Language of document : ECLI:EU:T:2023:733

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

22 ta’ Novembru 2023 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Deċiżjoni tas-SRB li tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni – Valutazzjoni tad-differenza fit-trattament – Indipendenza tal-evalwatur”

Fil-Kawża T‑330/20,

ACMO Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (Il-Lussemburgu), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn T. Soames u I. Prodromou-Stamoudi, avukati, u R. East, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn M. Fernández Rupérez, A. Lapresta Bienz, L. Forestier u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, V. Del Pozo Espinosa de los Monteros u L. Hesse, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere (Relatur), G. Steinfatt, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-ittra, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Jannar 2023, li permezz tagħha PIMCO Dynamic Income Fund informat lill-Qorti Ġenerali bil-kwalità tagħha bħala aventi kawża universali ta’ PIMCO Income Opportunity Fund u ta’ PIMCO Dynamic Credit and Mortgage Income Fund,

wara li rat l-ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2023, li permezz tagħha Bybrook Capital Badminton Fund LP talbet tissostitwixxi lil Cairn Global Funds PLC u lil Cairn Special Opportunities Credit Master Fund Limited bħala rikorrenti f’din il-kawża, filwaqt li l-partijiet l-oħra ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom,

wara li rat l-ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2023, li permezz tagħha PIMCO Global Cross-asset Opportunities Master Fund LDC talbet tissostitwixxi lil PHFS series SPC - PHSF VII SP bħala rikorrenti f’din il-kawża, filwaqt li l-partijiet l-oħra ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom,


wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ACMO Sàrl u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑17 ta’ Marzu 2020, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni implimentati fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma fondi ta’ investiment, li, qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”), kellhom strumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 u strumenti tal-kapitali tal-kategorija 2 ta’ din tal-aħħar, li minnhom uħud permezz ta’ kompartimenti, bl-eċċezzjoni ta’ waħda minnhom li hija aventi kawża ta’ entità li kellha bonds ta’ Banco Popular.

3        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

4        Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fit‑23 ta’ Mejju 2017, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, is-SRB ingaġġa lill-uffiċċju Deloitte Réviseurs d’Entreprises bħala evalwatur (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju evalwatur”) fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ eventwali riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-uffiċċju evalwatur ngħata kuntratt speċifiku wara sejħa għal offerti fil-kuntest ta’ kuntratt qafas multiplu ta’ servizzi li s-SRB kien iffirma ma’ sitt uffiċċji, fosthom l-uffiċċju evalwatur. Konformement mal-kuntratt speċifiku, il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur kien jinkludi t-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ Banco Popular qabel riżoluzzjoni eventwali kif ukoll il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, wara riżoluzzjoni potenzjali.

5        Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni, skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

6        Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), imfassla skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li twettaq stima tal-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju.

7        Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, peress li qies li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda li jiżvaluta u li jikkonverti l-istrumenti tal-kapital ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u li japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej.

8        Is-SRB iddeċieda li jikkanċella 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular, li jikkonverti u li jiżvaluta l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti tal-kapital tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular f’“azzjonijiet ġodda II”. Wara proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja), l-“azzjonijiet ġodda II” ġew ittrasferiti lil Banco Santander SA, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ euro. Sussegwentement, Banco Santander issostitwixxa lil Banco Popular b’mod universali fit‑28 ta’ Settembru 2018, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist.

9        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

10      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċċju evalwatur ittrażmetta lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, l-uffiċċju evalwatur bagħat addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

11      L-uffiċċju evalwatur qies, fil-valutazzjoni 3, it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Huwa wettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ billi applika l-Ley 22/2003, Concursal, (il-Liġi 22/2003 dwar il-Falliment), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 164, tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905).

12      L-uffiċċju evalwatur indika li x-xenarju ta’ stralċ ipotetiku kien ġie ppreparat abbażi tal-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata tas‑6 ta’ Ġunju 2017 jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017. Huwa qies li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza għal Banco Popular fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Sabiex jiġu evalwati l-valuri tal-likwidazzjoni tal-assi, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni tliet xenarji temporali ta’ stralċ alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin, u kull wieħed minnhom kien jinkludi l-aħjar u l-agħar ipoteżi. Huwa kkonkluda li, f’kull waħda minn dawn il-preżunzjonijiet, għall-azzjonisti affettwati u għall-kredituri subordinati, l-ebda rkupru ma kien ikun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza u li għalhekk ma kienx hemm differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni.

13      Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, is-SRB ippubblika, fis-sit internet tiegħu, l-opinjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu fir-rigward tan-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jirrigwardaw Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ (SRB/EES/2018/132) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar l-opinjoni tas-SRB ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 227I, p. 1).

14      Fid-deċiżjoni preliminari, is-SRB qies li mill-valutazzjoni 3 kien jirriżulta li ma kinitx teżisti differenza bejn it-trattament li kienu realment suġġetti għalih l-azzjonisti u l-kredituri affettwati minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. Is-SRB iddeċieda, preliminarjament, li ma kienx obbligat iħallas kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

15      Sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jingħataw kumpens għad-danni, is-SRB stedinhom jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

16      Is-SRB indika li l-proċedura dwar id-dritt għal smigħ kienet ser tiżvolġi f’żewġ fażijiet.

17      Fl-ewwel fażi, il-fażi ta’ reġistrazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom permezz ta’ formola ta’ reġistrazzjoni online, sal‑14 ta’ Settembru 2018. Sussegwentement, is-SRB kellu jivverifika jekk kull parti li kienet immanifestat l-interess tagħha kellhiex effettivament l-istatus ta’ azzjonist jew ta’ kreditur affettwat. L-azzjonisti u l-kredituri affettwati kkonċernati kellhom jipproduċu prova tal-identità tagħhom u prova li huma kellhom, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular li ġew żvalutati jew ikkonvertiti u ttrasferiti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

18      Fit-tieni fażi, il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kienu esprimew l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul l-ewwel fażi u li l-istatus tagħhom kien ġie vverifikat mis-SRB, setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari li magħha kienet annessa l-valutazzjoni 3.

19      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, is-SRB ħabbar li l-azzjonisti u l-kredituri eliġibbli kienu ser jintalbu jippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari mis‑6 ta’ Novembru 2018. Fis‑6 ta’ Novembru 2018, is-SRB bagħat lill-azzjonisti u lill-kredituri eliġibbli link personali uniku li jagħti aċċess fuq l-internet għal formola li tippermettilhom jippreżentaw, sas‑26 ta’ Novembru 2018, kummenti dwar id-deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3.

20      Fi tmiem il-fażi ta’ konsultazzjoni, is-SRB eżamina l-kummenti rilevanti tal-azzjonisti u l-kredituri affettwati relatati mad-deċiżjoni preliminari. Huwa talab lill-uffiċċju evalwatur jipprovdilu dokument li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kummenti rilevanti dwar il-valutazzjoni 3 u jeżamina jekk il-valutazzjoni 3 kinitx għadha valida fid-dawl ta’ dawn il-kummenti.

21      Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda lis-SRB l-evalwazzjoni tiegħu intitolata “Dokument ta’ Kjarifika Dwar il-Valutazzjoni tad-Differenza fit-Trattament” (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ kjarifika”). Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ikkonferma li l-istrateġija u x-xenarji differenti ta’ stralċ ipotetiċi ddettaljati fil-valutazzjoni 3, kif ukoll il-metodoloġiji segwiti u l-analiżi mwettqa baqgħu validi.

22      Fis‑17 ta’ Mejju 2020, is-SRB adotta id-deċiżjoni kkontestata. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2).

23      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075, tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1).

24      Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3 u qies li din kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u kienet suffiċjentement immotivata u kompleta sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa qies li l-valutazzjoni 3 kienet tevalwa l-elementi neċessarji previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344, tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2018, L 67, p. 3).

25      Taħt it-Titolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-“Kummenti Mibgħuta mill-Azzjonisti u mill-Kredituri Affettwati kif ukoll l-Evalwazzjoni Tagħhom”. Taħt it-Titolu 6.1 “Evalwazzjoni tar-Rilevanza” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li wħud minn dawn il-kummenti, li la kienu relatati mad-deċiżjoni preliminari tiegħu u lanqas mal-valutazzjoni 3, ma kinux rilevanti sa fejn ma kinux jaqgħu taħt il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq “Eżami tal-Kummenti Rilevanti” mibgħuta mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur u l-kontenut tal-valutazzjoni 3, miġbura skont is-suġġett.

26      Is-SRB ikkonkluda li mill-valutazzjoni 3, moqrija flimkien mad-dokument ta’ kjarifika u l-konklużjonijiet stabbiliti taħt it-Titolu 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ma kienx hemm differenza bejn it-trattament li għalih kienu realment suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri affettwati u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku Banco Popular kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni.

27      Għaldaqstant, is-SRB iddeċieda:

“Artikolu 1

Valutazzjoni

Sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […], il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, hija stabbilita skont l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mad-dokument ta’ kjarifika […] li jinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Kumpens għad-danni

L-azzjonisti u l-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular […] ma għandhomx dritt għal kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

Artikolu 3

Destinatarju tad-Deċiżjoni

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-FROB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.”

II.    Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

29      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa ppreżentat f’kapaċità rappreżentattiva jew minn rikorrenti li huma affettwati biss permezz ta’ kompartimenti;

–        sussidjarjament u għar-rikorrenti l-oħra, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà

31      Is-SRB isostni li wħud mir-rikorrenti ma wrewx il-locus standi tagħhom. Huwa jqis li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat, minn ċerti rikorrenti li jaġixxu fil-kwalità ta’ rappreżentant, jiġifieri bħala amministratur ta’ fondi li kellhom bonds ta’ Banco Popular, u minn rikorrenti oħra li huma kkonċernati biss permezz tal-kompartimenti tagħhom, li kellhom strumenti tal-kapital ta’ Banco Popular.

32      Għandu jiġi kkonstatat li s-SRB ma jinvokax l-inammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tar-rikorrenti kollha.

33      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti formali annessi mar-rikors jirriżulta li diversi rikorrenti effettivament kellhom strumenti tal-kapital addizzjonali tal-kategorija 1 jew strumenti tal-kapital tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li huma pparteċipaw ukoll fil-proċedura dwar id-dritt għal smigħ.

34      Minn dan isegwi li dawn ir-rikorrenti jifformaw parti mill-kategorija tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Għaldaqstant, huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u għandhom locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mis-SRB.

35      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-istess rikors uniku, meta mill-inqas waħda mir-rikorrenti jkollha locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni, T‑310/18, EU:T:2019:757, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti li jaġixxu bħala rappreżentant jew għall-kompartimenti tagħhom ma għandhomx locus standi.

B.      Fuq ilmertu

37      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mis-SRB meta approva l-valutazzjoni 3, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ insolvenza, tas-self li jrendi, tas-self li ma jrendix, tal-assi immobbli u tar-riskji legali ta’ Banco Popular. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lill-uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti. It-tielet motiv, imqajjem ukoll sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li s-SRB iddelega indebitament lill-uffiċċju evalwatur is-setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir-Regolament Nru 806/2014.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

a)      Fuq ilportata talistħarriġ eżerċitat millQorti Ġenerali

38      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

39      Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni lanqas ma għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Peress li d-deċiżjonijiet tas-SRB li huma intiżi li jiddeterminaw jekk kumpens għandux jingħata lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fil-konfront ta’ entità huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, għandu jitqies li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba teżerċita.

42      Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każijiet ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti li jkunu saru f’din id-deċiżjoni ma jitqisux li huma plawżibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 72, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE, T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

b)      Fuq lammissibbiltà talprovi prodotti flanness tarreplika

46      Fil-kontroreplika, is-SRB isostni li r-rikorrenti pproduċew fl-anness tar-replika xhieda oħra ta’ A u addendum għall-perizja tagħhom li huma intiżi li jsostnu argumenti diġà mressqa fir-rikors u li għalhekk kellhom ikunu annessi miegħu. Ir-rikorrenti ma ġġustifikawx id-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi ġodda, bi ksur tal-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u għalhekk dawn ma humiex ammissibbli.

47      Skont l-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-offerta ta’ provi jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti u l-partijiet prinċipali jkunu għadhom jistgħu jipproduċu provi jew jagħmlu offerta ta’ provi fir-replika u fil-kontroreplika insostenn tal-argument tagħhom, sakemm id-dewmien fil-produzzjoni tagħhom tkun iġġustifikata.

48      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċew, fl-anness tar-rikors, ix-xhieda ta’ avukat speċjalizzat fid-dritt Spanjol tal-falliment, A, bid-data tat‑28 ta’ Mejju 2020, dwar il-kwistjonijiet rilevanti li jaqgħu taħt id-dritt u l-prattiki fil-qasam tal-insolvenza. Min-naħa l-oħra, ukoll fl-anness tar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew perizja, bid-data tat‑28 ta’ Mejju 2020, li inizjalment kienet intiża li teżamina l-preżunzjonijiet u l-metodoloġija wżati fil-valutazzjoni 3 wara l-formola mibgħuta mis-SRB fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ u li ġiet aġġornata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tad-dokument ta’ kjarifika.

49      F’anness mar-replika, ir-rikorrenti pproduċew it-tieni xhieda ta’ A, tad‑9 ta’ April 2021, dwar ċerti aspetti tar-risposta li tirrigwarda d-dritt Spanjol tal-falliment u addendum għall-perizja tagħhom, tat‑13 ta’ April 2021, ippreparat sabiex tingħata tweġiba għal ċerti mistoqsijiet imqajma fir-risposta tas-SRB.

50      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerta ta’ provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-offerta ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-offerta ta’ provi prodotti jibqgħu rriżervati (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u tal‑5 ta’ Mejju 2021, ITD u Danske Fragtmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑561/18, EU:T:2021:240, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Sa fejn minn dawn l-annessi jirriżulta espressament li dawn għandhom l-għan li jsostnu argumenti intiżi sabiex jikkontestaw evalwazzjonijiet li jinsabu fir-risposta, għandu jitqies li dawn huma ammissibbli.

2.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar levalwazzjoni tattul talperijodu ta’ insolvenza, tasself li jrendi, tasself li ma jrendix, talassi immobbli u tarriskji legali ta’ Banco Popular

52      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta approva l-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika u li l-uffiċċju evalwatur wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ, fir-rigward tat-tul tal-proċedura ipotetika ta’ stralċ u tal-evalwazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ assi ta’ Banco Popular. Dawn l-iżbalji wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ipotetika ta’ insolvenza ta’ Banco Popular u, għaldaqstant, għal ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

53      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur wettqu żball fir-rigward tat-tul tax-xenarju ta’ stralċ ipotetiku. It-tieni, huma jsostnu li l-evalwazzjoni tas-self li jrendi mwettqa fil-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq preżunzjonijiet irraġonevoli. It-tielet, huma jikkontestaw l-istrateġija ta’ trasferiment adottata mill-uffiċċju evalwatur għall-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular. Ir-raba’, huma jsostnu li l-istima, fil-valutazzjoni 3, tal-portafoll tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular tinkludi lakuni u kontradizzjonijiet. Il-ħames, huma jikkontestaw l-approċċ adottat mill-uffiċċju evalwatur fir-rigward tar-riskji legali.

54      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB indika li, skont l-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 3 kellha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux ġew ittrattati b’mod agħar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jiġu ttrattati li kieku Banco Popular kienet ġiet “stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza”. Huwa rrileva, l-istess bħall-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika (punt 5.1.5), li l-Ley 11/2005 de recuperación y resolución de entidades de crédito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Impriżi tas-Servizzi ta’ Investiment), tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797), li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tipprevedi speċifikament li l-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha ssir billi jiġi preżunt li l-entità daħlet fi proċedura ta’ stralċ.

55      F’dan ir-rigward, is-SRB irrileva li, konformement mal-valutazzjoni 3, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-inkapaċità ta’ Banco Popular li tħallas id-djun tagħha mal-iskadenza tagħhom, il-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni kien iwassal għal stralċ ta’ Banco Popular, li kien jinvolvi likwidazzjoni mħaffa tal-assi, mingħajr prezz minimu vinkolanti, u l-ħlas tal-likwidazzjoni netta lill-kredituri konformement mal-ġerarkija stabbilita mil-Liġi 22/2003.

56      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-valutazzjoni 3 kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u li din kienet tikkostitwixxi bażi xierqa u suffiċjenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa indika li bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 3 u fuq id-dokument ta’ kjarifika, li huma annessi mad-deċiżjoni kkontestata u jagħmlu parti integrali mill-motivazzjoni tagħha.

57      Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur qies li, peress li l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Banco Popular kienet tiġi rrevokata bid-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, fatt li jwassal għal waqfien immedjat tal-attivitajiet u li jipprekludi bejgħ bħala impriża operattiva, l-istralċ kien ikun beda immedjatament. Huwa żied li, skont l-iskema ta’ riżoluzzjoni, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien ikkonkluda li Banco Popular kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014. L-uffiċċju evalwatur indika li, f’dan il-kuntest, l-istralċ kien l-uniku xenarju possibbli ta’ insolvenza.

58      L-uffiċċju evalwatur indika b’mod partikolari dan li ġej:

“Il-ftuħ ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza għal [Banco Popular] fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Min-natura tiegħu stess dan iniżżel il-valur, għal raġunijiet bħal: il-waqfien f’daqqa tal-attivitajiet; it-telf tal-klijenti; proċess ineffiċjenti ta’ likwidazzjoni tal-assi u spejjeż u talbiet addizzjonali (ta’ spiss sinjifikattivi). Fil-każ ta’ [Banco Popular], l-istralċ taħt falliment ikun avveniment bla preċedent fi Spanja, minħabba l-istatus tiegħu bħala s-sitt l-ikbar bank u attur ewlieni f’setturi ewlenin bħall-finanzjament ipotekarju u s-self lill-[impriżi żgħar u medji (SMEs)] u intrapriżi żgħar.”

59      Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur spjega li l-valutazzjoni 3 kienet min-natura tagħha eżerċizzju ipotetiku u prospettiv, intiż sabiex jiġi stmat il-valur tal-irkupru tal-kredituri ta’ Banco Popular, li għalih kien neċessarju li jiġu adottati xenarji ipotetiċi differenti. Huwa ppreċiża li bbaża l-preżunzjonijiet u l-istimi tiegħu fuq l-informazzjoni pprovduta minn Banco Popular, li ġiet analizzata u vverifikata, kif ukoll fuq informazzjoni pubblika differenti.

60      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, sabiex juru li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandhom jipproduċu provi suffiċjenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati f’din id-deċiżjoni.

61      Għalhekk, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-verifika ta’ jekk is-SRB wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni sa fejn approva l-valutazzjoni 3, li jimplika li jiġi vverifikat jekk l-uffiċċju evalwatur wettaqx żbalji manifesti fil-valutazzjoni 3 billi bbaża ruħu fuq preżunzjonijiet u stimi li ma kinux plawżibbli. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-evalwatur li wettaq il-valutazzjoni 3.

62      F’dan ir-rigward, f’diversi okkażjonijiet, fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi mwettqa mill-esperti tagħhom fil-perizja annessa mar-rikors bħala paragun mal-valutazzjoni 3, bl-għan li juru li l-evalwazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mwettqa f’din il-perizja, ibbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk ikkunsidrati fil-valutazzjoni 3, kienet twassal għal irkupri ikbar għal kategoriji differenti ta’ assi.

63      Għalhekk, fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsemmu l-analiżi dwar l-irkupru tas-self li jrendi fuq perijodu ta’ seba’ snin, li jinsab fil-perizja tagħhom, billi jindikaw li din l-analiżi hija bbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk użati fil-valutazzjoni 3. Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi dwar l-irkupru ta’ self li ma jrendix li jinsab fil-perizja tagħhom. Huma jindikaw li, meta mqabbla mal-valutazzjoni 3, l-analiżi tagħhom hija bbażata fuq perijodu itwal, fuq annullament tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-self li jrendi f’self li ma jrendix u fuq rata ta’ redditu interna (RRI) inferjuri. Fil-kuntest tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jippreżentaw l-analiżi li tinsab fil-perizja tagħhom dwar l-irkupru marbut mal-assi immobbli ta’ Banco Popular inklużi l-assi immobbli miżmuma b’mod indirett, f’każijiet ta’ trasferiment ta’ tliet snin u ta’ seba’ snin.

64      Għandu jiġi rrilevat li l-perizja annessa mar-rikors ġiet redatta bl-għan li tingħata risposta għall-mistoqsijiet magħmula fil-formola mibgħuta mis-SRB fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ. Din il-perizja ma hijiex limitata għal analiżi kritika tal-valutazzjoni 3, iżda tipproponi l-evalwazzjoni tagħha stess tal-assi ta’ Banco Popular f’xenarju ta’ stralċ għall-finijiet ta’ paragun ma’ dik imwettqa mill-uffiċċju evalwatur.

