżda sempliċement ikkonstatat li, fl-assenza ta’ separazzjoni effettiva tal-kontijiet, kien impossibbli li jiġi eskluż kull riskju li jkun hemm kumpens żejjed, kif deskritt mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, b’tali mod li, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-1987 sa 2001, l-ilment tar-rikorrenti ma għandu ebda bażi fattwali.

140    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, rigward tal-kontestazzjoni tal-affidabbiltà tal-kontijiet analitiċi għas-snin finanzjarji 2002 u 2003, li l-Kummissjoni ppreċiżat li din kienet tirriżulta mill-assenza ta’ provi li l-imsemmija kontabbiltà kienet effettivament intużat mill-organi tat-tmexxija tar-rikorrenti sabiex tistħarreġ l-attività ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

141    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex, fil-fehma tagħha, rata ta’ dħul ikbar mir-rata swap b’żieda ta’ 100 punt bażi ma kinitx ġeneralment meqjusa li hija riferiment adegwat biex jiġi kkalkolat il-profitt raġonevoli

142    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ddikjarat, mingħajr beda motivazzjoni oħra, li rata ta’ dħul ikbar mir-rata swap b’żieda ta’ 100 punt bażi ma kinitx ġeneralment meqjusa li hija riferiment adegwat biex jiġi kkalkolat il-profitt raġonevoli.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

144    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni msemmija mir-rikorrenti, li tikkonċerna r-rata ta’ profitt applikabbli għall-kapital investit mir-rikorrenti kull sena għall-operat tar-rotot interreġjonali, tinsab fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti tad-deċiżjoni relattiva għall-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mar-Regolament Nru 1370/2007.

145    Il-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata tinqara kif ġej:

“Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ parametri ta’ kumpens stabbiliti minn qabel, kull tqassim tal-ispejjeż irid bilfors isir ex post abbażi ta’ suppożizzjonijiet arbitrarji, kif sar fir-rapport inizjali tal-maġġoranza. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta s-suppożizzjonijiet użati fir-rapport tal-maġġoranza, skont liema kull servizz li sar mill-impriża għandu neċessarjament jirrappreżenta l-istess proporzjon tal-ispejjeż u d-dħul f’kull sena partikolari. Barra minn hekk, peress li kalkolu ex-post neċessarjament jirriżulta f’kumpens sħiħ tal-ispejjeż imġarrba fl-għoti tas-servizz, il-Kummissjoni tqis li rata ta’ dħul fuq il-kapital proprju tar-rata swap relevanti b’żieda ta’ 100 punt bażi, użata kemm fir-rapport inizjali, kif ukoll fir-rapport tal-maġġoranza, mhix ġeneralment ikkunsidrata bħala riferiment adegwat biex jiġi kkalkulat il-profitt raġonevoli.”

146    Mill-premessa 129 jirriżulta li l-Kummissjoni ġġustifikat l-affermazzjoni li r-rata ta’ dħul proposta fir-rapport tal-maġġoranza ma hijiex ġeneralment meqjusa li hija riferiment adegwat sabiex jiġi kkalkolat il-profitt raġonevoli bil-fatt li kalkolu ex post tal-ammont tal-kumpens iwassal dejjem għal kumpens totali tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-provvista tas-servizz milqut mill-obbligu ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat ġustifikazzjoni għall-affermazzjoni tagħha u b’hekk osservat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

147    Il-kwistjoni dwar jekk din il-ġustifikazzjoni hijiex xierqa, fatt li huwa barra minn hekk ikkontestat mir-rikorrenti, taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti mressqa f’dan is-sens mir-rikorrenti għandhom għaldaqstant jitqiesu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, ineffettivi u irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

148    Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69

150    Fir-rikors ir-rikorrenti tqajjem diversi lmenti kontra l-Kummissjoni relatati ma’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, li essenzjalment jistgħu jinġabru taħt motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

151    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qieset li fl-assenza ta’ separazzjoni tal-kontijiet, il-miżura nnotifikata ma setgħetx tevita riskju ta’ kumpens żejjed u, konsegwentement, li hija ma kinitx konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, qabel l-1992, hija ma kinitx obbligata tissepara l-kontijiet, peress li hija ma kinitx tirċievi kumpens u li, sa mill-1992, hija ma setgħetx tiġi obbligata tissepara l-kontijiet tagħha peress li hija ma setgħetx tiġi suġġetta iktar b’mod unilaterali għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Hija tenfasizza li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza Antrop et, punt 136 iktar ’il fuq (EU:C:2009:290), ma tapplikax għaliha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-metodu ta’ kalkolu propost fir-rapport tal-maġġoranza jippermetti li jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed sa fejn huwa kien ibbażat fuq rikostituzzjoni ex post tal-ispejjeż sostnuti minħabba l-obbligi ta’ servizz pubbliku.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti ma kinitx ġiet suġġetta għal obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69

152    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni li qieset li hija ma kinitx ġiet suġġetta għal obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69.

