Language of document : ECLI:EU:T:2011:623

Kawża T-262/10

Microban International Ltd u

Microban (Europe) Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Saħħa pubblika — Lista ta’ addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ materjali u ta’ oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel — Irtirar, mill-applikant inizjali, tal-applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ addittiv fil-lista — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tinkludix 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether fil-lista — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Att regolatorju — Interess dirett — Assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni — Bażi legali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali ħlief l-atti leġiżlattivi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi awtorizzati previsti mid-Direttiva 2002/72 — Rikors ippreżentat minn impriżi li jużaw l-addittiv ikkonċernat għall-manifattura tal-prodotti tagħhom — Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Approssimazzjoni tal-liġijiet — Materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi awtorizzati previsti mid-Direttiva 2002/72 — Bażi legali — Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1935/2004 — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1935/2004, Artikolu 11(3); Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72)

5.      Approssimazzjoni tal-liġijiet — Materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi awtorizzati previsti mid-Direttiva 2002/72 — Adozzjoni tad-deċiżjoni wara l-irtirar tal-applikazzjoni għall-inklużjoni mill-applikant inizjali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1935/2004; Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72)

1.      Il-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi.

F’dan ir-rigward, deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi, skont id-Direttiva 2002/72, dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel, li jista’ jintuża fil‑manifattura ta’ tali materjali u oġġetti, abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1935/2004, dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590 u 89/109, tikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, tali deċiżjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni u mhux fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi. Barra minn hekk, billi din tapplika fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li n-negozju tagħhom jikkonsisti f’li jiġi prodott u/jew ikkummerċjalizzat dan l-addittiv, kif ukoll oġġetti u materjali li jkun fihom din is-sustanza, din id-deċiżjoni għandha portata ġenerali, billi tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt.

(ara l-punti 21-25)

2.      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tistitwixxi proċeduri kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ interess dirett, l-espressjoni “li jirrigwardaha direttament” tidher darbtejn fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn naħa, din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u tirreferi għal “atti […] li jirrigwardha direttament […]”. Min-naħa l-oħra, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jintroduċi l-kunċett ta’ “att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

Il-kundizzjoni ta’ interess dirett, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, titlob, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, li għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji. Billi jippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors kontra atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu għan ta’ ftuħ tal-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ rikorsi diretti. Għalhekk, il-kunċett ta’ interess dirett kif introdott mill-ġdid f’din id-dispożizzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun suġġett għal interpretazzjoni iktar restrittiva mill-kunċett ta’ interess dirett kif jidher fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Għalhekk, meta jiġi stabbilit li rikorrent huwa direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tal-kunċett ta’ interess dirett hekk kif jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi kkunsidrat li huwa wkoll direttament ikkonċernat minn din id-deċiżjoni, fis-sens tal-kunċett ta’ interess dirett hekk kif ġie mill-ġdid introdott fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 18, 26, 27 u 32)

3.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi, skont id-Direttiva 2002/72, dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal‑ikel, li jista’ jintuża fil‑manifattura ta’ tali materjali u oġġetti, li għandha bħala konsegwenza l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-materjali u tal-oġġetti li fihom dan l-addittiv, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ impriżi li jixtru u jużaw dan l-addittiv biex jipproduċu prodott bi proprjetajiet antibatteriċi u antimikrobali, li sussegwentement jinbiegħ sabiex jintuża fil-manifattura ta’ materjali u ta’ oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel.

(ara l-punti 28 u 30)

4.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi, skont id-Direttiva 2002/72, dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal‑ikel, li jista’ jintuża fil‑manifattura ta’ tali materjali u oġġetti, li permezz tagħha l-Kummissjoni pprojbixxiet il-kummerċjalizzazzjoni ta’ addittiv partikolari bħala addittiv użat fil-manifattura ta’ materjali u ta’ oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel u li għalhekk, irrifjutat li tinkludi dan l-addittiv fil-lista pożittiva u pproċediet għall-irtirar ta’ din is-sustanza mil-lista provviżorja, ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1935/2004, dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590 u 89/109. Fil-fatt, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1935/2004 japplika biss għall-każijiet fejn il-Kummissjoni bi ħsiebha tawtorizza l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta’ sustanza inkluża fil-materjali u fl-oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel.

(ara l-punti 46-48)

5.      Il-Kummissjoni tikser il-proċedura prevista mir-Regolament 1935/2004, dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590 u 89/109, kif ukoll mid-Direttiva 2002/72, dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal‑ikel, billi, wara l-irtirar, mill-applikant inizjali, tal-applikazzjoni tiegħu għall-inklużjoni ta’ addittiv fil-lista ta’ addittivi awtorizzati, hija adottat deċiżjoni fuq in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dan l-addittiv fil-lista ta’ addittivi li, skont id-Direttiva 2002/72, jistgħu jintużaw fil‑manifattura ta’ tali materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel, fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ mmaniġġjar tar-riskji, fis-sens tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 1935/2004.

(ara l-punti 67 u 69)