65      Issa, l-analiżi mwettqa f’din il-perizja hija bbażata fuq preżunzjonijiet differenti minn dawk użati fil-valutazzjoni 3 u hija bbażata fuq tliet xenarji temporali ta’ stralċ ta’ ħames, seba’ u disgħa snin, filwaqt li dan l-aħħar wieħed ma huwiex kopert mill-valutazzjoni 3. F’din il-perizja, l-esperti tar-rikorrenti jippreżentaw b’mod partikolari r-riżultat tal-paragun bejn il-kalkoli tagħhom stess u l-valutazzjoni mwettqa mill-uffiċċju evalwatur abbażi ta’ xenarju ta’ insolvenza ta’ seba’ snin. Huma jindikaw ukoll li ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni kollha li kellu l-uffiċċju evalwatur.

66      Għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 3 tinkludi evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi. Bħala definizzjoni, l-evalwazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ assi ta’ Banco Popular fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali hija bbażata fuq preżunzjonijiet u tinkludi neċessarjament stimi bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli fid-data tar-riżoluzzjoni.

67      Barra minn hekk, l-uniku każ li fih l-evalwazzjonijiet li minnhom tirriżulta deċiżjoni bbażata fuq fatti kumplessi jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali huwa dak li fih ir-rikorrent jallega li l-evalwazzjonijiet fattwali inkwistjoni ma humiex plawżibbli (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 77).

68      Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandhom jistabbilixxu li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, huma għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-istimi tal-kategoriji differenti ta’ assi mwettqa mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3.

69      Il-fatt li r-riżultat tal-istima tal-valur tal-assi ta’ Banco Popular fil-każ ta’ proċedura normali ipotetika ta’ insolvenza li tinsab fil-perizja tar-rikorrenti ma taqbilx mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 3, minbarra fil-każ fejn ir-rikorrenti jallegaw li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex plawżibbli, jaqa’ taħt kontestazzjoni li tmur lil hinn mill-istħarriġ ristrett tal-Qorti Ġenerali previst fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, BMC vs Entreprise commune Clean Sky 2, T‑71/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:567, punt 78).

70      Għaldaqstant, il-preżentazzjoni mir-rikorrenti, fid-diversi partijiet tal-ewwel motiv, tal-istimi tad-diversi kategoriji ta’ assi ta’ Banco Popular imwettqa fil-perizja tagħhom ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li ċċaħħad il-plawżibbiltà tal-valutazzjoni 3 u lanqas, għaldaqstant, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mis-SRB.

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

a)      Fuq lewwel parti, dwar ittul tax-xenarju ta’ stralċ

72      Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjonijiet adottati mis-SRB u mill-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri u huma manifestament żbaljati. Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-preżunzjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji li jirregolaw il-Liġi 22/2003. Permezz tat-tieni lment, billi jibbażaw ruħhom fuq eżempji ta’ fallimenti bankarji, huma jilmentaw li l-uffiċċju evalwatur ma kkunsidrax perijodu ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin, li kien iwassal għal irkupri ikbar.

73      Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva dan li ġej:

“[L-uffiċċju evalwatur] indika li l-għan aħħari tal-istralċjarju kien li jillikwida l-assi f’terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, [huwa] eżamina numru ta’ xenarji alternattivi u strateġiji possibbli li stralċjarju seta’ japplika biex jimmassimizza l-irkupru għall-kredituri f’terminu raġonevoli. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv Spanjol, imsemmi fil-valutazzjoni 3, li jipprevedi fażi ta’ stralċ tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ sena, li fi tmiemha kull parti kkonċernata tista’ titlob is-sostituzzjoni tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni indebita ta’ din il-fażi, u tal-kumplessità tal-proċedura ta’ stralċ ipotetiku ta’ [Banco Popular], [l-uffiċċju evalwatur] evalwa tliet xenarji temporali alternattivi, billi ppreżuma li perijodi itwal kienu jippermettu irkupri ikbar permezz ta’ trasferiment u likwidazzjoni iktar ordnata tal-assi: (i) perijodu ta’ stralċ ta’ 18-il xahar, (ii) perijodu ta’ stralċ ta’ 3 snin u (iii) perijodu ta’ stralċ ta’ 7 snin. [L-uffiċċju evalwatur] qies li, fir-rigward tal-mod li bih il-kredituri differenti evalwaw il-pjan ta’ stralċ, is-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi wara l-bidu tal-istralċ setgħet tkun importanti. Dan kien ibbażat fuq il-fatt li l-kredituri ta’ livell superjuri setgħu jikkunsidraw li ma tantx kien probabbli li jiġu kkumpensati f’każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti, filwaqt li s-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-kredituri ta’ livell inferjuri fil-ġerarkija tal-kredituri. F’dan il-kuntest, [l-uffiċċju evalwatur] qies li ma jkunx raġonevoli li l-kredituri jintalbu jistennew iktar minn 7 sena għat-tmiem tal-istralċ.”

74      Is-SRB indika wkoll li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu ppreżentaw kummenti matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ dwar it-tul tal-istralċ. Huwa semma li, għal kull xenarju temporali alternattiv, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra l-aħjar strateġija u l-perijodu ta’ trasferiment li jippermettu li jiġu mmassimizzati l-kisbiet għall-kategoriji differenti ta’ assi, skont in-natura u l-likwidità tagħhom. Is-SRB irrileva li, f’dan ir-rigward, skont id-dokument ta’ kjarifika, il-punt 2.2 tal-valutazzjoni 3 kien jindika li, skont il-Liġi 22/2003, wara r-riforma tal‑2015, perijodu ta’ 18-il xahar kien il-massimu effettiv għall-istralċ ta’ Banco Popular. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura ta’ insolvenza ipotetika ta’ Banco Popular u tal-fatt li proċess mgħaġġel ħafna jwassal għal problemi ta’ kapaċità tas-suq, tal-prezzijiet li qed jonqsu u tal-valuri baxxi ta’ kisbiet, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra wkoll żewġ xenarji ta’ stralċ itwal minn dak ta’ 18-il xahar stabbilit mil-Liġi 22/2003, jiġifieri xenarji ta’ 3 u 7 snin. L-uffiċċju evalwatur kien qies li dawn ix-xenarji addizzjonali kienu jippermettu li l-assi ta’ Banco Popular jiġu llikwidati b’mod iktar effikaċi u b’rati ta’ rkupru ogħla minn dawk tax-xenarju ta’ 18-il xahar, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ restituzzjoni tal-valur lill-kredituri f’terminu raġonevoli. Huwa qies li perijodu ta’ stralċ itwal mix-xenarju ta’ 7 sena kien iwassal għal spejjeż ta’ stralċ ogħla, għal spejjeż ta’ ġestjoni u ta’ żamma iktar sinjifikattivi u kien iżid l-inċertezza fir-rigward tal-livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi. Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur kien qies li perijodu ta’ stralċ itwal ma kienx konformi mal-loġika tal-Liġi 22/2003 u mal-interessi tal-kredituri mhux iggarantiti ta’ livelli ogħla. Is-SRB ikkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq evalwazzjoni korretta tat-tul tal-istralċ.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata talLiġi 22/2003

75      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-preżunzjonijiet dwar it-tul tax-xenarji ta’ stralċ użati fil-valutazzjoni 3 huma bbażati fuq tliet żbalji ta’ interpretazzjoni tal-Liġi 22/2003.

76      Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, skont ix-xhieda ta’ A, avukat speċjalizzat fid-dritt Spanjol tal-falliment, annessa mar-rikors, skont il-Liġi 22/2003, it-tul xieraq tal-perijodu ta’ stralċ jiddependi biss fuq il-kriterju ta’ massimizzazzjoni tal-irkupru fl-interess tal-kredituri u li ma hemmx limitazzjoni ratione temporis a priori tat-tul tal-proċedura ta’ insolvenza. Filwaqt li rrikonoxxew li l-għan tal-proċedura ta’ insolvenza huwa li jimmassimizza l-valur tal-assi fl-interess tal-kredituri, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur qiesu b’mod żbaljat li dan il-prinċipju tad-dritt Spanjol kien jobbliga li tiġi vverifikata n-“natura raġonevoli” tal-perijodu ta’ stralċ.

77      Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur irrileva li, matul il-likwidazzjoni tal-assi, il-Liġi 22/2003 kienet teżiġi li l-istralċjarju jaġixxi b’mod diliġenti sabiex jikseb l-aħjar valur fid-dawl taċ-ċirkustanzi, iżda li ma kienx obbligat jispekula fuq riżultati inċerti u li kellu jieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa tal-kredituri li jirċievu r-rimbors tas-somom dovuti f’terminu raġonevoli.

78      Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati li t-tul tax-xenarji ta’ stralċ previsti fil-valutazzjoni 3 kien qasir wisq, l-uffiċċju evalwatur indika li perijodu ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin kien inevitabbilment iwassal għal spejjeż ta’ stralċ, ta’ ġestjoni u ta’ żamma ogħla u jżid l-inċertezza għall-istralċjarju f’termini ta’ livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi. Huwa kkunsidra li stralċjarju ma jkunx lest li jispekula fuq punti pożittivi futuri possibbli li jkunu inċerti ħafna.

79      L-uffiċċju evalwatur qies li l-għanijiet tal-Liġi 22/2003 u l-pressjoni tal-kredituri ma jappoġġawx xenarju itwal minn dak ta’ seba’ snin. L-ewwel, huwa rrileva li l-Liġi 22/2003 kienet tistabbilixxi r-regoli ta’ stralċ tal-assi tal-bank insolventi bl-għan globali li jinkiseb l-ogħla valur ta’ likwidazzjoni. Kif stabbilit minn din il-liġi, l-istralċjarju kien obbligat jaġixxi b’mod diliġenti sabiex jikseb l-aħjar valur ta’ likwidazzjoni tal-assi tal-entità fil-parametri awtorizzati mill-qafas legali (inkluż iż-żmien mogħti għal-likwidazzjoni), madankollu, huwa ma kienx obbligat jispekula dwar riżultati inċerti. It-tieni, huwa indika li l-Liġi 22/2003 kienet tinkoraġġixxi l-bejgħ fi żmien utli tal-assi tal-entità fi stralċ. L-emendi li saru għal-Liġi 22/2003 fl‑2015 kienu maħsuba biex iħaffu l-proċeduri ta’ stralċ u jevitaw estensjonijiet indefiniti, li kienu ta’ tħassib qabel it-twettiq tar-riformi. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li, wara din ir-riforma tal‑2015, il-Liġi 22/2003 kienet stabbilixxiet id-dritt tal-kredituri li jitolbu lil qorti s-sostituzzjoni tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni mhux iġġustifikata tal-fażi ta’ stralċ. Din il-konstatazzjoni kienet partikolarment rilevanti fir-rigward ta’ suq li, fil-bidu tal-istralċ, kien vast u likwidu. It-tielet, l-uffiċċju evalwatur indika li l-kredituri jkunu jeżiġu li l-krediti tagħhom jiġu rrimborsati f’terminu raġonevoli, b’mod partikolari dawk li huma f’livell ogħla fil-ġerarkija tal-kredituri. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar l-interessi fuq il-krediti mhux iggarantiti (jiġifieri meta l-interessi wara l-istralċ ma jkunux eżiġibbli), il-kredituri ta’ livell ogħla (inkluża l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti) ftit li xejn ikollhom il-possibbiltà li jiġu kkumpensati f’każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti u għalhekk jagħmlu pressjoni għal perijodu ta’ stralċ iqsar.

80      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-massimizzazzjoni tal-irkupru tikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-istralċjarju, dan ma huwiex l-uniku għan tiegħu. B’mod partikolari, kif jenfasizzaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, l-istralċjarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll għanijiet oħra u jibbilanċja diversi interessi.

81      Kif jirrilevaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, ċerti kredituri skont il-livell tagħhom fil-ġerarkija jista’ jkollhom interess għal konklużjoni rapida tal-proċedura ta’ stralċ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li dan l-interess jirriżulta b’mod partikolari mil-Liġi 22/2003, sa fejn din tipprevedi sospensjoni tal-interessi għad-djun mhux iggarantiti, li timplika, kif jirrileva s-SRB, li l-kredituri ta’ livell ogħla ma humiex ikkumpensati għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti.

82      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur, meta jibbilanċja l-interessi tad-diversi kategoriji ta’ kredituri, ikkunsidra li xenarju itwal minn dak ta’ seba’ snin ma kienx prevedibbli, ma kienx intiż li jiffavorixxi lil ċerti gruppi ta’ kredituri, iżda li jimmassimizza l-irkupru għalihom kollha.

83      Sussegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-proċedura ta’ stralċ kellha tiżvolġi f’terminu raġonevoli, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Liġi 22/2003 kien li jiġi evitat tul eċċessiv tal-proċeduri ta’ stralċ.

84      F’dan ir-rigward, il-premessa VII tal-Liġi 22/2003 tipprevedi li “[i]l-liġi għandha l-għan li tevita l-estensjoni eċċessiva tal-operazzjonijiet ta’ stralċ, għal dan l-għan, hija timponi fuq l-amministraturi l-obbligu li jirrappurtaw kull tliet xhur dwar il-progress ta’ dawn l-operazzjonijiet u tistabbilixxi terminu ta’ sena sabiex dawn jitlestew, b’sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-revoka tal-amministraturi u t-telf tad-dritt għal remunerazzjoni”.

85      Barra minn hekk, l-Artikolu 153 tal-Liġi 22/2003 jipprevedi l-possibbiltà għal kull parti kkonċernata li titlob lill-qorti tal-falliment ir-revoka tal-amministraturi ġudizzjarji u l-ħatra ta’ amministraturi ġodda meta l-fażi ta’ stralċ ma tkunx ingħalqet sena wara l-ftuħ tagħha.

86      Barra minn hekk, kif jirrileva r-Renju ta’ Spanja, f’digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2015, il-Juzgado de lo Mercantil no 6 Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 6 ta’ Madrid, Spanja) qieset li l-Liġi 22/2003 “fl-ebda każ ma [kienet] tiddetermina b’mod imperattiv li l-istralċ tal-insolvenza [kellu] jkollu tul massimu ta’ sena, peress li [kien] jirriżulta mill-formulazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi [Taqsima VII] tal-Liġi [22/2003] u mill-Artikolu 153 tagħha, li jagħti l-possibbiltà li tintalab ir-revoka ta’ amministraturi negliġenti, li x-xewqa u l-aspirazzjoni tal-leġiżlatur kienu li l-operazzjonijiet ta’ stralċ ma jdumux għal żmien itwal minn dak li kien neċessarju, bil-perijodu ta’ sena inizjalment meqjus bħala raġonevoli għall-implimentazzjoni u t-tlestija tagħhom, inkluż sabiex jitwettqu l-ħlasijiet, il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-konklużjoni tal-proċedura ta’ falliment”.

87      L-għan intiż sabiex il-proċedura ta’ stralċ ma tittawwalx indebitament ġie kkonfermat bl-emenda tal-Liġi 22/2003 prevista mil-Ley 25/2015 de mecanismo de segunda oportunidad, reducción de la carga financiera y otras medidas de orden social (il-Liġi 25/2015 dwar il-Mekkaniżmu tat-Tieni Opportunità, it-Tnaqqis tal-Piż Finanzjarju u ta’ Miżuri Soċjali Oħra), tat‑28 ta’ Lulju 2015 (BOE Nru 180, tad‑29 ta’ Lulju 2015, p. 64479). It-tielet dispożizzjoni tranżitorja dwar it-tariffa tad-drittijiet tar-rappreżentanti ġudizzjarji tal-Liġi 25/2015 tipprevedi:

“Mit-tlettax-il xahar wara l-ftuħ tal-fażi ta’ stralċ, il-mandatarju ġudizzjarju ma jirċievi ebda remunerazzjoni, ħlief jekk il-qorti tiddeċiedi, b’mod immotivat u wara li tkun semgħet lill-partijiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li testendi dan it-terminu. L-estensjonijiet miftiehma għandhom ikunu trimestrali u ma jaqbżux total ta’ sitt xhur.”

88      F’sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2020, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) interpretat it-tielet dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 25/2015, fis-sens li tipprovdi, “b’mod ġenerali, li d-dritt għal remunerazzjoni tal-istralċjarju matul il-fażi ta’ stralċ [kien] limitat għall-ewwel tnax-il xahar” u li “mit-tlettax-il xahar, ma [kellux] id-dritt li jirċievi onorarji miġbura mill-massa, sakemm il-qorti ma tawtorizzax dan, b’mod immotivat u wara li tisma’ lill-partijiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża”. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li “din id-dispożizzjoni [kienet] tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jiżguraw li l-fażi ta’ stralċ ma ddumx wisq (Artikolu 152 tal-Liġi 22/2003)”.

89      Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Liġi 22/2003 mill-qrati Spanjoli ssostni l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li l-proċedura ta’ stralċ għandha titwettaq f’terminu raġonevoli.

90      Barra minn hekk, sabiex jitqies li l-proċedura ta’ stralċ ma tistax iddum iktar minn seba’ snin, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur ħadu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra. Huma osservaw b’mod partikolari li, minn ċertu tul ta’ żmien, l-ispejjeż tal-proċedura u l-inċertezzi marbuta mal-likwidazzjoni tal-assi ma kinux jippermettu li tiġi żgurata l-massimizzazzjoni tal-irkupru. Kif jinnota l-SRB, perijodi itwal ta’ stralċ iwasslu għal livell ogħla ta’ inċertezzi dwar it-tnaqqis potenzjali fil-valur u r-riskji makroekonomiċi.

91      Kif jenfasizzaw is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, ir-rikorrenti ma jistgħux jaffermaw li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proċedura itwal jagħti neċessarjament vantaġġi u jwassal neċessarjament għal massimizzazzjoni tal-irkupru.

92      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-għan tal-proċedura ta’ stralċ li jikkonsisti fil-massimizzazzjoni tal-irkupru tal-kredituri kien jipprekludi l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li din il-proċedura għandha titwettaq f’terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, huma ma wrewx li din l-evalwazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni Spanjola.

93      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur qiesu b’mod żbaljat li l-Artikolu 153 tal-Liġi 22/2003, kif emendata fl‑2015, kien jistabbilixxi perijodu ta’ sena għall-proċess ta’ stralċ. Huma jilmentaw li l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 22/2003 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Istralċjarju kienu jistabbilixxu terminu “massimu effettiv” ta’ 18-il xahar għall-istralċ ta’ Banco Popular.

94      Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li kien ikkunsidra xenarju ta’ stralċ ta’ 18-il xahar, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont il-Liġi 22/2003, l-istralċjarju kien jiġi rremunerat biss għal 12-il xahar, b’estensjoni possibbli ta’ 6 xhur għall-proċeduri kumplessi. Madankollu, huwa qies li d-daqs tal-bank u l-kumplessità tiegħu jagħmlu xenarju bħal dan improbabbli ħafna.

95      Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur fakkar dak li kien indika fil-valutazzjoni 3, jiġifieri li s-sitwazzjoni skont il-Liġi 22/2003, wara r-riforma tal-2015, kienet li perijodu ta’ 18-il xahar huwa l-massimu effettiv għall-istralċ ta’ Banco Popular. Huwa rrileva li l-għan ta’ dawn l-emendi kien li jiġi evitat li l-proċedura ta’ stralċ tiġi estiża b’mod indefinit u li l-Liġi 22/2003 kif emendata kienet tagħmel l-estensjoni mhux iġġustifikata tal-fażi ta’ stralċ raġuni li tiġġustifika s-sostituzzjoni tal-istralċjarju. Madankollu, l-uffiċċju evalwatur fakkar li, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedura ta’ insolvenza ipotetika ta’ Banco Popular u tal-fatt li proċedura mgħaġġla wisq twassal għal problemi ta’ kapaċità tas-suq, ta’ prezzijiet iktar baxxi u ta’ rkupru dgħajjef, huwa kien ippreveda żewġ xenarji ta’ stralċ itwal minn dak ta’ 18-il xahar previst mil-Liġi 22/2003. Huwa żied li x-xenarji addizzjonali ta’ 3 u ta’ 7 snin jippermettu li l-assi ta’ Banco Popular jiġu llikwidati b’mod iktar effikaċi u b’rata ta’ rkupru aħjar mix-xenarju ta’ 18-il xahar, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ restituzzjoni tal-valur lill-kredituri f’terminu raġonevoli.

96      Għaldaqstant, peress li l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra x-xenarju ta’ stralċ ta’ 18-il xahar bħala improbabbli ħafna u għalhekk elabora żewġ xenarji oħra itwal, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkritikaw lill-uffiċċju evalwatur talli interpreta b’mod żbaljat il-Liġi 22/2003 fis-sens li tistabbilixxi terminu “massimu effettiv” ta’ tul ta’ likwidazzjoni ta’ 18-il xahar huma ineffettivi. Bl-istess mod, l-eżempji ċċitati fix-xhieda ta’ A, ta’ proċeduri ta’ insolvenza li bdew wara l-2015 u għal iktar minn 3 snin, lanqas ma huma rilevanti.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti, billi jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A, jikkontestaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur, li tinsab fid-dokument ta’ kjarifika, li jipprovdi li ċerti kredituri ta’ livell ogħla tal-azzjonisti affettwati u għall-kredituri affettwati jistgħu jitolbu t-tneħħija tal-istralċjarju fil-każ ta’ estensjoni indebita tal-perijodu ta’ stralċ lil hinn minn sena u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi li l-istralċjarju jantiċipa tali azzjonijiet u jħaffef il-proċedura.

