Language of document : ECLI:EU:T:2007:196

Kawża T-475/04

Bouygues SA u Bouygues Télécom SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat – Telefonija mobbli – Bdil fil-ħlasijiet dovuti minn Orange France u SFR għal-liċenzji UMTS – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami ta’ l-ilmenti

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi tal-kontradittorju

(Artikolu 88(2) u (3) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13)

3.      Approssimazzjoni tal-liġijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13)

1.      Mhuwiex meħtieġ li motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti, għaliex hija tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni għandha tesponi b’mod suffiċjenti lill-persuna li għamlet l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment li huwa għamel sabiex jirrapporta għajnuna mill-Istat ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ tali għajnuna, hija madankollu m’għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikanti jew b’mod ċar sekondarji. Konsegwentement, hija suffiċjentement motivata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad ilment imressaq fir-rigward ta’ miżura nazzjonali li tarmonizza l-ħlasijiet dovuti minn operaturi għall-attribuzzjoni ta’ liċenzji Universal Mobile Telecomunications System (UMTS), minħabba n-nuqqas ta’ wieħed mill-elementi, kumulattivi, li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri l-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju, mingħajr ma timmotiva din iċ-ċaħda fir-rigward ta’ l-elementi kostituttivi l-oħra ta’ dan il-kunċett, u dan minħabba l-fatt li l-miżura in kwistjoni timplementa direttiva Komunitarja, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit minnha.

(ara l-punti 53-55)

2.      Deċiżjoni li ma tifformulax oġġezzjoni fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi adottata mill-Kummissjoni fl-istadju tal-fażi preliminari ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(3) KE, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura tal-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ħlief meta l-Kummissjoni tista’, mingħajr ma ssib problemi serji, tikkonvinċi ruħha, wara dan l-eżami preliminari, li l-proġett ta’ għajnuna huwa kompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tadotta legalment deċiżjoni li tikkonkludi, wara l-fażi preliminari ta’ eżami, in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat minħabba nuqqas ta’ vantaġġ selettiv mogħti lil ċerti operaturi permezz ta’ miżura nazzjonali li tnaqqas il-ħlasijiet dovuti minnhom għal liċenzji Universal Mobile Telecomunications System (UMTS), sabiex jallinjaw il-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tal-liċenzji kollha mogħtija, peress li l-liċenzji li ġew attribwiti qabel ma kellhomx, minħabba d-dewmien fl-introduzzjoni tan-netwerk UMTS, impatt negattiv fuq detentur ta’ liċenzja mogħtija iktar tard waqt sejħa għal offerti supplimentari u, peress li t-telfa ta’ riżorsi ta’ l-Istat li tirriżulta, fid-dawl tal-valur ekonomiku tal-liċenzji, tirrigwarda kreditu inċert li għalih l-Istat ikollu inevitabbilment jirrinunzja minħabba d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarji tat-telekomunikazzjoni, li jistabbilixxu, fid-Direttiva 97/13, dwar struttura komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-operaturi li jimplika l-ekwivalenza, f’termini ekonomiċi, tal-ħlasijiet imposti.

(ara l-punti 89-91, 111, 116, 122, 124, 152-153, 156)

3.      Il-liċenzji Universal Mobile Telecomunications System (UMTS), li jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli fl-ispazju bl-antenna u li huma kkunsidrati bħala titoli ta’ okkupazzjoni jew ta’ użu tas-settur pubbliku korrispondenti, għandhom valur ekonomiku li l-amministratur ta’ dan il-qasam huwa marbut li jikkunsidra meta jiddetermina l-ammont ta’ ħlas dovut mill-operaturi kkonċernati u għaldaqstant, jikkostitwixxu riżorsi ta’ l-Istat.

Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani ma jeskludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni patrimonjali ta’ riżorsi pubbliċi rari bħalma huma l-frekwenzi tar-radju li jikkostitwixxu l-ispazju pubbliku bl-antenna li fir-rigward tagħhom jista’ jingħata dritt ta’ aċċess jew dritt ta’ użu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom fl-istess ħin ir-rwol ta’ regolatur tat-telekomunikazzjoni u r-rwol ta’ amministraturi tal-patrimonju pubbliku li jikkostitwixxi l-ispazju bl-antenna.

(ara l-punti 100-101, 104-105)