Language of document : ECLI:EU:T:2017:102

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2017 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali – Użu ħażin ta’ poter – Drittijiet tad-difiża – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Ne bis in idem – Awtorità ta’ res judicata – Proporzjonalità – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawżi magħquda T-14/14 u T-87/14,

Islamic Republic of Iran Shipping Lines, stabbilita f’Teheran (l-Iran), u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness, irrappreżentati minn F. Randolph, QC, P. Pantelis, solicitor, M. Lester, barrister, u M. Taher, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u T. Scharf, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T-87/14

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T-14/14, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 46), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, fil-Kawża T-87/14, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE u intiża sabiex tiġi ddikjarata l-inapplikabbiltà tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013 u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/685/PESK, tas-26 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 316, p. 46), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1203/2013, tas-26 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 316, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar ’il quddiem l-“IRISL”), li hija l-kumpannija tat-trasport marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, kif ukoll għaxar entitajiet oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness, huma kumpanniji Iranjani, bl-eċċezzjoni ta’ IRISL Europe GmbH, li hija kumpannija Ġermaniża. Dawn huma kollha attivi fis-settur tat-trasport marittimu.

2        Dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi stabbiliti bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari tagħha b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, l-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39).

4        Konsegwentement, l-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25).

5        L-inklużjoni ta’ isem IRISL fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kienet fondata fuq il-motivi segwenti, li huma essenzjalment identiċi għal dawk li hemm fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

“L-IRISL ġiet involuta fit-trasbord ta’ tagħbija relatata militarment, inkluża tagħbija proskritta [provenjenti] mill-Iran. Tliet inċidenti tali involvew vjolazzjonijiet ċari li kienu rrappurtati lill-Kumitat tas-Sazzjonijiet tal-Iran tal-[Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti]. Il-konnessjoni[jiet] tal-IRISL mal-proliferazzjoni kienet [kienu] tali li l-[Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] appella lill-istati biex iwettqu spezzjonijiet fuq vetturi tal-IRISL, dment li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-vettura qed iġġorr merkanzija proskritta [pprojbita skont] [ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] 1803 u 1929.”

6        L-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti l-oħra kienet motivata bil-fatt li kien hemm inkwistjoni kumpanniji miżmuma jew ikkontrollati mill-IRISL jew li jaġixxu f’isimha.

7        Ir-Regolament Nru 423/2007 ġie abrogat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 281, p. 1), u sussegwentement ir-Regolament Nru 961/2010 ġie abrogat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 88, p. 1). L-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u l-motivi għall-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom ma ġewx immodifikati.

8        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Matul il-kawża, huma adattaw it-talbiet tagħhom sabiex jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tal-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

9        B’sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T-489/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza IRISL”, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti.

10      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma kienx immotiva suffiċjentement ex lege l-allegazzjoni tiegħu li skontha, bl-aġir allegat fil-konfront tagħha, l-IRISL kienet għenet persuna, entità jew korp elenkat f’lista, jikser id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u tar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”), fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012. It-tieni nett, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ma kienx stabbilixxa li, billi ttrasportat, tliet darbiet, materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni pprovduta fil-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-IRISL kienet sostniet il-proliferazzjoni nukleari, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, jekk jitqies li r-rikorrenti għajr l-IRISL kienu effettivament miżmuma jew ikkontrollati minn din tal-aħħar jew aġixxew f’isimha, dan il-fatt ma jiġġustifikax l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom, peress li l-IRISL ma kinitx effettivament ġiet rikonoxxuta li sostniet il-proliferazzjoni nukleari.

11      Bid-Deċiżjoni 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 272, p. 46), il-Kunsill issostitwixxa l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 bit-test segwenti, li jipprevedi l-iffriżar tal-fondi tal-persuni u entitajiet segwenti:

“[Il-]persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbita, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, jew persuni u entitajiet li evadew jew kisru, jew għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru, id-dispożizzjonijiet [tar-Riżoluzzjonijiet] 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2010) [tal-Kunsill tas-Sigurtà] jew ta’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll membri oħra u entitajiet tal-[Korp tal-Gwardjani tar-Revoluzzjoni Iżlamika (IRGC)] u l-IRISL u entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew persuni u entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew persuni u entitajiet li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lill-IRGC u l-IRISL, jew lil entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom, kif elenkati fl-Anness II.”

12      Konsegwentement, bir-Regolament (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 272, p. 1), il-Kunsill issostitwixxa l-Artikolu 23(2)(b) u (e) tar-Regolament Nru 267/2012 bit-test segwenti, li jipprevedi l-iffriżar tal-fondi ta’ persuni, entitajiet u korpi rikonoxxuti:

“ b)      hija persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li evada jew kiser, jew assista lil persuna, entità jew korp elenkat biex jevadi jew jikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni [2010/413] jew [tar-Riżoluzzjonijiet] 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2010);”

[…]

e)      huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta’ jew ikkontrollat mill-[IRISL], jew li jaġixxu f’isimhom jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isimhom, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lill-IRISL, jew lil entitajiet propjetà ta’ jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom.”

13      B’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill indika lil IRISL li kien iqis li hija kienet ipparteċipat fit-trasport ta’ materjal marbut ma’ armi provenjenti mill-Iran, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) u li għalhekk, kienet tissodisfa l-kriterju previst fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, dwar persuni u entitajiet li eskludew, jew kisru, ċerti riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Għaldaqstant, huwa nnotifikah bl-intenzjoni tiegħu li jniżżel isimha mill-ġdid fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom hemm miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem il-“listi inkwistjoni”).

14      B’ittri kemm tat-22 kif ukoll tat-30 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill indika lil kull waħda mir-rikorrenti l-oħra li, għal raġunijiet differenti, huwa kien iqis li huma kienu jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012, dwar entitajiet miżmuma jew ikkontrollati mill-IRISL, jew li jaġixxu għan-nom tagħha, jew li jipprovdulha servizzi essenzjali (iktar ’il quddiem il-“kriterji tal-entitajiet marbuta mal-IRISL”). Għaldaqstant, huwa nnotifikahom bl-intenzjoni tiegħu li jniżżel isimhom mill-ġdid fil-listi inkwistjoni.

15      B’ittra tal-15 ta’ Novembru 2013, l-IRISL wieġbet lill-Kunsill li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi inkwistjoni abbażi tal-istess allegazzjonijiet fattwali hija illegali. Hija sostniet li kienet ippreżentat prova li hija qatt ma kienet implikata fil-proliferazzjoni nukleari u li ma kinitx karigatur, iżda trasportatur, u li, għaldaqstant, ma kellhiex għarfien ta’ dak li kien ġie ttrasportat fuq il-bastimenti tagħha u ma setgħetx tinżamm responsabbli ta’ dan. Hija talbet lill-Kunsill jittrażmettilha l-informazzjoni u d-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid fil-lista.

16      B’ittri kemm tal-15 kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2013, kull waħda mir-rikorrenti wieġbet lill-Kunsill billi indikat ir-raġunijiet li għalihom huma kienu jikkunsidraw li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), inklużjoni mill-ġdid ta’ isimhom fil-lista hija illegali. Huma talbu lill-Kunsill jittrażmettilhom l-informazzjoni u l-provi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid fil-lista.

17      B’deċiżjoni tal-Kunsill 2013/685/PESK, tas-26 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 316, p. 46), l-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi mill-ġdid fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413.

18      Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1203/2013, tas-26 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 316, p. 1), l-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

19      L-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem IRISL fil-listi inkwistjoni kienet ibbażata fuq il-motivi segwenti:

“[L-]IRISL kienet involuta fit-trasbord ta’ materjal relatat mal-armi mill-Iran bi ksur tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1747(2007) [tal-Kunsill tas-Sigurtà]. Tliet każijiet ta’ ksur ċar kienu rrappurtati lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Iran tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2009.”

20      L-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti l-oħra fil-listi inkwistjoni kienet ibbażata fuq il-motivi segwenti:

–        għal Hafize Darya Shipping Co.: “[Hafize Darya Shipping Lines (HDSL)] ħadet ir-responsabbiltà bħala s-sid benefiċjarju ta’ numru ta’ bastimenti ta[l-][IRISL]. Għalhekk, HDSL qed taġixxi f’isem IRISL.”;

–        għal Khazar Sea Shipping Lines Co.: “Khazar Shipping Lines hija proprjetà ta[l-]IRISL”;

–        għal IRISL Europe: “ IRISL Europe GmbH (Hamburg) hija proprjetà ta[l-] IRISL”;

–        għal Qeshm Marine Services & Engineering Co., li qabel kienet IRISL Marine Services and Engineering Co.: “IRISL Marine Services and Engineering Company hija kkontrollata mi[ll-]IRISL”;

–        għal Irano Misr Shipping Co.: “Irano Misr Shipping Company bħala aġent għal IRISL fl-Eġittu tipprovdi servizzi essenzjali lil[l-]IRISL”;

–        għal Safiran Payam Darya Shipping Co.: “Safiran Payam Darya (SAPID) ħadet ir-responsabbiltà bħala s-sid benefiċjarju ta’ numru ta’ bastimenti ta[l-] IRISL. Għalhekk, hija qed taġixxi f’isem IRISL.”;

–        għal Marine Information Technology Development Co., li qabel kienet Shipping Computer Services Co.: “Shipping Computer Services Company hija kkontrollata mi[ll-]IRISL”;

–        għal Rahbaran Omid Darya Ship Management Co., alias Soroush Sarzamin Asatir (SSA): “Soroush Saramin Asatir (SSA) topera u timmaniġġja numru ta’ bastimenti ta[l-]IRISL. Għalhekk, hija taġixxi f’isem IRISL u tipprovdilha servizzi essenzjali.”;

–        għal Hoopad Darya Shipping Agency,alias South Way ShippingAgency Co. Ltd: “South Way Shipping Agency Co Ltd timmaniġġja operazzjonijiet ta’ terminal tal-kontejners fl-Iran u tipprovdi servizzi ta’ persunal għal flotot f’Bandar Abbas f’isem IRISL. Għalhekk, South Way Shipping Agency Co Ltd qed taġixxi f’isem IRISL.”;

–        għal Valfajr Shipping Line Co.: “Valfajr 8th Shipping Line hija proprjetà ta[l-]IRISL”.

