Language of document : ECLI:EU:T:2023:101

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

1 ta’ Marzu 2023 (*)

“Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ ċerti muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson – Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li titlob ir-revoka ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini adottati minn awtoritajiet doganali nazzjonali – Kunċett ta’ ‘operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma li ma humiex ekonomikament iġġustifikati’ – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑324/21,

Harley-Davidson Europe Ltd, stabbilita f’Oxford (ir-Renju Unit),

Neovia Logistics Services International, stabbilita f’Vilvoorde (il-Belġju),

irrappreżentati minn O. van Baelen, G. Lebrun, avukati, u T. Lyons, KC,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche‑Duvieusart u M. Kocjan, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen, M. Jaeger, C. Mac Eochaidh (Relatur) u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ dan ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Harley‑Davidson Europe Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien mal-grupp li lilu tappartjeni, “Harley‑Davidson”) u Neovia Logistics Services International (iktar ’il quddiem “Neovia”), jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/563 tal‑31 ta’ Marzu 2021 dwar il-validità ta’ ċerti deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (ĠU 2021, L 119, p. 117, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), indirizzata lir-Renju tal-Belġju. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea talbet ir-revoka ta’ żewġ deċiżjonijiet fil-qasam ta’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet BOI”), adottati favur Neovia għan-nom ta’ Harley‑Davidson, li jirrigwardaw l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea, tramite l-Belġju, ta’ ċerti kategoriji ta’ muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson fit-Tajlandja.

I.      Ilkuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem “il-Kodiċi Doganali”), dan ir-regolament jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għall-merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

3        It-Titolu II tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Il-fatturi li abbażi tagħhom jkunu applikati d-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni u miżuri oħrajn fir-rigward ta’ kummerċ ta’ merkanzija”, jipprovdi b’mod partikolari regoli fil-qasam tad-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, li jservu b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw id-dazji tal-importazzjoni u l-miżuri l-oħra li japplikaw għal merkanzija partikolari.

4        B’mod partikolari, skont l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi Doganali, li jinsab fl-imsemmi titolu II, id-dazji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni dovuti għandhom ikunu bbażati fuq it-tariffa doganali komuni u miżuri oħrajn previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni fil-kuntest tal-kummerċ tal-merkanzija għandhom, fejn xieraq, ikunu applikati skont il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dik il-merkanzija.

A.      Fuq loriġini talmerkanzija

5        Il-Kodiċi Doganali jipprovdi tliet kategoriji ta’ regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini tal‑merkanzija, jiġifieri regoli relatati mal-oriġini mhux preferenzjali ta’ merkanzija, regoli relatati mal-oriġini preferenzjali ta’ merkanzija u regoli li jservu sabiex jiddeterminaw l-oriġini ta’ merkanzija speċifika.

6        B’mod partikolari, l-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-Artikoli 60 u 61 jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-finijiet tal-applikazzjoni, l-ewwel, tat-tariffa doganali komuni, minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 56(2)(d) u (e), it-tieni, ta’ miżuri oħra barra dawk tariffarji stabbiliti minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi marbutin mal-kummerċ ta’ merkanzija, u t-tielet, ta’ miżuri oħra tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.

7        Għalhekk, l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali, relatat mal-akkwist tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, jipprovdi:

“1.      Merkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju.

2.      Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

8        Skont l-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 284, li jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tagħha hija meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 59, titqies bħala ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew ħidma sostanzjali, ekonomikament iġġustifikati, tagħha, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżultaw fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżentaw stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju partikolari, skont l-Artikolu 60.

9        F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60, iktar ’il quddiem l-“AD-CDU”).

10      L-Artikolu 33 tal-AD-CDU jagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma li ma humiex ekonomikament iġġustifikati. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Kull operat ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż jew territorju ieħor għandu jitqies mhux iġġustifikat ekonomikament jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-fatti disponibbli, li l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-[Kodiċi Doganali, li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-tariffa doganali komuni u ta’ miżuri oħra tal-Unjoni, tariffarji jew le, li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanzija importata fl-Unjoni].

[…]”

B.      Fuq iddeċiżjonijiet marbutin maloriġini

11      L-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali, dwar deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti, jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (deċiżjonijiet BTI), jew deċiżjonijiet [BOI].

[…]

3.      Id-deċiżjonijiet BTI jew BOI għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva.

[…]”

12      L-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), jistabbilixxi skambju ta’ data dwar id-deċiżjonijiet BOI, u jistabbilixxi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-awtoritajiet doganali għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dettalji relevanti tad-deċiżjonijiet BOI [li huma adottaw] fuq bażi trimestrali”.

13      L-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li permezz tagħhom titlob li Stati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet BTI jew BOI, sabiex tiżgura l-klassifikazzjoni tariffarja jew id-determinazzjoni tal-oriġini korretti u uniformi tal-merkanzija.”

14      L-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali, jistabbilixxi b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet li jitolbu lill-Istati Membri jirrevokaw id-deċiżjonijiet BOI permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva prevista fl-Artikolu 285(2) tal-Kodiċi Doganali.

15      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, b’mod skematiku, l-awtoritajiet doganali nazzjonali jistgħu, fuq applikazzjoni ta’ importaturi li jixtiequ jiksbu garanziji dwar l-interpretazzjoni ta’ regoli li jippermettu d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ merkanzija importata fl-Unjoni, jadottaw deċiżjonijiet li jirrikonoxxu uffiċjalment l-oriġini ġeografika tal-imsemmija merkanzija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li hija informata b’dan b’mod regolari minn dawn l-awtoritajiet, tista’, min-naħa tagħha, jekk hija tqis a posteriori li din id-determinazzjoni tal-oriġini mill-imsemmija awtoritajiet doganali ma hijiex korretta, titlobhom jirrevokaw id-deċiżjonijiet adottati.

C.      Fuq ilmiżuri ta’ politika kummerċjali

16      Skont il-punt 36 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali, il-“miżuri ta’ politika kummerċjali” huma l-miżuri mhux tariffarji stabbiliti, fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni, mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għall-kummerċ internazzjonali ta’ merkanzija.

17      F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 2014, L 189, p. 50, rettifika fil-ĠU 2015, L 243, p. 14).

18      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, meta jkunu meħtieġa miżuri sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina l-miżuri xierqa ta’ politika kummerċjali.

19      Abbażi tar-Regolament Nru 654/2014, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4(1) tiegħu, il-Kummissjoni adottat, b’mod iktar partikolari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 tal‑20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU 2018, L 158, p. 5).

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

20      F’Ġunju 2018, il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika impona dazji doganali addizzjonali ta’ 25 % u ta’ 10 % fuq, rispettivament, l-importazzjonijiet ta’ azzar u l-importazzjonijiet ta’ aluminju li joriġinaw mill-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“dazji doganali imposti skont l-Artikolu 232 tal-Liġi tal‑1962 dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ”), bil-għan li jiffavorixxi u jkabbar il-produzzjoni nazzjonali ta’ dawn il-prodotti.

21      Bi tweġiba għall-impożizzjoni tad-dazji doganali imposti skont l-Artikolu 232 tal-Liġi tal‑1962 dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ, il-Kummissjoni, adottat, fl‑20 ta’ Ġunju 2018, ir-Regolament 2018/886, li jipprovdi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti kif elenkati fl-Annessi I u II ta’ dan ir-regolament.

22      Skont l-Artikolu 2(a) u l-Anness I tar-Regolament 2018/886, kien previst li l-prodotti korrispondenti għall-kodiċi ta’ nomenklatura 8711 50 00, jiġifieri l-“[m]uturi […] b’magna tal-pistun alternattiv, b’ċilindru ta’ iktar minn 800 cm3”, kienu, fl-ewwel stadju, suġġetti għal dazji doganali addizzjonali b’rata ta’ 25 %, u dan sa mit‑22 ta’ Ġunju 2018.

23      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(b) u l-Anness II tar-Regolament 2018/886, li jirrigwardaw ukoll il-prodotti korrispondenti għall-kodiċi ta’ nomenklatura 8711 50 00, dawn il-prodotti kienu, fit-tieni stadju, suġġetti għal dazji doganali addizzjonali b’rata ta’ 25 %, li essenzjalment jibda, sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ġunju 2021.

24      Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament 2018/866 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Harley‑Davidson, impriża Amerikana speċjalizzata fil-kostruzzjoni ta’ muturi, kienet għalhekk informata bl-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali, fuq il-prodotti tagħha importati fl-Unjoni mill-Istati Uniti, ta’ 25 % sa mit‑22 ta’ Ġunju 2018, imbagħad ta’ 25 % addizzjonali sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ġunju 2021, flimkien mar-rata tad-dazju konvenzjonali ta’ 6 %, jiġifieri rata totali li tammonta, għall-muturi tagħha, għal 31 % mit‑22 ta’ Ġunju 2018 u mbagħad għal 56 % li tibda mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ġunju 2021.

25      Fil‑25 ta’ Ġunju 2018, Harley‑Davidson ippreżentat lis-Securities and Exchange Commission (il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju, l-Istati Uniti, iktar ’il quddiem is-“SEC”), rapport attwali tal-Formola 8-K (Form 8-K Current Report, iktar ’il quddiem il-“Formola 8‑K”). Din il-Formola 8‑K kienet intiża sabiex tinforma lill-azzjonisti tagħha bl-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq u bil-konsegwenzi tagħhom fuq l-attività tagħha. F’din il-formola, Harley‑Davidson indikat l-intenzjoni tagħha li ċċaqlaq il-produzzjoni ta’ ċerti muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha li kienu jinsabu f’pajjiż ieħor, sabiex tevita l-miżuri inkwistjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni.

