Language of document : ECLI:EU:T:2019:508

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Miżuri implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u tal-kumpanniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Sussidji għall-investiment – Differenzjazzjoni fit-tariffi tal-ajruport applikabbli għat-titjiriet nazzjonali u għat-titjiriet internazzjonali – Tariffi tal-ajruport imnaqqsa sabiex jinkoraġġixxu titjiriet mit-terminal il-ġdid ta’ Marseille-Provence 2 – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Nuqqas ta’ inċidenza sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑894/16,

Société Air France, stabbilita fi Tremblay-en-France (Franza), irrappreżentata minn R. Sermier, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, C. Georgieva-Kecsmar u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Aéroport Marseille Provence SA, stabbilita f’Marignane (Franza), irrappreżentata minn A. Lepièce, avocat,

u minn

Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (Irlanda),

u

Airport Marketing Services Ltd, stabbilita f’Dublin,

irrappreżentati minn E. Vahida u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avocats,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1698 tal-20 ta’ Frar 2014 dwar il-miżuri SA.22932 (11/C) (ex NN 37/07) implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u favur il-kumpaniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport (ĠU 2016, L 260, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn G. Berardis, President, S. Papasavvas, D. Spielmann (Relatur), Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ajruport ta’ Marseille Provence jinsab fid-dipartiment ta’ Bouches-du-Rhône fi Franza. Dan huwa wieħed mill-ikbar ajruporti tal-pajjiż. Fl-2012, huwa rċieva iktar minn tmien miljun passiġġier. Fl-2004, bil-għan li jsaħħaħ it-traffiku tiegħu u jorjenta l-iżvilupp tiegħu lejn destinazzjonijiet Ewropej, dan iddeċieda li jinstalla, ma’ ġenb it-terminal ewlieni (iktar ’il quddiem it-“terminal mp1”), terminal ġdid intiż għat-titjiriet bi “prezz baxx” (iktar ’il quddiem it-“terminal mp2”). Ix-xogħlijiet bdew f’Diċembru tal-2005 u t-terminal mp2 beda jopera f’Settembru 2006.

2        Fis-27 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment ieħor, datat 15 ta’ Marzu 2007 u ppreżentat mir-rikorrenti, is-Société Air France, li jsemmi għajnuna illegali mogħtija mill-Kunsill Ġenerali ta’ Bouches-du-Rhône (Franza) lill-ajruport ta’ Marseille Provence kif ukoll għajnuna illegali mogħtija minn dan l-ajruport lil Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd, u lil kumpanniji tal-ajru oħra. Dawn il-vantaġġi jinkludu, b’mod partikolari, imposti tal-ajruport imnaqqsa sabiex jinkoraġixxu titjiriet mit-terminal mp2.

3        Fis-27 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna illegali mogħtija minn diversi ajruporti reġjonali u lokali Franċiżi, fosthom l-ajruport ta’ Marseille Provence.

4        Fis-7 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill tal-Istat (Franza) annulla l-imposti approvati tat-tariffa għal kull passiġġier applikabbli fit-terminal mp2, mill-1 ta’ Ġunju 2006 kif ukoll dawk applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, u dan minħabba nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-elementi ta’ kontabilità kkunsidrati għall-kalkolu tat-tariffa.

5        Wara l-annullament tat-tariffi approvati tal-imposta għal kull passiġġier applikabbli fit-terminal mp2 mill-1 ta’ Ġunju 2006 kif ukoll ta’ dawk applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, id-Direttorat Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili, marbut mal-Ministeru għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Enerġija, ikkummissjona studju minn awditur, maħruġ f’Novembru 2008, dwar il-metodi ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż u d-dħul u dwar it-tarifikazzjoni tat-terminals mp1 u mp2. Fuq il-bażi ta’ dan l-awditu, il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Marseille Provence (Franza, iktar ’il quddiem “iċ-CCIMP”) stabbilixxiet tariffi ġodda tal-imposta għal kull passiġġier, applikabbli b’mod retroattiv.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011, indirizzata lir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettulha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

7        Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand ir-Repubblika Franċiża, iċ-CCIMP, ir-rikorrenti, minn Ryanair u minn Airport Marketing Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”), sussidjarja b’100 % ta’ Ryanair.

8        Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1698 dwar il-miżuri SA.22932 (11/C) (ex NN 37/07) implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u favur il-kumpaniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport (ĠU 2016, L 260, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li l-ajruport ta’ Marseille Provence kien ibbenefika minn għajnuna għall-investiment li kienet kompatibbli mas-suq intern. Hija kkonstatat li t-terminal mp2 u ż-żona għall-parkeġġ tal-ajruplani li tmiss miegħu ma kinux irriżervati għal kumpannija tal-ajru partikolari. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi terminal kien għalhekk miftuħ għal kwalunkwe kumpannija li kienet tixtieq tużah, sakemm kien offrut livell limitat ta’ servizzi. Hija rrilevat li l-imsemmi ajruport kien nieda sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-użu ta’ dan it-terminal u li, peress li ma kienx jintuża fil-kapaċità sħiħa tiegħu, l-istess terminal kien disponibbli għal kwalunkwe kumpannija tal-ajru interessata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kumpanniji tal-ajru kienu jħallsu wkoll tariffi li jkopru tal-inqas l-ispejjeż inkrimentali ġġenerati minn kull ftehim.