153    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

154    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan l-ilment jolqot il-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Consiglio di Stato qies fis-sentenza tiegħu, punt 33 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti kellha d-dritt titlob kumpens taħt l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69, huwa ma indikax espressament x’kienet il-bażi tal-benefiċċju ta’ dan id-dritt favur ir-rikorrenti. Huwa effettivament sempliċement indika li tali dritt ma setax jiġi rrifjutat lill‑operaturi ta’ servizz pubbliku fir-rigward tal-piżijiet assunti minn dawn tal-aħħar minħabba l-imsemmi servizz.

155    Ir-rikorrenti ssostni li għaldaqstant, il-Consiglio di Stato silet il-konsegwenza loġika tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi torganizza l-attività ta’ trasport regolari ta’ passiġġieri bit-triq bħala servizz pubbliku li l-operat tiegħu kien fdat lill-impriżi privati taħt kundizzjonijiet iddefiniti mill-Istat, kienet neċessarjament timponi fuq l-imsemmija impriżi, fosthom ir-rikorrenti, obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku, bi ksur tar-Regolament Nru 1191/69, li kien ġustament jobbliga lill-Istati Membri jeliminaw tali obbligi.

156    Madankollu, it-teżi tar-rikorrenti ma tistax tkun konvinċenti, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

157    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-obbligi li għalihom kienet suġġetta r-rikorrenti skont id-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali tal-1987 u tat-30 ta’ Ġunju 1992, perijodu li matulu r-Regolament Nru 1191/69 fil-verżjoni inizjali tiegħu kien japplika għall-fatti ta’ din il-kawża, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, l-obbligi li l-Istati Membri kienu, fil-prinċipju, obbligati jitterminaw, kienu l-obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku, kif definiti fl-imsemmi regolament, imposti fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

158    Issa, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-iffissar tat-tariffi għal kull passiġġier, fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali u l-obbligu li tiġi sottomessa l-iskeda tal-prezzijiet għall-approvazzjoni minn qabel tal-uffiċċju lokali tal-MIT ma jistgħux jiġu interpretati bħala obbligi ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69.

159    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ tariffi huwa kkaratterizzat mhux biss mill-iffissar jew l-approvazzjoni minn awtorità pubblika tat-tariffi tat-trasport, iżda wkoll mill-kundizzjoni doppja, kumulattiva, sew jekk huma miżuri tariffarji “partikolari” li jinteressaw kategoriji partikolari ta’ passiġġieri jew ta’ prodotti, jew ta’ relazzjonijiet partikolari, u kuntrarji, barra minn hekk, għall-interessi kummerċjali tal-impriża. Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) li jippreċiża li ma jikkostitwixxux obbligi ta’ tariffi l-“miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet” kif ukoll il-“miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu”. Minn dan isegwi li obbligu legali ta’ portata ġenerali, li jissuġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità pubblika t-tariffi ta’ trasport, ma jistax jitqies, fih innifsu, li jikkostitwixxi “obblig[u] ta’ tariffi” fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69 (sentenza tas-27 ta’ Novembru 1973, Nederlandse Spoorwegen, 36/73, Ġabra, EU:C:1973:130, punti 11 sa 13).

160    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti tallega li l-iffissar tat-tariffi kien imur kontra l-interessi kummerċjali tagħha, sa fejn il-prezzijiet tal-biljetti tax-xarabank ma setgħux ikunu ogħla minn dawk tal-biljetti tat-tieni klassi tal-ferroviji Taljani, hija ma ssostnix u, a fortiori, ma tipprovax, li l-iffissar tat-tariffi fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali kien jolqot kategoriji partikolari ta’ passiġġieri jew ta’ prodotti, jew ta’ relazzjonijiet partikolari.

