Language of document : ECLI:EU:T:2022:268

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Greċja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Prinċipju ta’ operatur privat – Primjum ta’ garanzija – Impriżi f’diffikultà – Għarfien mill-awtoritajiet Griegi – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑423/14 RENV,

Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn I. Drillerakis, E. Rantos u N. Korogiannakis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, bħala aġent,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/539/UE tas‑27 ta’ Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A. (ĠU 2014, L 254, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn G. De Baere, President, V. Kreuschitz (Relatur) u K. Kecsmár, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Larko”) hija impriża speċjalizzata fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali tal-laterit, l-estrazzjoni tal-linjite u l-produzzjoni ta’ ferronikil u prodotti sekondarji.

2        Ir-rikorrenti nħolqot fl‑1989, fil-forma ta’ impriża ġdida, wara l-istralċ ta’ Hellenic Mining and Metallurgical SA. Fiż-żmien tal-fatti, hija kellha tliet azzjonisti: l-Istat Grieg, li kellu 55.2 % tal-azzjonijiet permezz ta’ Hellenic Republic Asset Development Fund, istituzzjoni finanzjarja privata, National Bank of Greece SA (iktar ’il quddiem “ETE”), li kellha 33.4 % tal-azzjonijiet, u Public Power Corporation (il-produttur prinċipali tal-elettriku fil-Greċja, li l-Istat huwa l-azzjonist maġġoritarju tiegħu), li kellha 11.4 % tal-azzjonijiet.

3        F’Marzu 2012, Hellenic Republic Asset Development Fund informat lill-Kummissjoni Ewropea bi programm ta’ privatizzazzjoni ta’ Larko.

4        F’April 2012, il-Kummissjoni bdiet, ex officio, eżami preliminari fuq l-imsemmija privatizzazzjoni, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

5        L-eżami għandu bħala għan is-sitt miżuri li ġejjin:

–        L-ewwel waħda kkonċernat, minn naħa, ftehim ta’ ħlas tad-djun tal‑1998 bejn Larko u l-kredituri prinċipali tagħha, li permezz tiegħu d-djun ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-kredituri kellhom jitħallsu b’interessi ta’ 6 % fis-sena, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas tal-Istat Grieg li jirkupra dan id-dejn (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 1”);

–        It-tieni waħda kienet tikkonċerna garanzija dwar self ta’ EUR 30 miljun mogħti minn ATE Bank lil Larko, garanzija mogħtija mill-Istat Grieg fl‑2008 (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 2” jew il-“garanzija tal‑2008”); din il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-self matul perijodu massimu ta’ tliet snin u kienet tipprevedi primjum ta’ garanzija ta’ 1 % fis-sena;

–        It-tielet waħda kienet tirrigwarda żieda tal-kapital azzjonarju ta’ EUR 134 miljun proposta fl‑2009 mill-Bord tad-Diretturi ta’ Larko, approvata mit-tliet azzjonisti tagħha u li fih l-Istat Grieg ipparteċipa b’mod sħiħ, u parzjalment, ETE (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 3’);

–        Ir-raba’ waħda kienet tikkonċerna garanzija mogħtija mill-Istat fl‑2010, għal żmien indeterminat, sabiex tkopri kompletament ittra ta’ garanzija li ETE kienet ser tipprovdi lil Larko għall-ammont ta’ madwar EUR 10.8 miljun u tipprevedi primjum ta’ garanzija ta’ 2 % fis-sena (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 4”); l-ittra ta’ garanzija inkwistjoni kienet tiggarantixxi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, min-naħa tal-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), ta’ sentenza li fiha l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja) irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dejn ta’ EUR 10.8 miljun ta’ Larko fir-rigward ta’ kreditur;

–        Il-ħames waħda kkonċernat ittri ta’ garanzija li, b’deċiżjoni tal-qrati Griegi, issostitwixxew il-ħlas obbligatorju bil-quddiem ta’ 25 % ta’ multa fiskali (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 5”);

–        Is-sitt waħda kkonċernat żewġ garanziji mogħtija mill-Istat fl‑2011 għal żewġ kuntratti ta’ self, rispettivament ta’ EUR 30 miljun u EUR 20 miljun rispettivament, mogħtija minn ATE Bank, garanziji li jkopru 100 % ta’ dawn is-self u li jipprevedu primjum ta’ 1 % kull sena (iktar ’il quddiem il-‘miżura Nru 6’).