10      Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat it-tariffi tal-imposta għal kull passiġġier applikabbli għat-terminal mp2. B’mod partikolari, hija kkonstatat li, sabiex tiġi ddeterminata l-profittabbiltà tal-proġett ta’ terminal b’servizzi simplifikati u t-tarifikazzjoni korrispondenti, l-operatur prudenti jqis id-dħul kollu minn attivitajiet ajrunawtiċi u dak mhux minn attivitajiet ajrunawtiċi, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-elastiċità tad-domanda għal traffiku fir-rigward tat-tarifikazzjoni tat-tariffa ajrunawtika inkwistjoni. Hija kkunsidrat li, “id-differenza bejn il-livell tat-tariffa tal-imposta fuq il-passiġġieri u l-ispiża tal-funzjoni tal-passiġġieri, li [kienet] koperta mid-dħul mhux mill-ajrunawtika, ma hijiex vantaġġ mogħti lill-kumpaniji tal-ajru iżda hija l-konsegwenza tal-ottimizzazzjoni sottostanti tal-operatur immirata, għall-kuntrarju, biex toħloq ritorn fuq il-proġett ta’ investiment tiegħu” (premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-tariffi tal-imsemmi terminal kienet konformi mal-prinċipju tal-operatur prudenti f’ekonomija tas-suq.

11      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat il-kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar konkluż, fid-19 ta’ Mejju 2006, bejn iċ-CCIMP u AMS (iktar ’il quddiem il-“kuntratt AMS”). Dan il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba għall-istess tul ta’ żmien, u ma kienx is-suġġett ta’ sejħa għal offerti u ta’ pubbliċità minn qabel. Dan kien intiż li jiżgura reklamar tad-destinazzjoni ta’ Marseille sabiex jiġi attirat numru kbir ta’ passiġġieri.

12      Fuq il-bażi tal-istudju ta’ profittabbiltà prodott mir-Repubblika Franċiża dwar il-marġnijiet finanzjarji ġġenerati mit-titjiriet ta’ Ryanair matul il-perijodu 2007–2021, li fuqu bbażat ruħha ċ-CCIMP innifisha sabiex tiddeċiedi dwar il-kuntratt AMS, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ispejjeż medji tal-imsemmi kuntratt għal kull passiġġier ta’ din il-kumpannija tal-ajru kienu jippermettu li tiġi stabbilita l-profittabbiltà ta’ kostruzzjoni tat-terminal mp2 fl-intier tiegħu. Hija kkonkludiet li, f’kull ħin, it-tariffi imposti fuq il-kumpanniji tal-ajru, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis differenti espost kif ukoll tal-ispejjeż tal-imsemmi kuntratt, kienu jkopru tal-inqas l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-użu tal-ajruport ta’ Marseille Provence mill-imsemmija kumpannija tal-ajru.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2017, Aéroport Marseille Provence SA talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2017, Ryanair u AMS talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Mejju 2017, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

17      Fuq proposta tas-Sitt Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat lura l-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet ressqu dawn it-talbiet fit-termini imposti.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu matul is-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li, essenzjalment, ir-rikorrenti ma għandhiex locus standi. B’mod partikolari, hija ssostni li r-rikorrenti ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mill-miżuri inkwistjoni u hija ma tispjegax għalfejn id-deċiżjoni kkontestata tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha jew sitwazzjoni fattwali li tiddistingwiha mill-persuni l-oħra kollha.

23      Ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tagħha tidentifikaha individwalment b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tal-att ikkontestat. B’riferiment għall-ġurisprudenza, hija tqis li l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ terz fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna tippreżupponi li tal-ewwel ikun f’kompetizzjoni mat-tieni u li l-għajnuna tista’ taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ dan it-terz fis-suq. Hija tinvoka wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140), u ssostni li fihom il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu kkonfermat li l-kumpanniji tal-ajru li kienu l-kompetituri setgħu jikkontestaw deċiżjoni tal-Kummissjoni li tivvalida miżura ta’ għajnuna mill-Istat li hija kienet benefiċjarja tagħha.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors għal annullament ta’ att tal-Unjoni Ewropea li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament.

25      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha biss bħala destinatarja lir-Repubblika Franċiża u tikkonċerna għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Peress li, għalhekk, hija ta’ portata individwali, ma tistax tkun att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali ħlief għall-atti leġiżlattivi (ara, s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, peress li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors tagħha huwa ammissibbli biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni, T‑118/13, EU:T:2016:365, punt 41).

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 15).

27      Fil-kuntest tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li ssejjaħ lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Meta impriża tikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija persuna interessata fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Hija għandha għaldaqstant turi li għandha status partikolari fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2015, Compagnia Trasporti Pubblici et vs Il-Kummissjoni, T‑187/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:846, punt 18). Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha fis-suq tiġi sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni, T‑118/13, EU:T:2016:365, punt 44).

29      F’dan ir-rigward, ġew irrikonoxxuti bħala kkonċernati individwalment minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq kienet affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni li ntalab l-annullament tagħha. Għalhekk impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda, kif diġà ġie rrilevat, għandha tistabbilixxi wkoll, fid-dawl tal-livell tal-eventwali parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura u tal-kobor tal-preġudizzju tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, UOP vs Il-Kummissjoni, T‑198/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:105, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 25, u d-digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punti 33 u 34).

30      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma evalwati fil-mument meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors (digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et u Donnelly vs Il-Parlament, T‑219/09 u T‑326/09, EU:T:2010:519, punt 39, u s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 34).

31      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tikkontestata wħud mill-miżuri eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, qiegħed jiġi kkontestat is-sussidju għall-investiment għall-kostruzzjoni tat-terminal mp2 u, min-naħa l-oħra, huma kkontestati t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għall-imsemmi terminal kif ukoll il-kuntratt AMS, li flimkien jikkostitwixxu, għajnuna mill-Istat favur dan tal-aħħar. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi eżaminata l-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward, minn naħa, is-sussidju għall-investiment u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija tariffi u l-imsemmi kuntratt.