161    Sussegwentement, sa fejn uħud mill-obbligi inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali (ara l-Anness A6), relattivi għall-identifikazzjoni tar-rotot, kemm fir-rigward tad-destinazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-itinerarju, għan-numru ta’ vjaġġi u l-frekwenza tagħhom, għall-ħinijiet tal-vjaġġi, għall-komunikazzjoni immedjata ta’ kwalunkwe interruzzjoni, sospensjoni jew varjazzjoni tas-servizz, għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-uffiċċju lokali tal-MIT għax-xiri ta’ vetturi intiżi għas-servizz jew l-allokazzjoni ta’ vetturi intiżi għas-servizz għal użu ieħor, għall-kunsinna ta’ biljetti għat-trasport tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-pakketti agrikoli u l-konservazzjoni tagħhom matul ħames snin, għall-istħarriġ tal-kontabbiltà tar-rikorrenti mill-uffiċjali tal-uffiċċju lokali tal-MIT kif ukoll l-obbligu legali ta’ trasport bla ħlas ta’ pakketti għan-nom tal-awtorità postali jistgħu jiġu analizzati bħala “obbligu li wieħed jopera” jew “obbligu li wieħed iġorr”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1191/69 u tal-Artikolu 2(4) ta’ dan l-istess regolament, rispettivament, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana kienet tippermetti lir-rikorrenti titlob it-tiġdid tad-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali jew li ma tagħmilx dan jekk kienet tqis li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li għalihom kien suġġett l-operat ta’ rotta interreġjonali ma kinux jgħoddu għaliha.

162    Minn dan isegwi li tali obbligi ma kinux jikkostitwixxu obbligi imposti mill-Istat b’mod unilaterali sabiex jiġi żgurat servizz ta’ trasport adegwat, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69.

163    Hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tidher li hawn tfixkel l-impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mill-awtorità li, skont ir-Regolament Nru 1191/69, għandha tagħti lok għal kumpens skont il-proċeduri komuni ta’ kumpens imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13 ta’ dan ir-regolament u l-adeżjoni volontarja għal relazzjoni ta’ natura kuntrattwali li tipprevedi l-provvista ta’ ċerti servizzi ta’ trasport, ċertament identifikati skont l-interess pubbliku, li għaliha ebda obbligu ta’ kumpens ma huwa previst mir-Regolament Nru 1191/69.

164    Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma humiex konvinċenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija setgħet biss tifformula t-talba għal konċessjoni tagħha skont il-kriterji ta’ interess pubbliku ddefiniti minn qabel mill-awtorità. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-unika għażla li hija setgħet tagħmel fil-verità kienet jekk twettaqx jew le l-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri fuq ir-rotot interreġjonali.

165    Issa, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1191/69, kien l-obbligu tal-impriżi tat-trasport li jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri talba għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jekk dan l-obbligu kien jirriżulta fi żvantaġġi ekonomiċi għalihom. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess regolament, “[…] l-intrapriżi tat-trasport [setgħu] jipproponu s-sostituzzjoni ta’ xi forma oħra ta’ trasport għall-forom li qegħdin jintużaw”. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, din tal-aħħar qatt ma ppreżentat tali talba. Dan il-fatt jidher li juri li r-rikorrenti volontarjament u sistematikament aċċettat l-obbligi previsti mill-ispeċifikazzjoni tal-kuntratti u li jinsabu fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali.

166    Fil-fehma tar-rikorrenti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ewwel nett, il-persuna li tagħmel it-talba għandha tindika b’mod ċar u fid-dettall il-bżonnijiet ta’ utilità pubblika li l-konċessjonarju preċedenti ma kienx issodisfa, u timpenja ruħha sabiex tissodisfahom, it-tieni nett, il-MIT jagħti l-preferenza għall-għoti ta’ konċessjonijiet annwali lill-impriżi li “juru li huma jassumu piżijiet oħra għal xogħlijiet jew għal servizzi ta’ interess lokali b’rabta ma’ dawk ta’ trasport u li huma kienu kapaċi jissodisfawhom” u, it-tielet nett, sa mill-1994, il-konċessjoni kienet tingħata biss wara laqgħa pubblika kontradittorja bejn il-partijiet ikkonċernati, li matulha riedet tiġi kkonfermata “l-eżistenza effettiva tal-interess pubbliku”. Madankollu, dawn l-elementi ma humiex tali li jimminaw il-konstatazzjoni li r-rikorrenti aċċettat volontarjament l-obbligi ta’ servizz pubbliku previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li hija qatt ma talbet it-terminazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-imsemmija obbligi, hekk kif kien jippermettilha r-regolament.

