Language of document : ECLI:EU:T:2011:172

Kawża T-320/09

Planet AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) li tippermetti li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ entità — Investigazzjoni tal-OLAF fuq l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda proġett ta’ immodernizzar istituzzjonali fis-Sirja — Deċiżjonijiet li jinkludu t-talba għal attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b — Suġġett tal-kawża — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Ammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44)

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Ipproċessar ta’ data għal finijiet purament interni mill-amministrazzjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 230 KE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969)

3.      Rikors għal annullament — Motivi — Inkompetenza tal-istituzzjoni awtriċi tal-att ikkontestat — Motiv ta’ ordni pubbliku

(Artikolu 230 KE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent — Twissija fis-sistema ta’ twissijiet bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi — Rikors ta’ entità prevista minn dik it-twissija — Ammissibbiltà

(Artikolu 230 KE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969)

1.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu b’mod partikolari jindika s-suġġett tal-kawża u jkun fih it-talbiet tal-parti rikorrenti. Barra minn hekk, it-talbiet għandhom jiġu esposti b’mod preċiż u inekwivoku, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hemm ir-riskju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi infra jew ultra petita u li d-drittijiet tal-parti konvenuta jiġu ppreġudikati. Madankollu, l-identifikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tirriżulta b’mod impliċitu minn dikjarazzjonijiet magħmula fir-rikors u mill-argumentazzjoni kollha tiegħu. Rikors ippreżentat formalment kontra att li jifforma parti minn għadd ta’ atti li jifformaw totalità jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa ppreżentat ukoll, sa fejn dan ikun meħtieġ, kontra l-oħrajn.

(ara l-punti 22, 23)

2.      Ir-rikors għal annullament huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex ikollhom effetti legali. B’mod partikolari jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, il-miżuri kollha li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l pożizzjoni legali tiegħu. Għall-kuntrarju ma humiex ammissibbli r-rikorsi ppreżentati kontra l-atti li jikkostitwixxu biss miżuri interni għall-amministrazzjoni u li għaldaqstant ma jiġġeneraw l-ebda effett barra minn f’din tal-aħħar.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-amministrazzjoni tipproċessa informazzjoni għal finijiet purament interni, b’mod partikolari billi tiġbor din l-informazzjoni, tamministraha u tagħmel użu minnha, bl-ebda mod ma jeskludi li tali operazzjonijiet jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ dawk ikkonċernati. L-eżistenza ta’ tali preġudizzju tiddependi, fil-fatt, fuq diversi fatturi, b’mod partikolari fuq in-natura tal-informazzjoni pproċessata, fuq l-għan speċifiku tal-imsemmi pproċessar, fuq il-konsegwenzi preċiżi li dan l-ipproċessar jista’ jiġġenera u fuq il-konformità bejn, minn naħa, l-għan u l-konsegwenzi tal-ipproċessar inkwistjoni u, min-naħa l oħra, id-dispożizzjonijiet applikabbli li jiddelimitaw il-kompetenza tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 37-39)

3.      L-inkompetenza tal-awtur tal-atti kkontestati tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubblika li bħala tali għandha titqajjem ex officio.

(ara l-punt 41)

4.      B’kunsiderazzjoni tal-għan inerenti tad-Deċiżjoni 2008/969, dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi, jiġifieri dak li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-miżuri baġitarji, l-impatt ta’ twissija ta’ entità fis-sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS), anki fil-kategorija W1, ma jistax jinżamm ġewwa istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni u tali twissija neċessarjament taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-uffiċjali kkonċernati u dik l-entità. Jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 16 kif ukoll mill-ekonomija ta’ dik id-deċiżjoni li l-konstatazzjoni ta’ twissija W1 fir-realtà twassal għal kompitu tal-uffiċjal ikkonċernat li jieħu miżuri ta’ sorveljanza msaħħa.

F’dan ir-rigward, l-impenn ta’ riżorsi finanzjarji tal-Unjoni jiġu affettwati minn twissija fl-EWS, sa fejn huma obbligati, bil-għan li huma jsegwu l-interessi finanzjarji tagħhom, li jadattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet jew għal miżuri ta’ prudenza miżjuda, li huma speċifiċi għalihom, imposti mill-uffiċjali kkonċernati. Tali kundizzjonijiet u miżuri ta’ prudenza jistgħu jkunu fil-forma ta’ obbligi ġodda u ta’ kompiti ekonomiċi mhux previsti jew anki, kif ġara f’dan il-każ, ta’ riperkussjonijiet fuq l‑organizzazzjoni interna ta’ konsorzju li huma jifformaw parti minnu.

F’dawk il-kundizzjonijiet, il-fatt li r-rikorrenti tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-materjalità tal-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-atti kkontestati ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa iktar u iktar veru jekk jittieħed kont tal-fatt li d-Deċiżjoni 2008/969 ma tipprevedi l-ebda dritt għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jiġu informati, u inqas u inqas li jiġu mismugħin, qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-EWS permezz tal-attivazzjoni tat-twissijiet W1, W2, W3, W4 u W5b.

Dawk l-atti mhux biss jissodisfaw il-karatteristiċi ġuridiċi ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati, iżda jikkostitwixxu wkoll it-tmiem ta’ proċedura speċjali, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ entità f’lista ta’ “twissija” mingħajr din tal-aħħar ma tiġi mismugħa fir-rigward tal-kawżi tal-imsemmija reġistrazzjoni, u distinta minn deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiġu eżegwiti r-rekwiżiti speċifiċi differenti previsti mid-Deċiżjoni 2008/969.

(ara l-punti 44, 45, 48, 51-53)