Language of document : ECLI:EU:T:2019:673

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (it-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ nullità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Crédit Mutuel – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Natura deskrittiva – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Karattru distintiv miksub bl-użu – Rikors inċidentali – Artikolu 7(1)(b) u (c) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 59(1)(a) u (2) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T-13/18,

Crédit Mutuel Arkéa, stabbilit f’Relecq Kerhuon (Franza), irrappreżentat minn A. Casalonga, L. Codevelle u C. Bercial Arias, avukati,

ir-rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

il-konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, li interveniet quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Confédération nationale du Crédit Mutuel, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn B. Moreau-Margotin u M. Merli, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-8 ta’ Novembru 2017 (Każ R 1724/2016‑5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ nullità bejn il‑Crédit Mutuel Arkéa u l-Confédération nationale du Crédit Mutuel,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tieni awla),

komposta minn M. Prek, president, E. Buttigieg (Relatur) u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Jannar 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-rikors inċidentali tal-intervenjenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tar-rikorrent għar-rikors inċidentali ppreżentat fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO għar-rikors inċidentali ppreżentat fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2018,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r‑risposti tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl-1 u fl-4 ta’ Frar 2019,

wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Crédit Mutuel Arkéa, huwa bank kooperativ u mutwalist.

2        Huwa jifforma parti mill-grupp Crédit Mutuel, li huwa grupp bankarju mutwalist organizzat fuq tliet skali territorjali (lokali, reġjonali u nazzjonali) (iktar ’il quddiem il-“grupp Crédit Mutuel”). Kull fond lokali ta’ kreditu mutwali għandu jkun parti minn federazzjoni reġjonali u kull federazzjoni għandha tkun parti mill-intervenjenti, il‑Confédération nationale du Crédit Mutuel (iktar ’il quddiem iċ‑“CNCM”), organu ċentrali tan-netwerk skont l-Artikoli L.512-55 u L.512-56 tal-Kodiċi monetarju u finanzjarju Franċiż (iktar ’il quddiem iċ-“CMF”). Il-banek li jiffurmaw parti mill-grupp Crédit Mutuel huma prinċiparjament mibnija madwar żewġ gruppi awtonomi u kompetituri, il-Crédit Mutuel Arkéa u ċ-CM11-CIC.

3        Fil-5 ta’ Mejju 2011, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-proprjetà intellettwali (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir‑Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

4        It-trade mark li għaliha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kien is-sinjal verbali Crédit Mutuel.

5        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil-klassijiet 9, 16, 35, 36, 38, 42 u 45 tal‑Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u ta’ servizzi għal finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

6        Is-sinjal Crédit Mutuel kien irreġistrat bħala trade mark individwali tal‑Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Ottubru 2011 bin-numru 9943135 b’mod partikolari għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 5 hawn fuq.

7        Fis-26 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent ippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom kienet ġiet irreġistrata, abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l‑Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001], għar-raġuni li din it‑trade mark kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar‑Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar‑Regolament 2017/1001].

8        B’deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-totalità tagħha billi qieset li, minn naħa waħda, it-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva għal parti mill-prodotti u mis-servizzi koperti, iżda li fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi kienet kisbet karattru distintiv bl‑użu, u, min-naħa l-oħra, li din it-trade mark ma kinitx deskrittiva fir‑rigward ta’ prodotti u servizzi oħra li ma jaqgħux fil-qasam bankarju.

9        Fl-20 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem l‑EUIPO, bis-saħħa tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn, minn naħa waħda, hija kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva fil‑konfront ta’ ċerti prodotti u servizzi u, min-naħa l-oħra, hija kkonkludiet li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv bl-użu għall-prodotti u s‑servizzi li għalihom hija ġiet ikkunsidrata bħala li hija deskrittiva.

10      Fl-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta tas-16 ta’ Frar 2017, l‑intervenjenti talbet lill-Bord tal-Appell jiċħad ir-rikors u jannulla d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din qieset li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva għal ċerti prodotti u servizzi.

11      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors.

12      Fl-ewwel lok, huwa qies, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li l‑pubbliku rilevanti kien magħmul, minn naħa waħda, mill-pubbliku inġenerali attent b’mod raġonevoli u informat u, min-naħa l-oħra, minn negozjanti, tal-inqas fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi tekniċi jew speċjalizzati. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ċerti servizzi, bħas‑servizzi finanzjarji jew immobiljari, li, skont il-Bord tal-Appell, seta’ jkollhom konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għall-utenti tagħhom, huwa qies li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumaturi li jiffurmaw parti mill-pubbliku inġenerali kien għoli. Huwa spjega wkoll li, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet magħmula minn kliem bil-Franċiż, il‑konsumatur rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-konsumatur frankofonu.

13      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies li l-espressjoni “crédit mutuel” kienet tirreferi għal tip ta’ attività bankarja mogħtija mill-banek mutwalisti, li l-attivitajiet tagħhom “[kienu] identiċi għal dawk ta’ banek imsejħa ‘klassiċi’, minkejja li ma [kellhomx] l-istess għan, jiġifieri, il‑ksib ta’ profitti finanzjarji”. Għalhekk, skont il-Bord tal-Appell, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet tindika li l-prodotti u s-servizzi li kienet tkopri kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ attivitajiet bankarji, kienet deskrittiva fir‑rigward tal-ispeċi tagħhom, l-għan jew id-destinazzjoni tagħhom.

14      Fit-tielet lok, konsegwentement, huwa kkunsidra li, filwaqt li ressaq motivazzjoni globali skont gruppi ta’ prodotti u ta’ servizzi, li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva u mhux distintiva fir-rigward tal‑prodotti u tas-servizzi segwenti (iktar ’il quddiem il-“prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija”), sa fejn dawn kienu kkaratterizzati minn rabta suffiċjentement diretta u mill-qrib mas-settur bankarju:

–        Klassi 9: “Apparat awtomatiku li jkun attivat meta tiddaħħal karta ta’ kreditu; distributuri awtomatiċi ta’ flus kontanti; karti ta’ kreditu; smart kard b’mod partikolari kard tal-memorja, jew b’mikroċipp jew manjetika jew b’ċipp li jkun fiha unitajiet ta’ kreditu”;

–        klassi 35: “Pariri, informazzjoni jew data għal skop ta’ negozju; għajnuna lill-impriżi industrijali jew kummerċjali, lill-persuni li jeżerċitaw attività fil-kapaċità personali tagħhom, lill-ħaddiema tas-sengħa, lill-għaqdiet lokali, individwi privati fit-tmexxija tan‑negozju tagħhom; konsultazzjonijiet professjonali dwar in‑negozju; analiżi, stimi, informazzjoni u previżjonijiet ekonomiċi; informazzjoni ekonomika, ta’ statistika u kummerċjali fuq is-swieq finanzjarji, monetarji u tal-borża aċċessibbli b’mod partikolari permezz ta’ modi telematiċi, permezz ta’ netwerks ta’ informatika, permezz ta’ netwerk internet, intranet u extranet; servizzi ta’ abbonament f’sit internet sikur li jippermetti l-aċċess għal informazzjoni bankarja, finanzjarja personali; tmexxija ta’ fajls, bażijiet u ta’ depożiti ta’ data informatika, ta’ direttorji professjonali elettroniċi fis-setturi bankarju, finanzjarju, monetarju u tal-borża, tmexxija amministrattiva ta’ prodotti finanzjarji, ta’ portafolli ta’ titoli fil-Borża, ġestjoni amministrattiva ta’ portafolli b’mandat; servizzi ta’ verifika ta’ kontijiet u ta’ ġbid mill‑kontijiet”;

–        klassi 36: “tranżazzjonijiet finanzjarji; tranżazzjonijiet monetarji; tranżazzjonijiet bankarji; servizzi ta’ banek onlajn; ġestjoni ta’ kontijiet bankarji; tmexxija ta’ portafoll; servizzi ta’ karti ta’ kreditu u ta’ debitu; senserija fil-Borża; estimi finanzjarji (banek), estimi u esperti fiskali; irkupru ta’ krediti; trasferimenti ta’ kreditu; ħruġ ta’ ċekkijiet ta’ vvjaġġar u ta’ ittri ta’ kreditu; servizzi finanzjarji, bankarji, monetarji u tal-Borża aċċessibbli permezz ta’ netwerks telefoniċi, permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni informatika; ordnijiet riċevuti, eżegwiti u trażmessi għan-nom ta’ terzi (emittenti u investituri) fuq strument finanzjarju wieħed jew diversi; ġestjoni finanzjarja ta’ portafolli ta’ titoli; analiżi finanzjarja ta’ rati, ta’ kambju u ta’ ishma; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ pariri fil-qasam bankarju u finanzjarju; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ pariri ta’ investimenti u ta’ negozji finanzjari; aġenziji ta’ kambju, kaxxi ta’ depożiti ta’ oġġetti ta’ valur, kaxxi ta’ depożiti f’kassaforti; ġestjoni ta’ beni; servizzi ta’ self; kirjiet finanzjarji; tfaddil; operazzjonijiet u tranżazzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji; servizzi ta’ trasferiment ta’ fondi; servizzi ta’ ħlasijiet sikuri; ħruġ u ġestjoni ta’ ishma, ta’ obbligi u ta’ OPCVM; informazzjoni bankarja, finanzjarja u monetarja aċċessibbli b’mod partikolari permezz ta’ mezzi telefoniċi, permezz ta’ mezzi telematiċi, permezz ta’ netwerks tal‑informatika, permezz ta’ netwerks internet, intranet u extranet”.

15      Madankollu, huwa kkunsidra, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li l‑intervenjenti, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, kienet ipproduċiet il-prova li turi l-karattru distintiv miksub bl-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija.

16      Fir-raba’ lok, huwa qies li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva u distintiva għall-prodotti u s-servizzi segwenti (iktar ’il quddiem il-“prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija”), sa fejn dawn kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ rabta suffiċjentement speċifika, diretta, mill-qrib jew ċara mas-settur bankarju:

–        klassi 9: “Apparat awtomatiku li jkun attivat meta tiddaħħal munita jew buttuna; tagħmir li jaħżen id-data b’mod manjetiku, diġitali jew ottiku, CD ROM, diski tal-vidjo, kompjuters, b’mod partikolari kompjuters għall-ipproċessar tal-informazzjoni; ittra ta’ informazzjoni onlajn”;

–        klassi 16: “materjal stampat; kotba; riviżti; magażines; gazzetti; leaflets, dokument pubbliċitarju, kartelluni, kalendarji, stikers, reklamar stampat, formoli, rapporti u abbonamenti stampati”;

–        klassi 36: “Assigurazzjonijiet; tranżazzjonijiet immobiljari; servizzi ta’ fondi providenti; senserija fl-assigurazzjoni; estimi finanzjarji (assigurazzjonjiet, immobiljari); ġestjoni ta’ patrimonji mobbli jew immobbli, sponsorship finanzjarju”;

–        klassi 38: “Trażmissjoni u xandir ta’ informazzjoni; trażmissjoni ta’ informazzjoni aċċessibbli permezz ta’ databases u permezz ta’ servers ta’ databases informatiċi jew telematiċi; trażmissjonijiet ta’ informazzjoni permezz ta’ kodiċi ta’ aċċess għal databases u għal servers ta’ databases informatiċi jew telematiċi”;

–        klassi 42: “Servizzi ta’ tniżżil sikur ta’ informazzjoni”;

–        klassi 45: “Servizzi ġuridiċi; servizzi ta’ litigazzjoni; servizzi ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ proprjetà u ta’ persuni”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent ressaq din il-kawża.

