Language of document : ECLI:EU:C:2008:697

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2008 1(1)

Kawża C‑572/07

RLRE Tellmer Property s.r.o.

vs

Finanční ředitelství v Ústí nad Labem

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Ústí nad Labem (ir-Repubblika Ċeka)]

“Dritt fiskali – Armonizzazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 13 B(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Newtralità tat-taxxa –Eżenżjonijiet bis-saħħa tas-Sitt Diretta – Eżenzjoni tal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli – Lokazzjoni ta’ abitazzjoni jew ta’ bini għal użu mhux ta’ abitazzjoni – Tindif tal-partijiet komuni ta’ immobbli mogħti b’lokazzjoni marbut mal-lokazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ppreżentata skont l-Artikolu 234 KE, il-Krajský soud (il-Qorti Reġjonali) v Ústí nad Labem (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 13B(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) (2).

2.        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn il-kumpannija RLRE Tellmer Property s.r.o. (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti”) u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa Nazzjonali (Finančni ředitelství, iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), dwar l-ammont tal-eżenzjoni mill-VAT tad-dħul mil-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet. B’mod partikolari, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tindif tal-partijiet komuni ta’ immobbli mogħti b’lokazzjoni, li huwa marbut mal-lokazzjoni, huwiex attività ekonomika suġġetta għall-VAT.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fi ħdan it-territorju tal-pajjiż, fil-prinċipju, għandha tkun suġġetta għall-VAT.

4.        L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“1. ’Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:

–        assenjazzjoni [ċessjoni] ta’ proprjetà inkorporali [mhux materjali], kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,

–        obbligazzjoni [obbligu] biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni,

–        l-eżekuzzjoni ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

5.        L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva jirregola kif ġej l-eżenzjoni mill-VAT għal-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet:

“Mingħajr preġudizzju [Bla ħsara] għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni [frodi] possibbli, evitar [evażjoni] u abbuż:

b) il-kiri jew l-aljenazzjoni [il-lokazzjoni] ta’ proprjeta immobbli esklużi:

1. il-proviżjoni ta’ akkomadazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inklużi l-proviżjoni ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;

2. l-aljenazzjoni [il-lokazzjoni] ta’ fondi u sisi [siti] għall-ipparkjar tal-karozzi;

3. il-lokazzjoni ta’ tagħmir u makkinarju installat [b’mod] permanenti;

4. il-kiri [lokazzjoni] ta’ kaxxiforti

L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet għall-iskop ta’ din l-eżenzjoni .”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Mill-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea l-applikazzjoni tal-VAT fir-Repubblika Ċeka hija rregolata mil-Liġi Nru 235/2004 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud. L-Artikolu 56(4) ta’ din il-liġi, bit-titolu “Ċessjoni u lokazzjoni ta’ artijiet, immobbli, appartamenti u bini għal użu mhux ta’ abitazzjoni, lokazzjoni ta’ strutturi oħra” jipprovdi kif ġej fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għal-lokazzjoni ta’ immobbli:

“Il-lokazzjoni ta’ artijiet, ta’ immobbli, ta’ appartamenti u ta’ bini għal użu mhux ta’ abitazzjoni hija eżenti mit-taxxa. L-eżenzjoni ma tinkludix il-lokazzjoni għal żmien qasir ta’ immobbli, il-lokazzjoni ta’ bini jew ta’ spazji għall-ipparkjar ta’ vetturi, il-lokazzjoni ta’ kaxxiforti jew ta’ tagħmir u makkinarju installat b’mod permanenti. Lokazzjoni għal żmien qasir tfisser il-lokazzjoni li tinkludi l-armar intern mobbli u, skont il-każ, il-provvista ta’ elettriku, ta’ tisħin, ta’ gass jew ta’ ilma, għal perijodu massimu ta’ 48 siegħa mingħajr interruzzjoni”.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7.        Ir-rikorrenti hija l-proprjetarja ta’ diversi proprjetajiet immobbli li jinkludu abitazzjonijiet mogħtija b’lokazzjoni. Minbarra l-lokazzjoni normali, hija tiġbor mingħand il-lokaturi tagħha ħlas, iffatturat separatament, għat-tindif tal-partijiet komuni li jsir mill-purtinara tagħha.

8.        Wara li kkonstataw tnaqqis eċċessiv tal-VAT, l-awtoritajiet tat-taxxa ddeċidew li jżidu l-VAT dovuta għax-xahar ta’ Mejju 2006 b’CZK 155 911 abbażi tal-ħlas miġbur għall-attivitajiet ta’ tindif. Wara li fil-5 ta’ Frar 2007 id-Direttorat tat-Taxxa ta’ Ústí nad Labem kien ikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Finanzi ta’ Litvínov fl-20 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

9.        Ir-rikorrenti ssostni li din l-attività ekonomika hija eżenti mill-VAT. Hija tqis li l-lokazzjoni u s-servizzi marbuta mal-użu tal-abitazzjoni jikkostitwixxu provvisti li ma jistgħux jiġu mifruda. F’dan il-kuntest hija tirreferi għad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li turi li provvisti li ma jistgħux jiġu mifruda huma suġġetti għal sistema ta’ VAT waħda, f’dan il-każ dik tal-lokazzjoni eżenti mill-VAT.

10.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, u din l-inċertezza tikkonċerna mhux biss id-dritt nazzjonali iżda wkoll id-dritt Komunitarju. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 (provvista ta’ servizzi) u tal-Artikolu 13 (eżenzjonijiet) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-lokazzjoni ta’ appartament (jekk ikun il-każ, ta’ bini għal użu mhux ta’ abitazzjoni), minn naħa, u t-tindif relatat mal-partijiet komuni, min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala provvisti taxxabbli, indipendenti u distinti minn xulxin?

2.      Jekk, kif issostni l-Krajský soud v Ústí nad Labem, ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, din tal-aħħar tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri l-punt B(1), (i) teħtieġx, (ii) teskludix l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-ispejjeż ta’ tindif tal-partijiet komuni ta’ dar ta’ abitazzjoni mogħtija b’lokazzjoni jew (iii) tħallix f’idejn l-Istat Membru l-kompitu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tagħha?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Id-digriet tar-rinviju tas-17 ta’ Diċembru wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2007.

12.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Ellenika, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fit-terminu previst fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13.      Fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Ellenika kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dehru sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

14.      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali spjegat il-prattika attwali dwar it-tnaqqis tal-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif fir-Repubblika Ċeka. Barra minn hekk hija sostniet li l-lokazzjoni ta’ bini u t-tindif tal-partijiet komuni jikkostitwixxu provvista waħda li mhijiex suġġetta għall-VAT. Barra minn hekk hija enfasizzat in-neċessità għal interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli” mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri.