26      Fil-Formola 8‑K, Harley‑Davidson indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“L-Unjoni Ewropea adottat dazji doganali fuq diversi prodotti mmanifatturati fl-Istati Uniti, fosthom il-muturi Harley‑Davidson. Dawn id-dazji, li daħlu fis-seħħ fit‑22 ta’ Ġunju 2018, ġew imposti bi tweġiba għad-dazji doganali li l-Istati Uniti imponew fuq l-azzar u l-aluminju esportat mill-[Unjoni] lejn l-Istati Uniti.

Konsegwentement, id-dazji doganali tal-[Unjoni] fuq il-muturi Harley‑Davidson esportati mill-Istati Uniti għaddew minn 6 % għal 31 %. Harley‑Davidson tqis li dawn id-dazji doganali ser iwasslu għal spiża addizzjonali ta’ madwar 2 200 dollaru Amerikan għal kull mutur esportat mill-Istati Uniti lejn [l-Unjoni].

[…]

Sabiex tindirizza l-ispiża sostanzjali ta’ dan il-piż tariffarju fuq żmien twil, Harley‑Davidson ser timplimenta pjan intiż sabiex iċaqlaq il-produzzjoni ta’ muturi intiżi għall-[Unjoni] mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha sabiex tevita l-piż tariffarju. Harley‑Davidson tipprevedi li ż-żieda tal-produzzjoni fl-impjanti internazzjonali ser teħtieġ investimenti addizzjonali u tista’ tieħu tal-inqas minn 9 sa 18‑il xahar sabiex tintlaħaq kompletament”.

27      Wara l-pubblikazzjoni tal-Formola 8‑K, Harley‑Davidson għażlet l-impjant tagħha tat-Tajlandja bħala sit ta’ produzzjoni ta’ wħud mill-muturi tagħha intiżi għas-suq tal-Unjoni.

28      Harley‑Davidson xtaqet tikseb assigurazzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-muturi prodotti fl-impjant tagħha tat-Tajlandja u intiżi għas-suq tal-Unjoni. Għalhekk, Harley‑Davidson u Neovia, intermedjarja li tipprovdilha servizzi ta’ assistenza loġistika fil-kuntest tal-operazzjonijiet tagħha ta’ importazzjoni ta’ muturi fl-Unjoni tramite l-Belġju, ippreżentaw, flimkien, fil‑25 ta’ Jannar 2019, l-ewwel żewġ applikazzjonijiet formali għal deċiżjonijiet BOI, rigward żewġ familji ta’ muturi, quddiem l-awtoritajiet doganali Belġjani. Tliet applikazzjonijiet oħra għal deċiżjonijiet BOI, rigward tliet familji oħra ta’ muturi, ġew ippreżentati sussegwentement.

29      Fil‑31 ta’ Jannar 2019, l-awtoritajiet Belġjani pparteċipaw f’laqgħa mal-Kummissjoni rigward l-applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI dwar l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ żewġ familji ta’ muturi b’assemblaġġ fl-impjant Harley‑Davidson fit-Tajlandja. Fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni tat opinjoni informali li tipprovdi li l-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, jista’ ma jkunx issodisfatt, minħabba informazzjoni li tinsab fil-Formola 8‑K.

30      L-awtoritajiet Belġjani talbu diskussjoni mal-Istati Membri dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, diskussjoni li seħħet waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti doganali, taqsima “Oriġini”, fit‑8 ta’ April 2019. Waqt din il-laqgħa, l-awtoritajiet Belġjani spjegaw li kien hemm tibdil tal-pajjiż tal-assemblaġġ ta’ ċerti muturi prodotti minn Harley‑Davidson u li din ir-rilokazzjoni kienet seħħet wara l-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq il-merkanzija li toriġina mill-pajjiż ta’ produzzjoni preċedenti, jiġifieri l-Istati Uniti. Il-minuti ta’ din il-laqgħa jsemmu li “ċerti delegati kkonfermaw li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-oriġini [kellha tkun] iddeterminata b’applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, delegati oħra ma kinux ta’ din l-opinjoni. Il-[Kummissjoni] tqis li l-Artikolu 33 jista’ japplika, iktar u iktar peress li l-produttur indika f’dikjarazzjonijiet pubbliċi li l-iskop tar-rilokazzjoni tal-operazzjonijiet kien li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri fl-Unjoni”. Minkejja t-talbiet tal-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni, madankollu, qatt ma tat opinjoni formali rigward l-applikabbiltà għall-fatti ta’ dan il-każ tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU.

31      Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali Belġjani adottaw żewġ deċiżjonijiet BOI, li permezz tagħhom huma rrikonoxxew u ċċertifikaw li ċerti kategoriji ta’ muturi Harley‑Davidson importati fl-Unjoni, korrispondenti għaż-żewġ familji ta’ muturi msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kienu joriġinaw mit-Tajlandja. It-tliet applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI l-oħra, imsemmija wkoll fil-punt 28 iktar ’il fuq kienu, sussegwentement, is-suġġett tal-istess trattament mill-awtoritajiet doganali Belġjani.

32      Id-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni kienu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet doganali Belġjani fil‑21 ta’ Awwissu 2019.

33      Fil‑5 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Belġjani bl-intenzjoni tagħha li titlob ir-revoka tal-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI. Fit‑13 ta’ Novembru 2020, l-awtoritajiet Belġjani wieġbu lill-Kummissjoni li huma jopponu għal tali talba ta’ revoka.

34      Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni nediet proċedura formali intiża għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil‑5 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ssottomettiet l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata lid-delegazzjonijiet nazzjonali kollha tal-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, fil-kuntest tal-proċedura konsultattiva u permezz ta’ proċedura bil-miktub. Erba’ Stati Membri bagħtu osservazzjonijiet dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata u opponew l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni f’dan l-abbozz.

35      Fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni indirizzat nota ta’ sinteżi lill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, li fiha hija indikat li t‑23 Stat Membru li ma kinux ħadu pożizzjoni kienu, taċitament, urew il-qbil tagħhom mal-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata.

36      Fit‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata, li hija kkomunikat lir-Renju tal-Belġju fis‑6 ta’ April 2021 u li kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada, fejn titlob lill-awtoritajiet Belġjani jirrevokaw l-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI.

37      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat:

“(6)      Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, [Harley‑Davidson], irrapporta b’ […] Formola 8‑K […] sottomess [lis-SEC fil-25 ta’] Ġunju 2018, il-pjan tiegħu li jċaqlaq il-produzzjoni ta’ ċerti muturi destinati għas-suq tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-faċilitajiet internazzjonali tiegħu f’pajjiż ieħor biex jiġu evitati l-miżuri tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)      Anki jekk l-evitar tal-miżuri ta’ politika kummerċjali mhux bilfors ikun l-uniku skop taċ-ċaqliq tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 ta[l-AD‑CDU] jiġu ssodisfati abbażi tal-fatti disponibbli. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa fl-aħħar pajjiż ta’ produzzjoni għandhom għalhekk jitqiesu li mhumiex ekonomikament ġustifikati. […]

(9)      Peress li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-muturi koperti mid-deċiżjonijiet BOI msemmija fl-Anness mhijiex ibbażata fuq ir-regola stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 [tal-AD‑CDU], il-Kummissjoni tqis li din id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali hija inkompatibbli mal-Artikolu 60(2) tal-[Kodiċi Donagali], flimkien mal-Artikolu 33 [tal-AD‑CDU].”

38      Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Belġjani, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2021 indirizzata lil Neovia, informaw lir-rikorrenti li kienu rrevokaw il-ħames deċiżjonijiet BOI adottati fir-rigward tal-importazzjoni fl-Unjoni ta’ muturi mmanifatturati fit-Tajlandja minn Harley‑Davidson.

III. Ittalbiet talpartijiet

39      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tagħti gwida lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni dwar il-konsegwenzi utli li huma għandhom jisiltu mis-sentenza u l-mod kif għandhom jaġixxu sabiex jagħtuha effett;

–        tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji li hija tqis xierqa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

A.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali

41      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli.

42      Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li jista’ jkun utli li tingħata gwida dwar il-mod ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza.

43      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet fil-konfront tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, anki fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digrieti tat‑22 ta’ Settembru 2016, Gaki vs Il‑Kummissjoni, C‑130/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:731, punt 14, u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑169/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:441, punt 13).

44      Għalhekk it-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

B.      Fuq ilmertu

45      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu sitt motivi.

46      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina t-tielet motiv, imbagħad ir-raba’, l-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt motiv.

1.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq użu abbużiv tassetgħa ta’ revoka sa fejn din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni inkorretti talArtikolu 33 talADCDU

47      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni li hija għamlet tal-Artikolu 33 tal-AD-CDU.

48      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jargumentaw li l-verżjonijiet preċedenti tal-leġiżlazzjoni kienu jipprovdu li l-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika ma kienx issodisfatt meta “l-uniku għan” tal-operazzjoni kien l-evażjoni, u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 33 tal-AD-CDU dejjem isemmu “għan” fis-singular, li għandu jinftiehem tal-inqas bħala “għan dominanti uniku” jew “għan essenzjali”. Huma jżidu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-eżistenza ta’ kwalunkwe motiv ieħor għal operazzjoni, mhux marbut mal-evażjoni, kienet suffiċjenti sabiex il-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika jkun issodisfatt. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International (C‑26/88, EU:C:1989:637), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “iċ-ċaqliq tal-assemblaġġ mill-pajjiż ta’ manifattura tal-komponenti lejn pajjiż ieħor fejn [kienu] użati impjanti oħra diġà eżistenti ma [kienx] jiġġustifika waħdu l-preżunzjoni li dan iċ-ċaqliq [kellu] bħala l-uniku għan li [jiġu evitati] id-dispożizzjonijiet applikabbli”. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tathomx l-okkażjoni li juru l-eżistenza ta’ għanijiet oħra u xejn ma kien jippermetti li wieħed ikun jaf jekk il-Kummissjoni eżaminatx l-informazzjoni li huma kienu pprovdew lill-awtoritajiet Belġjani sabiex tistabbilixxi li l-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika kien issodisfatt.