6        Matul dan l-eżami, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi għal informazzjoni supplimentari, li ġiet ipprovduta minn dawn l-awtoritajiet fl‑2012 u l‑2013. Saru wkoll laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, C 136, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN).

8        Matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi u lil terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Griegi fit‑30 ta’ April 2013 u ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa tat-terzi interessati.

9        Fis‑27 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/539/UE dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A. (ĠU 2014, L 254, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, preliminarjament, li, fiż-żmien meta ngħataw is-sitt miżuri inkwistjoni, Larko kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni”).

11      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, qabel kollox, li l-miżuri Nri 2 sa 4 u 6 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, insegwitu, li dawn il-miżuri kienu ngħataw bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ projbizzjoni ta’ implimentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE u, fl-aħħar, li l-imsemmija miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u suġġetti għal irkupru fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

12      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li żewġ miżuri oħra, il-miżuri Nri 1 u 5, jikkonċernaw rispettivament in-nuqqas li jiġi rkuprat dejn dovut lill-Ministeru għall-Finanzi u żewġ garanziji tal-Istat tal‑2011 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), ma kkostitwixxewx għajnuna mill-Istat.

13      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

In-nuqqas ta’ ġbir tad-dejn lill-Ministeru tal-Finanzi u l-ittri ta’ garanzija minflok ħlas bil-quddiem ta’ taxxa addizzjonali fl‑2010, li l-Greċja implimentat għal Larko, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 135 820 824,35 fil-forma ta’ garanziji mill-Istat lil [Larko] fl‑2008, l‑2010 u l‑2011 u l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda fil-kapital tal-kumpanija fl‑2009, mogħtija llegalment mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.      Il-Greċja tiġbor lura l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

2.      L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġibu mgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu ġew fil-fatt irkuprati.

3.      L-imgħax jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, kif immodifikat.

4.      Fir-rigward tal-miżura [Nru] 3, il-Greċja tipprovdi d-data(i) eżatta(i) meta pprovdiet il-kontribuzzjoni tagħha għaż-żieda fil-kapital azzjonarju tal‑2009.

5.      Il-Greċja tikkanċella l-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.      L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      Il-Greċja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.      Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-ammont totali (prinċipal u imgħaxijiet ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)      deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)      id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat li jirritorna l-għajnuna.

2.      Il-Greċja żżomm lill-Kummisjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 ikun ikkompletat. Hija tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.”

14      L-anness tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi “[i]nformazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna riċevuti, li għandhom jiġu rkuprati u li diġà ġew irkuprati” u huwa riprodott kif ġej:

Identità tal-benefiċjarju – miżura

Ammont totali tal-għajnuna riċevuta

Ammont totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (Kapital)

Ammont totali diġà rimborżat




Kapital

Imgħax tal-irkupru

Lar[k]o – miżura [Nru] 2

30 000 000

30 000 000

0

0

Lar[k]o – miżura [Nru] 3

44 999 999,40

44 999 999,40

0

0

Lar[k]o – miżura [Nru] 4

10 820 824,95

10 820 824,95

0

0

Lar[k]o – miżura [Nru] 6

50 000 000

50 000 000

0

0

 Proċedura u ttalbiet talpartijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2014, Elliniki Metalleftiki kai Metallourgiki Larymnis Larko AE talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. It-talba għal-intervent ġiet miċħuda b’digriet tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, mhux ippubblikat EU:T:2015:439). Appell kontra dan id-digriet ġie wkoll miċħud b’digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Metalleftiki kai Metallourgiki Etairia Larymnis Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑385/15 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2015:681).

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Settembru 2015, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġġib fit-tmiem l-istanza fil-Kawża C‑385/15 P(I). Il-proċedura tkompliet fis‑16 ta’ Ottubru 2015.

18      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jirrispondu bil-miktub. Il-partijiet issottomettew it-tweġibiet tagħhom lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2017.

21      Permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell mis-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57).

23      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv sa fejn din kienet tirrigwarda l-miżura Nru 2, ċaħdet il-kumplament tal-appell, bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

24      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 61 sa 71).