15.      Billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet legali tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika Ċeka dwar il-lokazzjoni, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ddikjarat li, bħala suġġett ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni, abitazzjoni hija magħmula minn numru ta’ kmamar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex wieħed jirresjedi fiha minħabba l-karatteristiċi tekniċi u funzjonali tagħhom u l-armar tagħhom. Hija tallega li, minn perspettiva ġuridika u prattika, il-partijiet komuni ma jistgħux jingħataw b’lokazzjoni għal finijiet ta’ abitazzjoni. Għaldaqstant hija tipproponi li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda.

16.      Fir-rigward tat-tieni domanda, il-konvenuta tistaqsi fuq in-neċessità li tiġi interpretata s-Sitt Direttiva fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, inkwantu l-leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata b’konformità mad-dritt Komunitarju, tipprovdi risposta ċara dwar l-eżenzjoni tal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli u mhux tas-servizzi kollha pprovduti bħala servizzi indipendenti anki jekk dawn huma relatati mal-provvista eżenti inkwistjoni.

17.      Il-Gvern Ċek iqis li d-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju għandhom jiġu interpretati fis-sens li din tal-aħħar titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk, f’sitwazzjoni fejn il-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni tipprovdi lil-lokatur, minbarra bil-lokazzjoni vera u proprja, b’provvista taħt il-forma ta’ servizzi ta’ tindif tal-partijiet komuni ta’ immobbli mogħti b’lokazzjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ tindif inkwistjoni u l-lokazzjoni jikkostitwixxux flimkien provvista kumplessa u jekk, bħala tali, din taqax taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva.

18.      Barra minn hekk, il-Gvern Ċek ifakkar li l-għan prinċipali tal-kunċett ta’ provvista kumplessa huwa li jiġi evitat li tkun milquta bla bżonn is-sistema tal-VAT, kif jista’ jirriżulta minn separazzjoni artifiċjali ta’ provvista omoġenika mill-perspettiva ekonomika. Dan l-għan ma jiġix ikkunsidrat jekk fil-kawża prinċipali wieħed jibbaża ruħu fuq tali provvista kumplessa.

19.      Konsegwentement, il-Gvern Ċek jipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari tkun li hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu tevalwa jekk provvista li tikkonsisti fil-provvista ta’ xogħlijiet ta’ tindif u provvista li tikkonsisti fil-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet jissodisfawx globalment il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala provvista kumplessa fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti, huwa jikkunsidra li fil-kawża prinċipali din id-domanda tista’ tingħata biss risposta negattiva.

20.      Madankollu, jekk il-qorti nazzjonali tasal għal konklużjoni oħra, il-Gvern Ċek huwa tal-opinjoni li t-traspożizzjoni tal-kunċett ta’ provvista kumplessa fil-kuntest ta’ din il-kawża hija f’kuntradizzjoni mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjonijiet li jinsabu fis-Sitt Direttiva.

21.      Minn naħa, il-Kummissjoni tipprovdi li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva huma kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu. Barra minn hekk, peress li dawn l-eżenzjonijiet għandhom natura derogatorja, dawn għandhom ukoll jiġu interpretati b’mod restrittiv. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sentenza Faalborg-Gelting Linien (3), il-Kummissjoni tistaqsi jekk it-tindif tal-partijiet komuni ta’ abitazzjoni għandux jiġi meqjus bħala provvista anċillari meta mqabbel mal-provvista prinċipali li hija l-lokazzjoni.

22.      Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari tkun li l-eżenzjoni mill-VAT għal-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet skont l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tapplika esklużivament għall-attività ekonomika tal-lokazzjoni iżda li provvista li tikkonsisti f’servizzi ta’ tindif tal-partijiet komuni tista’ taqa’ taħt din l-eżenzjoni, sakemm din tifforma parti mill-kuntratt ta’ lokazzjoni bħala provvista anċillari. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk it-tindif tal-partijiet komuni huwiex parti mil-lokazzjoni u f’dan il-kuntest għandha tevalwa kemm il-kliem tal-kuntratt ta’ lokazzjoni kif ukoll il-prattika stabbilita.

23.      Il-Gvern Elleniku jiċħad kull interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. Huwa jqis li jekk wieħed isegwi l-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti, kull spiża sostnuta għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-proprjetà mogħtija b’lokazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, huwa jipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari tkun li l-lokazzjoni ta’ abitazzjoni jew ta’ bini għal użu mhux ta’ abitazzjoni għandha tkun meqjusa bħala servizz distint minn dak tat-tindif tal-partijiet komuni. Żewġ provvisti distinti huma kkonċernati, waħda – il-lokazzjoni – eżenti mill-VAT, filwaqt li l-oħra – it-tindif tal-partijiet komuni – hija suġġetta għat-taxxa.

VI – L-evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjoni preliminari

24.      It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea għal 10 Stati Membri ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004 u għal tnejn oħra fl-1 ta’ Jannar 2007 jikkostitwixxi avveniment importanti fl-istorja ta’ din is-sistema ta’ integrazzjoni, li għandu konsegwenzi ġeopolitiċi profondi. Minbarra l-ksib tal-istatus ta’ Stat Membru u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, it-tkabbir irriżulta wkoll fir-rigward tal-Istati Membri l-ġodda fl-obbligu li jinkorporaw l-“acquis communautaire”, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom stess (4). L-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fissret għaldaqstant l-adeżjoni mas-sistema komuni tal-VAT, sistema armonizzata ta’ tassazzjoni tad-dħul mill-bejgħ, li l-għan essenzjali tagħha huwa kemm fiskali kif ukoll ta’ politika ekonomika.

25.      Filwaqt li l-ewwel aspett huwa relatat mal-finanzjament tal-Komunità permezz tar-riżorsi tagħha stess (5), l-għan ta’ politika ekonomika tal-armonizzazzjoni huwa li jiġu eliminati l-fatturi li jirriżultaw mis-sistemi differenti tal-VAT, li jistgħu jikkawżaw distorsjoni tal-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell Komunitarju (6). Sabiex tiġi garantita l-effettività ta’ din is-sistema komuni ta’ VAT, huwa għaldaqstant neċessarju li d-direttivi dwar il-VAT ikunu trasposti u interpretati b’mod uniformi, inklużi l-eżenzjonijiet previsti fis-Sitt Direttiva (7), inkwistjoni f’din il-kawża.