49      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni ta’ Harley-Davidson li tipproduċi fit-Tajlandja muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni kienet ibbażata fuq numru ta’ fatturi kummerċjali solidi u leġittimi u ma kinitx deċiżjoni artifiċjali li l-iskop ewlieni tagħha kien li jiġu evitati d-dazji doganali addizzjonali.

50      Ir-rikorrenti jqabblu wkoll il-kunċett ta’ “evitar”, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-AD-CDU, mal-kunċetti ta’ “evażjoni”, ta’ “abbuż”, ta’ “manipulazzjoni” u ta’ “ċirkomvenzjoni”, kif speċifikati mill-ġurisprudenza. Għalhekk, billi jirrinvijaw għal sentenzi differenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom ġew indirizzati u ppreċiżati dawn il-kunċetti, b’mod partikolari fid-dritt fiskali jew fid-dritt antidumping, ir-rikorrenti jargumentaw li, anki jekk il-manifattura minn Harley‑Davidson, fit-Tajlandja, ta’ muturi intiżi għall-Unjoni kien intiż prinċipalment sabiex jevita d-dazji doganali addizzjonali, kellu jiġi vverifikat jekk kienx jeżisti xi għan kummerċjali leġittimu ieħor wara l-operazzjonijiet ta’ rilokazzjoni, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet. Billi jipproċedu wkoll b’analoġija, ir-rikorrenti jfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi, li fis-suq tal-Unjoni operatur kellu libertà kbira u kien, pereżempju, awtorizzat jorganizza l-attività tiegħu b’mod li jillimita d-dejn fiskali tiegħu.

51      Għalhekk, ir-rikorrenti jqisu li l-mod li bih il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 33 tal-AD-CDU kien emenda l-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika u kien bidel kriterju, oriġinarjament oġġettiv, għal kriterju suġġettiv. Skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni kienet temenda l-għan tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, bil-konsegwenza li l-oriġini ma baqgħetx tiġi stabbilita abbażi ta’ elementi oġġettivi, jiġifieri n-natura tal-operazzjoni mwettqa, iżda abbażi ta’ elementi suġġettivi, jiġifieri r-raġunament jew il-motivazzjonijiet tal-produttur. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-“għan” ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi oġġettiva ta’ elementi u tal-kuntest tal-operazzjoni nnifisha, analiżi li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

53      F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, billi adottat id-Deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, wettqitx żball ta’ liġi billi qieset li l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni, fit-Tajlandja, tal-manifattura ta’ ċerti kategoriji ta’ muturi Harley‑Davidson intiżi għas-suq tal-Unjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ekonomikament iġġustifikata”, peress li kienet intiża, skont din l-istituzzjoni, sabiex tevita l-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni adottati, sa mill‑2018, fil-konfront ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha jkunu parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Skont l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), sabiex pajjiż jew territorju jitqies bħala l-post ta’ oriġini ta’ merkanzija, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanzija importata, b’mod partikolari l-aħħar operazzjoni ta’ pproċessar jew ta’ ħidma sostanzjali għandha titwettaq f’dan il-post u din għandha tkun “ekonomikament ġustifikata”.

56      L-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, intitolat “Operati ta’ pproċessar jew ta’ ħidma li mhumiex iġġustifikati ekonomikament”, jippreċiża, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[k]ull operat ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa f’pajjiż jew territorju ieħor għandu jitqies mhux iġġustifikat ekonomikament jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-fatti disponibbli, li l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri” tal-Unjoni li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanzija.

57      Għalhekk, qabelxejn, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “jitqies” f’dan l-aħħar artikolu, jirriżulta li f’ċerti ċirkustanzi, jiġifieri meta l-għan ta’ operazzjoni partikolari kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni għandhom iqisu li l-kundizzjoni marbuta mal-ġustifikazzjoni ekonomika ma tistax tkun issodisfatta.

58      Imbagħad, preċiżament fir-rigward tal-użu tal-espressjoni “l-iskop tat-tali operat kien li tiġi evitata” fl-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, il-Qorti Ġenerali tqis li l-użu tal-kunċett ta’ “għan” fis-singular għandu jinftiehem, f’sitwazzjonijiet li fihom it-twettiq ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni partikolari kellha diversi għanijiet, bħala li tirreferi għall-idea ta’ “għan prinċipali” jew “dominanti”. Għalhekk, dan l-għan jista’ ma jkunx l-uniku wieħed, iżda għandu jkun determinanti fl-għażla ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni f’pajjiż jew territorju ieħor.

59      Issa mill-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, u b’mod partikolari mir-riferiment għall-“miżuri msemmija fl-Artikolu 59” tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tal-AD‑CDU u tal-abbozz ikkonsolidat ta’ att delegat ippreżentat mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-AD‑CDU, jirriżulta li l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU japplika meta l-Unjoni adottat miżuri ta’ politika kummerċjali. Dawn il-miżuri ta’ politika kummerċjali jistgħu jikkonsistu f’miżuri tariffarji bħal dawk adottati f’dan il-każ, jiġifieri d-dazji doganali addizzjonali intiżi għal ċerta merkanzija li toriġina mill-Istati Uniti imposti permezz tar-Regolament 2018/886 b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014.

60      Għalhekk, l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU huwa intiż sabiex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni billi jipprekludi, għall-merkanzija prevista minn tali miżuri, l-akkwist ta’ oriġini ġdid meta l-għan prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni, bħaċ-ċaqliq tal-produzzjoni f’pajjiż jew territorju ieħor, kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri.

61      Fl-aħħar nett, l-użu tal-espressjoni “abbażi tal-fatti disponibbli” fl-Artikolu 33 tal-AD‑CDU tirreferi għall-punti ta’ fatt li għandha l-awtorità responsabbli li tivverifika jekk l-għan ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni kienx li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanzija.

62      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, abbażi tal-fatti disponibbli, jidher li l-għan prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, allura din l-operazzjoni għandha titqies li ma tistax tkun, bħala prinċipju, ekonomikament iġġustifikata.

63      Għalhekk, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova li l-għan prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni ma kienx, fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni li tikkonċernaha, li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni. Issa, tali prova hija distinta mit-tfittxija a posteriori ta’ ġustifikazzjoni ekonomika jew tar-razzjonalità ekonomika ta’ din l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni. Fil-fatt, li kieku l-prova li l-għan prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni ma kienx li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali setgħet tkun prodotta b’sempliċi dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika, dan kien iċaħħad l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU minn kull effett utli.

64      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-punti ta’ fatt disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, huma l-allegazzjonijiet magħmula minn Harley‑Davidson fil-Formola 8‑K, riprodotti fil-punt 26 iktar ’il fuq, u l-elementi kkomunikati mir-rikorrenti lill-awtoritajiet doganali Belġjani insostenn tal-applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet BOI tagħhom.

65      Fir-rigward tal-elementi kkomunikati lill-awtoritajiet doganali Belġjani, ir-rikorrenti jindikaw li pprovdew, fil-ħarifa tal‑2018, sinteżi tad-diversi raġunijiet li għalihom il-produzzjoni fit-Tajlandja kienet, fil-fehma tagħhom, “ekonomikament iġġustifikata”, sinteżi li huma kkompletaw fis‑26 ta’ Marzu 2019, jiġifieri disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni tal-Formola 8‑K, permezz ta’ spjegazzjonijiet addizzjonali.

66      Mill-analiżi ta’ dawn id-dokumenti, prodotti u mehmuża ma’ dan ir-rikors, jirriżulta li dawn ġew żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet doganali Belġjani sabiex jiksbu deċiżjonijiet BOI li jirrikonoxxu l-oriġini Tajlandiża ta’ muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson u intiżi għas-suq tal-Unjoni. Dawn l-iskambji bdew f’Settembru 2018, jiġifieri diversi xhur wara l-pubblikazzjoni tal-Formola 8‑K li tħabbar pubblikament l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni. Dawn id-dokumenti, li la huma preċedenti u lanqas kontemporanji għall-Formola 8‑K, u li ġew żviluppati bl-għan uniku li l-awtoritajiet doganali Belġjani jirrikonoxxu l-oriġini Tajlandiża ta’ muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson, ma jippermettux li tinsilet konklużjoni determinanti dwar ir-realtà ta’ deċiżjoni ta’ rilokazzjoni fit-Tajlandja tal-manifattura ta’ muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni li kienet teżisti minn qabel l-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) jew li tirriżulta minn raġunament ekonomiku perfettament razzjonali u barrani għall-impożizzjoni tal-imsemmija dazji doganali addizzjonali.

67      Minn dan isegwi li, abbażi tal-punti ta’ fatt disponibbli, jiġifieri l-allegazzjonijiet ta’ Harley‑Davidson stess li jinsabu fil-Formola 8‑K, huwa sabiex “tindirizza l-ispiża sostanzjali [tal]-piż tariffarju [li jirriżulta mill-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali] fuq żmien twil [li] Harley‑Davidson [implimentat] pjan intiż sabiex iċċaqlaq il-produzzjoni ta’ muturi intiżi għall-[Unjoni] mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha”. Għalhekk, mill-qari tal-Formola 8‑K, jidher li l-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali kienet il-fatt li ta lok għat-tħabbir tad-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dazji doganali addizzjonali kien “aċċellera” t-teħid ta’ deċiżjoni ta’ rilokazzjoni fit-Tajlandja tal-produzzjoni intiża għas-suq tal-Unjoni.