25      B’mod partikolari, minn naħa, mill-punt 70 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238) jirriżulta li, peress li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarju tagħha huwa intiż li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv speċifiku u sabiex għalhekk tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punti 57 u 58). Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ppreżumiet, filwaqt li kienet ikkonkludiet, essenzjalment, l-assenza ta’ kull prova li tirreferi għas-sitwazzjoni preċedenti jew kontemporanja għall-għoti tal-miżura Nru 2 li kienet turi li l-awtoritajiet Griegi kienu jafu, waqt l-għoti ta’ din il-miżura, dwar id-diffikultajiet ta’ Larko, li operatur privat li jinsab fis-sitwazzjoni tal-awtoritajiet Griegi kellu jkun jaf, f’dan il-mument, dwar dawn id-diffikultajiet, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq u naqset milli tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 71). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika jekk il-fajl amministrattiv kienx fih elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li pprovdew bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, inizjalment, li l-awtoritajiet Griegi kellhom jew kellu jkollhom, fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, għarfien tal-allegati diffikultajiet ta’ Larko u, fit-tieni lok, li dan il-punt ma kienx, matul il-proċedura amministrattiva, kontenzjuż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 123).

26      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, esposti fil-punti 50 u 51 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), dwar il-kwistjoni jekk il-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % kienx konformi mal-aġir ta’ operatur privat (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 72).

27      Wara l-għoti tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), il-kawża li issa għandha n-numru T‑423/14 RENV ġiet assenjata lit-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali li lilha kien assenjat l-Imħallef Relatur.

28      Konformement mal-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ippreżentaw, fit-termini stabbiliti, osservazzjonijiet u osservazzjonijiet komplementari dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), għas-soluzzjoni tat-tilwima.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom iwieġbu bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw it-tweġibiet tagħhom lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-termini stabbiliti.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Novembru 2021, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kawża T‑423/14 RENV ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tielet Awla.

31      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors abbażi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika l-miżura Nru 2 bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jordna l-irkupru, flimkien mal-interessi, tal-ammont li jammonta għal EUR 30 miljun tal-allegata għajnuna marbuta mal-imsemmija miżura;

–        tordna r-rimbors, flimkien mal-interessi, ta’ kull somma eventwalment irkuprata mingħandha f’dan ir-rigward, direttament jew indirettament, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il‑Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq ilportata talkawża

33      Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-kawża, din għandha tkun marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija adita permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura, u għandha tiddeċiedi fuq il-motivi kollha ta’ annullament imqajma mir-rikorrenti, bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv mhux annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn saru res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/10 RENV u T‑381/10 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-portata ta’ din it-tilwima, għandu jitfakkar li din tirrigwarda biss l-ewwel parti tal-ewwel motiv, peress li l-motivi l-oħra tar-rikorrenti ġew miċħuda definittivament permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), sa fejn din ġiet ikkonfermata mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238) (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

35      L-imsemmija l-ewwel parti hija intiża sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-motivi esposti fil-premessi 73, 74 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma fformulati kif ġej:

“(73)      Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tal-awtoritajiet Griegi li l-kundizzjonijiet [tal-punt] 3.2 tal-Avviż [tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’] garanziji huma ssodisfatti. Il-Kummissjoni stabbiliet li Lar[k]o kienet impriża f’diffikultà fl‑2008. Barra minn hekk, primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma jistax jitqies li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza [ta’ ħlas] għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi ta’ Lar[k]o u b’mod partikolari l-proporzjon għolja tagħha tad-dejn mal-fondi proprji.

(74)      Il-Kummissjoni tqis li kreditur privat raġonevoli ma kienx jipprovdi lil Lar[k]o b’garanzija taħt dawn il-kundizzjonijiet. Peress li l-miżura ġiet ipprovduta b’mod puntwali lil Lar[k]o, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija tal-Istat tal‑2008 ipprovdiet vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju.

[…]

(77)      Għalhekk, il-miżura [Nru] 2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE].”