26.      Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13B(b) dwar l-eżenzjonijiet mill-VAT għal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda hija essenzjalment intiża sabiex tistabbilixxi jekk it-tindif tal-partijiet komuni f’bini mogħti b’lokazzjoni huwiex inkluż fil-kunċett ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni]” b’tali mod li r-remunerazzjoni li l-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni tirċievi mingħand il-lokatur għat-twettiq ta’ din l-attività għandha tiġi meqjusa bħala eżenti mill-VAT bl-istess mod bħall-ħlas għal-lokazzjoni. It-tieni domanda hija magħmula biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkontesta l-eżistenza ta’ tali rabta kunċettwali bejn iż-żewġ provvisti u din tikkonċerna l-punt dwar jekk obbligu ta’ tassazzjoni jirriżultax mid-dritt Komunitarju jew mid-dritt nazzjonali.

B –    Fuq l-ewwel domanda

1.      Il-kunċett ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni]” fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva

27.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk it-tindif tal-partijiet komuni huwiex kopert mill-kunċett ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni]” jeħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi interpretata s-Sitt Direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 13B(b) tagħha, u f’dan il-kuntest jeħtieġ li ssir referenza mhux biss għall-metodi ta’ interpretazzjoni normali tal-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji, iżda wkoll għall-prinċipji ta’ interpretazzjoni karatteristiċi għas-sistema ta’ VAT tal-Komunità (8). Il-klassifika eżatta ta’ tranżazzjoni taxxabbli għandha ssir billi jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din it-tranżazzjoni sseħħ (9).

28.      Mill-istruttura ġenerali tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT huwa wiesa’ ħafna, inkwantu, fl-Artikolu 2 tagħha, li jikkonċerna t-tranżazzjonijiet taxxabbli, din tinkludi, minbarra l-importazzjoni ta’ oġġetti, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fi ħdan it-territorju tal-pajjiż, u li, fl-Artikolu 4(1) tagħha, din tiddefinixxi l-persuna taxxabbli bħala kull persuna li b’mod indipendenti twettaq, [waħda mill-attivitajiet ...], ikunu x’ikunu l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività (10). Skont l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, il-kunċett ta’ attività ekonomika jkopri l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu servizzi.

29.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tiġi imposta fuq kull provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli (11).

30.      Minbarra dan, f’ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom għalhekk jingħataw definizzjoni Komunitarja (12).

31.      Ċertament, l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva ma jiddefinixxiex il-kunċett ta’ “aljenazzjoni [il-lokazzjoni] ta’ proprjeta immobbli” u lanqas ma jirreferi għad-definizzjoni tiegħu fid-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri (13). Madankollu, f’diversi sentenzi, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest, l-għanijiet u l-istruttura ta’ din id-direttiva (14) il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet dan il-kunċett fis-sens li “l-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli jċedi lil-lokatur, bi ħlas u għal żmien stabbilit, id-dritt li jokkupa l-proprjetà tiegħu u li jeskludi minnha persuni oħra (15).” Madankollu, fl-istess okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-espressjoni “aljenazzjoni [lokazzjoni] u kiri” fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandha tkompli tiġi interpretata mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju bl-istess mod bħall-kunċetti korrispondenti tas-sistemi legali differenti (16).

32.      Is-servizzi ta’ tindif li r-rikorrenti tipprovdi lil-lokaturi tagħha ma jikkorrispondux – fil-veru sens tal-kelma u fid-dawl tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni ċċitati iktar ’il fuq – għad-definizzjoni ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni]” invokata iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. L-attività ta’ tindif tal-partijiet komuni pprovduta bi ħlas bla ebda dubju tmur lil hinn mis-sempliċi ċessjoni bi ħlas ta’ bini għal finijiet ta’ użu. Fil-fatt din timplika attività, f’dan il-każ tal-persuna stess li tagħti b’lokazzjoni, li fil-prinċipju tiddistingwi ruħha mill-attività ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala attività “passiva” fis-sentenzi tagħha “Goed Wonen” (17) u Temco Europe (18).

2.      Provvisti relatati skont il-ġurisprudenza

33.      Irrispettivament minn dak li ntqal preċendentement, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, huwa konċepibbli, fil-prinċipju, li dawn il-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif jiġu kklassifikati bħala “aljenazzjoni [lokazzjoni]” fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, sakemm hija sempliċiment ikkonċernata provvista anċillari fil-kuntest ta’ provvista globali magħmula minn aspetti differenti, b’mod li t-tranżazzjoni li tirriżulta minn dawn l-attivitajiet għandha titqies bħala tranżazzjoni waħda.

34.      Kif reġgħet spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk tranżazzjoni magħmula minn diversi provvisti għandhiex tiġi meqjusa bħala tranżazzjoni waħda jew bħala diversi provvisti independenti u awtonomi li għandhom jiġu eżaminati separatament għandha importanza partikolari, mil-lat tal-VAT, kemm għall-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa kif ukoll tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenjoni previsti fis-Sitt Direttiva (19).

35.      Is-Sitt Direttiva ma tipprovdi ebda dispożizzjoni speċifika li tippreċiża liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom diversi provvisti relatati għandhom jiġu trattati bħala provvista waħda. Għall-kuntrarju, il-kriterji ta’ evalwazzjoni deċiżivi jirriżultaw direttament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Żewġ objettivi opposti huma involuti meta tingħata d-deċiżjoni dwar is-sustanza ta’ provvista komposta. Minn naħa, kull provvista differenti għandha tiġi evalwata skont in-natura tagħha. Min-naħa l-oħra, il-funzjonament tas-sistema tal-VAT m’għandux jitqiegħed f’perikolu billi provvisti li huma provvista waħda mill-perspettiva ekonomika (20) jiġu artifiċjalment mifruda. Fil-fatt, firda eċċessiva wisq ta’ provvista waħda f’diversi provvisti distinti li għandhom jiġu kklassifikati b’mod separat tikkomplika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT (21). F’kull każ, dan l-eżami għandu jsir fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv, peress li l-perspettiva suġġettiva ta’ min jipprovdi s-servizzi u/jew il-klijent m’għandha l-ebda rilevanza.

37.      Mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jirriżulta li kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti (22), iżda, f’ċerti każijiet, diversi provvisti formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, b’mod distributtiv, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjoni waħda meta dawn mhumiex indipendenti (23).