18      Ir-rikorrent essenzjalment jitlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad ir-rikors inċidentali;

–        tikkundanna lill-EUIPO u l-intervenjenti għall-ispejjeż.

19      L-EUIPO jitlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad ir-rikors inċidentali;

–        tikkundanna lir-rikorrent u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

20      L-intervenjenti titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tilqa’ r-rikors inċidentali u tirrileva li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva u li għalhekk kienet valida;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-għan tar-rikors prinċipali

21      Bħala risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, u fid-dawl tal-argument tal-EUIPO dwar l-inammissibbiltà tar-rikors inkwantu dan kien jirrigwarda l-prodotti “kartelluni, kalendarji, stikers” li jaqgħu fil‑klassi 16, ir-rikorrent indika li r-rikors tiegħu ma kienx jirrigwarda dawn il-prodotti. Dan għandu jiġi kkunsidrat.

22      Barra minn hekk, fir-rigward tat-“tranżazzjonijiet bankarji” li jaqgħu fil‑klassi 36, ir-rikorrent sostna, fil-kuntest tar-rikors, li t-trade mark ikkontestata kellha tiġi ddikjarata invalida għal dawn is-servizzi, sa fejn il‑kliem “crédit mutuel” kienu l-isem ġeneriku, iżda wkoll l-isem legali fi Franza, ta’ tip ta’ servizz bankarju u li, konsegwentement, it‑trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru distintiv u, tal-inqas, kienet deskrittiva tal-imsemmija “tranżazzjonijiet bankarji”.

23      L-EUIPO jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ tali lment minħabba li, fir‑rigward tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell kif imfakkar fil-punt 14 hawn fuq, ir-rikorrent ried jikseb sentenza konfermatorja mill-Qorti Ġenerali.

24      B’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, huwa ma kienx qed jikkontesta l‑konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija, fosthom it-“tranżazzjonijiet bankarji” inklużi fil-klassi 16, iżda biss il-konklużjoni li, għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi, din kienet kisbet karattru distintiv bl-użu. Dan għandu jiġi kkunsidrat.

 Fuq l-għan tar-rikors inċidentali

25      L-EUIPO josserva li, permezz tar-rikors inċidentali tagħha, l‑intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali tirrileva li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fl‑ewwel kategorija u li għalhekk kienet valida. Tali kap ta’ talbiet, li permezz tiegħu l-intervenjenti titlob sentenza dikjaratorja mill‑Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

26      Ir-rikors inċidentali huwa ammissibbli biss jekk il-Qorti Ġenerali kienet lesta tinterpreta l-kap ta’ talbiet tal-intervenjenti fis-sens li, fir‑realtà, titlob il-bdil tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikseb iċ-ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l‑Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament 2017/1001 anki fir-rigward tal‑prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell ikkonkluda dwar il-karattru deskrittiv tat‑trade mark ikkontestata.

27      Fil-posta elettronika tagħha tal-4 ta’ Settembru 2018 li permezz tagħha talbet li tinżamm is-seduta, l-intervenjenti tindika li r-rikors tagħha kien qed jitlob il-bdil tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din kienet ibbażata fuq raġunament żbaljat fir-rigward tal-karattru deskrittiv intrinsiku tat‑trade mark ikkontestata.

28      Waqt is-seduta, bħala risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir‑rikorrent u l-EUIPO indikaw li mhux qed joġġezzjonaw dwar l‑interpretazzjoni tar-rikors inċidentali bħala li qed jitlob il-bdil tad‑deċiżjoni kkontestata, u dwar dan ittieħed nota fil-proċess verbali tas-seduta.

29      Għandu jiġi rrilevat li, b’tali kap ta’ talbiet, l-intervenjenti neċessarjament titlob mhux biss il-bdil tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll l-annullament ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Advance Magazine Publishers vs UASI – Nanso Group (TEEN VOGUE), T-509/12, EU:T:2014:89, punt 16 u l‑ġurisprudenza ċċitata), li, qabel xejn, jiġi dedott mill-mod ta’ kif ġew ippreżentati l-argumenti tal-uniku motiv tar-rikors inċidentali, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 59 (1)(a) tar‑Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-rikors

30      Waqt is-seduta, l-EUIPO rtira l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l‑ammissibbiltà tal-annessi A.47 u A.49 tar-rikors, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

 Fuq il-mertu

31      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 59(1)(a) tar‑Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament. It-tieni u t-tielet motivi huma bbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

32      Fil-kuntest tar-rikors inċidentali, ippreżentat skont l-Artikolu 182 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 59(2) tar‑Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

33      Inkwantu, permezz tal-uniku motiv tar-rikors inċidentali, l-intervenjenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkontestata hija deskrittiva u b’hekk mhux distintiva fir-rigward tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija, dan għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok. Sussegwentement, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors prinċipali, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 59(2) tar‑Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, u, fit-tielet lok, it-tieni u t-tielet motivi tar-rikors prinċipali flimkien inkwantu huma bbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal‑Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-uniku motiv tar-rikors inċidentali, ibbażat, essenzjalment, fuq ilksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001, meħud flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament

34      L-intervenjenti ssostni, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata ma hijiex deskrittiva u għalhekk distintiva fir-rigward tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija.

35      Fl-ewwel lok, hija tikkontesta t-tifsira, għall-pubbliku rilevanti, tal‑espressjoni “crédit mutuel” użata mill-Bord tal-Appell.

36      F’dan ir-rigward, hija l-ewwel nett issostni li l-espressjoni “crédit mutuel” ma hijiex iddefinita fid-dizzjunarju Larousse, iżda li dan it‑terminu jissemma f’dan id-dizzjunarju b’riferiment għall‑organizzazzjoni tan-netwerk Crédit Mutuel, li tiegħu l‑intervenjenti hija l-organu ċentrali.

37      Barra minn hekk, dawn il-kliem ma jikkostitwixxux l-isem ġeneriku ta’ prodott jew ta’ servizz bankarju sa fejn ma jirreferux għal tip ta’ servizz bankarju partikolari, iżda huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala sinjal distintiv li jippermetti li jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għandhom dan is-sinjal bħala li ġejjin miċ-CNCM jew min-netwerk Crédit Mutuel.

38      It-tieni nett, hija tqis li l-fatt li dawn il-kliem jissemmew fiċ‑CMF xorta ma jagħtihomx karattru ġeneriku sabiex jiddeskrivu, b’mod ġenerali, il‑banek mutwalisti jew waħda mill-attivitajiet bankarji tagħhom, peress li d-dispożizzjonijiet tas-SMF juru, minn naħa waħda, li l-espressjoni “crédit mutuel” ma hijiex iddefinita b’mod preċiż u tintuża biss b’riferiment għaċ-CNCM u għan-netwerk ta’ fondi ta’ kreditu mutwali, u, min-naħa l-oħra, li din l-espressjoni hija rriżervata għaċ-CNCM u għall-membri tagħha.

39      It-tielet nett, l-intervenjenti tirrileva li t-teoriji storiċi tal-mutwaliżmu ma jinfluwenzawx il-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark ikkontestata u li l-evokazzjoni li jista’ jkollha t-trade mark ikkontestata għal tip ta’ organizzazzjoni mutwali fir-rigward tal-prodotti u tas‑servizzi msemmija fir-rikors inċidentali la huwa dirett u lanqas immedjat.

40      Ir-rikorrent u l-EUIPO jikkontestaw l-argumenti tal-intervenjenti u jitolbu li l-uniku motiv tar-rikors inċidentali jiġi miċħud.

41      Kif jirriżulta mill-punti 27 u 29 hawn fuq, l-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla u tibdel id-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija bbażata, fl-opinjoni tagħha, fuq raġunament żbaljat f’dak li jirrigwarda l-karattru deskrittiv intrinsiku tat-trade mark ikkontestata.

42      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ddikjarata fuq talba ppreżentata quddiem l‑EUIPO meta din tkun ġiet irreġistrata kuntrarjament għad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

43      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ma għandhomx jiġu rreġistrati “trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il‑kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament 2017/1001 għandu għan ta’ interess ġenerali, li jirrikjedi li l-indikazzjonijiet jew is-sinjali deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jistgħu jiġu liberament użati minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni għalhekk tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara s‑sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fin‑negozju, sabiex jiġu magħrufa karatteristiċi tal-prodott jew tas‑servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni huma, skont l‑Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrati li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex tippermetti b’hekk lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz tat-trade mark, sabiex jagħmel, waqt akkwist sussegwenti, l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk tirriżulta negattiva (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T‑339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fid-dispożizzjoni msemmija fil-punt 43 hawn fuq, hemm bżonn li jkollu rabta suffiċjentament diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew xi waħda mill‑karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, LOKTHREAD, T-339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li, bl-użu, fl-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament 2017/1001, tat-termini “x-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l‑użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizz”, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, indika li dawn it-termini għandhom kollha jiġu kkunsidrati bħala li huma karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi u, min-naħa l‑oħra, spjega li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, peress li kull karatteristika oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C-51/10 P, EU:C:2011:139, punt 49).

48      L-għażla tal-leġiżlatur tat-terminu “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s‑sinjali previsti mill-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata proprjetà, faċilment rikonoxxibbli mill-pubbliku rilevanti, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal ma tistax tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2017/1001 ħlief jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill‑karatteristiċi msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Finalment, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal ma tistax issir ħlief, minn naħa waħda, fir-rigward dwar kif il‑pubbliku kkonċernat jifhmu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal‑prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, LOKTHREAD, T-339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk hemm lok li jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell kienx korrett meta fid-deċiżjoni kkontestata kkonkluda li s-sinjal verbali Crédit Mutuel kien, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, deskrittiv tal‑prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija.

51      Fir-rigward, qabel xejn, tad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti u s-servizzi koperti bit-trade mark ikkontestata kienu indirizzati mhux biss lill-pubbliku inġenerali, normalment attent u informat, iżda wkoll lin-negozjanti, tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi tekniċi jew speċjalizzati. Dawn tal‑aħħar, skont il-Bord tal-Appell, jagħtu iktar attenzjoni minn konsumatur mill-pubbliku inġenerali meta jakkwistaw l-imsemmija servizzi. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda ċerti servizzi bħas‑servizzi finanzjarji jew immobiljarji li jista’ jkollhom konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għall-utenti tagħhom, il-livell ta’ attenzjoni tal‑konsumaturi li huma parti mill-pubbliku inġenerali huwa iktar għoli waqt l-għażla tagħhom. Il-Bord tal-Appell spjega wkoll li, sa fejn it‑trade mark ikkontestata kienet magħmula minn termini Franċiżi, il‑konsumatur rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat kien il-konsumatur frankofonu. Din id-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti, li ma hijiex ikkontestata mill-intervenjenti, ma hijiex ivvizzjata bi żball.