167    L-argument tar-rikorrenti li l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69, tirriżulta wkoll mill-fatt li fil-passat hija bbenefikat minn kumpens għal dawn, skont il-Liġi Nru 877/86, lanqas ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipprovax li l-liġi inkwistjoni kellha l-għan li tipprevedi kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku imposti unilateralment fuq l-impriżi tat-trasport fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69. Barra minn hekk, il-kriterju previst mill-imsemmija liġi għall-kalkolu tal-għajnuna, jiġifieri n-numru ta’ kilometri magħmula, jeskludi li tali għajnuna tista’ tiġi assimilata ma’ kumpens fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69, peress li dan tal-aħħar jipprevedi metodu speċifiku għall-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens dovut inkambju ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tat-trasport.

168    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1191/69, obbligu ta’ servizz pubbliku jfisser “obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet”. Issa, huwa diffiċli li jiġi aċċettat li r-rikorrenti setgħet titlob it-tiġdid ta’ diversi konċessjonijiet, minkejja l-obbligi li topera u li tittrasporta previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali, mingħajr ma ssib fihom interess kummerċjali.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement issostni li l-obbligi inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali ppreġudikaw il-libertà tagħha għal żvilupp ekonomiku, u jixhdu dawn id-diversi rifjuti tal-MIT għat-talbiet tagħha sabiex jiġu mmodifikati r-rotot u l-ħinijiet. Issa, minn naħa, mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti insostenn ta’ din l-affermazzjoni jirriżulta li t-talbiet għal modifika ma kinux jikkonċernaw ir-rotot diġà konċessi lir-rikorrenti u operati minnha, iżda l-estensjoni tar-rotot diġà konċessi lir-rikorrenti (ara l-Anness A7). Min-naħa l-oħra, hekk kif il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, minħabba n-natura esklużiva tal-konċessjonijiet mogħtija mill-MIT lit-trasportaturi regolari ta’ passiġġieri, li r-rikorrenti bbenefikat minnhom hija stess, kien possibbli li jiġu ssodisfatti t-talbiet “għal espansjoni” tar-rikorrenti biss jekk dawn ma kinux jippreġudikaw id-drittijiet ta’ operatur ieħor.

170    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi li għalihom ġiet suġġetta r-rikorrenti bis-saħħa tad-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali tal-1 ta’ Lulju 1992 sal-2003, perijodu li matulu r-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, kien japplika għall-fatti tal-kawża, ma setgħu bl-ebda mod jagħtuha dritt għal kumpens.

171    Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 1992, jirriżulta li l-impriżi tat-trasport urban, suburban jew reġjonali biss setgħu jirċievu kumpens fl-ipoteżi li l-Istat jiddeċiedi li jimponilhom jew iżomm fir-rigward tagħhom obbligi ta’ servizz pubbliku.

172    Issa, ma huwiex ikkontestat li l-attività tar-rikorrenti inkwistjoni hija relatata mal-operat ta’ rotot interreġjonali, b’tali mod li, sa mill-1 ta’ Lulju 1992, ir-rikorrenti ma setgħux jiġu imposti fuqha mill-Istat obbligi ta’ servizz pubbliku u lanqas ma setgħet, konsegwentement, titlob kumpens għall-piżijiet assunti minħabba dawn l-obbligi.

173    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżuppost li s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti jippermettu li tiġi assimilata ma’ impriża ta’ trasport reġjonali, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-fatt li l-obbligi li għalihom kienet suġġetta r-rikorrenti skont id-deċiżjonijiet ta’ konċessjonijiet annwali ma kinux ġew imposti fuqha unilateralment, huma neċessarjament jaqgħu taħt is-sistema tal-kuntratt previst mill-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 1992, li kien jipprevedi sistema ta’ finanzjament speċifika li ma tħalli ebda lok għal kumpens skont il-metodi ffissati fit-Taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑157/01, Ġabra, EU:T:2004:76, punt 79).

174    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet ma pprovatx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-awtoritajiet Taljani ma kinux imponew fuqha b’mod unilaterali obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69 għall-perijodu mill-1987 sal-2003.