38.      Dan huwa l-każ, pereżempju, meta, fit-tmiem ta’ analiżi anki sempliċement oġġettiva, jiġi kkonstatat li provvista waħda jew iktar tikkostitwixxi provvista prinċipali u meta l-provvista jew il-provvisti l-oħra jikkostitwixxu provvista waħda jew iktar anċillari li fir-rigward tagħhom tapplika l-istess sistema fiskali li tapplika għall-provvista prinċipali (24). B’mod partikolari, provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala anċillari għal provvista prinċipali meta għall-klijentela din ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mezz biex jibbenifikaw fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-persuna li tkun ipprovditu (25). Jista’ wkoll jiġi kkunsidrat li jkun hemm provvista waħda meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli huma tant konnessi mill-qrib li jiffurmaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda li ma tistax tiġi mifruda u li l-frid tagħha jisfa artifiċjali (26).

39.      Jekk wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni materjali u legali li tifforma s-suġġett tal-kawża prinċipali, fl-opinjoni tiegħi, ftit elementi jixhdu favur klassifika tal-provvista inkwistjoni bħala provvista anċillari.

40.      Huwa ċertament minnu li t-tindif tal-partijiet komuni huwa ġeneralment kundizzjoni essenzjali għall-użu normali tal-proprjetà li hija s-suġġett tal-lokazzjoni. Madankollu, kif ġustament enfasizzaw il-Gvern Elleniku u l-konvenuta, din l-attività ma tikkonċernax il-bini speċifikament mogħti għal finijiet ta’ abitazzjoni, li huwa s-suġġett proprju ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni, iżda biss il-partijiet komuni tal-proprjetà immobbli mogħtija b’lokazzjoni li huma aċċessibbli għal kulħadd u li mhumiex abitabbli. L-istess japplika għal-lokazzjoni ta’ bini għal finijiet oħrajn, bħal pereżempju bini għal uffiċċji, li jippermetti attivitajiet relatati mal-uffiċċju biss fil-partijiet previsti għal dan l-użu. Għaldaqstant diġà jista’ jiġi kkonstatat limitu għall-provvista inkwistjoni fir-rigward kemm ta’ spażju kif ukoll ta’ użu.

41.      Irrispettivament minn dan, meta ssir distinzjoni bejn l-attività ekonomika tal-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet u l-attività ta’ tindif tal-partjiet komuni ma ssirx firda ta’ provvista ekonomika waħda li ma tistax tiġi mifruda. Iż-żewġ provvisti mhumiex daqshekk marbuta mill-qrib li l-frid tagħhom jisfa artifiċjali, u dan iktar u iktar peress li ġeneralment huma l-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest tal-awtonomija kuntrattwali tagħhom, li għandhom jiddeterminaw min għandu jieħu ħsieb din l-attività. Kif tindika r-Repubblika Ċeka billi tirreferi għall-prattika attwali fil-pajjiż tagħha (27), it-tindif tal-partijiet komuni jista’, fil-prinċipju, jiġi rregolat bi tliet modi differenti: (1) il-lokaturi jieħdu ħsieb din l-attività huma stess; (2) is-servizzi ta’ tindif huma pprovduti minn terza persuna li sussegwentement tiffattura lil-lokaturi; (3) it-tindif tal-partijiet komuni huwa żgurat mill-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni, jew permezz tal-persunal tagħha stess (pereżempju l-purtinar), jew billi tuża impriża tat-tindif. Il-multipliċità ta’ dawn il-possibbiltajiet turi li la d-dritt ta’ użu u lanqas il-possibbiltà effettiva li l-abitazzjonijiet jintużaw għal finijiet speċifiċi mhuma serjament ippreġudikati meta l-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif mhumiex, eċċezzjonalment, żgurati mill-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni.

3.      Fuq il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT

42.      Din il-multipliċità ta’ varjanti possibbli hija wkoll rilevanti mill-perspettiva tan-newtralità tat-taxxa u tal-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva. Infakkar f’dan il-kuntest li l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralita tat-taxxa għandha b’mod partikolari rwol kruċjali wkoll fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva (28).

43.      Il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa li huwa stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva (29) u li barra minn hekk huwa l-bażi tas-sistema komuni tat-taxxa, kif jista’ jiġi dedott ukoll mir-raba’ u l-ħames premessa tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ li l-attivitajiet ekonomiċi kollha jkunu trattati bl-istess mod (30). Il-Qorti tal-Ġusitizzja ppreċiżat dan il-prinċipju fis-sentenzi Cimber Air (31) u Jyske Finans (32) fis-sens li dan jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet ikunu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir tal-VAT.

44.      Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq l-ewwel każ fost dawk imsemmija fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wieħed jasal għall-konklużjoni li t-tindif tal-partijiet komuni ma jistax ikun suġġett għall-VAT, peress li dan la huwa provvista ta’ oġġetti u lanqas ta’ servizz fis-sens tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva.

45.      Minn naħa l-oħra, jekk wieħed jibbaża ruħu fuq it-tieni każ fost dawk imsemmija, għandu jiġi kkonstatat li din l-attività ekonomika hija suġġetta għall-VAT bħal kull servizz ieħor. Fiha nnifisha, din m’għandha ebda rabta mal-lokazzjoni u għandha fil-kuntest tal-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq, li bis-saħħa tiegħu kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti (33), tiġi trattata b’mod differenti mill-perspettiva tat-taxxa, jiġifieri fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT taħt l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi applikata fir-rigward tagħha. Dan huwa dak li jsostnu ġustament kemm il-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha (34) kif ukoll il-Gvern Ċek (35).

46.      Skont analiżi oġġettiva, it-tielet każ imsemmi, li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, huwa differenti mit-tieni varjanti biss inkwantu l-persuna li tipprovdi s-servizz ta’ tindif hija fl-istess waqt il-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni. Għalhekk ta’ min jistaqsi jekk huwiex iġġustifikat li wieħed jitlaq mill-presuppost li teżisti provvista anċillari mhux awtonoma għar-raġuni biss li l-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni u dik li qiegħda tipprovdi s-servizz ta’ tindif hija l-istess waħda. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Henriksen (36), dan il-fatt jista’ f’ċerti każijiet juri l-eżistenza ta’ tranżazzjoni ekonomika waħda iżda mhuwiex deċiżiv fih innifsu. Il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali toħroġ fattura separata għall-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif u mhux prezz wieħed li jinkludi wkoll il-lokazzjoni jista’ wkoll iwassal sabiex jiġi konkluż li dan huwa indizju tal-eżistenza ta’ provvista awtonoma. Fil-fatt kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha CPP (37), il-fatt li min jipprovdi servizz jipprovdi provvisti komposti jew bi ħlas ta’ prezz wieħed jew permezz ta’ fattura separata huwa indizju. Konsegwentement, il-fatturazzjoni separata tal-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif fil-kawża prinċipali tixhed konta l-eżistenza ta’ provvista waħda.

