Language of document : ECLI:EU:C:2021:898

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Novembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal”

Fil-Kawża C‑91/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

LW

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), J. C. Bonichot, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Frar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal LW, minn F. Schleicher, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u A. Azema, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LW u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u r-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li tirrifjutalu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna:

[…]

2.      Li, […] billi tibża’ b’mod iġġustifikat li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha f’ċertu grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tridx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma għandhiex nazzjonalità u tinsab barra mill-pajjiż li fih kellha r-residenza abitwali tagħha wara avvenimenti bħal dawn, ma tistax jew, minħabba l-biża’ msemmija, ma tridx tirritorna hemmhekk.

Fil-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu’ tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li din il-persuna għandha n-nazzjonalità tiegħu. Ma għandhiex titqies li ġiet imċaħħda mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu kull persuna li, mingħajr raġuni valida fondata fuq biża’ ġġustifikata, ma tkunx talbet il-protezzjoni lil wieħed mill-pajjiżi li għandha n-nazzjonalità tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Id-Direttiva 2011/95 għamlet ir-“riformulazzjoni” tad-Direttiva tal‑Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall‑kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

5        Il-premessi 4, 12, 14, 16, 18, 19, 36 u 38 tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:

“(4)      Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(14)      L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

[…]

(16)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

[…]

(18)      L-’aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti […] dwar id-Drittijiet tat-Tfal [, konkluża fi New York fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3)]. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja […]

(19)      Hu meħtieġ li wieħed iwessa’ l-kunċett ta’ membri tal-familja, sabiex [tittieħed] inkunsiderazzjoni […] l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata fl-aħjar interessi tat-tfal.

[…]

(36)      Membri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-refuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta’ persekuzzjoni f’manjiera li tista’ tkun il-bażi ta’ status ta’ refuġjat.

[…]

(38)      Meta jiddeċiedu dwar il-jedd għall-benefiċċji inklużi f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ dak il-benefiċjarju. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn persuna relatata mill-qrib mal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali tkun minuri miżżewġa iżda mhux akkumpanjata mill-konjuġi tagħha, l-aħjar interessi tal-minuri jistgħu jitqiesu bħala dawk tal-familja oriġinali tagħha.”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)      ‘refuġjat’, ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

[…]

(j)      ‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

–        il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli […],

–        it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali,

–        il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat […];

(k)      ‘minuri’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

[…]

(n)      ‘pajjiż ta’ oriġini’ ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel”.

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprevedi, fil-paragrafu (3)(e) tiegħu:

“3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

[…]

(e)      jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.”

9        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Esklużjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

(a)      hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati [(UNHCR)]. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

(b)      hija tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih hija tkun ħadet ir-residenza tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż, jew drittijiet u obbligi ekwivalenti.

2.      Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

(a)      hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)      hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

ċ)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.      Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih”.

10      L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.      L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment [li ma jissodisfawx individwalment il-kundizzjonijiet meħtieġa] għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.      Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.      Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

5.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak il-ħin.”

 Id-dritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), kif ippubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi:

“Barrani huwa refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] meta huwa

1.      jibża’ b’mod iġġustifikat li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir‑reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is‑sħubija tiegħu f’ċertu grupp soċjali u, għal din ir-raġuni,

2.      jinsab barra mill-pajjiż (pajjiż ta’ oriġini),

(a)      li għandu n-nazzjonalità tiegħu u ma jistax jew, minħabba din il-biża’, ma jridx jitlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż,

[…]”.

12      L-Artikolu 26(2) tal-AsylG jipprevedi:

“Il-wild mhux miżżewweġ ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil, li jkun minuri fil‑mument li japplika għall-ażil, ikun, fuq talba tiegħu, irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għall-ażil meta r-rikonoxximent taċ-ċittadin barrani bħala benefiċjarju tad-dritt għal-ażil ma jkunx għadu jista’ jiġi kkontestat, u meta dan ma jkunx jista’ jiġi rrevokat u lanqas irtirat iktar.”

13      L-Artikolu 26(4) tal-AsylG jeskludi mill-benefiċċju ta’ dan l-artikolu b’mod partikolari l-persuni li jaqgħu taħt raġuni għall-esklużjoni prevista fl‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95.

14      L-Artikolu 26(5) tal-AsylG jiddisponi:

“Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja, kif imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Il‑kunċetti ta’ ‘status ta’ refuġjat’ jew ta’ protezzjoni sussidjarja jieħdu post dak ta’ ‘benefiċjarju tad-dritt għall-ażil’ […]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twieldet fil-Ġermanja fl‑2017 minn omm Tuneżina u minn missier Sirjan.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha n-nazzjonalità Tuneżina. Ma huwiex stabbilit jekk hija għandhiex ukoll in-nazzjonalità Sirjana.

