Language of document : ECLI:EU:T:2013:9

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Jannar 2013 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Konċessjoni diretta tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tal-ġestjoni ulterjuri ta’ parti minn awtostrada — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment — Rikors għal annullament — Att li jista’ jiġi kkontestat — Locus standi — Interess individwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna — Riżorsi tal-Istat”

Fil-Kawża T‑182/10,

Associazione italiana delle società concessionarie per la costruzione e l’esercizio di autostrade e trafori stradali (Aiscat), stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Maresca, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Concessioni Autostradali Venete – CAV SpA, irrappreżentata minn C. Malinconico u P. Clarizia, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2010 dwar iċ-ċaħda ta’ lment imressaq mir-rikorrenti fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat illegali mogħtija mir-Repubblika Taljana lil CAV,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem l-“ilment”), mibgħuta lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-rikorrenti, l-Associazione Italiana delle Società Concessionarie per la costruzione e l’esercizio di Autostrade e Trafori stradali (Aiscat), ilmentat, b’mod partikolari, dwar il-ksur, mill-Gvern Taljan, tar-regoli tal-Unjoni dwar l-aċċess għas-suq, dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għajnuna mill-Istat. Skont din, l-awtoritajiet Taljani fdaw direttament, skont l-Artikolu 2(290) tal-Liġi Nru 244, tal-24 ta’ Diċembru 2007 (suppliment ordinarju għal GURI Nru 300, tat-28 ta’ Diċembru 2007), lill-intervenjenti, il-kumpannija Concessioni autostradali Venete – CAV SpA, li fiha r-Reġjun Veneto (l-Italja) u l-Azienda nazionale autonoma delle strade SpA (ANAS), għandhom sehem, il-konċessjoni tal-ġestjoni, kif ukoll il-manutenzjoni ordinarja u extraordinarja, tal-parti tal-awtostrada A4 msejħa “Passante di Mestre” (iktar ’il quddiem il-“Passante”).

2        Il-Passante hija parti minn triq, li bdiet topera mit-8 ta’ Frar 2009, li l-utenti jistgħu jużaw minflok l-awtostrada A57, imsejħa “Tangenziale di Mestre”, u/jew l-awtostrada A27, sabiex tgħaqqad, fiż-żewġ direzzjonijiet, Padova (l-Italja) ma’ jew Belluno (l-Italja), fit-Tramuntana, jew Trieste (l-Italja) fil-Lvant. Il-bini ta’ din il-parti ta’ triq kien intiż sabiex isolvi l-problemi ta’ ffullar li kellhom l-awtostrada A57 u l-awtostrada A27. Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, l-isem “Tangenziale” japplika għall-partijiet tal-awtostrada A57 u l-awtostrada A27 li jistgħu jiġu evitati billi jintuża l-Passante.

3        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Novembru 1009, iffirmata mid-direttur tad-direttorat “Suq intern u żvilupp durabbli” tad-Direzzjoni Ġenerali (DG) “Enerġija u trasport”, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, abbażi ta’ informazzjoni disponibbli u, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti dwar il-ġestjoni tal-Passante mill-CAV, kellu jiġi eskluż kull vantaġġ mhux ġustifikat favur din tal-aħħar. Barra minn hekk, ġie indikat, fl-aħħar ta’ din l-ittra, li din kienet mibgħuta skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

4        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti tenniet l-ilment tagħha, billi talbet lill-Kummissjoni tanalizza l-konċessjoni inkwistjoni favur CAV mill-aspett tal-għoti mingħajr sejħa għal offerti tal-kuntratt għall-bini u l-ġestjoni tal-Passante, kif ukoll mill-aspett taż-żieda tal-ħlas fuq l-awtostrada A57 u l-awtostrada A27 li jikkostitwixxu triq alternattiva meta mqabbla mal-Passante.

5        F’din l-ittra, ir-r-rikorrenti ssostni b’mod partikolari, fir-rigward tal-allegat ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li l-ammont tal-ħlas fuq it-Tangenziale kien żdied, sabiex tiġi żgurata l-ekwivalenza tal-ħlas mill-utenti bejn it-traġett sħiħ magħmul fuq iż-żewġ partijiet, minkejja l-fatt li l-Passante kienet itwal mit-Tangenziale. Peress li l-prodott ta’ din iż-żieda serva sabiex jiġi ffinanzjat il-bini tal-Passante, CAV, bħala operaturi tal-Passante, allegatament ibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat.

6        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2010, iffirmata mill-ġdid mid-direttur tad-direttorat “Suq intern u żvilupp durabbli”, tad-DG “Enerġija u trasport” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-ittra ġdida, billi bbażat ruħha mill-ġdid fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika, f’dak li jikkonċerna l-aspett tal-għoti mingħajr sejħa għal offerti tal-konċessjoni inkwistjoni, li hija kienet għalqet fl-14 ta’ April 2009 l-proċedura ta’ ksur Nru 2008/4721, miftuħa f’dan ir-rigward, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-għoti dirett tal-konċessjoni lil CAV kienu sodisfatti.

8        Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegat ksur tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni li kellha ma kinitx turi ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata. Fil-fatt, peress li l-ħlas kien isir direttament lil CAV mill-utenti tat-Tangenziale, ma jidhirx li kienu involuti riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, l-obbligi imposti lil CAV f’diversi dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-konċessjoni huma ta’ natura li jeskludu kull vantaġġ mhux dovut favur CAV.

9        Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li l-Gvern Taljan kien reġa’ kiseb, permezz tal-għoti tal-konċessjoni lil CAV, bħala impriża miżmuma minn organi pubbliċi, kuntratt li qabel kien ġie liberalizzat, jiġifieri dak tal-awtostrada bi ħlas, ma jimplikax neċessarjament l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur CAV.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

11      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2010.

12      Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2010, CAV talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal intervent, rispettivament, fid-19 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 2011.

13      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla), tat-28 ta’ Frar 2007, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

14      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ CAV, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet domandi bil-miktub lill‑partijiet. Il‑partijiet irrispondew għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012. Wara din is-seduta, permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) reġgħet fetħet il-proċedura orali. Fl-istess data, skont miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tipproduċi ċerti dokumenti. Ir-rikorrenti pproduċiet id-dokumenti mitluba fit-terminu stabbilit. L-intervenjenti u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet dwar id-dokumenti prodotti, rispettivament fit-2 u s-27 ta’ Awwissu 2012.