 Fuq is-sussidju għall-investiment

32      Il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-ajruport ta’ Marseille Provence, li huwa l-benefiċjarju tal-għajnuna, fir-rigward tas-sussidju għall-investiment mogħti liċ-CCIMP għall-kostruzzjoni tat-terminal mp2.  B’mod partikolari, hija tallega li analizzat separatament l-imsemmi sussidju mogħti liċ-CCIMP u l-allegata għajnuna għall-funzjonament mogħtija miċ-CCIMP lill-kumpanniji tal-ajru. Hija ssostni li r-rikorrenti kellha turi f’dan il-każ li dan is-sussidju ġie fil-fatt ittrasferit miċ-CCIMP lil Ryanair. Issa, dan ma huwiex il-każ, peress li d-deċiżjoni li jingħata l-istess sussidju ma kienet timponi l-ebda kundizzjoni fuq iċ-CCIMP sabiex tagħti kundizzjonijiet preferenzjali lill-imsemmija kumpannija tal-ajru.

33      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li, fl-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-ajruport li huwa benefiċjarju tal-għajnuna u r-rikorrenti, din tal-aħħar ma għandhiex locus standi. B’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-sussidju għall-investiment ma jipprovdielha l-ebda benefiċċju.

34      Ir-rikorrenti ssostni li Ryanair kienet il-benefiċjarja reali tas-sussidju għall-investiment mogħti liċ-CCIMP. Hija tallega li d-deċiżjoni ta’ ftuħ turi b’mod ċar ir-rabta indissoċjabbli eżistenti bejn is-sussidji għall-investiment mogħtija liċ-CCIMP u l-kumpannija tal-ajru Ryanair, sa fejn l-imsemmi sussidju ppermetta lill-ajruport ta’ Marseille Provence jagħti kunsens għal prezzijiet artifiċjalment baxxi lil wieħed mill-kompetituri diretti tagħha. B’mod partikolari, hija tirreferi għall-paragrafi 90, 91 u 275 tal-imsemmija deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta indissoċjabbli bejn dan is-sussidju rċevut miċ-CCIMP biex jinħoloq it-terminal mp2 u l-vantaġġ irċevut minn Ryanair bħala utent tal-istess terminal. Hija ssostni li dawn il-punti jesponu l-mekkaniżmu li permezz tiegħu ċ-CCIMP ittrasferixxiet lil Ryanair il-benefiċċju ekonomiku tal-istess sussidju u jispjegaw b’mod ċar ir-rabta stretta bejn is-sussidju inkwistjoni u l-vantaġġ ekonomiku li rċeviet Ryanair. Fil-fehma tagħha, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Ryanair fir-rigward tal-imsemmi ajruport sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sussidju għall-investiment għall-kostruzzjoni tat-terminal mp2 ingħata liċ-CCIMP li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, Ryanair ma ġietx indikata bħala benefiċjarja tal-għajnuna għall-investiment. Kif jirriżulta diversi drabi mill-imsemmija deċiżjoni, iċ-CCIMP ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala l-uniku benefiċjarja tal-imsemmi sussidju.

36      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet tal-eżistenza f’dan il-każ ta’ attività ekonomika u ta’ impriża biss b’riferiment għaċ-CCIMP. B’mod partikolari, fil-punt 6.1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li s-CCIMP kienet topera l-ajruport ta’ Marseille Provence u kienet titlob ħlas tal-ispejjeż lill-utenti ta’ din l-infrastruttura.

37      Bl-istess mod, fil-punt 6.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv kienet evalwata biss fir-rigward taċ-CCIMP. Il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan ir-rigward li “s-sussidji għall-investiment [kienu jipprovdu] vantaġġ biss lis-CCIMP meta mqabbla ma’ operaturi ta’ ajruporti oħrajn u impriżi oħrajn f’setturi oħrajn.”

38      Barra minn hekk, il-kriterju tal-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju kien evalwat biss fir-rigward tas-CCIMP. Il-Kummissjoni kkonstatat f’dan ir-rigward li “[b]ħala operatur tal-ajruport ta’ Marseille Provence, is-CCIMP [kienet] f’kompetizzjoni mal-pjattaformi ta’ ajruporti oħrajn li jaqdu lill-istess żona kummerċjali f’distanza ta’ inqas minn 100 km jew 60 minuta.” Hija żiedet li l-eżistenza “kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-ajruporti inkarigati mill-operat tagħhom u, għalhekk, l-għoti ta’ għajnuna lis-CCIMP [setgħet issaħħaħ] il-pożizzjoni tagħha fis-suq.” Hija żiedet ukoll li “[kien] hemm kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-ajruporti inkarigati mill-operat tagħhom” u li “għalhekk, l-għoti ta’ għajnuna lis-CCIMP [setgħet] jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq”

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, u fid-dawl tal-punti ta’ fatt miġjuba fil-proċedura, Ryanair bbenefikatx indirettament mis-sussidju għall-investiment għall-kostruzzjoni tat-terminal mp2.

40      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, u għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allegat mir-rikorrenti, mid-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jirriżultax li kien hemm rabta indissoċjabbli bejn is-sussidji għall-investiment mogħtija liċ-CCIMP u Ryanair. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-paragrafi 90 u 91 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet sempliċement riferiment għar-rapport imħejji minn awditur mingħajr ma nislet il-konklużjonijiet proprji tagħha. Barra minn hekk, fil-paragrafu 275 ta’ din id-deċiżjoni, hija ma kkontestatx li l-kumpanniji tal-ajru li jużaw it-terminal mp2 kienu wkoll benefiċjarji tas-sussidju għall-investiment mogħti liċ-CCIMP, iżda sempliċement esprimiet dubji dwar l-effett ta’ eventwali inkompatibbiltà possibbli tal-għajnuna għall-investiment u dwar jekk l-imposti għal kull passiġġier applikati miċ-CCIMP kinux jikkostitwixxu għajnuna.