21      B’ittra tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill informa lill-IRISL bid-deċiżjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid isimha fil-listi inkwistjoni u wieġeb għad-domanda tagħha għal aċċess għall-fajl. Huwa indika li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), id-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 kienu introduċew kriterju dwar persuni u entitajiet li jkunu evadew jew kisru d-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, li kien jawtorizzah jinkludi isimha mill-ġdid fil-listi inkwistjoni. Il-Kunsill ċaħad l-allegazzjoni tal-IRISL li hija ma kellhiex għarfien tat-tagħbijiet ittrasportati mill-bastimenti tagħha jew li hija ma kinitx responsabbli ta’ dan. Huwa żied ukoll li, peress li IRISL kienet miżmuma mill-Gvern Iranjan u kienet l-ikbar kumpannija marittima Iranjana, kien hemm riskju manifest li l-bastimenti tagħha jintużaw sabiex jittrasportaw materjal u beni pprojbiti, bi ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa indika wkoll li l-IRISL kellha tieħu l-miżuri kollha possibbli sabiex tiggarantixxi li l-bastimenti tagħha ma jintużawx sabiex jittrasportaw beni pprojbiti, anki lil hinn mill-prassi attwali fis-settur tat-trasport marittimu, u li kien ġie rrapportat ksur divers manifest li jimplika bastimenti proprjetà tal-IRISL lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kontra l-Iran tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“kumitat tas-sanzjonijiet”).

22      B’ittri tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill informa lil kull waħda mir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid isimhom fil-listi inkwistjoni u wieġeb għat-talba tagħhom għal aċċess għall-fajl. Il-Kunsill indika li, sa fejn l-IRISL kienet tissodisfa l-kriterju l-ġdid introdott mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament Nru 971/2013 u li isimha kien ġie inkluż f’dawn il-listi inkwistjoni fuq din il-bażi, l-inklużjoni mill-ġdid ta’ ismijiet ir-rikorrenti l-oħra kien ukoll iġġustifikat minħabba li kienu miżmuma jew ikkontrollati mill-IRISL, jew kienu jaġixxu f’isimha jew jipprovdulha servizzi essenzjali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar u fis-7 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża T-87/14. B’digriet tal-1 ta’ Lulju 2014, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa dan l-intervent. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-6 ta’ Awwissu 2014. Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq din in-nota fit-terminu stabbilit.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

26      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, fil-Kawżi T-14/14 u T-87/14, jippreżentaw dokumenti u jwieġbu għal ċerti domandi. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-termini stabbiliti.

27      B’digriet tas-27 ta’ Jannar 2016, wara li nstemgħu l-partijiet, il-kawżi preżenti ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2016.

29      Fil-Kawża T-14/14, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Fil-Kawża T-87/14, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata l-inapplikabbiltà, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2013/685 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

31      Fil-Kawżi T-14/14 u T-87/14, il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Fil-Kawża T-87/14, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

1.     Fuq il-Kawża T-14/14

33      Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013 sa fejn il-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi, inklużi f’dawn l-atti, isemmu lill-IRISL u kull entità li għandha rabta ma’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma setax jinkludi, fost il-kriterji ta’ inklużjoni fid-Deċiżjoni 2013/497 u fir-Regolament Nru 971/2013, il-kriterju ta’: persuna ġuridika, entità jew korp miżmum(a) jew ikkontrollat(a) mill-IRISL, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi/taġixxi għan-nom tal-IRISL, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jipprovdi/tipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni jew servizzi oħra essenzjali lill-IRISL jew lil entitajiet proprjetà tagħha jew li huma taħt il-kontroll tagħha jew li jaġixxu f’isimha. Huma jsostnu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Kunsill la seta’ jinkludi u lanqas iżomm kriterji li jirreferu espressament għal rabtiet mal-IRISL, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-inklużjoni ta’ isem IRISL kienet illegali u li rabta magħha ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni.

34      Konformement mal-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni tista’, f’kull mument, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom hemm il-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha u l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Hemmati vs Il-Kunsill, T-68/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:349, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġu eżaminati ex officio, minn naħa, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2013/497 u, min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 971/2013.

 Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2013/497

36      Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu l-annullament tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/497 sa fejn jissostitwixxi l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413.

37      Hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, li hija dispożizzjoni dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha biss il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar rikorsi, ippreżentati taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar il-kontroll tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew morali, adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, rigward l-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet dwar il-PESK, hija l-individwalità ta’ dawn l-atti li, konformement mat-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tagħti aċċess għall-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il-Kunsill, T-67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 38, u tal-4 ta’ Ġunju 2014, Hemmati vs Il-Kunsill, T-68/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:349, punt 31).

38      Il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 huma miżuri ta’ portata ġenerali, peress li japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt bħala “il-persuni u entitajiet […] kif elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413”. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni[…] li [t]ipprovd[i] miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Din is-soluzzjoni ma tinbidilx bil-fatt li r-rikorrenti sostnew li ser jikkontestaw din id-dispożizzjoni biss sa fejn tikkonċernahom. Tali soluzzjoni lanqas ma tinbidel bil-fatt li isem IRISL jissemma f’din id-dispożizzjoni sa fejn din ma tikkonċernax direttament lill-IRISL, iżda lill-entitajiet marbuta magħha, iddefiniti b’mod ġenerali u astratt abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-imsemmija dispożizzjoni ġiet applikata fir-rigward tar-rikorrenti ma tibdilx in-natura ġuridika tagħha ta’ att ta’ portata ġenerali. Fil-kawża inkwistjoni, id-“deċiżjoni[…] li [t]ipprovd[i] miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, hija l-att li permezz tiegħu isem ir-rikorrenti ġie inkluż fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2013/685, b’effett mis-27 ta’ Novembru 2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il-Kunsill, T-67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 39).

39      Il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/497 sa fejn jissostitwixxi l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 għalhekk ma jissodisfax ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud peress li ġie ppreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwaru.

 Fuq it-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 971/2013

40      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, li jimplika li dan is-suġġett għandu jkun iddefinit bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konvenuta tinvoka validament il-motivi ta’ difiża tagħha f’dan ir-rigward u lill-Qorti Ġenerali tifhem is-suġġett tat-talbiet tar-rikorrenti.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jsemmux espliċitament liema huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 971/2003 li fir-rigward tagħhom huma jitolbu l-annullament.

42      Madankollu, mill-argumenti ppreżentati fir-rikors jirriżulta li dawn jikkonċernaw biss l-annullament tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 971/2013 dwar kriterji ta’ inklużjoni li jsemmu lill-IRISL u kull entità li għandha rabtiet ma’ din tal-aħħar. Huma biss id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 971/2013 li jissostitwixxu dawk tal-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012 li huma espliċitament imsemmija fir-rikors.

43      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies, kif sostna l-Kunsill fir-risposta tiegħu, li t-talba għall-annullament tar-rikorrenti tirreferi biss għal dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jiċċitawx id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 971/2013, li jissostitwixxi l-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, u lanqas isemmu l-kriterju dwar il-persuni li jkunu evitaw, jew li jkunu kisru, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 267/2012, tad-Deċiżjoni 2010/413 jew tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huma ma jqajmu ebda argument intiż li jikkontesta l-legalità ta’ dan il-kriterju.

44      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw din l-interpretazzjoni tar-rikors u jallegaw li l-kriterju msemmi fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012 kien ukoll ikkontestat. Mill-punti tar-rikors li jirreferu għalihom ir-rikorrenti jirriżulta li dawn huma intiżi li jikkontestaw biss l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni u mhux il-legalità tal-kriterju li abbażi tiegħu hija ġiet inkluża mill-ġdid.

