Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2021 minn Maen Haikal mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-189/19, Maen Haikal vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-113/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Appellant: Maen Haikal (rappreżentant: S. Koev, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-appell ineżami huwa ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu u tiddikjara li l-aggravji kollha mqajma f’dan l-appell huma fondati;

tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;

tannulla, parzjalment, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13), sa fejn jikkonċernaw lil Maen Haikal;

tannulla, parzjalment, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 1 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 2 sa fejn jikkonċernaw lil Maen Haikal;

tannulla, parzjalment, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas-17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), sa fejn tikkonċerna lil Maen Haikal;

tannulla, parzjalment, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/897 tas-17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 3 , sa fejn tikkonċerna lil Maen Haikal;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż legali kollha tal-appellant kif ukoll għall-ispejjeż, għall-onorarji u għal infiq ieħor marbuta mad-difiża tiegħu.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill applika korrettament il-preżunzjoni ta’ status ta’ negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, sa fejn din il-preżunzjoni ma għandhiex bażi legali u ma hijiex proporzjonata mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni.

Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi minħabba l-assenza ta’ provi dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni u dwar l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42).

Żball ta’ evalwazzjoni, li huwa kkonfermat mill-atti tal-Kunsill li permezz tagħhom l-isem tal-appellant tneħħa mil-listi li għalihom japplikaw is-sanzjonijiet.

____________

1     ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20.

2     ĠU 2019, L 18 I, p. 4.

3     ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31.