Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju) fil-21 ta’ Settembru 2023 – Beevers Kaas BV vs Albert Heijn België NV et, parti oħra: B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono

(Kawża C-581/23, Beevers Kaas)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Antwerpen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Beevers Kaas BV

Konvenuti: Albert Heijn België NV, Koninklijke Ahold Delhaize NV, Albert Heijn BV, Ahold België BV

Parti oħra fil-proċedura: B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono

Domandi preliminari

Il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela prevista fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma 1 , tista’ titqies bħala ssodisfatta, u l-fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 330/2010 iċċitat iktar ’il fuq jista’ għalhekk validament jipprojbixxi l-bejgħ attiv ta’ wieħed mix-xerrejja tiegħu f’territorju li għalih kien ġie esklużivament allokat xerrej ieħor, abbażi biss tal-konstatazzjoni li x-xerrejja l-oħra ma jwettqux bejgħ attiv f’dan it-territorju? Fi kliem ieħor: l-eżistenza ta’ ftehim rigward il-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv bejn xerrejja oħra u fornitur hija pprovata b’mod suffiċjenti abbażi biss li jiġi stabbilit li x-xerrejja l-oħra ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat?

Il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela prevista fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 tista’ titqies bħala ssodisfatta, u l-fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 330/2010 iċċitat iktar ’il fuq jista’ għalhekk validament jipprojbixxi l-bejgħ attiv ta’ wieħed mix-xerrejja tiegħu f’territorju li għalih kien ġie esklużivament allokat xerrej ieħor, meta l-fornitur jirċievi l-aċċettazzjoni tax-xerrejja l-oħra tiegħu biss jekk u meta jimpenjaw ruħhom li jwettqu bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat? Jew bil-kontra, huwa meħtieġ li din l-aċċettazzjoni tkun inkisbet minn kull xerrej tal-fornitur, irrispettivament minn jekk dan ix-xerrej kienx impenja ruħu li jwettaq bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat?

____________

1     ĠU 2010, L 102, p. 1.