41      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta li Ryanair ma ngħatat l-ebda prijorità fir-rigward tal-aċċess u tal-użu tat-terminal mp2. Fil-fatt, l-imsemmi terminal kien miftuħ għall-kumpanniji tal-ajru interessati kollha mingħajr ma kien irriżervat għal kumpannija tal-ajru partikolari waħda jew iktar. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 31 tal-imsemmija deċiżjoni tirreferi għall-preambolu tar-regolament dwar l-użu tat-terminal mp2, ippubblikat fuq l-internet fit-18 ta’ Lulju 2006, li jipprevedi, b’mod partikolari, li “[l]-użu ta’ [dan it-terminal] huwa, bħala prinċipju, miftuħ għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jobbligaw ruħhom li josservaw il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ dan it-terminal stabbiliti [minn dawn id-dispożizzjonijiet]”. Dan il-fatt huwa, barra minn hekk, indikat fil-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li, “[m]ill-informazzjoni prodotta [mir-Repubblika Franċiża], u b’mod partikolari mir-regolament tal-użu tat-terminal [inkwistjoni] […], l-infrastruttura l-ġdida [kienet] disponibbli għall-utenti kollha potenzjali (impriżi tat-trasport bl-ajru) b’mod ugwali u mhux diskriminatorju.”

42      Fit-tieni lok, mill-proċess jirriżulta li, wara s-sejħa għal proġetti li tnediet fl-2004 miċ-CCIMP indirizzata lill-kumpanniji tal-ajru, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għat-terminal mp2. B’mod partikolari, kienet interessata mir-rotot tal-ajru mill-ajruport ta’ Marseille Provence lejn l-ajruport ta’ Paris-Orly (Franza) u pproponiet dsatax-il titjira kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, erbatax-il titjira s-Sibt u tmintax-il titjira l-Ħadd. Madankollu, in-negozjati bejn ir-rikorrenti u l-operatur tal-imsemmi ajruport sussegwentement fallew, b’mod partikolari minħabba l-limitazzjoni tat-traffiku ta’ dan it-terminal għal titjiriet minn “punt għal punt” u minħabba l-fatt li l-imsemmi terminal kellu jintuża biss għal titjiriet nazzjonali u fl-Unjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, peress li l-volum totali tal-offerti ppreżentati mill-kumpanniji tal-ajru interessati ma qabiżx il-kapaċità prevista, ma kellha ssir l-ebda għażla. Għalhekk, kull kumpannija tal-ajru li tkun esprimiet interess kellha aċċess għat-terminal inkwistjoni. Għaldaqstant, mhux biss l-użu tal-istess terminal ma kienx irriżervat għal kumpannija tal-ajru partikolari, u b’mod iktar speċifiku għal Ryanair, iżda r-rikorrenti setgħet ukoll ikollha aċċess għalih li kieku n-negozjati mal-operatur ta’ dan l-ajruport kienu ġew iffinalizzati.

43      Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni (T‑395/04, EU:T:2006:123), ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fil-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna, u permezz tar-rikors ippreżentat fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ir-rikorrenti riedet tikseb il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk eżaminat il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fl-imsemmija kawża setgħetx tiġi kkunsidrata bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (li sar l-Artikolu 108(2) TFUE) (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T‑395/04, EU:T:2006:123, punt 34). Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u r-rikorrenti ma għandhiex l-intenzjoni tikseb il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha, iżda tikkontesta l-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li Ryanair kienet il-benefiċjarja indiretta tas-sussidju għall-investiment għall-kostruzzjoni tat-terminal mp2. Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn iċ-CCIMP u r-rikorrenti, din tal-aħħar ma tixtax issostni b’mod validu li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna s-sussidju għall-investiment. Konsegwentement, sa fejn jikkonċerna din l-għajnuna, dan ir-rikors huwa inammissibbli, u ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument imressaq, sussidjarjament, mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS

45      Il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex differenti minn dik tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra li jużaw l-ajruport ta’ Marseille Provence, u li, konsegwentement, l-allegata għajnuna mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru ma tikkonċernahiex b’mod individwali. Hija tirrikonoxxi li r-rikorrenti tinsab f’kompetizzjoni ma’ Ryanair filwaqt li żżid li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ tali rapport mal-benefiċjarju ta’ għajnuna ma tikkostitwixxix fiha nnifisha fattur suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata. F’dan ir-rigward, hija tosserva li r-rikorrenti hija biss waħda mill-ħafna kompetituri ta’ Ryanair u tikkonstata li, għalkemm din il-kumpannija tal-ajru sservi 29 mill-41 destinazzjoni proposta għat-terminal mp2, hija kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair biss fir-rigward ta’ destinazzjonijiet limitati ħafna ta’ importanza ekonomika modesta.

46      Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, il-Kummissjoni qieset li l-Qorti Ġenerali kellha tanalizza l-effett tat-tariffi imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt ta’ AMS fuq is-suq globali Ewropew tat-trasport bl-ajru u, sussidjarjament, fil-kuntest tar-rotot lejn u mill-ajruport ta’ Marseille Provence.

47      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Ryanair u li l-miżuri li minnhom tibbenefika din tal-aħħar fl-ajruport ta’ Marseille Provence, jiġifieri t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS, jaffettwawha b’mod speċifiku.

48      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega li, flimkien ma’ Ryanair, hija waħda mill-utenti ewlenin tal-ajruport ta’ Marseille Provence u li, fl-2017, dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru kienu f’kompetizzjoni diretta fuq tliet destinazzjonijiet minn dan l-ajruport, jiġifieri Brest (Franza), Nantes (Franza) u Ibiza (Spanja). F’dan ir-rigward, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, hija sostniet li, fil-qasam tat-trasport ta’ passiġġieri bl-ajru, fil-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni, kull rotta, jiġifieri kull “oriġini u destinazzjoni”, kienet tikkostitwixxi suq rilevanti.