68      Inoltrè, ir-rikorrenti ma waslux, la fil-punti li joħorġu mill-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet doganali Belġjani, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, u lanqas fit-tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, sabiex juru li d-deċiżjoni li jirrilokaw fit-Tajlandja l-produzzjoni ta’ muturi Harley‑Davidson intiżi għas-suq tal-Unjoni kienet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2018/886 jew kienet parti minn strateġija globali intiża speċifikament sabiex tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni permezz ta’ rilokazzjoni fl-Ażja ta’ din il-produzzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkuntentaw b’allegazzjonijiet vagi u astratti li jipprovdu li Harley‑Davidson kienet qed issegwi, sa minn diversi snin, strateġija intiża sabiex tkabbar il-preżenza kummerċjali tagħha lil hinn mill-Istati Uniti, allegazzjonijiet li huma sostnew bil-produzzjoni ta’ dokumenti intiżi għas-SEC, li minnhom jirriżulta biss, mingħajr wisq preċiżazzjonijiet, li t-tkabbir internazzjonali kien essenzjalment parti minn strateġija globali fuq żmien twil tal-impriża.

69      Ir-rikorrenti ma pproduċew ebda dokument, bħall-kopji ta’ deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Harley‑Davidson, li juru li d-deċiżjoni speċifika li tiġi rilokata fit-Tajlandja l-produzzjoni ta’ muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni kienet preċedenti għall-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni. Għall-kuntrarju, minn wieħed mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, imsemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq, datat 28 ta’ Frar 2019 u indirizzat lis-SEC, jirriżulta li l-produzzjoni ta’ muturi ġewwa l-impjant tat-Tajlandja kienet bdiet biss matul is-sena 2018 u li din il-produzzjoni kienet, tal-inqas sal‑31 ta’ Diċembru 2018, intiża esklużivament għal ċerti swieq Ażjatiċi, u mhux għas-suq tal-Unjoni.

70      Fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi kkonstatat biss li, peress li fil-Formola 8‑K hija indikat biss li kienet tixtieq, billi tirriloka l-produzzjoni tagħha, “tevita l-piż tariffarju” li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tad-dazji doganali addizzjonali, Harley‑Davidson kellha bħala għan prinċipali jew dominanti li tevita l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ politika kummerċjali. Mis-suġġett u mill-kontenut tal-Formola 8‑K jirriżulta b’mod ċar li din, datata 25 ta’ Ġunju 2018, kienet ippubblikata b’reazzjoni immedjata għall-pubblikazzjoni tar-Regolament 2018/886, ħamest ijiem biss wara l-imsemmija pubblikazzjoni u tlett ijiem wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li teżisti koinċidenza fiż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2018/886 u t-tħabbir tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza, tali koinċidenza fiż-żmien hija ta’ natura li tiġġustifika l-preżunzjoni li operazzjoni ta’ rilokazzjoni għandha l-iskop li tevita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 29).

71      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, konsegwentement, fil-preżenza ta’ tali koinċidenza fiż-żmien, huwa l-operatur ekonomiku kkonċernat li għandu juri motiv raġonevoli, minbarra dak li jevita l-konsegwenzi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ manifattura fil-pajjiż fejn il-produzzjoni ġiet rilokata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 29). Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 65 sa 68 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċewx il-prova ta’ motiv raġonevoli, preċedenti jew kontemporanju għat-tħabbir tad-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni fit-Tajlandja, intiża sabiex issaħħaħ l-allegazzjoni li din ir-rilokazzjoni kellha ġustifikazzjoni oħra minbarra dik tal-evitar tal-konsegwenzi tal-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali.

72      Għalhekk, jidher li l-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali kienet il-fatt li ta lok għad-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni kif joħroġ mill-pubblikazzjoni tal-Formola 8‑K u li, fid-dawl tal-kuntest, din id-deċiżjoni kienet tirriżulta sewwasew, tal-inqas b’mod prinċipali jew dominanti, mill-volontà li jiġi evitat il-piż finanzjarju impost minn dawn id-dazji.

73      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li l-għan prinċipali ta’ din ir-rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-miżura ta’ politika kummerċjali li jikkostitwixxu d-dazji doganali addizzjonali.

74      Konsegwentement, l-argumenti kollha tar-rikorrenti marbuta mal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni huma ineffettivi sa fejn f’dan il-każ ma kinitx il-Kummissjoni li kellha tfittex tali ġustifikazzjoni. L-istess japplika għall-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda r-realtà u n-natura essenzjali tal-operazzjonijiet ta’ produzzjoni fit-Tajlandja.

75      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet bidlet kriterju oriġinarjament oġġettiv fi kriterju suġġettiv, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni fit-Tajlandja kienet twettqet sabiex, tal-inqas prinċipalment, tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, hija konstatazzjoni bbażata fuq provi oġġettivi. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ Harley‑Davidson sabiex tidentifika eventwali evitar tal-imsemmija miżuri ta’ politika kummerċjali, il-Kummissjoni kellha fil-fatt tibbaża ruħha fuq il-punti ta’ fatt rilevanti u disponibbli kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet tasal li tevalwa l-istrateġija segwita minn din l-impriża. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet fondata li tqajjem fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri r-raġunijiet wara l-istrateġija inkwistjoni, sa fejn dawn il-fatturi kienu jirriżultaw b’mod ċar, mingħajr ebda ambigwità u oġġettivament, mill-Formola 8‑K. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ intenzjoni li jiġu evitati l-miżuri ta’ politika kummerċjali inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi waħda miċ-ċirkustanzi fattwali oġġettivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ tali evitar.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq lillegalità talArtikolu 33 talADCDU

77      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU huwa illegali sa fejn imur lil hinn mill-qafas ta’ leġiżlazzjoni li setgħet tiġi adottata permezz ta’ att delegat skont l-Artikolu 290 TFUE u sa fejn jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

a)      Fuq lewwel parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 290 TFUE

78      Ir-rikorrenti jsostnu li, tkun xi tkun l-interpretazzjoni li tingħata lill-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, din id-dispożizzjoni tmur lil hinn mil-limiti ta’ leġiżlazzjoni delegata. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw, essenzjalment, li l-kriterju tal-“ġustifikazzjoni ekonomika” ma jistax jitqies bħala kriterju li jipprovdi iktar preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif għandha tiġi applikata dispożizzjoni sostantiva, iżda għall-kuntrarju bħala regola fundamentali fil-qasam tad-determinazzjoni tal-oriġini. Bħala tali, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 33 tal-AD‑CDU għandha tiġi inkluża fid-dritt primarju, flimkien mal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, li jinkludi r-regola ġenerali li tippermetti d-determinazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija pproċessata f’iktar minn pajjiż wieħed.

79      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

80      Il-possibbiltà li jiġu ddelegati s-setgħat prevista fl-Artikolu 290 TFUE hija intiża sabiex tippermetti lil-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll fuq l-elementi mhux essenzjali li dwarhom iqis li huwa opportun li jilleġiżla filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li “tikkompleta” ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv adottat jew ulterjorment li “tbiddel” tali elementi fil-qafas ta’ delega mogħtija lilha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Minn dan jirriżulta li r-regoli essenzjali fil-qasam ikkonċernat għandhom jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu suġġetti għal delega (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u timponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, liema regoli jvarjaw skont jekk il-merkanzija kinitx ottenuta kollha fl-istess pajjiż jew territorju, jew skont jekk il-produzzjoni tagħha involvietx diversi pajjiżi jew territorji. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ regoli huma stabbiliti, rispettivament, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 60.

85      Il-każ inkwistjoni jirrigwarda biss it-tieni kategorija ta’ regoli.

86      Inoltrè, fir-rigward ta’ din it-tieni kategorija ta’ regoli, il-Kummissjoni adottat l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU b’applikazzjoni tas-setgħa prevista mill-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 284 tal-Kodiċi Doganali. Għalhekk, dan l-Artikolu 62 jagħti s-setgħa lil din l-istituzzjoni tadotta atti delegati sabiex tistabbilixxi, essenzjalment, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali.

87      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-Kodiċi Doganali, il-kundizzjoni dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika, eżaminata f’dan il-każ, hija prevista mill-Kodiċi Doganali nnifsu u tikkostitwixxi biss waħda mill-kundizzjonijiet previsti minn waħda mir-regoli fil-qasam tal-akkwist tal-oriġini mhux preferenzjali.

88      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-estensjoni tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, billi tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni “[t]istabbilixxi” regoli, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Kummissjoni “tikkompleta” l-Kodiċi Doganali, fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE. Għalhekk, minkejja li permezz ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata timmodifika l-elementi diġà stabbiliti fil-Kodiċi Doganali, għall-kuntrarju hija awtorizzata minnu sabiex tikkompleta l-Kodiċi Doganali billi tiżviluppa elementi li ma kinux iddefiniti mil-leġiżlatur, filwaqt li tibqa’ marbuta tosserva d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Kodiċi Doganali.

89      Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU huwa intiż biss sabiex jikkompleta, permezz ta’ ċertu numru ta’ preċiżazzjonijiet, l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li dan l-Artikolu 33 kien imur lil hinn mil-limiti tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali jew li jimmodifika regola essenzjali tal-Kodiċi Doganali.

90      Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU huwa intiż biss sabiex jiżgura, kif jirriżulta mill-premessa 21 tal-AD‑CDU, l-applikazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali imposti skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies li l-adozzjoni ta’ dan l-artikolu ma involvietx, bħala tali, it-twettiq ta’ għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

91      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talprinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità

92      Ir-rikorrenti jargumentaw li l-introduzzjoni ta’ emenda daqstant sostanzjali tal-kriterju legali tal-“ġustifikazzjoni ekonomika” permezz ta’ att delegat hija inkompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali u tal-proporzjonalità.