45      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippermettu, f’ċerti ċirkustanzi, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħu, f’ebda każ, jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw rikorrent iressaq talbiet ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, li jemenda s-suġġett tal-kawża fil-mori tal-kawża (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:274, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Minn dan jirriżulta li l-argumenti l-ġodda ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika, li skonthom il-Kunsill illegalment estenda l-kategorija ta’ persuni li isimhom seta’ jiġi inkluż jew inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni billi inkluda l-persuni jew l-entitajiet li evitaw ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà jew kisruhom, għandhom jiġu interpretati bħala talba ġdida intiża għall-annullament tal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012 u għalhekk, huma inammissibbli.

47      Minn dak li ntqal jirriżulta li hemm lok li jitqies li t-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 971/2013 tikkonċerna biss l-annullament tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 971/2013 sa fejn jissostitwixxi l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012.

48      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 971/2013, li jissostitwixxi l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li jirregola l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq ir-rikorsi ppreżentati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra atti li hija d-destinatarja tagħhom jew li jikkonċernawha direttament jew individwalment, kif ukoll kontra atti regolamentari li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ eżekuzzjoni.

49      Il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012 huma miżuri ta’ portata ġenerali, peress li japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għal kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt bħala l-persuni, l-entitajiet u l-korpi enumerati fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament. Għall-applikazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni jew, fi kliem ieħor, att ta’ natura individwali li, kif jirriżulta mill-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, jikkonsisti fl-inklużjoni jew, wara eżami mill-ġdid, fiż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem il-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Anness IX tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012 ma huwiex, bħala tali, dispożizzjoni ta’ att li r-rikorrenti jistgħu jikkontestaw direttament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din is-soluzzjoni ma tinbidilx bil-fatt li r-rikorrenti sostnew li ser jikkontestaw din id-dispożizzjoni biss sa fejn tikkonċernahom. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li din id-dispożizzjoni ġiet applikata fir-rigward tar-rikorrenti ma tibdilx in-natura ġuridika tagħha ta’ att ta’ portata ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il-Kunsill, T-67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 42). Fil-kawża ineżami, l-att individwali, direttament ikkontestat mir-rikorrenti, huwa l-att li permezz tiegħu l-ismijiet ta’ dawn tal-aħħar ġew inklużi mill-ġdid fl-Anness IX tar-Regolament Nru 961/2010, b’effett mis-27 ta’ Novembru 2013.

50      Għaldaqstant, it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 971/2013, li jemenda l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

51      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors fil-Kawża T-14/14 għandu jitqies li ġie ppreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwaru, sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2013/497, u bħala inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 971/2013.

2.     Fuq il-Kawża T-87/14

52      Ir-rikorrenti, fl-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, iqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013 u, fit-tieni kap tat-talbiet tagħhom, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

 Fq l-eċċezzjoni tal-illegalità

53      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013, li huma intiżi li jiddeterminaw il-kriterji li abbażi tagħhom l-ismijiet tar-rikorrenti ġew inklużi fil-listi inkwistjoni, huma illegali u, għaldaqstant, għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 277 TFUE. Huma jallegaw li l-Kunsill, billi adotta d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), emenda l-kriterji inklużi fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(b) u (e) tar-Regolament Nru 267/2012, bil-għan li jinkludi mill-ġdid isimhom fil-listi inkwistjoni.

54      Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), li ebda waħda minnhom ma kienet issostni l-proliferazzjoni nukleari, il-Kunsill kellu jħassar il-kriterji li jirreferu għall-IRISL. Il-kriterji introdotti mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 huma disproporzjonati, bi ksur tal-Artikolu 215 TFUE, u għandhom bħala għan li jevitaw din is-sentenza, billi jippermettuh jinkludi mill-ġdid retroattivament l-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni.

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti d-dritt li, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, tikkontesta b’mod indirett il-validità ta’ att preċedenti tal-istituzzjonijiet li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-att li fir-rigward tiegħu hija ġarrbet konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tiegħu (sentenza tal-25 ta’ April 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, T-526/10, EU:T:2013:215, punt 24). L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża u għandu jkun hemm rabta diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Moallem Insurance vs Il-Kunsill, T-182/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:624, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Rigward l-IRISL, isimha ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, peress li hija kisret id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà.

57      Rigward ir-rikorrenti l-oħra, l-ismijiet tagħhom ġew inklużi fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

58      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-eċċezzjoni tal-illegalità mqajma mir-rikorrenti hija ammissibbli biss jekk tkun intiża li tiddikjara inapplikabbli, minn naħa, fir-rigward tal-IRISL, id-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 sa fejn dawn introduċew, fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012 rispettivament, kriterju li jawtorizza l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuni u ta’ entitajiet li jkunu evitaw ir-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà jew ikunu kisruha (iktar ’il quddiem il-“kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747”) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ rikorrenti oħra, id-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 sa fejn issostitwixxew l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012 rispettivament.

59      Insostenn tal-eċċezzjoni tal-illegalità tagħhom tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ bażi legali, it-tieni nett, fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħhom kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem u ta’ awtorità ta’ res judicata, it-tielet nett, fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-ħames nett, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħhom.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali

60      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 ma għandhomx bażi legali. Il-Kunsill ma indikax li l-modifika tal-kriterji fl-2013 kienet iġġustifikata b’raġuni oġġettiva marbuta ma’ miżuri restrittivi meħuda kontra programm nukleari Iranjan. L-Artikolu 215 TFUE jawtorizza l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi biss jekk dawn ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan li għandu jintlaħaq fil-kuntest tal-PESK, li huwa li jiġi prekluż il-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari fl-Iran.

61      Għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2013/497 għandha bħala bażi legali l-Artikolu 29 TUE u li r-Regolament Nru 971/2013 għandu bħala bażi legali l-Artikolu 215 TFUE. Għandu jitqies li, permezz ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, fir-realtà, li l-emendi introdotti mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament Nru 971/2013 jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ din tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan hija ddeduċiet li hija biss in-natura inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120, u tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C-440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77).

63      Għandu wkoll jitfakkar li d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament Nru 267/2012 għandhom bħala għan li jipprekludu l-proliferazzjoni nukleari u li jeżerċitaw għalhekk pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex ittemm l-attivitajiet ikkonċernati. Dan l-għan jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali ta’ sforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u, konsegwentement, huwa leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għandha ssir distinzjoni bejn il-kriterju li jservi ta’ bażi legali għall-inklużjoni ta’ isem l-IRISL fuq il-listi inkwistjoni u l-kriterju li jirreferi għar-rikorrenti l-oħra.

–       Fir-rigward tal-IRISL

65      Għandu jitfakkar li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013, emenda l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u dak stabbilit fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 267/2012, b’mod li jkopri mhux biss il-persuni u l-entitajiet li għenu persuna jew entità tevita d-dispożizzjonijiet ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tiksirhom, iżda wkoll persuni jew entitajiet li evitawhom jew kisruhom.

66      Għandu wkoll jitfakkar li l-isem tal-IRISL ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni mid-Deċiżjoni 2013/685 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, peress li din kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà.

67      Fil-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, hemm indikat li dan tal-aħħar “għandu jiddeċiedi li l-Iran ma għandux jipprovdi, ibigħ jew jittrasferixxi, direttament jew indirettament, mit-territorju tiegħu jew permezz taċ-ċittadini tiegħu jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tiegħu, ebda arma u ebda materjal relatat u li l-Istati kollha għandhom jipprekludu l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti mill-Iran permezz taċ-ċittadini tagħhom, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, kemm jekk dawn l-oġġetti jkunu joriġinaw mit-territorju Iranjan u kemm jekk le”. Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, il-Kunsill tas-Sigurtà, b’din ir-riżoluzzjoni, estenda l-portata tal-miżuri restrittivi kontra l-Iran billi pprekluda l-akkwist ta’ armi u ta’ materjal relatat mingħand l-Iran. Din ir-riżoluzzjoni hija intiża li tiżgura li l-programm nukleari Iranjan iservi għal finijiet esklużivament paċifiċi u li tostakola l-iżvilupp mill-Iran ta’ teknoloġija ta’ natura sensittiva insostenn tal-programmi nukleari u tal-missili tagħha.

68      Għandu jiġi rrilevat li r-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tissemma fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2010/413. Ir-regoli ġenerali tal-Unjoni li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tat-test u tal-għan tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma jimplementaw (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, EU:C:2011:735, punt 104).

69      Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-għan tal-miżuri restrittivi kontra l-Iran ma huwiex biss li jiġi prekluż il-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari fl-Iran, iżda b’mod iktar ġenerali li ssir pressjoni fuq l-Iran sabiex itemm l-attivitajiet nukleari tiegħu li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari.

70      Il-kriterju introdott mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament Nru 971/2013, li jipprovdi l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuni li, bi ksur tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà pparteċipaw għall-provvista, għall-bejgħ jew għat-trasferiment fl-Iran ta’ armi jew ta’ materjal konness, jagħmel parti minn kuntest legali li huwa ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi kontra l-Iran.

