Language of document : ECLI:EU:T:2024:217

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ April 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ kontribuzzjonijiet għall-ġbir ta’ ilma mormi – Ilment ta’ kompetitur – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Imparzjalità oġġettiva – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq – Analiżi ex ante tal-profittabbiltà marġinali – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”

Fil-Kawża T‑486/18 RENV,

Danske Slagtermestre, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn H. Sønderby Christensen, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Barcew, C. Vang u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenut,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Søndahl Wolff, C. Maertens, J. Kronborg u M. Jespersen, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, I. Gâlea (Relatur) u T. Tóth, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (C‑99/21 P, EU:C:2022:510),

wara s-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Danske Slagtermestre, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2259 final tad‑19 ta’ April 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) – id-Danimarka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Danske Slagtermestre hija assoċjazzjoni professjonali li tgħid li tirrappreżenta impriżi żgħar ta’ bejjiegħa tal-laħam, biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa u impriżi ta’ pproċessar Daniżi.

3        Fis-26 ta’ Settembru 2013, hija ressqet ilment mal-Kummissjoni Ewropea, għar-raġuni li r-Renju tad-Danimarka, permezz tal-adozzjoni tal-lov nr. 902/2013 om ændring af lov om betalingsregler for spildevandsforsyningsselskaber m.v (Betalingsstruktur for vandafledningsbidrag, bemyndigelse til opgørelse af særbidrag for behandling af særlig forurenet spildevand m.v.) (il-Liġi Nru 902/2013 li Temenda l-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Kontribuzzjonijiet Dovuti lill-Operaturi ta’ Trattament tal-Ilma Mormi (Struttura tal-Kontribuzzjonijiet għar-Rimi ta’ Ilma Mormi, li Tawtorizza l-Istabbiliment ta’ Kontribuzzjonijiet Partikolari għat-Trattament ta’ Ilma Mormi Partikolarment Imniġġes, eċċ)), ta għajnuna mill-Istat lill-biċċeriji l-kbar taħt forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għat-trattament tal-ilma mormi.

4        Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-lov nr. 633/2010 om betalingsregler for spildevandsforsyningsselskaber m.v. (il-Liġi Nru 633/2010 li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Kontribuzzjonijiet Dovuti lill-Kumpanniji ta’ Ġbir u ta’ Trattament tal-Ilma Mormi) kienet tipprevedi tariffa unitarja għal kull metru kubu ta’ ilma għall-konsumaturi kollha tal-ilma konnessi mal-istess impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, irrispettivament mis-settur ta’ attività tagħhom u mill-konsum tagħhom. Permezz tal-Liġi Nru 902/2013 ġie stabbilit mudell digressiv gradwali li jipprevedi tariffa għal kull metru kubu ta’ ilma mormi stabbilita skont il-volum ta’ ilma mormi skarikat (iktar ’il quddiem il-“mudell gradwali”).

5        Il-mudell gradwali huwa mfassal b’dan il-mod:

–        il-parti 1 tikkorrispondi għal konsum ta’ ilma ta’ inqas minn jew ekwivalenti għal 500m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli;

–        il-parti 2 tikkorrispondi għall-parti tal-konsum ta’ ilma ta’ bejn 500m³ u 20 000m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli, u

–        il-parti 3 tikkorrispondi għall-parti tal-konsum ta’ ilma li jeċċedi 20 000m³ fis-sena għal kull proprjetà immobbli.

6        It-tariffa għal kull metru kubu għal kull waħda minn dawn il-partijiet hija ffissata b’dan il-mod:

–        it-tariffa għal kull metru kubu tal-parti 2 hija ta’ 20 % inqas minn dik tal-parti 1;

–        it-tariffa għal kull metru kubu tal-parti 3 hija ta’ 60 % inqas minn dik tal-parti 1.

7        Fil-kuntest tal-mudell gradwali, il-konsumaturi li jaqgħu taħt il-parti 3 għalhekk iħallsu qabel kollox it-tariffa prevista għall-parti 1 sakemm il-konsum ta’ ilma tagħhom jaqbeż il-500 m³. Sussegwentement huma jħallsu t-tariffa prevista għall-parti 2 sakemm il-konsum tagħhom jaqbeż l-20 000 m³, u, fl-aħħar nett, iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għat-trattament tal-ilma mormi skont it-tariffa prevista għall-parti 3.

8        Bejn l‑10 ta’ Ottubru 2013 u t‑12 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ġabret u skambjat informazzjoni dwar l-ilment mar-rikorrenti u mar-Renju tad-Danimarka. Fit‑23 ta’ Lulju 2014 u fil‑25 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ evalwazzjoni preliminari lir-rikorrenti, li fihom hija qieset li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

9        Fid‑19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija qieset li l-kontribuzzjoni stabbilita bil-Liġi Nru 920/2013 (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi”) ma kienet tagħti ebda vantaġġ partikolari lil impriżi speċifiċi u li għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

10      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li operatur privat f’ekonomija tas-suq kien jimplimenta l-mudell gradwali. F’dan ir-rigward, qabel kollox fil-paragrafu 36 tad-deċiżjoni kkontestata hija stabbilixxiet li, peress li l-mudell gradwali kien jirrigwarda t-tariffikazzjoni ta’ infrastrutturi miftuħa li ma huma suġġetti għal ebda utent finali speċifiku, hija tivverifika, bis-saħħa tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2016”), jekk, permezz tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, l-utenti tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi fid-Danimarka jikkontribwixxux progressivament, minn perspettiva ex ante, għall-profittabbiltà ta’ dawn l-impjanti. Fil-paragrafi 37 u 38 tal-istess deċiżjoni hija indikat ukoll li dan ikun il-każ li kieku l-imsemmija kontribuzzjoni kellha tippermetti li, fuq perijodu medju, jiġu koperti l-ispejjeż marġinali tagħhom.

