Language of document : ECLI:EU:F:2016:154

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑131/15

Adolf Stips

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju rremunerat mill-approprjazzjonijiet ta’ riċerka u investiment – Artikolu 2(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Kuntratt għal żmien indeterminat – Klassifikazzjoni mill-ġdid għall-grad superjuri – Proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid 2013 – Għeluq tal-proċedura wara l-1 ta’ Jannar 2014 – Dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013 – Modalitajiet ta’ aċċess għall-grad AD 13 – Applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 45(1), u tal-Anness I, Taqsima A, punt 1, tar-Regolamenti tal-Persunal – Rifjut ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ grad AD 12 – Eliġibbiltà għal klassifikazzjoni mill-ġdid – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività – Dritt għal amministrazzjoni tajba”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Adolf Stips jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni Ewropea, tal-21 ta’ Jannar 2015, li r-rikorrent ma jiġix ikklassifikat mill-ġdid fil-grad AD 13 abbażi tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2013.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2015 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ma kklassifikatx mill-ġdid lil Adolf Stips fil-grad AD 13 abbażi tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2013 hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż ripsettivi tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn A. Stips.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat – Klassifikazzjoni mill-ġdid għall-grad superjuri – Regoli applikabbli – Proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid 2013 – Għeluq tal-proċedura wara l-1 ta’ Jannar 2014 – Rifjut ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal fil-grad AD 12 – Applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 45(1), u tal-Anness I, Taqsima A, punt 1, tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013 – Ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45, u Anness I, Taqsima A, punt 1; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1023/2013)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat – Klassifikazzjoni mill-ġdid għall-grad superjuri – Proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid – Termini – Obbligu tal-amministrazzjoni li tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Il-legalità tal-miżura kkontestata trid tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi fiż-żmien li ġiet adottata l-miżura. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-miżura huma, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data li fiha l-miżura ġiet adottata, sakemm ma hemmx deroga minn din ir-regola permezz ta’ dispożizzjoni partikolari.

Barra minn hekk, il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt il-liġi l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba.

F’dan ir-rigward, il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali ma jistgħux jiġu estiżi b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ regola ġdida fuq l-effetti fil-futur ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt regola antika, hija assolutament eskluża. Bil-kontra, is-setgħa regolatorja tista’ f’kull mument twettaq l-emendi li fil-fehma tagħha huma konformi mal-interess tas-servizz u dan anki meta d-dispożizzjonijiet introdotti jkunu inqas favorevoli għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal, bil-kundizzjoni madankollu jiġu mħarsa d-drittijiet leġittimament miksuba mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal u li l-persuni speċifikament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġu ttrattati b’mod identiku.

Għalhekk, meta l-Kummissjoni adottat, iktar minn sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013 (Regolamenti tal-Persunal il-ġodda), deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013, hija meħtieġa, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tapplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda fis-seħħ f’dak iż-żmien, jiġifieri l-Artikolu 45(1), l-Anness I, Taqsima A, punt 1, u l-Artikolu 30(1) u (2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li jillimitaw il-progressjoni tal-karriera tal-uffiċjali li jappartjenu għall-grupp funzjonali AD sal-grad AD 12 meta dawn ma kinux ikklassifikati permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra f’wieħed mit-tipi ta’ impjieg li jippermettu progressjoni lil hinn minn dak il-grad.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċeduri ta’ promozzjoni u, b’analoġija, il-proċeduri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li ma kinux ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2013, ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma jipprovdu għal ebda deroga dwar l-applikabbiltà immedjata tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Anness I, Taqsima A, punt 1 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda huma differenti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-2004. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004, li għadu fis-seħħ, jipprevedi li, għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni li jidħlu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, fl-1 ta’ Mejju 2004, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data li dawn il-promozzjonijiet daħlu fis-seħħ japplikaw.