71      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747 għandu jitqies li huwa xieraq għall-għan ta’ ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012 u għalhekk josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

72      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ entità li tkun għenet persuna, entità jew korp li jinsab/tinsab f’lista sabiex jikser jew tikser id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010, tar-Regolament Nru 267/2012 jew tar-Riżoluzzjonijiet 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà, jew li evitathom, kien marbut mal-għan tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012, imsemmi fil-punt 63 iktar ’il fuq. Hija qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ entitajiet rikonoxxuti li pprovdew tali għajnuna lil entità nnominata kien neċessarju u adatt sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-iskema ta’ miżuri restrittivi stabbilita bid-Deċiżjoni 2010/413 u bir-Regolament Nru 267/2012 u sabiex jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, T-434/11, EU:T:2013:405, punt 192).

73      Dan japplika iktar u iktar fir-rigward tal-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747.

–       Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra

74      Fir-rigward tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu ebda argument speċifiku kontra l-proporzjonalità ta’ dawn il-kriterji mal-għanijiet tal-PESK.

75      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-fondi ta’ entità jkunu ffriżati, hemm riskju sinjifikattiv li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew li tikkontrolla, sabiex tevita l-effett tal-miżuri li japplikaw fir-rigward tagħha, minkejja li l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet huwa neċessarju u adatt sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u sabiex jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 58).

76      Għandu jitqies li dan ir-riskju li jiġu evitati l-miżuri restrittivi jeżisti wkoll meta entità li l-fondi tagħha jkunu ffriżati tiddelega wħud mill-attivitajiet tagħha lil impriżi oħra jew lil entitajiet oħra li, minkejja li ma jkunux miżmuma minn din l-entità, jaġixxu għan-nom tagħha jew jeżerċitaw ċerti attivitajiet essenzjali f’isimha.

77      Isegwi li l-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL ma humiex arbitrarji, iżda ġew adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lilu u huma bbażati fuq riskju sinjifikattiv li l-miżuri restrittivi jiġu evitati minn entità li l-fondi tagħha huma ffriżati. Dawn il-kriterji għandhom jitqiesu li huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

78      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem u ta’ awtorità ta’ res judicata

79      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2003 jiksru l-aspettattivi leġittimi tagħhom kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem u ta’ awtorità ta’ res judicata. Huma jqisu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Kunsill ma setax jinkludi kriterji ġodda li jippermettu li isimha jiġi inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni.

80      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, f’din is-sentenza, minkejja li l-Qorti Ġenerali annullat l-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, min-naħa l-oħra ma ddeċidietx dwar il-validità tal-kriterji fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 267/2012 fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti fil-kawża ineżami.

81      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Kunsill kellu jirtira l-kriterji li jikkonċernaw lill-IRISL u li ma setax iżomm il-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

82      It-tieni nett, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, jekk il-Kunsill kien iqis li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx tawtorizzah jintervjeni b’mod suffiċjentement effikaċji sabiex jiġġieled kontra l-proliferazzjoni nukleari, huwa seta’ jadatta dan fl-irwol tiegħu ta’ leġiżlatur, bla ħsara għal stħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, sabiex jestendi s-sitwazzjonijiet li fihom setgħu jiġu adottati miżuri restrittivi.

83      Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), l-effetti tal-inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi ġew miżmuma sal-iskadenza tat-terminu msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, jiġifieri sal-iskadenza tat-terminu ta’ appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-imsemmi terminu skada, l-imsemmija inklużjoni ġiet eliminata retroattivament mill-ordinament ġuridiku bħallikieku qatt ma kienet eżistiet (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T-423/13 u T-64/14, EU:T:2016:308, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tista’ tistabbilixxi terminu li matulu l-effetti ta’ annullament ta’ att jiġu sospiżi sabiex il-Kunsill ikun jista’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat, billi jadotta, skont il-każ, kriterji ġodda ġenerali ta’ inklużjoni fil-lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u ta’ miżuri ġodda restrittivi, li huma intiżi għall-iffriżar tal-fondi tal-entità kkonċernata għall-futur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-imsemmija kriterji ġodda ta’ inklużjoni kif ukoll l-imsemmija miżuri restrittivi ma jippermettux li jiġu vvalidati l-miżuri li jitqiesu li huma illegali minn sentenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Good Luck Shipping vs Il-Kunsill, T-423/13 u T-64/14, EU:T:2016:308, punt 80).

85      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Kunsill ma setax jinkludi kriterji ġodda li jippermettu li isimhom jiġi inkluż fil-listi inkwistjoni, partikolarment għaliex mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747 u l-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL, li jinsabu fid-Deċiżjoni 2013/497 u fir-Regolament Nru 971/2013, huma konformi mal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012.

86      It-tielet nett, huwa wkoll b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill emenda l-kriterji fid-Deċiżjoni 2013/497 u fir-Regolament Nru 971/2013, sabiex jinkludi mill-ġdid isimhom fil-listi b’mod retroattiv.

87      Fil-fatt, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), l-atti li wasslu għall-ewwel inklużjoni ta’ ismijiet ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni ġew eliminati retroattivament mill-ordinament ġuridiku, b’mod li l-ismijiet tar-rikorrenti jitqiesu li qatt ma ġew inklużi f’dawn il-listi għall-perijodu li jippreċedi din is-sentenza.

88      Id-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 daħlu fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-12 ta’ Ottubru 2013. Kull inklużjoni abbażi tal-kriterji inklużi f’dawn l-atti hija possibbli b’effett minn din id-data. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni, li saret bid-Deċiżjoni 2013/685 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Novembru 2013. Ir-rikorrenti ma jispjegawx kif l-emenda tal-kriterji bid-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 awtorizzat l-inklużjoni ta’ isimhom b’mod retroattiv fil-listi inkwistjoni.

89      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li huma setgħu jqisu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), isimhom ma kienx ser jiġi inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni fin-nuqqas ta’ provi ġodda, dan huwa intiż li jikkontesta l-validità tal-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom f’dawn il-listi li saret bid-Deċiżjoni 2013/685 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013 u għalhekk ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet.

90      Minn dak li ntqal jirriżulta li, billi adotta d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013, il-Kunsill la kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u lanqas il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem u ta’ awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal-poter

91      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 “jiddiskriminaw” b’mod inġustifikat u sproporzjonat lill-IRISL. Dawn it-testi jsemmu nominattivament lill-IRISL bil-għan li tiġi evitata s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), u mhux li jiġi miġġieled il-programm nukleari Iranjan. Il-Kunsill abbuża mill-poteri tiegħu billi adotta d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 u billi impona miżuri restrittivi li jkopru lill-IRISL u lir-rikorrenti l-oħra bil-għan li tiġi evitata din is-sentenza.

92      Skont il-ġurisprudenza, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin tal-poter jekk ikun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk esposti jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-trattat sabiex tirregola ċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-emendi tal-kriterji introdotti mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament Nru 971/2013 huma konformi mal-għanijiet ta’ ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari.

94      Barra minn hekk, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), ma jistax jiġi dedott li din tipprekludi l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ kriterji ta’ portata ġenerali, bħall-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747 jew il-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL. Il-kwistjoni dwar jekk l-ismijiet tar-rikorrenti setgħux jiġu validament inklużi fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ dawn il-kriterji jagħmel parti mill-eżami tat-tieni kap tat-talbiet.

95      Għaldaqstant, il-Kunsill ma abbużax il-poteri tiegħu meta adotta d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 u t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

96      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 jiksru d-drittijiet tad-difiża tagħhom, peress li l-Kunsill ma informahomx bl-intenzjoni tiegħu li jinkludi, fid-Deċiżjoni 2013/497 u fir-Regolament Nru 971/2013, kriterji li jirreferu direttament għall-IRISL. Il-Kunsill ma ttrażmettilhom ebda dokument li jispjega għalfejn l-inklużjoni ta’ tali kriterji tista’ tkun legali u ma tahomx il-possibbiltà li jwieġbu.

97      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li jirreferi għal persuna speċifika, li għandu jiġi osservat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni proċedurali, ma jistax jiġi traspost fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 TUE u ta’ dik prevista fl-Artikolu 215 TFUE, li jwassal, bħal fil-każ ineżami, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 388 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Kunsill jinforma lil kwalunkwe persuna potenzjalment koperta minn kriterju ġdid ta’ portata ġenerali tal-adozzjoni ta’ dan il-kriterju. Ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013.

99      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni

100    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà tagħhom u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħhom, billi jinkludu fil-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi inkwistjoni rabta mal-IRISL u billi isimha jissemma espliċitament. Id-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 jimplikaw li l-IRISL u l-entitajiet li għandhom rabta magħha huma marbuta mal-proliferazzjoni nukleari, u dan huwa nieqes minn kwalunkwe bażi, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), li dan ma kienx il-każ.

101    Fir-rigward tal-IRISL, isimha ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747. Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan il-kriterju ta’ portata ġenerali ma jsemmix nominattivament lill-IRISL u, min-naħa l-oħra, li dan il-kriterju huwa differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 dwar il-provvista ta’ “sostenn [għall-proliferazzjoni nukleari]” u li ma jimponix lill-Kunsill jistabbilixxi rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet tal-persuna jew tal-entità suġġetta għal miżuri restrittivi u l-proliferazzjoni nukleari.

102    Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra, l-ismijiet tagħhom ġew inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL. Dan il-kriterju ma jimplikax li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet tal-persuna jew tal-entità suġġetta għal miżuri restrittivi u l-proliferazzjoni nukleari.