11      Sussegwentement, fil-paragrafi 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kien “raġonevoli” l-approċċ tal-awtoritajiet Daniżi li n-nefqa tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi tkun komposta minn 80 % ta’ spiża fissa u 20 % ta’ spiża varjabbli, fejn tal-ewwel kellhom jitqassmu b’mod ugwali bejn l-utenti kollha filwaqt li tat-tieni setgħu jiġu imputati fuq l-utent ikkonċernat. Fil-paragrafu 41 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tariffi korrispondenti għall-partijiet 2 u 3 kienu ogħla mill-ispejjeż totali tal-imsemmija impjanti u li jibqgħu tali anki jekk ir-relazzjoni bejn l-ispiża fissa u l-ispiża varjabbli kellha tkun mhux ta’ 80/20 iżda, pereżempju, ta’ 70/30. Minn dan hija kkonkludiet fil-paragrafu 42 tal-istess deċiżjoni li l-utenti tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi fid-Danimarka jikkontribwixxu għall-profittabbiltà tagħhom, fis-sens tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, fejn il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi tiġi ddeterminata fuq il-bażi ta’ mudell gradwali.

12      Fl-aħħar nett, fil-paragrafi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, fil-każ ta’ żieda fil-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, ikun possibbli għall-impriżi l-kbar li jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom man-network ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi eżistenti biex joħolqu l-impjanti tagħhom, f’liema każ dawn l-impriżi l-kbar ma jkollhomx iżjed iħallsu l-imsemmija kontribuzzjoni.

13      Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (T‑486/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”, EU:T:2020:576), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi.

14      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni, (C‑99/21 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2022:510), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali.

15      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija kellha l-elementi neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni definittiva dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet att regolatorju li ma kienx fih miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’hekk hija ddeċidiet li peress li r-rikorrenti kienet direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata, hija kellha locus standi kontriha u li dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tagħha, kien inammissibbli.

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li riżervat l-ispejjeż, bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha fuq il-mertu.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Ir-Renju tad-Danimarka, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

20      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li, fis-sentenza taħt appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kien ammissibbli (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

21      B’hekk, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-partijiet relatati mal-ammissibbiltà tar-rikors u jeħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi li permezz tagħhom ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

22      F’dan ir-rigward, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), it-tieni, fuq il-ksur tad-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma tagħti ebda vantaġġ, ir-raba’, fuq argument li dan il-vantaġġ huwa selettiv, il-ħames, fuq l-imputabbiltà tal-mudell gradwali fuq l-Istat Daniż u fuq l-għoti tiegħu permezz ta’ riżorsi pubbliċi, is-sitt, fuq ostakolu għall-kompetizzjoni u, is-seba’ fuq effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

23      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità

24      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni marret kontra r-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, minħabba s-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li fih kienet tinsab Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni li ffirmat id-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni”). F’dan is-sens, hija ssostni li l-imsemmi membru kienet ipparteċipat, fi ħdan il-Gvern Daniż, fit-tfassil tal-Liġi Nru 902/2013 fil-kapaċità tagħha bħala Ministru għall-Ekonomija u għall-Intern, bħala Viċi Prim Ministru u membru fil-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta’ dan il-gvern. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213) u tad-Deċiżjoni tagħha tal‑31 ta’ Jannar 2018 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU 2018, C 65, p. 7).

25      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud. Fil-fehma tagħha, l-ewwel nett, ir-responsabbiltà għat-tfassil tal-Liġi Nru 902/2013 kienet taqa’ fuq il-Ministru għall-Ambjent u mhux fuq il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni. It-tieni nett, ir-rwol tiegħu bħala membru tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Gvern huwa nieqes minn rilevanza peress li l-approvazzjoni ta’ abbozz ta’ liġi mill-imsemmi kumitat ifisser sempliċement li l-Gvern ikun qiegħed jissottometti l-abbozz lill-Parlament Daniż. It-tielet nett, fl-assenza ta’ interess personali tal-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni li jista’ jinfluwenza l-eżerċizzju indipendenti tal-funzjonijiet tagħha, b’mod partikolari benefiċċju jew vantaġġ potenzjali għaliha, għall-konjuġi tagħha jew għall-membri diretti tal-familja tagħha, ma hemmx kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 2(6) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kummissjoni. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, bis-saħħa tal-Artikolu 250 TFUE u tal-Artikolu 2(4) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tagħha, id-deċiżjonijiet tagħha jiġu adottati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, b’maġġoranza tagħhom, b’tali mod li wieħed biss mill-Membri tagħha ma jistax ikollu influwenza determinanti fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

26      L-Artikolu 41(1) tal-Karta jiddikjara, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ imparzjalità, impost fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament li hija l-bażi tal-Unjoni. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ integrità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll id-dehra esterna tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri kull ċirkustanza li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal mitlub li jesprimi ruħu dwar każ għandu raġonevolment jinterpreta bħala li hija ta’ natura li tidher, f’għajnejn terzi, li tista’ taffettwa l-indipendenza tiegħu fil-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jingħad ukoll li dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità fl-aspett tiegħu dwar l-imparzjalità oġġettiva, li skontha l-istituzzjoni kkonċernata għandha toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn l-apparenzi wkoll jistgħu jkunu ta’ importanza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi pprovat li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità, iżda huwa meħtieġ li dubju leġittimu f’dan ir-rigward ikun jeżisti u li ma jistax jiġi eliminat (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wollf u Remedi vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 37).

30      Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imparzjalità oġġettiva ta’ kumitat setgħet tiġi kompromessa meta kunflitt ta’ interessi min-naħa ta’ wieħed mill-membri tiegħu setgħet tirriżulta f’sovrappożizzjoni ta’ funzjonijiet, u dan indipendentement mill-aġir personali tal-imsemmi membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 30).

31      F’dan il-każ, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta l-imparzjalità oġġettiva tal-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni billi tenfasizza li din il-membru, minn naħa, kienet ipparteċipat fl-adozzjoni tal-Liġi Nru 902/2013 bis-saħħa tal-funzjonijiet tagħha fi ħdan il-Gvern Daniż u, min-naħa l-oħra, assumiet ir-“responsabbiltà amministrattiva suprema” għall-ipproċessar tal-ilment tagħha u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Fl-ewwel lok, kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa minnu li, minn naħa, hija l-Ministru għall-Ambjent Daniża, u mhux il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni, li kienet ippreżentat l-abbozz li ta lok għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 902/2013 u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija liġi kienet ġiet adottata wara vot b’maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Daniż.