17      Fid-29 ta’ Awwissu 2012, il-Qorti Ġenerali għalqet il-proċedura orali.

18      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

19      Il‑Kummissjoni, sostnuta minn CAV, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

20      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ motivi ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel nett, fuq li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

1.     Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat

21      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement kienet tinforma lir-rikorrenti, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi, peress li, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha, il-każ ma kienx jidher li jinvolvi l-għoti ta’ għajnuna illegali. Skont din, għandha ssir distinzjoni bejn din it-tali ipoteżi u dik li tirreferi għaliha t-tielet sentenza tal-istess paragrafu, fejn il-Kummissjoni, wara lment, tibda l-fażi preliminari ta’ eżami li fit-tmiem tagħha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, u tinforma biha lil-lanjant.

22      Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, fuq it-tliet aspetti dwar possibbli inkompatibbiltà mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat li r-rikorrenti qajmet fl-ilment tagħha, l-ebda wieħed minnhom ma huwa bbażat fuq elementi suffiċjenti li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ċirkustanzi pertinenti għall-finijiet ta’ eżami possibbli fis-sens tar-regoli fis-seħħ dwar l-għajnuna mill-Istat.

23      Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, diversi raġunijiet ta’ natura formali ma jippermettux li d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat. Għalhekk, hija ssostni, l-ewwel nett, li kien sempliċi direttur fi ħdan DG “Enerġija u trasport” li ddeċieda dwar l-ilment u mhux il-Kummissjoni stess bħala organu kolleġjali, it-tieni nett, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat kif għandhom ikunu d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tal-għajnuna mil-Istat u, it-tielet nett, li hija rreferiet b’mod espliċitu għat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, billi stiednet lil-lanjant isegwi d-djalogu mad-dipartimenti tagħha jekk kien iħoss li huwa opportun.

24      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva dwar l-ineżistenza, f’dan il-każ, ta’ għajnuna mill-Istat u konsegwentement irrifjutat li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’ċirkustanzi identiċi, l-argumenti ta’ natura formali invokati mill-Kummissjoni huma irrilevanti.

25      Għandu jiġi rrilevat li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija limitata, essenzjalment, sabiex tikkunsidra li, f’reazzjoni għal ilment fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, hija għandha l-possibbiltà jew li tibda fażi preliminari ta’ investigazzjoni li twassal għal deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, jew, jekk tikkunsidra li ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tiddeċiedi dwar il-każ, li ma tiħux azzjoni fir-rigward tal-ilment mingħajr ma tiftaħ il-fażi preliminari. F’din l-aħħar ipoteżi, il-lanjant ma jkollux mezz ta’ rikors sabiex jopponi d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment.

26      Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-pożizzjoni ġiet invalidata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżami ta’ lment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iwassal neċessarjament għall-ftuħ tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata tagħlaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami ta’ lment, li investigazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat, hija għandha tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, miżura li huwa impossibbli li tiġi kkwalifikata bħala sempliċi miżura provviżorja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, Ġabra p. I‑11911, punti 49 sa 51 u 53).

28      Għalhekk, ladarba l-lanjant ippreżenta osservazzjonijiet kumplimentari wara l-ewwel ittra tal-Kummissjoni, li tinformah, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tiddeċiedi dwar il-każ, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 40).

29      Barra minn hekk, sabiex jiġi determinat jekk att tal-Kummissjoni jikkostitwixxix tali deċiżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-essenza tiegħu u mhux il-fatt jekk jissodisfax jew le ċerti eżiġenzi formali, li fin-nuqqas tagħhom il-Kummissjoni tkun tista’ taħrab mill-istħarriġ tal-qorti sempliċement minħabba interpretazzjoni żbaljata ta’ tali eżiġenzi formali (sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 44 sa 46).

30      B’mod partikolari, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, jew il-kwalifika ġuridika tar-reazzjoni tagħha għal ilment, huwa suġġett għal kundizzjoni dwar il-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata mil-lanjant, jiġifieri, ir-rilevanza tagħhom jew in-natura dettaljata tagħhom. Il-livell baxx tal-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata insostenn ta’ lment għalhekk ma jistax jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tibda l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u lanqas li tagħlaq dan l-eżami permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999.

31      Fil-fatt, għandu jingħad ukoll, li, kuntrarjament għall-argumenti fformulati mill-Kummissjoni, tali interpretazzjoni tas-sentenza NDSHT vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, ma timponilhiex obbligu ta’ eżami żmiżurat fil-każ fejn l-informazzjoni pprovduta mil-lanjant tkun vaga jew tikkonċerna qasam wiesa’ ħafna. Fil-fatt, għalkemm is-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, u NDSHT vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, jikkonstataw, b’mod partikolari, l-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ, wara li tirċievi lment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u li tagħlaqha permezz ta’ deċiżjoni formali, l-imsemmija sentenzi ma jinkludu, min-naħa l-oħra, l-ebda indikazzjoni dwar l-estensjoni tal-investigazzjoni li l-Kummissjoni għandha tagħmel fil-kuntest tal-imsemmija fażi preliminari ta’ investigazzjoni.

32      F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet diġà ppreżentat osservazzjonijiet kumplimentari wara l-ewwel informazzjoni tal-Kummissjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn tinformaha li ma kellhiex l-intenzjoni tkompli bl-ilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, sabiex jiġi determinat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex tali deċiżjoni, għandu jiġi eżaminat biss jekk, fid-dawl tal-essenza tagħha u tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar stabbilixxietx hemmhekk definittivament il-pożizzjoni tagħha dwar il-miżuri li lmentat dwarhom ir-rikorrenti.

33      Issa, id-deċiżjoni kkonstestata tinkludi tali teħid ta’ pożizzjoni definittiva. Fil-fatt, fiha huwa kkonstatat, skont eżami tal-fatti inkwistjoni, li “ma jidhirx li huma involuti riżorsi tal-Istat” u li “[g]ħalhekk huwa evidenti li CAV ma tieħu l-ebda gwadann supplimentari mhux ġustifikat”. Il-Kummissjoni żiedet, fir-rigward speċifikament tal-fatt li l-Gvern Taljan “investa mill-ġdid” kuntratt li qabel kien ġie liberalizzat, li dan ma kienx jimplika neċessarjament li kienet ingħatat għajnuna lil CAV. Għalhekk, il-Kummissjoni b’mod ċar ħadet pożizzjoni fis-sens li, skont hi, il-miżuri li tilmenta dwarhom ir-rikorrenti, kif ippreċiżati fl-osservazzjonijiet kumplimentari tagħha, ma kinux jammontaw għal għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jgħid, “[f]ejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni”.

34      Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ osservazzjoni manifest tal-formalitajiet meħtieġa minn deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jostakolax tali kwalifika.

