Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' April 2012 - AQ vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża T-168/11)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: AQ (Żary, il-Polonja) (rappreżentant: K. Rosiak, radca prawny)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rappreżentant tar-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li r-rikors huwa inammissibbli u li ma hemmx lok li jiġi eżaminat; kif ukoll

tiddikjara li ma hemmx bażi għat-talba tar-rikorrent għall-kumpens għad-dannu minħabba li ma hemmx dannu effettiv u ċert ikkawżat minn att jew ommissjoni tal-Parlament Ewropew.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tal-argumenti tiegħu, ir-rappreżentant tar-rikorrent iqajjem tliet motivi.

L-ewwel motiv:

bla ħsara għall-eventwalità li jiġi kkonfermat li l-ittra tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2008 tinkludi deċiżjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar petizzjoni preċedenti tar-rikorrent b'kontenut li jikkorrispondi kompletament għal dak tat-talba mressqa fil-petizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li hemm ksur, min-naħa tal-Parlament Ewropew, tal-forom proċedurali sostanzjali (regoli tal-proċedura tal-Parlament Ewropew) u li l-Parlament Ewropew naqas milli jadotta att indirizzat lir-rikorrent bħala tweġiba għall-petizzjoni mressqa quddiemu;

It-tieni motiv:

madankollu, peress li l-petizzjoni ma tikkonċernax kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent ma għandux interess ġuridiku;

It-tielet motiv:

barra minn hekk, sa fejn it-terminu għall-preżentata tar-rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE (Artikolu 263 TFUE) u fuq il-bażi tal-Artikolu 232 KE (Artikolu 265 TFUE) kien diġa preskritt, ir-rikors kien diġà inammissibbli meta r-rikorrent ressaq it-talba għal għajnuna ġudizzjarja.

____________