93      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li billi pprovdiet, fl-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, li raġunijiet multipli jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet f’dan il-kriterju forma suġġettiva inkompatibbli man-natura oġġettiva tar-Regolament bażiku. Huma jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni għalfejn testendi u temenda l-kriterju, kif kien iddefinit fid-dritt primarju jew fil-ġurisprudenza.

94      Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet.

95      Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU jipprovdi li raġunijiet multipli jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “ġustifikazzjoni ekonomika” u li l-evalwazzjoni tal-importanza rispettiva ta’ dawn ir-raġunijiet differenti kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni biss. Madankollu, din il-premessa tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU.

96      Fil-fatt, kif ġie stabbilit fil-punti 54 sa 63 iktar ’il fuq, l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU jipprovdi li huwa suffiċjenti li “l-iskop”, jiġifieri l-għan prinċipali jew dominanti, ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni jkun li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jitqies li din l-operazzjoni ta’ rilokazzjoni ma hijiex ekonomikament iġġustifikata fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

97      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, li għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU ma jipprovdix l-ibbilanċjar jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “raġunijiet multipli” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “ġustifikazzjoni ekonomika”, iżda jipprovdi biss li tali ġustifikazzjoni ma tistax, bħala prinċipju, teżisti fil-preżenza ta’ strateġija intiża prinċipalment sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni.

98      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tar-raba’ motiv kif ukoll, għalhekk, ir-raba’ motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni u talproċedura konsultattiva preliminari għalladozzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

100    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw, minn naħa, li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti formali essenzjali sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx tinkludi motivazzjoni jew kienet tinkludi motivazzjoni insuffiċjenti, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx osservat il-proċedura konsultattiva preliminari għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

a)      Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

101    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni kkontestata ma tindikalhomx la dak li taħseb il-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa fit-Tajlandja, la dak li taħseb il-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu lil Harley‑Davidson sabiex timmanifattura l-prodotti tagħha fit-Tajlandja, u lanqas il-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-kriterju tal-ġustifikazzjoni ekonomika, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita l-istħarriġ tagħha.

102    Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li d-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludix spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija differenti minn dik tal-awtoritajiet doganali Belġjani u li r-raġunament espost fil-premessa 7 tal-imsemmija deċiżjoni ma jikkostitwixxi xejn iktar minn dikjarazzjoni perentorja. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw li, fid-dawl tat-teknikalità tal-qasam, tal-investimenti kunsiderevoli inkwistjoni u minħabba n-natura ġdida ta’ deċiżjoni bħad-Deċiżjoni kkontestata, l-espożizzjoni ta’ raġunament ċar kienet partikolarment importanti.

103    Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet.

104    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le, u min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika bilfors il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati, iżda huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fid-Deċiżjoni kkontestata u skont il-kliem riprodott fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-motiv li għalih ċerti kategoriji ta’ muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson u importati fl-Unjoni mit-Tajlandja ma setgħux jitqiesu li għandhom dan il-pajjiż tal-oriġini, jiġifieri l-fatt li din il-manifattura fit-Tajlandja ma kinitx ekonomikament iġġustifikata, peress li kienet prinċipalment intiża sabiex tevita l-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni adottati, sa mill‑2018, fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

106    Barra minn hekk, fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet doganali Belġjani li ma kinux applikaw b’mod korrett l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, peress li kienu qiesu, fiż-żewġ deċiżjonijiet BOI, it-Tajlandja bħala l-post tal-oriġini tal-muturi inkwistjoni.

107    Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, billi ssemmi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet doganali Belġjani kienu adottaw deċiżjonijiet BOI li ma kinux konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

108    Inoltrè, jista’ jiġi osservat li ċerti argumenti tar-rikorrenti elenkati fil-punt 102 iktar ’il fuq jitħawdu mal-kriterju tal-fondatezza tad-Deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq innuqqas ta’ osservanza talproċedura konsultattiva preliminari għalladozzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

110    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv kompetenti qabel tadotta d-Deċiżjoni kkontestata u li l-unika konsultazzjoni tal-imsemmi kumitat permezz ta’ proċedura bil-miktub kienet, f’dan il-każ, insuffiċjenti, u dan iktar u iktar peress li l-Kummissjoni ma kkomunikat ebda element tal-kuntest fattwali u legali sabiex tippermetti lill-membri tal-Kumitat jifformaw opinjoni. Inoltrè, skont ir-rikorrenti, il-fatt li fil-kuntest tal-konsultazzjoni mwettqa permezz ta’ proċedura bil-miktub, erba’ Stati Membri wrew li jopponu għall-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata kellu jwassal lill-Kummissjoni “[tikkunsidra] bir-reqqa” dawn l-osservazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).

111    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

112    Mill-Artikolu 285 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali huwa kumitat fis-sens tar-Regolament Nru 182/2011. Inoltrè, mit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali, moqrija flimkien mal-Artikolu 285(2) u (6) tal-imsemmi kodiċi, jirriżulta li d-deċiżjonijiet, bħad-Deċiżjoni kkontestata, li jitolbu lill-Istati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet BOI għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011.

113    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011, intitolat “Proċedura konsultattiva”, jipprovdi:

“1.      Fejn tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. Jekk il-kumitat jieħu vot, l-opinjoni għandha tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.

2.      Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat, billi jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat u mill-opinjoni li tkun ingħatat.”

114    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-użu f’dan il-każ ta’ proċedura li saret bil-miktub, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 182/2011 ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tmexxi proċedura konsultattiva b’dan il-mod partikolari. Għall-kuntrarju, huwa espressament previst, fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 182/2011, li l-opinjoni ta’ kumitat, fil-kuntest ta’ proċedura konsultattiva, tista’ tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub.

115    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kumitat Konsultattiv ma kienx ibbenefika minn punti ta’ fatt u ta’ liġi suffiċjenti meta eżamina l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma sostnewx dan l-ilment, u li fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri primarjament ikkonċernati, ma għamlu ebda kritika dwar dan il-punt, b’tali mod li ma teżisti ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li d-delegazzjonijiet ma setgħux jadottaw il-pożizzjonijiet tagħhom b’tagħrif sħiħ tal-fatti. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

116    Għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri li esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-abbozz ta’ deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit, previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 182/2011, ma huwiex ta’ natura vinkolanti. Għalhekk, il-Kummissjoni, li żżomm marġni diskrezzjonali, ma hijiex marbuta bl-opinjoni mogħtija mill-Kumitat, u lanqas a fortiori, mill-opinjonijiet diverġenti ta’ minorità mogħtija minn uħud mill-membri tiegħu.

117    Fil-fatt, il-formulazzjoni “jiġu kkunsidrati bir-reqqa” tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 182/2011 tenfasizza n-natura mhux vinkolanti tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mid-dibattiti fi ħdan il-Kumitat, inkluż tal-fehmiet mogħtija minn uħud mill-membri tiegħu biss, u tal-opinjoni finali mogħtija mill-imsemmi kumitat. Li kieku tali konklużjonijiet jew fehmiet kienu vinkolanti, ma kienx ikun biżżejjed li l-Kummissjoni teħodhom inkunsiderazzjoni bir-reqqa, għaliex ikun hemm ir-riskju li jiġu żnaturati t-termini u l-għan tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011, iżda jkollha tikkonforma magħhom (ara f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2019, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni, T‑660/18, EU:T:2019:546, punt 44). Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata minn paragun mal-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, peress li kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu, din l-aħħar proċedura għandha tiżgura li l-atti ta’ implimentazzjoni ma jistgħux jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat kompetenti. Dan ifisser li l-opinjoni tal-kumitat kompetenti ma huwiex vinkolanti għall-Kummissjoni, jekk bħal f’dan il-każ, tapplika l-proċedura konsultattiva.

118    Madankollu, kif ġustament jirrilevaw ir-rikorrenti, diġà ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza li l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni “bir-reqqa” kien jimponi obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tispjega d-diverġenzi fil-konfront tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mid-dibattiti fi ħdan il-Kumitat u l-opinjoni mogħtija (ara f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2019, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni, T‑660/18, EU:T:2019:546, punt 47).

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva deskritta fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssottomettiet l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata lid-delegazzjonijiet tal-Kumitat adit fil‑5 ta’ Marzu 2021 u erba’ Stati Membri bagħtu osservazzjonijiet li jopponu l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni f’dan l-abbozz.

120    Min-nota ta’ sinteżi indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, tad‑29 ta’ Marzu 2021 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), jirriżulta li 23 Stat Membru ma kienx ħa pożizzjoni dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, maġġoranza kbira tad-delegazzjonijiet kienu, b’mod taċitu, urew il-qbil tagħhom mal-imsemmi abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 182/2011, b’tali mod li l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata setgħet titqies bħala opinjoni favorevoli, li għalhekk fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni ma kellhiex diverġenza x’tispjega.

121    Mill-minuti tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti doganali, taqsima “Oriġini”, tal‑20 ta’ April 2021, jirriżulta li mill-erba’ delegazzjonijiet li esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata, tal-inqas tlieta minnhom qajmu tħassib speċifiku u ddettaljat.

122    B’mod partikolari, dawn id-delegazzjonijiet urew riżervi dwar il-kwistjoni tal-assenza ta’ eżami, fl-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata, tar-razzjonalità ekonomika tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni u dwar jekk il-kunċett ta’ “għan”, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, għandux jinftiehem bħala li jirreferi għal skop uniku jew għal skop esklużiv u mhux sempliċement bħala riferiment għal għan wieħed fost ħafna.

123    Għalhekk, dawn ir-riżervi jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 182/2011, u hija l-Kummissjoni li għandha teħodhom inkunsiderazzjoni “bir-reqqa”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

124    Madankollu, mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “[a]nki jekk l-evitar tal-miżuri ta’ politika kummerċjali mhux bilfors ikun l-uniku skop taċ-ċaqliq tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 [tal-AD‑CDU] jiġu ssodisfati abbażi tal-fatti disponibbli”.