36      Ir-raġunijiet esposti fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu essenzjalment żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, fl‑2008, Larko kienet “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-paragrafu (a) tal-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 u 108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10; iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Garanziji”), moqri flimkien mad-definizzjoni prevista fil-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti tal-motivi”) u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni li “primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma jistax jitqies li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza [ta’ ħlas] għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi ta’ Lar[k]o u b’mod partikolari l-proporzjon għolja tagħha tad-dejn mal-fondi proprji”, fis-sens tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-motivi”). Barra minn hekk, mill-istruttura tal-imsemmija premessa 73 jirriżulta li, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, dawn iż-żewġ aspetti ta’ motivi kienu jikkostitwixxu, bħala prinċipju, ġustifikazzjonijiet alternattivi, ibbażati rispettivament fuq il-paragrafu (a) tal-punt 3.2 u l-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-imsemmija komunikazzjoni, sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet Griegi ma kinux urew li l-miżura Nru 2 kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, u li, għaldaqstant, din kienet tinvolvi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

37      Fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 53 sa 71 u 121 sa 123), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti tal-motivi filwaqt li rrinunzjat espliċitament għall-evalwazzjoni tal-ilmenti ta’ Larko fir-rigward tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni parti (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 72). Barra minn hekk, fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika jekk il-fajl amministrattiv kienx jinkludi elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li pprovdew bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, minn naħa, li l-awtoritajiet Griegi kellhom jew kellu jkollhom, fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, għarfien tal-allegati diffikultajiet ta’ Larko u, min-naħa l-oħra, li dan il-punt ma kienx, matul il-proċedura amministrattiva, kontenzjuż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 123).

38      Fid-dawl tan-natura alternattiva tal-motivi kkunsidrati fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li tevalwa, fl-ewwel lok, il-fondatezza tal-argumenti relatati mat-tieni parti tal-motivi, marbuta mal-applikazzjoni tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet Griegi kellhom jew kellu jkollhom għarfien tal-allegati diffikultajiet finanzjarji ta’ Larko mhux iktar tard mill-għoti tal-miżura Nru 2, kif ukoll, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk dan l-aspett kienx kontenzjuż jew le bejn il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet matul il-proċedura amministrattiva.

 Fuq ilfondatezza talargumenti mqajma flewwel parti talewwel motiv, dwar ittieni parti talmotivi talpremessa 73 taddeċiżjoni kkontestata, dwar lgħarfien millawtoritajiet Griegi talallegati diffikultajiet finanzjarji ta’ Larko u dwar innatura kontenzjuża ta’ dan laspett matul ilproċedura amministrattiva

39      Fir-rigward tal-fondatezza tat-tieni parti tal-motivi fid-dawl tal-kriterju msemmi fil-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, ir-rikorrenti essenzjalment tillimita ruħha li ssostni li, l-ewwel, il-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % kien jirrifletti s-solvenza tajba ta’ Larko fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-profittabbiltà tal-kumpannija matul it-tliet snin preċedenti, it-tieni, Larko kienet kisbet, matul l-istess sena 2008, self mingħajr garanzija mogħti minn ATE Bank u, it-tielet, l-imsemmi primjum kien konformi mal-primjums irċevuti mill-Istat Grieg għal garanziji ta’ self mogħtija lil kumpanniji oħra f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ Larko.

40      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament espost fil-punti 91 sa 98 tas-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), u ssostni li ebda element ma jippermetti li jitqies li operatur privat li jinsab fis-sitwazzjoni tal-awtoritajiet Griegi qabel l-għoti tal-miżura Nru 2 kellu jkun jaf bl-allegati diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ Larko. Hija tippreċiża li l-Kummissjoni ssostitwixxiet il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji b’riferiment vag għad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Larko. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu li teżamina hija stess l-ammont tal-primjum u qiegħdet fuq Larko u l-Istat Grieg l-oneru tal-prova tan-natura adegwata tiegħu. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni la stabbilixxiet il-primjum ta’ garanzija ta’ referenza offrut fis-swieq finanzjarji, la stabbilixxiet prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, u lanqas ma kklassifikat lill-persuna li tissellef f’ċerta kategorija ta’ riskju. Fl-aħħar, il-konklużjoni misluta fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata hija kemm infondata kif ukoll nieqsa minn motivazzjoni.

