Language of document : ECLI:EU:T:2019:353

(Kawża T107/17)

Frank Steinhoff et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat23 ta’ Mejju 2019

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – BĊE – Banek Ċentrali nazzjonali – Ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg – Involviment tas-settur privat – Klawżoli ta’ azzjoni kollettiva – Skambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn Grieg – Kredituri privati – Opinjoni tal-BĊE – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Prinċipju pacta sunt servanda – Artikolu 17(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 63(1) TFUE – Artikolu 124 TFUE”

1.      Rikors għad-danni – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Preskrizzjoni ta’ ħames snin – Preżentata ta’ rikors għal qabel l-iskadenza tat-terminu – Ammissibbiltà – Regolarizzazzjoni ulterjuri tar-rikors – Assenza ta’ effett

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76)

(ara l-punti 30-33)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Produzzjoni ta’ partijiet miktuba f’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-kawża – Obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża – Ksur – Konsegwenzi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 46(2))

(ara l-punti 35-37)

3.      Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għad-dannu kkawżati mill-Bank Ċentrali Ewropew – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Imputazzjoni, mill-Bank, tad-dannu għall-aġir ta’ Stat Membru – Assenza ta’ effett

(Artikoli 268 u 340 TFUE)

(ara l-punti 42-46)

4.      Rikors għad-danni – Natura awtonoma – Differenza mir-rikors għal annullament

(Artikoli 263 u 268 TFUE)

(ara l-punt 51)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 52-54)

6.      Rikors għad-danni – Suġġett– Talba għal kumpens għal dannu kkawżat minn att mhux vinkolanti u ta’ natura politika – Ammissibbiltà

(Artikolu 263 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 55-57)

7.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Opinjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fuq l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tiegħu – Natura vinkolanti – Assenza – Setgħa diskrezzjonali tal-BĊE fir-rigward tal-adozzjoni tal-opinjonijiet

(Artikolu 127 (4) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415, premessa 3 u Artikoli 2 u 4)

(ara l-punti 71, 72)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Prinċipju pacta sunt servanda – Esklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 77, 78)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew, f’opinjoni indirizzata lil Stat Membru, ta’ ksur tal-prinċipju pacta sunt servanda minħabba li adotta liġi li temenda kundizzjonijiet applikabbli għal titoli ta’ dejn għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku nazzjonali – Esklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 79-85)

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Dritt għall-proprjetà – Inklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1))

(ara l-punti 96, 97)

11.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Dritt għall-proprjetà – Restrizzjonijiet – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1)).

(ara l-punti 99, 100)

12.    Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Opinjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fuq l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tiegħu  – Adozzjoni minn Stat Membru ta’ liġi li tillimita l-valur ta’ ċerti titoli ta’ dejn bl-għan li tipproteġi l-ekonomija nazzjonali u ż-żona tal-euro kontra riskju ta’ inadempjenza tal-Istat Membru kkonċernat – Restrizzjoni sproporzjonata għad-dritt għall-proprjetà – Assenza

(Artikolu 127(4) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415)

(ara l-punti 105, 108-116)

13.    Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-valur tat-titoli ta’ dejn maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Membru kkonċernat – Ġustifikazzjoni tan-neċessità li tiġi protetta l-ekonomija nazzjonali u ż-żona tal-euro kontra riskju ta’ inadempjenza tal-Istat Membru kkonċernat – Ammissibbiltà

(Artikolu 63 TFUE)

(ara l-punti 119, 120, 122-124)

14.    Proċedura ġudizzjarja – Trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali – Protezzjoni mogħtija lill-partijiet kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali – Konċiljazzjoni mal-prinċipju tal-libertà tal-prova – Użu ta’ att proċedurali li jkun ġej minn kawża oħra – Ammissibbiltà – Produzzjoni ta’ att proċedurali b’paġni neqsin – Regolarizzazzjoni fl-istadju tar-replika – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra – Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85)

(ara l-punti 129-131)

15.    Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Projbizzjoni li jiġu adottati miżuri li jagħtu aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet finanzjarji mingħajr ġustifikazzjoni ta’ natura prudenzjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-valur tat-titoli ta’ dejn maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Membru kkonċernat – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li tiġi protetta l-ekonomija nazzjonali u ż-żona tal-euro kontra riskju ta’ inadempjenza tal-Istat Membru kkonċernat – Ammissibbiltà

Artikolu 124 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 3604/93, Artikolu 2)

(ara l-punti 136-138)

16.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Projbizzjoni li jiġu adottati miżuri li jagħtu aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet finanzjarji mingħajr ġustifikazzjoni ta’ natura prudenzjali – Esklużjoni

(Artikolu 124 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 139, 140)

17.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 143, 144)

Sommarju

Fis-sentenza Steinhoff et vs BĊE (T‑107/17), mogħtija fit‑23 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minn kredituri privati, wara l-adozzjoni ta’ opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar it-titoli maħruġa u ggarantiti mir-Repubblika Ellenika (1).