125    B’hekk, il-Kummissjoni wieġbet b’mod impliċitu iżda neċessarju għall-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “għan” fis-sens tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU għandux jinftiehem bħala li jirreferi għal għan wieħed fost oħrajn, billi qieset li dan l-għan jista’ għalhekk jikkoabita ma’ għanijiet oħra. Inoltrè, hija ġustament qieset ukoll b’mod impliċitu iżda neċessarju li ma kienx meħtieġ, wara li jiġi stabbilit li l-għan prinċipali jew dominanti ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni, li tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni tar-razzjonalità ekonomika globali tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv kif ukoll, għalhekk, l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

4.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

127    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kuntest u sa fejn il-kuntest, il-kontenut u l-għan tal-Formola 8‑K ma kinux evalwati b’mod korrett.

a)      Fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ analiżi talfatti rilevanti kollha

128    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn hija ma eżaminatx il-fatti rilevanti kollha, u b’mod partikolari d-data li fiha kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ Harley‑Davidson li ċċaqlaq ċerti operazzjonijiet ta’ manifattura fit-Tajlandja, ir-raġunijiet kummerċjali u ekonomiċi wara din id-deċiżjoni kif ukoll in-natura tal-proċessi u tal-operazzjonijiet imwettqa fit-Tajlandja.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

130    Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni li hija għamlet tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU billi ma fittxitx il-ġustifikazzjoni ekonomika tar-rilokazzjoni inkwistjoni. Issa din il-kwistjoni diġà ġiet eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv.

131    F’dan ir-rigward, mill-analiżi mwettqa fil-punti 54 sa 63 iktar ’il fuq, jirriżulta li peress li l-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, li l-għan prinċipali tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni fit-Tajlandja tal-produzzjoni ta’ muturi Harley‑Davidson intiżi għas-suq tal-Unjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali imposti mir-Regolament 2018/886, hija setgħet għalhekk tikkonkludi b’mod validu, fil-kuntest tal-applikazzjoni li hija għamlet tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, li din l-operazzjoni ma kinitx ekonomikament iġġustifikata mingħajr il-ħtieġa li teżamina l-fatti marbutin mal-eventwali għanijiet oħra tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni.

132    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni talkuntest, talkontenut u talgħan talFormola 8K

133    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ġiet ippubblikata l-Formola 8‑K. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tat wisq importanza lill-formulazzjoni li r-rilokazzjoni inkwistjoni kellha tippermetti li “tevita l-piż tariffarju” kkawżat mid-dazji doganali addizzjonali, peress li elementi oħra ġġustifikaw din ir-rilokazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni tat valur probatorju assolut lil dikjarazzjoni waħda, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih saret din id-dikjarazzjoni jew il-pubbliku li lilu kienet indirizzata u li kellha l-għan li tassigura, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe prova oħra. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jargumentaw li anki jekk wieħed mill-fatturi li mmotivaw ir-rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali, il-Kummissjoni ma bbilanċjatx dan l-għan mal-għanijiet l-oħra mfittxija mir-rilokazzjoni inkwistjoni.

134    Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet.

135    F’dan il-każ, kif jirriżulta mil-fatti esposti fil-punti 24 u 25 iktar ’il fuq, b’reazzjoni għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2018/886, Harley‑Davidson ippreżentat lis-SEC, fil‑25 ta’ Ġunju 2018, il-Formola 8‑K intiża sabiex tinforma lill-azzjonisti tagħha bl-applikazzjoni, sa mit‑22 ta’ Ġunju 2018, ta’ dazji doganali addizzjonali fuq il-prodotti tagħha importati fl-Unjoni mill-Istati Uniti. F’din il-formola, Harley‑Davidson indikat ukoll l-intenzjoni tagħha li ċċaqlaq il-produzzjoni ta’ ċerti muturi intiżi għas-suq tal-Unjoni mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha, sabiex tevita l-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni inkwistjoni.

136    B’mod partikolari, il-Formola 8‑K tinkludi l-formulazzjoni segwenti: “[s]abiex tindirizza l-ispiża sostanzjali ta’ dan il-piż tariffarju fuq żmien twil, Harley Davidson ser timplimenta pjan intiż sabiex iċċaqlaq il-produzzjoni ta’ muturi intiżi għall-[Unjoni] mill-Istati Uniti lejn il-faċilitajiet internazzjonali tagħha sabiex tevita l-piż tariffarju”.

137    Minn dan isegwi li tal-inqas wieħed mill-fatturi li mmotiva r-rilokazzjoni inkwistjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Inoltrè, ġie stabbilit, fil-punti 64 sa 72 iktar ’il fuq, li din il-volontà li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali kienet l-għan prinċipali jew dominanti tad-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni inkwistjoni.

138    Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija ddikjarat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li kien “[w]ara l-pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni [li Harley‑Davidson kien] irrapporta b’rapport attwali tal-Formola 8‑K sottomess [fil-25 ta’] Ġunju 2018 [lis-SEC], il-pjan tiegħu li jċaqlaq il-produzzjoni ta’ ċerti muturi destinati għas-suq tal-Unjoni […] mill-Istati Uniti […] għall-faċilitajiet internazzjonali tiegħu f’pajjiż ieħor biex jiġu evitati l-miżuri tal-politika kummerċjali tal-Unjoni […]”, filwaqt li rrilevat li “[…] l-evitar tal-miżuri ta’ politika kummerċjali [inkwistjoni] mhux bilfors [kien] l-uniku skop taċ-ċaqliq tal-produzzjoni […]”.

139    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħall-elementi ta’ kuntest, l-għan tal-Formola 8‑K jew anki l-għanijiet l-oħra mfittxija mir-rilokazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li din tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU billi bbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li l-għan dominanti ta’ din ir-rilokazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali, li diġà ġiet eżaminata u miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv u tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll, għalhekk, it-tieni motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

5.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur ta’ prinċipji ġenerali taddritt talUnjoni u talKarta tadDrittijiet Fundamentali talUnjoni Ewropea

141    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li d-Deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà.

a)      Fuq lewwel parti talħames motiv, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

142    Ir-rikorrenti jargumentaw li d-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx prevedibbli, u iktar u iktar l-applikazzjoni u l-effetti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoritajiet Belġjani, kif juri l-fatt li dawn tal-aħħar irrevokaw ħames deċiżjonijiet BOI li kienu ngħataw lir-rikorrenti, u mhux biss iż-żewġ deċiżjonijiet BOI indikati fid-Deċiżjoni kkontestata. Inoltrè, huma jsostnu li l-fatt li l-Kummissjoni ma rrevokatx id-deċiżjonijiet BOI fil-mument li fih ingħataw jikkostitwixxi aġir li ħoloq aspettattivi leġittimi u jfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu ta’ sentejn bejn il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni inkorretta u t-tentattiv ta’ korrezzjoni tal-Kummissjoni huwa irraġonevoli. Huma jallegaw ukoll li l-gwida tal-Kummissjoni dwar l-informazzjoni vinkolanti fil-qasam tal-oriġini tindika li r-revoka ta’ deċiżjoni BOI hija suġġetta għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali relatati mad-dritt għal smigħ, b’tali mod li huma setgħu jistennew b’mod leġittimu li l-Kummissjoni tikkuntattjahom fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li ma kienx hemm interess pubbliku imperattiv li kellu jipprevali fuq l-interessi privati tagħhom.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

144    Id-deċiżjonijiet BOI, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali, huma deċiżjonijiet li permezz tagħhom awtoritajiet doganali nazzjonali jiċċertifikaw, bi tweġiba għal applikazzjonijiet ta’ importaturi li jixtiequ jiksbu garanziji dwar l-interpretazzjoni ta’ regoli li jippermettu li tiġi stabbilita l-oriġini ta’ merkanzija importata, l-oriġini ġeografika ta’ ċerti prodotti importati fl-Unjoni. L-informazzjoni vinkolanti tal-oriġini għandha l-għan li tagħti lill-operatur ekonomiku kull ċertezza meta jkun hemm dubju dwar l-oriġini ġeografika ta’ merkanzija importata fl-Unjoni, billi b’hekk tipproteġih fir-rigward ta’ kull emenda sussegwenti tal-pożizzjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali nazzjonali matul żmien definit (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1998, Lopex Export, C‑315/96, EU:C:1998:31, punt 28). Madankollu, tali informazzjoni ma għandhiex l-għan u ma jistax ikollha l-effett li tiżgura definittivament għall-operatur li l-oriġini ġeografika li għaliha tirreferi ma hijiex ser tkun emendata sussegwentement, b’mod partikolari minħabba r-revoka, fuq talba tal-Kummissjoni, tad-deċiżjoni BOI miksuba, għar-raġuni prevista fl-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri l-bżonn li tiġi żgurata determinazzjoni tal-oriġini korretta tal-merkanzija.

145    Inoltrè, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku sabiex jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2011, Sony Supply Chain Solutions (Europe), C‑153/10, EU:C:2011:224, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Issa, f’dan il-każ, mill-analiżi tat-tielet motiv jirriżulta li l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU jirregola bi preċiżjoni suffiċjenti l-kundizzjoni relatata man-natura ekonomikament iġġustifikata tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma. Inoltrè, mill-kliem tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirregola bi preċiżjoni suffiċjenti l-kundizzjonijiet l-oħra li għandhom jiġu osservati għad-determinazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija importata fl-Unjoni.

147    Minn dan isegwi li l-awtoritajiet doganali Belġjani inkarigati mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni aġixxew, bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet BOI, b’kontradizzjoni mad-dritt tal-Unjoni u li dan l-aġir ma setax joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti.