49      Fir-replika, ir-rikorrenti rrilevat li, fuq ir-rotot fejn kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair, bejn l-2014 u l-2016, il-volum tat-traffiku ta’ din tal-aħħar kien bejn 360 000 u 660 000 siġġu fis-sena, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati minnha kien bejn 530 000 u 660 000 passiġġier fis-sena. Matul is-seduta, hija speċifikat li fl-2018 hija kienet ittrasportat 2.6 miljun passiġġier lejn jew minn Marseille (Franza) u li madwar 400 000 passiġġier kienu ttrasportati fuq titjiriet diretti mill-ajruport ta’ Marseille Provence lejn l-ajruport ta’ Lille (Franza), lejn l-ajruport ta’ Lyon (Franza) u, f’ammonti iżgħar, lejn l-ajruport ta’ Brest (Franza), jiġifieri destinazzjonijiet offruti wkoll minn Ryanair mill-ajruport ta’ Marseille Provence.

50      Fir-rigward tar-rotot minn jew lejn l-ajruport ta’ Marseille Provence, ir-rikorrenti tiddikjara li, fil-mument tal-avveniment tal-fatti, kien hemm biss erba’ kumpanniji tal-ajru “low cost” li kienu jużaw it-terminal mp2 u li Ryanair kienet isservi 29 mill-41 destinazzjoni proposti minn dan it-terminal. Hija ssostni li Ryanair kienet tħallas tariffi artifiċjalment baxxi u li, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha HOP! kienu jħallsu tariffi iktar għoljin meta mqabbla mal-ispiża reali tagħhom. Hija tikkunsidra li din is-sitwazzjoni ppermettiet lil Ryanair toffri prezzijiet iktar baxxi minn dawk offruti minn HOP! għal titjiriet imwettqa fl-istess data u bl-istess destinazzjoni. Hija tipprovdi f’dan ir-rigward tabella mfassla minnha fejn jirriżulta li biljett għal titjira, fl-4 ta’ Lulju 2017, lejn Brest kien offrut minn Ryanair għal EUR 63.94 u minn HOP! għal EUR 105.25 u biljett għal titjira, fit-3 ta’ Lulju 2017 lejn Nantes kien offrut minn Ryanair għal EUR 30.28 u minn HOP! għal EUR 50.51.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li hija kellha twaqqaf bejn l-2013 u l-2015 ir-rotot tal-ajru mill-ajruport ta’ Marseille Provence u lejn l-ajruport ta’ Ruma (Italja), l-ajruport ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja) u l-ajruport ta’ Bordeaux (Franza) minħabba l-kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair. Barra minn hekk, hija tindika li, minħabba din il-kompetizzjoni, fl-2016 hija limitat l-attivitajiet tagħha fuq ir-rotta staġjonali bejn Marseille u Brest għal sitt ġimgħat f’Lulju u f’Awwissu. Hija ssostni, fuq il-bażi ta’ dijagramma li, bl-eċċezzjoni ta’ rotot tal-ajru mill-ajruport ta’ Marseille Provence lejn l-ajruport ta’ Pariġi (Franza) u mill-ajruport ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), l-attività tagħha minn punt għal punt naqas b’inqas minn 50 % bejn l-2013 u l-2017.

52      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-possibbiltà offruta lil Ryanair li toffri prezzijiet tat-trasport artifiċjalment baxxi mit-terminal mp2, minħabba s-sussidji li rċieva l-ajruport ta’ Marseille Provence sabiex jiffinanzja l-iżvilupp tiegħu u l-għajnuna għall-funzjonament li Ryanair hija l-benefiċjarja tagħha, tikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni, li twassal sabiex iddgħajjef il-pożizzjoni tagħha fuq il-pjattaforma tal-ajruport inkwistjoni.

53      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi prodotti mir-rikorrenti jippermettux li jiġi stabbilit li hija kienet individwalment ikkonċernata mill-miżuri meħuda mill-ġestjonarju tal-ajruport fir-rigward tat-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u mill-kuntratt AMS.

54      Qabel kollox, fir-rigward tas-suq rilevanti li fih għandu jiġi analizzat l-effett tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li, minn naħa, l-imsemmija miżuri jirrigwardaw biss it-terminal mp2 u, min-naħa l-oħra, fl-ajruport ta’ Marseille Provence, ir-rikorrenti u Ryanair jużaw it-terminals mp1 u mp2, bħala regola ġenerali d-destinazzjonijiet offruti mid-differenti kumpanniji tal-ajru li jużaw l-imsemmi ajruport ma humiex a priori rriżervati għal wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ terminals. Konsegwentement, u għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allegat mill-Kummissjoni, b’mod prinċipali, u mir-rikorrenti (punti 46 u 48 iktar ’il fuq), l-effett tal-miżuri inkwistjoni għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-rotot kollha operati minn u lejn dan l-ajruport, irrispettivament mit-terminal użat.

55      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti trid turi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq rilevanti hija sostanzjalment affettwata mill-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rapporti ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Ryanair. Din għandha biss tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn il-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jippreġudikaw l-interessi leġittimi tagħha billi jaffettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Jannar 2011, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑54/07, mhux ippubblikat, EU:T:2011:15, punt 98).

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq rilevanti, huwa paċifiku bejn il-partijiet li Ryanair u r-rikorrenti huma kumpanniji tal-ajru kompetituri. Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li huma l-utenti prinċipali tal-ajruport ta’ Marseille Provence, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi konkluż li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq kienet affettwata b’mod sostanzjali mit-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier speċifiċi għat-terminal mp2 jew mill-kuntratt AMS.

58      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-iskeda 2016-2018 tal-ajruport ta’ Marseille Provence jirriżulta li 36 kumpannija tal-ajru, inkluża Ryanair, Air France u HOP!, joffru rotot minn u lejn dan l-ajruport, jiġifieri Germanwings, Aegean Airlines, HOP!, Air Canada, Air France, Air Algérie, Royal Air Maroc, Alitalia, British Airways, Nouvelair, Aer Lingus, Eurowings, Ryanair, Iberia, Meridiana, Air Malta, Lufthansa, El Al Israel Airlines, Mistral Air, Air Madagascar, Pegasus Airlines, XL Airways France, Tassili Airlines, Brussels Airlines, Twin Jet, TUIfly, Turkish Airlines, TAP Portugal, Air Transat, TunisAir, EasyJet, Air Austral, Volotea, Vueling Airlines, Air Corsica u Aigle Azur.