33      Madankollu, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni, qabel ma okkupat din il-kariga, kienet, fil-mument tas-sottomissjoni tal-abbozz li ta lok għal-Liġi Nru 902/2013 u tal-adozzjoni tagħha, Ministru għall-Ekonomija u għall-Intern, jiġifieri funzjoni tal-ewwel livell fi ħdan il-Gvern Daniż. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li, fl-istess żmien, l-imsemmija membru kienet ukoll il-Viċi Prim Ministru tar-Renju tad-Danimarka u Membru tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-imsemmi gvern. B’hekk, qabel ma saret Membru tal-Kummissjoni, hija kellha, fi ħdan il-Gvern Daniż, kariga partikolarment importani.

34      It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Liġi Nru 902/2013 kellha bħala għan l-emenda tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-tariffikazzjoni tal-ilma u kienet tinvolvi, għalhekk, miżuri mistennija li jkollhom inċidenza fuq l-ispejjeż tal-individwi u tal-impriżi, bħall-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi. Issa, jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li tali miżuri setgħu jiġu proposti bi qbil mal-Ministru inkarigat mill-ekonomija, jiġifieri l-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni. Wara kollox, l-imsemmija liġi kienet tidħol fil-qafas ta’ pjan ta’ azzjoni kollettiv tal-Gvern Daniż ta’ dak iż-żmien intitolat “Pjan ta’ Tkabbir għad-Danimarka”.

35      It-tielet nett, minn artiklu tal-istampa prodott mir-rikorrenti jirriżulta li, fis‑26 ta’ Frar 2013, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet ħadet sehem f’isem il-Gvern Daniż, mal-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministru għall-Fiskalità, għal konferenza għall-istampa dwar il-preżentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni li kien jinkludi l-abbozz li ta lok għal-Liġi Nru 902/2013. B’mod partikolari, minn naħa, waqt din il-konferenza għall-istampa, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet iddikjarat li “il-Gvern [kien] qed jibgħat sinjal ċar ħafna lill-impriżi” u li dan “ma [kienx] ser jimponi żiedet ġenerali ġodda fit-taxxi u fid-dazji għall-impriżi”. Min-naħa l-oħra, matul l-istess konferenza għall-istampa, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet ukoll spjegat li, “minbarra t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji […], [kien] hemm ċertu numru ta’ tnaqqis fiskali, b’mod partikolari […] tnaqqis tat-taxx tal-ilma mormi”.

36      B’hekk, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet ħadet pożizzjoni dwar il-pjan nazzjonali, b’mod pubbliku u espliċitu, favur it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi.

37      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jista’ jiġi leġittimament ikkunsidrat li l-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kellha interess biex il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi previst mil-Liġi Nru 902/2013, li hija miżura ta’ tnaqqis tat-tariffa għat-trattament tal-ilma mormi favur l-iktar konsumaturi importanti, ma titqegħidx inkwistjoni minħabba l-illegalità tagħha fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

38      Fit-tieni lok, jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva fi ħdan il-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż li tali interess jivvizzja l-imsemmija proċedura bi ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità.

39      F’dan ir-rigward, ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 250 TFUE jipprevedi li d-deliberazzjonijiet tagħha jiġu konklużi bil-maġġoranza tal-membri tagħha, fejn għalhekk il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni ma kellha ebda influwenza preponderanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Xorta jibqa’ l-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 248 TFUE “ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu organizzati u mqassma fost il-membri tagħha mill-President tagħha”, li jista’ “jqalleb l-allokazzjoni ta’ dawk ir-responsabbiltajiet matul iż-żmien li l-Kummissjoni tkun fil-kariga”. B’mod iktar speċifiku, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, kif emendati bid-Deċiżjoni 2010/138/EU, Euratom tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Frar 2010 (ĠU 2010, L 55, p. 60), “il-President jagħti lill-Membri tal-Kummissjoni oqsma ta’ attivitajiet partikolari li għalihom ikunu speċifikament responsabbli għat-tħejjija tal-ħidmiet tal-Kummissjoni u t-twettiq tad-deċiżjonijiet tagħha”.

41      B’hekk, minkejja n-natura kolleġġjali tal-metodu ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet, fil-kapaċità tagħha bħala Membru responsabbli għall-kompetizzjoni, speċifikament responsabbli mill-tfassil tad-deċiżjoni kkontestata, liema fatt barra minn hekk il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta, billi indikat li hija kellha r-“responsabbiltà suprema mit-tfassil tal-abbozz ta’ din id-deċiżjoni”. F’dan ir-rigward, ir-rwol ta’ tfassil jikkostitwixxi rwol importanti fir-rigward tad-deċiżjoni adottata in fine mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 33).

42      Tali evalwazzjoni hija msaħħa, b’mod partikolari fil-perċezzjoni tat-terzi, bil-fatt, enfasizzat essenzjalment mir-rikorrenti, li l-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni hija l-unika firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, minkejja l-interess tagħha fir-rigward tal-Liġi Nru 902/2013 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kellha responsabbiltà partikolari fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tirrigwarda l-eżami ta’ miżura prevista mill-imsemmija liġi fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

44      Issa, fir-rigward tal-apparenzi, tali sitwazzjoni hija ta’ natura li tqajjem, fil-ħsieb tat-terzi, dubji leġittimi dwar possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità tal-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni, u dan indipendentement mill-kondotta personali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti sabiex jitneħħew id-dubji hekk maħluqa. Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 sa 30 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma toffrix garanziji suffiċjenti fejn tidħol imparzjalità oġġettiva.

45      B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li t-tieni motiv jintlaqa’ fl-intier tiegħu. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati, minn naħa, l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv u lanqas, min-naħa l-oħra, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-assenza ta’ interessi personali jew tal-familja tal-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni, sa fejn dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-imparzjalità suġġettiva.