47.      Għandha tiġi segwiti l-opinjoni tal-Gvern Ċek meta jallega li dan it-tielet varjant jista’ eventwalment jiġi kkompletat b’elementi oħrajn, b’tali mod li deċiżjoni każ b’każ issir iktar diffiċli. Għalhekk tista’ tinħoloq sitwazzjoni li fiha persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni tipprovdi wkoll servizzi ta’ tindif f’proprjetajiet immobbli oħrajn mogħtija b’lokazzjoni li mhumiex mogħtija b’lokazzjoni minnha. Madankollu, l-provvista li din tipprovdi hija essenzjalment l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali (38) kif ukoll għall-koerenza tas-sistema komuni tal-VAT li l-varjanti ċċitati iktar ’il fuq ikunu ttrattati b’mod differenti, skont jekk hijiex il-persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni jew terza persuna li hija responsabbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ tindif inkwistjoni. L-inċertezza konnessa ma’ kull wieħed mill-każijiet inkwistjoni tikkomplika inutilment (39) l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT u trendi bl-istess mod id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali inqas prevedibbli għall-persuna li tħallas it-taxxa.

4.      Interpretazzjoni storika u teleoloġika tal-eżenzjoni mill-VAT

48.      Il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali mressqa mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux fihom infushom jinvalidaw il-konklużjonijiet preċedenti. Dawn ma jistgħux jiġu invokati purament u sempliċement bħala argument sabiex it-tindif tal-partjiet komuni jkun eżentat mill-VAT. Ta’ min jaqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju meta din tiddikjara li, meta l-VAT ma tiġix applikata għat-tindif tal-partjiet komuni, bini jkun jiswa’ inqas. Fil-fatt, id-dispożizzjoni derogatorja tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tidher b’mod partikolari li hija bbażata, wkoll mill-perspettiva storika, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali. Għaldaqstant, qabel l-armonizzazzjoni mwettqa permezz tas-Sitt Direttiva, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-lokazzjoni ta’ bini ma kinitx full każ suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (40). Dan il-prinċipju għandu jinżamm fis-Sitt Direttiva sabiex tiġi evitata żieda fil-prezz tal-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet.

49.      Madankollu, kif tirreleva waħedha interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tas-Sitt Direttiva bbażata fuq il-kliem tagħhom (41), l-istruttura ġenerali tagħhom (42) u li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (43), il-leġiżlatur Komunitarju ried jillimita espressament l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13B(b) ta-Sitt Direttiva għall-“aljenazzjoni [lokazzjoni]” fis-sens l-iktar strett tal-kelma u jestendiha biss għas-servizzi li, abbażi ta’ eżami oġġettiv, jiffurmaw parti mill-provvista globali li għandha tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala “aljenazzjoni [lokazzjoni]”. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti f’kull każ u, kif diġà rajna, lanqas mhuma sodisfatti f’dan il-każ.

50.      Madankollu, ma jistax jiġi injorat il-fatt li hemm raġuni oħra li għaliha l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għandha tiġi eżentata. Kif spjega l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Blasi (44), proprjetà immobbli diġà użata mhijiex ir-riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni. Wara l-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ bini, proprjetà immobbli hija pjuttost użata b’mod passiv ġeneralment mingħajr ma jkun hemm valur miżjud. Din hija r-raġuni għalfejn biss l-ewwel kunsinna ta’ art li tista’ tinbena żviluppata u l-kunsinna ta’ bini qabel ma jiġi okkupat għall-ewwel darba huma suġġetti għall-VAT, filwaqt li ċessjonijiet ulterjuri ta’ bini diġà okkupat preċedentement u l-lokazzjoni tiegħu mhumiex suġġetti għall-VAT. Madankollu, din il-ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni ma tistax tapplika fil-każ ta’ provvista ta’ servizz attiv (45), bħat-tindif tal-partijiet komuni.

5.      Konklużjonijiet

51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-tranżazzjoni li twettaq persuna li qiegħda tagħti b’lokazzjoni permezz tat-tindif tal-partijiet komuni għandha bħala regola ġenerali tiġi eskluża mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, però ma nixtieqx neskludi a priori li, dispożizzjoni tal-kuntratt ta’ lokazzjoni, ir-regolament intern tal-proprjetà immobbli mogħtija b’lokazzjoni jew il-prattika legali stabbilita fi Stat Membru partikolari jistgħu jagħtu lok għal evalwazzjoni differenti minn dik magħmula b’mod astratt f’dawn il-konklużjonijiet. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika r-risposti għall-każ inkwistjoni mressaq quddiemha li għandha teżamina safejn dan l-approċċ japplika għal dan il-każ konkret, eventwalment fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

52.      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 6 u 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li lokazzjoni ta’ abitazzjoni (jew eventwalment ta’ bini li mhuwiex użat għal finijiet ta’ abitazzjoni), minn naħa, u t-tindif tal-partijiet komuni relatat magħha, min-naħa l-oħra, għandhom bħala regola ġenerali jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet awtonomi u distinti minn xulxin. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika safejn dispożizzjoni tal-kuntratt ta’ lokazzjoni, ir-regolament intern tal-proprjetà immobbli mogħtija b’lokazzjoni u l-prattika legali stabblilta fl-Istat Membru inkwistjoni jippermettu eċċezzjonalment li ssir evalwazzjoni oħra.

C –    Fuq it-tieni domanda

53.      Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni waħda biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju, wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, tqis li l-lokazzjoni ta’ abitazzjonijiet u t-tindif tal-partijiet komuni relatat magħha ma jistgħux eċċezzjonalment jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet awtonomi, distinti minn xulxin.

54.      F’dan il-każ, għandu jiġi supponut li teżisti provvista globali li tikkorrispondi għall-“aljenazzjoni [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli” skont l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva teskludi l-applikazzjoni tal-VAT għar-remunerazzjoni mħallsa għat-tindif tal-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli ta’ abitazzjoni mogħti b’lokazzjoni.

55.      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, safejn il-qorti nazzjonali tikkonkludi li l-lokazzjoni ta’ abitazzjoni u t-tindif tal-partijiet komuni relatat magħha ma jistgħux eċċezzjonalment jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet awtonomi, distinti minn xulxin, it-tindif tal-partijiet komuni għandu jiġi kkunsidrat bħala parti minn “aljenazzjoni [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli” fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-VAT għas-somma mħallsa għal din l-attività hija eskluża.