59      Barra minn hekk, mill-iskeda 2016–2018 tal-ajruport ta’ Marseille Provence jirriżulta li r-rikorrenti u HOP! ma humiex l-uniċi kumpanniji tal-ajru li jinsabu f’“kompetizzjoni diretta” ma’ Ryanair, jiġifieri li joperaw titjiriet diretti mingħajr waqfien. Fil-fatt, hija tinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ ħdax-il kumpannija tal-ajru oħra, jiġifieri Air Malta, Alitalia, British Airways, Brussels Airlines, EasyJet, Royal Air Maroc, TAP Portugal, TUIfly, Volotea u Vueling Airlines.

60      It-tieni nett, kif jirriżulta mit-tabella komparattiva tat-titjiriet tal-grupp ta’ kumpanniji tal-ajru li minnu tagħmel parti r-rikorrenti u ta’ Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Marseille Provence, fl-2016, is-sena li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors, l-imsemmi grupp, inklużi r-rikorrenti u HOP!, kien f’kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair fuq tliet rotot, jiġifieri Marseille-Brest, Marseille-Nantes u Marseille-Lille. Huwa paċifiku wkoll bejn il-partijiet li r-rikorrenti kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair fuq dawn it-tliet rotot.

61      Madankollu, ir-rikorrenti, li ma kinitx l-unika kumpannija tal-ajru f’kompetizzjoni ma’ Ryanair fuq tliet rotot, ma stabbilixxietx li, f’dak li jirrigwarda t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS, hija kienet tinsab f’sitwazzjoni li kienet tiddistingwiha mill-kompetituri l-oħra kkonċernati. B’mod partikolari, Royal Air Maroc kienet f’kompetizzjoni ma’ Ryanair għat-titjiriet lejn Marrakesh (Marokk), lejn Oujda (Marokk) u lejn Rabat (Marokk), u ma’ Vueling Airlines għat-titjiriet lejn Malaga (Spanja), Palma de Mallorca (Spanja) u Ruma (Italja). Konsegwentement, dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru tal-aħħar kienu fl-istess sitwazzjoni kompetittiva ma’ Ryanair bħar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-grupp ta’ kumpanniji tal-ajru li minnu jifformaw parti Vueling Airlines, British Airways u Iberia, kien f’kompetizzjoni diretta ma’ Ryanair fuq ħames rotot, jiġifieri ta’ Londra (Renju Unit), Madrid (Spanja), Malaga, Palma de Mallorca u Ruma, jiġiferi fuq żewġ rotot iktar minn dawk offruti mill-grupp ta’ kumpanniji tal-ajru li minnu tifforma parti r-rikorrenti.

62      It-tielet nett, fir-rigward tal-importanza ekonomika tar-rotot li fuqhom Ryanair u r-rikorrenti kienu f’kompetizzjoni diretta, mill-proċess jirriżulta li dik ta’ Marseille-Nantes kienet offruta mir-rikorrenti sa tliet darbiet kuljum. Fir-rigward tar-rotta Marseille-Brest, ir-rikorrenti limitat fl-2016 l-attivitajiet tagħha għal sitt ġimgħat f’Lulju u f’Awwissu. Issa, minbarra r-rikorrenti, Ryanair kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpanniji tal-ajru oħra fuq rotot oħra lejn bliet ikbar minn Nantes u Brest. F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ Londra, Ryanair kienet f’kompetizzjoni ma’ British Airways, li kienet toffri tliet titjiriet kuljum lejn l-ajruport ta’ London-Heathrow (Renju Unit), u ma’ EasyJet, li kienet toffri sa tliet titjiriet kuljum lejn l-ajruport ta’ London-Gatwick (Renju Unit) kif ukoll tliet titjiriet fil-ġimgħa lejn l-ajruport ta’ London-Luton (Renju Unit).

63      Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti li d-distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni u, essenzjalment, l-effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq rilevanti minħabba t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS, huma stabbiliti permezz tal-paragun tal-prezzijiet offruti minn HOP! u Ryanair għat-titjiriet mill-ajruport ta’ Marseille Provence lejn Brest u Nantes, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmi paragun tal-prezzijiet, imwettaq mir-rikorrenti fid-29 ta’ Marzu 2017, juri li l-prezzijiet offruti minn Ryanair kienu ferm irħas minn dawk offruti mir-rikorrenti u mis-sussidjarja tagħha, il-paragun tal-prezzijiet ippreżentati mill-Kummissjoni għas-27 ta’ Lulju 2017 u għall-31 ta’ Lulju 2017, juri l-kuntrarju. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-prezzijiet offruti minn Ryanair huma globalment irħas minn dawk offruti mir-rikorrenti għall-imsemmija rotot, dan ma jurix fih innifsu distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni minħabba l-livell tat-tariffi tal-ajruport stabbiliti mill-ġestjonarju tal-imsemmi ajruport u l-imsemmi kuntratt. Kif tindika l-Kummissjoni, differenza fil-prezz tista’ tkun dovuta għal fatturi oħra, bħall-ispejjeż tal-operat ogħla jew inqas ta’ kull kumpannija tal-ajru kkonċernata.