17      Fix-xahar ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju ta l-istatus ta’ refuġjat lill-missier tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn omm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fil-Libja u li kienet iddikjarat li kellha hemmhekk ir-residenza abitwali tagħha sat-tluq tagħha minn dan l-Istat, ma rnexxietx.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2017, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara t-twelid tagħha bħala “manifestament infondata”.

19      Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, il-Verwaltungsgericht Cottbus (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) annullat din id-deċiżjoni sa fejn din kienet ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala “manifestament infondata”, pjuttost milli bħala “infondata”, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Dik il-qorti qieset li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, peress li hija ma kellha l-ebda raġuni sabiex tibża’ minn persekuzzjonijiet fit‑Tuneżija, il-pajjiż jew wieħed mill-pajjiżi li tagħhom hija ċittadina. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet li din ir-rikorrenti lanqas ma setgħet tislet, skont l-Artikolu 26(2) u (5) tal-AsylG, dritt għall-protezzjoni tal-familja mill-istatus ta’ refuġjat li ngħata lil missierha fil-Ġermanja. Fil-fatt, l-istess qorti qieset li jkun kuntrarju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali li l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali jiġi estiż għall-persuni li, bħala ċittadini ta’ Stat li huwa f’pożizzjoni li jagħtihom protezzjoni, huma esklużi mill-kategorija tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra dik is‑sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

21      Fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li għandhom jingħataw lill-ulied minuri ta’ ġenituri li għandhom nazzjonalitajiet differenti l‑istatus ta’ refuġjat għall-protezzjoni tal-familja skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(2) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG, inkluż fil-każ fejn dan l-istatus ingħata lil wieħed biss minn dawn il-ġenituri. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati ma jipprekludix dan. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lil Stat Membru, fil-każijiet li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali lill-membru ta’ familja, li jestendi l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja, sakemm dawn ma jkunux jaqgħu taħt xi raġuni għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-ħtieġa taż-żamma tal-unità tal-familja, rabta mal-għan tal-protezzjoni internazzjonali. Fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-minuri u għall-interessi tal-wild.

22      Il-qorti tar-rinviju tesponi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax titlob l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat abbażi ta’ dritt li huwa tagħha stess. Fil-fatt, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jesprimi l-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati, isegwi li l-persuni li għandhom żewġ nazzjonalitajiet jew iktar ma jistgħux jingħataw l-istatus ta’ refuġjat meta huma jistgħu japprofittaw ruħhom mill-protezzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità. Huwa f’dan is-sens li għandu jiġi interpretat ukoll l-Artikolu 2(d) u (n) tad-Direttiva 2011/95. Hija biss il-persuna li hija mingħajr protezzjoni, għaliex ma tibbenefikax minn protezzjoni effettiva mill-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 2(n) ta’ din id-direttiva, li tkun refuġjata, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva. Issa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija, pajjiż li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità.

23      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet, previsti fid-dritt Ġermaniż, sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat bħala wild minuri mhux miżżewweġ ta’ ġenitur li ngħata dan l-istatus. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(2) u tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG, hemm lok li jingħata l-istatus ta’ refuġjat, b’mod idderivat u għall-finijiet tal-protezzjoni tal-familja fil-kuntest tal-ażil, ukoll lil wild li twieled fil-Ġermanja u li għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li fit-territorju tiegħu huwa ma jkunx ippersegwitat.

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk tali interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2011/95.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lil wild minuri mhux miżżewweġ, liema status huwa dderivat minn persuna li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat (hekk imsejħa protezzjoni tal-familja ta’ refuġjat), inkluż fil-każ fejn il-wild inkwistjoni jiġi rrikonoxxut – permezz tal-ġenitur l-ieħor – li fi kwalunkwe każ għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż ieħor, li ma huwiex identiku għall-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat u li l-wild jista’ jinvoka l-protezzjoni tiegħu?

2)      L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-restrizzjoni li permezz tagħha l-membri tal-familja ma jistgħux jitolbu l-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva ħlief sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja, tipprojbixxi li jiġi rrikonoxxut lill-wild minuri, fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, l-istatus ta’ refuġjat li huwa dderivat mill-persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat?