52      Sussegwentement, fir-rigward tas-sinjifikat tat-termini li jiffurmaw it‑trade mark ikkontestata għall-pubbliku rilevanti hekk iddefinit, filwaqt li jistrieħ fuq id-definizzjoni tal-kliem “crédit” u “mutuel” fil‑verżjoni onlajn tad-dizzjunarju Larousse u, b’mod konfermatorju, fuq id‑dokumenti pprovduti mir-rikorrent, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil‑punti 46 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li “iż-żieda [ta’ dawn it‑termini]” kienet tirreferi għall-idea ta’ kooperattiva fil-qasam finanzjarju li tikkonsisti essenzjalment fl-għoti u l-garanzija ta’ krediti finanzjarji bejn diversi membri miġbura fi ħdan l-istess entità kklassifikata bħala “mutwalista” li minnhom kull utent huwa fl-istess ħin benefiċjarju u proprjetarju” u li, għalhekk, l-espressjoni “crédit mutuel” kienet tirreferi għal tip ta’ attività bankarja mogħtija mill-banek mutwalisti, li l-attivitajiet tagħhom kienu identiċi għal dawk ta’ banek imsejħa “klassiċi”, minkejja li ma kellhomx l-istess għan, jiġifieri l-ksib ta’ profitti finanzjarji.

53      Finalment, fid-dawl ta’ din it-tifsira tal-espressjoni “crédit mutuel”, il‑Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, li t‑trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija fir-rigward tan-natura tagħhom, l-għan tagħhom u d-destinazzjoni tagħhom, sa fejn kienu jirreferu b’mod ċar għal dawn il-prodotti u għal dawn is-servizzi filwaqt li indika li kienu jaqgħu fil-qafas ta’ attivitajiet bankarji. Barra minn hekk, fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tippermetti lill-pubbliku rilevanti jidentifika l‑oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti u servizzi u li, konsegwentement, kellha tiġi kkunsidrata bħala nieqsa mill-karattru distintiv fir-rigward tagħhom.

54      Sabiex tikkontesta din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, l-intervenjenti ssostni li t-tifsira tal-espressjoni “crédit mutuel” għall-pubbliku rilevanti użata mill-Bord tal-Appell hija żbaljata.

55      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li l-espressjoni “crédit mutuel” ma hijiex iddefinita fid-dizzjunarju Larousse. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex rilevanti, peress li, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil‑punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tkun espressjoni, id‑dizzjunarji ma jsemmux il-kumbinazzjonijiet possibbli kollha tat‑termini kkonċernati. Kien għalhekk korrett li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li kellha tiġi kkunsidrata t-tifsira ordinarja u evidenti ta’ tali espressjoni.

56      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑intervenjenti, mid-deċiżjoni kkontestata la jirriżulta li l-Bord tal‑Appell ikkunsidra li l-kliem “crédit” u “mutuel” meħuda flimkien kienu jikkostitwixxu l-isem ġeneriku ta’ prodott jew ta’ servizz bankarju u lanqas li huwa kien iddeċieda li l-espressjoni “crédit mutuel” kienet qed tirreferi għal “tip ta’ servizz bankarju partikolari”, fis-sens ta’ tip ta’ self partikolari fil-prattika bankarja. Filwaqt li indika li t-trade mark ikkontestata kienet tirreferi għal “tip ta’ attività bankarja mogħtija mill‑banek mutwalisti”, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq distinzjoni bejn bank imsejjaħ “klassiku” u bank imsejjaħ “mutwalist”, li ma kellhomx l‑istess għan, jiġifieri l-ksib ta’ profitti finanzjarji, iżda li kienu jwettqu attivitajiet bankarji identiċi (bħas-servizzi ta’ self, ta’ kreditu jew ta’ finanzjament).

57      Minn dan isegwi li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar it-tifsira għall-pubbliku rilevanti tal-espressjoni “crédit mutuel” ma kinitx ivvizzjata bi żball.

58      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorrobarata mill‑kunsiderazzjonijiet użati mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza) fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018 (Kawża Nru 16/14398), ippreżentata lill-Qorti Ġenerali mill-intervenjenti bħala anness mar-rikors inċidentali tagħha. L-imsemmija sentenza ngħatat fil-qafas ta’ kawża li tirrigwarda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata mir-rikorrent tat‑trade mark Franċiża kollettiva li tagħha l-intervenjenti hija proprjetarja, magħmula mill-istess termini “crédit” u “mutuel” bħat‑trade mark ikkontestata. Skont il-kunsiderazzjonijiet imressqa mill‑Qorti tal-Appell ta’ Pariġi f’din is-sentenza, miċ-CMF u mill‑Artikoli L.515-55 u R.512‑20 tiegħu jirriżulta li l-espressjoni “crédit mutuel” hija użata fih sabiex tirreferi għal tip ta’ attività bankarja li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi bankarji li jimplimentaw l‑prinċipji tal-kreditu mutwali. Il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi żiedet li f’dan ir-rigward ma kienx rilevanti li ċ‑CMF ma kienx jipprevedi definizzjoni preċiża tal-kreditu mutwali, peress li dawn it-termini użati fiċ-CMF kellhom tifsira, relatata mad‑definizzjoni tal-għan tal-fondi ta’ kreditu mutwali, u li l‑Artikolu R.512‑20 tas-CMF kien jiddefinixxi l‑prinċipji ġenerali tal‑kreditu mutwali, bħall-preżentazzjoni tal-karattru mhux għal skop ta’ lukru, il-limitazzjoni tal-attività tal-fondi għal restrizzjoni territorjali stabbilita jew għal grupp omoġenu ta’ membri u l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-membri. It-tip ta’ attività bankarja li huwa l-kreditu mutwali huwa għalhekk iddefinit, skont il-Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi, minn dawn il-prinċipji ġenerali.

59      It-tifsira mogħtija mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi lill-espressjoni “crédit mutuel” li tifforma t-trade mark Franċiża li tagħha l‑intervenjenti hija proprjetarja tikkorrispondi għalhekk essenzjalment mat-tifsira użata mill-Bord tal-Appell tal-istess termini li jiffurmaw it‑trade mark ikkontestata.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, li hija kkostitwita minn sett ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l‑applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jkunu preklużi milli jispiraw ruħhom, fl‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn elementi misluta mill‑ġurisprudenza nazzjonali. Għaldaqstant, għalkemm id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma humiex vinkolanti għall-finijiet tal‑applikazzjoni tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, dawn id‑deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iktar, bħal f’dan il‑każ, sabiex tiġi evalwata t-tifsira għall-pubbliku rilevanti tat-termini li jiffurmaw it-trade mark ikkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, UniCredit vs UASI, T-303/06 RENV u T‑337/06 RENV, EU:T:2014:988, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Imbagħad, l-intervenjenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li, fid-dawl tat-tifsira tiegħu tal-pubbliku rilevanti, it-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li jippreżentaw rabtiet mal-attivitajiet bankarji. Madankollu, l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward mill-intervenjenti ma għandhomx jintlaqgħu.

62      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tagħha li l-espressjoni “crédit mutuel” hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala sinjal distintiv li jippermetti li jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għandhom is‑sinjal bħala li ġejjin miċ-CNCM jew minn netwerk Crédit Mutuel, għandu jiġi kkonstatat li dan jaqa’ taħt l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament 2017/1001, u mhux taħt l-Artikolu 7(1)(c) tiegħu, peress li l‑analiżi tagħha timplika li għandhom jiġu evalwati l‑kwalitajiet li t-trade mark ikkontestata setgħet takkwista bl-użu tagħha fi ħdan il-pubbliku rilevanti b’tali mod li dan jidentifika l-prodotti u s‑servizzi inkwistjoni bħala li ġejjin miċ-CNCM jew min-netwerk Crédit Mutuel. Tali argument għalhekk ma għandux jiġi kkunsidrat fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv intrinsiku.

63      It-tieni nett, il-fatt, sottomess mill-intervenjenti, li l-użu tal-espressjoni “crédit mutuel” huwa rregolat jew anki rriżervat għal operatur ekonomiku wieħed ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan‑natura deskrittiva intrinsika tat-trade mark ikkontestata jew tal‑karattru distintiv tagħha. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-perċezzjoni u l-komprensjoni mill-pubbliku rilevanti tal‑espressjoni “crédit mutuel” bħala tali fir-rigward tal-prodotti u tas‑servizzi inkwistjoni, iżda jista’, l-iktar, jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-akkwist mit-trade mark ikkontestata, permezz tal-użu tagħha, ta’ karattru distintiv li jippermettilha tindika l‑oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi msemmija bħala li ġejjin minn operatur ekonomiku partikolari.

64      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-intervenjenti li permezz tiegħu hija tikkritika li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq it-teoriji ta’ mutwaliżmu, minkejja li dawn ma humiex rilevanti fl-analiżi tal‑perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li mid‑deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax b’mod espliċitu li l-Bord tal‑Appell ibbaża ruħu fuq id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent dwar it-teoriji ta’ mutwaliżmu sabiex jasal għall-konklużjoni li l-espressjoni “crédit mutuel” kienet tirreferi għal tip ta’ attività bankarja mogħtija mill-banek mutwalisti, u lanqas li, anki jekk kien il-każ, dawn id‑dokumenti kienu determinanti sabiex tasal għal din il-konklużjoni.

65      Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-Bord tal-Appell kien ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-imsemmija dokumenti sabiex jikkonferma l‑konklużjoni tiegħu dwar it-tifsira tal-espressjoni “crédit mutuel”, għandu jiġi rrilevat li t-teoriji tal-mutwaliżmu jesponu l-prinċipji ġenerali segwiti mill-banek mutwalisti u b’hekk jikkonfermaw il‑konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-espressjoni “crédit mutuel” tirreferi għal tip ta’ attività bankarja mogħtija mill-banek mutwalisti, li l‑attivitajiet tagħhom huma identiċi għal dawk tal-banek imsejħa “klassiċi”, minkejja li ma għandhomx l-istess għan, jiġifieri l-ksib ta’ profitti finanzjarji. Għalhekk, l-argument tal-intervenjenti li t-teoriji tal‑mutwaliżmu huma indifferenti fl-analiżi tal-perċezzjoni mill‑pubbliku rilevanti tat-tifsira tat-termini li jikkomponu t-trade mark ikkontestata, għandu jiġi miċħud.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-uniku motiv imressaq mill-intervenjenti jiġi miċħud u, konsegwenent, jiġi miċħud ir-rikors inċidentali.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors prinċipali, ibbażat fuq il-ksur talArtikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001, meħud flimkien malArtikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

67      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet imfakkra fil-punti 21 u 24 hawn fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-qafas ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkontestata ma hijiex deskrittiva fir-rigward tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija, bl-eċċezzjoni ta’ “kartelluni, kalendarji, stikers” li jaqgħu fil‑klassi 16.

68      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li dawn il-prodotti u dawn is‑servizzi huma normalment offruti fil-qafas ta’ attività bankarja jew, tal-inqas, jistgħu jkunu hekk, li jirriżulta mill-fatt li ċ-CNCM talbet ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-imsemmija prodotti u servizzi. Konsegwentement, it-trade mark ikkontestata hija deskrittiva, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ waħda mill‑karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri tad-destinazzjoni tagħhom, inkwantu jista’ jkollhom bħala għan il‑kreditu mutwali, u għandha għalhekk tiġi ddikjarata invalida.