175    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ żvantaġġ ekonomiku li jiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1191/69

176    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li hija ma kinitx ipprovat li l-eżistenza ta’ żvantaġġi ekonomiċi kienet ġiet iddeterminata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni riperkussjonijiet tal-obbligu fuq l-attività kollha tal-impriża, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1191/69, sa fejn, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ kumpens żejjed kien innewtralizzat mill-fatt li l-kalkolu tat-telf subit mir-rikorrenti minħabba l-obbligi ta’ servizz pubbliku assunti kien twettaq ex post.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-iżvantaġġi ekonomiċi u r-riskju ta’ kumpens żejjed huma żewġ elementi distinti. Għaldaqstant, skont l-Artikoli 5, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69, il-prova ta’ żvantaġġ ekonomiku hija neċessarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens dovut lil impriża ta’ trasport minħabba l-impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ kumpens żejjed jista’ jirriżulta minn diversi fatturi li jistgħu jwasslu għal kumpens ogħla minn dak li jkun dovut lil din l-impriża abbażi ta’ dan ir-regolament. F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-miżura nnotifikata ma kinitx konformi għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69, minħabba l-assenza effettiva ta’ separazzjoni tal-kontijiet, l-unika ħaġa li tista’, skont il-Kummissjoni, tipprevjeni riskju ta’ kumpens żejjed, hija qieset ukoll li l-imsemmija miżura ma kinitx konformi mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, fl-assenza ta’ prova min-naħa tar-rikorrenti li l-iżvantaġġi ekonomiċi kienu ġew iddeterminati billi ttieħdu inkunsiderazzjoni riperkussjonijiet tal-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-attività kollha tal-impriża. Fl-assenza ta’ argument speċifiku tar-rikorrenti intiż li juri li bil-kontra ta’ dan hija rnexxielha turi dan, l-ilment preżenti jista’ biss jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset, flimkien mal-MIT, li r-rapport tal-maġġoranza kien qies b’mod żbaljat li l-kapital użat ma kienx limitat għall-ammont tal-kapital imputabbli lill-obbligi ta’ servizz pubbliku

179    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni qieset, flimkien mal-MIT, li r-rapport tal-maġġoranza kien qies, b’mod żbaljat, li l-kapital użat ma kienx limitat għall-ammont tal-kapital imputabbli lill-obbligi ta’ servizz pubbliku.

180    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-ilment tar-rikorrenti ma għandux bażi fattwali. Hija fil-fatt tikkritika lill-Kummissjoni li għamlet tagħha l-kritika tal-awtoritajiet Taljani fir-rigward tar-rapport tal-maġġoranza dwar l-ammont tal-kapital investit mir-rikorrenti fil-kuntest tal-operat tar-rotot interreġjonali suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa tinsab fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-osservazzjonijiet tal-Italja. L-affermazzjoni tal-awtoritajiet Taljani ma hijiex, min-naħa l-oħra, riprodotta għan-nom tagħha mill-Kummissjoni fil-parti tad-deċiżjoni ddedikata għall-evalwazzjoni tal-għajnuna.

–       Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li, fl-assenza ta’ separazzjoni tal-kontijiet, il-miżura nnotifikata ma setgħetx tevita r-riskju ta’ kumpens żejjed u, għaldaqstant, li hija ma kinitx konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69

182    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qieset li, fl-assenza ta’ separazzjoni tal-kontijiet, il-miżura nnotifikata ma setgħetx tevita r-riskju ta’ kumpens żejjed u, għaldaqstant, li hija ma kinitx konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, qabel l-1992, hija ma kinitx obbligata tissepara l-kontijiet, peress li ma kinitx tirċievi kumpens u li, sa mill-1992, hija ma setgħetx titqies obbligata tissepara l-kontijiet, peress li hija ma setgħetx tiġi suġġetta b’mod unilaterali għal obbligi ta’ servizz pubbliku. Hija tenfasizza li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza Antrop et, punt 136 iktar ’il fuq (EU:C:2009:290), ma tapplikax għaliha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-metodu ta’ kalkolu propost fir-rapport tal-maġġoranza kien jippermetti li jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed sa fejn huwa kien ibbażat fuq rikostruzzjoni ex post tal-ispejjeż sostnuti minħabba obbligi ta’ servizz pubbliku.