35      Għalhekk, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ locus standi

36      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tikkontesta biss fil-mertu l-evalwazzjoni tad-dipartimenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ provi xierqa sabiex titkompla l-investigazzjoni tal-ilment, billi tinvoka motivi bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, kif ukoll l-iżnaturament tal-fatti. Min-naħa l-oħra, fl-ebda punt tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma rreferiet għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha jew għall-eventwali indikazzjonijiet li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħu magħhom id-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tal-allegata għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan il-kuntest, li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tikkwalifika mill-ġdid l-ilmenti mqajma fir-rigward tal-fond tad-deċiżjoni tal-ilmenti intiża għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tqis, għalhekk, li r-rikorrenti għandha turi li hija għandha interess individwali fid-deċiżjoni kkontestata, li ma għamlitx f’dan il-każ.

37      Barra minn hekk, mir-rikors ma jirriżultax jekk ir-rikorrenti taġixxix għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi proprji tagħha bħala assoċjazzjoni jew, għall-kuntrarju, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi ta’ waħda jew iktar mill-impriżi li tista’ tirrappreżenta. Ir-rikorrenti ma tagħti l-ebda preċiżazzjoni dwar l-impriżi li tirrappreżenta u lanqas ma tindika li rċeviet mandat sabiex taġixxi fl-isem dawn l-impriżi.

38      Ir-rikorrenti topponi dawn l-argumenti, billi ssostni li huwa magħruf li hija tirrappreżenta l-kumpanniji, l-entitajiet u l-gruppi li kisbu konċessjonijiet għall-bini u/jew it-tħaddim ta’ awtostrade u ta’ mini fit-toroq fl-Italja.

39      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, hija qed tintervjeni sabiex tipproteġi l-interessi tat-23 membru tagħha f’dak li jikkonċerna l-ipprivar mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’sejħa għal offerti fid-dawl tal-konċessjoni tal-Passante, li ngħatat direttament lil CAV. Fit-tieni lok, hija taġixxi fl-interess ta’ tlieta mill-membri tagħha, jiġifieri Società delle autostrade di Venezia e Padova SpA (iktar ’il quddiem “SAVP), Autovie Venete SpA u Autostrade per l’Italia SpA, li kull waħda minnhom hija konċessjonarja għal parti mit-Tangenziale u li huma partikolarment affettwati ħażin fil-pożizzjoni tagħhom fis-suq bid-devjazzjoni taċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi lejn il-Passante, ikkawżat miż-żieda fil-ħlas fuq it-Tangenziale.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 26).

41      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-eżami, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 38; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 34, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 27).

42      Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li, b’dan il-mod, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara s-sentenzi, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 28).

43      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Għalhekk għandu jiġi pprovat li hija għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punt 37, u tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punt 34).

 Fuq l-għan ta’ dan ir-rikors

44      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ġie kkonstatat, fil-punt 33 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrifjuta li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali li tikkonċerna l-allegata għajnuna illegali.

45      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet magħmula mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-motivi mqajma insostenn tagħhom huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-mertu, minħabba li l-fatti li tilmenta dwarhom fl-ilment jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, iż-żewġ motivi ppreżentati mir-rikorrenti huma intitolati, minn naħa, “Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Nuqqas u kontradizzjoni tal-motivi. Ksur tal-Artikolu [107 TFUE] minħabba l-għoti dirett tal-konċessjoni tal-bini u tal-ġestjoni tal-Passante di Mestre lil CAV” u, min-naħa l-oħra, “Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Nuqqas u kontradizzjoni tal-motivi. Żnaturament tal-fatti. Ksur tal-Artikolu [107 TFUE] minħabba ż-żieda tal-ħlas li sar fuq [it-Tangenziale]”. Fil-fatt, fl-iżviluppi ppreżentati taħt dawn iż-żewġ motivi, hija essenzjalment esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-miżuri kkontestati minnha kellhom jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma talbitx l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE jew minħabba li d-dritt tagħha li tiġi assoċjata f’din il-proċedura, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, ma kienx ġie rrispettat, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni.

46      Għandu jiżdied f’dan ir-rigward, li din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li l-aspett tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali huwa “intrinsikament marbut” mar-rikors ippreżentat minnha, minkejja li dan ma huwiex indikat espressament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’ċirkustanzi paragunabbli ma’ dawk f’dan il-każ, li l-Qorti Ġenerali ma tistax tikkwalifika mill-ġdid il-motivi mqajma mir-rikorrenti, u għalhekk tibdel l-għan tal-kawża miftuħa quddiemha (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punti 44 u 45).

47      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha turi li għandha status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq.

48      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li assoċjazzjoni professjonali li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha tista’ bħala regola ġenerali tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat f’żewġ każijiet biss, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom għandhom locus standi fuq bażi individwali u t-tieni nett jekk hija tista’ ssostni interess proprju, b’mod partikolari, għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata permezz tal-att li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 50; tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, Ġabra p. II‑3029, punt 108, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il-Kummissjoni, T‑236/10, punt 19).

 Fuq l-interessi difiżi mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors

49      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-rikorrenti — kif fil-fatt jindika isimha — hija organizzazzjoni li tirrappreżenta konċessjonarji ta’ bini u ġestjoni ta’ awtostrade fl-Italja. Madankollu, hija ssostni l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors ma tagħmilx parti mill-għanijiet statutorji tar-rikorrenti.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(a) tal-istatuti tar-rikorrenti jipprovdi li din tal-aħħar għandha l-vokazzjoni “li tistudja l-problemi tekniċi, amministrattivi, finanzjarji u legali, kif ukoll fiskali, ta’ interess ġenerali għall-membri tagħha fis-settur tal-awtostrade u tal-mini mogħtija b’konċessjoni, kif ukoll fil-qasam tal-infrastrutturi ta’ trasport b’mod ġenerali mogħtija b’konċessjoni, u li tiddetermina l-kriterji u l-metodi li għandhom jiġu segwiti għar-riżoluzzjoni tagħhom”. Anki jekk din il-formulazzjoni ma tipprovdix espressament għall-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, tali kapaċità hija madankollu koperta impliċitament mill-missjoni “li tistudja l-problemi amministrattivi u legali” u li “tiddetermina l-kriterji u l-metodi li għandhom jiġu segwiti għar-riżoluzzjoni tagħhom”.