46      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġi eżaminat, għal finijiet ta’ kompletezza, it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjoni għat-trattament ta’ ilma mormi ma kinitx iġġib magħha l-eżistenza ta’ vantaġġ.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ

47      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma kien jagħti ebda vantaġġ lil impriżi speċifiċi u li għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

48      It-tielet motiv huwa mfassal, essenzjalment, madwar żewġ partijiet Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ operatur privat”) ma kienx applikabbli. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li, anki li kieku kellu jitqies li huwa applikabbli, dan il-prinċipju ma huwiex issodisfatt hawnhekk.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat

49      Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ operatur privat ma kienx applikabbli, peress li, l-ewwel nett, ma jeżistix suq effettiv tal-ġbir ta’ dan l-ilma mormi fid-Danimarka, it-tieni nett, tali prinċipju qatt ma ġie applikat għal miżura ta’ portata ġenerali jew għal miżura ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjoni tal-oneru u, it-tielet nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti tal-mudell gradwali fuq il-klijenti u l-fornituri tal-biċċeriji.

50      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

51      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex miżura nazzjonali tiġi kkategorizzata bħala għajnuna mill-Istat, fosthom kundizzjoni li skontha l-miżura tal-Istat li hija inkwistjoni, f’każ speċifiku, għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-impriża jew lill-impriżi li huma benefiċjarji tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punti 102 u 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, tagħti “vantaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kull miżura tal-Istat li, tkun liema tkun il-forma u l-għanijiet tagħha, tista’ tiffavorixxi impriża jew numru ta’ impriżi direttament jew indirettament, jew li tagħtihom vantaġġ li dawn ma setgħux jiksbu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-karatterizzazzjoni ta’ tali vantaġġ isseħħ, bħala prinċipju, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, sakemm ma tkun teżisti ebda possibbiltà li jiġi pparagunat l-aġir tal-Istat li huwa inkwistjoni f’każ speċifiku ma dak ta’ operatur privat, minħabba li dan l-aġir huwa għalkollox marbut mal-eżistenza ta’ infrastruttura li ebda operatur privat ma seta’ qatt jikkostitwixxi jew sakemm l-Istat ikun aġixxa fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika, fejn madankollu għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi implimentazzjoni tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħall-użu ta’ mezzi ta’ natura leġiżlattiva jew fiskali, ma twassalx, fiha nnifisha, għan-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju, bħalma ma twassalx għat-tiftix ta’ għanijiet ta’ politika pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punti 108 u 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, hija n-natura ekonomika tal-intervent tal-Istat inkwistjoni u mhux il-mezzi implimentati għal dan il-għan li tirrendi l-imsemmi prinċipju applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 27).

53      F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tikkonċerna t-tariffikazzjoni tat-trattament tal-ilma mormi. F’dan ir-rigward, is-servizz ta’ trattament tal-ilma mormi jsir mill-operaturi tal-infrastrutturi b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi inkwistjoni f’din il-kawża. B’mod iktar partikolari, l-imsemmija miżura għandha bħala għan u bħala effett li tnaqqas it-tariffikazzjoni applikata lill-iktar konsumaturi ta’ ilma importanti. Għaldaqstant, din tista’ tiġi ekwiparata għal tnaqqis kwantitattiv mogħti mill-operatur ta’ infrastruttura lil uħud mill-klijenti tiegħu, b’tali mod li l-aġir tal-Istat inkwistjoni jista’ jiġi pparagunat għal dak ta’ operatur privat.

54      Għalhekk, indipendentement min-natura ġenerali tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, l-intervent tal-awtoritajiet Daniżi meta tiġi adottata din il-miżura huwa ta’ natura ekonomika, b’tali mod li kull vantaġġ li jirriżulta għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ operatur privat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq.

55      Minn naħa, tali konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-ineżistenza ta’ suq tat-trattament tal-ilma mormi. Fil-fatt, anki li kieku kellha titqies li ġiet stabbilita, tali ċirkustanza, fiha nnifisha, ma twaqqafx l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat, peress li, fl-assenza ta’ kull possibbiltà ta’ paragun tas-sitwazzjoni ta’ impriża pubblika ma’ dik ta’ impriża privata, il-kundizzjonijiet normali tas-suq, li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388, punt 38).

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ eżami, mill-Kummissjoni, tal-effetti tal-mudell gradwali fuq il-klijenti u l-fornituri tal-biċċeriji, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti ma ssostnix, fil-verità, li l-prinċipju ta’ operatur privat ma kienx applikabbli, iżda hija tikkontesta l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju mill-Kummissjoni. B’hekk, l-imsemmi argument ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-parti.

57      Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ operatur privat kien applikabbli f’dan il-każ u, għalhekk, li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat

58      Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat.

59      F’dan ir-rigward, hija tilmenta b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni valuri medji mingħajr ma eżaminat l-ispejjeż ta’ kull utent, kif jirrikjedi l-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha billi ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi paragrafu 228 kien applikabbli, biex sussegwentement ibbażat l-analiżi tagħha fuq valuri medji li kienu jikkorrispondu għal numru limitat ta’ impjanti ta’ trattament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat bħala spejjeż fissi, miġbura b’mod ugwali minn fost l-utenti differenti kollha, spejjeż marbuta ma tqegħid ta’ pajpijiet, minkejja li tali pajpijiet kienu jservu biss lil ċerti impriżi speċifiċi u kienu mbiegħda mill-impjant ta’ trattament tal-ilma mormi. Fl-aħħar nett, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fil-verità jkun estremament diffiċli għall-impriżi li jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom man-network ta’ impjanti ta’ trattament eżistenti.

60      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

61      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lill-utenti finali ta’ infrastruttura, hija għandha tħares lejn il-kwistjoni mill-perspettiva tal-operatur tagħha. B’hekk, fil-fehma tagħha, f’dan il-każ hija kellha tiddetermina jekk operatur privat li jkun jinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-operatur ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi kienx jadotta l-mudell gradwali, fejn għalhekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq paragun tal-kontribuzzjoni bejn il-biċċeriji ma huwiex rilevanti.