69      Ir-rikorrent isostni wkoll li, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti u servizzi msemmija, iċ-CNCM tista’ tipprojbixxi lil kull attur ekonomiku l-użu tal-espressjoni “crédit mutuel” fil-qafas tal-attività bankarja mutwali tiegħu. Issa, dan huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza li kull operatur li jista’ fil-futur jipproponi prodotti jew servizzi kompetituri għal dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni għandu jkun jista’ juża liberament is‑sinjali u l-indikazzjonijiet li jistgħu jservu biex jiddeskrivu karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu.

70      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent u jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

71      Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 sa 49 hawn fuq, is-sinjal verbali Crédit Mutuel huwiex, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, deskrittiv tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija, bl-eċċezzjoni ta’ “kartelluni, kalendarji, stikers” li jaqgħu fil-klassi 16, li fil-konfront tagħhom din il‑konklużjoni ma hijiex ikkontestata, kif isostni r-rikorrent u kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u t-tifsira tal-espressjoni “crédit mutuel”, użati b’mod korrett mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punti 51 u 52 hawn fuq, ma humiex ikkontestati mir-rikorrent.

73      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk mit-tifsira tat-trade mark ikkontestata u min-natura tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija jirriżultax li s-sinjal Crédit Mutuel jista’ jiddeskrivi d‑destinazzjoni ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi, kif isostni r‑rikorrenti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

74      Il-Bord tal-Appell irrileva, essenzjalment, fil-punti 60 sa 64 tad‑deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva ta’ prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija sa fejn, jekk dawn tal-aħħar setgħu jiġu użati jew proposti fil-qafas ta’ attivitajiet bankarji, ma kienx possibbli li jiġi dedott li kienu relatati mal-qasam bankarju. Skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark ikkontestata ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala li fiha informazzjoni evidenti u diretta dwar il-każ, dwar l-għan jew dwar id-destinazzjoni tal‑imsemmija prodotti u servizzi.

75      Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li jsostni li l-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija huma “komunament offruti fil-qafas ta’ attività bankarja” jew “li jistgħu jkunu hekk”, ir-rikorrent ma jippreżenta l-ebda argument konkret sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell imfakkra fil-punt 74 hawn fuq jew biex juri b’mod konkret f’hiex dawn il-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija jistgħu jservu sabiex jimplimentaw attivitajiet bankarji.

76      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-fatt biss li l-proprjetarju tat-trade mark talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huma komunament offruti fil-qafas ta’ attività bankarja.

77      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija “jistgħu” jiġu offruti fil-qafas ta’ attivitajiet bankarji, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l‑indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark imsemmija fl‑Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ikunu effettivament utli, fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew ta’ servizzi bħal dawk li għalihom l-applikazzjoni hija ppreżentata jew ta’ karatterisitiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is‑servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindikaw il-kliem tal-istess dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw għal tali raġunijiet (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 32). Sinjal verbali għandu jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni, skont l-imsemmija dispożizzjoni, jew għandu jiġi annullat, jekk, tal-inqas f’wieħed mis-sinjali potenzjali tiegħu, juri karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, GeoClimaDesign vs EUIPO – GEO (GEO), T-280/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:913, punt 29).

78      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 hawn fuq, sabiex sinjal ikun ipprojbit skont l-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament 2017/1001, jeħtieġ li fir-rigward tal-prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni juri rapport suffiċjentement dirett u konkret li jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

79      Issa, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda prova konkreta sabiex juri l‑eżistenza ta’ tali rapport dirett u konkret bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija, bl‑eċċezzjoni tal-“kartelluni, kalendarji, stikers” li jaqgħu fil-klassi 16. Is-sempliċi fatt, imressaq mir-rikorrent, li dawn il-prodotti u dawn is‑servizzi jistgħu jservu sabiex jimplimentaw attivitajiet bankarji ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rapport suffiċjentement dirett u konkret bejn it-trade mark ikkontestata u l‑prodotti u s-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi immedjatament din it-trade mark, u mingħajr riflessjoni ulterjuri, bħala deskrizzjoni, pereżempju, tad-destinazzjoni tal‑imsemmija prodotti u servizzi.

80      Fil-fatt, kif korrettament irrileva l-Bord tal-Appell, il-prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija huma jew ċertament jistgħu jintervjenu fil‑qafas ta’ attivitajiet bankarji. Madankollu, ma humiex intiżi esklużivament għal tali attivitajiet jew marbuta speċifikament magħhom, iżda jistgħu jintużaw f’ħafna iktar attivitajiet oħra, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix immedjatament u mingħajr riflessjoni ulterjuri t-trade mark Crédit Mutuel, li tirreferi għal tip ta’ attività bankarja, kif ġie rrilevat fil-punt 52 hawnfuq, bħala li tkopri dawn il-prodotti u dawn is-servizzi jew waħda mill-karatteristiċi tagħhom, pereżempju d-destinazzjoni tagħhom.

81      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti li r-rikorrent jislet mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

82      Fil-fatt, fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Nadine Trautwein Rolf Trautwein vs UASI (Hunter) (T-505/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:378), invokata mir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali ċertament ikkonstatat, fil-punti 37 sa 40, li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 “setgħu jintużaw, b’mod partikolari, għall-kaċċa jew jiġu assoċjati ma’ din l‑attività” u li s-sinjal inkwistjoni kien deskrittiv inkwantu “kien jiddeskrivi d-destinazzjoni u l-livell ta’ kwalità tal-prodotti inkwistjoni, u, konsegwentement, ċerti karatteristiċi essenzjali tagħhom”.

83      Madankollu, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-pubbliku rilevanti, iffurmat b’mod partikolari minn kaċċaturi, seta’ jipperċepixxi immedjatament u mingħajr riflessjoni ulterjuri s-sinjal Hunter bħala li jindika li l-“ħwejjeġ każwali, ta’ ġewwa u sportivi”, iċ-“ċintorini” u x‑“xedd tar-ras” li jaqgħu fil-klassi 25, anki meta ma jkunux iddisinjati għall-kaċċa, kienu partikolarment adattati għall-kaċċa u kellhom livell ta’ kwalità adattat għall-kaċċa, u li, konsegwentement, is-sinjal verbali Hunter kien deskrittiv inkwantu kien jirreferi għad-destinazzjoni u għal‑livell ta’ kwalità tal-prodotti inkwistjoni, kienet ibbażata fuq il‑konstatazzjoni preċedenti li l-prodotti intiżi għall-kaċċaturi u użati għall-kaċċa għandhom josservaw kriterji funzjonali partikolari u l‑portata tal-ħwejjeġ tal-kaċċaturi kienet ħafna drabi kkaratterizzata mill-kwalità tajba ħafna tagħha għal użu estern.

84      Minn din is-sentenza jirriżulta għalhekk li r-rabta bejn is-sinjal u l‑prodotti inkwistjoni kienet ikkunsidrata bħala suffiċjentement diretta u konkreta minħabba s-sinjifikat tas-sinjal, li kien jirreferi għall-kaċċa, kif ukoll mill-fatt li l-ħwejjeġ użati għall-kaċċa kienu jippreżentaw karatteristiċi speċifiċi, u dan kien jippermetti lill-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmi sinjali bħala li jiddeskrivi l-kwalità u d‑destinazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

85      Issa, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda prova konkreta sabiex juri kif din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija trasponibbli għal dan il-każ. B’mod iktar partikolari, bl-ebda mod ma juri li karatteristika speċifika tal-attivitajiet bankarji li għalihom tirreferi t-trade mark ikkontestata tippermetti lill-pubbliku rilevanti jistabbilixxi immedjatament u mingħajr riflessjoni ulterjuri rabta bejn din it-trade mark u waħda mill‑karatteristiċi essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi li ma humiex speċifikament intiżi għall-attivitajiet bankarji.

86      Bl-istess mod, ir-rikorrent ma jistabbilixxix kif l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Clearwire vs UASI (CLEARWIFI) (T‑399/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:458), tippermetti li turi l-eżistenza ta’ rabta immedjata bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti u s-servizzi ma jaqgħux speċifikament fis‑settur bankarju. F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-pubbliku rilevanti, minn naħa waħda, seta’ jipperċepixxi s-sinjal CLEARWIFI bħala li jirreferi għal teknoloġija mingħajr fil li toffri aċċess ċar u mingħajr perturbazzjonijiet, pereżempju, fl‑internet, u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi mingħajr diffikultà rabta bejn dan is‑sinjal u servizz ta’ telekomunikazzjoni speċifiku, jiġifieri l-aċċess għall-internet, kif ukoll bejn l-imsemmi sinjal u waħda mill‑karatteristiċi ta’ dan is-servizz, jiġifieri n-nuqqas ta’ perturbazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-trade mark CLEARWIFI setgħet tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-kwalità u tad-destinazzjoni tas-servizzi inkwistjoni.

87      Ir-rikorrent ma jressaq l-ebda argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq karatteristika speċifika tas-servizzi koperti bit-trade mark li tagħha ntalbet ir‑reġistrazzjoni li għaliha jirreferi s-sinjal inkwistjoni, tista’ tiġi trasposta f’dan il-każ.

88      Konsegwentement, huwa korrett li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t‑trade mark ikkontestata ma kinitx deskrittiva għal prodotti u servizzi li jaqgħu fit-tieni kategorija msemmija mir-rikorrent.

89      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-servizzi marbuta mal‑assigurazzjoni li jaqgħu fil-klassi 36, jiġifieri s-servizzi ta’ “assigurazzjonijiet”, “fondi providenti”; “senserija fl-assigurazzjoni”; u “estimi finanzjarji (assigurazzjonjiet)”, l-evalwazzjoni użata mill-Bord tal-Appell fil-punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas hija vvizzjata minn żball. Fil-fatt, huwa ċertament veru, kif isostni r-rikorrent, li l‑qafas tal-assigurazzjoni jappartjeni għas-settur finanzjarju u li s‑servizzi ta’ assigurazzjoni huma proposti mill-istabbilimenti bankarji, b’mod partikolari mill-banek li jiffurmaw il-grupp Crédit Mutuel. Barra minn hekk, ma huwiex rari li istituzzjonijiet finanzjarji u kumpannija tal-assigurazzjoni jkunu fl-istess grupp ekonomiku. Huwa wkoll veru li, f’uħud mid-deċiżjonijiet tagħhom li jistabbilixxu l-motivi relatati mar‑rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-awtoritajiet tal-EUIPO kkonkludew li s‑servizzi bankarji u s-servizzi marbuta mal‑assigurazzjoni kienu simili.