Fit‑2 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika talbet, skont l-Artikolu 127(4) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 282(5) TFUE, lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal opinjoni dwar l-abbozz tal-Liġi Nru 4050/2012 li introduċa regoli li jemendaw il-kundizzjonijiet applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg fil-kuntest ta’ ftehimiet mal-proprjetarji tagħhom, għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, ibbażata b’mod partikolari fuq l-applikazzjoni tal-“klawżoli ta’ azzjoni kollettiva” (iktar’ il quddiem il-“KAK”). Peress li l-BĊE kien ta opinjoni pożittiva fuq l-abbozz ta’ liġi, dan tal-aħħar ġie adottat, fit‑23 ta’ Frar 2012, mill-Parlament Grieg.

Skont il-mekkaniżmu tal-KAK, l-emendi proposti għat-titoli ta’ dejn kkonċernati kienu ddestinati li jsiru legalment vinkolanti għal kull detentur ta’ titoli ta’ dejn irregolati mid-dritt Grieg u maħruġa qabel il‑31 ta’ Diċembru 2011, kif identifikati fl-att tal-Kunsill tal-Ministri li japprova l-istediniet ta’ parteċipazzjoni ta’ investituri privati (Private Sector Involvement, iktar ’il quddiem il-“PSI”), jekk l-imsemmija emendi jiġu approvati, b’mod kollettiv u mingħajr distinzjoni skont is-serje, permezz ta’ kworum ta’ detenturi ta’ titoli li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi mill-valur nominali tal-imsemmija titoli. Peress li l-kworum u l-maġġoranza meħtieġa sabiex jitwettaq l-iskambju ta’ titoli previst intlaħqu, id-detenturi kollha ta’ titoli ta’ dejn Griegi, inklużi dawk li kienu jopponu dan l-iskambju, kellhom it-titoli tagħhom skambjati b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012, u konsegwentement il-valur tagħhom tnaqqas. Ir-rikorrenti, bħala detenturi ta’ titoli ta’ dejn Griegi, ipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg, taħt il-PSI u l-KAK implimentati skont il-Liġi Nru 4050/2012 wara li rrifjutaw l-offerta li jiskambjaw it-titoli tagħhom.

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw ir-responsabbiltà tal-BĊE għad-dannu li allegatament sofrew minħabba l-fatt li l-BĊE naqas, fl-opinjoni tiegħu, li jiġbed l-attenzjoni tar-Repubblika Ellenika dwar in-natura illegali tar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku Grieg prevista mill-iskambju obbligatorju ta’ titoli ta’ dejn.

Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, li l-opinjonijiet tal-BĊE ma jorbtux lill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, skont il-premessa 3 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 98/415 (2), l-awtoritajiet nazzjonali għandhom biss iqisu din l-opinjoni u dawn ma jkunux ta’ ħsara għar-responsabbiltajiet ta’ dawn l-awtoritajiet fl-oqsma li huma s-suġġett tal-abbozzi inkwistjoni. Minn dan isegwi li, għalkemm l-osservanza tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-BĊE tirrikjedi li huwa jkun jista’ jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali, ma jistax jimponi fuqhom li huma jaqblu magħhom. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta adotta l-opinjonijiet tiegħu. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-BĊE għandu timplika li huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti ta’ din is-setgħa li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu. Konsegwentement, huwa biss ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li l-BĊE wettaq illegalità li tista’ tinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu peress li ma allegax, fl-opinjoni kontenzjuża, il-ksur tal-prinċipju pacta sunt servanda li jikkostitwixxi l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4050/2012 fil-konfront tagħhom. Fil-fatt, is-sottoskrizzjoni mir-rikorrenti tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi maħruġa u ggarantiti mir-Repubblika Ellenika ħolqot relazzjoni kuntrattwali bejniethom u r-Repubblika Ellenika. Din ir-relazzjoni kuntrattwali ma hijiex regolata mill-prinċipju pacta sunt servanda tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (3). Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, din il-konvenzjoni tapplika biss għat-trattati bejn Stati. Konsegwentement, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ma jikkostitwixxix dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lir-rikorrenti.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-opinjonijiet tal-BĊE la għandhom bħala destinatarju lil individwi u lanqas bħala għan prinċipali r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn individwu u Stat Membru wara ħruġ minn dan l-Istat Membru ta’ titoli ta’ dejn. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 98/415, id-destinatarji tal-opinjonijiet tal-BĊE huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li għandhom jikkonsultaw mal-BĊE u mhux mal-individwi. Konsegwentement, meta, bħal f’dan il-każ, il-BĊE jiġi kkonsultat mir-Repubblika Ellenika dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-banek nazzjonali u r-regoli li japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji sa fejn jinfluwenzaw sostanzjalment l-istabbiltà ta’ dawn l-istituzzjonijiet u swieq finanzjarji, huwa ma huwiex marbut li jagħti deċiżjoni dwar l-osservanza, minn dan l-Istat Membru, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-kuntratti, pacta sunt servanda, fir-rigward ta’ detenturi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat. B’hekk, il-kompetenza ta’ opinjoni tal-BĊE ma tagħtix lir-rikorrenti dritt sabiex din l-istanza issib ksur ta’ dritt kuntrattwali li huma jkollhom fir-rigward tar-Repubblika Ellenika wara sottoskrizzjoni min-naħa tagħhom ta’ titoli ta’ dejn Griegi maħruġa u ggarantiti minn din tal-aħħar.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-limitazzjoni tal-valur tat-titoli ta’ dejn kontenzjużi tar-rikorrenti ma tikkostitwixxix miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ekonomija tar-Repubblika Ellenika u taż-żona tal-euro kontra riskju ta’ waqfien ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika u tal-kollass tal-ekonomija tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienu żbaljati meta allegaw li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur tad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm assenza ta’ ksur tal-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63(1) TFUE, billi ddeċidiet li, f’dan il-każ, il-miżuri implimentati permezz tal-Liġi Nru 4050/2012 kienu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn iċ-ċirkustanzi li wasslu għal din il-liġi kienu verament eċċezzjonali għaliex, fl-assenza ta’ ristrutturazzjoni, nuqqas ta’ ħlas, tal-inqas selettiv, fuq terminu qasir tar-Repubblika Ellenika kien perspettiva kredibbli. Bl-istess mod, il-miżuri inkwistjoni kienu intiżi sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx li l-miżuri inkwistjoni kienu sproporzjonati. Dawn il-miżuri kienu jippermettu li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-intier tagħha u ma ntweriex li huma marru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ristabbilita din l-istabbiltà. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-kredituri privati fl-iskambju tat-titoli ta’ dejn Griegi fuq bażi purament volontarja, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti, ma ppermettietx li jassiguraw is-suċċess ta’ dan l-iskambju ta’ titoli. Fil-fatt, billi ma jiggarantixxix trattament ugwali bejn il-kredituri privati, ftit minn dawn il-kredituri jkunu aċċettaw l-imsemmi skambju minħabba l-periklu morali li kien jimplika, jiġifieri li għandhom ibatu l-konsegwenzi tar-riskji meħuda mill-kredituri li ma pparteċipawx fl-iskambju tat-titoli ta’ dejn Griegi.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti invokaw b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ illegalità li tinvolvi r-responsabbiltà tal-BĊE fir-rigward tagħhom minħabba l-assenza ta’ rapport mill-BĊE ta’ ksur tal-Artikolu 124 TFUE. Fil-fatt, l-Artikolu 124 TFUE jipprojbixxi kull miżura, li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet prudenzjali u li tagħti b’mod partikolari lill-Istati Membri aċċess privileġġat għall-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jinċentivaw lill-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija billi jevitaw li finanzjament monetarju tal-iżbilanċi pubbliċi jew aċċess privileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew għal żbilanċi eċċessivi tal-Istati Membri. Issa, il-Liġi Nru 4050/2012 ma għandhiex l-għan li żżid id-dejn tar-Repubblika Ellenika, iżda għall-kuntrarju tnaqqsu, minħabba n-natura eċċessiva, billi jnaqqas il-valur tat-titoli miżmuma mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-abbozz ta’ liġi kkontribwixxi sabiex jinżammu kemm il-finanzi pubbliċi Griegi kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 124 TFUE ma huwiex intiż li jipproteġi r-rikorrenti u ma jagħtihomx drittijiet.


1      Opinjoni tal-BĊE, tas‑17 ta’ Frar 2012, dwar titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg (CON/2012/12).


2      Deċiżjoni tal-Kunsill  98/415/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi.


3      Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).