VII – Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

1.       L-Artikoli 6 u 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-lokazzjoni ta’ abitazzjoni (jew eventwalment ta’ bini li mhuwiex użat għal finijiet ta’ abitazzjoni), minn naħa, u t-tindif tal-partijiet komuni relatat magħha, min-naħa l-oħra, għandhom bħala regola ġenerali jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet awtonomi u distinti minn xulxin.

Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika safejn dispożizzjoni tal-kuntratt ta’ lokazzjoni, ir-regolament intern tal-proprjetà immobbli mogħtija b’lokazzjoni u l-prattika legali stabblilta fl-Istat Membru inkwistjoni jippermettu eċċezzjonalment li ssir evalwazzjoni oħra.

2.       Safejn il-qorti nazzjonali tikkonkludi li l-lokazzjoni ta’ abitazzjoni u t-tindif tal-partijiet komuni relatat magħha ma jistgħux eċċezzjonalment jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet awtonomi, distinti minn xulxin, it-tindif tal-partijiet komuni għandu jiġi kkunsidrat bħala parti minn “aljenazzjoni [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli” fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-VAT għas-somma mħallsa għal din l-attività hija eskluża.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23


3 – Sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, C-231/94, Ġabra p. I-2395.


4 – Ara, f’dan ir-rigward, J.-L. Albert, L’IVA nella prospettiva dell’ampliamento dell’Unione Europea, Fiscalità e globalizzazione, Turin 2007, p. 53 et seq, li, fid-dawl tal-multipliċità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedenti dwar il-VAT, jenfasizza d-diffikultajiet ta’ adattament tal-Istati aderenti, fatt li n-neċessita l-introduzzjoni ta’ sistema tranżitorja għal ċerti setturi tas-suq tas-servizzi.


5 – B. Terra / J. Kajus, A guide to the European VAT Directives – Introduction to European VAT 2008, Volum 1, Kapitolu 3, 3.1.1., S. 87, u J.-M. Communier, Droit fiscal communautaire, Brüssel 2001, p. 194 et seq, jikkunsidraw ir-raġuni prinċipali sabiex ikun hemm armonizzazzjoni fil-qasam tal-VAT fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/243/KEKA, KEE, Euratom, tal-21 ta’ April 1970, dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri permezz ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet, ĠU L 94, p. 19. Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 1975, il-baġit tal-Komunità għandu jkun iffinanzjat, minbarra permezz tad-dħul li joriġina mid-dazji doganali u mill-imposti agrikoli, permezz ta’ parti tal-VAT. Id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-finanzjament tal-baġit tal-Komunitajiet. Id-deċiżjoni, l-iktar riċenti fil-verżjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 163, p. 17, hija ġeneralment adottata b’unanimità mill-Kunsill u rrattifikata mill-Istati Membri kollha. Id-Deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007 tipprovdi fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha, li fost ir-riżorsi proprji li għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun hemm id-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi, valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi armonizzata tal-VAT Il-bażi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan m’għandhiex teċċedi 50 % tad-dħul nazzjonali gross ta’ kull Stat Membru, kif definit fl-Artikolu 2(7). Fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema tar-riżorsi proprji, ara r-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni – Il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Settembru 2004, COM(2004)0505 finali.


6 – Ara f’dan is-sens R. Voß, Steuerrecht, fil-: Dauses (Ed.), Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, Volum 2, Sezzjoni J, paragrafi 184 u 185; J.-M. Communier, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), p. 192; G. Pinheira, A fiscalidade directa na União Europeia, Coimbra 1998, p. 22, dan tal-aħħar jidentifika l-għan ta’ politika ekonomika tal-armonizzazzjoni, minn naħa, fit-twettiq tas-suq intern permezz tal-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjonijiet u ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali u, min-naħa l-oħra, fl-integrazzjoni f’ekonomiji nazzjonali. M. Reich/ B. König, Europäisches Steuerrecht, Zurich 2006, p. 16, jenfasizza li l-kunċett ta’ armonizzazzjoni li jinsab fl-Artikolu 93 KE huwa intiż prinċipalment sabiex jelimina l-aspetti tal-kummerċ ta’ oġġetti li jostakolaw il-kompetizzjoni.


7 – F’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-neċessità ta’ applikazzjoni uniformi tal-eżenzjonijiet fil-qasam tal-VAT billi rreferiet għall-Premessa 11 tas-Sitt Direttiva, li minnha jirriżulta “li għandha ssir lista komuni ta’ eżenzjonijiet sabiex ir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom ikunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha”. Minn dan il-Qorti kkonkludiet li, anki jekk l-Artikolu 13B tal-imsemmija direttiva jirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom jikkorrispondu għal kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju sabiex il-bażi tal-VAT tkun tista’ tiġi stabbilita b’mod uniformi u skont ir-regoli Komunitarji (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, Ġabra p. I-6831, punt 47, tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-358/97, Ġabra p. I-6301, punt 51, u tat-8 ta’ Marzu 2001, Försäkringaktiebolaget Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23). C. Cornia, «Le locazioni di immobili ai fini Iva tra interpretazione della norma e riqualificazione della fattispecie», Rassegna tributaria, 2005, Nru 2, p. 647, jenfasizza wkoll in-neċessità ta’ applikazzjoni uniformi tal-eżenzjonijiet fil-qasam tal-VAT.


8 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-4 ta’ Mejju 2004, Temco Europe (C-284/03, Ġabra p. I-11237, punt 1) u tal-Avukat Ġenerali Kokott tal-14 ta’ Ottubru 2004, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 16). P. Haunold, Mehrwertsteuer bei sonstigen Leistungen – Die Besteuerung grenzüberschreitender Dienstleistungen, Vienne1997, p. 47 u 49, jenfasizza li, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni kollha (interpretazzjoni litterali, sistematika, teleoloġika u storika). Waħda mill-karatteristiċi tal-interpretazzjoni tad-direttivi dwar il-VAT mill-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fil-fatt li l-eċċezzjonijiet għandhom bħala regola ġenerali jkunu interpretati b’mod strett għaliex dawn jikkostitwixxu deroga mit-tassazzjoni ġenerali tal-konsum u minħabba dan il-fatt jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Din ir-rimarka tapplika partikolarment waqt l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fis-Sitt Direttiva iżda wkoll waqt l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħrajn dwar il-VAT li jipprevedu eċċezzjonijiet għal ċerti prinċipji. Skont l-awtur, l-interpretazzjoni, bħala regola ġenerali, stretta tad-dispożizzjonijiet derogatorji hija biss sotto-kategorija tal-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika.