62      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li wettqet applikazzjoni żbaljata tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal-2016 fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan is-sens, qabel kollox, hija ssostni li peress li l-mudell gradwali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali għall-utenti kollha ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi fit-territorju Daniż, hija ma kellhiex obbligu teżamina l-ammont tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi mħallsa minn kull utent individwali. Sussegwentement, hija tenfasizza li l-mudell gradwali jistrieħ fuq formola li tippermetti kalkolu għal kull utent fit-territorju Daniż, billi l-ispejjeż fissi bejn l-utenti kollha jitqassmu b’mod ugwali, u billi l-ispejjeż varjabbli jiġu imputati fuq kull utent. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li hija vverifikat jekk il-kontribuzzjonijiet imnaqqsa, ikkalkolati fuq il-bażi ta’ din il-formola, kinux ikopru l-ispejjeż inkorsi mill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi, liema fatt jikkostitwixxi element suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ operatur privat kien issodisfatt.

63      It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż marbuta mal-pajpijiet, billi enfasizzat li t-tqegħid, il-manutenzjoni u l-ġestjoni ta’ network ta’ pajpijiet jibbenefikaw lill-utenti kollha taħt l-istess kundizzjonijiet, b’tali mod li tali spejjeż għandhom jitqiesu bħala fissi, u għandhom jitqassmu bejn l-utenti kollha, u mhux bħala spejjeż marġinali marbuta mal-preżenza ta’ utent partikolari.

64      Ir-raba’ nett, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li l-biċċeriji l-kbar ma jistgħux jagħżlu li jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom ma’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi eżistenti huwa ineffettiv, sa fejn ma huwiex determinanti għall-konklużjoni li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma fihiex l-eżistenza ta’ vantaġġ. Min-naħa l-oħra, l-istess argument ma huwiex fondat sa fejn l-imsemmija impriżi jgawdu minn fakultà reali li jipproċedu għal tali twaqqif tal-konnessjoni, skont kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Daniżi u mfakkra fid-deċiżjoni kkontestata.

65      Min-naħa tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-mudell gradwali ma jagħtix vantaġġ lil impriżi speċifiċi. F’dan is-sens, huwa jenfasizza li t-tariffi differenti kkalkolati fuq il-bażi ta’ dan il-mudell sempliċement jirriflettu l-ispejjeż realment sostnuti mill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi, u dan b’mod iktar rappreżentattiv tar-realtà milli t-tariffa unitarja għal kull metru kubu ta’ ilma previst mil-Liġi Nru 633/2010. Skont ir-Renju tad-Danimarka, operatur privat adotta tali struttura tariffarja peress li qabel kollox jipprova jkopri l-ispejjeż tiegħu u jżomm miegħu l-iktar klijenti importanti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-mudell gradwali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż dwar il-pajpijiet marbuta ma’ ċerti utenti, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, inkwistjoni f’din il-kawża, ma hijiex l-unika kontribuzzjoni mħallsa lill-operaturi tal-impjanti ta’ trattament u li l-Liġi Nru 902/2013 tipprevedi wkoll kontribuzzjoni msejħa ta’ konnessjoni, ta’ ammont uniku u fiss, li titħallas mal-konnessjoni ta’ art mal-infrastruttura u li tistrieħ fuq prinċipju ta’ solidarjetà ġeografika, li skontu l-prezz tal-konnessjoni huwa l-istess tkun liema tkun id-distanza bejn l-art inkwistjoni u l-impjant ta’ trattament tal-ilma mormi kkonċernat.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat jimplika li l-Kummissjoni turi, wara evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li l-impriża jew l-impriżi benefiċjarji tal-miżura statali inkwistjoni ma kinux manifestament kisbu vantaġġ paragunabbli min-naħa ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti li jkun jinsab f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun simili u li jaġixxi taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opzjonijiet kollha li tali operatur raġonevolment kien ħa inkunsiderazzjoni, kull element ta’ informazzjoni disponibbli u li jista’ jinfluwenza b’mod sinjifikattiv id-deċiżjoni tiegħu kif ukoll żviluppi prevedibbli fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħata vantaġġ (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiddedika ruħha biex tevalwa jekk, f’dik id-data, it-tranżazzjoni li permezz tagħha ngħata l-vantaġġ setgħetx titqies li fiha ħsieb ekonomiku, kummerċjali u finanzjarju, fid-dawl tal-perspettivi tagħha ta’ profitabbiltà fuq terminu qasir jew fuq terminu itwal kif ukoll tal-interessi kummerċjali jew ekonomiċi l-oħra li kienet tinvolvi (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżami li għandha ssir mill-Kummissjoni, meta jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa li fil-kuntest tagħha din l-istituzzjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, fil-kuntest tal-kontroll li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, u għandha tikkontrolla jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jinsiltu minnha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan ir-rigward, huwa fuq il-Kummissjoni li jaqa’ l-oneru tal-prova dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ġewx issodisfatti jew le (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Lark vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn tali oneru tal-prova ma jistax jiġi ssodisfatt bid-dikjarazzjoni ta’ sempliċi ipoteżi mhux issostanzjati suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 205).

70      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti intiż li jqiegħed inkwistjoni l-mod kif il-Kummissjoni applikat il-prinċipju ta’ operatur privat fid-deċiżjoni kkontestata.

71      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma kinitx iġġib magħha l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn din kienet konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà prevista fit-tieni sar-raba’ sentenzi tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal-2016. Minn naħa, fil-paragrafu 36 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rriproduċiet dawn is-sentenzi. Min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 42 tal-istess deċiżjoni, hija kkonkludiet li “konformement mal-paragrafu 228 tal-[Komunikazzjoni tal‑2016], permezz [tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi], l-utenti ta’ kull impjant ta’ trattament tal-ilma morni [kienu] jikkontribwixxu għall-profitabbiltà ta’ dan l-impjant”.

72      F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tagħha mfakkra fil-punt 68 iktar ’il fuq, li għandha tagħżel il-metodu xieraq fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq analiżi kompleta tal-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, biex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja rċevietx vantaġġ ekonomiku li hija ma kisbitx taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, EU:T:2018:953, punt 142, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, TUIfly vs Il‑Kummissjoni, T‑447/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:625, punt 80).