98      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika ma humiex intiżi sabiex jiġġustifikaw xenarju ta’ stralċ “imħaffef”, iżda sabiex jiġġustifikaw ir-raġuni għalfejn il-proċedura ta’ stralċ ma għandhiex iddum iktar minn seba’ snin.

99      Minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, jirriżulta li s-SRB indika li, fir-rigward tal-mod kif id-diversi kredituri evalwaw il-pjan ta’ stralċ, l-uffiċċju evalwatur, fil-valutazzjoni 3, kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sospensjoni tal-ħlas tal-interessi wara l-istralċ setgħet tkun sinjifikattiva, sa fejn il-kredituri ta’ livell ogħla qiesu li kien ftit probabbli li kienu ser jiġu kkumpensati għad-dewmien fir-rimbors tal-ammonti dovuti.

100    Għalhekk, id-diversi kredituri ta’ Banco Popular, skont il-livell tagħhom fil-ġerarkija, seta’ jkollhom interessi diverġenti fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ u l-uffiċċju evalwatur u s-SRB ma jistgħux jiġu kkritikati li ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi kollha.

101    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut tal-Liġi 22/2003, li tipprevedi l-possibbiltà li l-istralċjarju jitneħħa fil-każ ta’ estensjoni mhux iġġustifikata tal-istralċ u tal-fatt li ċerti kredituri ma għandhomx interess li l-proċedura titkompla, din it-tneħħija tikkostitwixxi possibbiltà li l-uffiċċju evalwatur seta’ jieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fix-xhieda ta’ A, li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, dan iddikjara li “jekk ċerti gruppi ta’ kredituri kellhom jagħmlu pressjoni fuq l-istralċjarju sabiex jitħaffef il-proċess ta’ stralċ, gruppi oħra ta’ kredituri, bħad-detenturi ta’ krediti subordinati, ikunu jistgħu jmorru kontra tali strateġija” permezz ta’ azzjoni għad-danni kontra l-istralċjarju. Huwa żied jgħid li għalhekk ikkunsidra “li [l-uffiċċju evalwatur] [kien] ippreżuma li l-interessi u l-azzjonijiet ipotetiċi tal-kredituri ta’ livell ogħla kienu jinfluwenzaw lill-istralċjarju iktar mill-interessi tal-kredituri ta’ livell inferjuri” u li huwa ma kien jara “l-ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li stralċjarju kien jiffavorixxi grupp ta’ kredituri speċifiku fit-tfassil tal-pjan ta’ stralċ minflok il-grupp ieħor, billi jħaffef indebitament il-proċedura ta’ insolvenza u, konsegwentement, billi jirrinunzja potenzjalment għall-irkupru għad-detenturi ta’ krediti subordinati”.

103    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li x-xhieda ta’ A tikkostitwixxi sempliċi opinjoni li ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur li ċerti kredituri jistgħu jqisu li tul tal-proċedura ta’ stralċ ta’ iktar minn seba’ snin huwa inġustifikat u jistgħu, minħabba f’hekk, jiġu mħeġġa jitolbu t-tneħħija tal-istralċjarju sabiex jiksbu rimbors tal-krediti tagħhom f’terminu raġonevoli.

104    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jqajmu ebda argument intiż li jikkontesta l-elementi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3 u mfakkra fid-dokument ta’ kjarifika intiż sabiex jiġġustifika li l-proċedura ta’ stralċ ma ddumx iktar minn seba’ snin, bħall-ispejjeż ta’ stralċ, ta’ ġestjoni u ta’ żamma ogħla, iż-żieda tal-inċertezza għall-istralċjarju f’termini ta’ livelli ta’ likwidazzjoni tal-assi u l-fatt li stralċjarju ma huwiex lest li jispekula fuq eventwali punti pożittivi futuri li huma inċerti ħafna.

105    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-preżunzjonijiet adottati mis-SRB jew mill-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tax-xenarji ta’ stralċ kienu bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Liġi 22/2003 u, għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ stralċ itwal

106    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont ix-xhieda ta’ A annessa mar-rikors u l-addendum tagħha anness mar-replika, stima raġonevoli tat-tul tal-perijodu ta’ insolvenza hija ta’ għaxar snin jew iktar u ta’ seba’ snin minimu. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq il-perizji tagħhom, li abbażi tagħhom xenarju ta’ stralċ ta’ għaxar snin kien iwassal għal irkupri ogħla. Huma jinvokaw eżempji ta’ insolvenza, imsemmija fil-perizji tagħhom u fix-xhieda ta’ A, li fihom it-tul tal-perijodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-assi qabeż il-perijodu ta’ stralċ massimu ta’ seba’ snin meħud inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Delegat 2018/344 jipprevedi li:

“Il-valwatur għandu jqis dawn li ġejjin meta jiġi biex jiddetermina l-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija skont proċeduri normali tal-insolvenza:

a)      il-liġi u l-prattika applikabbli tal-insolvenza fil-ġurisdizzjoni rilevanti, li jistgħu jinfluwenzaw fatturi bħall-perjodu mistenni tad-disponiment jew ir-rati ta’ rkupru;

[…]

c)      l-informazzjoni dwar il-każijiet ta’ insolvenza tal-passat reċenti ta’ entitajiet simili, fejn ikun disponibbli u rilevanti.”

108    Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu għamlu riferiment għal każijiet ta’ insolvenza preċedenti fi Spanja u f’qrati oħra. Huwa indika li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur kien innota li, minkejja li kien ħa inkunsiderazzjoni, sa ċertu punt, il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Banco de Madrid, l-emendi importanti li saru sussegwentement fid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza (pereżempju, l-emendi li jaffettwaw it-tul ta’ dawn il-proċeduri) ma kinux jippermettu paragun ma’ kawżi Spanjoli preċedenti. Barra minn hekk, huwa kkonstata li l-uffiċċju evalwatur kien eżamina jekk każijiet oħra ta’ stralċ fl-Ewropa setgħux jagħtu ħarsa ġenerali lejn ix-xenarju ipotetiku ta’ stralċ. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej differenti fil-qasam tal-insolvenza, dan il-paragun tqies mill-uffiċċju evalwatur biss bħala li għandu valur limitat. Barra minn hekk, il-kuntest makroekonomiku, l-operazzjonijiet, l-attivitajiet u l-assi tal-entità setgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn każ għal ieħor u kellhom impatt fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza. Is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur, konformement mal-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament Delegat 2018/344, kien ħa inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar każijiet preċedenti reċenti ta’ insolvenza ta’ entitajiet simili u kien ipprovda motivazzjoni suffiċjenti dwar ir-rilevanza tagħha.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżempji msemmija mir-rikorrenti u ċċitati fil-perizji tagħhom annessi mar-rikors u mar-replika ma jikkostitwixxux punti ta’ paragun rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular.

110    Fir-rigward tal-każijiet ta’ AFINSA Bienes Tangibles SA, ta’ Ploder Uicesa SA, ta’ Assignia Infraestructruras SA u ta’ Essentium Grupo SL, imsemmija fix-xhieda ta’ A u fil-perizja annessi mar-rikors, li l-proċeduri ta’ insolvenza tagħhom kienu damu iktar minn 18-il xahar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel is-SRB, li dawn l-impriżi ma humiex istituzzjonijiet bankarji u li għalhekk dawn ma humiex eżempji rilevanti.

111    Fir-rigward tal-każijiet ta’ Northern Rock, Bradford & Bingley, Dexia SA, Heta Asset Resolution AG, SNS Bank jew Banco Espírito Santo, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jikkonċernawx banek Spanjoli u li, għaldaqstant, il-proċedura ta’ insolvenza tagħhom kienet irregolata minn dispożizzjonijiet nazzjonali differenti minn dawk applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

112    Barra minn hekk, l-esperti tar-rikorrenti indikaw, fir-rapport tagħhom anness mar-rikors, li ma kienx hemm każijiet ta’ insolvenza ta’ banek paragunabbli għal Banco Popular fi Spanja u li l-eżempji tal-bank Portugiż Banco Espírito Santo u tal-bank Olandiż SNS Bank kienu bbażati fuq rapporti ta’ insolvenza ipotetiċi. Għalhekk ma jistgħux iservu bħala eżempji tal-prattika fil-qasam tal-insolvenza fi Spanja.

113    Barra minn hekk, is-SRB indika li l-każijiet tas-Sociedad de Gestión de Activos procedente de la Reestructuración Bancaria (SAREB), ta’ Heta Asset Resolution, ta’ Northern Rock, ta’ Bradford & Bingley u ta’ Dexia ma kinux jikkonċernaw każijiet ta’ insolvenza, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti kif ukoll l-esperti tagħhom fir-rapport tagħhom anness mar-replika.

114    F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-SAREB, l-uniku eżempju ta’ bank Spanjol imsemmi mir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tas-SRB li t-tul ta’ ħmistax-il sena previst għall-finijiet tat-trasferiment ordnat tal-assi kien jikkorrispondi għal perijodu ta’ ristrutturazzjoni stabbilit fil-kuntest ta’ proċess ġenerali ta’ ristrutturazzjoni tas-settur bankarju Spanjol u mhux għal perijodu ta’ stralċ.

115    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn is-sitwazzjoni tad-diversi eżempji li huma semmew hija paragunabbli ma’ dik ta’ Banco Popular f’termini b’mod partikolari ta’ struttura ta’ portafolli ta’ assi jew ta’ kuntest makroekonomiku.

116    Fir-rigward tal-każ ta’ Banco de Madrid, ir-rikorrenti jsostnu li l-insolvenza ta’ dan il-bank, li huwa iżgħar u inqas kumpless minn Banco Popular, ilha għaddejja għal iktar minn sitt snin u turi li xenarju ta’ għaxar snin huwa xieraq.

117    F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li kien ħa inkunsiderazzjoni l-każ ta’ Banco de Madrid, li kien f’dak iż-żmien l-aħħar proċedura ta’ insolvenza bankarja Spanjola miftuħa, filwaqt li kkonstata li din kienet differenti mill-każ ta’ Banco Popular fir-rigward tal-impatt sistemiku tiegħu. Huwa rrileva wkoll li l-istralċ ta’ Banco de Madrid kien jippreċedi ċerti emendi legali importanti tal-Liġi 22/2003 li kellhom impatt fuq ix-xenarju applikat għal Banco Popular. Madankollu, huwa indika li dan il-preċedent kien utli fir-rigward tal-konferma tar-revoka tal-liċenzja bankarja u għall-evalwazzjoni ta’ ċerti assi.

118    Fil-fatt, kif indika wkoll l-uffiċċju evalwatur fid-dokument ta’ kjarifika, il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Banco de Madrid kienet preċedenti għall-emenda tal-Liġi 22/2003 li potenzjalment kellha l-effett li tillimita l-proċedura ta’ stralċ għal 18-il xahar. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 87 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-Liġi 25/2015 kienet intiża sabiex il-proċedura ta’ stralċ ma tittawwalx indebitament billi tipprevedi l-possibbiltà li r-remunerazzjoni tal-istralċjarju tiġi limitata għal 18-il xahar.

119    Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco de Madrid, mibdija f’Marzu 2015, kienet ilha għaddejja għal 5 snin u għalhekk ma kinitx tikkontradixxi l-ipoteżi ta’ xenarju ta’ stralċ massimu ta’ seba’ snin. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jispjegawx għalfejn dan l-eżempju jistabbilixxi li xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular ta’ għaxar snin ikun xieraq.

120    Għaldaqstant, l-eżempji ċċitati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul massimu tax-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular ta’ seba’ snin kien manifestament żbaljat.

121    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li l-esperti tar-rikorrenti wettqu l-evalwazzjoni tagħhom stess tal-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular sabiex jistabbilixxu li l-irkupri kienu jkunu ikbar fuq perijodu ta’ għaxar snin ma huwiex ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-valutazzjoni 3.

122    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ A, li “fl-opinjoni [tiegħu], stima raġonevoli tat-tul tal-perijodu tal-insolvenza hija ta’ 10 snin jew iktar u ta’ mill-inqas 7 snin”, tikkostitwixxi sempliċi opinjoni li ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni konkreta tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

123    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

124    Mill-analiżi tal-ewwel parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur li t-tul tal-perijodu massimu tal-proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular kien ta’ seba’ snin, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan li l-istralċ isir f’terminu raġonevoli kif ukoll tal-inċertezzi li jirriżultaw minn tul ta’ stralċ estiż. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

125    Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, dwar ilvalutazzjoni tasself li jrendi

126    Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjonijiet adottati mill-uffiċċju evalwatur u li fuqhom is-SRB ibbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li jrendi ta’ Banco Popular, huma manifestament żbaljati u wasslu għal sottovalutazzjoni sostanzjali ta’ dan il-portafoll.

127    Din il-parti għandha tinqasam f’erba’ lmenti relatati mal-analiżi magħmula mill-uffiċċju evalwatur dwar, l-ewwel, ir-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix, it-tieni, il-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas-self li jrendi, it-tielet, in-nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas-self li jrendi rimanenti u, ir-raba’, ir-rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi.

1)      Fuq lewwel ilment, dwar irriklassifikazzjoni tasself li jrendi bħala self li ma jrendix

128    Ir-rikorrenti jqisu li l-motivi mogħtija mill-uffiċċju evalwatur sabiex jiġġustifika r-riklassifikazzjoni, fil-valutazzjoni 3, ta’ EUR 1.1 biljun ta’ self li jrendi bħala self li ma jrendix huma manifestament żbaljati.

129    Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-użu tal-istandard IFRS 9 [International Financial Reporting Standard (Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju)] u taċ-circular 4/2017 del Banco de España, a entidades de crédito, sobre normas de información financiera pública y reservada, y modelos de estados financieros (Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja, għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, dwar ir-Regoli ta’ Rapportar Finanzjarju Pubbliku u Rriżervat u l-Mudelli ta’ Dikjarazzjonijiet Finanzjarji), tas‑27 ta’ Novembru 2017 (BOE Nru 296, tas‑6 ta’ Diċembru 2017, p. 119454) ma huwiex xieraq fil-kuntest ta’ insolvenza u li l-uffiċċju evalwatur, sabiex iwettaq ir-riklassifikazzjoni ta’ self li jrendi bħala self li ma jrendix, applika l-istandard IFRS 9 b’mod restrittiv wisq. Il-kriterji użati mill-uffiċċju evalwatur ma jikkorrispondux għal dak li l-istandard IFRS 9 jiddefinixxi bħala self li għandu jiġi kklassifikat fil-fażi 3 u għalhekk li għandu jiġi “żvalutat” u jitneħħa mill-grupp ta’ self li jrendi.

130    F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 3, fir-rigward tar-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix, l-uffiċċju evalwatur ħa inkunsiderazzjoni l-klijenti li, fil-kotba tal-kontabbiltà ta’ Banco Popular, kienu kklassifikati fil-fażi 2 skont l-istandard IFRS 9, jiġifieri l-klijenti li fir-rigward tagħhom hemm riskju għoli ta’ nuqqas ta’ ħlas, u sussegwentement applika kriterji oġġettivi sabiex jiddetermina liema kienu l-kuntratti ta’ self miżmuma minn dawn il-klijenti li setgħu jiġu rikklassifikati bħala self li ma jrendix, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-bank. L-uffiċċju evalwatur imbagħad ikkunsidra li kellu jiġi rikklassifikat bħala self li ma jrendix dak is-self li kien diġà inadempjenti għal iktar minn 30 jum u li l-ammont tiegħu li kien għadu dovut kien ogħla mil-livell tal-garanziji mogħtija kif ukoll is-self tal-klijenti li diġà kellhom kuntratt ta’ self inadempjenti meta jew il-garanziji mogħtija kienu insuffiċjenti, jew il-kuntratt inadempjenti kien importanti fir-relazzjoni globali mal-bank.

131    Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur ma kkunsidrax li ċertu self kellu jiġi kklassifikat fil-fażi 3 skont il-kriterji previsti mill-istandard IFRS 9 u li huwa ma wettaqx ir-riklassifikazzjoni ta’ ċertu self li jrendi bħala self li ma jrendix skont dan l-istandard.

132    Barra minn hekk, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur indika, fil-valutazzjoni 3, li l-metodu tiegħu kien konformi mal-Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja ma jfissirx, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li huwa applikah sabiex jirriklassifika s-self li jrendi bħala self li ma jrendix.

133    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirriżulta minn qari żbaljat tal-valutazzjoni 3.

134    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur, sabiex jiġġustifika d-diffikultajiet ta’ persuna li tissellef sabiex tirrimborsa s-self tagħha, ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-iffriżar tal-fondi tiegħu, billi injora, minn naħa, il-fatt li persuna li tissellef jista’ jkollha kontijiet f’banek oħra u, min-naħa l-oħra, il-funzjonament tas-sistema Spanjola ta’ garanzija tad-depożiti. Ir-riferiment għal “kontrotalbiet” mhux speċifikati huwa sempliċi konġettura. Huma jsostnu li dawn id-dikjarazzjonijiet huma vagi u mhux issostanzjati u ma jiġġustifikawx ir-riklassifikazzjoni sostanzjali tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix magħmula fil-valutazzjoni 3.

135    Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati intiżi sabiex jiksbu kjarifiki dwar ir-riklassifikazzjoni ta’ ċertu self li jrendi bħala self li ma jrendix magħmula fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ipprovda l-ispjegazzjonijiet li ġejjin:

“Kif indikat fil-[valutazzjoni 3], insolvenza ta’ Banco Popular ikollha konsegwenzi sinjifikattivi, inkluż għall-persuni li jissellfu, u tista’ twassal għal żieda fil-livell ta’ nuqqasijiet ta’ ħlas (pereżempju, il-persuni li jissellfu li jkollhom ukoll kontijiet kurrenti ma’ Banco Popular jistgħu jkunu suġġetti għall-iffriżar ta’ dawn il-kontijiet u ma jkunux jistgħu jaċċedu għall-fondi tagħhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jressqu kontrotalbiet sabiex ma jwettqux jew idewmu r-rimborsi previsti). Din iż-żieda hija kkonċentrata fuq il-partijiet tal-portafoll u/jew fuq il-persuni li jissellfu, diġà f’diffikultà, u hija aggravata mid-diffikultajiet sabiex tinżamm attitudni proattiva fil-ġestjoni ta’ dan is-self, fid-dawl tat-tfixkil tal-operazzjonijiet u tal-persunal ta’ Banco Popular li jirriżulta mill-insolvenza. Fuq il-bażi tal-esperjenza [tiegħu] u tal-ġudizzju espert [tiegħu], [huwa qies] li l-persuni li jissellfu identifikati bħala fil-fażi 2 [skont l-istandard IFRS 9] fid-data pprovduta [kienu] jippreżentaw riskju għoli ta’ nuqqas ta’ ħlas. Din il-klassifikazzjoni flimkien ma’ fatturi oħra (pereżempju, il-kollateral assoċjat) [kienu] jiddeterminaw l-istima taż-żieda tal-inadempjenza u tar-riklassifikazzjoni. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni [kienet] differenti minn analiżi kontabbli fit-tkomplija tal-operat.”

136    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement isostnu li l-eżempji mogħtija mill-uffiċċju evalwatur tal-aġir li jista’ jiġi adottat, fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular, minn persuni li jissellfu, ma jiġġustifikawx il-portata tar-riklassifikazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 3. Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

137    Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-valutazzjoni 3 u fid-dokument ta’ kjarifika dwar ir-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix ma humiex ibbażati fuq dawn l-eżempji. Ir-rikorrenti jidhru li jinjoraw il-fatt li r-riklassifikazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 3, imsemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna biss ċertu self miżmum minn persuni li jissellfu li kienu diġà jippreżentaw riskji ta’ nuqqas ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, huma ma jqajmux argumenti intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-konsegwenzi ta’ waqfien f’daqqa tal-attivitajiet tal-bank, minn naħa, fuq id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-persuni li jissellfu li diġà kellhom diffikultajiet sabiex jirrimborsaw is-self tagħhom meta Banco Popular kienet għadha topera u, min-naħa l-oħra, fuq iż-żieda tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ self li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom bħal-livell baxx tal-kollateral assoċjat, kienu diġà jippreżentaw riskji ta’ nuqqas ta’ rimbors qabel l-istralċ.

