Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fis-6 ta’ Frar 2024 – X.Y.

(Kawża C-96/24, Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X.Y.

Partijiet oħra fil-proċedura: Rzecznik Dyscyplinarny Sądu Najwyższego, Prokuratora Krajowa

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

-    fil-kuntest ta’ proċedura speċifika mibdija bit-talba ta’ parti kkonċernata intiża sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) – assenjat fil-kulleġġ ġudikanti adit b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef [ieħor] tal-Qorti Suprema – jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Suprema nazzjonali hija obbligata li teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li l-Imħallfin huma nnominati għalih billi jittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema u li huwa adit bl-imsemmija talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef huwiex qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi” f’sitwazzjoni fejn l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef biss huwa previst mid-dritt nazzjonali?

meta talba għall-eżami dwar jekk Imħallef tal-Qorti Suprema jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u hija bbażata fuq l-allegazzjoni li dan l-Imħallef kien ġie maħtur għal din il-pożizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), il-kulleġġ ġudikanti [adit b’din it-talba u] kompost minn ħames Imħallfin li kienu ttellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema ma jistax ikun kompost minn Imħallfin tal-Qorti Suprema li kienu ġew maħtura fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura ta’ ħatra irregolari, peress li tali kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Suprema ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi;

meta, f’kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema sedenti f’kulleġġ ġudikanti (adit b’talba għall-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef ieħor tal-Qorti Suprema), kien intwera li, minħabba irregolarità (ta’ natura fundamentali) li tivvizzja l-ħatra tal-Imħallef [adit bit-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali], il-kulleġġ ġudikanti li fih dan l-Imħallef huwa sedenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, ma huwiex iktar neċessarju, għall-finijiet ta’ dan l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmi Mħallef, li jiġi eżaminat, kif jeżiġi d-dritt nazzjonali, l-aġir ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu u lanqas in-natura tal-kawża [adit biha] (jiġifieri l-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali), b’tali mod li l-imsemmija talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ma tistax tiġi miċħuda unikament minħabba li min ressaq it-talba ma pproduċiex provi li jistabbilixxu li l-aġir ta’ dan l-Imħallef wara l-ħatra tiegħu jippreġudika l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni inċiż tal-ewwel domanda:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, moqri flimkien [mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li Mħallef sedenti fil-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar it-talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef (adit b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ proċeduri kriminali kontra Mħallef [ieħor] tal-Qorti Suprema) jista’, l-ewwel nett, jitlob ir-rikuża ta’ Mħallef wieħed ieħor jew ta’ Mħallfin oħra tal-kulleġġ ġudikanti adit [b’din it-talba għal eżami] li ttella’ jew ittellgħu bix-xorti fost il-membri kollha tal-Qorti Suprema, li kien jew kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), li jeskludi li l-qorti li huwa jew huma sedenti fiha tiġi kklassifikata bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabblita bil-liġi, u, it-tieni nett, jitlob li din it-talba [għal eżami] ma tiġix eżaminata minn Imħallef li kien ġie maħtur fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema wkoll fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ ħatra irregolari?

Jekk it-talba msemmija fit-tieni domanda tiġi miċħuda (permezz ta’ digriet ta’ qorti nazzjonali), l-Imħallef li kien ressaq din it-talba jista’ jirrifjuta li jieħu azzjoni fil-kawża li tirrigwarda l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, jew huwa wkoll obbligat li jipparteċipa fl-għoti tas-sentenza, fejn iħalli lill-parti tiddeċiedi jekk hija eventwalment tikkontestax din is-sentenza minħabba li l-Imħallef li ressaq din it-talba jikser id-dritt tagħha li l-kawża tinstema’ minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u [l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

In-natura irregolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti kollu – [adit bi] l-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ Mħallef – hija affettwata, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-[ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, biċ-ċirkustanza li, fost il-ħames Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti [adit b’talba għall-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità], żewġ Imħallfin biss kienu ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ħatra vvizzjata b’irregolarità (ta’ natura fundamentali), fi kliem ieħor, huwa madankollu possibbli, f’każ bħal dan, li titkompla l-proċedura u li tingħata sentenza peress li l-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, tal-maġġoranza tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti indikat ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità?

____________