103    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-kriterji introdotti mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament Nru 971/2013 jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom billi jistabbilixxu rabta bejnhom u l-proliferazzjoni nukleari.

104    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

105    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013 għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti

106    Insostenn tat-talba għall-annullament tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, it-tieni nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill, it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, il-ħames nett, tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà tagħhom u tad-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħhom, u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali

107    Ir-rikorrenti jsostnu li peress li d-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 huma illegali għar-raġunijiet esposti fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom u peress li għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli, id-Deċiżjoni 2013/685 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/201 huma nieqsa minn bażi legali.

108    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li peress li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013 ġiet miċħuda, l-ewwel motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill

109    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni, minn naħa, isem l-IRISL u, min-naħa l-oħra, l-ismijiet tar-rikorrenti l-oħra.

110    L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li, permezz tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid jew taż-żamma ta’ isem persuna jew entità f’listi ta’ persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li tapplika individwalment għal din il-persuna jew din l-entità, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi sottostanti l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex fondati (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

111    Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tista’, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi mqajma kontra l-persuna kkonċernata u mhux din tal-aħħar li għandha tippreżenta prova negattiva tan-nuqqas ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi. Huwa neċessarju li l-informazzjoni jew il-provi ppreżentati jsostnu l-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata. Jekk dan il-materjal ikun insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni għandha teskludi dan tal-aħħar bħala sostenn għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ żamma ta’ inklużjoni inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 sa 123).

–       Fir-rigward tal-IRISL

112    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq aġir tal-2009, jiġifieri l-inċidenti relatati mal-ksur tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà li kien ibbaża ruħu fuqhom il-Kunsill sabiex jinkludi isem l-IRISL fl-atti annullati mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), sabiex jinkludi mill-ġdid isimha fil-listi inkwistjoni fl-2013. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat f’din is-sentenza li dawn l-inċidenti ma kinux marbuta mal-proliferazzjoni nukleari u ma kinux wasslu sabiex il-Kunsill tas-Sigurtà jissanzjonaha.

113    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-IRISL ma kisritx riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn xhieda li kienu ġew trażmessi lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013. Dan tal-aħħar ma spjegax għal liema motiv huwa kien ċaħad dawn il-provi.

114    It-tielet nett, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ittra tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2013 li fiha dan tal-aħħar żied motivi ġodda għall-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-IRISL li ma jidhrux fid-Deċiżjoni 2013/685 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013.

115    Huma jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-kontenut ta’ din l-ittra huwa żbaljat. Minn naħa, kif jirriżulta mix-xhieda tad-Direttur Ġenerali tagħha, l-IRISL ma hijiex miżmuma mill-Gvern Iranjan. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kunsill “ma jaċċettax” li l-IRISL ma għandhiex għarfien tat-tagħbijiet ittrasportati mill-bastimenti tagħha jew li ma tistax tinżamm responsabbli ta’ dan ikun jafferma l-prinċipju ta’ responsabbiltà oġġettiva li ma għandux bażi legali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jindikaw li l-IRISL, bħala trasportatur, ma hijiex responsabbli għat-tagħbijiet ittrasportati mill-bastimenti tagħha, konformement mal-prinċipji internazzjonali tad-dritt marittimu. Fl-aħħar nett, l-IRISL tirrikonoxxi li l-bastimenti tagħha jistgħu jintużaw sabiex jittrasportaw beni pprojbiti u hija implementat sistemi rigorużi sabiex tevita dan ir-riskju, u dan imur lil hinn mill-prassi kurrenti fis-settur tat-trasport marittimu.

116    Għandu jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, il-Kunsill iddeċieda li jinkludi mill-ġdid isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni peress li din “[kienet] ipparteċipat fit-trasport ta’ materjal marbut ma’ armi li joriġina mill-Iran, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-[paragrafu] 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-[Kunsill tas-Sigurtà]” u li [tliet darbiet ta’ ksur manifest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet [kien] ġie rrappurtat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kontra l-Iran tal-[Kunsill tas-Sigurtà] fl-2009”.

117    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur effettiv tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din il-konstatazzjoni hija neċessarjament ibbażata fuq fatti li jippreċedu l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid. Il-Kunsill seta’ għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni l-ksur ta’ din ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà kkonstatat fl-2009. Fl-2013 huwa seta’ wkoll iqis li avvenimenti li kienu seħħew fl-2009 kienu suffiċjentement reċenti.

118    Il-Kunsill ibbaża ruħu fuq ir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għas-sena 2009 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet”), li kien jindika li kien irċieva tliet rapporti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) li impona embargo lill-Iran fuq l-esportazzjoni ta’ armi u ta’ materjal relatat. Dan ir-rapport jindika li t-tliet darbiet li kien seħħ il-ksur kienu jikkonċernaw lill-IRISL, li kienet innolleġġat il-bastiment li jittrasporta l-materjal ta’ Iran lejn Stat ieħor.

119    Dan ir-rapport jinkludi speċifikazzjonijiet dwar it-tliet inċidenti li jimplikaw lill-IRISL. Għal kull wieħed mit-tliet inċidenti, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet irċieva mingħand Stat terz informazzjoni dwar il-preżenza ta’ tagħbija suspettuża, li toriġina mill-Iran u għad-destinazzjoni lejn Stat ieħor, abbord bastiment innolleġġat mill-IRISL. Waqt spezzjoni ta’ bastiment li saret mill-awtoritajiet tal-Istat li żvela l-fatti, ġie kkonstatat li t-tagħbija kienet tinkludi materjal għall-użu militari. Dan l-istess Stat indika li kien żamm u ħatt it-tagħbija u li kienet qiegħda f’maħżen.

120    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu ebda argument intiż li jikkontesta l-fatti deskritti fir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jiġifieri li saret sejba ta’ materjal militari abbord bastimenti nnolleġġati mill-IRISL. Huma ma jqajmu ebda argument u lanqas prova li juru li l-IRISL ma pparteċipatx f’dawn it-tliet inċidenti.

121    Huma sempliċement jibbażaw ruħhom fuq dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali u tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-IRISL u fuq dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Ikel bl-Ingrossa tal-IRISL li jikkonstataw li IRISL ma kisritx riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

122    Skont il-ġurisprudenza, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi ppreżentati huwa l-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni inkluża fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T-343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Madankollu, peress li dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet joriġinaw minn persuni impjegati mill-IRISL mill-1984 jew 1985 u li jeżerċitaw fi ħdanha preżentement funzjonijiet maniġerjali, ix-xhieda tagħhom ma tistax tiġi kklassifikata bħala li hija differenti u indipendenti minn dik tal-IRISL. Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet saru fuq talba tal-IRISL, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, u ġew indirizzati lilha.

124    Għaldaqstant, għandu jitqies li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom valur probatorju dgħajjef.

125    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Ikel bl-Ingrossa tal-IRISL ma tinkludi ebda prova dwar it-tliet inċidenti msemmija mir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

126    Min-naħa l-oħra, fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-ewwel nett, id-Direttur Ġenerali tal-IRISL isostni li fil-kwalità tagħha ta’ trasportatur l-IRISL ma kellhiex għarfien tan-natura tat-tagħbija li kienet ittrasportata fit-tliet bastimenti implikati fl-inċidenti u li kienet tibbaża ruħha fuq id-deskrizzjoni tat-tagħbija mogħtija mill-karigatur. It-tieni nett, huwa jindika li ma kienx hemm prova li materjal nukleari kunfidenzjali kien instab abbord dawn il-bastimenti. It-tielet nett, huwa jirrileva li n-Nazzjonijiet Uniti ma kkonstatax ksur ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

127    Dawn id-dikjarazzjonijiet huma identiċi għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom.

128    Għandu jiġi rrilevat li l-argument li l-IRISL ma kellhiex għarfien tal-kontenut tat-tagħbija ttrasportata mill-bastimenti tagħha huwa irrilevanti. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja li jista’ jiġi ammess li l-IRISL ma kellhiex għarfien ta’ armi jew ta’ materjal militari li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fil-bastimenti tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatti deskritti fir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet jistabbilixxu li, bħala noleġġatur, hija “ipparteċipat fit-trasport tal-materjal marbut ma’ armi provenjenti mill-Iran”.

129    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kriterju dwar l-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747 ma jeżiġix li l-inċidenti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tiegħu jkunu marbuta mal-proliferazzjoni nukleari. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju lanqas ma teżiġi li l-persuna li għaliha japplika dan il-kriterju tkun issanzjonata mill-Kunsill tas-Sigurtà.

130    Fir-rigward tal-argument li l-Kunsill wettaq żball fl-ittra tas-27 ta’ Novembru 2013 billi indika li l-IRISL kienet miżmuma mill-Gvern Iranjan, dan huwa irrilevanti sa fejn din il-kunsiderazzjoni ma tagħmilx parti mill-motivi li għalihom isem l-IRISL ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni.