90      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif jagħmel il-Bord tal-Appell, li l‑attivitajiet ta’ assigurazzjoni u l-attivitajiet bankarji għandhom għanijiet differenti inkwantu s-servizzi ta’ assigurazzjoni huma intiżi sabiex jippreżervaw assi ta’ kull tip f’każ ta’ avvenimenti imprevisti filwaqt li l-servizzi bankarji huma intiżi għall-ġestjoni u l‑valorizzazzjoni ta’ assi finanzjarji. Konsegwentement, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi li jippermettu li jiġi stabbilit li, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li s-servizzi ta’ assigurazzjoni huma ħafna drabi proposti mill-istabbiliment bankarji, it-trade mark ikkontestata hija pperċepita immedjatament u mingħajr riflessjoni ulterjuri mill-pubbliku rilevanti bħala li tiddeskrivi wkoll servizzi ta’ assigurazzjoni li ma humiex koperti mill-attività “tradizzjonali” ta’ bank, jew minn waħda mill-karatterisitiċi tagħhom, pereżempju dik li jiġu proposti minn bank mutwalist skont il-prinċipji tal-kreditu mutwali li jirregola l-attività tiegħu. Fil-fatt, sa fejn, fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Artikoli 59 u 62 tar-Regolament 2017/1001, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità sakemm tiġi ddikjarata invalida wara proċediment għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija l-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark li għandha tinvoka quddiem l-EUIPO l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS), T‑476/15, EU:T:2016:568, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Issa, is-sempliċi riferiment astratt għal attività magħrufa bl-isem “bancassurance”, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad‑Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330) invokat mir-rikorrent, jew il-fatt li f’uħud mid-deċiżjonijiet tagħhom iddedikati għar-raġunjiiet relatati mar-rifjut ta’ reġistrazzjoni l-awtoritajiet tal‑EUIPO kkonstataw li s-servizzi bankarji u s-servizzi marbuta mal‑assigurazzjoni huma simili ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit b’mod konkret li t-trade mark ikkontestata hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li hija deskrittiva wkoll ta’ dawn is-servizzi msemmija fl‑aħħar.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv tar‑rikors prinċipali għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi tar-rikors prinċipali, ibbażati fuq il-ksur talArtikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001, meħud flimkien malArtikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament

93      Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 59(2) tar‑Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament inkwantu dan ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija li fir-rigward tagħhom huwa kien ikkonkluda li din kienet deskrittiva u mingħajr karattru distintiv.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament 2017/1001, jekk trade mark ma għandhiex karattru distintiv ab initio, hija tista’ tiksbu wara l-użu tagħha għall-prodotti jew għas-servizzi li hija tkopri. Tali karattru distintiv jista’ jinkiseb, b’mod partikolari, wara proċess normali ta’ familjarizzazzjoni tal-pubbliku kkonċernat. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark kisbitx karattru distintiv bl-użu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ‑ċirkustanzi li fihom il-pubbliku rilevanti jiġi kkonfrontat b’din it-trade mark (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑24/05 P, EU:C:2006:421, punti 70 u 71, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Bateaux mouches vs UASI (BATEAUX-MOUCHES), T-553/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:264, punt 58).

95      Bl-istess mod, l-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001 jipprevedi, b’mod partikolari, li, meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, madankollu ma tistax tiġi ddikjarata invalida jekk, bl-użu li jkun sar minnha, hija tkun kisbet wara r-reġistrazzjoni tagħha karattru distintiv għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata.

96      Il-ksib ta’ karattru distintiv bl-użu tat-trade mark jitlob li tal-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika bis-saħħa tat-trade mark il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2013, Ferrari vs UASI (PERLE’), T‑104/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:51, punt 37, u tat‑22 ta’ Marzu 2013, Bottega Veneta International vs UASI (Forme d’un sac à main), T-409/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:148, punt 75).

97      Il-ksib tal-karattru distintiv bl-użu għandu jiġi evalwat b’mod rigoruż u preċiż. L-applikant għal reġistrazzjoni għandu jipproduċi l-prova li din it-trade mark tindika waħidha, ipparagunata ma’ kull trade mark oħra li tista’ tkun ukoll preżenti, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 66).

98      L-ilmenti differenti mressqa mir-rikorrent fil-qafas tat-tieni u t-tielet motivi jistgħu jinġabru taħt diversi lmenti. B’hekk, essenzjalment, l‑ewwel ilment huwa bbażat fuq l-impossibbiltà għat-trade mark ikkontestata li tikseb karattru distintiv bl-użu. It-tieni lment huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-użu tat-trade mark fil-forma li fiha ġiet irreġistrata. It-tielet ilment huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-użu tat-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini u bħala trade mark. Ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq insuffiċjenza ta’ provi tal-ksib tal-karattru distintiv bl‑użu għal kull prodott u servizz li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet nieqsa minn karattru distintiv ab initio jew tan-natura globali tal‑evalwazzjoni ta’ dawn il-provi magħmula mill-Bord tal-Appell.

–       Fuq l-impossibiltà għat-trade mark ikkontestata li tikseb karattru distintiv bl-użu

99      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata ma tistax tikseb karattru distintiv bl-użu, għaliex mid‑dispożizzjonijiet taċ-CMF jirriżulta li l-espressjoni “crédit mutuel” huwa l-isem legali u ġeneriku, minn naħa waħda, tal-attività bankarja ta’ kreditu mutwali u, min-naħa l-oħra, tal-banek mutwalisti organizzati f’netwerk li għandu bħala attività l-kreditu mutwali. Barra minn hekk, l‑ebda dispożizzjoni taċ-CMF ma tawtorizza liċ-CNCM sabiex tuża dawn it-termini għad-detriment ta’ operaturi oħra li jeżerċitaw jew jistgħu jeżerċitaw attività ta’ kreditu mutwali. Għalhekk, sa fejn il‑leġiżlatur Franċiż kellu l-ħsieb li jħalli dawn it-termini miftuħa fid-dawl tas-sens tagħhom u tal-għan tagħhom u sa fejn operaturi oħra huma jew jistgħu legalment jiġu awtorizzati jużawhom, l-espressjoni “crédit mutuel” ma tistax tittieħed u ma tistax tikseb karattru distintiv bl-użu.

100    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

101    Fil-qafas ta’ dan l-ilment, ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell li ma silitx l-konsegwenzi kollha taċ-CMF, li minnhom jirriżulta li l-leġiżlatur Franċiż kellu l-ħsieb li jħalli l-espressjoni “crédit mutuel” miftuħa għall-użu minn kull impriża li tixtieq teżerċita attività ta’ kreditu mutwali.

102    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ kopert bl‑Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, il-fatt li s-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark inkwistjoni huwa effettivament ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ prodott jew ta’ servizz huwa r-riżultat ta’ sforz ekonomiku tal-applikant tat-trade mark. Dan il-fatt jiġġustifika li jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) sa (d), li jirrikjedu li t-trade marks koperti b’dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu użati b’mod miftuħ sabiex jiġi evitat li jinħoloq vantaġġ kompetittiv illeġittimu favur operatur ekonomiku wieħed (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services/EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ biċċa ċikkulata), T‑112/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:735, punt 67 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

103    Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar‑Regolament 2017/1001, li jitolbu li ma jiġux irreġistrati s-sinjali li huma deskrittivi, li ma humiex intrinsikament distintivi jew li jkunu saru użanzi, huma speċifikament imwarrba fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif jagħmel l-EUIPO, li la r‑Regolament 2017/1001 u lanqas il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ma tipprevedi li s-sinjal għandu jippreżenta ċerta “abbiltà” sabiex jikseb karattru distintiv bl-użu u wisq inqas li l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament 2017/1001 ma huwiex applikabbli meta t-trade mark hija komposta minn termini li jirreferu għal attività rregolata. Fil-fatt, ma hemm xejn mill-kliem tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament 2017/1001 li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-konferma legali ta’ ċerti termini teskludi li jistgħu jakkwistaw karattru distintiv bl-użu.

105    Minn dan jirriżulta għalhekk li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi l-possibbiltà għal kull sinjal li ab initio ma għandux karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament 2017/1001 li jikseb karattru distintiv bl-użu, u dan anki meta l-kliem li jiffurmaw is-sinjal ikkontestat jirreferu għal attività rregolata mil-liġi.

106    Għalhekk hemm lok li dan l-argument tar-rikorrent jitwarrab, peress li jwassal sabiex jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament 2017/1001.

107    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas tal-użu tat-trade mark taħt il-forma li fiha ġiet irreġistrata

108    Ir-rikorrent jirrileva li l-kumbinazzjoni tat-termini “crédit” u “mutuel” waħidha ma hijiex adattata sabiex tissodisfa l-funzjoni essenzjali tat‑trade mark, jiġifieri li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas‑servizzi, li tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet dejjem użata bil-miktub b’elementi grafiċi addizzjonali, bħal logos, jew akkumpanjata minn slogans. Dan għalhekk ma jfissirx li dawn tal-aħħar jippermettu li tiġi stabbilita l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi. Minn dan, ir-rikorrent jiddeduċi, essenzjalment, li dan l-użu tat-trade mark ikkontestata bħala parti tat‑trade marks kumplessi ma jippermettilhiex li tikseb karattru distintiv bl‑użu.

109    L-EUIPO isostni li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma li t-trade mark ikkontestata kienet suġġetta għal użu “bħala trade mark individwali”, jiġifieri b’mod li tiżgura lill-konsumatur li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-proprjetarju tat-trade mark bħala impriża waħda responsabbli mill-kwalità tagħhom, l-argumenti mressqa mir-rikorrent dwar il-forma tal-użu tat-trade mark għandhom jiġu miċħuda. F’dan il-każ, il-fatt li t-trade mark ikkontestata intużat b’forma ftit stilistika, u flimkien mal-elementi addizzjonali figurattivi u verbali inkwistjoni, ma huwiex determinanti peress li l-proprjetarju tat-trade mark stabbilixxa, permezz ta’ stħarriġ, li huma preċiżament it‑termini “crédit” u “mutuel” li jirreferu lil parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti għall-idea ta’ bank.

110    L-intervenjenti tfakkar, fir-rigward tal-użu tat-trade mark verbali Crédit Mutuel fi ħdan trade marks kumplessi, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-karattru distintiv ta’ trade mark jista’ jinkiseb bħala konsegwenza tal‑użu ta’ din it-trade mark bħala parti minn trade mark irreġistrata jew flimkien magħha u li l-elementi verbali ta’ trade mark, huma, bħala regola, iktar distintivi mill-elementi figurattivi. Konsegwentement, huwa l-element verbali “crédit mutuel” li wieħed faċilment jiftakar, u mhux il-logos jew is-slogans, li għandhom biss rwol sekondarju.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ksib ta’ karattru distintiv jista’ jirriżulta kemm mill-użu, bħala parti minn trade mark irreġistrata, ta’ element tagħha kif ukoll mill-użu ta’ trade mark distinta flimkien ma’ trade mark irreġistrata. Fiż-żewġ każijiet, huwa biżżejjed li, bħala konsegwenza ta’ dan l-użu, dawk ikkonċernati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz, kopert minn din it-trade mark biss li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha, bħala li joriġina minn impriża partikolari (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C-353/03, EU:C:2005:432, punt 30, u tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C‑488/06 P, EU:C:2008:420, punt 49).

112    Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-użu jikkonċernax sinjal bħala parti minn trade mark irreġistrata jew li jkun magħqud flimkien magħha, il-kundizzjoni essenzjali hija li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, is-sinjal jista’ jkopri, f’moħħ il-klassi rilevanti ta’ persuni, il‑prodotti li jirreferi għalihom bħala li jkunu provenjenti minn impriża partikolari (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C-215/14, EU:C:2015:604, punt 65).

113    Fil-punti 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, anki meta t-trade mark ikkontestata tintuża taħt il-forma li hija differenti minn dik li biha hija ġiet irreġistrata, dan il-fatt ma kienx jaffettwa, f’dan il-każ, il-konklużjoni li dan l-użu huwa tali li jippermetti lit-trade mark ikkontestata tikseb karattru distintiv bl-użu. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, l-elementi li bihom it-trade mark ikkontestata intużat, jiġifieri forma grafika jew iż-żieda ta’ trade marks verbali oħra taħt il-forma ta’ slogans, ma jibdlux il-karattru distintiv tagħha.