183    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

184    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li hija ma kinitx obbligata tissepara l-kontijiet tagħha, obbligu previst mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1191/69, sa fejn l-imsemmija miżura jew l-imsemmi regolament ma kienx jipprevedi iktar il-possibbiltà għall-awtoritajiet Taljani li jimponu fuqha obbligi ta’ servizz pubbliku. Hija ssostni wkoll li s-sentenza Antrop et, punt 136 iktar ’il fuq (EU:C:2009:290), ma tapplikax għaliha sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ddeċidiet dwar il-modalitajiet tal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill-1 ta’ Lulju 1992.

185    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni inizjali tiegħu, fil-każ ta’ obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, l-ammont ta’ kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis tal-piżijiet u t-tnaqqis fid-dħul tal-impriża li jista’ jirriżulta, għall-perijodu ta’ żmien ikkonċernat, billi jiġi eliminat l-obbligu inkwistjoni jew parti minnu. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li kumpens ma għandux ikun ikbar mill-piżijiet assunti mill-impriża minħabba l-obbligu ta’ servizz pubbliku li hija tassumi.

186    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni applikabbli tiegħu sa mill-1 ta’ Lulju 1992, kien jipprevedi dan li ġej:

“Meta kull intrapriża tat-trasport mhux biss topera servizzi bla ħsara għal obbligazzjonijiet dwar servizz pubbliku iżda wkoll tagħmel attivitajiet oħra, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu mħaddma bħala diviżjonijiet separati li ta’ l-inqas jilħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)      il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjoni ta’ l-assi li jappartienu għal kull wieħed għandhom jintużaw b’mod konformi mar-regoli tal-kontijiet li jkunu fis-seħħ;

[…]”

187    Minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-impriżi kollha tat-trasport li joperaw kemm servizzi suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku, sew jekk ikun wara impożizzjoni unilaterali, bħal f’dan il-każ, l-impriżi tat-trasport urbani, suburbani jew reġjonali, u sew wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, kif ukoll attivitajiet oħra, kienu obbligati jisseparaw il-kontijiet tagħhom sa mill-1 ta’ Lulju 1992.

188    Għaldaqstant, indipendentement mill-punt dwar jekk l-awtoritajiet Taljani kisrux jew le, f’dan il-każ, l-Artikoli 1 u 14 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill-1 ta’ Lulju 1992, billi ma kkonkludewx b’mod formali kuntratt ta’ servizz pubbliku wara proċeduri ta’ konċessjonijiet annwali għall-operat ta’ rotot interreġjonali, kwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa billi tressaq, jekk ikun il-każ, talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti baqgħet, min-naħa tagħha, obbligata tissepara l-kontijiet tagħha.

189    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ma kinitx intitolata titlob kumpens sa mill-1 ta’ Lulju 1992, il-kwistjoni dwar jekk hija kinitx obbligata jew le tissepara l-kontijiet tagħha sa minn din id-data hija, fil-prattika, irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

190    Madankollu, għad fadal jiġi ddeterminat jekk il-miżura nnotifikata kinitx konformi mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69, għal dak li jikkonċerna l-perijodu mill-1987 sat-30 ta’ Ġunju 1992.

191    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ebda kontijiet analitiċi ma kienu disponibbli għall-perijodu mill-1987 sal-1992, l-esperti li fasslu r-rapport tal-maġġoranza qasmu l-ispejjeż tal-operat tas-servizz regolari ta’ trasport interreġjonali fuq il-bażi tal-perċentwali tad-dħul iġġenerat minn dawn l-istess servizzi matul dan il-perijodu. L-esperti stabbilixxew l-ammont totali tal-ispejjeż billi bbażaw ruħhom fuq il-bilanċ annwali ta’ kull sena finanzjarja koperta. Sussegwentement, huma naqqsu mill-ispejjeż totali l-ispejjeż l-oħra kollha li ma humiex dawk tal-operat (jiġifieri: l-interessi, il-piżijiet finanzjarji, it-telf mit-trasferiment ta’ assi, it-telf u spejjeż varji, it-taxxi diretti u r-residwu finali), sabiex jiddeterminaw l-ammont tal-ispejjeż tal-operat biss. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż tal-operat imputabbli lis-servizzi regolari ta’ trasport interreġjonali ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-perċentwali tad-dħul iġġenerat mill-imsemmija servizzi.