131    Fl-aħħar nett, huwa wkoll irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill, fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2013, ma setax jikkonferma li kien hemm riskju li l-bastimenti tal-IRISL jintużaw sabiex jittrasportaw beni pprojbiti bi ksur ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, filwaqt li r-rikorrenti wrew li ma kienx hemm dan ir-riskju. Fil-fatt, kif jirrilevaw ir-rikorrenti stess, din id-dikjarazzjoni ma tagħmilx parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid, li hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur effettiv tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi biss risposta tal-Kunsill għall-osservazzjonijiet li saru mill-IRISL fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Novembru 2013. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Kunsill injora dawn l-osservazzjonijiet u x-xhieda li huma kienu ttrażmettewlu. Barra minn hekk, dan l-argument jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li tinsab fir-rikors, li huma jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ dan ir-riskju u jindikaw li l-IRISL adottat miżuri sabiex tevitah.

132    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kunsill ma wettaqx żball meta qies li l-IRISL kienet ipparteċipat fit-trasport ta’ materjal marbut ma’ armi li joriġinaw mill-Iran u li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha kien iġġustifikat abbażi tal-kriterju marbut mal-inosservanza tar-Riżoluzzjoni 1747.

–       Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra

133    Preliminarjament, ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni hija illegali, l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tar-rikorrenti l-oħra minħabba r-rabta tagħhom mal-IRISL hija wkoll illegali.

134    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li peress li l-Kunsill ma wettaqx żball meta inkluda mill-ġdid isem l-IRISL fil-listi, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

135    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill wettaq ċertu numru ta’ żbalji fattwali dwar il-motivi li għalihom huwa inkluda mill-ġdid l-isem ta’ kull waħda mir-rikorrenti l-oħra fil-listi.

136    L-ewwel nett, l-ismijiet ta’ Khazar Sea Shipping Lines, ta’ IRISL Europe u ta’ Valfajr Shipping Line ġew inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li dawn kienu miżmuma mill-IRISL.

137    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li dawn it-tliet entitajiet huma miżmuma mill-IRISL.

138    Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Kunsill inkluda l-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

139    It-tieni nett, l-ismijiet ta’ Qeshm Marine Services & Engineering u ta’ Marine Information Technology Development ġew inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li dawn kienu kkontrollati mill-IRISL.

140    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-motiv relatat ma’ dawn iż-żewġ entitajiet billi jillimitaw ruħhom li jsostnu li dawn biddlu l-isem kummerċjali tagħhom.

141    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa irrilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi bidla tal-isem kummerċjali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet ma taffettwax id-detenzjoni tal-kapital tagħhom, u lanqas il-fatt li huma sussidjarji tal-IRISL.

142    Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Kunsill inkluda l-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

143    It-tielet nett, l-ismijiet ta’ Hafize Darya Shipping u ta’ Safiran Payam Darya Shipping ġew inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li dawn jaġixxu għan-nom tal-IRISL, fid-dawl tal-fatt li bħala benefiċjarji effettivi huma ħadu ċertu numru ta’ bastimenti ta’ dawn tal-aħħar.

144    Ir-rikorrenti jsostnu li dawn iż-żewġ entitajiet ma humiex proprjetarji ta’ bastimenti u li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq dikjarazzjonijiet ġenerali li joriġinaw minn sorsi li ma humiex indipendenti u li ma jurux li huma proprjetarji ta’ bastimenti. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Kunsill la ta spjegazzjoni ta’ “benefiċjarju effettiv” u lanqas wera li dawn iż-żewġ entitajiet jissodisfaw din il-kwalifika ta’ “benefiċjarju effettiv”.

145    Għandu jitfakkar li l-Kunsill indika, fl-ittri tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 trażmessi lil kull waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet, li l-fatt li bħala benefiċjarji effettivi huma kienu ħadu ċertu numru ta’ bastimenti tal-IRISL kien ikkonfermat mir-rapporti tat-12 ta’ Ġunju 2012 u tal-5 ta’ Ġunju 2013 tal-grupp ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti mwaqqaf mir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Fl-ittri tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2013 trażmessi lil kull waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet, il-Kunsill speċifika li r-rapport tat-12 ta’ Ġunju 2012 kien jindika, bħala segwitu għar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li l-IRISL kienet bdiet tittrasferixxi bastimenti lil Hafize Darya Shipping u lil Safiran Payam Darya Shipping, li huma marbuta magħha, u li l-IRISL u l-kumpanniji marbuta magħha kienu wettqu diversi bidliet relatati mal-proprjetarji rreġistrati u l-benefiċjarji effettivi tal-bastimenti tagħhom tal-2008 sal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929(2010). Il-Kunsill sostna wkoll li r-rapport tal-5 ta’ Ġunju 2013 kien indika li l-bastimenti, li l-benefiċjarji effettivi tagħhom kienu l-IRISL, Hafize Darya Shipping u Safiran Payam Darya Shipping, kienu kontinwament biddlu l-isem, il-bandiera u l-proprjetarju rreġistrat bejn April 2012 u April 2013.

146    Għandu jiġi rrilevat li r-rapporti tat-12 ta’ Ġunju 2012 u tal-5 ta’ Ġunju 2013 huma disponibbli fis-sit internet tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li r-rikorrenti jikkonfermaw li għandhom għarfien ta’ dan.

147    Ir-rapport tat-12 ta’ Ġunju 2012 jiddeskrivi l-mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-proprjetà tal-bastimenti tal-IRISL lejn Hafize Darya Shipping u Safiran Payam Darya Shipping bħala segwitu għar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li kienet issemmi lill-IRISL għall-ewwel darba. Dan ir-rapport jispjega b’mod partikolari li numru żgħir biss ta’ bastimenti kienu direttament irreġistrati f’isem Hafize Darya Shipping u Safiran Payam Darya Shipping, peress li l-bastimenti tagħhom kienu rreġistrati f’isem diversi kumpanniji differenti miżmuma minnhom.

148    Minn dan jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “benefiċjarju effettiv”, minflok dak ta’ “proprjetarju rreġistrat”, il-Kunsill jipprevedi entità li, minkejja li ma hijiex irreġistrata uffiċjalment bħala l-proprjetarja ta’ bastiment, hija l-“benefiċjarja effettiva” tiegħu, permezz ta’ kumpannija miżmuma minnha u li hija l-proprjetarju rreġistrat ta’ tali bastiment.

149    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li dan il-kunċett ma huwiex ċar u li ma jistgħux jifhmu sa fejn Hafize Darya Shipping u Safiran Payam Darya Shipping jissodisfaw din il-kwalifika.

150    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu ebda argument u ma jippreżentaw ebda prova intiżi li jikkontestaw il-fatti ppreżentati fir-rapporti tat-12 ta’ Ġunju 2012 u tal-5 ta’ Ġunju 2013. Huma ma jistgħux isostnu li r-rapporti tal-grupp ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti joriġinaw minn sorsi li ma humiex indipendenti.

151    Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Kunsill inkluda mill-ġdid l-ismijiet ta’ Hafize Darya Shipping u ta’ Safiran Payam Darya Shipping fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

152    Ir-raba’ nett, isem Rahbaran Omid Darya Ship Management ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li hija kienet taġixxi għan-nom tal-IRISL u tipprovdilha servizzi essenzjali, fid-dawl tal-fatt li hija kienet topera u tiġġestixxi ċertu numru ta’ bastimenti tal-IRISL. Isem Hoopad Darya Shipping Agency ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li hija kienet taġixxi għan-nom tal-IRISL, fid-dawl tal-fatt li kienet twettaq tranżazzjonijiet f’faċilitajiet ta’ kontejners marittimi fl-Iran u kienet tipprovdi servizzi ta’ persunal tal-flotta lil Bandar Abbas għan-nom tal-IRISL.

153    Fir-rigward ta’ Rahbaran Omid Darya Ship Management, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li hija tipprovdi ċertu numru ta’ servizzi lil ċertu numru ta’ bastimenti li jappartjenu lill-IRISL, iżda jikkontestaw il-fatt li dawn is-servizzi huma “essenzjali”.

154    Fir-rigward ta’ Hoopad Darya Shipping Agency, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li din twettaq tranżazzjonijiet ta’ ħażna għall-bastimenti li jappartjenu lill-IRISL u li hija taġixxi għan-nom ta’ din tal-aħħar, iżda jikkontestaw in-natura “essenzjali” ta’ dawn is-servizzi.

155    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ Rahbaran Omid Darya Ship Management u ta’ Hoopad Darya Shipping Agency, ir-rikorrenti la jikkontestaw u lanqas jirrikonoxxu espliċitament li dawn tal-aħħar jaġixxu għan-nom tal-IRISL.

156    Il-fatt li dawn l-entitajiet jaġixxu għan-nom tal-IRISL jikkostitwixxi motiv suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

157    Għaldaqstant, l-argumenti intiżi li jikkontestaw in-natura “essenzjali” tas-servizzi pprovduti minn dawn l-entitajiet lill-IRISL huma irrilevanti, iktar u iktar fir-rigward ta’ Hoopad Darya Shipping Agency li fil-konfront tagħha l-provvista ta’ servizzi essenzjali ma tikkostitwixxix motiv għall-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

158    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li dawn iż-żewġ entitajiet biddlu l-isem kummerċjali, dawn ma jispjegawx kif din l-informazzjoni hija rilevanti sabiex tikkonfuta l-motivi li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill sabiex jinkludi mill-ġdid isimhom fil-listi inkwistjoni.