114    Jekk ir-rikorrent ma jikkontestax il-prinċipju li l-karattru distintiv ta’ trade mark jista’ jinkiseb bħala konsegwenza tal-użu ta’ din it-trade mark bħala parti minn trade mark irreġistrata jew li jkun magħqud flimkien magħha, huwa jirrileva, filwaqt li jibbaża ruħu fuq il‑ġurisprudenza, li jibqa’ neċessarju li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-parti tat-trade mark jew it-trade mark iżolata minn dik li magħha huwa ngħaqad, meħuda b’mod separat, bħala li tindika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz li hija tkopri.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamel ir-rikorrent, li l‑proprjetarju ta’ trade mark li qed tintalab li tiġi ddikjarata invalida għandu jipproduċi l-prova li din waħidha tindika, meta mqabbla ma’ kull trade mark oħra li tista’ tkun preżenti wkoll, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C-215/14, EU:C:2015:604, punt 66).

116    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, kif imfakkra fil-punt 113 hawn fuq, tiddependi, kif isostni, essenzjalment, l-EUIPO, fuq il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata kinitx tintuża b’tali mod li tippermetti li waħidha tindika l‑oriġini tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni b’mod li tiżgura lill‑konsumatur li dawn kienu joriġinaw minn impriża partikolari.

117    Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-qafas tal-eżami tat-tielet ilment tat-tieni u tat-tielet motivi.

–       Fuq in-nuqqas tal-użu tat-trade mark ikkontestata kemm bħala indikatur tal-oriġini u bħala trade mark

118    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni essenzjalment li, kuntrarjament għal dak deċiż mill-Bord tal-Appell, “l-espressjoni crédit mutuel” ma tirreferix għaċ-CNCM, organu ċentrali li ma għandu l-ebda attività bankarja u li ma għandux konsumaturi, iżda, kif jindika ċ-CMF, għal banek mutwalisti b’mod ġenerali li huma prinċiparjament strutturati madwar żewġ gruppi awtonomi u kompetituri, il-Crédit Mutuel Arkéa u ċ-CM11-CIC. Dan il-fatt jipprekludi li t-trade mark individwali kkontestata tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tagħha, li jikkorrobora l-fatt li, sabiex jirreferu għall-prodotti tagħhom u s-servizzi tagħhom mal-klijenti tagħhom, il-Crédit Mutuel Arkéa u ċ-CM11-CIC jużaw trade marks differenti sabiex jevitaw kwalunkwe konfużjoni. Barra minn hekk, sabiex jiddistingwi ruħu mill-kompetitur tiegħu, il‑Crédit Mutuel Arkéa juża l-espressjoni “crédit mutuel” assoċjat ma’ logo differenti minn dak użat miċ-CM11-CIC. Għalhekk, l-espressjoni “crédit mutuel” meħuda waħidha ma tippermettix lill-pubbliku li jistabbilixxi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

119    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li, fil-maġġoranza tad‑dokumenti kkomunikati miċ-CNCM bħala prova tal-ksib tal-karattru distintiv bl-użu mit-trade mark ikkontestata, l-espressjoni “crédit mutuel” ma hijiex użata bħala trade mark sabiex tkopri prodotti u servizzi, iżda bħala riferiment għall-grupp Crédit Mutuel. Issa, tali riferiment ma għandux jikkostitwixxi użu bis-saħħa ta’ trade mark li tippermetti li jiġi ppruvat il-ksib tal-karattru distintiv għall-prodotti u servizzi differenti inkwistjoni, għaliex din ma tippermettix lit-trade mark ikkontestata tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, u dan iktar u iktar li l-espressjoni “crédit mutuel” tikkostitwixxi l-isem legali u ġeneriku tal-attività stess u tal-fornituri ta’ servizzi li jeżerċitaw din l-attività.

120    Bl-istess mod, sa fejn, minn naħa waħda, ma huwiex normali fis-settur bankarju li l-konsumatur jippersonifika t-trade mark u, min-naħa l-oħra, li ma jeżistix isem ta’ kumpannija jew isem kummerċjali li jikkorrispondi eżattament mal-isem “Crédit Mutuel”, l-użu tal‑espressjoni “crédit mutuel” lanqas ma jista’ jiġi analizzat bħala l-użu ta’ isem tal-kumpannija jew ta’ isem kummerċjali li jintuża bħala trade mark.

121    L-EUIPO josserva li r-rikorrent essenzjalment isostni li l-użu muri mill‑proprjetarju tat-trade mark ma jikkostitwixxix użu “bħala trade mark individwali”, iżda iktar użu “bħala trade mark kollettiva”. F’dan ir‑rigward, l-EUIPO tħalli lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-applikazzjoni għall-fatti tal-każ tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni dwar l-użu ta’ trade mark skont il-funzjoni essenzjali tagħha u b’mod iktar partikolari l-użu ta’ trade mark individwali bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali kollettiva.

122    L-intervenjenti ssostni li l-eżistenza ta’ eventwali kompetizzjoni fi ħdan il-grupp Crédit Mutuel ma għandhiex effett fuq l-abbiltà tal-espressjoni “crédit mutuel” sabiex tikseb karattru distintiv bl-użu. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Crédit Mutuel jirreferi iktar għall-grupp bl-istess isem, hekk magħruf, b’mod partikolari, mill-Kunsill tal-Istat Franċiż u mill‑Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża. Għalhekk, peress li t-trade mark ikkontestata kienet użata minn diversi entitajiet ġuridiċi relatati, din kienet tikkostitwixxi sinjal ta’ rikonoxximent għall-pubbliku li kien jappartjeni għal dan il-grupp.

123    It-tieni nett, l-eżistenza ta’ trade marks stess sabiex tirreferi għall‑prodotti u s-servizzi proposti rispettivament mir-rikorrent u miċ‑CM11-CIC ma tneħħiex l-użu tat-“trade mark umbrella” Crédit Mutuel, sa fejn din tintuża b’mod sistematiku u tikkostitwixxi s-sinjal li jappartjeni għall-grupp li jappella għall-pubbliku waqt l-għażla tiegħu ta’ prodott bankarju.

124    It-tielet nett, il-fatt li ċ-CNCM, fil-kwalità tiegħu ta’ organu ċentrali, ma għandu l-ebda attività bankarja u għalhekk ma huwiex magħruf bħala konsumatur ma huwiex rilevanti sa fejn, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex neċessarju li t-trade mark tintuża mill-proprjetarju tagħha u huwa biżżejjed li tkun effettivament użata minn terzi awtorizzat, bħal f’dan il-każ.

125    Ir-raba’ nett, il-fatt li r-rikorrent juża logo distint minn dak użat miċ‑CM11-CIC ukoll ma huwiex rilevanti, sa fejn l-element verbali huwa iktar faċilment immemorizzat mill-konsumatur u li, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, is-sinjal verbali crédit mutuel huwa propjru l-element distintiv li jippermetti lill-pubbliku jassoċċja l-prodotti u s-servizzi mal-istess oriġini kummerċjali.

126    Il-ħames nett, l-intervenjenti ssostni li s-sinjal verbali Crédit Mutuel huwa użat ukoll bħala trade mark. Għalhekk hija tfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, l-użu ta’ isem tal-kumpannija jew ta’ isem kummerċjali jista’ jkun ikkunsidrat bħala użu għal prodotti finanzjarji stess fin-nuqqas ta’ tqegħid tas-sinjal fuq dawn il-prodotti, meta terzi jużaw dan is-sinjal b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn l-isem tal‑kumpannija, l-isem kummerċjali jew it-tikketta u l-prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni. L‑intervenjenti żżid li s-sinjal Crédit Mutuel huwa essenzjalment trade mark ta’ servizzi li l-użu tagħha għandu jkun it-tqegħid tagħha fuq oġġetti materjali differenti relatati ma’ dawn is‑servizzi. Finalment, hija tfakkar, minn naħa waħda, li ma jeżistix isem ta’ kumpannija jew isem kummerċjali li jikkorrispondi eżattament mal-isem “Crédit Mutuel” u, min-naħa l-oħra, li l-espressjoni “crédit mutuel” tidher fuq dokumenti indipendentament minn kull riferiment tal-kumpannija, kif irrileva l-Bord tal-Appell.

127    Is-sitt nett, l-intervenjenti tqis li d-dokumenti li hija pproduċiet juru li, għall-konsumatur, it-trade mark verbali Crédit Mutuel tirreferi, minn numru ta’ snin ’il hawn, għal prodotti u għal servizzi bankarji offruti, mhux mill-banek mutwalisti jew kooperattivi kollha, iżda minn bank wieħed, li jikkorrispondi għan-netwerk bankarju li tiegħu ċ-CNCM hija l-organu ċentrali.

128    Fil-qafas ta’ dan l-ilment tat-tieni u t-tielet motivi, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-provi prodotti mill-intervenjenti jippermettu li jiġi kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata tirreferi madankollu għall‑grupp Crédit Mutuel u għalhekk għall-banek mutwalisti li jiffurmawh, u mhux għaċ-CNCM li hija l-proprjetarja tat-trade mark. Minħabba f’hekk, it‑trade mark ikkontestata ma ġietx użata bħala trade mark, iżda bħala riferiment għal dan il-grupp. Dan il-fatt jista’ jipprekludi li t-trade mark ikkontestata individwali tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini u tikseb b’hekk karattru distintiv bl-użu.

129    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksib ta’ karattru distintiv bl-użu tat‑trade mark jirrikjedi li tal-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Forma ta’ biċċa ċikkulata, T-112/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:735, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Jekk il-klassi rilevanti ta’ persuni jew, tal-inqas, porzjon sinjifikattiv minnhom jidentifikaw, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari, minn dan għandu jiġi konkluż li r‑rekwiżit mitlub bl-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 għar‑reġistrazzjoni tat-trade mark huwa ssodisfatt (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Forma ta’ biċċa ċikkulata, T-112/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:735, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Minkejja li l-ksib ta’ karattru distintiv jista’ jirriżulta kemm mill-użu, bħala parti ta’ trade mark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta’ trade mark distinta flimkien ma’ trade mark irreġistrata, kif tfakkar fil-punt 111 hawn fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, il-klassi rilevanti ta’ persuni għandha tirrikonoxxi effettivament il-prodott jew is-servizz, koperti minn l-unika trade mark li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari. B’hekk, indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk l-użu jikkonċernax sinjal bħala parti minn trade mark irreġistrata jew li jkun magħqud flimkien magħha, il-kundizzjoni essenzjali hija li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, is-sinjal li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għalih bħala trade mark jista’ jkopri, f’moħħ il-klassi rilevanti ta’ persuni, il-prodotti li jirreferi għalihom bħala li jkunu provenjenti minn impriża partikolari (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C-215/14, EU:C:2015:604, punti 64 u 65).