64      Il-ħames nett, it-tabella ppreżentata mir-rikorrenti, mingħajr ebda indikazzjoni ta’ sors, li turi l-evoluzzjoni tal-attività tagħha minn punt għal punt mill-ajruport ta’ Marseille Provence u turi tnaqqis ta’ iktar minn 50 % bejn l-2013 u l-2017, ma tistabbilixxix l-effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq rilevanti minħabba t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS. Qabel kollox, ir-rikorrenti ma tispeċifikax l-elementi relatati mal-attività ta’ trasport minn punt għal punt li fuqhom hija bbażata ruħha sabiex tfassal din it-tabella. Sussegwentement, kif tirrikonoxxi hija stess, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, id-data tar-rotot, li huma apparentament importanti, jiġifieri ta’ Marseille-Pariġi u ta’ Marseille-Amsterdam Fl-aħħar nett, hija ma tippreżenta l-ebda data partikolari dwar l-impatt tal-kompetizzjoni diretta tagħha ma’ Ryanair matul il-perijodu magħżul fuq it-tnaqqis tal-attività minn punt għal punt tagħha.

65      F’dan ir-rigward, peress li, f’dan il-każ is-suq rilevanti għandu struttura mhux konċentrata, ikkaratterizzata mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ operaturi, ma jistax jiġi sempliċement preżunt li t-tnaqqis fl-attività tar-rikorrenti minn punt għal punt bejn l-2013 u l-2017, kif jirriżulta mit-tabella ċċitata iktar ’il fuq, huwa dovut esklużivament għat-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS, fid-dawl tal-kompetizzjoni tagħha ma’ Ryanair fl-imsemmi suq. Huwa minnu li r-rikorrenti ma tistax tintalab turi li l-imsemmi tnaqqis huwa esklużivament dovut għall-miżuri msemmija. Madankollu, hija tal-inqas kella tipproduċi provi intiżi sabiex turi li, fid-dawl tal-kompetizzjoni diretta tagħha ma’ Ryanair fuq ir-rotot ta’ Marseille-Brest, Marseille-Nantes u Marseille-Lille, dawn il-miżuri kellhom impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’dan is-suq, li ma għamlitx.

66      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, indizji possibbli tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva fis-suq tal-kompetitur ikkonċernat jistgħu jikkonsistu fi tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli, it-tnaqqis sinjifikattiv tal-ishma ta’ suq u telf ta’ profitt li l-kompetitur għandu jistabbilixxi bħala konsegwenza tal-għoti tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 53). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippreżentax stimi preċiżi, kwantifikati u ddettaljati li jistabbilixxu li l-ishma ta’ suq allegatament meħuda minn Ryanair fis-suq rilevanti kienu r-riżultat tat-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u tal-kuntratt AMS. L-istess konstatazzjoni tapplika għall-argument tar-rikorrenti li, minħabba l-kompetizzjoni tagħha ma’ Ryanair, hija kellha twaqqaf bejn l-2013 u l-2015 ir-rotot Marseille-Ruma, Marseille-Düsseldorf u Marseille-Bordeaux. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova speċifika li tista’ tistabbilixxi li l-waqfien tar-rotot iċċitati iktar ’il fuq kien dovut għall-kompetizzjoni diretta tagħha ma’ Ryanair.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, waqt is-seduta, Aéroport Marseille Provence iddikjarat, mingħajr ma kienet ikkontradetta mir-rikorrenti, li, b’mod partikolari fir-rigward tar-rotot ta’ Marseille-Lille u ta’ Marseille-Nantes, ma kienx hemm tnaqqis fit-traffiku iżda, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti kienet żiedet in-numru ta’ passiġġieri spostati wara l-wasla ta’ Ryanair fuq dawn ir-rotot.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment tar-rikorrenti għall-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq rilevanti minħabba t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS ma huwiex issostanzjat u ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ inċidenza individwali. B’mod partikolari, għalkemm tali miżuri jistgħu jwasslu, kif issostni r-rikorrenti, għal limitazzjoni tal-attività tagħha fl-imsemmi suq, mill-kunsuderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija ma tipproduċix biżżejjed provi li jippermettu li jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik tal-operaturi l-oħra f’kompetizzjoni ma’ Ryanair f’dan is-suq, b’tali mod li hija affetwata individwalment b’mod analogu għal dik tad-destinatarju tal-imsemmija miżuri.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, anki jekk jiġi preżunt li l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-suq rilevanti hija direttament affettwata, fid-dawl tal-kompetizzjoni diretta tagħha ma’ Ryanair, mit-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS, ma ġiex stabbilit li tali effett kien sostanzjali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata individwalment mill-imsemmija miżuri fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli.

70      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

71      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssemmi l-involviment attiv tagħha fil-proċedura li fit-tmiem tagħha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija tallega li ppreżentat żewġ ilmenti suċċessivi li jikkonċernaw il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat implimentati mill-ajruport ta’ Marseille Provence li permezz tagħhom hija indikat il-konsegwenzi negattivi li l-miżuri inkwistjoni kien ser ikollhom fuq il-pożizzjoni tagħha bħala utent ta’ dan l-ajruport. Minn dan hija tikkonkludi li pparteċipat b’mod attiv ħafna fil-proċedura preċedenti għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

72      Madankollu, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi parteċipazzjoni ta’ rikorrenti għall-proċedura amministrattiva li hija għandha locus standi (digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, UOP vs Il-Kummissjoni, T‑198/09, mhux ippubblikat, EU:T:2013:105, punt 27 u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni, T‑118/13, EU:T:2016:365, punt 55) anki jekk kellha rwol importanti fil-proċedura, b’mod partikolari, billi ppreżentat l-ilment li kien l-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 94 u 95).

73      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal intervista mill-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair li fih iddikjara “sitwazzjoni kompetittiva” magħha. Issa, l-opinjonijiet personali ta’ amministratur ta’ kumpannija tal-ajru li hija benefiċjarja ta’ għajnuna ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita inċidenza sostanzjali tal-pożizzjoni tal-kompetituri tagħha fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, minn din l-intervista ma jirriżultax li l-imsemmi Kap Eżekuttiv attribwixxa lir-rikorrenti pożizzjoni kompetittiva partikolari fir-rigward ta’ Ryanair. B’mod partikolari, dan il-Kap Eżekuttiv jiddikjara li hija għandha “dejjem iktar kompetituri” u li “t-trasportaturi bħal[a], Alitalia, Lufthansa ser ikollhom isegwu [ix-xejra lejn servizzi bi prezz baxx]”. Għaldaqstant, l-istess Kap Eżekuttiv jikkunsidra lir-rikorrenti sempliċement bħala kompetitur, fost oħrajn, tal-kumpannija tal-ajru tiegħu.