9 – Sentenzi Faaborg-Gelting Linien iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 12, tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 26, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Sinclair Collins, C-275/01, Ġabra p. I-5965, punt 26.


10 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (235/85, Ġabra p. 1471, punt 6), tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties/Staatssecretaris van Financiën (348/87, Ġabra p. 1737, punt 10), tal-4 ta’ Diċembru 1990, van Tiem (C‑186/89, Ġabra p. I-4363, punt 17), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 27, u tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28). Fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 1988 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (122/87, Ġabra p. 2685), l-Avukat Ġenerali Vilaça enfasizza l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tas-Sitt Direttiva. Kif huwa ġustament spjega, l-Artikoli 2 u 4 tas-Sitt Direttiva jesprimu l-prinċipji ġenerali applikabbli għall-istruttura tad-dritt tal-Komunità dwar il-VAT, li hija espressa fil-premessi tal-Ewwel u tas-Sitt Direttiva. Skont il-ħames premessa tal-Ewwel Direttiva (Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, ĠU 71, p. 1301), sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud “tikseb l-ogħla livell ta’ sempliċità u ta’ newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f’manjiera ġenerali kemm jista’ jkun u meta tkun tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u l-provediment [provvista] tas-servizzi’”.


11 – Sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 13), tal-11 ta’ Awwissu 1995, Bulthuis-Griffioen (C-453/93, Ġabra I-2341, punt 19), tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 20), tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C-216/97, Ġabra p. I‑4947, punt 12), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52), Stockholm Lindöpark (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 25), “Goed Wonen” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 46), u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans (C-280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 21).


12 – Sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 11), Bulthuis-Griffioen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 18), SDC iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 21) Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 51), tas-16 ta’ Jannar 2003, Maierhofer (C-315/00, Ġabra p. I‑563, punt 25), Sinclair Collins (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 22), tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe (C-284/03, Ġabra p. I‑11237, punt 16), u tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C-428/02, Ġabra p. I‑1527, punt 27).]


13 – Sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, Ġabra p. I‑6831, punt 44, u Sinclair Collins, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 24.


14 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 18), u tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C‑428/02, Ġabra p. I‑1527, punt 28).


15 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑358/97, Ġabra p. I‑6301, punti 52 sa 57, tad-9 ta’ Ottubru 2001, Mirror Group (C‑409/98, Ġabra p. I‑7175, punt 31), “Goed Wonen” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 55), tad-9 ta’ Ottubru 2001, Cantor Fitzgerald International (C‑108/99, Ġabra p. I‑7257, punt 21), u Temco Europe (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 19). Fil-punti 20 u 21 tal-konklużjonijiet ippreżentati fl-4 ta’ Mejju 2004 fil-kawża Temco Europe, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ġabar fil-qosor bil-mod sussegwenti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli li hija eżenti mill-VAT: “(1) iċ-ċessjoni li l-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli jagħmel lil persuna oħra, (2) bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra, (3) tal-użu u tat-tgawdija ta’ din il-proprjetà (4) għal perijodu ta’ żmien miftiehem (5) u bi ħlas. Sabiex jiġi determinat jekk ftehim speċifiku huwiex konformi ma’ din id-deċiżjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom twettqet it-tranżazzjoni, peress li l-kontenut oġġettiv tal-kuntratt għandu valur deċiżiv, indipendentement minn kif il-partjiet ikklassifikawh”.


16 – Din hija r-raġuni għalfejn fis-sentenza tagħha “Goed Wonen” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 13B(b) u C(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT, tippermetti li l-istabbiliment, għal tul ta’ żmien miftiehem u bi ħlas, ta’ dritt in rem li jagħti lit-titolari tiegħu setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli jiġi assimilat mal-kiri u mal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli (il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda użufrutt).


17 – Ara s-sentenza “Goed Wonen”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għalkemm il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli taqa’ fil-prinċipju taħt il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, din tikkostitwixxi normalment attività relattivament passiva, li ma tiġġenerax valur miżjud sinjifikattiv.


18 – Ara s-sentenza Temco Europe, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27. Fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-25 ta’ Settembru 1997 fil-kawża Blasi (C-346/95, Ġabra p. I‑481, punt 15), l-Avukat Ġenerali Jacobs identifika wkoll il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli bħala attività “passiva”.


19 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, (C-349/96, Ġabra p. I‑973, punt 27), tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, (C-31/04, Ġabra p. I- 9433, punt 18), u tal-21 ta’ Frar 2008 Part Service, (C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 49).


20 – Sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 29.


21 – L-aspett tal-prattiċità għandu rwol importanti sabiex jiġi stabbilit jekk f’każ partikolari hemmx provvista globali jew żewġ provvisti awtonomi. Kif tispeċifika ġustament l-Avukat Ġenerali Kokott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tal-konklużjonijiet ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2005 fil-kawża Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, f’ċerti konklużjonjiet, hemm anki tendenza li l-prattiċità tingħata preċedenza fuq il-preċiżjoni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas tal-1 ta’ Frar 1996 fil-kawża Faaborg Gelting Linien (sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, C-231/94, Ġabra p. I‑2395, punt 14), tal-Avukat Ġenerali Fennelly tal-25 ta’ April 1996 fil-kawża Dudda (sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, C‑327/04, Ġabra p. I‑4595, punt 35), kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 1998 fil-kawża CPP (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 47 et seq)


22 – Ara s-sentenzi CPP, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 29, Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, u Part Service, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 50.


23 – Sentenza Part Service, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 51.


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 30, tal-15 ta’ Mejju 2001; Primback, C‑34/99, Ġabra p. I‑3833, punt 45, Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 21, u Part Service, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 52.


25 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, CPP fil-punt 29, u Part Service, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 52.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 22 u Part Service, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 53.


27 – Ara l-paġna 5 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ċek.