148    Fir-rigward tal-kwistjoni taż-żmien li għadda bejn id-data li fiha l-Kummissjoni saret taf bl-eżistenza tad-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni u dik li fiha hija talbet lill-awtoritajiet doganali Belġjani jirrevokawhom, kwistjoni li fir-realtà taqa’ fit-tielet parti ta’ dan il-motiv, din ser tkun indirizzata fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

149    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li huma setgħu jistennew b’mod leġittimu li l-Kummissjoni tikkuntattjahom qabel tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, sabiex din tiġi miċħuda huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali, li jirrigwarda biss il-proċedura li għandhom isegwu l-awtoritajiet doganali nazzjonali, u mhux il-proċedura li għandha ssegwi l-Kummissjoni.

150    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti talħames motiv, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità

151    Ir-rikorrenti jsostnu li mid-dikjarazzjonijiet tal-ex President tal-Kummissjoni, iżda wkoll tal-Kummissarju għall-Kummerċ ta’ dak iż-żmien, jirriżulta li Harley‑Davidson kienet speċifikament immirata, flimkien ma’ trade marks Amerikani oħra, sabiex tkun is-suġġett tad-dazji ta’ ritaljazzjoni inkwistjoni sabiex issir pressjoni fuq ċerti politiċi Amerikani b’mod partikolari, u mhux abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Huma jżidu li l-effett tad-Deċiżjoni kkontestata kien sproporzjonat fir-rigward tal-iskop imfittex u li kienu jeżistu soluzzjonijiet oħra inqas vinkolanti jew li huma setgħu bbenefikaw minn garanziji, pereżempju billi jkunu informati bil-fatt li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprevedi li teżamina mill-ġdid l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU mwettqa mill-awtoritajiet Belġjani, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet.

152    Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet.

153    Il-Qorti Ġenerali tosserva li sa fejn jallegaw, essenzjalment, li kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju, peress li Harley‑Davidson kienet speċifikament imsemmija minn dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ uffiċjali għolja tal-Unjoni, flimkien ma’ trade marks Amerikani oħra, sabiex ikunu s-suġġett tad-dazji ta’ ritaljazzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti marru lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża.

154    Fil-fatt, din il-kritika tar-rikorrenti ma tirrigwardax, fir-realtà, id-Deċiżjoni kkontestata, iżda tirrigwarda direttament ir-Regolament 2018/886 li impona d-dazji doganali addizzjonali u li, fil-fehma tagħhom, kien inġustament innomina lil Harley‑Davidson. Inoltrè, u fi kwalunkwe każ, ir-Regolament 2018/886 ma jsemmix lil Harley‑Davidson b’isimha, iżda jsemmi b’mod partikolari l-prodotti li jikkorrispondu għall-kodiċi ta’ nomenklatura 8711 50 00, jiġifieri l-“[m]uturi […] b’magna tal-pistun alternattiv, b’ċilindru ta’ iktar minn 800 cm3”. Issa, minkejja li tali kategorija tikkorrispondi effettivament għall-muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson, madankollu ma jistax jiġi eskluż li l-muturi mmanifatturati minn impriżi oħra stabbiliti fl-Istati Uniti jistgħu jaqgħu wkoll taħt din il-kategorija stabbilita b’mod oġġettiv, mingħajr riferiment għal trade mark partikolari, li r-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta billi semmew manifattur Amerikan ieħor.

155    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità u tan-natura diskriminatorja tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet biss lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jirrevokaw d-deċiżjonijiet BOI, peress li dawn tal-aħħar ma kinux ġew adottati b’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, talba għal konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ma hijiex sproporzjonata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti la jistabbilixxu u lanqas jallegaw li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli titlob lill-awtoritajiet nazzjonali jemendaw deċiżjonijiet BOI li jirrigwardaw produttur ieħor ta’ prodotti korrispondenti għall-kodiċi ta’ nomenklatura 8711 50 00. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-Kummissjoni ma kinitx taġixxi eżattament bl-istess mod fil-preżenza ta’ deċiżjonijiet BOI oħra mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni.

156    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti talħames motiv, ibbażata fuq ilksur taddritt għal amministrazzjoni tajba u taddritt għal smigħ

157    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma applikatx il-proċess deċiżjonali tagħha b’mod imparzjali u li d-Deċiżjoni kkontestata għandha biss oriġini politika. Huma jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma adottatx id-Deċiżjoni kkontestata f’terminu raġonevoli u li ma kkomunikatx magħhom, anki permezz tal-awtoritajiet Belġjani, qabel adottat l-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li d-dritt għal smigħ huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li kull operatur kummerċjali għandu jibbenefika minnu, ikun xi jkun il-kontenut tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

158    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

159    Skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jinstemgħu b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, u l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    F’dan il-każ, huwa minnu li mill-kummenti li saru f’Marzu 2018 mill-ex President tal-Kummissjoni, kif irrapportati fl-istampa, jirriżulta li “taxxi [addizzjonali kellhom jiġu] applikati fuq il-muturi Harley‑Davidson, fuq il-jeans Levi’s, fuq il-Bourbon”. Madankollu, ir-rikorrenti ma jistgħux jiddeduċu minn dawn l-allegazzjonijiet spontanji biss li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit ta’ imparzjalità. Qabelxejn, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata adottata f’Marzu 2021, il-Kummissjoni talbet biss lill-awtoritajiet doganali Belġjani, fil-kuntest tal-kontroll a posteriori tagħha tad-deċiżjonijiet BOI adottati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, jirrevokaw id-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni, peress li dawn kienu meqjusa mill-Kummissjoni, ġustament, kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata bl-uniku skop li tiżgura determinazzjoni tal-oriġini korretta tal-muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson, b’tali mod li ma jistax jiġi allegat in-nuqqas ta’ imparzjalità mqajjem mir-rikorrenti. Inoltrè, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova marbuta mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, minbarra kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti li jirrigwardaw allegata volontà politika li jiġu imposti d-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni, sabiex juru l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni.

161    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. Id-dritt għal smigħ jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi li jkunu allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi jkunu l-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Inoltrè, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni, għandha teżisti possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 49). Għalhekk, huwa r-rikorrent li għandu juri, billi jipproduċi provi konkreti jew tal-inqas argumenti jew indizji suffiċjentement affidabbli u preċiżi, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet kienet differenti, u b’hekk jippermetti l-karatterizzazzjoni konkreta ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 98).

163    Fl-aħħar nett, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija ta’ proċedura amministrattiva tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Inoltrè, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑56/06 RENV II, EU:T:2016:228, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    In-natura raġonevoli tat-tul ta’ żmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ħames motiv.

1)      Fuq ilksur taddritt għal smigħ

166    Fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-Kummissjoni ma qegħditx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li jagħmlu osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li, billi tordna lill-awtoritajiet Belġjani jirrevokaw l-ewwel żewġ deċiżjonijiet BOI inkwistjoni u fl-assenza ta’ possibbiltà li dawn tal-aħħar ma jikkonformawx ma’ din l-ordni, tikkostitwixxi miżura individwali meħuda fil-konfront tar-rikorrenti, li tolqothom negattivament. L-argument tal-Kummissjoni li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi biss skambju bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jirnexxi, fid-dawl tal-fatt, imfakkar fil-punt 161 iktar ’il fuq, li dan id-dritt japplika wkoll fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Inoltrè, il-fatt li r-rikorrenti setgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet doganali Belġjani kemm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni, iżda wkoll, skont il-Kummissjoni, bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u dik tad-deċiżjoni ta’ revoka effettiva tal-imsemmija deċiżjonijiet BOI ma huwiex ta’ natura li jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni osservat l-obbligu, impost fuqha, li tisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

167    Madankollu, f’dan il-każ, din l-irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata biss sa fejn tkun teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u għalhekk tikser b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża.

168    Issa, billi fid-Deċiżjoni kkontestata hija talbet biss lill-awtoritajiet doganali Belġjani, fil-kuntest tal-kontroll a posteriori tagħha tad-deċiżjonijiet BOI adottati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, jirrevokaw id-deċiżjonijiet BOI li japplikaw b’mod inkorrett l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, il-Kummissjoni użat biss il-kompetenza tagħha, mogħtija lilha mill-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali, li titlob lil Stat Membru jirrevoka deċiżjonijiet BOI sabiex tiżgura determinazzjoni korretta u uniformi tal-oriġini tal-merkanzija.

169    Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, li kif ġie deċiż fil-punti 53 sa 73 iktar ’il fuq, ma huma vvizzjati minn ebda żball. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti setgħu jagħmlu osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU magħmulin f’din tal-aħħar mill-Kummissjoni ma setgħux ikunu differenti. Kien biss minħabba diverġenzi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AD‑CDU, enfasizzati mill-qari tal-iskambji li saru bejn l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni, prodotti minn din tal-aħħar bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑30 ta’ Ġunju 2022, li s-soluzzjonijiet sostnuti rispettivament dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-fatti ta’ din il-kawża ma kinux l-istess.

170    Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċewx quddiem il-Qorti Ġenerali provi konkreti li jistgħu juru li r-rilokazzjoni inkwistjoni kienet iġġustifikata prinċipalment minħabba kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati mal-impożizzjoni tad-dazji doganali addizzjonali minkejja li huma għandhom l-oneru tal-prova, kif imfakkar fil-punt 162 iktar ’il fuq.

2)      Fuq ilksur talprinċipju ta’ terminu raġonevoli

171    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali, li jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lil Stat Membru jirrevoka deċiżjonijiet BOI sabiex tiżgura determinazzjoni korretta u uniformi tal-oriġini tal-merkanzija, ma jipprovdi, kif barra minn hekk tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ebda terminu, lanqas indikattiv, għall-eżami, minn din tal-aħħar, tad-deċiżjonijiet BOI li jiġu kkomunikati lilha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament 2015/2447 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

172    Madankollu, il-fatt waħdu li l-Kummissjoni ma hija suġġetta għal ebda terminu sabiex titlob Stat Membru jirrevoka deċiżjonijiet BOI ma jostakolax lill-qorti tal-Unjoni tivverifika jekk din l-istituzzjoni osservatx terminu raġonevoli.