73      B’danakollu, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida jew komunikazzjoni intiżi li jippreċiżaw il-kriterji li hija għandha l-intenzjoni li tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa peress li din ikollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija stess imponiet fuqha nnifisha, sa fejn dawn ir-regoli ma jeskludux ir-regoli tat-Trattat. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija tkun tat lilha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il‑Kummissjoni, T‑27/02, EU:T:2004:348, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għalhekk, billi għażlet li tapplika l-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà, hekk kif iddefinit fit-tieni sar-raba’ sentenzi tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, il-Kummissjoni bħala prinċipju kellha obbligu tosserva l-kundizzjonijiet magħmulha fiha. Fl-imsemmija tieni sar-raba’ sentenzi tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha kif ġej:

“Il-Kummissjoni tqis li t-test tal-OES jista’ jkun issodisfat għal finanzjament pubbliku ta’ infrastrutturi miftuħa li mhumiex maħsuba għall-ebda utent(i) speċifiku (speċifiċi) fejn l-utenti tagħhom jikkontribwixxu b’mod inkrimentali, minn perspettiva ex ante, għall-profitabbiltà tal-proġett/operatur. Dan huwa l-każ fejn l-operatur tal-infrastruttura jistabbilixxi arranġamenti kummerċjali ma’ utenti individwali li jippermettu li jkunu koperti l-kostijiet kollha li jirriżultaw minn dawn l-arranġamenti, inkluż marġni ta’ profitt raġonevoli fuq il-bażi ta’ prospetti b’saħħithom fuq medda medja ta’ żmien. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra d-dħul inkrementali kollu u l-kostijiet antiċipati inkrementali kollha mistennija mġarrba mill-operatur b’rabta mal-attivitajiet tal-utent speċifiku.”

75      Minn dan jirriżulta li, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur ta’ infrastruttura pubblika li ma hija suġġetta għal ebda utent iqegħidhiex għad-dispożizzjoni ta’ impriżi taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-“utenti” tal-imsemmija infrastruttura jikkontribwixxux għall-profittabbiltà tagħha, b’mod “progressiv”, skont ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-istess komunikazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża jew Daniża) jew, skont verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod “inkrementali” (ara, f’dan ir‑rigward, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża, Ġermaniża, Spanjola jew Rumena). B’hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà jirrikjedi li jiġu ddeterminati l-ispejjeż inkrementali (jew marġinali) u d-dħul inkrementali (jew marġinali), jiġifieri l-ispejjeż u d-dħul direttament ikkawżati mill-użu tal-infrastruttura minn utent addizzjonali, sabiex jiġi evalwat jekk il-preżenza tiegħu jikkontribwixxix għall-profittabbiltà. Għalhekk, minkejja l-użu tat-terminu “utenti”, fil-plural, l-imsemmi metodu jimplika bħala prinċipju li jkunu jistgħu jiġu ddeterminati l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-preżenza ta’ kull utent individwali ta’ infrastruttura.

76      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata, l-ewwel nett, bit-tielet sentenza tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal-2016 li minnha jirriżulta li l-utenti jikkontribwixxu progressivament għall-profittabbiltà ta’ infrastruttura meta l-operatur tagħha jikkonkludi, “ma’ utenti individwali”, ftehimiet li jippermettulu jsostni l-ispejjeż kollha li jirriżultaw minnha u li jirriżerva għalih innifsu marġni benefiċjarju raġonevoli fuq il-bażi ta’ perspettivi sodisfaċenti fuq perijodu medju.

77      It-tieni nett, skont ir-raba’ sentenza tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà jimplika li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul marġinali kollu u l-ispejjeż marġinali kollha mistennija li se jiġu sostnuti mill-operatur ta’ infrastruttura b’rabta mal-attivitajiet “tal-utent”, fejn dan tal-aħħar huwa indikat fis-singular, fejn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Komunikazzjoni tal‑2016 jagħmlu riferiment, barra minn hekk, għall-kunċett ta’ “utent speċifiku” (ara, f’dan ir‑rigward, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża, Taljana jew Rumena) jew ta’ “utent ikkonċernat” (ara, f’dan ir-rigward, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża).

78      It-tielet nett, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 330 li tinsab fi tmiem il-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, il-Kummissjoni tirreferi, minn naħa, għad-Deċiżjoni tagħha (UE) 2015/508 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-allegata għajnuna infrastrutturali tal-Ġermanja lil Propapier PM2 GmbH – Għajnuna mill-istat SA.36147 (C 30/10) (ex NN 45/10; ex CP 327/08) (ĠU 2015, L 89, p. 72), li kienet tirrigwarda l-eżami ta’ tariffa mnaqqsa li fir-rigward tagħha kien allegat li kienet iġġib magħha vantaġġ favur utent speċifiku ta’ infrastruttura u li fiha hija applikat il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà. Min-naħa l-oħra, f’din l-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni tirreferi għall-paragrafi 61 u 64 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3, rettifika fil-ĠU 2014, C 160, p. 22, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2014”), li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruporti mal-linji tal-ajru individwali (ara l-paragrafu 61 tal-Linji Gwida tal‑2014), li permezz tagħha ġie stabbilit metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà f’termini simili għal dawk tal-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif enfasizzat ġustament ir-rikorrenti, sabiex jiġi applikat, għall-mudell gradwali, il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà hekk kif previst fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, il-Kummissjoni kellha obbligu teżamina, għal kull impriża konnessa ma’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, jekk il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi mħallsa konformement mal-mudell gradwali kinitx ta’ natura li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tagħha tal-infrastruttura inkwistjoni.

80      Issa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li teżamina l-ispejjeż u d-dħul speċifiku għal kull impriża li użat impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi fid-Danimarka ġaladarba hija bbażat ruħha esklużivament fuq data medja dwar l-ispejjeż totali u dwar id-dħul totali ta’ sitta mit-tmienja u disgħin lokalità f’dan il-pajjiż.

81      Għalhekk, ir-rikorrenti ġustament issostni li, billi bbażat ruħha esklużivament fuq tali data, il-Kummissjoni marret kontra l-limiti li hija imponiet fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016.