51      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-minuti Nru 275 tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tar-rikorrenti, tat-22 ta’ Mejju 2008, prodott mir-rikorrenti. Minn dan id-dokument jirriżulta b’mod partikolari li, abbażi ta’ nota intitolata “CAV – Azzjonijiet tal-Aiscat intiżi għall-protezzjoni tas-suq tal-kostruzzjoni u tal-ġestjoni tal-infrastruttui tat-toroq”, l-għoti tal-konċessjoni għall-Passante kif ukoll iż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale kienu s-suġġett ta’ dibattiti fi ħdan tal-imsemmi kunsill ta’ amministrazzjoni, li għalih jipparteċipaw, b’mod partikolari, ir-rappreżentanti ta’ SAVP, Autovie Venete u Autostrade per l’Italia. L-imsemmija minuti jinkludu, b’mod partikolari, il-passaġġ li ġej:

“CAV

Il-president, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ CAV, kumpannija mħallta magħmula mill-ANAS u r-reġjun tal-Veneto, u dik tal-azzjonijiet tal-Aiscat fid-dawl tal-protezzjoni tas-suq tal-kostruzzjoni u tal-ġestjoni tal-infrastrutturi tat-toroq, iħabbar li [ir-rikorrenti] għandha l-obbligu li teżerċita azzjoni legali, rikors ibbażat fuq l-illegalità skont id-dritt Komunitarju, taħt diversi aspetti, tal-implementazzjoni tal-Artikolu 2(290) tal-Liġi Neu 244, tal-24 ta’ Diċembru 2007.

Il-Kunsill jaqbel.”

52      Dawn il-minuti jippermettu li jiġi konkluż li r-rappreżentanti tal-membri tar-rikorrenti li pparteċipaw għal-laqgħa tat-22 ta’ Mejju 2008 telqu mill-prinċipju li l-attribuzzjonijiet statutorji tar-rikorrenti setgħu jinkludu, skont il-każ, il-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, huwa irrilevanti l-fatt li ma ssemmietx, fil-minuti tal-imsemmija laqgħa, setgħa speċifika sabiex jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx għadha ġiet adottata fid-data tal-laqgħa tat-22 ta’ Mejju 2008.

53      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li tikkunsidra l-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li assoċjazzjoni li l-missjonijiet statutorji tagħha jinkludu d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha jkollha, wkoll, mandat jew prokura speċifika, stabbiliti mill-membri li hija tiddefendi l-interessi tagħhom, sabiex jiġi lilha rikonoxxut locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni.

54      Bl-istess mod, peress li l-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem qorti hija koperta mill-missjonijiet statutorji tar-rikorrenti, il-fatt li wħud mill-membri tagħha jistgħu, sussegwentement, jieħdu distanza mill-preżentazzjoni ta’ rikors ma huwiex ta’ natura li jħassar il-locus standi tagħha. Għalhekk, l-ittra tar-rappreżentant ta’ Autovie Venete tal-31 ta’ Lulju 2012, prodotta mill-intervenjenti, fejn huwa ddikjarat li Autovie Venete ma għandha l-ebda interess f’dan ir-rikors, hija irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-locus standi tar-rikorrenti.

55      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta mingħajr ekwivoku li r-rikorrenti qed taġixxi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, sabiex tipproteġi mhux l-interessi proprji tagħha bħala assoċjazzjoni, iżda l-interessi tal-membri tagħha. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssemmi fir-rikors, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li għandhom jaffaċċjaw, skont hi, “l-atturi preżenti fuq is-suq [tal-konċessjonijiet ta’ awtostrade]” minħabba l-attribuzzjoni tal-konċessjoni lil CAV mingħajr sejħa għal offerti. Min-naħa l-oħra, hija tidentifika tliet kumpanniji li huma partikolarment affettwati miż-żieda fil-ħlas fuq it-Tangenziale, peress li għandhom kull waħda minnhom il-konċessjoni għal parti mit-Tangenziale, jiġifieri SAVP, Autovie Venete u Autostrade per l’Italia. Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċessjoni ta’ inammissibbiltà, fejn hija tiddikjara espressament li hija mhux qed tipproteġi l-interessi tagħha, iżda dawk tal-membri tagħha, għalhekk ikomplu jikkonfermaw l-indikazzjonijiet diġà pprovduti fir-rikors.

56      Huwa minnu li, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti fir-rikors, fir-rigward tat-tliet kumpanniji identifikati minnha bħala l-konċessjonarji ta’ partijiet differenti tat-Tangenziale, il-konċessjoni ta’ SAVP fuq parti tat-Tangenziale skadiet fit-30 ta’ Novembru 2009 u din il-kumpannija, minn dik id-data ’l hawn ma għadhiex tagħmel parti mill-membri tagħha. Ir-rikorrenti kkonfermat dawn il-fatti fil-kuntest tar-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

57      Madankollu, jibqa’ żewġ kumpanniji oħra, membri tar-rikorrenti, li hija sostniet li l-interessi tagħhom huma affettwati mill-miżuri kkontestati fl-ilment tagħha, jiġifieri Autovie Venete u Autostrade per l’Italia.

58      Għalhekk, jaqbel li jingħad li r-rikorrenti, minn naħa, hija assoċjazzjoni professjonali li hija responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, indikat b’mod ċar, fir-rikors, li r-rikors kien intiż sabiex jiddefendi l-interessi ta’ wħud mill-membri tagħha.

 Fuq l-interess individwali tal-membri tar-rikorrenti

59      Skont il-ġurisprudenza fil-punt 48 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk membri tar-rikorrenti għandhomx status partikolari, fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq.

60      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, fl-istadju tal-ammissibbiltà, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rapporti ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tar-rikorrenti u l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna. F’dan il-kuntest, hija biss ir-rikorrenti, li hija assoċjazzjoni li tiġbor l-kumpanniji, entitajiet u gruppi li kisbu konċessjonijiet għall-bini u/jew għat-tħaddim ta’ awtostrade u ta’ mini fit-toroq fl-Italja, li għandha tindika b’mod pertinenti r-raġunijiet għalfejn l-allegata għajnuna tista’ taffettwa ħażin l-interessi leġittimi ta’ membru tagħha jew iktar billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni, T‑36/99, Ġabra p. II‑3597, punt 80).

61      Barra minn hekk, fir-rigward tal-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-persuni li ma humiex id-destinatarji u li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-għajnuna, huma meqjusa bħala individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni fil-każ li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punti 22 sa 25, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 40 iktar ’il fuq, punti 37 u 70).

62      Hemm lok li din il-kwistjoni tiġi eżaminata separatament għaż-żewġ miżuri kkontestati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri għall-għoti tal-konċessjoni għall-Passante mingħajr sejħa għal offerti u għaż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale.