159    Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Kunsill inkluda mill-ġdid l-ismijiet ta’ Rahbaran Omid Darya Ship Management u ta’ Hoopad Darya Shipping Agency fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ kriterji dwar entitajiet marbuta mal-IRISL.

160    Il-ħames nett, isem Irano Misr Shipping ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni peress li hija kienet tipprovdi servizzi essenzjali lill-IRISL, bħala aġent ta’ din tal-aħħar fl-Eġittu.

161    Ir-rikorrenti jsostnu li Irano Misr Shipping taġixxi bħala aġent tal-IRISL u tipprovdilu ċerti servizzi, iżda jikkontestaw il-fatt li dawn is-servizzi huma “essenzjali”.

162    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bħala aġent tal-IRISL fl-Eġittu, din l-entità teżerċita attivitajiet indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tat-trasport tal-IRISL f’dan il-pajjiż. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-fatt li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, hija tipprovdi servizzi essenzjali lill-IRISL.

163    Barra minn hekk, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li, fost is-servizzi pprovduti minn din l-entità lill-IRISL, hemm b’mod partikolari l-bdil tal-ekwipaġġ, l-irmiġġ tal-bastimenti jew il-ħruġ ta’ polza ta’ kargu li jikkostitwixxu servizzi essenzjali għall-attività ta’ kumpannija ta’ trasport marittimu.

164    Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Kunsill inkluda l-isem ta’ Irano Misr Shipping fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterji dwar l-entitajiet marbuta mal-IRISL.

165    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

166    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fil-kawża inkwistjoni, il-Kunsill indikalhom l-intenzjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid isimhom u l-motivi li fuqhom kienet ibbażata, filwaqt li tahom terminu qasir sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet. Madankollu, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

167    Fil-fatt, qabelxejn, kien biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid li l-Kunsill indika l-fatturi li fuqhom huwa bbaża ruħu, b’mod li kien tard wisq sabiex ir-rikorrenti jippreżentaw osservazzjonijiet u sabiex il-Kunsill jeħodhom inkunsiderazzjoni. Sussegwentement, il-Kunsill ma indikax fuq liema bażi kien iġġustifikat li jinkludi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni l-isem tar-rikorrenti f’Novembru 2013 u la ħa inkunsiderazzjoni u lanqas spjega l-motivi li għalihom huwa ċaħadhom. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fatt li l-osservazzjonijiet tagħhom ma humiex inklużi fid-dokumenti li l-Kunsill eżamina sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni mill-ġdid tfisser li ma ħadhomx inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li peress li kien biss fl-ittra tas-27 ta’ Novembru 2013 li l-Kunsill espona r-raġunijiet ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isem l-IRISL, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, dawn ir-raġunijiet ma humiex rilevanti. Il-Kunsill kellu jagħti l-possibbiltà lill-IRISL tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegazzjonijiet f’din l-ittra u kellu jinkludi lil dawn tal-aħħar fil-motivi ta’ inklużjoni mill-ġdid fil-listi inkwistjoni ta’ isimhom, inklużi fid-Deċiżjoni 2013/685 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013.

168    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura mibdija kontra entità u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun iggarantit, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Minn naħa, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-entità kkonċernata tkun informata bil-provi li jkunu tressqu kontriha sabiex jiġġustifikaw l-att li jikkawżalha preġudizzju. Min-naħa l-oħra, hija għandha tingħata l-possibbiltà li tinvoka effettivament il-fehma tagħha dwar dawn il-provi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Sussegwentement, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar iż-żamma ta’ persuna jew entità f’lista ta’ persuni jew entitajiet li fir-rigward tagħhom japplikaw miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu josserva d-dritt ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità li tinstema’ minn qabel meta huwa jinkludi, fid-deċiżjoni dwar iż-żamma ta’ isimha fil-lista, provi ġodda kontriha li ma kinux inklużi fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha fil-lista (is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C-535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26)

171    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, meta informazzjoni suffiċjentement preċiża tkun ġiet ikkomunikata, b’mod li tippermetti lill-entità kkonċernata tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv dwar il-provi mressqa kontriha, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-istituzzjoni għandha spontanjament tagħti aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajl tagħha. Huwa biss fuq talba tal-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa marbut jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi u mhux kunfidenzjali kollha li jirrigwardaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan il-prinċipju jimplika li l-awtorità tal-Unjoni li tadotta att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew entità għandha tikkomunikalha l-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att, sa fejn huwa possibbli, meta jiġi adottat l-att jew, minn tal-inqas, mill-iktar fis possibbli wara li jkun ġie adottat, sabiex tagħtiha l-possibbiltà teżerċità, fit-termini imposti, id-dritt tagħha li tressaq kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, EU:C:2011:735, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li, b’ittri kemm tat-22 kif ukoll tat-30 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti l-motivi li għalihom huwa kellu l-intenzjoni jinkludi mill-ġdid l-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni kif ukoll il-fatti li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw li kull wieħed minn dawn il-motivi jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) u (e) tar-Regolament Nru 267/2012 (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq).

174    B’dawn l-ittri, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kunsill ikkomunikalhom il-motivi u l-bażi legali tal-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013. F’dawn l-ittri, il-Kunsill tahom ukoll terminu li fih kellhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

175    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif sostnew ir-rikorrenti, l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni kienet ibbażata fuq l-istess fatti bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata l-ewwel inklużjoni, jiġifieri, għall-IRISL, it-tliet inċidenti marbuta mat-trasport ta’ materjal militari u, għar-rikorrenti l-oħra, ir-rabtiet tagħhom mal-IRISL.

176    B’ittri kemm tal-15 kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2013 (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-fatti invokati mill-Kunsill. Għaldaqstant, huma kellhom il-possibbiltà li jinvokaw b’mod effettiv il-fehma tagħhom dwar il-provi li kienu tressqu kontrihom mill-Kunsill.

177    B’ittri tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill wieġeb speċifikament għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u ċaħad l-allegazzjonijiet imqajma minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, huwa żbaljat li r-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom u ma spjegax ir-raġunijiet li għalihom huwa ċaħadhom.

178    Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li, peress li l-osservazzjonijiet tagħhom ma jinsabux fil-fajl tal-Kunsill, dan ifisser li dan tal-aħħar ma ħadhomx inkunsiderazzjoni sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid tiegħu. Fil-fatt, minbarra l-provi fil-fajl li l-Kunsill kellu kontra r-rikorrenti u li fuqhom ibbaża d-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni mill-ġdid tiegħu, dan tal-aħħar bagħtilhom ukoll, permezz tal-ittri tas-27 ta’ Novembru 2013, l-ispjegazzjonijiet li għalihom l-osservazzjonijiet tagħhom ma kinux jikkonfutaw dawn id-deċiżjonijiet.

179    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-ittri tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2013 ma jinkludux motivi ġodda insostenn tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni li huma differenti minn dawk li jinsabu fl-ittri kemm tat-22 kif ukoll tat-30 ta’ Ottubru 2013 u li ġew ikkomunikati qabel id-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid f’dawn il-listi. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill bħala risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu assimilati ma’ motivi ġodda li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista.

180    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, b’ittri tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti, b’risposta għat-talba tagħhom għal aċċess għall-fajl, id-dokumenti kollha li kien ibbaża ruħu fuqhom sabiex jinkludi mill-ġdid l-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq). Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 171 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jikkomunikalhom dawn id-dokumenti spontanjament qabel id-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid.

181    Minn dak li ntqal isegwi li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

182    Ir-rikorrenti jsostnu li, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), huma kellhom leġittimament jippretendu li isimhom ma jkunx inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni fin-nuqqas ta’ allegazzjonijiet jew provi ġodda ppreżentati mill-Kunsill. Billi inkluda mill-ġdid l-ismijiet tagħhom f’dawn il-listi, il-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata

183    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni għandhom l-awtorità assoluta ta’ res judicata b’effett minn meta jsiru definittivi. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll ir-raġunijiet li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tad-dispożittiv u li, għalhekk, huma inseparabbli (ara, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T-471/11, EU:T:2014:739, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, is-sentenza ta’ annullament timplika li l-awtur tal-att annullat għandu jadotta att ġdid billi josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza iżda wkoll ir-raġunijiet li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, billi għalhekk jiżgura li dan l-att il-ġdid ma jkunx ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, EU:C:2003:125, punti 29 u 30).

184    Madankollu, l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑281/89, Ġabra, EU:C:1991:59, punt 14), Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, l-awtur ta’ att jista’ jinvoka, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu, motivi oħra għajr dawk li fuqhom huwa kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, EU:C:2003:125, punti 28 sa 32).