138    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li s-SRB kellu jqis li r-riklassifikazzjoni tas-self li jrendi bħala self li ma jrendix imwettaq fil-valutazzjoni 3 kienet manifestament żbaljata. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, dwar ilpreżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tasself li jrendi

139    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3 dwar it-tnaqqis tad-daqs tal-portafoll ta’ self li jrendi minn EUR 59.5 biljun għal EUR 24.9 biljun fi 18-il xahar hija bbażata fuq preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat mhux realistiku. Huma jikkontestaw dawn il-preżunzjonijiet fir-rigward, minn naħa, tas-self li jrendi lill-impriżi u, min-naħa l-oħra, tas-self li jrendi ipotekarju.

140    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-paragun magħmul mir-rikorrenti bejn il-livelli ta’ rimbors antiċipat fis-suq Spanjol fl‑2017 u l-preżunzjonijiet ikkunsidrati mill-uffiċċju evalwatur ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, sa fejn il-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq il-preżunzjoni li Banco Popular kienet ser tiġi stralċjata, il-livelli ta’ rimbors antiċipat għal impriżi operattivi ma humiex paragunabbli.

i)      Firrigward tasself li jrendi lill-impriżi

141    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li 80.23 % tal-portafoll ta’ self li jrendi lill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular ser jiġi rrimborsat b’mod antiċipat f’terminu ta’ sena wara l-insolvenza ta’ Banco Popular. Din il-preżunzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni illoġika u kuntrarja għall-karatteristiċi tas-suq Spanjol li l-klijenti professjonali li għandhom bżonn bank li jipprovdi servizzi bankarji kummerċjali huma obbligati li jiffinanzjaw mill-ġdid is-self tagħhom minn bank ġdid li jista’ joffri dawn is-servizzi.

142    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li ma teżistix rabta bejn self u kont kurrenti, li ma huwiex eżatt li impriża li tissellef għandha biss relazzjoni bankarja waħda għall-bżonnijiet kollha tagħha u li għandu jiġi rrikonoxxut in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu biex ibiddlu l-bank. L-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa dan fid-dokument ta’ kjarifika u bbaża ruħu fuq dikjarazzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet mill-qrib tal-banek Spanjoli mal-klijenti tagħhom jew mal-istrateġiji tal-banek kompetituri, mingħajr ma identifika kemm mill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular li kisbu self kienu jibbenefikaw minn funzjonijiet bankarji oħra li għalihom huma kellhom iċaqilqu.

143    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur qies li r-rati tar-rimbors antiċipat setgħu jkunu sostanzjalment ogħla f’xenarju ta’ stralċ milli fil-każ ta’ bank operattiv, peress li l-klijenti li kellhom il-kapaċità kienu probabbilment jiċċaqilqu lejn istituzzjonijiet finanzjarji oħra u jirrimborsaw id-dejn tagħhom lill-bank, u li l-banek Spanjoli l-kbar l-oħra setgħu wkoll jippruvaw b’mod attiv jattiraw l-aħjar klijenti tal-bank fi stralċ. Huwa qies li din il-preżunzjoni tapplika b’mod speċjali għall-impriżi klijenti li, għall-ġestjoni tal-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, kellhom jibbażaw ruħhom fuq bank kompletament operattiv, li jista’ joffri prodotti u servizzi bħal faċilitajiet ta’ kreditu rinnovabbli, ġbid ta’ kreditu ieħor, funzjoni ta’ punt ta’ bejgħ u anki servizzi oħra li Banco Popular ma tkunx f’pożizzjoni li tkompli toffri wara li tkun tpoġġiet fi stralċ.

144    Huwa indika wkoll li huwa kien ippreżuma li l-klijenti impriżi kollha kienu jiċċaqilqu bl-eċċezzjoni tal-impriżi li kienu fuq il-lista ta’ sorveljanza, li ftit li xejn setgħu jiksbu finanzjament mill-ġdid minn bank ieħor, u kumpanniji ta’ kuntratturi tal-proprjetà immobbli li fir-rigward tagħhom il-banek kompetituri kellhom ftit interess fid-data tar-riżoluzzjoni.

145    Fid-dokument ta’ kjarifika, wara kummenti mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati li l-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat għas-self li jrendi kienu jidhru għoljin wisq, l-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej:

“Barra minn hekk, ikkonstatajna li l-mudell ekonomiku Spanjol tal-bank bl-imnut huwa bbażat fuq l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet mill-qrib mal-klijenti. F’dan ix-xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular, numru kbir ta’ impriżi klijenti jwettqu diskussjonijiet kummerċjali ma’ fornituri ta’ servizzi bankarji oħra, li matulhom l-entità alternattiva tkun f’pożizzjoni tajba sabiex tattira s-self tal-impriżi klijenti kif ukoll l-attivitajiet bankarji tranżazzjonali tagħhom. Biex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità, ma nistgħux nippreżumu rabta operattiva bejn iż-żewġ prodotti. Madankollu, nassumu li d-diskussjonijiet kummerċjali li jirriżultaw minn dan ikopru l-ħtiġijiet bankarji kollha tal-klijent (kemm jekk tranżazzjonijiet kummerċjali kif ukoll self) u li l-fornitur l-ieħor ikun jixtieq jattira l-ikbar numru possibbli ta’ attivitajiet ġodda. Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jkunu iktar faċli meta tkun diġà teżisti relazzjoni bankarja (klijenti multibankarji). B’mod partikolari, is-SMEs u l-franchises ta’ valur iżgħar ta’ Banco Popular kienu, fil-fehma tagħna, ta’ interess strateġiku għal banek Spanjoli oħra f’dak iż-żmien, b’tali mod li strateġija proattiva intiża sabiex tattira l-klijenti ta’ Banco Popular minn kompetitur wieħed jew iktar kienet tkun ir-riżultat probabbli ta’ xenarju ta’ stralċ. Għalhekk, aħna nqisu li l-preżunzjonijiet li fuqhom hija bbażata ż-żieda fil-livell tar-rimborsi antiċipati ta’ self, kif esposti [fil-valutazzjoni 3], huma raġonevoli.”

146    Barra minn hekk, bi tweġiba għall-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati li jissuġġerixxu li l-inerzja tal-persuna li tissellef tnaqqas il-livell ta’ ċaqliq u li l-aġir tal-klijenti mhux dejjem huwa razzjonali, l-uffiċċju evalwatur qabel li, jekk dan kien fattur f’sitwazzjoni ta’tkomplija tal-operat, is-sitwazzjoni kienet differenti ħafna f’xenarju ta’ stralċ. Huwa fakkar li l-klijenti li jiddependu fuq Banco Popular għal servizzi bankarji tranżazzjonali jkunu mġiegħla jbiddlu l-bank u, anki li kieku ma kienx hemm rabta operattiva, probabbilment huma jċaqilqu s-self tagħhom fl-istess ħin sabiex iżommu l-livelli ta’ servizz u għal raġunijiet ta’ konvenjenza amministrattiva.

147    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa l-assenza ta’ rabta operattiva bejn self u kont kurrenti ma jikkontestax l-evalwazzjoni tiegħu li l-impriżi klijenti għandhom jibbażaw ruħhom fuq bank li jista’ joffrilhom firxa sħiħa ta’ prodotti u ta’ servizzi. Il-fatt li Banco Popular, minħabba l-istralċ tiegħu, ma għadux f’pożizzjoni li joffrilhom dawn is-servizzi huwa element ta’ natura li jiffavorixxi ċ-ċaqliq ta’ din il-klijentela lejn banek oħra u għalhekk rimbors antiċipat tas-self tagħhom.

148    Barra minn hekk, mill-valutazzjoni 3 ma jirriżultax li l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni li impriża għandha biss relazzjoni bankarja waħda għall-bżonnijiet kollha tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li dan kien aċċetta n-natura żbaljata tal-ipoteżi tiegħu meta rrikonoxxa l-eżistenza ta’ relazzjonijiet multibankarji fid-dokument ta’ kjarifika bi tweġiba għal ċerti kummenti. F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur qies li l-fatt li klijent ta’ Banco Popular ikollu kont f’bank ieħor jista’ jkun element ta’ natura li jiffaċilita x-xiri tas-self tagħhom minn dan il-fornitur l-ieħor u għalhekk ir-rimbors antiċipat tas-self li jrendi.

149    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fid-dokument ta’ kjarifika l-uffiċċju evalwatur ma rrikonoxxiex in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu biex ibiddlu l-bank fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular.

150    Fl-aħħar nett, sa fejn l-uffiċċju evalwatur indika b’mod ċar liema kienu l-kategoriji tal-impriżi klijenti li huwa kien eskluda mill-preżunzjoni tiegħu bħala li ma kinux f’pożizzjoni li jittrasferixxi s-self tagħhom, l-argument intiż bħala ilment tal-fatt li huwa ma identifikax kemm mill-impriżi klijenti li kienu sselfu kienu jibbenefikaw minn funzjonijiet bankarji oħra ma huwiex rilevanti.

151    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-uffiċċju evalwatur qiegħed ir-“relazzjonijiet bankarji mill-qrib” bħala fattur determinanti tar-rimborsi antiċipati ’l fuq mill-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha, inklużi l-ispejjeż tas-self. Fil-fehma tagħhom, il-klijenti professjonali, b’mod partikolari l-SMEs, jippreferu l-ispiża tas-self fuq in-natura tar-relazzjonijiet bankarji tagħhom.

152    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-bidu tal-proċess ta’ stralċ ta’ Banco Popular, mhux biss fuq l-inkapaċità tiegħu li jipprovdi s-servizzi bankarji kollha, iżda wkoll fuq l-aġir tal-banek kompetituri. B’mod partikolari, l-uffiċċju evalwatur indika, fid-dokument ta’ kjarifika, li parti mill-impriżi klijenti ta’ Banco Popular, b’mod partikolari l-SMEs, jirrappreżentaw interess strateġiku għal banek Spanjoli oħra li jistgħu jistabbilixxu strateġija biex jattiraw lil dawn il-klijenti fil-każ ta’ stralċ.

153    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi li l-eżistenza ta’ relazzjonijiet mill-qrib tal-klijenti professjonali Spanjoli mal-bank tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi element rilevanti li seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. L-argumenti tar-rikorrenti ma jċaħħdux mill-plawżibbiltà l-ipoteżi, meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur, li, wara l-istralċ ta’ Banco Popular, il-klijenti professjonali li kellhom jittrasferixxu t-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom lejn bank ieħor kienu jagħżlu li jittrasferixxu wkoll is-self tagħhom, sabiex iżommu relazzjoni li tkopri s-servizzi bankarji kollha.

154    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn l-uffiċċju evalwatur ma pprovdiex ċifri relatati mar-rati ta’ interessi relatati u mal-ispejjeż ta’ xoljiment li huwa kkunsidra.

155    Fid-dokument ta’ kjarifika, bi tweġiba għall-kummenti dwar ir-rati ta’ interessi relatati u l-ispejjeż ta’ trasferiment, l-uffiċċju evalwatur indika li kkunsidra, waqt il-formulazzjoni tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, ix-xewqa tal-klijent li jiċċaqlaq (pereżempju, ir-rati ta’ interessi relattivi applikati bejn Banco Popular u fornituri oħra), l-ostakoli potenzjali (pereżempju, l-ispejjeż ta’ trasferiment) u l-attrazzjoni tal-klijent għal banek oħra waqt l-eżami tar-rifinanzjament tas-self tal-klijent (filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-profil tar-riskju tal-persuna li tissellef, l-istorja tal-kreditu, is-segmentazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja, eċċ.). Huwa indika li eżamina r-rati ta’ interessi relatati, billi qabbel ir-rata ta’ interessi li għandha titħallas fuq l-ammont tas-self pendenti (kif indikat fid-data pprovduta) mar-rati ta’ interessi applikati għat-tranżazzjonijiet ġodda simili fid-data tax-xoljiment, u l-ispejjeż ta’ xoljiment, inkluż l-eżami ta’ kampjun ta’ kuntratti, sabiex jifhem l-ispejjeż ta’ xoljiment previsti għal kull kuntratt standard, kif ukoll l-effett tax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt.

156    Għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-uffiċċju evalwatur effettivament ħa inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjoni 3, ir-rati ta’ interessi applikati minn Banco Popular u l-banek l-oħra kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ self. Din l-ispjegazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament Delegat 2018/344, li jipprovdi li l-valutazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni tal-metodi u l-ipoteżijiet prinċipali użati u indikazzjoni tas-sensittività tal-valutazzjoni għal dawn l-għażliet. Ma kienx il-kompitu tal-uffiċċju evalwatur li jispeċifika fil-valutazzjoni 3 l-elementi u ċ-ċifri kollha li fuqhom kien ibbaża ruħu.

157    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-ipoteżi adottata mill-uffiċċju ta’ evalwazzjoni li 80.23 % tal-portafoll ta’ self li jrendi tal-impriżi klijenti ta’ Banco Popular ikunu s-suġġett ta’ rimbors antiċipat.

ii)    Firrigward tasself ipotekarju li jrendi

158    Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur, li 33.55 % tal-portafoll ta’ self ipotekarju li jrendi ta’ Banco Popular jiġi rrimborsat b’mod antiċipat f’terminu ta’ 18-il xahar, hija bbażata fuq ġeneralizzazzjonijiet mhux issostanzjati.

159    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rati ipotekarji fis-suq Spanjol kienu sinjifikattivament ogħla mir-rati ta’ 1 u ta’ 1.2 % applikati mill-uffiċċju evalwatur u jibbażaw ruħhom fuq il-perizja tagħhom, li tirreferi għad-data tal-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u għal dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s. Huma jsostnu li l-klijenti li kienu jħallsu rata ta’ interessi ta’ 2 % jew inqas fuq is-self ipotekarju tagħhom, li tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi ta’ dan is-self fis-suq Spanjol f’Ġunju 2017, ma kellhom ebda interess li jbiddlu l-bank tagħhom. Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ma kkontestax din id-data u lanqas ir-rilevanza tagħha, iżda introduċa distinzjoni mhux rilevanti bejn ir-rati ta’ interessi fis-suq Spanjol f’Ġunju 2017 u r-rati ta’ interessi fis-seħħ matul il-perijodu kollu tal-ipoteka.

160    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu tar-rati ta’ interessi fis-seħħ matul il-perijodu kollu tal-ipoteka, sa fejn il-klijenti ma jiddeċidux li jikkonkludu self ipotekarju abbażi ta’ tali rata, iżda biss abbażi tar-rata inizjali disponibbli fis-suq, u sa fejn ir-rati inizjali jkollhom it-tendenza li jkunu iktar baxxi minn rata medja fuq it-tul tas-self.

161    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ikkunsidra li iktar kien probabbli li jiċċaqilqu l-klijenti li r-relazzjoni tagħhom bejn is-self u l-valur tal-oġġett mixtri permezz ta’ dan is-self (iktar ’il quddiem il-“proporzjon tas-self/valur”) hija inqas minn 90 % u li ma kinux inklużi fil-lista ta’ sorveljanza jew dawk li t-tul ta’ żmien ta’ maturità tas-self tagħhom kien ta’ iktar minn sentejn. Huwa qies li l-klijenti li għandhom proporzjon tas-self/valur ta’ inqas minn 80 % jirrimborsaw is-self tagħhom b’mod antiċipat jekk iħallsu rata ta’ interessi ta’ 1 % jew iktar u li l-klijenti li għandhom proporzjon tas-self/valur ta’ bejn 80 % u 90 % jirrimborsaw is-self tagħhom b’mod antiċipat jekk iħallsu rata ta’ interessi ta’ 1.2 % jew iktar.

162    Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rati ta’ interessi ta’ 1 u ta’ 1.2 % diġà tressqu minn ċerti azzjonisti u kredituri affettwati matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ.

163    F’dan ir-rigward, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur indika li d-data li tirriżulta mill-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s, invokata mill-azzjonisti u mill-kredituri affettwati, kienet differenti minn dik użata fil-valutazzjoni 3, sa fejn din kienet tirrifletti biss ir-rata inizjali tal-ipoteka.

164    L-uffiċċju evalwatur spjega li r-rati ipotekarji użati fil-valutazzjoni 3 kienu ġew ikkalkolati bit-tqabbil tar-rati (fissi u varjabbli) tal-portafoll ta’ Banco Popular ma’ dawk proposti fis‑6 ta’ Ġunju 2017 mill-fornituri prinċipali ta’ krediti ipotekarji fis-suq Spanjol. Barra minn hekk, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni r-rati fis-seħħ matul il-perijodu kollu tas-self ipotekarju (iktar milli għall-perijodu inizjali biss), peress li s-self ipotekarju fi Spanja ġeneralment għandu rata differenti fil-bidu tas-self meta mqabbel mal-perijodu rimanenti tal-kuntratt. L-uffiċċju evalwatur irrileva li dawn ir-rati kienu ġew ikkalkolati permezz tal-medja tal-perċentwali tas-self ipotekarju kemm varjabbli kif ukoll fiss fis-suq Spanjol f’dak iż-żmien u li dawn il-ponderazzjonijiet kienu ġew immultiplikati rispettivament bl-offerta ta’ rata medja għall-kuntratti l-ġodda ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli u b’rata fissa.

165    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-uffiċċju evalwatur ma kkontestax ir-rilevanza tad-data tagħhom li tirriżulta mill-Bullettin tal-Istatistika tal-Bank ta’ Spanja ta’ Lulju 2018 u dik tal-BĊE ppubblikata minn Standard & Poor’s. Huwa indika b’mod ċar li, sa fejn din id-data ma kinitx tirrifletti r-rata ta’ interessi tal-ipoteka fuq it-tul kollu tas-self, huma ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3.

166    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-klijenti jieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-rata ta’ interessi inizjali tas-self u mhux dik applikabbli matul il-perijodu kollu tas-self ipotekarju ma hija bbażata fuq ebda element konkret. Kif jirrileva s-SRB, din id-dikjarazzjoni hija kontradetta wkoll mill-argument tar-rikorrenti li l-klijenti jippruvaw “jiksbu rata medja iktar baxxa għal żmien twil”.

167    Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li r-rati ta’ interessi inizjali għandhom it-tendenza li jkunu iktar baxxi minn rata medja fuq it-tul tas-self ma hija bbażata fuq ebda prova.

168    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti jikkonsistu biss fit-tressiq tal-ipoteżijiet tagħhom stess sabiex jikkontradixxu dawk użati fil-valutazzjoni 3 u ma jistgħux iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni magħmula mill-uffiċċju evalwatur. Barra minn hekk, dawn l-argumenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra, bħall-proporzjon tas-self/valur u t-tul tal-maturità tas-self, meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur sabiex jiġi stabbilit liema kien is-self ipotekarju li jrendi li jkun irrimborsat b’mod antiċipat.

169    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur li l-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat ta’ self ipotekarju ma kinux jikkostitwixxu fattur rilevanti u huma jqisu li eskluda b’mod żbaljat l-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni ta’ self ipotekarju ġdid.

170    Fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur indika li, waqt it-tfassil tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li seta’ jkollhom effett fuq il-proċess ta’ ċaqliq tal-klijenti lejn entità oħra, kemm mill-perspettiva tal-offerta, bħall-kwalità tal-kreditu tal-klijent jew id-disponibbiltà tal-garanziji, kif ukoll mill-perspettiva tat-talba, jiġifieri l-impatt tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni tas-self ipotekarju miżmum mingħand Banco Popular kif ukoll l-ispejjeż marbuta mal-formalizzazzjoni tas-self ipotekarju mal-fornitur l-ieħor.

171    Huwa fakkar l-evalwazzjoni tiegħu, li tinsab fil-valutazzjoni 3, li tgħid li ma kien jeżisti ebda ostakolu sabiex klijent jittrasferixxi l-kreditu ipotekarju tiegħu għal fornitur ieħor minkejja l-fatt li ċertu self jagħti lok għal spejjeż ta’ rimbors antiċipat. Huwa qies li l-klijenti li għandhom depożiti ma’ Banco Popular ikollhom isibu fornitur ieħor għal dawn id-depożiti u li kien probabbli li dawn il-fornituri jinċentivaw u jissimplifikaw il-proċess ta’ trasferiment tal-prodotti l-oħra tagħhom. Konsegwentement, huwa ma kkunsidrax li dawn l-ispejjeż kienu jiddiswadu lill-klijenti milli jittrasferixxu l-kreditu ipotekarju tagħhom. Huwa qies ukoll li l-istralċjarju seta’ ma jkunx f’pożizzjoni li japplika l-ispejjeż tar-rimbors antiċipat jekk il-klijenti kienu kkunsidrati bħala li kellhom ibiddlu l-fornitur, minħabba diffikultajiet operattivi li ltaqa’ magħhom Banco Popular wara l-istralċ. Fl-aħħar nett, huwa evalwa dawn l-ispejjeż għal madwar EUR 40 miljun għall-klijenti kollha li jitilqu mill-Banco Popular u għalhekk ma inkludiex id-dħul relatat magħhom.

172    Fuq dan l-aħħar punt, l-uffiċċju evalwatur indika wkoll, fid-dokument ta’ kjarifika, li huwa kien eżamina kampjun ta’ tranżazzjonijiet sabiex jifhem l-ispejjeż ta’ annullament standard ikkuntrattati minn Banco Popular u li minn dan kien ikkonkluda li dawn kienu jinsabu fil-parametri tas-suq.