–       Fuq l-għoti tal-konċessjoni għall-Passante mingħajr sejħa għal offerti

63      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni tal-partijiet fuq is-suq rilevanti, għandu jiġi identifikat is-suq rilevanti bħala dak tal-konċessjonijiet fit-toroq fl-Italja, fejn it-23 membru tar-rikorrenti, li jħaddmu l-awtostrade bi ħlas, jirrappreżentaw it-talba, kontra l-Istat, irrappreżentat mill-ANAS, li jagħti l-konċessjonijiet. Skont l-istatistika ppreżentata mir-rikorrenti, in-netwerk ta’ awtostrade bi ħlas fl-Italja kien jinkludi f’Novembru 2009 madwar 5 500 km.

64      Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att bħad-deċiżjoni kkontestata jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq inkwistjoni u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma tista’ fl-ebda każ tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7; id-digriet tal-21 ta’ Frar 2006, Deutsche Post u DHL Express vs Il-Kummissjoni, C‑367/04 P, Ġabra p.I-26, punt 40 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 32).

65      Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward ta’ l-impriża li tirċievi l-għajnuna, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw l-impriża lid-destinatarju (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punt 41; id-digriet Deutsche Post u DHL Express vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza Spanja vs Lenzing, punt 69 iktar ’il fuq, punt 33).

66      Madankollu, id-dimostrazzjoni ta’ ħsara serja kkawżata lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fuq is-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti provi li jindikaw degrad fl-andament kummerċjali jew finanzjarju, iżda tista’ ssir billi tintwera l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qliegħ jew evoluzzjoni inqas vantaġġuża minn dik li kienet ġiet irreġistrata fin-nuqqas ta’ tali għajnuna (sentenza Spanja vs Lenzing, punt 69 iktar ’il fuq, punt 35).

67      F’dan il-każ, fir-rigward tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-membri tar-rikorrenti minħabba l-attribuzzjoni tal-konċessjoni għall-Passante mingħajr sejħa għal offerti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tesponi fir-rikors ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li tali għoti dirett jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni tal-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija ssostni l-interess tat-23 membru tagħha li ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’sejħa għal offerti fir-rigward tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-Passante.

68      Issa, f’suq ta’ total ta’ 5 500 km ta’ awtostrade bi ħlas, għalkemm l-għoti ta’ konċessjoni mingħajr sejħa għal offerti għal parti minn awtostrada ta’ madwar 32 km tul jista’ jkollu ċertu effett fuq il-kompetizzjoni, fis-sens li l-atturi l-oħra ma kellhomx l-opportunità li jżidu t-tul tan-netwerks rispettivament operati minnhom, dan ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala tali, li jikkostitiwxxi effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-atturi l-oħra. Għalhekk, ir-rikorrenti naqset milli tipprova li l-membri tagħha kienu affettwati mid-deċiżjoni kkontestata b’mod differenti meta mqabbla mal-atturi ekonomiċi l-oħra li jixtiequ jħaddmu l-konċessjoni għall-Passante.

69      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tal-għoti tal-konċessjoni għall-Passante mingħajr sejħa għal offerti, il-membri tar-rikorrenti ma kinux individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ma huwiex ammissibbli li jippreżentaw huma stess rikors f’dan ir-rigward u r-rikorrenti kif ukoll ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti tippreżenta rikors f’rappreżentanza tal-interessi tagħhom.

–       Fuq iż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale

70      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni tal-partijiet, għandu jiġi identifikat is-suq rilevanti bħala dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ konnessjonijiet ta’ toroq għat-traffiku għaddej, permezz ta’ ħlas, fuq iż-żewġ itinerarji li għalihom teżisti kompetizzjoni bejn it-Tangenziale u l-Passante. L-ewwel wieħed huwa t-traġett, fiż-żewġ direzzjonijiet, bejn il-punt, fuq l-awtostrada A4 ġejja minn Padova, fejn jisseparaw it-Tangenziale u l-Passante u l-intersezzjoni tal-Passante mal-awtostrada A27 f’direzzjoni lejn Belluno. Dan it-traġett jista’ jsir kemm billi tinqabad il-Passante sal-intersezzjoni mal-A27 f’direzzjoni lejn Belluno, jew billi tinqabad l-ewwel l-awtostrada A57 u sussegwentement toħroġ fuq l-A27 lejn it-Tramuntana, f’direzzjoni lejn Belluno. It-tieni wieħed huwa traġett, fiż-żewġ direzzjonijiet, bejn il-punt, fuq l-awtostrada A4 minn Padova, fejn jisseparaw it-Tangenziale u l-Passante u l-punt fuq l-awtostrada A4 lejn Trieste fejn it-Tangenziale tingħaqad mal-awtostrada A4. Dan it-traġett jista’ jsir jew billi tinqabad il-Passante fuq it-tul kollu tagħha, jew billi tinqabad l-awtostrada A57 fuq it-tul kollu tagħha.

71      Huwa fuq dawn iż-żewġ itinerarji, li jistgħu jsiru billi jinqabdu jew it-Tangenziale jew il-Passante, li d-detenturi rispettivi tal-konċessjonijiet fuq l-imsemmija partijiet huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Dan is-suq huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li l-konsumaturi għandhom l-għażla bejn żewġ kompetituri biss. Għalhekk jeżisti rapport dirett ta’ kompetizzjoni bejn id-detentur tal-konċessjoni fuq il-Passante, minn naħa, u d-detenturi tal-konċessjoni tat-Tangenziale, min-naħa l-oħra.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-kumpannija SAVP ma kienx għadha, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, detentriċi ta’ konċessjoni ta’ toroq fuq it-Tangenziale u lanqas, barra minn hekk, ma kien għadha membru tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-effett individwali fuq il-membri tar-rikorrenti, għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, għandu għalhekk jittieħed kont biss tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji Autovie Venete u Autostrade per l’Italia. Filwaqt li Autovie Venete hija konċessjonarja ta’ parti minn madwar għaxar kilometri tat-Tangenziale, li tinsab bejn Mestre (l-Italja) u l-post fejn tingħaqad mal-Passante f’direzzjoni lejn Trieste, Autostrade per l’Italia hija konċessjonarja tal-parti tal-awtostrada A27 f’direzzjoni lejn Belluno (l-Italja), li tgħaqqad l-awtostrada A57 u l-Passante, ta’ madwar sitt kilometri.

