Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2010 - France Télécom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-258/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: France Télécom (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: M. van der Woude u D. Gillet, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C (2009) 7426 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Settembru 2009 1, li tiddikjara li l-kumpens għal spejjeż ta' servizz pubbliku ta' EUR 59 miljun, mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil grupp ta' impriżi għall-istabbiliment u l-użu ta' netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi b'veloċità qawwija (proġett THD 92) fid-dipartiment tal-Hauts-de-Seine, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni żewġ motivi bbażati:

fuq ksur tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta applikat l-erba' kriterji tal-ġurisprudenza Altmark f'dan il-każ, sa fejn:

il-proġett THD92 ma għandux għan ta' interess ekonomiku ġenerali, iżda ta' kompetittività tad-dipartiment tal-Hauts-de-Seine bħala ċentru tal-affarijiet internazzjonali;

il-proġett THD92 jintervjeni f'"żona sewda" u ma jirrispondix għal falliment tas-suq u

il-kumpens ta' EUR 59 miljun huwa sproporzjonat u ġie attribwit abbażi ta' kriterji ta' għażla mhux magħrufa minn qabel;

fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti meta ma fetħitx il-proċedura formali ta' eżami u b'dan il-mod ipprekludiet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li ssostni l-perspettiva tagħha bħala parti terza interessata.

____________

1 - Għajnuna mill-Istat N 331/2008 - Franza.