173    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-uffiċċju evalwatur ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tas-self ipotekarju li jrendi, l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment ta’ dan is-self lejn bank ieħor.

174    Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-uffiċċju evalwatur sabiex ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat huma superfiċjali u li huwa ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni ta’ self ġdid. Huma jqisu li l-ispjegazzjoni bbażata fuq l-inċentivi tal-banek kompetituri hija purament spekulattiva, li l-istralċjarju ma jirrinunzjax għall-irkupru tal-ispejjeż ta’ rimbors antiċipat u li, jekk l-ammont ta’ EUR 40 miljun ma kienx sinjifikattiv fuq livell globali, l-eżami kellu jsir fuq livell individwali.

175    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma kinux intiżi sabiex jistabbilixxu li l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment tas-self ipotekarju li jrendi lejn bank ieħor ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda li ma kinux dissważivi. L-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq sempliċi dikjarazzjonijiet li ma jurux in-natura manifestament żbaljata tal-preżunzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur.

176    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma qajmu ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li 33.55 % tal-portafoll ta’ self ipotekarju li jrendi ta’ Banco Popular ikun irrimborsat b’mod antiċipat.

177    Mill-analiżi tat-tieni lment jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest meta qies fid-dokument ta’ kjarifika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-uffiċċju evalwatur “kien ressaq argumenti xierqa fuq il-bażi tal-preżunzjonijiet tiegħu dwar iż-żieda tal-livell ta’ rimbors antiċipat” tas-self li jrendi. Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet ilment, dwar nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tasself li jrendi rimanenti

178    Ir-rikorrenti jindikaw li huma ma jikkontestawx il-metodu ta’ kalkolu tal-irkupru mistenni mil-likwidazzjoni tas-self li jrendi rimanenti, jiġifieri s-self rimanenti fil-portafoll wara t-tnaqqis ta’ dak ikklassifikat mill-ġdid bħala self li ma jrendix u ta’ dak li jirriżulta mill-preżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat, u li huma japprovaw il-fatt li parti minn dan is-self isir ma jrendix matul it-tul tiegħu. Madankollu, huma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma pprovda ebda bażi għall-preżunzjoni, inkluża fil-valutazzjoni 3, li jkun hemm “żieda sinjifikattiva” ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas fil-każ ta’ insolvenza.

179    Ir-rikorrenti jirreferu għal estratt minn tabella, li tinsab fil-valutazzjoni 3, li tinkludi sunt tal-istrateġija ta’ likwidazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular applikata mill-uffiċċju evalwatur li tipprovdi li “[i]l-portafoll ta’ self li jrendi jiġi llikwidat sa tmiem il-perijodu ta’ stralċ, fid-dawl tar-redditu tiegħu, ta’ żieda sinjifikattiva fir-rata ta’ rimbors antiċipat u ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas, segwiti minn bejgħ finali tal-portafoll rimanenti”.

180    Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur semma żieda sinjifikattiva fir-rata ta’ rimbors antiċipat tas-self li jrendi u mhux ta’ nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tas-self li jrendi rimenanti.

181    Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel is-SRB, li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-valutazzjoni 3.

182    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq irraba’ lment, dwar irrata ta’ skont fuq ilbejgħ tal bilanċ talportafoll tasself li jrendi

183    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fil-kuntest tax-xenarju ipotetiku ta’ stralċ ta’ seba’ snin, l-uffiċċju evalwatur applika rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi (ir-“rump”) bejn 5.1 % fl-aħjar ipoteżi u 6.1 % fl-agħar ipoteżi, mingħajr ma spjega din id-differenza ta’ 1 %.

184    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li r-rata ta’ skont użata fi tmiem il-perijodu ta’ stralċ f’kull xenarju kienet tirrifletti r-rati ta’ redditu meħtieġa fis-suq Spanjol għal kull kategorija ta’ assi abbażi tal-profil tar-riskju stmat fil-mument tal-istralċ, li kien jeħtieġ li jsiru aġġustamenti. L-uffiċċju evalwatur semma fuq liema elementi huwa bbaża ruħu sabiex jagħmel dawn l-aġġustamenti. Huwa spjega li d-diversi rati ta’ skont użati fid-diversi xenarji ta’ stralċ kienu jirriflettu l-evoluzzjoni tal-għaqda tad-diversi kategoriji ta’ assi tal-portafoll u tar-rati ta’ skont rispettivi preżunti tagħhom.

185    Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-ispjegazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rata ta’ skont fuq il-bejgħ tal-bilanċ tal-portafoll tas-self li jrendi distint għall-aħjar u l-agħar każ f’kull xenarju temporali alternattiv.

186    Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-perizja tagħhom, li tadotta bħala ipoteżi rata ta’ skont massimu ta’ 5 %, għandu jitfakkar li mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li paragun mal-analiżi mwettqa fil-perizja tar-rikorrenti ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-uffiċċju evalwatur wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 3.

187    Minn dan isegwi li r-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

188    Mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li jrendi ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

189    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti, dwar ilvalutazzjoni tasself li ma jrendix

190    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tal-irkupru tas-self li ma jrendix fil-valutazzjoni 3 hija bbażata fuq preżunzjonijiet inkoerenti u infondati u hija irrikonċiljabbli mad-data ta’ referenza, fatt li wassal għal sottovalutazzjoni ta’ dan l-irkupru.

191    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-preżunzjoni kkunsidrata fil-valutazzjoni 3 li tipprovdi li s-self kollu li ma jrendix jinbiegħ f’terminu ta’ 18-il xahar wara l-istralċ. Huma jsostnu li l-portafoll ta’ self li ma jrendix iggarantit jikkonsisti prinċipalment f’self iggarantit minn assi immobbli u li l-valur tiegħu huwa għalhekk iddeterminat mill-valur tal-assi immobbli sottostanti. Fil-valutazzjoni 3, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-kriterju prinċipali ta’ valutazzjoni tas-self li ma jrendix iggarantit huwa l-irkupru tal-ammonti wara l-bejgħ tal-assi maqbuda, l-uffiċċju evalwatur adotta approċċ inkoerenti billi l-preżunzjoni tiegħu hija bbażata fuq perijodu ta’ trasferiment ottimali differenti għas-self li ma jrendix u għall-assi immobbli.

192    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika li l-istrateġija ta’ stralċ prevista kienet tikkonsisti fil-bejgħ tal-portafoll ta’ self li ma jrendix fl-iqsar żmien possibbli sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-bank u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-“domanda” fis-suq Spanjol għal dawn l-assi u li dan kien konformi mal-esperjenza miksuba fil-kuntest ta’ likwidazzjonijiet bankarji oħra. Huwa qies li s-self li ma jrendix jiġi preżunt li nbiegħ f’Diċembru 2018, jiġifieri madwar 18-il xahar wara d-data ta’ riżoluzzjoni, fit-tliet xenarji alternattivi, ta’ 18-il xahar, ta’ 3 snin u ta’ 7 snin.

193    Wara kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, billi sostna li terminu itwal għat-trasferiment tas-self li ma jrendix kien jippermetti li jinkiseb dħul ta’ bejgħ ogħla, l-uffiċċju evalwatur indika, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-preżunzjoni li Banco Popular iżżomm self li ma jrendix matul perijodu itwal kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil tal-valutazzjoni 3. Madankollu, huwa sostna li skeda ta’ żmien għat-trasferiment tal-portafoll tas-self li ma jrendix fuq perijodu ta’ 18-il xahar jibqa’ l-iktar xieraq.

194    F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur qies li, fuq perijodu itwal, irkupri ikbar kienu jkunu inċerti, filwaqt li l-ispejjeż marbuta maż-żamma tat-tim ta’ stralċ (fid-dawl tar-riskju marbut mat-tluq tal-persunal ewlieni, li jżid il-livell ta’ ineffiċjenza potenzjali), kif ukoll fatturi oħra bħan-nuqqas ta’ rieda ta’ persuni li jissellfu inadempjenti li jibdew diskussjonijiet ma’ bank insolventi, kienu iktar ċerti. Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur indika li perijodu itwal kien iżid ukoll ir-riskju makroekonomiku, b’mod partikolari, minħabba li kien hemm suq attiv għas-self li ma jrendix fit-tieni nofs tal‑2017 u qies li ma tantx kien probabbli li stralċjarju jispekula fuq kundizzjonijiet favorevoli li jippersistu għal perijodu twil (b’mod partikolari f’kuntest ta’ frammentazzjoni makroekonomika potenzjalment sinjifikattiva li tista’ sseħħ wara l-istralċ ta’ Banco Popular). Għalhekk ikkonkluda li bejgħ relattivament qasir huwa fl-aħħar mill-aħħar iktar vantaġġjuż u ma joħloqx problemi ta’ kapaċità tax-xerrej li jkollhom impatt fuq il-livell ta’ kisbiet mitmuma.

195    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB semma dawn l-ispjegazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur u approvahom.

196    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur spjega li, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 3, huwa kien adotta xenarju dinamiku, iddefinit bħala metodu li jistabbilixxi mumenti differenti ta’ likwidazzjoni matul l-istralċ u li sussegwentement jistabbilixxi valur tal-assi skont, b’mod partikolari, il-mument tal-likwidazzjoni. Għalhekk, huwa indika li, għal kull wieħed mix-xenarji temporali alternattivi, huwa kien ippreveda l-istrateġija u l-perijodu ta’ trasferiment ottimali sabiex jimmassimizza l-likwidazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ assi, skont in-natura sottostanti tagħhom u l-likwidità tagħhom.

197    Issa, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta din il-metodoloġija.

198    Għalhekk, anki jekk 66.6 % tal-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular kien iggarantit minn assi immobbli, dan is-self u l-assi immobbli ma jappartjenux għall-istess kategorija ta’ assi u t-trasferiment tagħhom fil-kuntest ta’ stralċ ma jsegwix l-istess strateġija.

199    Il-fatt li l-valur tas-self li ma jrendix iggarantit huwa bbażat fuq il-valur tal-garanziji fuq proprjetà immobbli jikkostitwixxi, ċertament, il-fattur prinċipali tal-valutazzjoni tiegħu. Madankollu, ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huwa t-terminu l-iktar xieraq li jippermetti li jiġi mmassimizzat l-irkupru ta’ dan is-self.

200    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li teżisti inkoerenza fil-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni terminu ta’ trasferiment differenti għas-self li ma jrendix u għall-assi immobbli.

201    Ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-dokument ta’ kjarifika, imsemmija fil-punt 194 iktar ’il fuq, li jindika r-raġunijiet għalfejn il-massimizzazzjoni tal-irkupru ta’ dan is-self kienet timplika li dawn jiġu ttrasferiti malajr wara l-bidu tal-istralċ.

202    Fil-fatt, ir-rikorrenti, sabiex isostnu li terminu ta’ trasferiment itwal kien jippermetti rkupru ogħla, sempliċement jirrilevaw l-allegati differenzi fl-approċċ tal-uffiċċju evalwatur bejn it-trasferiment tal-portafoll ta’ self li ma jrendix u dak tal-assi immobbli li jikkonċernaw ir-riskji makroekonomiċi jew jindikaw li l-esperti tagħhom għandhom opinjoni differenti fuq l-ispejjeż taż-żamma tal-portafoll ta’ self li ma jrendix u fuq in-nuqqas ta’ rieda tal-persuni li jissellfu inadempjenti li jinnegozjaw. Issa, la l-paragun mal-valutazzjoni tal-assi immobbli u lanqas dak mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-perizja tagħhom ma huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-uffiċċju evalwatur li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ terminu ta’ trasferiment ta’ 18-il xahar.

203    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tal-irkupru tas-self li ma jrendix ma taqbilx mad-data ta’ referenza. Huma jsostnu li r-rata ta’ redditu interna (RRI) ta’ 16 % adottata fil-valutazzjoni 3 hija indebitament għolja, fatt li jwassal għat-tnaqqis fil-prezz tal-portafoll ta’ self li ma jrendix.

204    Huma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur eskluda d-data reali tas-suq dwar ir-RRI, billi bbaża ruħu fuq il-“kwalità baxxa” tal-proċedura ta’ trasferiment u fuq l-inkapaċità tal-istralċjarju li “jipprovdi dikjarazzjonijiet u garanziji”. Dawn id-dikjarazzjonijiet jippreżumu li l-istralċ huwa ġestit ħażin mill-istralċjarju bi ksur tar-rekwiżiti tal-Liġi 22/2003. Barra minn hekk, studji tas-suq imwettqa mill-esperti tagħhom juru li n-nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ garanziji għandu effett limitat fuq ir-RRI.

205    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej:

“RRI: aħna ppreżumejna li l-investituri f’diffikultà interessati f’dan it-tip ta’ portafoll [ta’ self li ma jrendix iggarantit] jirrikjedu li RRI ta’ bejn 16 % f’ipoteżi għolja u 20 % f’ipoteżi baxxa, li huma ogħla minn dak li osservajna fis-suq minħabba l-fatt li bejgħ ta’ portafoll ta’ self li ma jrendix f’xenarju ta’ stralċ għandu jieħu inkunsiderazzjoni:

–        kwalità iktar baxxa mistennija tal-proċessi u l-informazzjoni mogħtija lix-xerrejja potenzjali;

–        l-inkapaċità tal-bejjiegħ (l-istralċjarju) li jipprovdi dikjarazzjonijiet u garanziji fil-kuntratt ta’ xiri u bejgħ.”

206    Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-uffiċċju evalwatur ma sostniex li n-nuqqas ta’ informazzjoni kien imputabbli lill-istralċjarju jew li kien qiegħed jimplika kwalunkwe ġestjoni ħażina min-naħa ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sempliċement jirriproduċu opinjoni tal-esperti tagħhom wara allegati studji tas-suq li huma kienu wettqu, mingħajr ma tissemma ebda preċiżazzjoni dwar in-natura ta’ dawn l-istudji jew dwar ir-riżultat tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

207    Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, id-data reali tas-suq ma tistax isservi bħala data ta’ riferiment fil-kuntest ta’ proċedura ipotetika ta’ insolvenza u teħtieġ aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni diffikultajiet, b’mod partikolari amministrattivi, marbuta mal-istralċ.

208    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB u l-uffiċċju evalwatur kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tas-self li ma jrendix.

209    Mill-analiżi tat-tielet parti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tal-portafoll ta’ self li ma jrendix ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

210    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq irraba’ parti, dwar ilvalutazzjoni talassi immobbli

211    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni tal-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular imwettqa mill-uffiċċju evalwatur hija bbażata fuq preżunzjonijiet inkoerenti u li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wasslu għal sottovalutazzjoni tal-irkupri marbuta ma’ dawn l-assi.

212    Huma jsostnu li l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur li l-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular, jiġifieri s-sussidjarji tal-proprjetà immobbli, jiġu ttrasferiti f’terminu mħaffef ta’ 18-il xahar irrispettivament mix-xenarju ta’ stralċ previst hija f’kontradizzjoni mal-evalwazzjoni tiegħu dwar l-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular, li t-trasferiment tagħhom huwa maqsum fuq it-tul kollu tal-perijodu ta’ stralċ sabiex jiġu mmassimizzati l-irkupri.

213    Huma jsostnu wkoll li l-uffiċċju evalwatur ma kkwantifikax, u s-SRB ma kkunsidrax, l-irkupri li setgħu jitwettqu fuq perijodu ta’ trasferiment itwal li jikkorrispondi għal dak meħud inkunsiderazzjoni għall-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular. Billi jibbażaw ruħhom fuq il-perizja tagħhom, huma jikkontestaw il-motivi mressqa mill-uffiċċju evalwatur, fid-dokument ta’ kjarifika, li fir-rigward tagħhom huwa qies li perijodu ta’ trasferiment itwal għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ma kienx jippermetti li jiġu mmassimizzati l-irkupri.

214    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu sostnew, matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, li l-istrateġija ta’ stralċ proposta mill-uffiċċju evalwatur għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ma kinitx xierqa u kienet inkompatibbli mal-informazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 3 relatata mal-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular. Huma kienu ddikjaraw li l-kisbiet ikunu mmassimizzati permezz ta’ trasferiment ordnat tal-assi matul il-perijodu kollu ta’ stralċ u li l-perijodu ta’ 18-il xahar kien ġie aċċellerat inutilment, li kien wassal għal sottovalutazzjoni sinjifikattiva tal-irkupri.

215    Is-SRB indika li, kif spjegat fid-dokument ta’ kjarifika, għas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli, l-uffiċċju evalwatur kien qies li l-bejgħ bħala impriżi operattivi tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli matul l-ewwel 18-il xahar tal-istralċ kien jikkostitwixxi l-istrateġija ta’ likwidazzjoni ottimali. Is-SRB irrileva li l-fatt li s-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli jitqiesu bħala impriżi operattivi u mhux bħala sempliċi proprjetarji ta’ beni immobbli kien jippermetti li dawn is-sussidjarji jiġu llikwidati, ladarba jinbiegħu, b’mod iktar mgħaġġel u iktar ordnat, mingħajr diffikultà tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u mingħajr saturazzjoni tal-kapaċità tas-suq. Huwa żied li, minkejja li l-uffiċċju evalwatur ippreveda strateġiji oħra, inkluż li Banco Popular iżżomm l-entitajiet u tistabbilixxi hija stess il-valur tal-assi jew li taqsam t-trasferimenti fuq perijodu itwal, dawn l-istrateġiji kienu jwasslu għal proċess iktar kumpless u b’intensità qawwija ta’ kapital, kif ukoll spejjeż u riskji addizzjonali li l-istralċjarju x’aktarx ma kienx jaċċetta, mingħajr iċ-ċertezza li jikseb irkupri ogħla.

216    F’dan ir-rigward, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża r-raġunijiet għalfejn huwa ma kienx adotta, fil-valutazzjoni 3, strateġija ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli fuq perijodu itwal. L-uffiċċju evalwatur indika dan li ġej:

“[F]it-tfassil [tal-valutazzjoni 3], aħna kkunsidrajna strateġiji oħra, inkluż li Banco Popular iżżomm l-entitajiet u tikkalkula hija stess l-assi fuq perijodu itwal jew taqsam it-trasferimenti fuq perijodu itwal; madankollu, dan huwa proċess potenzjalment b’intensità iktar qawwija ta’ kapital u iktar kumpless fil-ġestjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-istralċ ta’ Banco Popular. B’mod iktar preċiż, fl-istennija ta’ trasferiment tal-assi, l-entitajiet jista’ jkollhom bżonn finanzjament, barra minn hekk, fil-kuntest tal-falliment ta’ Banco Popular u tal-impatt makroekonomiku potenzjali fuq il-valur tal-assi, tali strateġija tesponi lill-istralċjarju għal riskju addizzjonali (inkluż minn perspettiva operazzjonali) li, fil-fehma tagħha, l-istralċjarju ma jkunx jixtieq jaċċetta. Barra minn hekk, minħabba l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali, aħna qisna li perijodu itwal għall-bejgħ ta’ dawn l-entitajiet jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-ammont li jista’ jinkiseb, minħabba l-impatt potenzjali ta’ proċess ta’ stralċ tal-kumpanija omm fuq il-ġestjoni ta’ dawn l-entitajiet. Minbarra dan, in-nuqqas ta’ bejgħ tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli sa tmiem l-iskeda ta’ stralċ iwassal għal spejjeż ogħla ta’ stralċ, kif ukoll għal spejjeż ogħla ta’ ġestjoni u żamma, u ma jirriżultax neċessarjament għal irkupru ogħla.”

217    Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur spjega li, sa fejn kien ippreveda t-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi u mhux bħala assi immobbli miżmuma indirettament, trasferiment fuq perijodu itwal minn 18-il xahar ma kienx jippermetti massimizzazzjoni tal-irkupru.

218    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-uffiċċju evalwatur kienu japplikaw kemm għall-assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular kif ukoll għal dawk direttament miżmuma minnha. Huma jikkontestaw li l-ġestjoni tal-assi immobbli indirettament miżmuma kienet twassal għal spejjeż addizzjonali, sa fejn, skont l-esperti tagħhom, l-istralċjarju kien jibbenefika mill-għarfien tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli li kienu jiggwidawh fil-ġestjoni tar-riskju relatat mal-assi immobbli. Huma jindikaw li ma jafux x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi msemmija mill-uffiċċju evalwatur.

219    Għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma humiex suffiċjenti sabiex jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB u mill-uffiċċju evalwatur li trasferiment, fuq perijodu itwal, tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli miżmuma indirettament iżid l-ispejjeż, kemm dawk marbuta mal-funzjonament ta’ dawn is-sussidjarji kif ukoll dawk tal-istralċ, kif ukoll ir-riskji, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju ta’ saturazzjoni tas-suq tal-proprjetà immobbli, u għalhekk ma kienx jippermetti massimizzazzjoni tal-irkupru.