3)      Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, li jkun magħruf jekk huwiex possibbli u raġonevoli, għall-wild u għall-ġenituri tiegħu, li jirrisjedu fil-pajjiż fejn il-wild u ommu għandhom in-nazzjonalità, fejn jistgħu jitolbu protezzjoni li ma hijiex identika għal dik tal-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat (missier), jew huwa suffiċjenti li l-unità tal-familja tista’ tinżamm fit-territorju Ġermaniż abbażi ta’ regoli fil-qasam tar-residenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

26      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 u l-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, skont dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill‑wild minuri mhux miżżewweġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu dan l-istatus ikun ġie rrikonoxxut skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil‑każ li dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandu, mill‑ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fit-territorju tiegħu ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat. F’dan il-kuntest, dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall-wild u għall‑ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz tal‑aħħar.

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jsegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha ssir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tat-trattati rilevanti l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, bħalma jsegwi mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, b’osservanza tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 39).

28      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik invokata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jingħata, individwalment, l-istatus ta’ refuġjat skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

30      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kwalità ta’ refuġjat teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, li huma intrinsikament marbuta u li jirrigwardaw, minn naħa, il-biża’ ta’ persekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni mill-pajjiż terz li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department, C‑255/19, EU:C:2021:36, punt 56).

31      L-imsemmija definizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, dik li tinsab fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Issa, din tal-aħħar tippreċiża li, “[f]il-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu’ tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li din il-persuna għandha n-nazzjonalità tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[m]a għandhiex titqies li ġiet imċaħħda mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu kull persuna li, mingħajr raġuni valida fondata fuq biża’ ġġustifikata, ma tkunx talbet il-protezzjoni lil wieħed mill-pajjiżi li għandha n-nazzjonalità tiegħu”.

32      Għalkemm din il-preċiżazzjoni, li tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali, ma hijiex espressament integrata fid-Direttiva 2011/95, madankollu mill-Artikolu 2(n) tagħha jirriżulta li kull wieħed mill-pajjiżi li applikant għandu, skont il-każ, in-nazzjonalità tiegħu, għandu jitqies bħala l-“pajjiż ta’ oriġini” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

33      Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 2(n) tad‑Direttiva 2011/95 jirriżulta li applikant li għandu n-nazzjonalità ta’ diversi pajjiżi terzi huwa kkunsidrat bħala mċaħħad mill-protezzjoni biss jekk ma jistax jew, minħabba l-biża’ ta’ persekuzzjoni, ma jixtieq jitlob il-protezzjoni tal-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi. Dan il-qari huwa barra minn hekk ikkonfermat mill‑Artikolu 4(3)(e) ta’ din id-direttiva, skont liema hemm, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-fatt li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li l-applikant jista’ jinvoka l-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor li tiegħu huwa jista’ jinvoka ċ-ċittadinanza.

34      Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija, pajjiż terz li tiegħu hija għandha, minn ommha, in-nazzjonalità tiegħu. Dik il-qorti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li ma hemm ebda element li jippermetti li wieħed jaħseb li r-Repubblika tat-Tuneżija ma hijiex disposta jew f’pożizzjoni li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-protezzjoni neċessarja kontra persekuzzjonijiet u kontra refoulement lejn is-Sirja, pajjiż ta’ oriġini ta’ missierha li l-awtoritajiet Ġermaniżi tawh l-istatus ta’ refuġjat, jew lejn pajjiż terz ieħor.

35      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont is-sistema stabbilita mid‑Direttiva 2011/95, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tintlaqa’, individwalment, għas-sempliċi raġuni li membru tal-familja tal-applikant itenni biża’ fondata ta’ persekuzzjoni jew riskju reali ta’ dannu serju, meta jiġi stabbilit li, minkejja r-rabta tiegħu ma’ dan il-membru tal-familja u l-vulnerabbiltà partikolari li, kif tenfasizza l-premessa 36 ta’ din id-direttiva, tirriżulta minn dan bħala regola ġenerali, l-applikant ma huwiex huwa nnifsu espost għal theddid ta’ persekuzzjoni jew għal dannu gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 50).

36      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus. Fil-fatt, mill-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din sempliċement timponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li tali membri tal-familja jkunu jistgħu jitolbu, konformement mal-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali ta’ dawn il-membri tal-familja, ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-għoti ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68).

37      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “membri tal-familja” għall-bżonnijiet ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 23(2) tagħha jirriżulta li l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu l-aċċess għal dawn il-vantaġġi ma jestendix għat-tfal ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li twieldu fl-Istat Membru ospitanti ta’ familja li kienet stabbilita fih.

38      Fit-tielet lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax madankollu jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lil wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu “standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li minn din il-formulazzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95, isegwi li r-regoli iktar favorevoli previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’attenwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti, lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 70).