41      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tqis, essenzjalment, li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, b’mod partikolari minħabba t-tieni parti tal-motivi msemmija fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

42      F’dan il-każ, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

43      Fl-ewwel lok, ir-riferiment, fil-kuntest tat-tieni parti tal-motivi tal-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, għal “diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi ta’ Lar[k]o” ma għandux jiġi konfuż ma’ dak, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motivi ta’ din l-istess premessa, tal-kwalità ta’ “impriża f’diffikultà” ta’ Larko fl‑2008, li tikkorrispondi għad-definizzjoni li tinsab fil-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni u li għaliha biss il-paragrafu (a) tal-punt 3.2 (a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jagħmel riferiment (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), li ma ġietx ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huma kumulattivi, fis-sens li huma, meħuda flimkien, “suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat”. Minn dan jirriżulta li jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, bħal f’dan il-każ, dik imsemmija fil-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li tgħid li l-garanzija għandha tagħti lok għall-ħlas ta’ primjum konformi mal-prezz tas-suq, dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat setgħet tiġi eskluża, abbażi ta’ dan l-avviż.

44      Fit-tieni lok, fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C-244/18 P, EU:C:2020:238), il-Qorti tal-Ġustizzja la ddeċidiet dwar il-fondatezza tat-tieni parti tal-motivi tal-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fuq dik tal-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-punti 93 sa 98 tas-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), f’dan ir-rigward, minkejja li l-appellanti kienet espliċitament ikkontestatha fl-appell tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 50, 51 u 72). Il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha li tikkritika l-applikazzjoni ħażina mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ operatur privat sa fejn hija ppreżumiet, permezz ta’ preżunzjoni negattiva u, għaldaqstant, bi ksur tal-ġurisprudenza dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova relatat mal-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju, li, waqt l-għoti tal-miżura Nru 2 fl‑2008, l-awtoritajiet Griegi kellhom ikunu jafu bil-fatt li Larko kienet “impriża f’diffikultà” fl‑2008 fis-sens tal-paragrafu (a) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, moqri flimkien mad-definizzjoni msemmija fil-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C 244/18 P, EU:C:2020:238, punti 53 sa 70). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet li l-Qorti Ġenerali tivverifika l-eżistenza ta’ elementi li juru, jekk ikun il-każ, li dawn l-awtoritajiet kellhom jew kellu jkollhom għarfien bid-“diffikultajiet ta’ Larko” fis-sitwazzjoni preċedenti jew kontemporanja għall-għoti tal-miżura Nru 2 (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 71 u 123).

45      Fit-tielet lok, fit-tieni parti tal-motivi tal-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet rabta bejn id-“diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi” ta’ Larko, minn naħa, u l-“proporzjon għolja tagħha tad-dejn mal-fondi proprji” li influwenzat ir-“riskju ta’ inadempjenza [ta’ ħlas] għas-self garantit” tagħha, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, it-tieni u t-tielet kolonni tat-tabella li tinsab fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw il-fatt li dan il-proporzjon kien ta’ 1.3 fl‑2007, peress li d-dejn totali kien ta’ EUR 141.2 miljun u l-fondi proprji għal EUR 104 miljun, u ‑575 fl‑2008, b’dejn totali ta’ EUR 230.1 miljun u fondi proprji ta’ ‑EUR 0.4 miljun. Għalhekk, skont din it-tabella, il-fondi proprji ta’ Larko marru minn EUR 104 miljun għal ‑EUR 0.4 miljun bejn l‑2007 u l‑2008, filwaqt li d-dejn totali tagħha żdied minn EUR 141.2 miljun għal EUR 230.1 miljun.

46      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-konstatazzjonijiet, moqrija flimkien mal-provi rilevanti li jirriżultaw mill-proċess, huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li, sa mhux iktar tard mill-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2, Larko kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi u li l-awtoritajiet Griegi kienu jafu bihom, fatt li huma ma kkontestawx matul il-proċedura amministrattiva. Din l-evalwazzjoni hija pprovata mill-elementi li ġejjin li jirriżultaw mill-proċess.