132    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-ksib ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, l-identifikazzjoni, mill-klassi rilevanti ta’ persuni li l-prodott jew is-servizz ikun joriġina minn impriża partikolari għandha ssir permezz tal-użu tat-trade mark bħala trade mark. L-espressjoni “l-użu tat-trade mark bħala trade mark” għaldaqstant għandha tinftiehem li qiegħda tirreferi għall-użu tat-trade mark għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill‑klassi rilevanti ta’ persuni bħala li joriġina minn impriża partikolari (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-24/05 P, EU:C:2006:421, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    B’hekk, mhux kull użu tat-trade mark neċessarjament jikkostitwixxi użu bħala trade mark (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑24/05 P, EU:C:2006:421, punt 62).

134    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell, f’dan il-każ, ikkunsidrax jekk il-provi prodotti mill-intervenjenti humiex tali li jistabbilixxu li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu li kien sar b’tali mod li hija kienet tkopri, fil-moħħ tal-klassi rilevanti tal-persuni, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni bħala li joriġinaw minn impriża partikolari.

135    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 129 sa 131 hawn fuq jirriżulta li l‑użu tat-trade mark skont il-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża partikolari, hija essenzjali fl-evalwazzjoni tal‑provi intiżi sabiex jistabbilixxu l-ksib ta’ din it-trade mark ta’ karattru distintiv bl-użu.

136    Mid-deċiżjoni kkontestata (paġni 27 sa 40) jirriżulta li l-intervenjenti pproduċiet numru kbir ta’ provi sabiex turi li t-trade mark ikkontestata kienet magħrufa mal-pubbliku rilevanti u li għalhekk kisbet karattru distintiv bl-użu. Dawn il-provi huma stħarriġ tal-opinjoni pubblika, provi ta’ parteċipazzjoni tal-grupp Crédit Mutuel fi sħubiji, informazzjoni finanzjarja, inkluża dik li l-grupp Crédit Mutuel kien f’kategoriji differenti, u kampanji pubbliċitarji.

137    Il-konklużjonijiet misluta mill-Bord tal-Appell minn dawn il-provi dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma humiex ċari. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell jindika li l‑pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala li tidentifika l-prodotti u s-servizzi bankarji bħala li joriġinaw kemm mill‑“proprjetarju”, jiġifieri ċ-CNCM (punti 97, 105, 108 u, essenzjalment, il-punti 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata), ki ukoll mill‑“bank” jew minn “bank” (punti 103, 104 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata), jew mill-“grupp Crédit Mutuel”, min-“netwerk Crédit Mutuel” jew mill-“impriża grupp Crédit Mutuel” (punti 104 u 116 tad‑deċiżjoni kkontestata).

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-trade mark ikkontestata hija trade mark individwali. Minkejja li l-intervenjenti hija proprjetarja tat-trade mark Franċiża Crédit Mutuel irreġistrata bħala trade mark kollettiva, u li dwarha, il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi kkonkludiet, fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Frar 2018, abbażi ta’ provi simili għal dawk prodotti mill‑intervenjenti fil-qafas tal-proċedura quddiem l-EUIPO, li din kisbet karattru distintiv bl-użu, hija ma kinitx għażlet li t-trade mark ikkontestata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kollettiva. Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, hija insistiet dwar il-fatt li t-trade mark ikkontestata ġiet iddepożitata u rreġistrata bħala trade mark individwali (ara l-paġna 4 tad-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

139    Huwa wkoll stabbilit bejn il-partijiet li t-trade mark ikkontestata ma tintużax mill-proprjetarju tagħha, iċ-CNCM, li ma huwiex bank mutwalist u li għalhekk ma jeżerċitax attivitajiet bankarji huwa stess. Fil-fatt, l‑intervenjenti tiddikjara li t-trade mark ikkontestata hija użata minn diversi entitajiet magħquda fi ħdan il-grupp Crédit Mutuel u jikkostitwixxi għalhekk sinjal ta’ rikonoxximent għall-pubbliku li tappartjeni għal dan il-grupp.

140    Huwa wkoll stabbilit li l-banek li jiffurmaw parti mill-grupp Crédit Mutuel u li jużaw it-trade mark ikkontestata huma strutturati prinċiparjament madwar żewġ gruppi awtonomi u kompetituri, il‑Crédit Mutuel Arkéa u ċ-CM11-CIC, kif jirriżulta mill-punt 88 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jirreferu għall-prodotti u għas-servizzi tagħhom mal-klijenti tagħhom, jużaw it-trade mark ikkontestata ma’ trade marks oħra jew jassoċjawha ma’ logos li huma tagħhom.

141    Madankollu, ma huwiex eskluż li tali użu kollettiv tat-trade mark ikkontestata individwali tippermettilha li tikseb karattru distintiv bl-użu.

142    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 135 hawn fuq, fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-ksib minn trade mark ta’ karattru distintiv bl-użu, huwa indispensabbli li dan l-użu jsir b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark. Fir-rigward ta’ trade marks individwali, bħat-trade mark ikkontestata, din il-funzjoni essenzjali tikkonsisti li lill-konsumatur jew lill-utent finali tiġi ggarantita l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas‑servizz identifikat mit-trade mark, li tippermettilu li jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha bħala element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha identifikati minnha jkunu ġew prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r‑responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C-689/15, EU:C:2017:434, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Schmid vs EUIPO – Landeskammer für Land-und Forstwirtschaft in Steiermark (Steirisches Kürbiskernöl), T-72/17, taħt appell, EU:T:2018:335, punt 44).

143    Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit li trade mark individwali kisbet karattru distintiv wara użu kollettiv li sar minnha, għandu jiġi stabbilit jekk hija tagħtix garanzija lill-konsumaturi li l-prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni joriġinaw minn impriża partikolari, li għandha tinftiehem bħala li hija impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha jiġu prodotti jew ipprovduti, u li lilha, konsegwentement, tiġi attribwita r‑responsabbiltà tal-kwalità tal-imsemmija prodotti jew servizzi.

144    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-intervenjenti, jiġifieri l‑proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, għandhiex tkun ikkunsidrata bħala “impriża unika” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 142 hawn fuq, kif din issostni, minħabba r-rabtiet ġuridiċi u kummerċjali li jgħaqqdu lill-membri tal-grupp Crédit Mutuel, b’tali mod li r-rabta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti u s-servizzi pprovduti mill‑membri ta’ dan il-grupp jippermettu li jiġi kkunsidrat li din it-trade mark kisbet karattru distintiv bl-użu li kien sar minnha.

145    F’dan il-kuntest, għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l‑intervenjenti teżerċitax kontroll fuq il-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-banek li jiffurmaw parti mill-grupp Crédit Mutuel li effettivament jużaw din it-trade mark, b’tali mod li l-konsumaturi jipperċepixxu l‑prodotti jew is-servizzi inkwistjoni bħala li joriġinaw minn impriża unika li għaliha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-CNCM huwa l-organu ċentrali tal-grupp Crédit Mutuel. Skont l-Artikolu L.512-56 taċ-CMF, huwa inkarigat sabiex jirrappreżenta kollettivament il-fondi ta’ kreditu mutwali sabiex jipproteġi d-drittijiet u l-interessi komuni tagħhom, jeżerċita kontroll amministrattiv, tekniku u finanzjarju fuq l-organizzazzjoni u l‑ġestjoni ta’ kull fond u jieħu kull miżura neċessarja għall-funzjonament tajjeb tal-kreditu mutwali. Skont l-Artikolu R.512-20 taċ‑CMF, il-fondi ta’ kreditu mutwali huma obbligati josservaw l‑istatuti, ir-regolamenti interni, struzzjonijiet u deċiżjonijiet taċ-CNCM. Kif jirriżulta mill-istatuti tiegħu, iċ-CNCM jopera taħt il-forma ta’ assoċjazzjoni.

147    Bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret fil-funzjonijiet tagħha bħala organu ċentrali, l-intervenjenti ssostni li hija teżerċita kontroll amministrattiv, tekniku u finanzjarju fuq il-membri tan-netwerk, u li tieħu l-miżuri neċessarji b’mod partikolari biex jiggarantixxu l-likwidità u s-solvibbiltà ta’ kull fond li jappartjeni għall-grupp.

148    Madankollu, tali ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi stabbilit li hija teżerċita wkoll kontroll fuq il-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-banek li jiffurmaw parti mill-grupp Crédit Mutuel fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 142 hawn fuq.

149    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-intervenjent, anki jekk il-grupp Crédit Mutuel hija impriża unika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni jew fis-sens tar-rekwiżiti prudenzjali, kif jirriżulta minn deċiżjonijiet differenti u atti adottati qrati Ewropej u nazzjonali invokati f’dan ir‑rigward mill-intervenjenti, tali konstatazzjoni ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi konkluż li l-intervenjenti bħala organu ċentrali ta’ dan il‑grupp, tikkostitwixxi wkoll impriża unika fis-sens tal‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 142 hawn fuq. Fil-fatt, dan il-kunċett għandu kontenut awtonomu fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, kif interpretata mill-ġurisprudenza mfakkra hawn fuq, u ma għandux ikun konfuż jew applikat b’analoġija mal-kunċetti stabbiliti f’oqsma oħra tad-dritt tal‑Unjoni, bħad-dritt tal-kompetizzjoni jew ta’ sorveljanza prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu.

150    Fil-fatt, il-kriterji applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ grupp Crédit Mutuel għall-finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali jew għall‑finijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex l‑istess bħal dawk applikabbli sabiex jiġi kkunsidrat li teżisti “impriża unika” fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-użu ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea skont il-funzjoni essenzjali tagħha.

151    F’dan l-aħħar każ, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak dwar jekk l-użu tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi pprovduti mill-membri tal-grupp Crédit Mutuel jiggarantixxix lill-konsumaturi li dawn il-prodotti u dawn is-servizzi jorġinaw minn impriża unika li taħt il-kontroll tagħha l-imsemmija prodotti u servizzi huma pprovduti, u li lilha, konsegwentement, tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom. Madankollu, l‑intervenjenti ma stabbilixxietx li dan huwa l-każ fir-rigward tal-grupp Crédit Mutuel.

152    L-argumenti mressqa mill-intervenjenti sabiex turi li hija kienet teżerċita indirettament iżda neċessarjament il-kontroll tal-kwalità tal‑prodotti u tas-servizzi ta’ stabbilimenti bankarji li kienu jiffurmaw parti mill-grupp Crédit Mutuel ma humiex konvinċenti. Fil-fatt, hija ssostni li s-solidità finanzjarja, is-solvibbiltà u l-likwidità tal‑istabbilimenti bankarji huma l-kwalitajiet imfittxija mill-konsumatur fir-rigward ta’ bank affidabbli. Sa fejn hija teżerċita l-kontroll f’dan ir‑rigward fuq l-istabbilimenti li jiffurmaw parti minn dan il-grupp, b’dan il-fatt, hija responsabbli wkoll mill-kwalità tal-prodotti u tas‑servizzi li jfornu.

153    Madankollu, ir-responsabbiltà tal-kontroll prudenzjali, anki meta dan il‑kontroll jista’ jkollu effett fuq il-perċezzjoni mill-klijenti tal-banek li jappartjenu lill-grupp Crédit Mutuel billi jikkontribwixxi għall‑immaġini tagħhom bħala “banek affidabbli”, ma tippermettix li jiġi konkluż li, apparti li tissorvelja s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, l‑intervenjenti teżerċita wkoll il-kontroll fuq il-prodotti u s-servizzi li jfornu lill-konsumaturi, b’tali mod li r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom tista’ tiġi attribwita lilha. Huwa biss dan l-aħħar kriterju li jippermetti li jiġi ddikjarat li t-trade mark ikkontestata individwali, li tagħha l-intervenjenti hija proprjetarja, tindika li l-prodotti u s-servizzi li hija turi li joriġinaw minn impriża unika, li b’hekk jippermettilha, filwaqt li tiżgura l-oriġini kummerċjali tagħhom, li tikseb karattru distintiv minħabba l-użu kollettiv tagħha mill-membri tal-grupp Crédit Mutuel.