F’dan il-kuntest, ir-rifjut ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 12 li jaqa’ taħt l-Artikolu 2(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat, fuq il-bażi tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda dwar il-promozzjoni u l-limiti massimi fil-karrieri tal-amministraturi, ikun hemm ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali fil-każ li, bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-Istituzzjoni tkun qed tikkontesta drittijiet miksuba mill-persuna kkonċernata qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

Issa, fil-każ ta’ deċiżjonijiet dwar promozzjoni, sa fejn l-uffiċjali, sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kienu biss eliġibbli għal promozzjoni u din tal-aħħar kienet suġġetta għal deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li din tal-aħħar kienet għadha ma adottatx, f’dan il-każ, fl-1 ta’ Jannar 2014, tali uffiċjali ma jistgħux jinvokaw dritt miksub dwar il-fatt li jibqgħu eliġibbli għal din il-promozzjoni wara dik id-data. Dan il-prinċipju japplika wkoll, b’analoġija, għal deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal temporanju li jaqa’ taħt l-Artikolu 2(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u li jibbenefikaw minn kuntratt għal żmien indeterminat.

Fil-fatt, bħal f’kull promozzjoni ta’ uffiċjal, il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ tali membri tal-persunal hija suġġetta għal deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, adottata wara paragun tal-merti tal-membri tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal klassifikazzjoni mill-ġdid possibbli.

(ara l-punti 39 sa 42 u 44 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 7, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 61 sa 63

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Valenzuela Marzo vs Il‑Kummissjoni, T‑384/02, EU:T:2004:239, punt 98

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 152

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Di Bucci vs Il‑Kummissjoni, F‑98/05, EU:F:2008:11, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑47/07, EU:F:2009:103, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Lulju 2015, EJ et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/14, EU:F:2015:90, punt 59

2.      L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-artikolu adottati mill-Kummissjoni ma fihom l-ebda terminu perentorju speċifiku dwar l-għeluq ta’ proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew ta’ promozzjoni. Fil-prattika, it-termini previsti għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew ta’ promozzjoni għas-sena ikkonċernata huma stabbiliti kull sena, bħala prinċipju, permezz ta’ deċiżjoni ad hoc tal-amministrazzjoni.

Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, ma jistax jiġi dedott minn dispożizzjoni interna li teħtieġ ta’ kull sena l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid mill-Kummissjoni, li l-għeluq ta’ proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid lil hinn mill-31 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata, fiha nfisha, tivvizja dan l-eżerċizzju b’irregolarità li x’aktarx tqiegħed fid-dubju l-validità ta’ kull proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid inwkistjoni u li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet adottati fi tmiem din il-proċedura.

Madankollu, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għandha, konformement mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari mill-obbligu tagħha li tittratta b’mod ġust il-kawżi tal-membri tal-persunal tagħha, twettaq eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid b’diliġenza u li tagħmel kull sforz sabiex tagħlaq din il-proċedura, sa fejn ikun possibbli, qabel it-tmiem tas-sena kkonċernata sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-deċiżjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal kollha li jistgħu jiġu kklassifikati mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura għall-klassifikazzjoni mill-ġdid inkwistjoni.

Dan id-dmir ta’ amministrazzjoni tajba huwa iktar u iktar validu meta, konformement mad-dispożizzjonijiet interni tal-Istituzzjoni, kull proċedura għal klassifikazzjoni mill-ġdid għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-disponibbiltajiet baġitarji ta’ din għas-sena kkonċernata, li jirreflettu, b’mod partikolari, il-bżonn tal-persunal li huwa prevedibbli għas-sena inkwistjoni.

Fi kwalunkwe każ, id-diffikultajiet u dewmien inerenti mat-teħid ta’ deċiżjoni interna, invokati minn Istituzzjoni sabiex tiġġustifika d-dewmien akkumulat fid-diversi proċeduri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, jekk wieħed jassumi li huma korretti, dawn għandhom preċiżament jinkoraġġixxu lil din sabiex teżerċita diliġenza ikbar fit-trattament tal-fajls ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-membri tal-persunal temporanju, u dan speċjalment peress li l-kandidati għal klassifikazzjoni mill-ġdid huma partikolarment ftit.

(ara l-punti 58 sa 61 u 72)