47      L-ewwel, fil-punti 36 sa 38 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet espliċitament ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Griegi dwar in-natura potenzjalment mhux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-primjum ta’ garanzija ta’ 1 % li kien intiż li jirremunera l-miżura Nru 2, fid-dawl tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, kif ukoll fuq il-fatt li l-garanzija tal‑2008 kienet tkopri iktar minn 80 % tal-bilanċ tas-self iggarantit, jiġifieri 100 % minnu, b’tali mod li l-preżenza ta’ għajnuna ma setgħetx tiġi eskluża (ara l-paragrafu (c) tal-punt 3.2 tal-imsemmija komunikazzjoni). Il-Kummissjoni kienet ippreċiżat, fil-punt 37 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ma għandha l-ebda indikazzjoni ta’ valur ta’ referenza korrispondenti għal primjums ta’ garanzija simili fis-suq finanzjarju, u, kif il-Qorti Ġenerali diġà rrilevat fil-punt 97 tas-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni (T‑423/14, EU:T:2018:57), hija qieset li primjum annwali ta’ 1 % ma kienx prima facie jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza ta’ Larko fuq is-self iggarantit, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji sinjifikattivi tagħha u, b’mod partikolari, il-proporzjon għoli ta’ dejn mal-fondi proprju u l-fondi proprji negattivi tagħha.

48      It-tieni, jidher li l-Kummissjoni stiednet espressament lill-awtoritajiet Griegi sabiex jipprovdulha kull informazzjoni rilevanti sabiex tkun tista’ tevalwa, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, l-adegwatezza tal-primjum ta’ 1 % sabiex tirremunera self kopert sa 100 % mill-garanzija tal‑2008, meta mqabbla mal-“prezz tas-suq korrispondenti” u b’riferiment għar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ Larko, jekk ikun il-każ, ikklassifikata skont “klassifika ta’ riskju”, pereżempju permezz ta’ “tqabbil tal-prezzijiet imħallsa minn impriżi bi klassifikazzjoni simili fis-suq” (ara r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 ta’ l-imsemmija komunikazzjoni). Għalhekk, fl-ewwel paragrafu tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni talbet lill-Istat Grieg sabiex jippreżentalha “l-informazzjoni kollha li tista’ tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tal-għajnuna/tal-miżura [għalhekk inkluża l-miżura Nru 2] f’terminu ta’ xahar”.

49      It-tielet, madankollu, f’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Griegi llimitaw ruħhom li jiddikjaraw, b’mod manifestament insuffiċjenti, jew saħansitra lakunarju, li Larko kellha “klassifikazzjoni tajba ta’ kreditu” (good credit rating) fl‑2008, ibbażata fuq il-profittabbiltà tagħha matul it-tliet snin preċedenti, u li l-primjum ta’ garanzija ta’ 1 % kien dak li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr madankollu ma pproduċa provi insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (punti 3.52 u 3.53 tal-osservazzjonijiet tad‑29 ta’ Marzu 2013) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni, T‑423/14, EU:T:2018:57, punt 97). Fil-fatt, din it-tweġiba qasira għall-istedina tal-Kummissjoni sabiex tispjega, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi primjum kien jikkorrispondi għall-prezz tas-suq, konformement mal-kriterji previsti, b’mod partikolari, fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, tmur kontra d-dikjarazzjonijiet tal-imsemmija awtoritajiet esposti fil-punti 2.27 sa 2.32 tal-osservazzjonijiet tagħhom, li fihom huma jirrikonoxxu d- “deterjorazzjoni brutali” tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko matul it-tieni semestru 2008 (ara l-punt 51 iktar ’il quddiem). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta qieset li l-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma setax jitqies li jirrifletti r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ Larko għas-self iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni, T‑423/14, EU:T:2018:57, punti 92 sa 98).

50      Ir-raba’, din il-konklużjoni hija kkorroborata mhux biss miċ-ċifri kostanti relatati mat-telf subit minn Larko matul is-snin 2007 u 2008, diġà kkunsidrati u kkomunikati mill-Kummissjoni fil-punt 18 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u mfakkra fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), iżda wkoll mill-paragrafu (c) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li minnu jirriżulta li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża meta l-garanzija tal‑2008 tkopri “iktar minn 80 % tal-bilanċ pendenti tas-self”, aspett li l-Kummissjoni kienet diġà għamlet riferiment għalih fil-punt 36 in fine tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Issa, huwa paċifiku wkoll li l-miżura Nru 2 kienet intiża sabiex tkopri 100 % tas-self ta’ EUR 30 miljun mogħti lil Larko minn ATE Bank.