173    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet doganali Belġjani fil‑21 ta’ Awwissu 2019 u li, fil‑5 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bdiet kuntatt ma’ dawn l-awtoritajiet sabiex tinformahom bl-intenzjoni tagħha li titlobhom jirrevokaw l-imsemmija deċiżjonijiet.

174    Wara skambju mal-awtoritajiet Belġjani, li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar għamlu osservazzjonijiet permezz tal-posta elettronika tat‑13 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni, sa mit‑22 ta’ Diċembru 2020, bdiet proċedura intiża għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li wasslitha tinterroga lil direttorati ġenerali differenti. Fil‑5 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ssottomettiet l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata lid-delegazzjonijiet kollha tal-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, fil-kuntest tal-proċedura konsultattiva u permezz tal-proċedura bil-miktub. Fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni indirizzat nota ta’ sinteżi lill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali, taqsima “Oriġini”, qabel adottat, fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Deċiżjoni kkontestata.

175    Għalhekk, minkejja li huwa minnu li għaddew ftit iktar minn tlettax‑il xahar bejn il-komunikazzjoni, mill-awtoritajiet doganali Belġjani, tad-deċiżjonijiet BOI inkwistjoni u l-ewwel kuntatt tal-Kummissjoni ma’ dawn tal-aħħar fir-rigward ta’ eventwali talba għal revoka ta’ dawn id-deċiżjonijiet, madankollu ma jistax jitqies li t-terminu ta’ sittax‑il xahar li għadda bejn l-imsemmija komunikazzjoni u l-ftuħ tal-proċedura formali interna intiża għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata huwa eċċessiv, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni li, barra minn hekk, kienu kkaratterizzati min-natura ġdida tal-użu, mill-Kummissjoni, tal-kompetenza, mogħtija lilha mill-Artikolu 34(11) tal-Kodiċi Doganali, li titlob Stat Membru jirrevoka deċiżjonijiet BOI sabiex tiżgura determinazzjoni korretta u uniformi tal-oriġini tal-merkanzija.

176    Inoltrè, għandu jiġi osservat li sussegwentement il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata fl-aħħar ta’ proċedura amministrattiva li damet inqas minn erba’ xhur, li matulhom diversi partijiet istituzzjonali kellhom jiġu kkonsultati u setgħu jagħmlu osservazzjonijiet, li juri ċerta ħeffa.

177    Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq irraba’ parti talħames motiv, ibbażata fuq ilksur tallibertà ta’ intrapriża u taddritt għallproprjetà

178    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 33 tal-AD‑CDU b’mod li hija ċaħdet lill-operaturi kummerċjali mill-għażla leġittima tal-post tal-istabbiliment tal-attivitajiet tagħhom, li jikser il-libertà ta’ intrapriża tagħhom u d-dritt għall-proprjetà tagħhom. Issa, skont ir-rikorrenti, kull indħil mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda mill-impriżi ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq għan leġittimu, u minkejja li l-kontroll tas-sistema kummerċjali u doganali tal-Unjoni jikkostitwixxi għan leġittimu, madankollu dan għandu jintlaħaq f’limiti stretti sabiex ma jikkostitwixxix indħil arbitrarju għall-finijiet politiċi.

179    Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-punti 41 sa 46 tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinvolvi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali, u l-kompetizzjoni libera. Inoltrè, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ intrapriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà. Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jiddistingwi ruħu mill-kliem tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali l-oħra stabbiliti fit-Titolu II tagħha filwaqt li joqrob lejn il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ din l-istess Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà ta’ intrapriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika.

181    Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. Barra minn hekk, l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

182    Peress li d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 16 u mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma humiex assoluti, l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tagħhom u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun meħtieġa u tilħaq effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

183    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jippreċiżawx il-punti ta’ fatt li jistgħu jsostnu l-allegazzjonijiet li huma jagħmlu fil-kuntest ta’ din il-parti u li huma ta’ natura li juru li d-Deċiżjoni kkontestata kienet tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tagħhom għall-proprjetà jew il-libertà ta’ intrapriża tagħhom.

184    Barra minn hekk, minn naħa, eventwali limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, jekk tiġi preżunta stabbilita, ma hijiex il-konsegwenza tad-Deċiżjoni kkontestata. Fir-realtà, tali limitazzjoni, jekk tiġi preżunta stabbilita, issib l-oriġini tagħha fir-Regolament 2018/886, li impona d-dazji doganali addizzjonali. Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-legalità tal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Min-naħa l-oħra, għandu jitqies ukoll li peress li ma ġiex stabbilit li d-Deċiżjoni kkontestata tostakola lir-rikorrenti milli jikkummerċjalizzaw, fl-Unjoni, muturi mmanifatturati minn Harley‑Davidson, din id-deċiżjoni ma tostakolax b’mod sproporzjonat it-tgawdija, mir-rikorrenti, tad-dritt tagħhom li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fis-suq tal-Unjoni, u lanqas l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-proprjetà fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-muturi inkwistjoni.

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandhom jiġu miċħuda r-raba’ parti tal-ħames motiv kif ukoll, għalhekk, il-ħames motiv kollu kemm hu.

6.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter talKummissjoni għallfinijiet politiċi

186    Ir-rikorrenti jsostnu li l-mument li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni kkontestata kien juri b’mod ċar li l-aġir tal-Kummissjoni kien immotivat minn kunsiderazzjonijiet politiċi. Għalhekk, huma jallegaw li l-Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha, li jippermettilha tiżgura li l-oriġini tal-merkanzija importata fl-Unjoni jkun iddeterminat b’mod korrett billi talbet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jirrevokaw deċiżjonijiet BOI, esklużivament jew prinċipalment għall-finijiet differenti minn dawk li għalihom dan ġie mogħti, u b’hekk ikkompromettiet l-għan ta’ dan il-poter, li huwa li jiżgura “kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali” korretti u armonizzati għall-operaturi ekonomiċi kollha.

187    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

188    Il-Qorti Ġenerali tosserva li taħt kopertura ta’ allegat “abbuż ta’ poter”, ir-rikorrenti, permezz tal-allegazzjonijiet tagħhom, jargumentaw fir-realtà, fil-kuntest ta’ dan is-sitt motiv, użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw essenzjalment li d-Deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura moħbija ta’ politika kummerċjali, intiża sabiex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tal-Istati Uniti sabiex jirrinunzja għad-dazji doganali imposti skont l-Artikolu 232 tal-Liġi tal‑1962 dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ.

189    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att huwa vvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu rrimedjati ċ-ċirkustanzi f’dan il-każ (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, Foshan Lihua Ceramic vs Il‑Kummissjoni, T‑310/16, EU:T:2019:170, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova konkreta, minbarra allegazzjonijiet vagi u astratti, ta’ natura li tistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet adottat l-imsemmija deċiżjoni għal għanijiet oħra għajr għal dawk imsemmija, jiġifieri d-determinazzjoni korretta u uniformi tal-oriġini tal-merkanzija importata fl-Unjoni. Minkejja li r-rikorrenti pproduċew artikli tal-istampa, li wħud minnhom huma, saħansitra, sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, bilfors għandu jiġi kkonstatat li dawn l-artikli ma jirrigwardawx la d-Deċiżjoni kkontestata u lanqas deċiżjonijiet simili. Inoltrè, dawn l-artikli juru pjuttost tħassib min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ eventwali eskalazzjoni tat-tilwim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti fil-kuntest tad-dħul fis-seħħ imminenti tad-dazji doganali addizzjonali previsti fl-Anness II tar-Regolament 2018/886.

191    Għalhekk, billi jallegaw biss li d-Deċiżjoni kkontestata kienet adottata għall-“finijiet politiċi”, ir-rikorrenti jipproċedu purament fuq dikjarazzjoni.

192    Għalhekk, ebda element ma juri indizju proprju li jikkonferma l-idea li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata kienet meħuda bl-iskop esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt 190 iktar ’il fuq.

193    Minn dan isegwi li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

194    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq ittalba għal miżuri ta’ organizzazzjoni talproċedura jew istruttorji

195    Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet kap ta’ talbiet tar-rikorrenti li permezz tiegħu jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji li hija tqis xierqa ma għadx għandha skop, peress li d-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti jirreferi saru pubbliċi bi tweġiba għat-talba tagħhom f’dan is-sens magħmula abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

196    Ir-rikorrenti jqisu li l-Qorti Ġenerali tista’ madankollu tqis utli li titlob lill-Kummissjoni tipproduċi iktar provi, peress li d-dokumenti li ppubblikat din tal-aħħar ma jippermettux bażi suffiċjenti għall-allegazzjonijiet tagħha.

197    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’ (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jindikawx bi preċiżjoni l-motivi ta’ natura li jiġġustifikaw din it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji, kif meħtieġ mill-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

199    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-provi li jinsabu fil-proċess huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, peress li din setgħet tiddeċiedi b’mod utli abbażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati matul l-istanza u fid-dawl tad-dokumenti prodotti mill-partijiet.

200    Għalhekk, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji għandha tiġi miċħuda.

201    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokument prodott mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kontenut tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li jinkludi t-traskrizzjoni ta’ konferenza telefonika li nżammet fl‑24 ta’ Lulju 2018 bejn Harley‑Davidson u rappreżentanti tal-azzjonisti tagħha.

 Fuq lispejjeż

202    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens.

203    Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      HarleyDavidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International huma kkundannati għallispejjeż.

Papasavvas

Svenningsen

Jaeger

Mac Eochaidh

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Marzu 2023.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.