Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Diċembru 2011 - Regency Entertainment Psychagogiki kai Touristiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-635/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Regency Entertainment Psychagogiki kai Touristiki AE (Maroussi Attikis, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Niejahr, Q. Azau, F. Spyropoulos, I. Dryllerakis, K. Spyropoulos, avukati, u F. Carlin, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/716/UE, tal-24 ta' Mejju 2011, dwar Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil ċerti każinojiet Griegi [Il-miżura ta' Għajnuna mill-Istat C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09)] implementata mir-Repubblika Ellenika (ĠU L 285, p. 25);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tapplika għar-rikorrenti; jew

f'livell iktar sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tordna l-irkupru tal-ammonti mingħand ir-rikorrenti; u

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti marbuta ma' din l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta ddeterminat li l-miżura kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna billi:

identifikat li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku fil-forma ta' "diskriminazzjoni fiskali" fl-ammont ta' EUR 7.20 għal kull biljett;

ikkonstatat li l-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat predeterminati;

ikkunsidrat li l-miżura kienet ta' natura selettiva favur ir-rikorrenti; u

ikkonkludiet li l-miżura kienet toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u kellha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret id-drittijiet tad-difiża proċedurali tar-rikorrenti meta injorat għal kollox l-osservazzjonijiet u l-kummenti addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti fl-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tagħha sussegwentement għad-deċiżjoni li fetħet il-proċedura.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 296 TFUE billi naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata li permezz tagħha r-rikorrenti tista' tifhem u li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tkun tista' tistħarreġ ir-raġunament li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn vantaġġ ta' natura selettiva, li tali vantaġġ kien jinvolvi riżorsi tal-Istat predeterminati u li tali vantaġġ kien ta' natura li seta' joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tordna l-irkupru tal-ammonti mingħand ir-rikorrenti, tikser:

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 , li tipprovdi li l-irkupru għandu jikkonċerna l-għajnuna li jkun irċieva l-benefiċjarju, sa fejn il-konvenuta naqset milli tikkwantifika korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-għajnuna li r-rikorrenti setgħet irċeviet; u

it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, peress li f'dan il-każ l-irkupru jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari: il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi; il-prinċipju taċ-ċertezza legali; u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).