185    Għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), ma kkonfutatx l-eżattezza tal-aġir allegat fil-konfront tal-IRISL, jiġifieri tliet inċidenti li jimplikawha marbuta mat-trasport ta’ materjal militari bi ksur tal-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, u lanqas il-provi dwar dan l-aġir. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li dan l-aġir, minn naħa, kien suffiċjenti sabiex jimmotiva l-inklużjoni ta’ isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju li japplika għal persuni li jkunu għenu lil persuna tikser id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà u, min-naħa l-oħra, ma kienx jikkostitwixxi sostenn għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-kriterju marbut mal-persuni li jsostnu attivitajiet nukleari tal-Iran.

186    Il-kriterju li fuq il-bażi tiegħu isem l-IRISL ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni mid-Deċiżjoni 2013/685 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013 huwa differenti minn dawk li ġew applikati mill-Kunsill fl-atti annullati mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453). Kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti, billi bbaża ruħu fuq kriterju ġdid, legalment adottat, u li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom, il-Kunsill għalhekk ma kisirx din is-sentenza.

187    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-istess allegazzjonijiet u l-istess provi bħal dawk invokati insostenn tal-ewwel inklużjoni tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn l-allegazzjonijiet u dawn il-provi setgħux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem l-IRISL abbażi ta’ kriterju ġdid introdott mid-Deċiżjoni 2013/497 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 971/2013.

188    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rikorrenti għajr l-IRISL, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li huma miżmuma jew ikkontrollati mill-IRISL jew li jaġixxu għan-nom tagħha ma jiġġustifikax l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawhom, peress li l-IRISL ma ġietx validament rikonoxxuta li hija stess sostniet il-proliferazzjoni nukleari.

189    Peress li minn dak li ntqal jirriżulta li mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), ma jistax jiġi dedott li din ipprekludiet lill-Kunsill milli jinkludi mill-ġdid isem l-IRISL fil-listi inkwistjoni għal motiv ieħor għajr dak li ġie eżaminat f’din is-sentenza, dan japplika wkoll fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra li l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom hija marbuta ma’ dik tal-IRISL.

190    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

191    Għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li jkunu ġew ipprovduti lilha. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka dan il-prinċipju jekk il-miżura tiġi adottata (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 147; tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C-519/07 P, EU:C:2009:556, punt 84, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C-537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63).

192    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 69, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C-67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77).

193    Fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 189 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’, bħala segwitu għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), jiddeċiedi li jinkludi mill-ġdid l-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni. Fil-punti 81 sa 83 din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-deċiżjoni u tar-regolament li permezz tagħhom l-ismijiet tar-rikorrenti kienu inizjalment ġew inklużi fil-listi inkwistjoni sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell, sabiex tippermetti lill-Kunsill jirrimedja l-ksur ikkonstatat billi jadotta, skont il-każ, miżuri restrittivi ġodda fir-rigward tar-rikorrenti.

194    Il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li l-Kunsill ma appellax mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453), ma setax inisslilhom aspettattivi li l-ismijiet tagħhom ma kinux ser jiġu inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ appell minn din is-sentenza b’ebda mod ma jista’ jiġi interpretat bħala rinunzja min-naħa tal-Kunsill tal-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tar-rikorrenti f’dawn il-listi, partikolarment peress li l-Qorti Ġenerali espliċitament indikat, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li kien leġittimu għall-Kunsill li, fl-irwol tiegħu ta’ leġiżlatur, jestendi s-sitwazzjonijiet li fihom setgħu jiġu adottati miżuri restrittivi.

195    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma setgħux iqisu s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453) bħala garanzija li l-ismijiet tagħhom ma jkunux inklużi mill-ġdid fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ kriterji differenti minn dawk li servew ta’ bażi għall-ewwel inklużjoni tagħhom.

196    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

197    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-qorti tal-Unjoni u li jipprekludi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess aġir illegali intiż li jipproteġi l-istess interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338), japplika fir-rigward ta’ sanzjonijiet ta’ aġir illegali (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-257/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:504, punt 41).

198    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri ristrettivi ta’ ffriżar ta’ fondi ma humiex ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 101, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T-49/07, EU:T:2010:499, punt 67). Fil-fatt, peress li l-assi tal-persuni ma jkunux ġew ikkonfiskati bħala rikavat minn reat kriminali, iżda ffriżati kawtelatorjament, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali u, barra minn hekk, ma jimplikaw ebda akkuża ta’ natura kriminali (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 101, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Peftiev vs Il-Kunsill, T-441/11, mhux ippublikata, EU:T:2014:1041, punt 87).

199    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur ta’ dan il-prinċipju u dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

200    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 56).

201    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu ebda argument li jista’ jistabbilixxi li dan il-prinċipju ġie miskur mill-Kunsill u, għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

202    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

203    Ir-rikorrenti jsostnu li l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni tippreġudika inġustament u sproporzjonament id-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħhom. L-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni bid-Deċiżjoni 2013/685 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013 timplika li huma jipprovdu sostenn għall-proliferazzjoni nukleari jew li għandhom rabta magħha, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, IRISL (T-489/10, EU:T:2013:453). Fid-Deċiżjoni 2013/685 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, il-Kunsill ma speċifikax għaliex l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom issa kienet iġġustifikata b’għan leġittimu u proporzjonat għal dan l-għan. Id-Deċiżjoni 2013/685 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013 jirreferu għal inċidenti li seħħew fl-2009 u li ma għandhom ebda rabta mal-għan li jintemm il-programm nukleari Iranjan, u ma jindikawx ir-raġuni attwali li tiġġustika d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid.

204    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni, ma jgawdux minn protezzjoni assoluta fid-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali tal-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan mixtieq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sostanza stess ta’ dawn id-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10P u C-550/10P, EU:C:2012:711, punt 121, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T-95/14, EU:T:2015:433, punt 59).

205    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu adatti sabiex iwettqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T-95/14, EU:T:2015:433, punt 60).

206    Huwa ċertament il-każ li d-drittijiet tar-rikorrenti huma ristretti sa ċertu punt minn miżuri ristrettivi adottati fil-konfront tagħhom, peress li huma ma jistgħux, b’mod partikolari, jiddisponu mill-fondi tagħhom li jistgħu jkunu fit-territorju tal-Unjoni jew miżmuma miċ-ċittadini tagħha, u lanqas jittrasferixxu l-fondi tagħhom lejn l-Unjoni, ħlief permezz ta’ awtorizzazzjonijiet speċjali. Bl-istess mod, il-miżuri imposti fuq ir-rikorrenti jistgħu, skont il-każ, iwasslu sabiex is-sieħba kummerċjali u l-klijenti tagħhom ikollhom ċertu suspett jew ċerta sfiduċja fir-rigward tagħhom.

207    Madankollu, minn naħa, mill-punti 65 sa 77 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kriterji applikati mill-Kunsill huma konformi mal-għan tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012 u mill-punti 116 sa 164 iktar ’il fuq li l-Kunsill ġustament inkluda mill-ġdid l-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ dawn il-kriterji. Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw minn din l-inklużjoni mill-ġdid għandhom jitqiesu li huma ġġustifikati.

208    Minn naħa, l-iżvantaġġi kkawżati lir-rikorrenti bl-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tagħhom fil-listi inkwistjoni ma humiex sproporzjonati fir-rigward tal-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali mixtieq mid-Deċiżjoni 2013/685 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013.

209    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma jallegax li r-rikorrenti nfushom huma implikati fil-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, peress li ma humiex personalment assoċjati ma’ aġir li huwa ta’ riskju għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, hemm inqas sfiduċja fil-konfront tagħhom.

210    Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni mill-ġdid tal-ismijiet tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni ma tippreġudikax sproporzjonalment id-dritt tagħhom għall-proprjetà u r-rispett tar-reputazzjoni tagħhom.

211    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

212    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors fil-Kawża T-87/14 għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

213    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

214    Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

215    Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

216    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Islamic Republic of Iran Shipping Lines u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness għandhom, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ibatu wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Frar 2017.

Firem


Tabella tas-suġġetti


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-Kawża T-14/14

Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2013/497

Fuq it-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 971/2013

2.  Fuq il-Kawża T-87/14

Fq l-eċċezzjoni tal-illegalità

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali

–  Fir-rigward tal-IRISL

–  Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem u ta’ awtorità ta’ res judicata

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal-poter

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni

Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/685 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1203/2013, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill

–  Fir-rigward tal-IRISL

–  Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ awtorità ta’ res judicata, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata

–  Fuq il-ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

–  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq l-ispejjeż





Anness

Hafize Darya Shipping Co., stabbilita f’Teheran (l-Iran),

Khazar Sea Shipping Lines Co., stabbilita f’Anzali Free Zone (l-Iran),

IRISL Europe GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

Qeshm Marine Services & Engineering Co., stabbilita f’Qeshm (l-Iran),

Irano Misr Shipping Co., stabbilita f’Teheran,

Safiran Payam Darya Shipping Co., stabbilita f’Teheran,

Marine Information Technology Development Co., stabbilita f’Teheran,

Rahbaran Omid Darya Ship Management Co., stabbilita f’Teheran,

Hoopad Darya Shipping Agency, stabbilita f’Teheran,

Valfajr Shipping Co., stabbilita f’Teheran.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.