74      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tipproduċi studju tas-suq li hija wettqet f’Settembru 2017. Dan l-istudju kejjel l-indiċi HHI (Indiċi Herfindahl-Hirschman) li huwa komunement ikkunsidrat bħala kejl tal-intensità tal-kompetizzjoni f’suq. Fir-rigward tal-kompetizzjoni ta’ Ryanair mar-rikorrenti, l-istudju jqis li, minħabba numru ta’ rotot komuni, it-tkabbir ta’ Ryanair jaffettwa direttament lill-grupp ta’ kumpanniji tal-ajru li minnu tifforma parti r-rikorrenti. Skont l-istess studju, fl-2016, Ryanair kienet f’kompetizzjoni mal-imsemmi grupp fuq għaxar rotot bejn bliet Franċiżi u 37 rotta bejn belt Franċiża u belt Ewropea li ma tinsabx fi Franza.

75      Madankollu, għalkemm l-istudju tas-suq inkwistjoni jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn ir-rikorrenti u Ryanair, dan ma juri bl-ebda mod li l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-suq rilevanti hija sostanzjalment affettwata mit-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS. Minn naħa, il-fatt li, skont l-imsemmi studju “ħafna drabi Ryanair ma hijiex l-unika attriċi fuq ir-rotot [li fuqhom] hija topera [u, għalhekk, li] is-sussidji mħallsa jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni” hija dikjarazzjoni ta’ natura ġenerali li ma tindividwalizzax il-pożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dik tal-kompetituri l-oħra ta’ Ryanair fuq l-imsemmi suq. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni fir-rapport, li “b’riżultat ta’ numru kbir ta’ rotot komuni, it-tkabbir ta’ Ryanair jaffettwa direttament [il-grupp ta’ kumpanniji tal-ajru li minnu jifforma parti r-rikorrenti]” jista’, ċertament, juri li r-rikorrenti huwa direttament affettwat mill-kompetizzjoni ta’ Ryanair, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi li hija sostanzjalment affettwata mill-miżuri msemmija iktar ’il fuq, fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti.

76      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140), li fiha, fl-opinjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati b’mod partikolari mill-kumpanniji tal-ajru British Airways u Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kompatibbli mas-suq intern għajnuna li kienet ingħatat lilha mill-awtoritajiet Franċiżi.

77      Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140), il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżaminat espliċitament l-ammissibbiltà tar-rikors, li, barra minn hekk, ma kinitx ġiet invokata mill-Kummissjoni, annullat id-deċiżjoni li kontra tagħha kien ġie ppreżentat ir-rikors fil-kawża li ta lok għal dik is-sentenza. Din kienet tikkonċerna l-validità ta’ miżura tar-rikorrenti ta’ żieda fil-kapital b’diversi biljuni ta’ franki Franċiżi, flimkien ma’ proġett ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-kumpannija tal-ajru, bil-għan li terġa’ ssir vijabbli ekonomikament u finanzjarjament.

78      Madankollu, din il-kawża tirrigwarda t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għall-imsemmi terminal u l-kuntratt AMS. Għalhekk, hija differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140), kemm fir-rigward tas-suġġetti rispettivi tal-miżuri kkontestati kif ukoll fir-rigward tal-portata tagħhom. Fil-fatt, din is-sentenza tikkonċerna b’mod ġenerali l-injezzjoni ta’ somma kbira ħafna fil-kapital ta’ kumpannija tal-ajru sabiex tiġi żgurata b’mod ġenerali l-vijabbiltà tagħha fis-settur tat-trasport bl-ajru, filwaqt li din il-kawża preżenti tirrigwarda esklużivament l-attività ta’ kumpanniji tal-ajru kompetituri f’ajruport speċifiku. Konsegwentement, il-fatt li l-ammissibbiltà kienet aċċettata b’mod impliċitu fir-rigward tal-għajnuna strutturali fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, li tmur lura għall-1998, ma jipprekludix evalwazzjoni differenti tal-inċidenza sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-suq rilevanti minħabba t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS.

79      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fil-każ li dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tkun qed tapplika standard differenti ta’ ammissibbiltà fiż-żewġ każijiet, li jkun jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

80      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiġu miċħuda minħabba l-interpretazzjoni li jagħmel ir-rikorrent tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-qasam li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, ġie deċiż li persuna, li m hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, l-interessi tagħha ma humiex affettwati mill-miżura Statali li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punti 64 u 65). Issa, mill-elementi indikati iktar ’il fuq jirriżulta li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija nieqsa f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni. Fid-dawl tal-fatt li din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140), ma jirrigwardawx miżuri ta’ natura identika jew simili, ir-rikorrenti ma tistax issostni li ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli tkun tikser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet individwalizzata fil-konfront tal-kompetituri l-oħra ta’ Ryanair fis-suq rilevanti kemm f’dak li jirrigwarda t-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier li huma speċifiċi għat-terminal mp2 kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kuntratt AMS.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

84      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, l-intervenjenti li intervenew insostenn tal-Kummissjoni, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Société Air France għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ryanair DAC u Airport Marketing Services Limited kif ukoll Aéroport Marseille Provence SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Berardis

Papasavvas

Spielmann

Csehi

 

      Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-sussidju għall-investiment

Fuq it-tariffi tal-imposti għal kull passiġġier speċifiċi għat-terminal mp2 u l-kuntratt AMS

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.