220    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-uffiċċju evalwatur wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra t-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi. Il-fatt li, skont il-perizja tagħhom, kienet possibbli strateġija oħra, jiġifieri t-trasferiment ta’ dawn is-sussidjarji bħala assi immobbli miżmuma indirettament, ma huwiex biżżejjed sabiex iċaħħad mill-plawżibbiltà l-preżunzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur.

221    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punti 196 u 197 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-metodoloġija ta’ valutazzjoni adottata mill-uffiċċju evalwatur, li abbażi tagħha huwa ppreveda l-istrateġija u t-terminu ta’ trasferiment ottimali sabiex jimmassimizza l-kisbiet tad-diversi kategoriji ta’ assi, skont in-natura sottostanti u l-likwidità tagħhom.

222    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trasferiment differenti għal żewġ kategoriji ta’ assi differenti, jiġifieri s-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala impriżi operattivi u l-assi immobbli direttament miżmuma minn Banco Popular, huwa kontradittorju.

223    Barra minn hekk, sa fejn l-uffiċċju evalwatur iġġustifika l-motivi għalfejn trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli miżmuma indirettament ma kienx jippermetti li jinkisbu irkupri ogħla, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jilmentaw li huwa ma kkwantifikax l-irkupri li jirriżultaw minn tali preżunzjoni.

224    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti kif ukoll il-perizja li fuqha huma bbażaw ruħhom, intiżi sabiex jistabbilixxu li l-uffiċċju evalwatur kellu jipprevedi perijodu ta’ trasferiment itwal, huma bbażati fuq il-preżunzjoni ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala assi immobbli indirettament miżmuma minn Banco Popular. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur dwar it-tul tat-trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli bħala impriżi operattivi.

225    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li, fil-każ ta’ trasferiment tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular bħala impriżi operattivi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ trasferiment ta’ 18-il xahar ikun żbaljat.

226    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

227    Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq ilħames parti, dwar ilvalutazzjoni tarriskji legali

228    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tar-riskji legali, fil-valutazzjoni 3, inkluża f’firxa wiesgħa ħafna ta’ bejn EUR 1.8 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 3.5 biljun fl-agħar ipoteżi, tirriżulta minn żbalji ta’ liġi u minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u wasslet għal sopravalutazzjoni arbitrarja tar-riżervi għal riskji legali kif ukoll għal tnaqqis fil-livell tal-irkupri.

229    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur espona l-approċċ ġenerali tiegħu dwar il-valutazzjoni tar-riskji legali. Huwa indika li kien ivverifika d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Banco Popular u eżamina, flimkien mat-tim legali intern tal-bank, jekk l-istimi kellhomx jiġu rriveduti jew jekk setgħux jinħolqu talbiet addizzjonali fil-każ ta’ stralċ tal-bank. Huwa spjega li kkalkola mill-ġdid ir-riskji legali fir-rapporti finanzjarji bl-użu tal-preżunzjonijiet tiegħu stess abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-bank u filwaqt li qies, fejn rilevanti, il-ġurisprudenza eżistenti. Huwa nnota li d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza ma kinitx tipprekludi lill-partijiet milli jressqu talbiet ġodda u li, fil-fatt, l-esperjenza tiegħu f’sitwazzjonijiet oħra kienet turi li talbiet addizzjonali potenzjalment sinjifikattivi u li sa dak iż-żmien ma kinux previsti setgħu jseħħu f’xenarju ta’ stralċ, peress li l-klijenti, il-kredituri jew l-azzjonisti jfittxu li jimmassimizzaw il-prospetti ta’ rkupru tagħhom. Huwa ppreċiża wkoll li, bħal f’kull proċedura ġudizzjarja, ma kienx possibbli li jiġi previst b’liema mod il-qrati kienu jikkunsidraw it-talbiet irċevuti, b’mod partikolari dawk li kienu purament ipotetiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li l-analiżi tiegħu setgħet tikkostitwixxi evalwazzjoni prudenti tar-riskji legali potenzjali għall-finijiet tal-irkupru.

230    Fir-rigward tal-metodoloġija u tal-preżunzjonijiet użati, l-uffiċċju evalwatur spjega li huwa kien assuma li r-riskji legali prinċipali kienu inklużi fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular u li huwa kien eżamina il-preżunzjonijiet magħmula mill-bank u kkalkola mill-ġdid l-ammont potenzjali li seta’ jintalab. Huwa speċifika li fl-analiżi tiegħu inkluda r-riskju li jikkonċerna t-talbiet marbuta maż-żidiet fil-kapital f’xenarju ta’ stralċ, abbażi tal-għarfien tiegħu tas-settur.

231    Sussegwentement, l-uffiċċju evalwatur spjega l-metodu li huwa kien uża sabiex jevalwa kull kategorija ta’ riskji legali, jiġifieri l-klawżoli ta’ rata minima tas-self ipotekarju, il-bonds konvertibbli b’mod obbligatorju, l-ispejjeż marbuta mas-self ipotekarju, iż-żidiet fil-kapital ta’ Banco Popular tal‑2012 u tal‑2016 u l-garanziji tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli.

232    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-approċċ tal-uffiċċju evalwatur ma huwiex konformi mad-dritt Spanjol. Huma jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq ix-xhieda ta’ A annessa mar-rikors, li, fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza skont id-dritt Spanjol, l-istralċjarju ġeneralment ma jagħmilx riżervi għat-talbiet pendenti jew għat-talbiet potenzjali kontra l-entità fi stralċ. Id-dritt Spanjol jevita li l-istralċjarju jispekula dwar l-eżitu tat-talbiet li ma humiex ikkonkretizzati, sabiex ma jippreġudikax il-kredituri eżistenti. L-istralċjarju jista’, b’mod eċċezzjonali, jagħmel riżervi għall-valur ta’ talba pendenti diġà rreġistrata jekk iqis li huwa probabbli ħafna li ser tirnexxi, iżda, abbażi tal-obbligu tiegħu li jimmassimizza l-irkupru għall-kredituri eżistenti, huwa ma jevalwax it-talbiet li għadhom ma ġewx irreġistrati.

233    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq sempliċi dikjarazzjonijiet tax-xhud tagħhom, A, li ma jsemmi espliċitament ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola.

234    Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, l-Artikolu 87(4) tal-Liġi 22/2003 jipprovdi:

“Meta l-qorti tal-falliment tqis li l-kundizzjoni riżoluttiva jew il-konferma tal-eventwali pretensjoni hija probabbli, hija tista’, fuq talba ta’ parti, tieħu l-miżuri kawtelatorji ta’ kostituzzjoni ta’ riżervi fuq l-assi, ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji mill-partijiet u kull miżura oħra li hija tqis xierqa f’kull każ partikolari.”

235    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Liġi 22/2003 ma tillimitax il-possibbiltà għall-istralċjarju li jieħu inkunsiderazzjoni talbiet fil-każ eċċezzjonali fejn huwa jqis li huwa “probabbli ħafna” li dawn jirnexxu.

236    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ikkalkola mill-ġdid l-ammont tar-riżervi għal riskji legali diġà previsti fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular mhux abbażi tat-talbiet diġà rreġistrati, iżda abbażi tal-esperjenza tiegħu jew tal-preżunzjonijiet tiegħu stess. Din ma hijiex motivazzjoni suffiċjenti għal devjazzjoni mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular. Filwaqt li fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur indika li kien meħtieġ parir legali sabiex jiġu evalwati l-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-ilmenti, ma hemm xejn li jindika fil-valutazzjoni 3 li huwa kiseb tali parir.

237    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, bħalma għamel is-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, li l-uffiċċju evalwatur indika, fil-valutazzjoni 3 u fid-dokument ta’ kjarifika, li kien ikkonsulta lid-dipartiment legali ta’ Banco Popular u eżamina miegħu jekk l-istimi inklużi fir-rapporti finanzjarji tal-bank kellhomx jiġu rriveduti jew jekk setgħux jinħolqu talbiet addizzjonali fil-każ ta’ stralċ.

238    Barra minn hekk, mill-valutazzjoni 3 jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli sabiex iwettaq il-valutazzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-uffiċċju evalwatur kellu l-kompetenzi meħtieġa sabiex iwettaq b’mod effettiv il-valutazzjoni 3 fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075, li jinkludi kompetenzi legali.

239    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li parir legali supplimentari kien neċessarju għat-twettiq tal-valutazzjoni 3.

240    It-tieni, fir-rigward tal-fatt li l-istimi tal-uffiċċju evalwatur kienu jiddevjaw mil-livell ta’ riżervi li jinsabu fir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular, is-SRB irrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li mid-dokument ta’ kjarifika kien jirriżulta li l-kriterji kontabbli applikati minn Banco Popular għall-kalkolu tar-riżervi għal riskji legali abbażi ta’ tkomplija tal-operat ma kinux japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza.

241    F’dan ir-rigward, l-uffiċċju evalwatur spjega, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-kriterji kontabbli applikati minn Banco Popular għall-kalkolu tar-riżervi għal riskji legali, barra mill-proċedura ta’ insolvenza, huma differenti minn dawk applikati għall-kalkolu li għandu jsir fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ u li l-kriterji kontabbli ma kinux japplikaw f’każ ta’ insolvenza. Barra minn hekk, huwa semma li l-ħolqien ta’ riżerva kontabbli ma kienx jagħti lok għal drittijiet speċifiċi fi ħdan il-ġerarkija tal-kredituri f’każ ta’ stralċ u ma kienx jagħti preferenza lil dawn il-kredituri sabiex jirkupraw kwalunkwe ammont. Huwa indika li, konsegwentement, il-livelli tar-riżervi kkalkolati minn Banco Popular fir-rapporti finanzjarji tiegħu probabbilment ikunu differenti, peress li l-livelli tar-riżervi ta’ Banco Popular ma kinux jirriflettu xenarju ta’ stralċ.

242    Barra minn hekk, l-uffiċċju evalwatur indika wkoll li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza jista’ jwassal għal talbiet addizzjonali li jistgħu jinbdew minn kredituri li jixtiequ jimmassimizzaw l-irkupru tagħhom qabel it-tmiem tal-istralċ.

243    Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur immotiva b’mod suffiċjenti r-raġuni għalfejn huwa kien iddevja mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular u kien ibbaża ruħu fuq l-istimi tiegħu stess sabiex jevalwa r-riskji legali fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ fil-valutazzjoni 3.

244    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma ssostansjax id-dikjarazzjoni tiegħu li l-istimi tar-riskji legali huma ogħla fil-każ ta’ insolvenza milli fil-każ ta’ impriża operattiva. Skont l-esperti tagħhom, l-istima għandha tkun iktar baxxa f’każ ta’ insolvenza.

245    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minbarra l-ispjegazzjoni msemmija fil-punt 242 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur kien indika fil-valutazzjoni 3 li l-proċeduri ta’ stralċ kienu ġeneralment jagħtu lok għal kawżi u talbiet sinjifikattivi bbażati fuq preżunzjonijiet diffiċli li jiġu antiċipati. Kif indikat fil-punt 229 iktar ’il fuq, huwa spjega li, skont l-esperjenza tiegħu, talbiet addizzjonali potenzjalment sinjifikattivi u li sa dak iż-żmien ma kinux previsti, setgħu jseħħu f’xenarju ta’ stralċ, bl-għan li jiġu mmassimizzati l-perspettivi ta’ rkupru.

246    Barra minn hekk, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ipprovda spjegazzjonijiet speċifiċi dwar ir-riskju ta’ żieda tat-talbiet għal kull kategorija ta’ riskji legali. Pereżempju, fir-rigward tal-klawżoli ta’ rata minima dwar is-self ipotekarju, huwa kkunsidra d-dħul fis-seħħ fl‑2018 ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

247    Minn dan jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur immotiva b’mod suffiċjenti r-raġuni għalfejn huwa kien wettaq stima tar-riżervi għal riskji legali ogħla fil-valutazzjoni 3 minn dawk li jirriżultaw mir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Popular.

248    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-istimi tar-riżervi għal riskji legali relatati maż-żidiet fil-kapital ta’ Banco Popular fl‑2012 u fl‑2016.

249    Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur fakkar li Banco Popular kien wettaq żewġ żidiet fil-kapital, f’Novembru 2012 u f’Mejju 2016, kull waħda għal EUR 2.5 biljun. Huwa rrileva li l-kawża Bankia kienet tikkostitwixxi preċedent fir-rigward tal-mod kif l-azzjonisti setgħu jqisu żbalji jew ommissjonijiet eventwali fil-prospett inizjali ta’ ġbir tal-kapital bħala bażi għal talba li, jekk kellha tintlaqa’, tkun tippermetti lill-azzjonist jikseb danni mingħand il-bank. Sabiex jevalwa it-talbiet potenzjali, huwa spjega li ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, iż-żmien li għadda, billi ppreċiża li t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward taż-żieda fil-kapital tal‑2012 ma kienx skada u, min-naħa l-oħra, il-profil tal-investituri billi bbaża ruħu fuq l-informazzjoni pubblika disponibbli u l-istruttura tal-azzjonisti pprovduti minn Banco Popular.

250    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li ċerti azzjonisti u kredituri affettwati kienu għamlu kummenti, li abbażi tagħhom it-talbiet relatati maż-żieda fil-kapital tal‑2012 kienu ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda. Huwa indika li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur kien ikkunsidra li, anki jekk dawn kienu potenzjalment inqas probabbli mill-ilmenti dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2016, il-possibbiltà ta’ tali talbiet ma setgħetx tiġi totalment eskluża. B’mod partikolari, skont l-uffiċċju evalwatur, jistgħu jitressqu talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 ta’ Banco Popular fir-rigward ta’ żbalji jew ommissjonijiet eventwali fil-prospett inizjali ta’ żieda fil-kapital u din il-possibbiltà ma setgħetx tiġi eskluża minħabba l-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien għadu ma skadiex. Is-SRB indika li, konsegwentement, l-uffiċċju evalwatur kien ikkonkluda li, anki jekk it-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 kien ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda, dawn ma setgħux jiġu esklużi.

251    Għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument ta’ kjarifika, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża li huwa kien assuma li l-valur ta’ dawn it-talbiet kien ikun null meta stabbilixxa l-aħjar ipoteżi dwar il-valutazzjoni tar-riżervi għal riskji legali.

252    L-ewwel, fir-rigward tar-riskji legali marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2016, ir-rikorrenti jindikaw li l-esperti tagħhom evalwaw li provvista għal riżerva ġusta, prudenti u raġonevoli kienet tammonta għal EUR 1.1 biljun abbażi tal-istima mwettqa minn Ernst & Young f’isem Bankia u dik imwettqa minn Banco Santander.

253    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, dan l-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti sempliċement jirreferu għall-kalkolu mwettaq fil-perizja tagħhom ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 3.

254    It-tieni, fir-rigward tar-riskji legali marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2012, ir-rikorrenti jqisu li, fl-aħjar ipoteżi bħal fl-agħar ipoteżi, l-ammont tagħhom għandu jkun null peress li t-talbiet kienu ferm improbabbli fid-dawl taż-żmien li kien għadda u skont ix-xhieda ta’ A, stralċjarju ma huwiex awtorizzat jagħmel riżervi għal tali krediti.

255    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-punti 234 u 235 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istralċjarju għandu l-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni krediti eventwali u li dan l-argument diġà ġie miċħud.

256    Ir-rikorrenti ma jressqux argumenti li jistgħu jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-uffiċċju evalwatur u approvati mis-SRB, iċċitati fil-punt 250 iktar ’il fuq, li jiġġustifikaw li t-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 għad jistgħu jseħħu wara l-istralċ ta’ Banco Popular.

257    F’dan ir-rigward, il-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li l-uffiċċju evalwatur irrikonoxxa, fid-dokument ta’ kjarifika, li l-possibbiltà ta’ talbiet marbuta maż-żieda fil-kapital tal‑2012 kienet inqas probabbli minn dik tal‑2016 ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-plawżibbiltà tal-preżunzjoni adottata minn dan tal-aħħar li t-talbiet dwar iż-żieda fil-kapital tal‑2012 ma setgħux jiġu totalment esklużi.

258    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-ammont tar-riżervi għal riskji legali relatat maż-żieda fil-kapital tal‑2012, meħud inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3 fl-agħar każ, kien sostanzjali u manifestament żbaljat, billi jitqabbel l-ammont totali tar-riżervi għal riskji legali fl-aħjar u fl-agħar każ inklużi fil-valutazzjoni 3. Fil-fatt, dan l-ammont totali jinkludi l-evalwazzjoni tal-kategoriji kollha ta’ riskji legali msemmija fil-punt 231 iktar ’il fuq.

259    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma qajmu l-ebda argument ta’ natura li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-istima tal-uffiċċju evalwatur li l-ammont tar-riżervi għal riskji legali relatati maż-żieda fil-kapital tal‑2012 seta’ ma jkunx null fl-agħar każ.

260    Fir-raba’ lok, għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, skont ir-rapporti finanzjarji ta’ Banco Santander tal‑2020, ir-riżerva li tikkonċerna l-klawżoli ta’ rata minima magħmula minn Banco Popular fir-rapporti finanzjarji tagħha kienet korretta u li ż-żieda ta’ din ir-riżerva magħmula mill-uffiċċju evalwatur ma kinitx iġġustifikata.

261    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel is-SRB, li dan l-argument dwar il-klawżoli ta’ rata minima tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u li, peress li ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors u r-rikorrenti ma jressqu ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura, huwa inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ibbażat fuq fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-plawżibbiltà tal-preżunzjonijiet ikkunsidrati mill-uffiċċju evalwatur fil-valutazzjoni 3.

262    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżuri istruttorji sabiex teżiġi li s-SRB jippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-fajl u tistabbilixxi garanziji xierqa sabiex ir-rappreżentant tagħhom ikun jista’ jeżaminah.

263    Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-utilità ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-parti li titlobhom għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali mill-inqas minimu ta’ elementi li jikkonfermaw l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-istanza (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:522, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Marzu 2019, Hércules Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni, T‑766/16, EU:T:2019:173, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

264    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jippreċiżawx liema hija l-informazzjoni li huma jitolbu l-produzzjoni tagħha u lanqas liema hija l-utilità tagħha. Għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tar-rikorrenti ma hijiex suffiċjentement preċiża u li għalhekk ma hemmx lok li tintlaqa’.

265    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma qajmux argumenti ta’ natura li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar il-valutazzjoni tar-riskji legali. Għalhekk huma ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq dawn l-evalwazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

266    Għaldaqstant, il-ħames parti għandu jiġi miċħud.

267    Bħala konklużjoni tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom. Huma jsostnu li mill-argumenti tagħhom indikati fil-ħames partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ebda kumpens ma huwa dovut lilhom, ma hijiex ekwivalenti għal kumpens xieraq. Skont il-provi li huma pproduċew, huma kienu jkunu rċevew, fi proċedura normali ta’ insolvenza, irkupru sħiħ, jew tal-inqas parti sostanzjali, tal-ammont tal-bonds tagħhom.

268    Peress li l-ħames partijiet tal-ewwel motiv ġew miċħuda, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li ma jagħtihomx kumpens. Għaldaqstant, huma ma jistgħux isostnu b’mod validu li din id-deċiżjoni tikser id-dritt għall-proprjetà tagħhom.

269    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li sSRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lilluffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti

270    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi meta ħatar lill-uffiċċju evalwatur sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 bi ksur tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014. L-ewwel, huma jsostnu li s-SRB ma eżaminax l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur. It-tieni, huma jqisu li, fi kwalunkwe każ, l-uffiċċju evalwatur ma kienx evalwatur indipendenti fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li sSRB ma eżaminax lindipendenza taluffiċċju evalwatur

271    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB iddelega lill-uffiċċju evalwatur stess id-dmir li jivverifika jekk dan tal-aħħar kienx indipendenti, bi ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Is-SRB ma tax dettalji dwar il-verifiki ta’ kunflitt intern li huwa kien talab lill-uffiċċju evalwatur, la dwar il-garanziji suffiċjenti li l-uffiċċju evalwatur kien applika, la dwar ir-regoli professjonali li dan tal-aħħar kien segwa, u lanqas dwar is-sorveljanza li huwa kien eżerċita sabiex jiżgura li ma jkun hemm ebda interess materjali reali jew potenzjali li jista’ jinfluwenza jew li jkun raġonevolment ipperċepit bħala li jinfluwenza l-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur fil-proċedura.

272    Skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni minn persuna indipendenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri minn persuna indipendenti minn kull awtorità pubblika, inkluż mis-SRB u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll mill-entità kkonċernata.

273    Matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti li wasslet għall-għoti tal-kuntratt speċifiku lill-uffiċċju evalwatur imsemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq, dan ipprovda lis-SRB, fit‑18 ta’ Mejju 2017, dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi ma’ Banco Popular. Fit‑22 ta’ Mejju 2017, l-uffiċċju evalwatur ipprovdu dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi li tinsab fil-“proposta ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza li tirrigwarda l-valutazzjoni ekonomika u finanzjarja fil-kuntest tal-lott 2 (SRB/OP/1/2015)” li fiha huwa semma s-servizzi li huwa kien ipprovda lil Banco Popular.