73      Sabiex turi nuqqas nett tat-traffiku fuq it-Tangenziale mid-data ta’ meta beda jopera s-servizz tal-Passante, ir-rikorrenti pproduċiet data dwar l-evoluzzjoni tat-traffiku għax-xhur minn Jannar sa Lulju 2009, f’paragun mal-istess perijodu fl-2008. Dawn id-data juru, għall-ewwel seba’ xhur tal-2009, tnaqqis tal-vetturi-kilometri ta’ madwar 13 % għall-vetturi ħfief u ta’ madwar 28 % tal-vetturi tqal, għall-parti tan-netwerk ġestita f’dak iż-żmien minn SAVP, li l-parti l-kbira tagħha (16 km mit-23.3 km ġestiti minn SAVP) tinsab fuq it-Tangenziale (fejn il-parti l-oħra hija magħmula mill-parti li tgħaqqad it-Tangenziale mal-ajruport Venezia-Tessera). Anki jekk dawn id-data, minn naħa, jipprovdu biss informazzjoni fuq parti mit-Tangenziale u, min-naħa l-oħra, jinkludu fluss ta’ traffiku li ma jinsabx fuq it-Tangenziale, jista’ jiġi dedott li t-traffiku fuq it-Tangenziale naqas b’mod sinifikanti wara li bdiet topera l-Passante. Dawn iċ-ċifri ma ġewx ikkontestati b’mod validu. Fil-fatt, l-intervenjenti sostniet, waqt is-seduta, li għandha “ċifri oħra”, mingħajr madankollu ma ppreċiżat x’inhuma jew mingħajr ma ressqet provi f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma kkontestatx id-data pprovduti mir-rikorrenti. Hija llimitat ruħha sabiex tikkontesta r-rabta ta’ kawżalità bejn iż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale u t-tnaqqis tat-traffiku fuq din il-parti, fejn dan tal-aħħar huwa dovut, fil-fehma tagħha, għas-sempliċi fatt tat-tħaddim tal-Passante bħala itinerarju kompetitur.

74      Għandu jiġi ammess, f’dan ir-rigward, li l-fluss tat-traffiku fuq it-Tangenziale kien diġà suxxettibbli li jonqos sostanzjalment sempliċement minħabba l-ftuħ tal-Passante u li ma jidhirx possibbli li jiġi ddeterminat sa fejn dan it-tnaqqis ġie aggravat mill-fatt li, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li t-tnaqqis irreġistrat huwa ikbar milli kieku l-ħlas ma kienx żdied. Fil-fatt hemm qbil bejn il-partijiet li l-għan komuni taż-żewġ miżuri kien preċiżament li jiddevja lejn il-Passante it-traffiku għaddej, sabiex jonqos il-piż fuq it-Tangenziale. Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani, evidentement, ikkunsidraw li, fl-ipoteżi ta’ ħlas inqas għoli għall-passaġġ fuq it-Tangenziale meta mqabbel mal-passaġġ fuq il-Passante, is-sempliċi tħaddim ta’ din tal-aħħar bħala itinerarju alternattiv ma kienx ser jkun biżżejjed sabiex jiddevja t-traffiku lejn din il-parti l-ġdida daqs kemm kien mixtieq. Fil-fatt, kieku ma kienx hekk, ma kienx ikun neċessarju li jkun hemm żieda fil-ħlas.

75      Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi miċħud l-argument, imressaq mill-Kummissjoni matul is-seduta, li jgħid li t-trasferiment taċ-ċirkulazzjoni mit-Tangenziale lejn il-Passante kien isir xorta anke fin-nuqqas tal-ekwivalenti tal-ħlas bejn dawn iż-żewġ itinerarji, peress li l-għażla tax-xufiera ssir biss skont is-sitwazzjoni tat-traffiku.

76      Barra minn hekk, peress li, kif espost fil-punt 75 iktar ’il fuq, is-suq rilevanti huwa dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-konnessjonijiet ta’ toroq għat-traffiku għaddej, permezz ta’ ħlas, fuq iż-żewġ itinerarji li għalihom teżisti kompetizzjoni bejn it-Tangenziale u l-Passante, huwa meta mqabbel ma’ dan is-suq limitat li għandha ssir l-evalwazzjoni tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni fuq is-suq ta’ Autovie Venete u ta’ autostrade per l’Italia, u mhux meta mqabbla mas-suq ħafna iktar wiesa’ tal-konċessjonijiet tat-toroq fl-Italja kollha. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li jgħid li, fir-rigward tan-netwerks ta’ tul totali ta’ 230 km u ta’ 3 000 km rispettivament amministrati minn Autovie Venete u Autostrade per l’Italia, żieda tal-ħlas fuq il-partijiet qosra amministrati minnha fuq it-Tangenziale, kif identifikati fil-punt 76 iktar ’il fuq, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet affettwata b’mod sostanzjali.

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li t-traffiku tal-vetturi tqal, li t-tnaqqis fit-traffiku kien jirrigwarda l-iktar lilhom, jikkostitwixxi l-parti li tħalli l-iktar profitt għall-konċessjonarji tal-awtostrada, b’mod li tnaqqis f’dan is-settur huwa partikolarment suxxettibbli li jaffettwa b’mod sostanzjali, id-dħul tagħhom mit-tħaddim tal-konċessjoni.

78      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti skont il-liġi li, minħabba ż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale li hija s-suġġett tal-ilment, tnejn mill-membri tagħha, jiġifieri Autovie Venete u Autostrade per l’Italia, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, u li r-riżultati kummerċjali tagħhom esperjenzaw evoluzzjoni inqas vantaġġuża minn dik li kienet tiġi rreġistrata fin-nuqqas ta’ tali miżura, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq. Għandu jingħad ukoll li, bħala detenturi tal-konċessjonijiet fuq it-Tangenziale, dawn iż-żewġ kumpanniji huma l-uniċi, flimkien ma’ SAVP, li ġew affettwati b’mod negattiv mill-imsemmija żieda fil-ħlas u li din tal-aħħar ibbenefikat għall-uniku kompetitur tagħhom fuq is-suq rilevanti, jiġifieri CAV bħala detenturi tal-konċessjoni fuq il-Passante.

79      Minn dan isegwi li kemm Autovie Venete kif ukoll Autostrade per l’Italia setgħu jippreżentaw huma stess rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar kienet dwar ir-rifjut li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward taż-żieda fil-ħlas. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’rappreżentanza tal-interessi tagħhom huwa wkoll ammissibbli f’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-ħlas.

80      Għalhekk, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà fir-rigward tal-għoti dirett tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-Passante u li jiġi miċħud fir-rigward taż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale.

