Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2017 – Steinhoff et vs BĊE

(Kawża T-107/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Frank Steinhoff (Hamburg, il-Ġermanja), Ewald Filbry (Dortmund, il-Ġermanja), Vereinigte Raiffeisenbanken Gräfenberg-Forchheim-Eschenau-Heroldsberg eG (Gräfenberg, il-Ġermanja), Werner Bäcker (Rodgau, il-Ġermanja), EMB Consulting SE (Mühltal, il-Ġermanja) (rappreżentanti: O. Hoepner, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-konvenut iħallas l-ammonti li ġejjin, miżjuda rispettivament b’5 punti perċentwali lil hinn mir-rata bażika applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors:

–    lill-ewwel rikorrent: EUR 314 000;

–    lit-tieni rikorrent: EUR 54 950;

–    lit-tielet rikorrenti: EUR 2 355 000;

–    lir-raba’ rikorrent: EUR 303 795;

lill-ħames rikorrenti: EUR 750 460

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors għad-danni, ir-rikorrenti jallegaw li l-konvenut naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu billi naqas, fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2012 li tikkonċerna t-titoli maħruġa u ggarantiti mill-Istat Grieg (CON/2012/12), li jiġbed l-attenzjoni għall-illegalità tar-ristrutturazzjoni proposta tad-dejn pubbliku Grieg permezz ta’ skambju obbligatorju abbażi tal-Liġi Nru 4050/2012.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ riferiment għall-inammissibbiltà tar-ristrutturazzjoni obbligatorja fir-rigward tal-prinċipju ta’ pacta sunt servanda, sa fejn klawżoli ta’ reviżjoni ma jistgħux effettivament jiġu introdotti sussegwentement fil-bonds tal-Istat eżistenti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ effett ta’ esproprjazzjoni tal-abbozz ta’ liġi li qiegħed jiġi kkunsidrat mill-Greċja, li kien jipprevedi skambju obbligatorju, mingħajr l-istabbiliment ta’ kumpens adegwat fil-liġi stess, bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ riferiment għal ksur tal-Artikolu 63 TFUE.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ riferiment għal ksur tal-Artikolu 124 TFUE.

____________