Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2011 - Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-545/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Greenpeace Nederland (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Pesticide Action Network Europe PAN Europe (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-10 ta' Awwissu 2011 tikser il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2 u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ;

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-10 ta' Awwissu 2011;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istati Membri dritt ta' veto u li, konsegwentement, il-konvenuta ma hijiex awtorizzata tagħti risposta dwar l-opinjoni ta' Stat Membru li l-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament tapplika jew ma tapplikax għat-talba għal informazzoni introdotta mir-rikorrenti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq li għandha ssir deroga mill-eċċezzjoni tal-iżvelar stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba huwa ta' interess pubbliku superjuri, peress li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huma sodisfatti f'dan il-każ.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, inkwantu:

Il-konvenuta ma evalwatx ir-riskju effettiv ta' preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali invokati mill-iżvelar tal-informazzjoni mitluba; u

Il-konvenuta ma bbilanċjatx l-interessi kummerċjali kkonċernati u l-interess ġenerali tal-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li jekk il-Konvenzjoni ta' Aarhus ma tapplikax direttament, għandu jiġi applikat l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 skont il-konvenzjoni, sa fejn possibbli.

____________

1 - -Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).