Language of document : ECLI:EU:T:2016:124

Kawża T‑15/14

Simet SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Kumpens retroattiv għal servizz pubbliku mogħti mill-awtoritajiet Taljani — Servizzi ta’ trasport interreġjonali bix-xarabank ipprovduti bejn l-1987 u l-2003 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Żamma ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku — Għoti ta’ kumpens — Regolament (KEE) Nru 1191/69”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ Marzu 2016

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat – Impriza li rrinunzjat għar-rikors tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tordna l-ħlas favuriha ta’ kumpens għall-ispejjeż involuti fl-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku – Possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors ġdid li għandu l-istess suġġett quddiem il-qorti nazzjonali – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Assenza ta’ osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati – Assenza ta’ effett fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ eżami ex officio tal-elementi mhux invokati espressament – Assenza

(Artikolu 108(2) TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Distinzjoni mill-ilmenti u argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE u Artikolu 296 TFUE)

4.      Trasport – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Obbligu ta’ tariffi – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1191/69, Artikolu 2(5))

5.      Trasport – Għajnuna għat-trasport – Distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku” u “kuntratti ta servizz pubbliku” – Kuntratti ta’ trasport konklużi volontarjament wara sejħa għal offerti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1191/69, Artikolu 14(1) u (2))

6.      Trasport – Għajnuna għat-trasport – Obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni – Trasport bit-triq – Distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “żvantaġġ ekonomiku” u r-riskju ta’ kumpens żejjed

(Regolament tal-Kunsill Nru 1191/69, Artikoli 5, 10 u 11)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u li ma jikkostitwixxix l-estensjoni ta’ motiv imressq preċedentement – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)

1.      L-interess ġuridiku huwa kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku għandu għaldaqstant ikun reali u attwali fil-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors, u għandu, barra minn hekk, jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

Meta r-rikorrenti tkun irrinunzjat għar-rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru li kkundannat lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat iħallsu lir-rikorrenti kumpens li dawn l-awtoritajiet irrifjutaw li jeżegwixxu, l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddeċidiet li dan il-kumpens jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandu l-effett li l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali jibqgħu, fi kwalunkwe każ, obbligati jeżegwixxu s-sentenza tal-qorti tal-Istat Membru kkonċernat u dan indipendentement mir-rinunzja tal-istanza min-naħa tar-rikorrenti tar-rikors tagħha għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti li ppreżentat ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għad għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima u r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

(ara l-punti 64-66, 69, 72, 74)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 117)

3.      Il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina, bħala parti mill-istħarriġ tal-osservanza tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, il-legalità fil-mertu tal-motivi mressqa mill‑Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti.

(ara l-punti 130, 147)

4.      Obbligu ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, huwa kkaratterizzat mhux biss mill-iffissar jew l-approvazzjoni minn awtorità pubblika tat-tariffi tat-trasport, iżda wkoll mill-kundizzjoni doppja, kumulattiva, sew jekk huma miżuri tariffarji “partikolari” li jinteressaw kategoriji partikolari ta’ passiġġieri jew ta’ prodotti, jew ta’ relazzjonijiet partikolari, u kuntrarji, barra minn hekk, għall-interessi kummerċjali tal-impriża. Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) li jippreċiża li ma jikkostitwixxux obbligi ta’ tariffi l-miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet kif ukoll il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu. Minn dan isegwi li obbligu legali ta’ portata ġenerali, li jissuġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità pubblika t-tariffi ta’ trasport, ma jistax jitqies, fih innifsu, li jikkostitwixxi obbligu ta’ tariffi fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69.

(ara l-punt 159)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 173)

6.      Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, ta’ evalwazzjoni tal-kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, l-iżvantaġġi ekonomiċi u r-riskju ta’ kumpens żejjed huma żewġ elementi distinti. Għaldaqstant, skont l-Artikoli 5, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, il-prova ta’ żvantaġġ ekonomiku hija neċessarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens dovut lil impriża ta’ trasport minħabba l-impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ kumpens żejjed jista’ jirriżulta minn diversi fatturi li jistgħu jwasslu għal kumpens ogħla minn dak li jkun dovut lil din l-impriża abbażi ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punt 178)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 197)