192    Minn dan isegwi li, għalkemm il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens irrakkomandat mir-rapport tal-maġġoranza kien ibbażat, kif issostni r-rikorrenti, fuq analiżi ex post tal-kontabbiltà tar-rikorrenti, huwa kien jiddetermina l-ispejjeż sostnuti minħabba servizzi regolari ta’ trasport interreġjonali skont il-perċentwali rrappreżentat mid-dħul iġġenerat minn dawn l-istess servizzi fuq id-dħul kollu tar-rikorrenti. Tali metodu huwa bbażat, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-ipoteżi li kull wieħed mis-servizzi pprovduti mir-rikorrenti kellu neċessarjament jirrappreżenta l-istess proporzjoni ta’ spejjeż u ta’ dħul matul sena partikolari. Issa, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, għandu jitqies li tali ipoteżi hija, fiha nnifisha, diffiċilment aċċettabbli u li ma hijiex tali li tiżgura li l-kumpens ma jkunx ikbar mill-piżijiet realment assunti mir-rikorrenti minħabba l-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija assumiet mill-1987 sat-30 ta’ Ġunju 1992.

193    Għaldaqstant, ir-raba’ lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

194    Ir-raba’ motiv tar-rikors għandu għaldaqstant jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi fid-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni rapporti ta’ kulleġġ ta’ esperti li fuqhom il-Consiglio di Stato għadu ma tax deċiżjoni, interferixxiet mal-attività ġudizzjarja tal-qorti nazzjonali

195    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni interferixxiet illegalment fil-proċedura ġudizzjarja nazzjonali billi fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport tal-maġġoranza u r-rapport tal-minoranza mfassla mill-esperti maħtura mill-Consiglio di Stato fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Consiglio di Stato, punt 33 iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dawn ir-rapporti huma dokumenti li tfasslu fuq talba tal-Consiglio di Stato minn esperti li aġixxew fil-kwalità ta’ awżiljarji tal-imħallef u li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ biss taħt il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar. Billi aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti tal-kulleġġ ta’ esperti, li ġew trażmessi lilha illegalment mill-MIT, qabel ma l-Consiglio di Stato nnifsu ddeċieda dwar l-imsemmija rapporti, il-Kummissjoni ċaħdet lill-Consiglio di Stato mis-setgħa tiegħu li jagħti deċiżjoni.

196    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn tqajjem għall-ewwel darba fir-replika. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, dan il-motiv tqajjem għall-ewwel darba fir-replika, mingħajr ma r-rikorrenti tiġġustifika din it-tardività bl-eżistenza ta’ punti ta’ dritt jew ta’ fatt ġodda. Barra minn hekk, dan il-motiv lanqas ma jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement, b’mod dirett jew indirett, fir-rikors promotur. Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑226/04, EU:T:2006:85, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti baqgħet ma urietx kif l-aġir li l-Kummissjoni hija kkritikata bih minnha jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan il-motiv lanqas ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u għandu, minħabba f’hekk ukoll, jitqies li huwa inammissibbli.

199    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

200    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Simet SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-kuntest leġiżlattiv u regolamentorju li jirregolaw l-attivitajiet tar-rikorrenti

Id-dritt tal-Unjoni

Id-dritt nazzjonali

Ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-qrati nazzjonali

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tar-Regolament Nru 1191/69

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ fatt

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ investigazzjoni, rigward il-konformitŕ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-kumpens għad-dannu subit mill-individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-kontijiet tar-rikorrenti ma kinux affidabbli

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex, fil-fehma tagħha, rata ta’ dħul ikbar mir-rata swap b’żieda ta’ 100 punt bażi ma kinitx ġeneralment meqjusa li hija riferiment adegwat biex jiġi kkalkolat il-profitt raġonevoli

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti ma kinitx ġiet suġġetta għal obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1191/69

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ żvantaġġ ekonomiku li jiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1191/69

– Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset, flimkien mal-MIT, li r-rapport tal-maġġoranza kien qies b’mod żbaljat li l-kapital użat ma kienx limitat għall-ammont tal-kapital imputabbli lill-obbligi ta’ servizz pubbliku

– Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li, fl-assenza ta’ separazzjoni tal-kontijiet, il-miżura nnotifikata ma setgħetx tevita r-riskju ta’ kumpens żejjed u, għaldaqstant, li hija ma kinitx konformi mal-proċedura komuni ta’ kumpens prevista mir-Regolament Nru 1191/69

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi fid-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni rapporti ta’ kulleġġ ta’ esperti li fuqhom il-Consiglio di Stato għadu ma tax deċiżjoni, interferixxiet mal-attivitŕ ġudizzjarja tal-qorti nazzjonali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.