274    Fit‑23 ta’ Mejju 2017, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur, huwa pproduċa wkoll dikjarazzjoni dwar l-indipendenza tiegħu konformement mar-Regolament Delegat 2016/1075, li fiha indika b’mod partikolari li kellu għarfien tar-rekwiżiti legali u li l-arranġamenti xierqa kienu ttieħdu, meta kienu neċessarji, sabiex jiġi żgurat li la huwa u lanqas ebda membru tat-tim propost għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt speċifiku ma kellu interess sinjifikattiv kif iddefinit fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa impenja ruħu li jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe servizz futur ipprovdut lill-partijiet l-oħra ma jikkompromettix l-indipendenza tiegħu. Huwa rrileva li kull żieda ta’ membri ġodda fit-tim tiegħu tkun suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza kif ukoll għall-approvazzjoni tas-SRB.

275    Wara l-ħatra tiegħu bħala evalwatur, fil‑21 ta’ Settembru 2017 u fil‑11 ta’ April 2019, l-uffiċċju evalwatur ipprovda dikjarazzjonijiet addizzjonali dwar l-indipendenza tiegħu wara ż-żieda ta’ membri ġodda fil-grupp li kien qiegħed jaħdem fuq il-valutazzjoni 3

276    Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Diċembru 2019, fuq talba tas-SRB wara l-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, l-uffiċċju evalwatur ipproduċa dikjarazzjoni ġdida ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi. Huwa kkonferma li, fil‑15 ta’ Novembru 2019, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sistemi u tal-kontrolli tiegħu, huwa kien u baqa’ indipendenti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3 u li ma kellux għarfien ta’ kunflitti ma’ xogħlijiet oħra li huwa kien wettaq, jew ta’ kunflitti individwali. Huwa indika b’mod partikolari s-servizzi li huwa kien ipprovda lil Banco Santander u speċifika li ma kinitx teżisti rabta bejn dawn is-servizzi u dawk ipprovduti lis-SRB għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 jew tad-dokument ta’ kjarifika. Huwa żied li dan ma kienx ipprovda servizzi relatati mal-evalwazzjoni jew mal-informazzjoni finanzjarja tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3.

277    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075. Huwa rrilevat li l-uffiċċju evalwatur kien intgħażel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li fi tmiemha s-SRB qies li dan kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, mingħajr dipendenza eċċessiva fuq awtorità pubblika kkonċernata jew fuq Banco Popular, konformement mar-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur, fid-dawl tan-natura, tal-portata u tal-kumplessità tal-valutazzjoni li kellha titwettaq, kellu r-riżorsi umani u tekniċi xierqa sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3, konformement mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

278    Barra minn hekk, is-SRB qies li l-uffiċċju evalwatur kien entità ġuridika indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u minn Banco Popular u, f’dan ir-rigward, li kien totalment indipendenti mis-SRB u ma kienx ġie ngaġġat għax-xogħlijiet ta’ kontabbiltà annwali ta’ Banco Popular.

279    Fl-aħħar nett, is-SRB irrileva li, fir-rigward tal-assenza ta’ interessi komuni jew f’kunflitt sinjifikattivi, attwali jew potenzjali, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-uffiċċju evalwatur kien wettaq verifika interna fid-dawl tal-istandards professjonali applikabbli. Fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-verifika, l-uffiċċju evalwatur kien qies li ma kellux kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-ħatra tiegħu bħala evalwatur indipendenti. F’dan ir-rigward, is-SRB semma d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u wara l-ħatra tiegħu, intiżi sabiex jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu u dik tal-membri tat-timijiet tiegħu, b’mod partikolari dak inkarigat bit-twettiq tal-valutazzjoni 3.

280    Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u tal-garanziji mogħtija mill-uffiċċju evalwatur, is-SRB qies li dan tal-aħħar kien offra biżżejjed garanziji sabiex jiġi evitat kwalunkwe interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew ma’ Banco Popular. Huwa kkonkluda li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikoli 39 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

281    Barra minn hekk, taħt it-Titolu 6.2.1 “Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Uffiċċju Evalwatur” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB wieġeb speċifikament għall-kummenti tal-azzjonijiet u tal-kredituri affettwati dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fil-konfront tiegħu, fil-konfront ta’ Banco Santander u ta’ Banco Popular u dwar il-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2. Dan it-titolu tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi r-raġunament iddettaljat tas-SRB fejn jispjega li l-uffiċċju evalwatur, fil-mument tal-ħatra tiegħu u matul it-twettiq tal-valutazzjoni 3, ma kellux kunflitt ta’ interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

282    Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB eżamina d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi trażmessi mill-uffiċċju evalwatur imsemmija fil-punti 273 sa 276 iktar ’il fuq, li kienu jinkludu b’mod partikolari deskrizzjoni tas-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular u lil Banco Santander. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tat‑18 ta’ Diċembru 2019, jirriżulta li din kienet ġiet prodotta mill-uffiċċju evalwatur fuq talba tas-SRB wara ċerti kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati sabiex tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza ta’ eventwali kunflitt ta’ interessi fir-rigward tas-servizzi pprovduti lil Banco Santander.

283    Minn dan isegwi li, matul il-proċedura kollha dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB żgura, kif kien obbligat jagħmel, li l-uffiċċju evalwatur josserva r-rekwiżiti ta’ indipendenza u, b’mod partikolari, dawk dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi previsti fl-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

284    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata kien fiha biżżejjed informazzjoni sabiex jiġi żgurat abbażi ta’ liema rekwiżiti u liema modalitajiet is-SRB kien ivverifika l-indipendenza tal-evalwatur.

285    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja sabiex is-SRB jew l-uffiċċju evalwatur jipprovdu informazzjoni sabiex jifhmu r-relazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma’ Banco Popular u Banco Santander.

286    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB, C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 435 u l-ġurisprudenza ċċitata).

287    Issa, sa fejn is-SRB ipprovda bħala anness mar-risposta d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur iċċitati fil-punti 273 sa 276 iktar ’il fuq, li fihom l-uffiċċju evalwatur jiddeskrivi s-servizzi li huwa pprovda lil Banco Popular u lil Banco Santander, il-miżura istruttorja mitluba mir-rikorrenti ma hijiex neċessarja.

288    Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilfatt li luffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti fissens talArtikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075

289    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fl-Artikolu 41(4)(a) u (c) tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-uffiċċju evalwatur ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li ma għandux interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew mal-entità rilevanti minħabba tliet raġunijiet relatati mar-relazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur ma’ Banco Popular, mas-servizzi pprovduti lil Banco Santander u mal-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2.

290    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regoli fil-qasam tal-indipendenza tal-evalwaturi huma ppreċiżati fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075, li l-Artikolu 38 tiegħu jipprovdi:

“Persuna ġuridika jew fiżika tista’ tinħatar bħala valutatur. Il-valutatur jitqies li huwa indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u l-entità relevanti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)      il-valutatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa u jista' jagħmel il-valutazzjoni b'mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti skont l-Artikolu 39;

(2)      il-valutatur ikun legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-entità rileventi skont l-Artikolu 40;

(3)      il-valutatur ma jkollu ebda interess komuni jew kunflitt materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 41.”

291    L-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, dwar interessi sinjifikattivi komuni jew kontradittorji, jipprevedi:

“(1) Il-valutatur indipendenti ma jkollux interess materjali attwali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti.

(2) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies materjali meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jinfluwenza, jew jista’ jiġi perċepit b’mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valwazzjoni.

(3) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-interessi komuni jew f’kunflitt ma’ tal-inqas il-partijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

a)       il-maniġment superjuri u l-membri tal-korp maniġerjali tal-entità rilevanti;

b)       il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jikkontrollaw jew li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità rilevanti;

c)       il-kredituri identifikati mill-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, li huma sinifikanti fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat;

d)       kull entità tal-grupp.

(4) Għall-finijiet tal-paragrafu 1, tal-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

a)       il-forniment mill-valutatur indipendenti ta’ servizzi, inkluż il-forniment fl-imgħoddi ta’ servizzi, lill-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3, u b’mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valwazzjoni;

b)       ir-relazzjonijiet personali u finanzjarji bejn il-valutatur indipendenti u l-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3;

c)       investimenti jew interessi finanzjarji materjali oħrajn tal-valutatur indipendenti;

d)       b’rabta mal-persuni ġuridiċi, kwalunkwe separazzjoni strutturali jew arranġamenti oħrajn li għandhom jiġu implimentati biex jindirizzaw kwalunkwe theddida għall-indipendenza bħall-awtorieżami, l-awtointeress, ir-rakkomandazzjoni, il-familjarità, il-fiduċja jew l-intimidazzjoni, inklużi arranġamenti biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal.

[…]”

292    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 kienu ssodisfatti mill-uffiċċju evalwatur, jiġifieri li kellu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kompetenzi, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq b’mod effettiv il-valutazzjoni 3 u li kien legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u minn Banco Popular.

293    Huma lanqas ma jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt mal-awtorità pubblika rilevanti, jiġifieri s-SRB.

1)      Fuq lewwel ilment, dwar irrabtiet bejn luffiċċju evalwatur u Banco Popular

294    Ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti minn Banco Popular, sa fejn jidher li pprovdielha servizzi bejn l‑2012 u l‑2016, inklużi servizzi rilevanti għall-valutazzjoni 3. Is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi sinjifikattivi bejn l-uffiċċju evalwatur u Banco Popular, bi ksur tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

295    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kien l-awditur ta’ Banco Popular fl‑2012.

296    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-informazzjoni li tinsab fis-sit internet tal-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), imsemmija mis-SRB, jirriżulta b’mod ċar li l-uffiċċju evalwatur ma kienx l-awditur ta’ Banco Popular bejn l‑1991 u l‑2017.

297    Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-dokument tal-Bank ta’ Spanja tat‑28 ta’ Settembru 2012 intitolat “Proceso de rekapitalización y reestructuración bancaria” (Proċess ta’ Rikapitalizzazzjoni u ta’ Ristrutturazzjoni Bankarja) li huma jipproduċu fl-anness tar-rikors.

298    Fil-fatt, it-tabella meħuda minn dan id-dokument ma tindikax li l-uffiċċju evalwatur kien l-awditur ta’ Banco Popular fl‑2012, fatt li r-rikorrenti rrikonoxxew matul is-seduta. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-Bank ta’ Spanja inkariga lill-uffiċċju evalwatur bix-xogħlijiet relatati mal-eżami kontabbli tal-portafoll ta’ krediti u tal-assi ssekwestrati jew irċevuti bi ħlas ta’ djun ta’ Banco Popular u ta’ tliet banek oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni indipendenti tas-settur bankarju Spanjol imwettqa fl‑2012.

299    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi tat‑22 ta’ Mejju 2017, imsemmija fil-punt 273 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur speċifika li ma kienx l-awditur ta’ Banco Popular.

300    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-uffiċċju evalwatur ma pprovdiex servizzi ta’ awditu lil Banco Popular.

301    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, fl‑2015, l-uffiċċju evalwatur ta pariri lil Banco Popular dwar il-bejgħ ta’ Popular Banca Privada, SA (iktar ’il quddiem “Banca Privada”). Huma jibbażaw ruħhom fuq estratt tad-dokument ta’ reġistrazzjoni ta’ Banco Popular tal‑2015, li jipprovdi “[f]’Novembru 2015, [Banco] Popular kienet inkarigat lill-[uffiċċju evalwatur] bil-bejgħ ta’ 40 % tas-sussidjarja tagħha Banca Privada,” li abbażi tiegħu “[fid-]data ta’ dan id-dokument, l-ebda bejgħ ma [kien] seħħ u l-perċentwali inizjali [seta’] jkun differenti”.

302    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi msemmija fil-punt 273 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur indika li huwa kien ipprovda appoġġ fil-qasam tal-evalwazzjoni u tat-tranżazzjoni lil Banco Popular, iżda li dawn is-servizzi ma kinux jikkostitwixxu kunflitt ta’ interessi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw jew assistenza fuq il-bejgħ ta’ assi jew ta’ impriżi li ma kinux għadhom jagħmlu parti mill-bank, jew appoġġ għal tranżazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ għal tranżazzjonijiet mhux sinjifikattivi li ma seħħewx jew li ma kellhomx valur materjali.

303    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-valutazzjoni 3 jirriżulta li, fid-data tar-riżoluzzjoni, Banca Privada kienet sussidjarja proprjetà ta’ Banco Popular u li t-tranżazzjoni msemmija mir-rikorrenti ma kinitx seħħet fl‑2015.

304    It-tielet, ir-rikorrenti jirrilevaw li, skont artiklu tal-istampa, Banco Popular kienet ingaġġat lill-uffiċċju evalwatur fl‑2016 sabiex jagħtiha pariri dwar l-implimentazzjoni ta’ standards regolatorji ġodda, jiġifieri l-Avviż 4/2017 tal-Bank ta’ Spanja u l-istandard IFRS 9, li huma jikkontestaw l-użu tagħhom fil-valutazzjoni 3. Tali servizzi huma previsti fil-premessa 40 u fl-Artikolu 41(4) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

305    Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq artiklu ta’ El Mundo, tat‑13 ta’ Frar 2018, intitolat “[L-Uffiċċju Evalwatur] ta Parir lil Angel Ron fl‑2016 dwar il-Politika ta’ Kontabbiltà ta’ Banco Popular” ([l-Uffiċċju Evalwatur] advised Angel Ron in 2016 on Banco Popular’ s accounting policy), li minnu jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur kien ġie ngaġġat fl‑2016 minn Banco Popular għal pariri tekniċi dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tal-istandard IFRS 9 fuq id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-ġodda applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2018.

306    Għandu jiġi rrilevat li minn dan l-istess artiklu jirriżulta li l-uffiċċju evalwatur indika li fl-ebda mument ma kien ħadem fuq xi aspett tar-riżervi rreġistrati minn Banco Popular u li dawn kienu pariri dwar il-mod kif il-bank kellu jadatta ruħu għal leġiżlazzjoni ġdida li kienet tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2018.

307    Ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element ta’ natura li jikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet tal-uffiċċju evalwatur dwar in-natura tas-servizzi pprovduti lil Banco Popular fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istandard IFRS 9.

308    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular, kemm fil-kuntest tal-proġett ta’ bejgħ ta’ Banca Privada kif ukoll f’dak tal-implimentazzjoni tal-istandard IFRS 9, kellhom rabta mal-elementi rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075. Ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dawn is-servizzi mogħtija mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Popular fil-passat huma ta’ natura li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-evalwatur fit-twettiq tal-valutazzjoni 3 u għalhekk ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interess reali jew potenzjali sinjifikattiv b’mod komuni jew f’kunflitt ma’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-istess regolament delegat.

309    Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, dwar irrabtiet bejn luffiċċju evalwatur u Banco Santander

310    Ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda servizzi ta’ kontabbiltà lil Banco Santander mill‑2002 sal‑2016 u kien l-awditur prinċipali tal-grupp Santander fl‑2015. Huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li indika s-SRB fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-uffiċċju evalwatur seta’ kien indipendenti fit‑23 ta’ Mejju 2017, data li fiha s-SRB fdalu l-funzjoni ta’ evalwatur, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni 3. Filwaqt li s-SRB ma setax jipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ Banco Santander fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni f’Mejju 2017, huwa jmissu ħa inkunsiderazzjoni dan il-fattur f’Ġunju 2017 meta ngaġġa lill-uffiċċju evalwatur għat-twettiq tal-valutazzjoni 3. Is-SRB kellu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular meta ġiet integrata fil-grupp Santander.

311    Huma jqisu li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander huma rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi minn qabel lil entità li tippossjedi l-entità kkonċernata mir-riżoluzzjoni.

312    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur li kienet ġiet kompromessa mill-fatt li dan tal-aħħar kien ipprovda servizzi lil Banco Santander qabel u wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular.

313    L-ewwel, fid-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal dawn il-kummenti, is-SRB qies li s-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-indipendenza li huwa kien wettaq fil-mument tal-ingaġġ ta’ dan tal-aħħar fit‑23 ta’ Mejju 2017, sa fejn din l-evalwazzjoni kienet twettqet fir-rigward ta’ Banco Popular. Is-SRB indika li, f’din id-data, l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fir-rigward tax-xerrejja potenzjali ma kinitx twettqet sa fejn, minn naħa, din ma kinitx prevista mill-kuntest legali u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ valutazzjoni kienet proċedura differenti mill-proċedura ta’ bejgħ li kienet tiddetermina x-xerrej. B’mod partikolari, l-uffiċċju evalwatur ma kellux aċċess għall-informazzjoni dwar l-ismijiet tax-xerrejja potenzjali jew l-identità tax-xerrej qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

314    Is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi ta’ awditu pprovduti fil-passat lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kinux jaffettwaw l-indipendenza ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u ma kinux joħolqu interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. B’mod partikolari, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 kienet tikkonċerna biss l-attiv u l-passiv ta’ Banco Popular qabel il-bejgħ tagħha lil Banco Santander u mhux dawk ta’ Banco Santander.

315    It-tieni, is-SRB qies li s-servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular ipprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur ma kinux jistabbilixxu interess komuni jew f’kunflitt sinjifikattivi fis-sens tal-Artikolu 41(2) u (4) tar-Regolament Delegat 2016/1075, ma’ persuna rilevanti fis-sens tal-Artikolu 41(3) tal-istess regolament delegat.

316    Minn naħa, is-SRB qies li, fid-dawl tal-portata u tal-għan tal-valutazzjoni 3, is-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur wara d-data tar-riżoluzzjoni li tikkonċerna impriża operattiva ma jistgħux jaffettwaw il-valutazzjoni 3 u l-elementi inklużi fiha. Barra minn hekk, huwa rrileva li l-valutazzjoni 3 ma setgħetx taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Popular jew ta’ Banco Santander, sa fejn din kienet tiddetermina biss jekk kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) kellux jitħallas lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati.

317    Min-naħa l-oħra, is-SRB qies li, fi kwalunkwe każ, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-uffiċċju evalwatur kien ipprovda garanziji addizzjonali sabiex jiżgura li s-servizzi pprovduti lil Banco Santander ma setgħux jagħtu lok għal interessi sinjifikattivi komuni jew f’kunflitt attwali jew potenzjali. Is-SRB irrileva li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019, l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ebda servizz ipprovdut lil Banco Santander ma kien marbut mal-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv li kienu s-suġġett tal-valutazzjoni 3, u lanqas mal-informazzjoni finanzjarja li tikkonċernahom. Barra minn hekk, huwa indika li l-uffiċċju evalwatur kien ikkonferma li ma kienx hemm fluss ta’ informazzjoni bejn ix-xogħol ta’ valutazzjoni mwettaq u proġetti oħra, fid-dawl tal-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti u l-protokolli ta’ kunfidenzjalità tiegħu.

318    B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi relatati mal-integrazzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB indika li l-uffiċċju evalwatur kien ippreċiża b’mod suffiċjenti li, minkejja li kien ipprovda servizzi ta’ konsulenza lil Banco Santander, dawn ma kinux marbuta mas-servizzi pprovduti lis-SRB, ma kienu jikkonċernaw ebda kwistjoni relatata mas-servizzi ta’ valutazzjoni pprovduti lis-SRB u lanqas ma kienu jinkludu servizzi ta’ evalwazzjoni jew legali marbuta ma’ Banco Popular.

319    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2019 ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, imsemmija fil-punt 276 iktar ’il fuq, l-uffiċċju evalwatur indika li ma kienx hemm rabta bejn is-servizzi li kien jipprovdi lil Banco Santander u l-valutazzjoni 3 jew id-dokument ta’ kjarifika.

320    Skont l-Artikolu 41(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, hija rilevanti l-provvista ta’ servizzi, inkluż fil-passat, mill-evalwatur indipendenti lill-entità rilevanti u lill-persuni msemmija fil-paragrafu 3, u b’mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni.

321    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tas-SRB dwar l-assenza ta’ rabta bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur għall-integrazzjoni ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni 3, li kienet tikkonċerna biss l-evalwazzjoni ta’ Banco Popular u mhux dik ta’ Banco Santander.

322    Ir-rikorrenti ma jispjegawx b’liema mod dawn is-servizzi kienu ta’ natura li jinfluwenzaw jew setgħu raġonevolment jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tal-uffiċċju evalwatur fit-twettiq tal-valutazzjoni 3, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

323    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess finanzjarju sinjifikattiv sabiex Banco Santander tkun issodisfatta b’valutazzjoni negattiva ta’ Banco Popular. Huma jqisu li l-fatt li l-kumpens għad-dannu jitħallas mis-SRF u mhux minn Banco Santander ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kellhom jirnexxu, Banco Santander tista’ tkun obbligata tħallas prezz ogħla għal Banco Popular. Huwa għalhekk fl-interess ta’ Banco Santander li l-valutazzjoni 3 ma tiżvelax valur tal-irkupri ta’ Banco Popular fil-każ ta’ insolvenza ogħla minn dak li jinsab fil-valutazzjoni 2.