82      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet applikat il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà mingħajr ma twettaq eżami ta’ kull utent, tali metodu kien ifisser minn tal-inqas li hija tkun f’qagħda li tivverifika li l-mudell gradwali jistrieħ fuq approċċ li jippermetti, b’mod suffiċjentement probabbli, li l-ispejjeż marġinali, jiġifieri l-ispejjeż direttament ikkawżati mill-użu mill-utenti ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, jiġu imputati fuq l-utenti b’mod suffiċjentement probabbli.

83      F’dan ir-rigward, inizjalment, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-paragrafu 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-mudell gradwali kien jistrieħ fuq tqassim tal-ispejjeż totali sostnuti mill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi bejn, minn naħa, l-ispejjeż fissi, maqsuma b’mod ugwali bejn l-utenti kollha u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż varjabbli, imputati lill-utenti differenti skont il-konsum min-naħa tagħhom. Sussegwentement, fil-paragrafi 40 u 41 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul mill-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi wara l-applikazzjoni tat-tariffi li jaqgħu taħt il-partijiet 2 u 3, kien jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż kollha sostnuti mill-operaturi ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, billi bbażat ruħha fuq l-istimi tal-awtoritajiet Daniżi li l-ispejjeż kienu, 20 % jew saħansitra 30 % minnhom, spejjeż varjabbli, u 70 % jew 80 % minnhom, spejjeż fissi (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

84      Huwa minnu li mill-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-awtoritajiet Daniżi segwew approċċ li jissuġġetta l-parti varjabbli tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi għall-ispejjeż varjabbli sostnuti mill-operatur ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi relattivament għal kull utent.

85      Madankollu, fit-tweġiba tagħhom tat‑18 ta’ Mejju 2017 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Daniżi spjegaw li, fl-approċċ li serva bħala bażi għat-tfassil ta’ mudell gradwali, l-ispejjeż varjabbli kienu jinkludu biss spejjeż ta’ operat (“OPEX”) marbuta mal-kwantità ta’ ilma kkunsmat minn utent.

86      Isegwi li, hekk kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, l-ispejjeż kollha li ma kinux marbuta mal-kwantità ta’ ilma kkunsmat ġew ikkunsidrati bħala spejjeż fissi u, għalhekk, tqassmu bejn l-utenti differenti kollha, minkejja li tali spejjeż eżistew minħabba s-sempliċi preżenza ta’ utent speċifiku fuq in-network. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-ispejjeż ta’ investiment (“CAPEX”), bħal dawk marbuta mal-ħolqien u mal-estenzjoni tan-network ta’ pajpijiet, li ġew ikkunsidrati kollha kemm huma bħala spejjeż fissi, inkluż jekk dawn l-ispejjeż kellhom bħala uniku għan il-konnessjoni ta’ utent speċifiku man-network. F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-Renju tad-Danimarka, filwaqt li rrikonoxxa li tali spejjeż ivarjaw skont id-distanza bejn l-impjant u l-utent, indika li dawn kienu mqassma b’mod ugwali bejn l-utenti kollha bis-saħħa tal-prinċipju ta’ solidarjetà ġeografika.

87      Għaldaqstant il-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat, fil-paragrafu 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ivverifikat jekk il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, iddeterminata skont il-mudell gradwali, kinitx tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż inkrementali fuq terminu medju, li, fil-fehma tagħha, kienet tinkludi “il-kategoriji kollha ta’ spejjeż jew ta’ investimenti bħall-ispejjeż ta’ persunal, ta’ tagħmir u ta’ investiment li jirrizulta mill-preżenza tal-utent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

88      Konsegwentement, huwa ċar li l-approċċ li fuqu kien ibbażat il-mudell gradwali ma kienx jippermetti definizzjoni adegwata tal-ispejjeż marġinali sostnuti mill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi.

89      Barra minn hekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument tar-Renju tad-Danimarka bbażat fuq l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni distinta għall-konnessjoni tal-utenti man-network ta’ trattament tal-ilma mormi (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), ġaladarba l-Kummissjoni ma ħaditx tali kontribuzzjoni inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kkonkludiet li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, iddeterminat skont il-mudell gradwali, ma kinitx iġġib magħha l-eżistenza ta’ vantaġġ. Għalhekk il-fatt li tali argument jittieħed inkunsiderazzjoni jwassal lill-Qorti Ġenerali tbiddel l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita li skontha, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-awtur fid-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2021, ITD u Danske Fragtmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑561/18, EU:T:2021:240, punt 249 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Fi kwalunkwe każ, peress tali kontribuzzjoni distinta kienet identika għall-utenti kollha, irrispettivament mid-distanza tagħhom mill-impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ solidarjetà ġeografika, hija ma lanqas ma tippermetti li jiġu imputati lil utent speċifiku l-ispejjeż speċifikament ikkawżati mill-konnessjoni tiegħu man-network.

91      Mill-punti preċedenti jirriżulta li huwa bi ksur tal-limiti li hija imponiet fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, li l-Kummissjoni kkunsidrat, fuq il-bażi tal-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà, li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi kienet konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat.

92      Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 67 iktar ’il fuq, l-azzjoni ta’ operatur privat hija bħala prinċipju mmexxija minn perspettivi ta’ profitabbiltà. B’hekk, meta l-intervent ta’ operatur pubbliku favur impriża jeskludi kull perspettiva ta’ profittabbiltà, anki fit-tul, dan ma tistax titqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Effettivament, kemm fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016 kif ukoll fil-paragrafu 63 tal-Linji Gwida tal‑2014, il-Kummissjoni ssuġġettat espressament l-issodisfar tal-prinċipju ta’ operatur privat għar-rekwiżit ta’ “marġni benefiċjarju raġonevoli” għall-operatur ta’ infrastruttura meta tali operatur jagħti vantaġġ lil utenti tagħha.

94      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafi 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif indikat bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis introdott bil-mudell gradwali l-ġdid seta’ jissodisfa l-prinċipju ta’ operatur privat għas-sempliċi kundizzjoni li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi.

95      Permezz ta’ tali evalwazzjoni, li teskludi kull perspettiva ta’ profittabbiltà, anki fit-tul, il-Kummissjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova biex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), ma setgħetx tistabbilixxi li l-kontribuzzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa tali prinċipju, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti.

