Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2018 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-26 ta’ April 2018 fil-Kawża T-554/14 – Messi Cuccittini vs EUIPO - J.M.-E.V. e hijos

(Kawża C-449/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: S. Palmero Cabezas, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Lionel Andrés Messi Cuccittini u J.M.-E.V. e hijos, S.R.L.

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna għall-ispejjeż lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġeneral.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-EUIPO jikkunsidra li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat ix-xebh kunċettwali tas-sinjali, peress li tieħu inkunsiderazzjoni biss il-perċezzjoni ta’ parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti u ma stabbilixxietx ir-rilevanza tal-kumplament tal-pubbliku rilevanti, li għalihom id-differenza kunċettwali tat-trade marks ma tistax tagħmel tajjeb għax-xebh viżiv jew fonetiku tagħhom.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni abbażi tal-perċezzjoni kunċettwali li “parti sinjfikattiv” tal-pubbliku għandu tat-trade marks kunfliġġenti, minflok ma evalwat jekk hemmx tali probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mhux insinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti, kif rikjest mill-ġurispduenza.

____________