3.     Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà

81      Konsegwentement, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tal-għoti dirett tal-konċessjoni għall-Passante u għandha tiġi miċħuda għall-bqija. Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn jikkontesta l-konstatazzjoni, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ż-żieda fil-ħlas fuq it-Tangenziale ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, huwa inammissibbli sa fejn jikkontesta l-konstatazzjoni li tgħid li l-għoti dirett tal-konċessjoni għall-Pasante ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

B –  Fuq il-mertu

82      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-iżnaturament tal-fatti.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tan-nuqqas u ta’ kontradizzjoni tal-motivi u tal-ksur tal-Artikolu 107 TFUE fir-rigward tal-għoti dirett lil CAV tal-konċessjoni tal-bini u tal-ġestjoni tal-Passante

83      L-ewwel motiv, li huwa esklużivament intiż kontra l-konstatazzjoni li tgħid li l-attribuzzjoni diretta tal-konċessjoni għall-Passante ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat ma jistax jitqajjem b’mod effettiv kontra l-konstatazzjoni li tgħid li ż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fid-dawl tal-punt 81 iktar ’il fuq, għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tan-nuqqas u ta’ kontradizzjoni tal-motivi, żnaturament tal-fatti u ksur tal-Artikolu 107 TFUE, fir-rigward taż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale

a)     Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-iżnaturament tal-fatti

84      Fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti, invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li dawn huma msemmija biss fit-titolu tat-tieni motiv u ma humiex sostnuti bl-ebda argument, u dan la fir-rikors u lanqas fir-replika.

85      Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-iżnaturament tal-fatt, imqajma fil-kuntest tat-tieni motiv.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE

86      Ir-rikorrenti ssostni li l-bini tal-Passante ġie ffinanzjat permezz taż-żieda fit-tariffa fuq it-Tangenziale u li din iż-żieda, li wasslet għal ugwaljanza fil-ħlas fuq iż-żewġ partijiet, waslet għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi ddevjat it-traffiku minn fuq it-Tangenziale għall-benefiċċju tal-Passante.

87      Il-Kummissjoni tqis li la l-fatt li l-konċessjonarju ta’ parti minn awtostrada jirċievi ħlas, u lanqas il-fatt li dan il-ħlas żdied ma jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

88      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma tallegax li l-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ konċessjoni għall-Passante, konkluż fit-30 ta’ Jannar 2009 bejn l-ANAS u CAV, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat peress li jeżisti nuqqas ta’ ekwilibriju bejn l-obbligi ta’ CAV skont l-imsemmi ftehim, minn naħa, u l-benefiċċji li din tal-aħħar tista’ tikseb mill-konċessjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, l-ilment imqajjem mir-rikorrenti huwa limitat għall-kwistjoni taż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale u tal-assenjazzjoni tad-dħul ta’ din iż-żieda għar-rimbors tal-ispejjeż tal-bini tal-Passante.

89      Kif ġie kkonstatat fil-punt 33 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li tikkonsisti fil-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, wara l-fażi preliminari tal-investigazzjoni, li tgħid li ż-żieda fil-ħlas fuq it-Tangenziale ma tikkostitwixxix għajnuna. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha, għall-kuntrarju, tikkonstata li l-imsemmija miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

90      L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

 Fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ

91      Preliminarjament, jabel li jiġu definiti l-metodi taż-żieda inkwistjoni tal-ħlas u tal-użu tal-prodott minn din iż-żieda.

92      Iż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale ġiet deċiża għall-ewwel darba bid-delibera (deċiżjoni amministrattiva) Nru 128 tal-Comitato interministeriale per la programmazione economica (Kumitat interministerjali għall-programmazzjoni ekonomika, CIPE), tas-6 ta’ April 2006 (GURI Nru 142, tal-21 ta’ Ġunju 2006, p. 16). Fil-fatt, dan l-att jawtorizza “l-inserzjoni, fl-atti kumplimentari [...] għall-ftehim fis-seħħ mal-kumpanniji li jamministraw l-awtostrade relatati mal-Passante di Mestre, klawżoli li jipprovdu għall-ħlas konformi mal-ISO [...] sabiex jiġi ggarantit, fiż-żmien, il-fluss tar-riżorsi neċessarji għall-bini tal-Passante”. Mill-proċess jirriżulta li l-prinċipju ta’ “ħlas konformi mal-ISO” ifisser li x-xufiera li jkunu għaddejjin, fiż-żewġ direzzjonijiet, bejn Padova u Trieste u bejn Padova u Belluno, għandhom l-għażla bejn żewġ itinerarji mingħajr ma teżisti l-ebda differenza fil-prezz tal-ħlas.

93      L-ammont taż-żieda tal-ħlas ġie stabbilit permezz tad-delibera Nru 3 ta’ CIPE, tas-26 ta’ Jannar 2007 (GURI Nru 96, tas-26 ta’ April 2007, p. 79). Skont dan l-att, iż-żieda kellha ssir billi tingħadd, mal-kilometraġġ effettiv perkors mit-traffiku għaddej, fiż-żewġ direzzjonijiet, fuq it-Tangenziale, kemm fuq il-parti Padova-Trieste kif ukoll fuq il-parti Padova-Belluno, distanza fittizja ta’ 10.14 km mill-1 ta’ Frar 2007 u ta’ 20.28 km mill-1 ta’ Jannar 2008.

94      Wara dewmien sabiex bdiet topera l-Passante, dawn l-aħħar dati ġew ulterjorment immexxija għall-1 ta’ Mejju 2008 u l-1 ta’ Jannar 2009 permezz tad-delibera Nru 24 ta’ CIPE, tas-27 ta’ Marzu 2008 (GURI Nru 157, tas-7 ta’ Lulju 2008, p. 55).

95      Skont id-dispożizzjonijiet tad-delibera ċċitati fil-punti preċedenti, il-metodi taż-żieda tal-ħlas ġew inklużi fil-ftehim ta’ konċessjoni li jorbtu l-ANAS, minn naħa, u l-kumpanniji li jamministraw it-Tangenziale u l-Passante, min-naħa l-oħra.

96      Skont l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ konċessjoni għall-Passante, konkluż fit-30 ta’ Jannar 2009 bejn l-ANAS u CAV (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), il-konċessjoni dwar il-Passante tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2032. Skont l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim, CAV intrabtu, b’mod partikolari, li jirrimborsaw l’ANAS, sal-30 ta’ Ġunju 2010, it-totalità tal-ispejjeż li saru minn din tal-aħħar għall-bini tal-Passante. Fil-fatt, mill-proċess, u b’mod partikolari mill-Artikolu 3.2(d) tal-Ftehim jirriżulta, li l-bini tal-Passante, għall-bidu, ġie ffinanzjat mill-ANAS.