51      Il-ħames, konformement ma’ dak li huwa meħtieġ fil-punt 123 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), il-Qorti Ġenerali tirrileva li mill-fajl amministrattiv, jiġifieri mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, kif miġbura fil-qosor fil-premessi 32 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li dawn kienu jafu, sa minn nofs is-sena 2008, bis-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna ta’ Larko, li kienet tqiegħed f’dubju l-konformità mal-prezz tas-suq tal-primjum ta’ garanzija ta’ 1 % fil-mument tal-għoti tal-garanzija, fit‑22 ta’ Diċembru 2008. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, fil-punti 2.27 sa 2.32 tal-imsemmija osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi, huwa indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[M]it-tieni semestru [2008], ir-riżultati finanzjarji ta’ L[arko] kellhom deterjorament brutali. Dan id-deterjorament kien dovut prinċipalment għall-waqgħa brutali tal-prezz tan-nikil minn nofs l‑2008 […] Dan l-iżvilupp wassal għall-waqa’ fid-dħul mill-bejgħ ta’ L[arko] u għar-riżultati finanzjarji estremament negattivi tal‑2008. Is-sitwazzjoni finanzjarja negattiva ta’ L[arko] aggravat ukoll minħabba l-iskadenza tal-kuntratti ta’ kopertura li wasslet għal telf fil-kontijiet supplimentari […] L-immaġni negattiva tar-riżultati finanzjarji ta’ L[arko] bdiet tiġi kkonstatata sa mix-xahar ta’ Lulju 2008 u kompliet sussegwentement bil-waqgħa fil-prezzijiet mondjali tan-nikil. Fil-fatt, filwaqt li l-kumpannija għamlet profitti u kellha riżultati ekonomiċi tajbin sa nofs is-sena 2008, hija sussegwentement ippreżentat deterjorament brutali li spiċċa sabiex wassal lil L[arko] tippreżenta immaġini estremament negattiva fl-aħħar tas-sena (proporzjonali għat-tnaqqis kbir fil-prezzijiet mondjali tan-nikil).”

52      Issa, fil-punti 63 sa 66 tal-osservazzjonijiet komplementari tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), ir-rikorrenti sempliċement timminimizza l-valur probatorju ta’ dawn il-provi billi tindika, b’mod konċiż u mhux kredibbli, li din id-dgħufija ekonomika ta’ Larko kienet biss passiġġiera, essenzjalment dovuta għat-tnaqqis fil-prezz tan-nikil matul it-tieni semestru tal‑2008, u li din ġiet ikkonstatata għall-ewwel darba fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha għas-sena finanzjarja 2008, li tqiesu li jikkostitwixxu element sussegwenti għad-data li fiha ngħatat il-miżura Nru 2. Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet huma kontradetti mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ u insuffiċjenti sabiex jikkontestaw il-fatt li, minn naħa, minn Settembru 2008, meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-għoti tal-miżura Nru 2, dawn l-awtoritajiet kienu kompletament konxji mid-deterjorament drastiku tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko u li, min-naħa l-oħra, dan il-punt ma kienx ikkontestat minnha u l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

53      Fil-ħames lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni, bir-riskju li dan l-oneru tal-prova jitreġġa’ lura bla bżonn għad-detriment tal-Kummissjoni u jinjoraw il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-Istat Membru, skont l-Artikolu 4(3) TUE, billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-separazzjoni tal-isferi ta’ għarfien u ta’ responsabbiltà li huma fl-oriġini tar-rekwiżiti sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari taħt il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji.

54      Ċertament, minn naħa, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija meħtieġa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura amministrattiva b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan l-għan. Għaldaqstant, hija għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat humiex issodisfatti. Issa, anki meta din l-istituzzjoni jkollha quddiemha Stat Membru li, b’nuqqas tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tiegħu, ikun naqas milli jipprovdilha informazzjoni li hija tkun ordnatlu jikkomunika, hija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq provi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, huma ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li hija tasal għalihom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 67 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punti 48 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta adottat din id-deċiżjoni u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li r-regoli ta’ kondotta adottati mill-Kummissjoni, bħall-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, ma jistgħux bħala tali joħolqu obbligi fuq l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 40 sa 44), inkluż fil-qasam tal-oneru tal-prova sabiex tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ.