40      Fir-rigward tal-preċiżazzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 3, skont liema kull regola iktar favorevoli għandha tkun kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ifisser li din ir-regola ma għandhiex tippreġudika l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Huma partikolarment ipprojbiti regoli intiżi sabiex jiġi irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, ir-rikonoxximent awtomatiku, skont id-dritt nazzjonali, tal-istatus ta’ refuġjat lil membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95, ma huwiex, a priori, nieqes minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 72).

42      Fil-fatt, minn naħa, billi enfasizzaw fl-att finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Plenipotenzjarji dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat tal‑25 ta’ Lulju 1951, li fasslet it-test tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li “l-unità tal-familja […] hija dritt essenzjali tar-refuġjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u billi rrakkomandaw lill-Istati firmatarji “jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat u b’mod partikolari sabiex […] [t]iġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat”, l-abbozzaturi ta’ din il-konvenzjoni stabbilixxew rabta mill-qrib bejn tali miżuri u l-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din ir-rabta ġiet ikkonfermata diversi drabi mill-korpi tal-UNHCR.

43      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 stess tirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija rabta billi tippreskrivi, f’termini ġenerali, fl-Artikolu 23(1) tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-estensjoni awtomatika, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat għall-wild minuri ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus, irrispettivament mill-fatt jekk dan il-wild jissodisfax jew le individwalment il‑kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi status u inkluż meta l-imsemmi wild twieled fl-Istat Membru ospitanti, prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, tfittex l-għan tal‑protezzjoni tal-familja u taż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għandha rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom tali estensjoni awtomatika, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal‑familja, tal-istatus ta’ refuġjat għall-wild minuri ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus tkun, minkejja l-eżistenza ta’ din ir-rabta, inkompatibbli mad‑Direttiva 2011/95.

46      Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-għan tar-raġunijiet għall-esklużjoni previsti fid‑Direttiva 2011/95, li huwa li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minnha b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ir-riżerva li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva tipprekludi li Stat Membru jadotta jew iżomm dispożizzjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat previst minnha lil persuna li hija eskluża minn dan taħt l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 115).

47      Issa, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 26(4) tal-AsylG jeskludi tali persuni mill-benefiċċju tal-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jirriżulta minn applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafi 2 u 5 ta’ dan l‑Artikolu 26.

48      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi li vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu estiżi għal membru tal-familja ta’ dan il-benefiċjarju meta dan ikun inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja kkonċernat.

49      Mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u mill-portata tar-riżerva li hija tipprevedi jirriżulta li din tal-aħħar tapplika wkoll fil-każ fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma hemmx lok li jillimita ruħu għall-estensjoni tal-vantaġġi, iżda jixtieq, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jadotta regoli iktar favorevoli li abbażi tagħhom l‑istatus mogħti lil benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa awtomatikament estiż għall-membri tal-familja tiegħu indipendentement mill-fatt jekk jissodisfawx individwalment jew le l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l‑istatus.

50      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-riżerva li issa tinsab fl-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95 kienet ġiet proposta mill-Parlament Ewropew matul il‑proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/83, li d‑Direttiva 2011/95 tikkostitwixxi r-“riformulazzjoni” tagħha u li l-Artikolu 23 tagħha jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-istess artikolu ta’ din id-direttiva tal‑aħħar. Din il-proposta kienet relatata mal-proposta tal-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej li kienet tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw “li l-membri tal-familja tagħhom li jakkompanjaw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jitolbu l-istess status bħalhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Filwaqt li ppropona l-estensjoni ta’ dan l-obbligu sabiex jiġu inklużi l-membri tal-familja li jingħaqdu mal-applikanti sussegwentement, il-Parlament kien qies li kien xieraq li tiġi introdotta din ir-riżerva sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-membri tal-familja “jistgħu jkollhom bi dritt tagħhom status ġuridiku differenti minn dak tal-[applikant], li jista’ ma jkunx kompatibbli mal-protezzjoni internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara r-rapport tal-Parlament Ewropew tat‑8 ta’ Ottubru 2002 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istandards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li, għal raġunijiet oħra, teħtieġ protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istatus, COM(2001)510, A 5‑0333/2002 final, modifika 22 (ĠU 2002, C 51 E, p. 325)).

51      Il-leġiżlatur tal-Unjoni finalment ma adottax l-imsemmi obbligu. Madankollu, huwa żamm ir-riżerva ta’ kompatibbiltà u llimita ruħu li jippreskrivi, fl-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttivi 2004/83 u 2011/95, lill-Istati Membri li jiżguraw li l-unità tal-familja tkun tista’ tinżamm u li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiksbu din il-protezzjoni jkunu jistgħu jitolbu ċerti vantaġġi, konformement mal-proċeduri nazzjonali.