96      Effettivament, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-Renju tad-Danimarka indika li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi kienu rregolati mill-prinċipju ta’ “awtofinanzjament”, li, minn naħa, jimponi li l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni jkun suffiċjenti biex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti mill-operatur ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi u, min-naħa l-oħra, jeskludi l-possibbiltà għal tali operatur li jirriżerva marġni benefiċjarju għalih innifsu, fejn l-eċċess b’rabta mal-ispejjeż għandu jiġi investit mill-ġdid u ebda dividendi ma jistgħu jiġu ddistribwiti lill-azzjonisti.

97      Barra minn hekk, kif inhu paċifiku bejn il-partijiet, l-applikazzjoni tal-mudell gradwali tagħti lok, komplessivament, għal tnaqqis fl-ammont tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi meta mqabbel mas-sistema ta’ tariffa unitarja li dan il-mudell gradwali jissostitwixxi. F’dan ir-rigward, kif irrikonoxxiet waqt is-seduta, il-Kummissjoni evalwat il-konformità tal-mudell gradwali mal-prinċipju ta’ operatur privat mingħajr madankollu ma eżaminat il-kwistjoni dwar jekk tali operatur abbandunax is-sistema ta’ tariffa unitarja għall-mudell gradwali, meta dan tal-aħħar kien jidher inqas profittabbiltà. Issa, l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà ddefinita fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016, li l-kliem tagħha huma riprodotti fil-punt 74 iktar ’il fuq, timplika li l-miżura nazzjonali eżaminata mill-Kummissjoni tikkontribwixxi “progressivament” għall-profittabbiltà tal-operatur ta’ infrastruttura, fejn, biex tkun konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat, l-imsemmija miżura hija mistennija li żżid tali profittabbiltà, anki fit-tul, u mhux tnaqqasha.

98      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konkluż li, billi ma eżaminatx jekk il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi kinitx tippermetti lill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi jirriżervaw marġni benefiċjarju, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ operatur privat u, għalhekk, tal-Artikolu 107(1) TFUE.

99      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-paragrafi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid, essenzjalment, li ż-żamma ta’ tariffi għoljin għat-trattament tal-ilma fiha riskju li l-impriżi l-kbar, li jaqgħu taħt il-parti 3, jagħżlu li jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi billi joħolqu l-impjant tagħhom stess u, għalhekk, ma jkunux iżjed suġġetti għall-kontribuzzjoni fuq it-trattament tal-ilma mormi.

100    F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel kollox li jiġi kkonstatat li tali argument ma huwiex ineffettiv, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tikkontesta element li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, biex tissostanzja l-konklużjoni tagħha li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi kienet konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat u, għalhekk, ma kinitx tinvolvi vantaġġ u ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

101    Fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ twaqqif ta’ konnessjoni man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi, jeħtieġ li jiġi osservat li, l-ewwel nett, tali possibbiltà hija suġġetta għas-sodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet sostantivi kumulattivi ddikjarati fl-Artikolu 16(1) u (2) tal-bekendtgørelse nr. 1469 om spildevandstilladelser m.v. efter miljøbeskyttelseslovens kapitel 3 og 4 (id-digriet Nru 1469 dwar l-awtorizzazzjonijiet fil-qasam tat-trattament tal-ilma mormi maħruġa bis-saħħa tal-Kapitoli 3 u 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tat‑12 ta’ Diċembru 2017. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li tali twaqqif ta’ konnessjoni jista’ jiġi awtorizzat biss jekk, minn naħa, il-finanzjament globali tal-operatur tal-impjant ta’ trattament tal-ilma mormi ma jiġix sostanzjalment imnaqqas u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi impjant jista’ jkompli jiffunzjona korrettament mill-perspettiva teknika. B’hekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, tali kundizzjonijiet ma tantx jistgħu jiġu ssodisfatti mill-utenti li jaqgħu taħt il-parti 3, li huma l-iktar importanti u li t-twaqqif ta’ konnessjoni min-naħa tagħhom huwa għalhekk l-iktar wieħed li jista’ jaffettwa l-funzjonament it-tajjeb ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi mill-perspettiva teknika u finanzjarja.

102    It-tieni nett, anki meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jiġu ssodisfatti, il-possibbiltà ta’ twaqqif ta’ konnessjoni man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi ma tikkostitwixxix dritt kweżit iżda hija suġġetta għal permess mill-awtoritajiet komunali, li għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward, hekk kif ġie spjegat mir-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta.

103    It-tielet nett, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka ġibdu l-attenzjoni li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, huma ma kellhomx għarfien ta’ eżempji konkreti ta’ impriżi li waqqfu totalment il-konnessjoni tagħhom man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi li miegħu kienu konnessi, biex joħolqu l-impjant tagħhom stess.

104    Għalhekk, ir-riskju li utenti li jaqgħu taħt il-parti 3 jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-paragrafi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, kien ta’ natura ipotetika u mhux issostanzjat biżżejjed. Konsegwentement, meta kkunsidrat li operatur privat ħa tali riskju inkunsiderazzjoni biex jiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha bis-saħħa tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 iktar ’il fuq.

105    Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll kontra l-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tal‑2016 meta qieset li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma kinitx iġġib magħha l-eżistenza ta’ vantaġġ minħabba li ġiet deċiża minn operatur privat. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’.

106    Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv kif ukoll, għall-kompletezza, it-tielet motiv u, għalhekk, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

107    Konformement mal-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mressqa quddiemha u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

108    Fis-sentenza ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali u rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi f’din is-sentenza, minn naħa, dwar l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mressqa quddiemha, jiġifieri l-proċeduri fil-kawżi T‑486/18 u T‑486/18 RENV kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell, jiġifieri l-proċedura fil-kawża C‑99/21 P.

109    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

110    Peress li l-Kummissjoni tilfet kemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ rinviju, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża kif ukoll mal-kawżi T‑486/18 u C‑99/21 P, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

111    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni C(2018) 2259 final tal-Kummissjoni tad19 ta’ April 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) – id-Danimarka, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Danske Slagtermestre fil-kuntest tal-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Spielmann

Gâlea

Tóth

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.