97      Mill-Artikolu 6.4 tal-Ftehim jirriżulta li, min-naħa l-oħra, CAV jibbenefikaw:

–        l-ewwel nett, mill-prodott taż-żieda tal-ħlas applikata fuq it-Tangenziale;

–        it-tieni nett, mill-qligħ fuq il-ħlas tal-Passante;

–        it-tielet nett, mit-30 ta’ Novembru 2009, mill-qligħ tal-konċessjoni ta’ qabel ta’ SAVP, li reġgħet ittieħdet minn CAV, fuq parti mit-Tangenziale;

–        ir-raba’ nett, mill-qligħ li jirriżulta minn sotto-konċessjonijiet relatati ma’ oqsma ta’ servizzi.

98      Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-prodott taż-żieda tal-ħlas applikabbli fuq it-Tangenziale u fuq il-komponenti l-oħra msemmija fil-punt preċedenti jippermettu lill-Istat Taljan jirkupra s-somom li nefaq għall-bini tal-Passante.

99      Fir-rigward tad-dettalji taż-żieda tal-ħlas, l-Artikolu 6.4 tal-Ftehim itenni, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tad-delibere ta’ CIPE ċċitati fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, billi huwa stipulat iż-żieda, għal kull kilometru effettiv perkors mit-traffiku għaddej, fiż-żewġ direzzjonijiet, fuq it-Tangenziale, kemm fuq il-parti Padova-Trieste kif ukoll fuq il-parti Padova-Belluno, ta’ distanza fittizja ta’ 10.14 km mill-1 ta’ Mejju 2008 u ta’ 20.28 km mill-1 ta’ Jannar 2009. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija minn CAV fir-risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u kkonfermati bil-fomm mill-partijiet matul is-seduta, din iż-żieda għandha titnaqqas progressivament, skont il-pjan ekonomiku u finanzjarju anness mal-Ftehim, sat-tmiem ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, il-kilometraġġ addizzjonali kien ta’ 19.88 km fl-2010, ta’ 19.48 km fl-2011 u ta’ 19.1 km mill-1 ta’ Jannar 2012.

100    Fir-rigward tal-metodi ta’ ġbir u ta’ trasferiment tal-ammonti miġbura għal kull kilometru addizzjonali, il-partijiet indikaw b’mod konkordanti, f’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li s-somom inkwistjoni huma miġbura mill-konċessjonarji li jamministraw l-istazzjonijiet ta’ ħlas inkwistjoni — jiġifieri Autovie Venete għall-istazzjoni ta’ Venezia-Est, Autostrade per l’Italia għall-istazzjoni ta’ Venezia-Nord u CAV għall-istazzjon Venezia-Padova — jew f’isimhom minn kumpannija miżmuma minn Autostrade per l’Italia, sabiex sussegwentement jiġu trasferiti lil CAV skont il-metodi stabbiliti fil-ftehim ta’ interkonnessjoni li jgħaqqad id-diversi konċessjonarji.

101    Dawn il-metodi jvarjaw skont il-metodu ta’ ħlas użat mill-utent:

–        fil-każ ta’ ħlas f’kontanti jew b’karta ta’ kreditu, is-somom inkwistjoni huma miġbura mill-konċessjonarju li jamministra l-istazzjon ta’ ħlas ikkonċernat li jittrasferihom direttament lil CAV (għall-istazzjon ta’ ħlas Venezia-Padova amministrata minn CAV, isir trasferiment kontabbli intern fi ħdan CAV);

–        f’każ ta’ ħlas bit-telepay (telepass) jew b’karta mħallsa minn qabel (Viacard), sistemi amministrati mill-kumpannija Telepass SpA, ikkontrollati minn Autostrade per l’Italia, is-somom inkwistjoni huma miġbura minn Telepass u wara trasferiti lil CAV.

 Fuq il-kriterju dwar ir-riżorsi tal-Istat

102    Fir-rigward tal-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat taż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale, il-partijiet qabel xejn ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżura timplikax trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat għall-benefiċċju ta’ CAV bħala konċessjonarji tal-Passante.

103    Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jiġu kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, iżda hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 107(1) KE ikopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu operaturi ekonomiċi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu kontinwament parti mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 50, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 37).

105    Issa, f’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, is-somom li jikkorrispondu għall-prodott taż-żieda tal-ħlas huma mħallsa direttament lil CAV jew minn Autovie Venete u Autostrade per l’Italia, jew minn Telepass, bħala kumpanniji privati. Is-somom inkwistjoni għalhekk jgħaddu direttament u esklużivament bejn kumpanniji privati, mingħajr ma xi organu pubbliku ma jikseb, anki b’mod temporanju, il-pussess jew il-kontroll tagħhom. Konsegwentement, dawn ma humiex riżorsi tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza iċċitata fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq.

106    Peress li l-kriterju dwar l-assenjazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat ma huwiex sodisfatt, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li ż-żieda fil-ħlas fuq it-Tangenziale, kif ukoll l-assenjazzjoni tal-prodott ta’ din iż-żieda għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ bini tal-Passante, skont il-Ftehim, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

107    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll it-tieni motiv u r-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

109    Peress li r-rikorrenti tilfet fil-mertu u l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-finijiet għall-inammissibbiltà mqajma minnha, għandu jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet prinċipali għandha tbati nofs l-ispejjeż tal-oħra. Ir-rikorrenti barra minn hekk għandha tbati l-ispejjeż ta’ CAV bħala intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Associazione italiana delle società concessionarie per la costruzione e l’esercizio di autostrade e trafori stradali (Aiscat) għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha, nofs dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u t-totalità ta’ dawk sostnuti minn Concessioni autostradali Venete – CAV SpA.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs dawk sostnuti mill-Aiscat.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.  Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat

2.  Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ locus standi

Fuq l-għan ta’ dan ir-rikors

Fuq l-interessi difiżi mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors

Fuq l-interess individwali tal-membri tar-rikorrenti

–  Fuq l-għoti tal-konċessjoni għall-Passante mingħajr sejħa għal offerti

–  Fuq iż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale

3.  Konklużjoni dwar l-ammissibbiltŕ

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tan-nuqqas u ta’ kontradizzjoni tal-motivi u tal-ksur tal-Artikolu 107 TFUE fir-rigward tal-għoti dirett lil CAV tal-konċessjoni tal-bini u tal-ġestjoni tal-Passante

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tan-nuqqas u ta’ kontradizzjoni tal-motivi, żnaturament tal-fatti u ksur tal-Artikolu 107 TFUE, fir-rigward taż-żieda tal-ħlas fuq it-Tangenziale

a)  Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-iżnaturament tal-fatti

b)  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE

Fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ

Fuq il-kriterju dwar ir-riżorsi tal-Istat

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.