52      Għalhekk, mill-oriġini ta’ dan l-Artikolu 23 jirriżulta li Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija fl-Artikolu 3 ta’ dawn id-direttivi, jixtieq jadotta jew iżomm fis-seħħ regoli iktar favorevoli, skont liema l-istatus mogħti lil tali benefiċjarju huwa awtomatikament estiż għall-membri tal-familja tiegħu indipendentement mill-fatt jekk jissodisfawx individwalment jew le l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus, għandu, fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jiżgura l-osservanza tar-riżerva stabbilita fl-imsemmi Artikolu 23(2).

53      Fir-rigward tal-portata ta’ din ir-riżerva, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 li tiġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u tal-kuntest speċifiku li fih taqa’ tali riżerva.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li jkun b’mod partikolari inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-wild tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ din il-protezzjoni li jiġu estiżi lilu l-vantaġġi msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jew l-istatus mogħti lil dan il-benefiċjarju, meta dan il-wild ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew nazzjonalità oħra li tagħtih, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar f’dan l-Istat Membru minn dak li jirriżulta minn tali estensjoni.

55      Din l-interpretazzjoni tar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal, li fid-dawl tagħhom din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata u applikata. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tenfasizza espressament li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta u li hija tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tagħha, u d-drittijiet tat-tfal, irrikonoxxuti mill-Artikolu 24 tal-Karta, li fosthom hemm, fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi superjuri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punti 36 sa 38).

56      L-imsemmija interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, għal dik proposta mill-UNHCR, li d-dokumenti tiegħu jgawdu minn rilevanza partikolari fir-rigward tar-rwol mogħti lilu mill-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57).

57      Għalhekk, fil-kummenti annotati tiegħu dwar id-Direttiva 2004/83 dwar l-Artikolu 23(1) u (2) tagħha, “[l-UNHCR] iqis li l-membri tal-istess familja għandhom jingħataw l-istess status bħall-applikant prinċipali (status idderivat)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jirrileva dan li ġej: “[I]l-prinċipju tal-unità tal-familja jirriżulta mill-Att finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 tal-Plenipotenzjarji dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat kif ukoll mid-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-[Unjoni Ewropea] jipprevedu status idderivat għall-membri tal-familja tar-refuġjati. L-esperjenza [tal-UNHCR] turi wkoll li huwa ġeneralment l-iktar mod prattiku li wieħed jipproċedi. Madankollu jeżistu sitwazzjonijiet fejn dan il-prinċipju ta’ status idderivat ma għandux jiġi segwit, jiġifieri meta l-membri tal-familja jixtiequ japplikaw għall-ażil b’mod individwali jew meta l-għoti tal-istatus idderivat ikun inkompatibbli mal-istatus personali tagħhom, pereżempju minħabba li huma ċittadini tal-pajjiż ospitanti jew minħabba li n-nazzjonalità tagħhom tagħtihom dritt għal trattament aħjar”.

58      Issa, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba n-nazzjonalità Tuneżina tagħha jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tagħha, għandha dritt għal trattament aħjar fil-Ġermanja minn dak li jirriżulta mill-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lil missierha, previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kompatibbiltà mad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari mar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 23(2) tagħha, ta’ dispożizzjoni nazzjonali iktar favorevoli, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew tal-applikazzjoni tagħha għal sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għaliha u għall-ġenituri tagħha, li jistabbilixxu ruħhom fit-Tuneżija.

60      Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni għall-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva hija li jippermetti lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jgawdi d-drittijiet li tagħtih din il-protezzjoni filwaqt li tinżamm l-unità tal-familja tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-eżistenza ta’ possibbiltà għall-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi ruħha fit-Tuneżija ma tistax, konsegwentement, tiġġustifika li r-riżerva li tinsab fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni tinftiehem bħala li teskludi l-għoti lil din tal-aħħar tal-istatus ta’ refuġjat, peress li tali interpretazzjoni tkun timplika li missierha jirrinunzja għad-dritt għall-ażil mogħti lilu fil-Ġermanja.

61      Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil membri tal-familja ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus, filwaqt li tali possibbiltà ta’ stabbiliment ta’ din il-familja f’pajjiż terz teżisti, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li tali leġiżlazzjoni ma hijiex nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall‑finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus b’applikazzjoni tas‑sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil-każ fejn dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in‑nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat, bil‑kundizzjoni li dan il-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija fl‑Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan‑nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward il‑kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall‑imsemmi wild u l-ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-pajjiż terz ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għallkwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għallkontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus b’applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil-każ fejn dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan lIstat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat, bil-kundizzjoni li dan il-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan-nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta millgħoti tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward ilkwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għallimsemmi wild u l-ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-pajjiż terz ieħor.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.