28 – Ara s-sentenza “Goed Wonen”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 56, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha li tassimila l-għoti ta’ dritt bħad-dritt ta’ użufrutt fil-kawża prinċipali mal-lokazzjoni u mal-kiri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13B(b) u C(a) tas-Sitt Direttiva, fuq “l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT kif ukoll fuq ir-rekwiżit tal-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi tal-eżenzjonijiet previsti”. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer (C‑283/95, Ġabra p. I‑3369, punt 28). C. Cornia, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), p. 647, tikkunsidra li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ eżenzjonijiet mill-VAT tirriżulta min-neċessità li tiġi ggarantita n-newtralità tat-taxxa fuq il-livell tal-kompetizzjoni. In-newtralità tat-taxxa teħtieġ li t-tranżazzjonijiet li huma identiċi mill-perspettiva tal-konsumatur finali jkunu trattati bl-istess mod fir-rigward tal-VAT. W. Birkenfeld, Mehrwertsteuer der EU, Edizzjoni 4, Bielefeld 2001, p. 32 u 33, jispjega li, minħabba raġunijiet ta’ newtralità tat-taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja tintepreta b’mod wiesa’ l-kunċetti li permezz tagħhom huma stabbiliti l-bażijiet tat-taxxa (persuna taxxabbli, attività ekonomika, provvisti, bi ħlas). Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta għall-istess raġuni b’mod strett il-każijiet ta’ eżenzjonijiet u ta’ derogi f’dak li jikkonċerna l-bażi tat-taxxa. C. Lohse, Der Neutralitätsgrundsatz im Mehrwertsteuerrecht, EuGH-Rechtsprechung und Umsatzsteuerpraxis (editur Achat/Tumpel), Vjenna 2001, p. 58 u 59, jispjega li l-prinċipju ta’ newtralità jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet permezz ta’ interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet tagħhom. Bil-kontra, huwa jiddikjara li l-kundizzjonijiet li fuqhon huwa bbażat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT għandhom jiġi interpretati b’mod wiesa’.


29 – L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (L-Ewwel Direttiva), ĠU L 71, p. 1301 jipprovdi dan li ġej: “Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-is[t]adju li fih titħallas it-taxxa.


Fuq kull tranżazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, ikkalkulata fuq il-prezz tal-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont [tat-taxxa fuq il-] tal-valur miżjud li qed jinġarr [imposta] direttament mid-[fuq id-]diversi komponenti tal-prezz.”


30 – Ara s-sentenzi Wellcome Trust, C‑155/94, Ġabra p. I‑3013, punt 38, u tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex, C‑381/97, Ġabra p. I‑8153, punt 18.


31 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, C-382/02, Ġabra p. I‑8379, punti 23 u 24.


32 – Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, C-281/04, Ġabra p. I‑10683, punt 39.


33 – Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Ara l-punt 6 tad-digriet tar-rinviju.


35 – Ara l-punt 13 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ċek.


36 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, 173/88, Ġabra p. 2763, punt 16. F’din il-kawża kellu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “aljenazzjoni [lokazzjoni] ta’ fondi u sisi [siti] għall-ipparkjar tal-karozzi” tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva li jintroduċi eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni favur il-lokazzjoni u l-kiri ta’ proprjetà immobbli, jinkludix il-lokazzjonijiet tal-ispazji kollha intiżi għall-ipparkjar tal-vetturi, inklużi l-garaxxijiet magħluqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din il-lokazzjoni ma tistax’ tiġi eskluża mill-eżenzjoni meta din hija konnessa mill-qrib mal-lokazzjoni, din stess eżenta, ta’ proprjetà immobbli intiża għal użu ieħor. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm tranżazzjoni ekonomika waħda “jekk, minn naħa, is-sit għall-ipparkjar tal-karozzi u l-proprjetà immobbli intiża għal użu ieħor jifformaw parti mill-istess bini u jekk, min-naħa l-oħra, dawn iż-żewġ proprjetajiet huma mogħtija b’lokazzjoni lill-istess lokatur mill-istess proprjetarju.”


37 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19. Fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li prezz wieħed huwa fatturat ċertament m’għandux importanza deċiżiva però dan jista’ jkun argument favur l-eżistenza ta’ provvista waħda meta min jipprovdi servizz jipprovdi lill-klijenti tiegħu servizz kompost minn diversi elementi bi ħlas ta’ prezz wieħed. Fil-każ kuntrarju, minn dan għandu neċessarjament jiġi dedott li l-fatturazzjoni separata għal parti minn provvista komposta jixhed kontra l-eżistenza ta’ provvista waħda.


38 – Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – I. Ibáñez García, “Las exenciones en el IVA: Pecado original del impuesto comunitario”, Noticias de la Unión Europea, 2003, Nru 226, p. 103 et seq; huwa wkoll l-awtur ta’ “El IVA en la actividad inmobiliaria: cuestiones pendientes”, Gaceta jurídica de la Unión Europea y de la competencia, 2008, Nru 4, p. 43 et seq, fejn huwa jikkritika l-inċertezza legali li tqajjem il-lista ta’ eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet mill-VAT fid-dawl tal-applikazzjoni kumplessa tagħha. L-awtur jara fihom restrizzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Il-kunsiderazzjonijiet teoritiċi ta’ J.-C. Scholsem, La T.V.A. européenne face au phénomène immobilier, Liege 1976, punt 55, p. 93 u 94, huma partikolarment interessanti għall-każ li jikkonċerna l-kawża prinċipali. L-awtur jeżamina mudelli ipotetiċi differenti ta’ tassazzjoni tal-kuntratti ta’ lokazzjoni. Skont wieħed mill-mudelli, it-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-lokazzjoni, inkluża l-lokazzjoni nnifisha, jistgħu jiġu suġġetti għall-VAT. Skontu, din is-soluzzjoni tissodisfa l-aħjar il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Soluzzjoni oħra, li tkun diffiċilment kompatibbli ma’ dik tas-Sitt Direttiva,, teżenta l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli mill-VAT għal raġunijiet ta’ politika soċjali, li fl-opinjoni tiegħu hija bla ebda dubju kuntrarja għan-newtralità fiskali iżda hija madanakollu ġustifikata. Madankollu, l-“ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija” huma esklużi minn din l-eżenzjoni, restrizzjoni li l-awtur jiġġustifika billi jinvoka s-“sempliċità amministrattiva” .


40 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni għas-Sitt Direttiva (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Nru 11/73, p. 17). Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Fonden Marselisborg Lystbådehavn (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 46). J.-M. Communier, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), p. 230, jenfasizza li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13B(b)tas-Sitt Direttiva jistgħu jiġu spjegati permezz ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi ġenerali li huma l-istess għall-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. Skont J.-C. Scholsem, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), punt 163, p. 264, l-Artikolu 13B(b) jirrifletti l-leġiżlazzjoni li kienet digà applikabbli fl-Istati Membri kollha qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva.


41 – Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Ara l-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Ara l-punti 42 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Konklużjoniet iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 15 u 16.


45 – Ara l-punt 32 ta’dawn il-konklużjonijiet.