Language of document : ECLI:EU:F:2009:121

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2009

Kawża F-37/05

Michael Brown

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Membri tal-persunal awżiljarju – Ċaħda ta’ kandidatura”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih M. Brown jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-“kompetizzjoni interna għat-trasferiment minn kategorija C għal B” COM/PB/04, organizzata sabiex tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva ta’ assistenti amministrattivi, assistenti ta’ segretarjat amministrattiv u assistenti tekniċi amministrattivi, ta’ grad B 4/B 5, tad-19 ta’ Lulju 2004, li tikkonferma, wara eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2004 li rrifjutat li tammettih għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni kontenzjuża.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni – Kompetizzjonijiet interni – Kundizzjonijiet u metodi ta’ organizzazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 27 u 29(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 12(1))

3.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Uffiċjal u membru tal-persunal temporanju – Membru tal-persunal awżiljarju – Kriterju ta’ distinzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5, 6, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 27, u Artikolu 32; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli3, 8, 9 u 12(1))

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni – Parteċipazzjoni mwessa’ għall-membri tal-persunal awżiljarju – Obbligu – Assenza

1.      Meta kandidat, li l-applikazzjoni tiegħu biex jiġi ammess għal kompetizzjoni Komunitarja tkun ġiet miċħuda, jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni abbażi ta’ dispożizzjoni speċifika li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla, wara eżami mill-ġdid, li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kif ukoll fil-verżjoni fis-seħħ wara dik id-data. Hija wkoll din id-deċiżjoni, meħuda wara l-eżami mill-ġdid, li minnha jibdew jiddekorru t-termini għal ilmenti u għal rimedji, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal din, l-imsemmija deċiżjoni tistax eventwalment tiġi kkunsidrata bħala att purament konfermattiv.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punt 58; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑5 u II‑A‑2‑19, punti 27 u 28; 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T‑173/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑329 u II‑A‑2‑1695, punt 19

2.      Sabiex jiġi osservat l-għan attribwit mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal lil kwalunkwe proċess ta’ reklutaġġ, jiġifieri “li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrita”, huwa neċessarju li jsir reklutaġġ ta’ persunal fuq bażi l-iktar wiesa’ possibbli. Għaldaqstant, il-kliem “kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni” jirreferu, fil-prinċipju, għall-persuni kollha fis-servizz tal-istituzzjoni, tkun liema tkun il-kariga. Madankollu, ir-Regolamenti tal-Persunal jagħtu setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet sabiex jiddeterminaw il-kriterji ta’ kapaċità mitluba għall-impjiegi disponibbli u biex jiddeterminaw, abbażi ta’ dawn il-kriterji u, b’mod iktar ġenerali, fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali madankollu għandha tkun konsistenti b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, u għaldaqstant din is-setgħa dejjem għandha tiġi eżerċitata skont l-eżiġenzi relatati mal-impjiegi disponibbli u, b’mod iktar ġenerali, l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kkonċernata żammitx fil-limiti raġonevoli u ma tkunx użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat. Dan l-istħarriġ ma jfissirx li din tal-aħħar tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni b’tagħha.

Istituzzjoni ma tużax is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat meta tirrikjedi li għandu jkun hemm il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal temporanju, b’esklużjoni ta’ dik ta’ membru tal-persunal awżiljarju, bħala kundizzjoni għal ammissjoni għal kompetizzjoni interna li essenzjalment għandha l-għan tat-trasferiment mill-kategorija C għall-kategorija B. Fil-fatt, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju, għall-kuntrarju tal-membri tal-persunal awżiljarju għandhom juru li għandhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità mitlub għar-reklutaġġ inizjali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12(1) tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra.

L-esklużjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju ma tfissirx ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-pożizzjoni legali tagħhom ma hijiex simili għal dik tal-membri tal-persunal temporanju u tal-uffiċjali minħabba differenzi bejn l-istatus amministrattiv, ir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ u l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ rispettivi ta’ dawn iż-żewġ kategoriji. Fil-fatt, hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss meta żewġ kategoriji ta’ persuni li l-pożizzjonijiet legali u fattwali  tagħhom ma jkunx fihom differenza essenzjali jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punti 54 sa 58, 60, 64, 66, 71, 72 u 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il-Kummissjoni, 16/64, Ġabra p. 179; 9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, C‑16/07 P, Ġabra p. I‑7469, punti 40 sa 50 u 77 ;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Novembru 1990, Bataille et vs Il-Parlament, T‑56/89, Ġabra p. II‑597, punt 42; 5 ta’ Frar 1997, Ibarra Gil vs Il-Kummissjoni, T‑207/95, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑31, punt 66; 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑1169, punt 53; 15 ta’ Novembru 2001, Van Huffel vs Il-Kummissjoni, T‑142/00, ĠabraSP p. I‑A‑219 u II‑1011, punt 52; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 50; 15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑256/01, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑99, punt 36; 8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, T‑357/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑255 u II‑A‑2‑1323, punti 48 sa 51, 53, 56 u 62

3.      Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li jeżistu differenzi bejn l-istatus amministrattiv, ir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ u l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ tal-membri tal-persunal awżiljarju u dawk tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju. Minn dawn id-differenzi jirriżulta li l-membri tal-persunal awżiljarju ma jiġux irreklutati sabiex jeżegwixxu kompitu permanenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji. Għall-kuntrarju, l-element distintiv ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju jinsab fil-prekarjetà tal-ingaġġ tiegħu f’termini ta’ żmien, peress li dan il-kuntratt jista’ jintuża biss sabiex jiżgura sostituzzjoni temporanja jew sabiex ikunu jistgħu jitwettqu kompiti amministrattivi li jkunu għal żmien temporanju jew li jkunu jindirizzaw neċessità urġenti jew li ma jkunux iddefiniti b’mod preċiż. Il-membri tal-persunal awżiljarju jikkostitwixxu, minħabba f’hekk, kategorija distinta ta’ membri tal-persunal li tissodisfa bżonnijiet distinti tal-istituzzjonijiet li jimpjegawhom.

(ara l-punti 58 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Chetcuti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42

4.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra għandha d-dritt li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ membri tal-persunal awżiljarju għal kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, madankollu hija ma hijiex obbligata li tiftaħ kull kompetizzjoni interna għall-persuni kollha li jinsabu fis-servizz tagħha. Tali obbligu jippreġudika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fl-istabbiliment fl-interess tas-servizz, tal-metodi u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 55 u 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Rauch vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; Chetcuti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq , punti 71 sa 74, 76 u 77;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Bataille et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 ; Ibarra Gil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66; Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; Van Huffel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; Pyres vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; Chetcuti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49