56      Madankollu, f’dan il-każ, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 45 sa 51 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha sa mid-deċiżjoni ta’ ftuħ elementi suffiċjentement affidabbli u koerenti intiżi li juru li l-awtoritajiet Griegi kienu konxji mis-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ Larko fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2 u li din tal-aħħar ma kinitx tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, hija kienet stiednet espressament lill-awtoritajiet Griegi jipprovdu informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, b’tali mod li huma kellhom iressqu, sabiex jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, elementi ta’ natura li jqiegħdu f’dubju dawn l-indizji inkwistjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Griegi setgħu jipprovaw jistabbilixxu li, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji mhux ikkontestati ta’ Larko, il-primjum ta’ 1 % għall-kopertura ta’ self ta’ 100 % kien jikkorrispondi għall-prattika fis-suq finanzjarju Grieg jew setgħu jipproduċu provi dwar iż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ riskju tagħha sa Diċembru 2008, fatt li la l-imsemmija awtoritajiet u lanqas Larko ma għamlu. Fil-fatt, is-sempliċi fatt, invokat minn dawn l-awtoritajiet, li Larko bbenefikat ukoll fl‑2008 minn self mogħti minn ATE Bank mingħajr ma rrikjediet garanzija statali ma jinvalidax din l-evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni ġustament fakkret li, f’dan l-istadju, dan il-bank kien ikkontrollat mill-Istat Grieg u li l-għoti tal-imsemmi self ma kienx jeskludi deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Larko matul l-istess sena.

57      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tikkorrispondi għat-tqassim tal-isferi ta’ konoxxenza u ta’ responsabbiltà li fuqhom huma bbażati l-kundizzjonijiet tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li huma, qabelxejn, intiżi sabiex jiffaċilitaw id-dimostrazzjoni mill-Istat Membru li garanzija pubblika individwali ma timplikax għajnuna mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Anki jekk, permezz ta’ tali komunikazzjoni ġuridikament mhux vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ma tistax treġġa’ lura, għad-detriment tagħhom, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, imfakkra mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li hija tista’ tippreċiża, fl-imsemmija komunikazzjoni, l-informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari dik ta’ natura ekonomika, li, fil-fehma tagħha, tista’ teskludi b’mod suffiċjenti l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat u li l-Istat Membru huwa f’pożizzjoni li jipprovdi, taħt l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, skont l-Artikolu 4(3) TUE, preċiżament għar-raġuni li jaqgħu fl-isfera tal-għarfien u tar-responsabbiltà tiegħu.

58      Fl-aħħar, din l-evalwazzjoni lanqas ma hija invalidata mis-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2020, Elche Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑901/16, EU:T:2020:97, punti 132 sa 137), u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑732/16, taħt appell, EU:T:2020:98, punti 134 sa 136), u li fuqhom il-partijiet ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom wara mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn is-sentenzi jikkonċernaw kuntesti fattwali differenti ħafna minn dak tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-eżistenza ta’ garanziji favur il-kreditur ikkonċernat, bħal rahan jew ipoteka, li setgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tan-natura konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq ta’ primjum ta’ garanzija, b’mod partikolari skont il-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji.

59      Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kkunsidrati fit-tieni parti tal-motivi tal-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħha ġiet ikkonfermata b’mod definittiv mis-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018 (Larko vs Il‑Kummissjoni, T‑423/14, EU:T:2018:57, punti 24 sa 44), kif ikkonfermata mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 102 sa 117 u 124), għandu jiġi konkluż li, waqt l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi affidabbli u koerenti biżżejjed sabiex tqis li, fil-premessi 74 u 77 ta’ din id-deċiżjoni, li l-primjum ta’ garanzija marbut mal-miżura Nru 2 ma kienx konformi mal-prezz tas-suq, b’mod partikolari għar-raġuni li l-kriterji tal-paragrafu (d) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ma ġewx issodisfatti, u għalhekk kien jikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

60      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk Larko kinitx “impriża f’diffikultà” fl‑2008, fis-sens tal-paragrafu (a) tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, moqri flimkien mad-definizzjoni prevista fil-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, u jekk l-awtoritajiet Griegi kellhomx jew kellu jkollhom għarfien bil-preżenza tal-kriterji rilevanti ta’ din id-definizzjoni fil-mument tal-għoti tal-miżura Nru 2.

61      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi T423/14 u T423/14 RENV kif ukoll fil-Kawża C244/18 P.

De Baere

Kreuschitz

Kecsmár

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.