154    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, it-trade mark ikkontestata individwali ma ġietx użata skont il-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża unika li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti jew ipprovduti u li lilha tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom iżda, kif isostnu, essenzjalment, l-EUIPO u r-rikorrenti, bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali kollettiva jew, b’mod iktar preċiż, bħala indikazzjoni li l‑prodotti u s-servizzi inkwistjoni joriġinaw minn produttur jew minn fornitur li jappartjeni għall-assoċjazzjoni jew għall-grupp ikkostitwit minn banek imsieħba fil-grupp Crédit Mutuel. Barra minn hekk, l‑intervenjenti tiddikjara espressament (ara l-argumenti tal-intervenjenti mfakkra fil-punti 122 sa 127 hawn fuq) li t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi sinjal ta’ rikonoxximent għall-pubbliku rilevanti ta’ appartenenza fil-grupp Crédit Mutuel.

155    Tali użu tat-trade mark ikkontestata bħala indikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ bank li jappartjeni lill-grupp Crédit Mutuel jista’, jekk ikun il-każ, jippermetti li jiġi kkunsidrat li trade mark kollettiva tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tagħha. Fil‑fatt, differenti minn trade mark individwali, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea kollettiva ma tkoprix prodotti jew servizzi li joriġinaw minn impriża unika, iżda tippermetti, bis-saħħa tal-Artikolu 74 tar‑Regolament 2017/1001, li tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tal‑prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri inkwantu joriġinaw minn membri tal-assoċjazzjoni ta’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C-689/15, EU:C:2017:434, punt 50, u tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C-673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 57).

156    L-argument tal-intervenjenti li l-konsumatur jorbot is-servizzi bankarji offruti taħt it-trade mark Crédit Mutuel mal-grupp Crédit Mutuel biex b’hekk jiddistingwihom minn dawk li ġejjin minn x’imkien ieħor huwa pjuttost eżempju tal-użu ta’ din it-trade mark bħala trade mark kollettiva, milli bħala trade mark individwali.

157    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 138 hawn fuq, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali u mhux bħala trade mark kollettiva.

158    Peress li l-intervenjenti ma stabbilixxietx li t-trade mark ikkontestata individwali tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali, jiġifieri dik li tiggarantixxi li l-prodotti u s-servizzi li hija tkopri joriġinaw minn impriża unika li taħt il-kontroll tagħha huma pprovduti u li b’hekk lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal‑kwalità tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 142 hawn fuq, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark kisbet karattru distintiv bl-użu li sar minnha mill-membri tal-grupp Crédit Mutuel.

159    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt, ippreżentat mir-rikorrent, li, sabiex jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-klijenti tagħhom, il-Crédit Mutuel Arkéa u ċ-CM11-CIC, żewġ gruppi awtonomi u kompetituri, li madwarhom huma strutturati l-banek mutwalisti li jiffurmaw parti mill-assoċjazzjoni li tagħha l-intervenjenti hija l-organu ċentrali, minbarra t-trade mark ikkontestata jużaw trade marks differenti jew jassoċjawha ma’ logo speċifiku sabiex jindikaw l‑oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi bħala li joriġinaw minn grupp wieħed jew ieħor. Dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mill-intervenjenti, li madankollu tikkunsidra li ma huwiex rilevanti sa fejn l-eżistenza ta’ trade marks tagħha sabiex ikopru l‑prodotti u s-servizzi proposti rispettivament mir-rikorrent u miċ‑CM11-CIC ma twarrabx l-użu tat-“trade mark umbrella” Crédit Mutuel, li l-intervenjenti tidher li tikkunsidra bħala t-trade mark użata mill-banek kollha li jappartjenu lill-grupp Crédit Mutuel.

160    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 154 hawn fuq u kif l-intervenjenti tiddikjara hi stess, it-trade mark ikkontestata, anki jekk tkun ikkunsidrata bħala “trade mark umbrella”, tikkostitwixxi s-sinjal ta’ appartenenza għall-grupp u tindika b’hekk, barra minn hekk, l-oriġini kollettiva tal‑prodotti u tas-servizzi bħala li ġej mill-grupp Crédit Mutuel.

161    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 hawn fuq, it-trade mark ikkontestata individwali għandha tkun kapaċi li tirreferi, waħidha, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, għall-prodotti u s-servizzi msemmija bħala li joriġinaw minn impriża unika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 142 hawn fuq.

162    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Bord tal-Appell kkunsidra b’mod żbaljat, fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istħarriġ tal‑opinjoni pubblika prodotti mill-intervenjenti bħala prova ta’ ksib, bit-trade mark ikkontestata, ta’ karattru distintiv bl-użu juru “mingħajr ambigwità” li l-pubbliku rilevanti kien jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala li tidentifika l-prodotti u s-servizzi bankarji bħala li joriġinaw mill-intervenjenti. Fil-fatt, minn dan l-istħarriġ jirriżulta li l‑persuni intervistati jassoċjaw is-sinjal Crédit Mutuel ma’ bank, jew, b’mod iktar ġenerali, ma’ organu finanzjarju, jew inkella ma’ prodott bankarju bħal self. Dan l-istħarriġ għalhekk jista’ juri, tal-inqas, li, għall-pubbliku rilevanti, is-sinjal Crédit Mutuel ikopri l-prodotti u s‑servizzi li jaqgħu fil-qasam bankarju jew ta’ organu bankarju jew finanzjarju li jfornihom. Barra minn hekk, huwa preċiżament għalhekk li t-trade mark ikkontestata ġiet ikkunsidrata bħala deskrittiva fir‑rigward ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi li jippreżentaw rabta ma’ attivitajiet bankarji.

163    Il-fatt, ippreżentat mill-intervenjenti, li ċertu perċentwali ta’ persuni intervistati jindika li semgħu bl-“isem” Crédit Mutuel bl-ebda mod ma jipprova li l-pubbliku rilevanti jassoċja t-trade mark ikkontestata mal‑intervenjenti, iżda, mill-banda l-oħra, li huwa familjari ma’ dan it‑terminu li għalih jirreferi għal bank, għal organu finanzjarju jew għal prodott bankarju.

164    Il-konklużjoni fil-punt 158 hawn fuq ma hijiex ikkontestata bl‑argumenti l-oħra tal-intervenjenti.

165    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li, sabiex trade mark tikseb karattru distintiv bl-użu, ma huwiex neċessarju li tkun intużat mill-proprjetarju tagħha, iżda huwa biżżejjed li tkun ġiet effettivament użata minn terzi awtorizzati, li huwa l-każ f’dan il-każ fir-rigward tat‑trade mark ikkontestata.

166    Fil-fatt, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-intervenjenti tirrigwarda l‑prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark bil-kunsens tal‑proprjetarju tagħha skont l-Artikolu 18(2) tar‑Regolament 2017/1001, b’dan l-użu ġenwin għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala li sar mill-proprjetarju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni analoga għal dik tal‑Artikolu 18(2) tar-Regolament 2017/1001 f’dak li jirrigwarda l-ksib minn trade mark ta’ karattru distintiv bl-użu, b’tali mod li qabel xejn ma għandux jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ trade mark minn terz bil-kunsens tal‑proprjetarju jippermetti li jiġi stabbilit il-ksib ta’ karattru distintiv bl-użu ta’ trade mark.

167    Fil-fatt, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-verifika tal-użu ġenwin ta’ trade mark, fis‑sens tal‑Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001, huma analogi għal dawk li jikkonċernaw il-ksib tal-karattru distintiv ta’ sinjal permezz tal-użu fid-dawl tar-reġistrazzjoni tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir‑regolament (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 34), hija ma rreferitiex f’dan ir-rigward għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

168    Konsegwentement, il-ġurisprudenza invokata mill-intervenjenti dwar l‑applikazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament 2017/1001 ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir‑regolament.

169    It-tieni nett, l-argument tal-intervenjenti li, anki meta isem ta’ kumpannija, jew isem kummerċjali, minnu nnifsu, m’għandux l-iskop li jiddistingwi prodotti jew servizzi, jista’ jkun hemm użu ta’ tali isem ta’ kumpannija “għal prodotti jew għal servizzi”, meta terz juża s-sinjal imsemmi b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn is-sinjal li jifforma l‑isem tal-kumpannija jew l-isem kummerċjali u l‑prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti mit-terz (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Céline, C-17/06, EU:C:2007:497, punti 21 sa 23), ma jippermettix li jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata tindika lill-proprjetarju bħala li minnu joriġinaw il-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil‑punt 117 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-propretarju tat-trade mark hija l‑intervenjenti, u l-isem tal-kumpannija tagħha huwa “Confédération nationale du Crédit mutuel”. It-trade mark ikkontestata għalhekk ma tikkorrispondix mal-isem tal-kumpannija tagħha.

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti t-tieni u t-tielet motivi tar‑rikors għandhom jintlaqgħu u d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata parzjalment inkwantu l-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv bl-użu għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-ewwel kategorija li għalihom kienet deskrittiva u mhux distintiva, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tar‑rikorrent imqajma sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Bord tal‑Appell tal-karattru distintiv miksub bl-użu tat-trade mark ikkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

171    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha taqsam l-ispejjeż, jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap wieħed jew iktar, kull parti ssostni l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk jidhrilha li huwa ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti tbati porzjoni tal-ispejjeż tal-parti l‑oħra.

172    F’dan il-każ, ir-rikorrent talab sabiex l-EUIPO u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. L-EUIPO talab sabiex ir-rikorrent u l‑intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. L-intervenjenti talbet sabiex ir-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

173    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent, l-EUIPO u l‑intervenjenti tilfu fuq uħud mill-kapijiet tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li, għall-ispejjeż marbuta mar-rikors prinċipali, ir-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu stess u terz tal-ispejjeż tal-EUIPO u tal‑intervenjenti, l-EUIPO għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu stess u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent, u l-intervenjenti għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha. L-intervenjenti għandha tbati l‑ispejjeż marbuta mar-rikors inċidentali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tieni Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju talProprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat8 ta’ Novembru 2017 (Każ R 1724/2016-5) hija annulata inkwantu kkonkludiet li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv bl-użu għall-prodotti u s-servizzi li għalihom hija kienet deskrittiva u mhux distintiva.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikors inċidentali huwa miċħud.

4)      Il-Crédit Mutuel Arkéa huwa kkundannat għal terz talispejjeż tiegħu u għal terz tal-ispejjeż tal-EUIPO u talConfédération nationale du Crédit Mutuel marbuta marrikors prinċipali.

5)      L-EUIPO huwa kkundannat għal żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu u għal żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent marbuta marrikors prinċipali.

6)      Il-Confédération nationale du Crédit Mutuel hija kkundannata għal żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha marbuta mar-rikors prinċipali kif ukoll għall-ispejjeż marbuta marrikors inċidentali.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.