324    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li, fid-dawl tal-għan tal-valutazzjoni 3, li huwa li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jirċievu trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika normali, din ma jistax ikollha effett fuq il-bejgħ ta’ Banco Popular u ma tistax taffettwa l-pożizzjoni ta’ Banco Santander. Is-SRB qies li l-valutazzjoni 3 kellha effett biss fir-rigward tiegħu, sa fejn huwa kellu jħallas kumpens, mis-SRF, fil-każ ta’ differenza fit-trattament.

325    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jallegawx li r-riżultat tal-valutazzjoni 3 għandu influwenza kemm fuq il-legalità u l-leġittimità tad-deċiżjoni li Banco Popular tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fuq ir-riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, jiġifieri l-bejgħ tagħha lil Banco Santander.

326    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni 2 kellha għan differenti minn dak tal-valutazzjoni 3, jiġifieri l-istima tal-valur tat-totalità ta’ Banco Popular għal xerrej eventwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. Għalhekk, l-istima tal-valur tal-attiv ta’ Banco Popular fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza ipotetika mwettqa fil-valutazzjoni 3 ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa fil-valutazzjoni 2.

327    Fl-aħħar nett, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 85(4) tad-Direttiva 2014/59, meta jkun neċessarju li jiġu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi in bona fide li akkwistaw azzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni permezz tal-użu ta’ strumenti ta’ riżoluzzjoni, l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ma jaffettwax l-atti amministrattiva jew l-operazzjonijiet sussegwenti konklużi mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata abbażi tad-deċiżjoni ta’ annullament tagħha.

328    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-eventwali annullament tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jistax iwassal għal emenda tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander għall-prezz ta’ euro ma jistax jiġi kkontestat u r-riżultat tal-valutazzjoni 3 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

329    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti semmew l-impatt li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollu fuq rikorsi fil-qasam kriminali ppreżentati quddiem il-qrati Spanjoli.

330    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, kemm l-azzjoni għad-danni kif ukoll l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità jeżiġu effettivament li l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-impriża ta’ investiment suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jew is-suċċessur ta’ dawn l-entitajiet, tikkumpensa lill-azzjonisti għat-telf sostnut minħabba l-eżerċizzju, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tas-setgħa ta’ deprezzament u ta’ konverżjoni fir-rigward tal-elementi tal-passiv ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża, jew jeżiġu li din tipproċedi bir-rimbors totali tas-somom investiti waqt is-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li ġew iddeprezzati minħabba din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Tali azzjonijiet iqiegħdu inkwistjoni l-valutazzjoni kollha li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni peress li l-kompożizzjoni tal-kapital tagħmel parti mid-data oġġettiva ta’ din il-valutazzjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-punti 82 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura stess ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/59 huma għalhekk ippreġudikati (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular), C‑410/20, EU:C:2022:351, punt 43).

331    Għaldaqstant, sa fejn il-valutazzjoni 3, irrispettivament mir-riżultat tagħha, ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Banco Santander, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-uffiċċju evalwatur kellu interess li jiffavorixxihom.

332    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien wettaq żball manifest meta qies li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur lil Banco Santander ma kinux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interessi sinjifikattivi, reali jew potenzjali, li jistgħu jinfluwenzaw jew jiġu raġonevolment ipperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

333    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet ilment, dwar ilfatt li luffiċċju evalwatur kien wettaq ilvalutazzjoni 2

334    Ir-rikorrenti jsostnu li l-parteċipazzjoni preċedenti tal-uffiċċju evalwatur fil-proċess ta’ riżoluzzjoni setgħet tinfluwenza l-ġudizzju tiegħu. Il-valutazzjoni 3 tidher li tfasslet sabiex tasal għal konklużjoni konformi mal-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament li tidher fil-valutazzjoni 2. Huma jqisu li s-SRB kellu l-possibbiltà jaħtar lil evalwatur ieħor.

335    Għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jikkonċerna t-tieni parti tal-valutazzjoni 2, li tinkludi simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ u għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, li tqis it-trattament li kull kategorija ta’ azzjonisti u ta’ kredituri setgħet tirċievi kieku l-entità msemmija mill-miżura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza skont il-leġiżlazzjoni Spanjola.

336    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas tar-Regolament Delegat 2016/1075 ma tipprekludi espliċitament li l-valutazzjonijiet 2 u 3 jitwettqu mill-istess evalwatur.

337    Sussegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura relatata mad-dritt għal smigħ, ċerti azzjonisti u kredituri affettwati ppreżentaw kummenti dwar l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur li kienet ġiet kompromessa mill-fatt li dan tal-aħħar kien wettaq kemm il-valutazzjoni 2 kif ukoll il-valutazzjoni 3. Is-SRB irrileva li wħud minnhom sostnew li l-uffiċċju evalwatur ipprova jikkonferma l-analiżi tal-prinċipju li abbażi tiegħu l-ebda kreditur għandu jiġi ttrattat b’mod agħar, li huwa kien wettaq fil-valutazzjoni 2.

338    Is-SRB indika li l-valutazzjonijiet 2 u 3 twettqu b’għanijiet differenti u għalhekk jinkludu approċċi differenti. Il-valutazzjoni 2 kienet intiża, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tiċċara l-miżura ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-valur ekonomiku tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, filwaqt li l-valutazzjoni 3 kienet intiża sabiex jiġi stmat it-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ipotetika, jiġifieri bħala impriża mhux operattiva, konformement mal-Artikolu 20(18)(a) tal-istess regolament.

339    Is-SRB irrileva li l-qafas legali ma kienx jipprekludih milli jaħtar lill-istess evalwatur sabiex iwettaq valutazzjonijiet differenti għall-istess riżoluzzjoni u li tali ħatra ma kinitx tippreġudika fiha nnifisha l-indipendenza tal-evalwatur.

340    Is-SRB indika li, filwaqt li l-istima ex ante tat-trattament li minnu bbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri affettwati fi proċedura ta’ insolvenza ipotetika, inkluża fil-valutazzjoni 2, kienet twettqet f’terminu speċifiku u kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li kellu l-uffiċċju evalwatur qabel ir-riżoluzzjoni, jiġifieri prinċipalment dik disponibbli fil‑31 ta’ Marzu 2017, il-valutazzjoni 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni iktar preċiża fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fid-data tal-għeluq tal-attivitajiet, meta din kienet disponibbli. Is-SRB qies li, fid-dawl tal-informazzjoni differenti li fuqha kienu bbażati dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-iskop differenti tagħhom, l-uffiċċju evalwatur seta’ jasal għal konklużjonijiet differenti.

341    Fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrikonoxxa wkoll li l-kuntest ġuridiku applikabbli kien jirrikonoxxi li l-istima provviżorja tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati setgħu jirċievu li kieku l-entità kienet ġiet stralċjata fil-kuntest tal-valutazzjoni 2 ma setgħetx tkun daqstant preċiża bħal dik li tinsab fil-valutazzjoni 3 għal diversi raġunijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet ta’ żmien u n-nuqqas ta’ data suffiċjentement qrib id-data tar-riżoluzzjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni 2. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni 2 tinkludi “stima” ta’ dan it-trattament, filwaqt li l-Artikolu 20(17) tal-istess regolament jipprevedi li l-valutazzjoni 3 għandha “tiddetermina” dan it-trattament. Is-SRB indika li s-sempliċi fatt li l-istima provviżorja inkluża fil-valutazzjoni 2 u l-valutazzjoni 3 kellhom riżultati simili, iżda kienu bbażati fuq preżunzjonijiet differenti, ma setax jitqies fih innifsu bħala prova suffiċjenti li l-valutazzjoni 3 ma kinitx twettqet konformement mar-rekwiżiti legali.

342    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur esprima diversi riżervi dwar l-affidabbiltà tas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ li kien fiha.

343    F’dan ir-rigward, fil-valutazzjoni 2, l-uffiċċju evalwatur ippreċiża li huwa ma kellux l-informazzjoni u d-data kollha neċessarja u lanqas iż-żmien suffiċjenti sabiex iwettaq stima iktar milli sempliċement indikattiva f’dan l-istadju. Huwa indika, f’diversi okkażjonijiet, li s-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ hija bbażata fuq diversi inċertezzi u li, meta tkun disponibbli informazzjoni iktar preċiża, dan ikun jista’ jirfina l-preżunzjonijiet tiegħu u jħejji xenarju ta’ stralċ iktar “robust” u iktar affidabbli.

344    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-uffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti minħabba li qies ruħu marbut bil-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 2.

345    Min-naħa l-oħra, fil-valutazzjoni 2, is-simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ ta’ Banco Popular kienet ibbażata fuq id-data disponibbli fil‑31 ta’ Marzu 2017 u kienet tipprevedi xenarju ta’ tliet snin. Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni finanzjarja mhux awditjata fis‑6 ta’ Ġunju 2017, jew, meta din ma kinitx disponibbli, fuq dik tal‑31 ta’ Mejju 2017, sabiex jistabbilixxi tliet xenarji temporali distinti ta’ stralċ.

346    Għalhekk, fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur mhux sempliċement ikkonferma r-riżultat tas-simulazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 2.

347    F’dan ir-rigward, pereżempju, fil-valutazzjoni 2, it-total tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular għall-kredituri, fil-każ ta’ xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, ġie stmat bejn EUR 120.9 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 116.5 biljun fl-agħar ipoteżi. Fil-valutazzjoni 3, għax-xenarju ta’ stralċ ta’ tliet snin, il-valutazzjoni tal-assi wasslet għal riżultat differenti, jiġifieri EUR 101.546 biljun fl-aħjar ipoteżi u EUR 97.593 biljun fl-agħar ipoteżi.

348    Is-sempliċi fatt li l-uffiċċju evalwatur wasal għall-istess konklużjoni, jiġifieri li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jiksbu kumpens fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa qies ruħu marbut mill-evalwazzjoni tiegħu mwettqa fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3.

349    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-uffiċċju evalwatur ipprova, fil-valutazzjoni 3 jikkonferma l-valutazzjoni 2, huwa kontradett mill-kontenut ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

350    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kien qies b’mod żbaljat li l-fatt li l-uffiċċju evalwatur kien wettaq il-valutazzjoni 2 ma kienx jippermetti li tiġi kkontestata l-indipendenza tiegħu sabiex iwettaq il-valutazzjoni 3 u l-ħatra tiegħu bħala evalwatur indipendenti. F’dan ir-rigward, l-argument li s-SRB seta’ jaħtar evalwatur ieħor huwa ineffettiv.

351    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

352    Mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li r-rikorrenti ma qajmux argumenti li jistgħu jikkontestaw il-konklużjoni tas-SRB li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti fis-sens tal-Artikoli 38 u 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

353    Minn dan isegwi li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilfatt li sSRB iddelega indebitament lilluffiċċju evalwatur issetgħat deċiżjonali mogħtija lilu mirRegolament Nru 806/2014

354    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, li tinvolvi setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ġiet adottata mis-SRB abbażi tal-valutazzjoni 3 imwettqa minn entità privata. Huma jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB sempliċement ġabar fil-qosor il-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika, jiġifieri l-aspetti essenzjali tal-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu kkumpensati jew le. Id-delega lill-uffiċċju evalwatur tal-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-valutazzjoni mingħajr eżami tad-data sottostanti jew tal-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati u mingħajr verifika tal-preżunzjonijiet manifestament inkoerenti ddettaljati fl-ewwel motiv, tmur kontra l-prinċipju stabbilit mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

355    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma pproduċa ebda prova li huwa kien wettaq eżami iktar fil-fond tal-valutazzjoni 3 u li huwa eżamina biss id-dokument ta’ kjarifika redatt mill-uffiċċju evalwatur u mhux il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati dwar il-valutazzjoni 3. Is-SRB ma ddevjax mill-valutazzjoni 3 u d-deċiżjoni dwar jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kellhomx dritt għal kumpens għad-danni ttieħdet mill-uffiċċju evalwatur, li kien eżerċita s-setgħa deċiżjonali tas-SRB. Huma jqisu li l-prinċipju stabbilit mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), japplika meta s-setgħat tas-SRB, anki jekk dawn ikunu setgħat ta’ eżekuzzjoni ddefiniti b’mod ċar, jiġu ddelegati lill-uffiċċju evalwatur mingħajr superviżjoni xierqa tas-SRB.

356    Għandu jiġi rrilevat li t-Trattati ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ kompetenzi lil korp jew lil aġenzija tal-Unjoni. Għaldaqstant, la l-Artikolu 290 TFUE, li jipprevedi d-delega tas-setgħat regolatorji lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-atti leġislattivi, u lanqas l-Artikolu 291 TFUE, li jagħti l-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, lill-Kunsill, ma jsemmu l-aġenziji (il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 75).

357    Hija għalhekk il-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li stabbilixxiet il-prinċipji fil-qasam tad-delega ta’ setgħat, u sussegwentement is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), li applikat dawn il-prinċipji fil-każ fejn setgħat ikunu ngħataw lil aġenzija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

358    Fil-punt 41 tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija kienet enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”.

359    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet indikat ukoll, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata għal dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà”. Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li d-delega tas-setgħat mogħtija mill-Awtorità Għolja lill-organi inkwistjoni permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 14-55, tas‑26 ta’ Marzu 1955, li tistabbilixxi mekkaniżmu finanzjarju li jippermetti li tiġi żgurata provvista regolari ta’ ruttam tas-suq komuni, (ĠU 1955, 8, p. 685), kienet tagħtihom “libertà diskrezzjonali li timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa” u ma tistax titqies kompatibbli mar-“rekwiżiti tat-trattat” (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42).

360    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 806/2014 jista’ jagħti lis-SRB setgħat ta’ implimentazzjoni ddefiniti b’mod ċar u li l-użu tagħhom, minħabba f’hekk, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, iżda ma jistax jagħtih kompetenzi li jinvolvu setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ evalwazzjoni wiesgħa.

361    Issa, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jqajmux eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014. Huma ma jsostnux li s-SRB, bħala aġenzija tal-Unjoni, eżerċita setgħa diskrezzjonali li kellha tiġi eżerċitata minn istituzzjoni tal-Unjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma jsostnu li l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tas-SRB ma humiex iddefiniti b’mod ċar fir-Regolament Nru 806/2014 u lanqas li s-SRB kiser ir-Regolament Nru 806/2014 sa fejn aġixxa barra mis-setgħat mogħtija lilu minn dan ir-regolament.

362    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkritikaw lis-SRB minħabba l-għoti ta’ setgħa deċiżjonali lill-uffiċċju evalwatur ma jistgħux jistabbilixxu ksur tal-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħa stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

363    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-SRB iddelega lill-uffiċċju evalwatur is-setgħa deċiżjonali tiegħu, qabel kollox, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li ma jingħatax kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati ġiet adottata mis-SRB u mhux mill-uffiċċju evalwatur.

364    Sussegwentement, l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi espressament li s-SRB, sabiex jiddeċiedi jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati jistgħux jibbenefikaw minn kumpens għad-danni, għandu jibbaża ruħu fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni indipendenti prevista fl-Artikolu 20(16) tal-istess regolament. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ din il-valutazzjoni huwa rregolat mill-Artikolu 20(17) u (18) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-kriterji relatati mal-metodu ta’ valutazzjoni tad-differenza fit-trattament huma previsti mir-Regolament Delegat 2018/344.

365    Għalhekk, skont ir-Regolament Nru 806/2014, l-aspetti ekonomiċi u tekniċi tal-evalwazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kellhom jiġu evalwati minn evalwatur indipendenti u mhux mis-SRB innifsu. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt, għas-SRB, li inkariga lill-uffiċċju evalwatur bit-twettiq tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala delega tas-setgħa tiegħu li jadotta d-deċiżjoni.

366    Fl-aħħar nett, is-SRB, qabel ma jadotta deċiżjoni dwar kumpens għad-danni eventwali tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati, għandu jivverifika li l-valutazzjoni mwettqa mill-espert indipendenti tosserva r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2018/344 u, ukoll, li dan l-espert jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti mir-Regolament Delegat 2016/1075.

367    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li s-SRB approva l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala assenza ta’ stħarriġ minnu tal-osservanza tar-rekwiżiti li l-evalwatur indipendenti għandu jikkonforma ruħu magħhom meta jwettaq il-valutazzjoni tiegħu.

368    Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti li s-SRB sempliċement ġabar fil-qosor il-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika u li abbażi tiegħu huwa ma eżaminax il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati dwar il-valutazzjoni 3 huwa kontradett mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

369    Fil-fatt, taħt it-Titolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB evalwa l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat 2016/1075 u, taħt it-Titolu 6.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wieġeb għall-“Kummenti dwar l-Indipendenza tal-Evalwatur”.

370    Taħt it-Titolu 5 “Valutazzjoni 3” tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB, wara li ġabar fil-qosor il-kontenut tal-valutazzjoni 3, qies li din kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-qafas legali applikabbli, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 4(1) sa (5) kif ukoll fl-Artikolu 6(a) u (b) tar-Regolament Delegat 2018/344, u li din kienet suffiċjentement immotivata u tinftiehem sabiex tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

371    Taħt it-Titolu 6.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB wieġeb għall-“Kummenti dwar il-Kontenut tal-Valutazzjoni 3” u li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-informazzjoni u l-preżunzjonijiet użati fil-valutazzjoni 3 kif ukoll ix-xenarju ta’ stralċ u l-metodoloġija meħuda inkunsiderazzjoni mill-uffiċċju evalwatur. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ assi mwettqa fil-valutazzjoni 3, is-SRB eżamina jekk din kinitx għadha valida fid-dawl tal-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati u tad-dokument ta’ kjarifika.

372    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li s-SRB iddelega indebitament lill-uffiċċju evalwatur is-setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir-Regolament Nru 806/2014.

373    Isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

IV.    Fuq lispejjeż

374    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mis-SRB, b’mod konformi mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

375    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Bybrook Capital Badminton Fund LP hija awtorizzata tissostitwixxi ruħha għal Cairn Global Funds PLC u għal Cairn Special Opportunities Credit Master Fund Limited, bħala rikorrenti.

2)      PIMCO Global Cross-asset Opportunities Master Fund LDC hija awtorizzata tissostitwixxi ruħha għal PHFS series SPC - PHSF VII SP, bħala rikorrenti.

3)      Ir-rikors huwa miċħud.

4)      ACMO Sàrl u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill u mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzjoni (SRB).

5)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

van der Woude

De Baere

G. Steinfatt

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2023.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lammissibbiltà

B. Fuq ilmertu

1. Osservazzjonijiet preliminari

a) Fuq ilportata talistħarriġ eżerċitat millQorti Ġenerali

b) Fuq lammissibbiltà talprovi prodotti flanness tarreplika

2. Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar levalwazzjoni tattul talperijodu ta’ insolvenza, tasself li jrendi, tasself li ma jrendix, talassi immobbli u tarriskji legali ta’ Banco Popular

a) Fuq lewwel parti, dwar ittul tax-xenarju ta’ stralċ

1) Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata talLiġi 22/2003

2) Fuq ittieni lment, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ stralċ itwal

b) Fuq ittieni parti, dwar ilvalutazzjoni tasself li jrendi

1) Fuq lewwel ilment, dwar irriklassifikazzjoni tasself li jrendi bħala self li ma jrendix

2) Fuq ittieni lment, dwar ilpreżunzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tasself li jrendi

i) Firrigward tasself li jrendi lill-impriżi

ii) Firrigward tasself ipotekarju li jrendi

3) Fuq ittielet ilment, dwar nuqqasijiet ġodda ta’ ħlas tasself li jrendi rimanenti

4) Fuq irraba’ lment, dwar irrata ta’ skont fuq ilbejgħ tal bilanċ talportafoll tasself li jrendi

c) Fuq ittielet parti, dwar ilvalutazzjoni tasself li ma jrendix

d) Fuq irraba’ parti, dwar ilvalutazzjoni talassi immobbli

e) Fuq ilħames parti, dwar ilvalutazzjoni tarriskji legali

3. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li sSRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħatar lilluffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti

a) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li sSRB ma eżaminax lindipendenza taluffiċċju evalwatur

b) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilfatt li luffiċċju evalwatur ma kienx indipendenti fissens talArtikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075

1) Fuq lewwel ilment, dwar irrabtiet bejn luffiċċju evalwatur u Banco Popular

2) Fuq ittieni lment, dwar irrabtiet bejn luffiċċju evalwatur u Banco Santander

3) Fuq ittielet ilment, dwar ilfatt li luffiċċju evalwatur kien wettaq ilvalutazzjoni 2

4. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilfatt li sSRB iddelega indebitament lilluffiċċju evalwatur issetgħat deċiżjonali mogħtija lilu mirRegolament Nru 806/2014

IV. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.